L-Università ta' Malta

Is-Seminar tal-M.A. 2017
UOM Main Page
 
 
 
Applika
Newspoint

‘Ir-Riċerka Tiegħi fl-MA’ huwa seminar li jlaqqagħna ma’ studenti li jkunu qed jaħdmu fuq teżi tal-MA jew li jkunu għadhom kemm lestewha. L-għanijiet ewlenija tas-seminar huma li nsiru nafu aktar dwar ir-riċerka li għaddejja bħalissa fil-qasam tal-Malti, u fl-istess ħin l-istudenti jidraw jirċievu kritika kostruttiva li ssirilhom fuq xogħolhom. Dawk li jattendu din l-attività jsiru jafu x’riċerka għaddejja bħalissa fil-Malti, fl-oqsma tal-letteratura u l-lingwistika filwaqt li l-istudenti li għadhom qed jistudjaw għall-ewwel grad jitgħallmu x’jinvolvi l-proċess tal-kitba tat-teżi f’dan il-livell. 
Din is-sena s-seminar se jsir il-Ħamis 27 ta’ April fl-ICT Auditorium mill-11.00am sa 12.00pm. 
Il-kelliema u s-suġġetti magħżula se jkunu:

Marita Cassar - Xejriet tal-Proża bil-Malti ta’ Dun Karm. 
Għalkemm Dun Karm huwa magħruf l-aktar bħala poeta, huwa esprima ruħu wkoll fil-forma tal-proża. Ix-xogħol letterarju tiegħu jinkludi kemm il-poeżija, bil-Malti u bit-Taljan, u kemm il-proża li hi wkoll bil-
Malti u bit-Taljan li parti minnha hi miktuba bl-iskop letterarju u parti oħra bi skop komunikattiv biss. Madankollu fiż-żewġ tipi ta’ proża hemm dejjem ħassieb ċar u kittieb mirqum li  jħaddem  il-kelma  bir-reqqa.

Minkejja li huwa sab xorti kbira fil-qasam tal-kritika, kemm matul ħajtu, kif ukoll wisq aktar wara mewtu, il-proża tiegħu bil-Malti baqgħet ma nġabritx. Fl-isfond tal-ġabriet li saru sa issa, jiġifieri tal-poeżiji bil-Malti u bit-Taljan, kif ukoll ta’ parti kbira mill-ittri, kien jonqos li tinġabar il-proża tiegħu, fost l-oħrajn bil-Malti. Din id-deċiżjoni ttieħdet qabelxejn bil-għan li jkun komplut il-kwadru kollu tal-kitba ta’ awtur li d-dedikazzjoni tiegħu għall-kelma miktuba hija mifruxa tul ħajtu kollha, jiġifieri minn madwar is-snin għoxrin tas-seklu 19 sal-bidu tas-sittinijiet tas-seklu 20. 

Il-ġbir tal-proża bil-Malti kellu jinvolvi tiftix f'għadd ta' oqsma differenti. Quddiem din il-ġabra ta' xogħlijiet, kien meħtieġ li dawn jitqiegħdu f'xi forma ta' ordni li tirrifletti l-għażliet tal-awtur. Wara li dawn ġew ikklassifikati, setgħu jingħażlu l-kapitli li fuqhom kellha tinbena din it-teżi. L-analiżi ta' wħud mill-aktar testi essenzjali f'kull kapitlu tixħet dawl fuq ix-xebh li hemm bejn it-temi ewlenin tiegħu bħala awtur, kemm tal-poeżija u kif ukoll tal-proża. 

Dwayne Ellul -  Il-kompilazzjoni ta’ teżawru tematiku Malti dwar in-natura tal-bniedem u r-relazzjonijiet soċjali tiegħu
Fl-ewwel parti tat-teżi tingħata ħarsa lejn il-letteratura ta’ xeħta metalessikografika li tirrigwarda jew kunċetti lessikografiċi jew kritika ta’ xogħlijiet lessikografiċi eżistenti. B’mod partikolari tingħata ħarsa lejn letteratura li tanalizza l-preġji u d-difetti taż-żewġ fergħat ewlenin ta’ xogħlijiet lessikografiċi: dawk imsawra f’ordni alfabetika u dawk mibnija tematikament. Imbagħad, abbażi tal-letteratura, jiġu identifikati sett ta kriterji li fuqhom jista’ jiġi evalwat xogħol lessikografiku, u minn hemm tingħata ħarsa kritika lejn xogħlijiet lokali ewlenin kemm ta’ manuskritt, kif ukoll oħrajn mitbugħa u online.
Madankollu, il-qofol tat-teżi huwa l-kompilazzjoni ta’ teżawru tematiku li jiġbor firxa komprensiva ta’ vokabolarju marbut ma’ numru limitat ta’ temi, sitta b’kollox: 1. il-familja u l-ħbieb; 2. il-ġisem u l-kura tiegħu; 3. id-deskrizzjoni fiżika; 4. id-deskrizzjoni karatterjali; 5. is-sentimenti u l-emozzjonijiet; u 6. il-fażijiet fil-ħajja. Kull tema hija mqassma f’sottotemi. Kull headword tidher użata f’kuntest b’eżempju li jokkorri fl-MLRS, kif ukoll, kif inhu mistenni minn kull teżawru, hija segwita minn għadd ta’ sinonimi li jistgħu jintużaw f’kuntesti differenti dejjem marbutin mat-tema rispettiva.

Dan is-seminar huwa organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università, bl-għajnuna tal-Għaqda tal-Malti (Università) u Sinteżi.

Poster tal-attivita' 

Avviżi
Il-Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti
Jerġa' jiftaħ fi Frar 2018
Diploma fil-Letteratura Maltija
Il-kors jiftaħ f'Ottubru 2016
Basic Medical Maltese for the Healthcare Professions 2
This course is aimed at persons employed in the healthcare profession.
Basic Medical Maltese for the Healthcare Professions 1
For applicants employed in the healthcare profession
Medical Maltese Proficiency Certificate
For applicants with overseas qualifications
300 sena mit-twelid ta' de Soldanis
Intervisti u ktejjeb għall-istudenti
Midalja tad-Deheb għall-Prof. Oliver Friggieri
Oliver Friggieri onorat b'midalja tad-Deheb mill-Akkademja tal-Malti
Il-Kantilena
Sensiela ta' intervisti
 
 
Aġġornata l-aħħar: 6/4/2017

Log In Dħul
University of Malta
L-Università ta' Malta