L-Università ta' Malta

Ritmi Mqallba
UOM Main Page
 
 
 
News and Events Button

Dan il-kors tad-DegreePlus jiffoka fuq il-mekkaniżmi ewlenin li teħtieġ il-poeżija biex tirnexxi u tqanqal lill-udjenza tagħha. Jiffoka wkoll fuq l-opportunitajiet u l-isfidi kreattivi li toffri din it-tip ta' kitba.

It-tmien sessjonijiet se jitmexxew minn uħud mill-esponenti ewlenin tal-poeżija l-ġdida, poeti li għandhom esperjenza vasta tal-pubblikazzjoni u l-qari f'avvenimenti ewlenin f'Malta u barra minn Malta. Dawn huma Immanuel Mifsud, Antoine Cassar, Simone Inguanez, Adrian Grima, Claudia Gauci, Caldon Mercieca, u Walid Nabhan.

Fil-kors se tagħti sessjoni wkoll Jasmine Donahaye, poetessa u akkademika ewlenija minn Wales li tgħallem il-kitba kreattiva part-time fl-Università ta' Swansea. Dr Donahaye se tkun Malta fuq stedina ta' Inizjamed u Literature Across Frontiers.

Il-kors jinsisti fuq il-ħtieġa li dawk li jiktbu l-poeżija jinvestu l-ħin u l-enerġija kreattiva tagħhom mhux biss f'kitba li tfittex l-aħjar espressjoni possibbli, imma qabelxejn fil-qari tal-poeżija, inkluża l-poeżija Maltija u barranija li qed tinkiteb illum. Kull sessjoni ta' sagħtejn tinqasam bejn siegħa ta' struzzjoni u riferiment għal poeżiji ewlenin, u siegħa ta' kitba prattika li tesperimenta b'mekkaniżmi u strateġiji differenti.

Fost it-temi li se jittratta l-kors hemm l-għażla bejn il-poeżija lirika u narrattiva u bejn il-forom tradizzjonali u ħielsa; se jkun esplorat ukoll ir-rwol fundamentali tar-ritmu u tal-avventura figurattiva li ħafna drabi tfittex il-poeżija.

Il-kors se jħeġġeġ lill-parteċipanti biex jesperimentaw b'temi mhux tas-soltu, temi attwali li spiss ma jingħatawx l-attenzjoni li jistħoqqilhom, u għalhekk joffru ħafna opportunitajiet interessanti lill-poeti l-ġodda.

 

Fil-qosor

Kors tad-DegreePlus minn Frar sa Mejju 2012

Dan il-kors fuq il-kitba tal-poeżija hu miftuħ għall-istudenti kollha tal-Università u jibda l-Erbgħa, 29 ta' Frar 2012, f'12pm. Ikun hemm sessjoni waħda ta' sagħtejn kull nhar t'Erbgħa.

Fl-aħħar tal-kors, li jitniżżel fit-transcript finali, jingħata wkoll ċertifikat lill-istudenti kollha li jattendu.

Żuru dan is-sit għal tagħrif ieħor.

Avviżi
Id-Diġitalizzazzjoni tat-Teżini
Għall-istudenti tat-tielet sena tal-B.A.(Unuri).
Is-Sinottiċi

Preżentazzjonijiet

Il-Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti
Jerġa' jiftaħ fi Frar 2013
Ritmi Mqallba
Kors prattiku intensiv fil-kitba tal-poeżij​a
Il-Konferenza Dun Karm
Ktejjeb għall-bejgħ
Il-Kantilena
Sensiela ta' intervisti
Journal of Maltese Studies
Ħareġ il-Journal of Maltese Studies 27.
 
 
Aġġornata l-aħħar: 24/1/2012

Log In Dħul
University of Malta
L-Università ta' Malta