L-Università ta' Malta
 

Aħbarijiet 2010
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

Programmi dwar il-Lingwa Ċiniża

Programmi dwar il-lingwa Ċiniża fuq it-Televixin

L-Istitut Konfuċju fl-Università ta’ Malta se jibda jxandar, fuq Education Channel 22, żewġ programmi prattiċi dwar il-lingwa Ċiniża, li huma ‘Learn Chinese’ (Itgħallem iċ-Ċiniż) għal studenti, professjonisti jew turisti li huma interessati jiksbu l-bażi tal-lingwa Ċiniża. Dawn il-programmi se jibdew f’Jannar 2011. Il-programmi 1 u 2 ta’ 'Learn Chinese' huma ppreżentati bħala serje televiżiva lingwistika interessanti, dinamika u vivaċi ta’ 13-il episodju u se jintwerew f’żewġ programmi separati.

L-istudenti se jkollhom il-benefiċċju ta’ tagħlim b’mod viżiv u bis-smigħ, kif ukoll japprezzaw is-sistema moderna Ċiniża pinyin. It-telespettaturi ta’ dawn il-programmi televiżivi se jtejbu l-edukazzjoni tagħhom fl-istorja u l-kultura Ċiniża, u jsiru jafu sew il-mod kif jgħixu ċ-Ċiniżi, l-aktar fil-belt ta’ Beijing.

Skeda – 'Learn Chinese'
Programm Nru 1 – Jixxandar kull nhar t’Erbgħa fis-1.30 ta’ wara nofsinhar mill-5 ta’ Jannar 2011.
Programm Nru 2 – Jixxandar kull nhar ta’ Ħadd fis-1.00 ta’ wara nofsinhar mid-9 ta’ Jannar 2011.

Għall-aktar tagħrif dwar l-Istitut Konfuċju fl-Università ta’ Malta kklikkja hawn.

 


 

Premju Dr Michael Aquilina

L-Istitut tal-Edukazzjoni Fiżika u Sport (IPES) fl-Universita’ ta’ Malta

Waqt l-ewwel konferenza mnedija mill-Istitut tal-Edukazzjoni Fiżika u Sport dwar ‘Ir-Rwol tal-Attivita’ Fiżika u Sport fis-Soċjeta’’ li ġiet organizzata dan l-aħħar fil-lukanda Radisson Blu f’San Ġiljan, il-Premju Dr Michael Aquilina, li jingħata għall-eċċellenza akkademika, ġie mogħti mill-E.T. l-Amb. Comm. Dr George Buttigieg mill-Istitut Malti tal-iStudji Kulturali (MIOCS) lis-Sinjorina Lisa Camenzuli bħala rikonoxximent għal kisbiet eċċellenti tagħha matul il-kors tal-B.Ed. (Edukazzjoni Fiżika.

Fil-kelmtejn li għamel għall-okkażżjoni, Dr Buttigieg enfasizza l-importanza tal-eċċellenza akkademika u huwa proprju għal din ir-raġuni li l-MIOCS għen fl-għoti ta’ dan il-premju u li se jkompli jaħdem biex jiġbor u jxerred għarfien dwar it-tradizzjoni u l-istorja f’Malta u ‘l hinn minhekk. Is-Sinjura Marlene Aquilina li tiġi mart Dr Aquilina kif ukoll ibnu Vittorio u bintu Tiziana attendew għal din il-premjazzjoni.

 


 

2020 Vision or Optical Illusion?

Fl-okkażjoni ta' Jum il-Fondazzjoni 2010, l-Università ta' Malta ppubblikat rapport miktub mir-Rettur, il-Professur Juanito Camilleri, bit-titlu '2020 Vision or Optical Illusion?'. Dan ir-rapport, li jista' jkun l-bażi li fuqha jissawwar dibattitu pubbliku matur, jixħet dawl fuq il-kisbiet li għamlet l-Università f'dawn l-aħħar ħames snin, u jipproġetta l-viżjoni tal-awtur għall-Università fil-kuntest ta' deċiżjonijiet strategiċi li jistgħu jiġu meħuda biex isawru l-kontribuzzjoni tal-Università għat-tisħiħ soċjo-ekonomiku ta' Malta.

Biex taċċessa r-rapport, ikklikkja hawnPDF

 


 

Stabbilità ikbar fil-Kitba tal-Malti

49 qarrej tal-provi ġdid

Nhar it-Tnejn, 8 ta’ Novembru fl-Università l-Qadima, il-Belt, saret iċ-ċerimonja tal-għoti taċ-ċertifikati lir-raba’ grupp ta’ qarrejja tal-provi. Dawn temmew b’suċċess il-kors universitarju li jwassal għal Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università bl-appoġġ tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

L-għan ta’ dan il-kors ta’ sena huwa li tikber l-istabbilità tal-kitba tal-Malti billi jiżdiedu l-qarrejja tal-provi kkwalifikati. Dan hu meħtieġ illum billi l-Malti qed jintuża dejjem aktar fil-pubblikazzjonijiet, fit-traduzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, u f’diversi oqsma oħra tal-ħajja ta’ kuljum.

Il-kors fetaħ l-ewwel darba ħames snin ilu u qed ikollu konkorrenza tajba ħafna, tant li l-ammont ta’ qarrejja tal-provi biċ-ċertifikat diġà laħaq il-144. Il-kors huwa serju u rigoruż għax min jikseb iċ-ċertifikat irid jagħti garanzija ta’ livell professjonali fil-kitba bil-Malti.

Fis-serata tal-għoti taċ-ċertifikati tkellem is-Sur Carmel Azzopardi, President tal-Akkademja tal-Malti, u semma l-fatt li l-Malti mitkellem huwa b’saħħtu imma l-Malti miktub għadu dgħajjef għax bosta kelliema jibżgħu li jiżbaljaw fil-kitba tagħhom u għalhekk jinqdew b’lingwa oħra. Wasal iż-żmien li tingħata spinta lill-Malti miktub anke fl-ogħla livelli tal-komunikazzjoni. Marica Abdilla – waħda mill-qarrejja tal-provi l-ġodda – qasmet mal-udjenza l-esperjenza tagħha fil-grupp matul il-kors. Intweriet ukoll preżentazzjoni fuq l-għanijiet u r-riżultati tal-kors.

Is-serata, mmexxija mis-Sur Mario Vassallo, kienet imżewqa wkoll b’interventi mużikali mill-kantanta Doreen Galea u binha Mro Dominic Galea, kompożitur tas-CD Lil Ommi. Iċ-ċertifikati kienu ppreżentati mir-Rettur tal-Università, il-Prof. Juanito Camilleri, u minn Dr George Farrugia, is-Segretarju tal-Kunsill tal-Malti. Is-Sa Veronica Grech, Reġistratur tal-Università, ukoll attendiet għal din iċ-ċerimonja. Wara kien hemm riċeviment.

Fi Frar li ġej se jiftaħ is-sitt kors. Min jixtieq kopja tal-katalgu tal-kors jista’ jibgħat email jew jikklikkja hawn. Il-lezzjonijiet isiru nhar ta’ Tnejn u Ħamis, mill-5:30pm sat-8:30pm.

Certificate in Proof Reading Maltese 2010 Group

 


 

Programmi ta’ Skambju

2011-12: L-Awstralja, Il-Kanada, Iċ-Ċina, Il-Ġappun u l-Istati Uniti

Student ExchangesStudenti rreġistrati full-time mal-Università ta’ Malta għandhom l-opportunità jipparteċipaw fi programmi ta’ skambju internazzjonali u jistudjaw għal simestru jew għal sena akkademika f’universitajiet fl-Awstralja, fil-Kanada, fiċ-Ċina, fil-Ġappun u fl-Istati Uniti.  Il-lista tal-istituzzjonijiet li jagħmlu parti minn dan il-programm ta’ skambju tinsab hawn.

L-istudenti li jipparteċipaw f’dawn il-programmi ta’ skambju jkunu eżentati milli jħallsu l-miżati għat-tagħlim fl-istituzzjoni li qed tospita u jingħataw ukoll fondi ta’ sostenn qabel ma jitilqu.
Il-formola tal-applikazzjoni tista’ titniżżel minn  here.

L-applikazzjonijiet għandhom jaslu l-International & EU Office, Room 107, Administration Building, l-Università ta’ Malta, mhux iktar tard minn nofsinhar tal-Ġimgħa 26 ta’ Novembru 2010. L-istudenti għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet jinkludu rekords akkademiċi flimkien mal-awtorizzazzjoni tad-Dekan.  

Aktar tagħrif jista' jinkiseb mingħand:
Marlene Debono
International & EU Office
L-Università ta’ Malta
Il-Kampus tal-Imsida
Tel: +356 2340 2370
Email

 


 

Għodda Ġdida għat-Taħriġ Elettroniku

Għodda ta’ Taħriġ fuq l-Internet għall-Kreattività u t-Tmexxija

Għodda ġdida għal taħriġ elettroniku (e-training) li jibbaża fuq ħiliet relatati ma’ tmexxija u kreattività tista’ tinsab fuq www.fepic.eu. Dan huwa r-riżultat ta’ ’l fuq minn sentejn kollaborazzjoni bejn għoxrin organizzazzjoni ewropea li jinkludu lill-Università ta’ Malta.  Il-proġett FEPIC – ‘Inġiniera Nisa Jippromwovu l-Innovazzjoni fil-Kumpaniji’ (Female Engineers pushing Innovation in Companies - FEPIC) kien iffinanzjat parzjalment mill-Programm għal Tagħlim Tul il-Ħajja tal-Kummissjoni Ewropea (Edukazzjoni u Kultura DG). 

Tlieta u sittin studenta tal-inġinerija u tal-ICT minn seba’ pajjiżi li jinkludu lil Malta kienu involuti b’mod attiv f’dan il-proġett. Huma intervistaw numru ta’ inġiniera nisa li għamlu suċċess fil-pajjiż rispettiv tagħhom biex jitgħallmu dwar mudelli ta’ tmexxija differenti u d-diffikultajiet li mexxejja ltaqgħu magħhom fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.  L-istudenti attendew workshop intensiv ta’ ħamest ijiem fl-Università ta’ Bologna f’April 2009 fejn kellhom l-opportunità li jmexxu ’l quddiem l-iżvilupp professjonali tagħhom u joħolqu netwerks internazzjonali bejniethom.

Malta kienet irrappreżentata mill-Istitut Edward de Bono tal-Università ta’ Malta u mill-Kamra tal-Inġiniera. Dr Sandra Dingli mill-Università ta’ Malta qalet, ‘Kienet esperjenza qawwija ħafna li tara l-motivazzjoni tal-istudenti u tarahom jiżviluppaw il-fiduċja fihom infushom, il-ħiliet tat-taħdit pubbliku u l-ħiliet ta’ tmexxija tagħhom matul is-sentejn li għaddew’.

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-proġett huwa li jagħti l-poter (empowerment), kif qalet il-Professur Miretta Giacometti mill-Università ta’ Bologna, l-università koordinatriċi: ‘L-iskop ġenerali tal-proġett hu li negħlbu dawk l-ostakli li jwaqqfu lin-nisa milli jiksbu pożizzjonijiet għolja, billi nagħtu poter lil dawk l-inġiniera nisa li għandhom potenzjal għoli.’

L-għodda ta’ taħriġ fuq l-internet għall-kreattività u l-ħiliet ta’ tmexxija hija r-riżultat ta’ numru kbir ta’ laqgħat, riċerka, focus groups, intervisti u fora. Ir-riżultat aħħari jinvolvi vjaġġ minn ‘gżira’ għal oħra billi kull suġġett li l-għodda ta’ taħriġ tittratta huwa kkunsidrat bħala ‘gżira’ immaġinarja fejn min qiegħed iħares jesplora s-suġġetti varji.  It-tlettax-il gżira jinkludu t-Tmexxija, il-Kreattività, il-Komunikazzjoni, in-Networking u t-Teħid ta’ Deċiżjonijiet.

Il-grafika hija sempliċi u effettiva u fuq kull gżira hemm kwiżż qasir u biblijografija.  Dawk li jirreġistraw ruħhom fuq is-sit u jtemmu l-għodda tat-taħriġ ikunu eliġibbli għal ċertifikat virtwali.

Ir-riżultat ta’ dan il-proġett huwa eżempju eċċellenti ta’ kollaborazzjoni Ewropea fuq numru ta’ livelli: il-parteċipanti kienu jinkludu studenti nisa, staff akkademiku tal-università, mexxejja professjonali u korpi professjonali – din hija xhieda ċara tal-mod li bih akkademiċi jilħqu mhux biss lill-istudenti imma wkoll nies fl-industrija u assoċjazzjonijiet professjonali.

FEPIC Participants
Students and Researchers involved in FEPIC

Contact Details:
The Edward de Bono Institute, University of Malta
Dr Sandra M. Dingli
Director/ Senior Lecturer
Email
and
Ms Shirley Pulis Xerxen, Lecturer
Email
Tel: +356 2340 3356

 


 

It-Traduzzjoni tal-Liġi Ewropea

Tnedija tal-ktieb  'It-Traduzzjoni tal-Liġi Ewropea'
ta’ Dr Peter Agius
2 ta’ Novembru fil-5 u nofs f'Dar l-Ewropa


Id-Dipartiment għall-Istudju fit-Traduzzjoni u fl-Interpretazzjoni tal-Univeristà ta' Malta nieda l-ktieb 'It-Traduzzjoni tal-Liġi Ewropea', ta' Dr Peter John Agius. L-awtur huwa Amministratur Anzjan fis-Segretarjat Generali tal-Kunsill tal-Unjoni Europea. Il-
Viċi Prim Ministru, l-On. Dr Tonio Borg għamel d-diskors tal-introduzzjoni, waqt li tkellmu ukoll, il-Prof. Joseph Eynaud, Kap tad-Dipartiment għall-Istudju fit-Traduzzjoni u fl-Interpretazzjoni, u l-awtur Dr Peter John Agius.

Il-Viċi Prim Ministru Dr Tonio Borg qal li Dun Karm kien ikun tant kburi llum bil-Malti lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. 'Il-Malti bħala lingwa uffiċjali jassigura preżenza tal-Maltin fl-istituzzjonijiet,' qal l-On. Borg. Huwa semma l-eżempju ta' Ċipru li m’ għandux uffiċjali fil-Kunsill, bil-kontra ta' Malta li għanda 45 uffiċjali fil-Kunsill. Id- differenza hi li Ċipru juża l-Grieg li diġa kien lingwa uffiċjali qabel l-adeżjoni ta' Ċipru.

Il-Viċi Prim Ministru qal li l-gvern Malti se jkompli jappoġġa l-ilsien Malti. Huwa ħabbar ukoll inizjattiva tal-gvern sabiex joħloq istitut kulturali Malti fejn jiġu kkonċentrati l-finanzjamenti u l-isforzi ta’ diversi ministeri f’ġieħ il-promozzjoni tal-kultura u l-lingwa Maltita, anke barra minn Malta. Tonio Borg irringrazzja u kkumplimenta lill-awtur għall-inizjattiva u l-pubblikazzjoni tal-ktieb li qal li se jkun għodda tajba għal dawk kollha interessati fis-settur.
 
Il-Professur Joseph Eynaud, Kap tad-Dipartiment għall-Istudju fit-Traduzzjoni u fl-Interpretazzjoni  tal-Univerista' ta' Malta  ta ħarsa lejn in-numru ta' tradutturi u interpreti li diġa’ produċiet l-Universita ta' Malta, waqt li semma l-isforzi meħtieġa biex tinbena l-professjoni f'dan il-qasam. Eynaud qal ukoll li bl-istatus ta' lingwa uffiċjali l-istess studji tal-Malti ħadu spinta kbira ‘l quddiem.
 
L-awtur Dr Peter Agius semma kif żball tat-traduzzjoni f'test fil-verżjoni Daniża ta’ direttiva Ewropea sewa 38,000 ewro kuljum f' danni lil razzett tat-tiġieġ, u enfasizza l-importanza tat-traduzzjoni korretta tal-liġijiet tal-Unjoni, għax dawn japplikaw direttament fuq iċ-ċittadin. Agius qal li l-ktieb għandu jkun ta' referenza utli għal dawk kollha fis-settur għax jipprovdi numru ta' linji gwida li jistgħu jtejbu x-xogħol tat-traduzzjoni u li jistgħu jispjegaw aħjar il-kuntest legali u politiku tal-Unjoni. Minbarra dan, il-ktieb ser ikun referenza importanti għal dawk kollha li jixtiequ jidħlu fis-settur jew li jixtiequ jidħlu fl-istituzzjonijiet, għax il-ktieb jelabora fid-dettall ukoll il-proċeduri tal-eżamijiet biex wieħed jidħol bħala traduttur permanenti fl-istituzzjonijiet.

The Hon. Dr Tonio Borg presides over the launch

Il-Viċi Prim Ministru, l-On. Dr Tonio Borg għamel d-diskors tal-introduzzjoni, waqt li tkellmu ukoll, il-Prof. Joseph Eynaud, Kap tad-Dipartiment għall-Istudju fit-Traduzzjoni u fl-Interpretazzjoni, u l-awtur Dr Peter John Agius.

Click here to see the more photos.

 


 

L-Iskeda tal-Ħarifa ta' CampusFM

Ikklikkja hawn għad-dettalji dwar l-iskeda.

CampusFM Autumn Schedule

 


 

L-Għotja tal-Borża ta’ Studju tal-IOI

L-Għotja tal-Borża ta’ Studju tal-IOI
Elisabeth Mann Borgese 2010
 
Is-Alicia Said ingħatat il-Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borgese (EMB Bursary) tal-International Ocean Institute (IOI), li tikkonsisti f’somma ta’ US$ 5,000 li se tintuża biex tkompli l-istudji tagħha ta’ riċerka fuq perjodu ta’ sena.

Ms Said, li hija ġeografa, se tkun qed tuża din il-borża ta’ studju biex tinvestiga l-applikazzjoni ta’ żoni protetti tal-baħar (Marine Protected Areas) f’Malta, b’enfażi speċjali fuq iż-żona tal-baħar taċ-Ċirkewwa. Alicia qalet li dan ir-reġjun mal-kosta huwa popolari mal-għaddasa u fi bżonn urġenti ta’ protezzjoni jekk għandu jkun miżmum b’mod xieraq.  Hija żiedet tgħid, 'iż-żoni mal-kosta ta’ Malta huma esposti għal livelli għoljin ta’ attività umana u għalhekk jeħtieġu protezzjoni permezz ta’ strutturi effettivi għas-sostenibbiltà.  Dan l-istudju se jippreżenta l-filosofija tal-IOI tal-'wirt komuni tal-umanità', u jispjega l-applikazzjoni possibbli tagħha bħala prinċipju qawwi li jinkoraġġixxi mod olistiku l-protezzjoni tal-wirt naturali tal-baħar tagħna.'

Il-Borża ta’ Studju EMB hija ffinanzjata permezz tal-Programm tal-IOI, Women, Youth and the Sea.  Din kienet twaqqfet bħala mezz biex jintwera rikonoxximent lill-pajjiż li jospita lill-IOI – Malta – talli jilqa’ l-Kwartieri Ġenerali tal-IOI u jipprovdi l-faċilitajiet għall-istaff u l-uffiċċji.  Il-Borża ta’ Studju tikkostitwixxi wkoll għarfien u apprezzament ieħor għall-irwol tal-Prof. E Mann Borgese, fundatriċi tal-IOI, u tal-kisbiet konsiderevoli tagħha.

Preżenti għaċ-Ċerimonja tal-Għoti tal-Premju li saret fil-15 ta’ Ottubru, kien hemm Dr Cherdsak Virapat, Direttur Eżekuttiv tal-IOI; il-Prof. Salvino Busuttil, Rappreżentant tal-Pajjiż li Jospita, fuq il-Bord Governattiv tal-IOI; il-Prof. Alfred Vella, Pro Rettur tal-Università ta’ Malta u Ms Antonella Vassallo, l-Uffiċjal tal-Programm fl-IOI, responsabbli mill-Borża ta’ Studju EMB.

Matul is-snin, l-Università ta’ Malta tat ħafna importanza lill-kwistjonijiet li jikkonċernaw lill-baħar.  Xogħol akkademiku jinkludi l-oqsma ta’ tmexxija, il-liġi u x-xjenza kif ukoll is-sostenibbiltà u l-edukazzjoni.

Għal aktar informazzjoni dwar l-IOI u l-programmi tagħha tista’ tibgħat email, jew iċċempel fuq +356 21 346528 inkella tara s-sit elettroniku.

Award of the IOI Elisabeth Mann Borgese Bursary, 2010

mix-xellug lil Dr Virapat, il-Prof. Vella, is-Sa Said, il-Prof. Busuttil u s-Sa Vassallo fl-uffiċċju IOI fil-kwartieri ġenerali, il-kampus tal-Universita’. Fuq wara jidher i-ritratt ta’ Elisabeth Mann Borgese.

Elisabeth Mann Borgese (24 t’April, 1918 – 8 ta’ Frar, 2002), waqqfet l-IOI fl-1972 bħala organizzazzjoni internazzjonali ibbażata fuq l-għerf, mhux governattiva u ma taħdimx għall-profitt li hija ddedikata għall-iżvilupp sostenibbli tal-oċeani u l-IOI jaħdem biex iwettaq u jespandi l-prinċipji miġbura fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar għall-benefiċċju tal-umanità kollha, b’konsiderazzjoni partikulari għall-foqra.  Il-missjoni tal-International Ocean Institute hija li jippromwovi edukazzjoni, taħriġ u riċerka biex itejjeb l-użu paċifiku tal-ispazju tal-oċean u r-riżorsi tiegħu, l-immaniġġjar u r-regolamentazzjoni tagħhom kif ukoll il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar, immexxija mill-prinċipju tal-Wirt Komuni tal-Umanità.

Malta hija l-pajjiż li jospita l-Kwartieri Ġenerali tal-International Ocean Institute.  Bħala stat gżira fiċ-ċentru tal-Baħar Mediterran hija għandha storja twila ta’ dipendenza fuq il-baħar kif ukoll tradizzjoni qawwija ta’ xogħol marittimu, tas-sajd u tat-tbaħħir.  Is-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea tobbligaha li żżomm mal-politiki marittimi u tas-sajd kif ukoll ma’ konvenzjonijiet u regolamenti li għandhom skop globali.

 


 

Kors Universitarju fil-Bijoloġija Prattika

Field BiologyKull sena għal dawn l-aħħar seba’ snin, id-Dipartiment tal-Bijoloġija fi ħdan il-Fakultà tax-Xjenza tal-Università ta’ Malta mexxa taqsima-studju fil-bijoloġija prattika, għall-istudenti fit-tielet sena tagħhom għall-Baċellerat tax-Xjenza (bl-Unuri) fil-Kimika u l-Bijoloġija.

Dan il-kors intensiv, li jsir fuq perjodu ta’ sitt ġranet konsekuttivi, jinkorpora riċerka fuq il-post, lekċers u sessjonijiet fil-laboratorju, u għandu l-għan li jħarreġ lill-istudenti fil-ġbir ta’ dejta bijoloġika fuq il-post u wara l-analiżi tagħha, u fl-identifikazzjoni tal-flora, fawna u l-ħabitats mal-kosta u tal-baħar.  Matul is-sessjonijiet fuq il-post, l-istudenti jiġu mħarrġa fit-tekniki bażiċi ta’ ġbir ta’ kampjuni bijoloġiċi u ta’ ġbir ta’ dejta, inklużi l-għażla ta’  kampjuni bil-kwadrat u bit-transversali għall-“mapping” ta’ bijoti, speċi u ħabitats, il-ġbir ta’ sediment u ilma, u l-kejl ta’ fatturi ambjentali.

Il-kors ta’ din is-sena, li sar bejn is-16 u l-24 ta’ Settembru, attendew għalih 32 student.  Field BiologyL-ewwel edizzjoni tal-kors, li kien sar fl-2004, kien mgħejjun b’mod ġeneruż mill-UNESCO permezz tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-UNESCO – bħala parti mill-Programm ta’ Parteċipazzjoni tagħha għall-2002-2003, il-UNESCO pprovdiet fondi għal proġett bl-isem: 'Setting up a practical marine biology course as a pilot project within the University of Malta' ('It-Twaqqif ta’ kors prattiku fil-bijoloġija tal-baħar bħala proġett pilota fi ħdan l-Università ta’ Malta') li għamlitha possibbli għad-Dipartiment tal-Bijoloġija li jikseb it-tagħmir bażiku u materjal ieħor biex isir dan il-kors.

Diversi lekċerers u Professuri, Għalliema u Uffiċjali tal-Laboratorju mid-Dipartiment tal-Bijoloġija jagħtu sehem biex isir dan il-kors, li għalkemm primarjament huwa mmirat lejn studenti tal-bijoloġija sal-ewwel grad, jistgħu jagħmluh għall-ġid tagħhom individwi minn barra l-Università, inklużi staff professjonali li jaħdem fuq aspetti ta’ sondaġġi bijoloġiċi u l-ambjent.  Aktar informazzjoni dwar il-kors tista’ tinkiseb mill-Koordinatur tal-Kors Dr Joseph A Borg permezz tal-email.

 


 

Studenti tad-Dipartiment tal-Ispanjol fi Spanja

Sapnish Students
Għall-ewwel darba, studenti mid-Dipartiment tal-Ispanjol, li għadu kif twaqqaf, marru Spanja fuq għadd  ta’ programmi ta’ skambju u esperjenzi oħra. 

L-ikbar kontinġent, li kien jinvolvi ħdax-il student, attenda kors tas-sajf fl-Università ta’ Zaragoza, is-sieħba magħżula mid-Dipartiment tal-Ispanjol fl-Università ta’ Malta.

L-Istitut tal-Ispanjol bħala Lingwa Stranġiera tal-Università ta’ Zaragoza, immexxi mill-Prof. Enrique Aleta, kien ta’ għajnuna imprezzabbli biex jitwaqqaf il-Baċellerat (bl-Unuri) fl-Istudji tal-Ispanjol li qed jiġi offrut għall-ewwel darba din is-sena fl-Università ta’ Malta.

Ma’ dan, l-Istitut neħħa l-ħlas tat-tagħlim għall-istudenti tad-Dipartiment tal-Ispanjol u għamel arranġamenti biex il-Prof. Aleta  jkun studjuż mistieden fl-Università ta’ Malta matul l-ewwel semestru ta’ din is-sena akkademika.

Studenti oħra li qed jistudjaw għall-Baċellerat (bl-Unuri) fl-Istudji tal-Ispanjol ħadu sehem fi skambji tal-Erasmus fl-Universitajiet ta’ Oviedo u Valencia.

 


 

Studenti Jiskopru Dinja ta’ Pjanti

Sabiex nippromwovu l-valur edukattiv tal-Ġonna Botaniċi tal-Argotti, bħal kull sena qegħdin nistiednu l-iskejjel biex jieħdu sehem f’tours edukattivi fil-qasam tal-botanija. Iż-żjara ddum bejn siegħa u siegħa u nofs, u tinvolvi lezzjoni qasira, tour mal-ġnien u attivitajiet oħra. Il-gruppi ma jkunux ta’ iktar minn 25 student u jridu jkunu akkompanjati minn għalliem/a. Żewg gruppi jew iktar mill-istess skola jistgħu jkunu akkomodati fl-istess ġurnata.

It-tours huma adattati għall-gruppi ta’ etajiet differenti. Studenti mill-ewwel sena tal-Primarja sal-ħames sena tas-Sekondarja huma mistiedna. Nagħmlu arranġamenti biex għalliema tal-bioloġija u l-ġeografija jġibu l-istudenti tagħhom għal-lezzjonijiet u prattiċi fil-botanija. Minn din is-sena, xi materjal botaniku se jkun provdut fl-iskejjel sabiex ikompli jitjieb it-tagħlim interattiv tal-istudenti ġewwa l-klassi.

It-tours isiru mit-Tnejn sal-Ġimgha filgħodu, dejjem bl-appuntament.  Biex tibbukjaw, ċemplu fuq 21248984 / 21233485 jew ikkuntatjawna permezz ta' email.

Argotti Gardens

 


 

Studenti Ġodda – Korsijiet Ġodda

Sena Akkademika 2010-2011
Studenti Ġodda – Korsijiet Ġodda

L-Università ta’ Malta llum laqgħet total ta’ 3370* student ġdid fil-livell sal-ewwel grad u fil-livell ta’ wara l-lawrja.

In-numru ta’ studenti Maltin sal-ewwel grad u ta’ wara l-lawrja aċċettati sal-lum huwa ta’ 2756: 2170 sal-ewwel grad u 586 ta’ wara l-lawrja.  Hemm total ta’ 354 student ġdid li  mhumiex Maltin: 254 sal-ewwel grad u 100 ta’ wara l-lawrja.

L-Admissions Office qed jaħdem biex jipproċessa applikazzjonijiet minn persuni li għamlu l-MATSEC u s-Sessjoni Supplimentarja tal-Università f’Settembru u li r-riżultat tagħhom għadu kif ġie ppubblikat.  Dawn l-applikanti ġew avżati li fil-każ ta’ riżultat pożittiv li għandu jikkwalifikahom għall-kors tal-għażla tagħhom, huma jistgħu jattendu għal-lekċers anke qabel jirċievu l-ittra tagħhom uffiċjali li ġew aċċettati.

Numru ta’ korsijiet ġodda attiraw interess konsiderevoli din is-sena.  Uħud minn dawn qed jiġu offruti flimkien ma’ universitajiet internazzjonali prestiġjużi.

Il-Master of Science fl-Ortodontija qed jiġi offrut b’kollaborazzjoni ma’ King’s College, Londra.  Il-Master of Arts fil-Conflict Resolution and Mediterranean Security qed jiġi offrut flimkien mal-George Mason University, l-Istati Uniti.  Dan huwa wieħed mill-Programmi Masters Internazzjonali li l-Università ta’ Malta żviluppat b’kollaborazzjoni ma’ universitajiet fl-Istati Uniti. Meta jtemmu l-kors b’suċċess, l-istudenti jingħataw żewġ lawrji ta’ Masters, waħda minn kull waħda miż-żewġ universitajiet.  Membri tal-istaff akkademiku minn George Mason University se jiġu Malta biex jgħallmu f’dan il-kors.  Il-lekċers għal dan il-kors, kif ukoll għaż-żewġ lawrji kollaborattivi offruti għall-ewwel darba f’Ottubru 2009 ma’ universitajiet mill-Istati Uniti, qed isiru fuq il-Kampus tal-Belt Valletta tal-Università ta’ Malta li ġie rinnovat.  Kollaborazzjonijiet bħal dawn joffru l-opportunità lill-akkademiċi Maltin li jaħdmu flimkien ma’ akkademiċi mill-Istati Uniti waqt li l-istudenti jistgħu jagħmlu użu mill-IT, il-librerija u riżorsi oħra tal-istituzzjonijiet tal-Istati Uniti.  

Il-kors għall-Baċellerat tax-Xjenza bl-Unuri fir-Radjografija (Dijanjostika u Terapewtika) ġie żviluppat ma’ Cardiff University.  Sa issa l-Università ta’ Malta kienet toffri korsijiet biss fir-radjografija terapewtika, iżda bil-faċilitajiet u servizzi ġodda offruti lill-pubbliku, inħasset il-ħtieġa għal staff imħarreġ fir-radjografija dijanjostika.  Qed jiġi wkoll offrut għall-ewwel darba kors fir-Radjografija f’livell ta’ Master.  Studenti jistgħu jagħżlu jew Computerised Tomography jew Magnetic Resonance Imaging.
Il-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa qed toffri Ċertifikat ġdid fil-Clinical Nursing Practice biex tgħolli l-livell tal-professjonisti fil-kura tas-saħħa.

L-Università ta’ Malta qed toffri programm part-time filgħaxija, mifrux fuq 3 snin, li jwassal għal M.Sc. fl-Enerġija Sostenibbli. Il-lekċers ta’ filgħaxija huma maħsuba li jagħmluha possibbli għal nies li huma diġà impjegati li jieħdu sehem fil-kors wara l-ħin  tax-xogħol. Il-programm huwa maħsub li jattira inġiniera, xjenzati, periti, nies tekniċi u oħrajn li jaħdmu jew li huma interessati f’dan il-qasam. Dan jista’ jwassal għal karrieri fis-settur tal-enerġija ma’ kumpaniji lokali jew barranin, li jaħdmu fl-effiċjenza tal-enerġija u fl-enerġija li tiġġedded. Dan is-settur qed ikollu tkabbir sostanzjali ta’ ’l fuq minn 25% fis-sena u jassigura tkabbir kontinwu għal ħafna snin li ġejjin.

Korsijiet oħra ġodda li se jiftħu din is-sena huma l-Master of Science fl-Iżvilupp Sostenibbli, il-Master of Science offrut mill-Fakultà tal-Ambjent Mibni u d-Diploma ta’ wara l-lawrja fit-Telekomunikazzjoni.  Offruti wkoll għall-ewwel darba huma l-Master of Arts fit-Turiżmu u l-Master of Arts fl-Etika tal-Kummerċ.
Din is-sena l-Università qed tniedi kors ta’ wara l-lawrja u sal-ewwel grad fl-Istudji taż-Żfin. Billi l-kors fil-grad ta’ wara l-lawrja huwa offrut permezz ta’ tagħlim b’diversi modi (lekċers wiċċ imbwiċċ u tagħlim mill-bogħod – distance learning), l-Università għandha l-għan li tattira studenti b’esperjenza u kwalifiki fiż-Żfin mill-Ewropa kollha.

Il-Baċellerat bl-Unuri fix-Xogħol u r-Riżorsi Umani, offrut miċ-Ċentru għall-Istudji tax-Xogħol b’kollaborazzjoni mal-Fakultà tal-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy, hu maħsub biex jimla’ l-vojt f’qasam importanti ta’ speċjalizzazzjoni.  Waqt li organizzazzjonijiet jippruvaw jadattaw għall-isfidi ta’ globalizzazzjoni li dejjem jikbru, il-bżonn għal professjonisti mħarrġa u kkwalifikati fir-riżorsi umani żdied.

Hemm diversi korsijiet ġodda sal-ewwel grad li se jiftħu din is-sena.  Dawn jinkludu Baċellerat tal-Arti fl-Ebrajk Klassiku u Baċellerat tal-Kummerċ fil-Finanzi jew fl-IT jew fit-Turiżmu (li jsir f’Għawdex).

Numru sinifikanti ta’ applikazzjonijiet intlaqgħu għad-Diploma ġdida fid-Design Foundation Studies.  Dan il-kors ta’ sena se jipprepara lill-istudenti biex jidħlu għall-Grad ta’ Baċellerat fil-Fakultà għall-Ambjent Mibni.  Il-Fakultà dan l-aħħar irristrutturat il-korsijiet tagħha u minflok il-kors tal-B.E.&A. (Hons) issa se tkun qed toffri dan il-kors ta’ Diploma u warajh kors ta’ tliet snin fil-grad ta’ Baċellerat, bil-possibbiltà ta’  speċjalizzazzjoni bħala periti, inġiniera ċivili u planners, wara kors addizzjonali ta’ Masters.  B’dan il-mod, it-taħriġ akkademiku ta’ dawn il-professjonijiet jitjieb.

Id-Diploma Ogħla fil-Public Accounting and Finance kienet żviluppata wara talba tal-Gvern ta’ Malta biex jitħarrġu l-ħaddiema taċ-ċivil f’dan il-qasam.

L-istudju akkademiku tal-lingwa u l-kultura Ċiniza kien ilu kkunsidrat ta’ importanza kbira f’universitajiet stabbiliti sew fil-Punent. Illum din l-importanza żdiedet minħabba l-fatt li ċ-Ċina għandha ekonomija li qed tikber b’rata mgħaġġla u minħabba l-politika tagħha ta’ ftuħ lejn il-Punent.  Dawn il-fatturi sejrin jagħmluha iktar rilevanti għal diversi nies fis-setturi professjonali u kummerċjali biex jitgħallmu ċ-Ċiniż. Wara li kien ikkunsidrat dan kollu, l-Istitut Konfuċju fl-Università ta’ Malta se joffri kors ta’ Diploma ta’ sentejn part-time filgħaxija fiċ-Ċiniż, permezz tad-Dipartiment tal-Istudji Orjentali.

Studenti internazzjonali din is-sena ġejjin minn 55 nazzjonijiet differenti mid-dinja kollha. Huma se jkunu qed isegwu taqsimiet-studju f’numru ta’ oqsma, li l-iżjed taqsimiet popolari huma mill-Fakultà tal-Arti u mill-Fakultà tal-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy.

 


 

Ftuħ tas-Sena Akkademika 2010-2011 tal-Università ta’ Malta

Tema
Università awtonoma u sostenibbli… is-sies tas-sovranità u l-identità ta’ pajjizna
Ir-Rettur jagħti d-direzzjoni tiegħu biex tinħoloq università tat-tielet ġenerazzjoni mibnija fuq tliet pilastri prinċipali: it-tagħlim, ir-riċerka u l-parteċipazzjoni attiva lejn l-iżvilupp ġust u sostenibbli tas-socjetà u tal-ekonomija globali

Studenti ġodda tal-Università ta’ Malta intlaqgħu fuq il-kampus illum waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ tas-sena akkademika 2010-2011. Ir-Rettur, il-Professur Juanito Camilleri, u s-Sur Carl Grech, President tal-Kunsill Studenti Universitarji l-KSU, għamlu d-diskorsi tradizzjonali, segwiti mill-Quddiesa tal-Inawgurazzjoni mill-Kappillan tal-Università Fr. Michael Bugeja, fis-Sala Sir Temi Zammit.  It-tema għal din is-sena hija:  Università awtonoma u sostenibbli… is-sies tas-sovranità u l-identità ta’ pajjizna.

Fl-indirizz tiegħu lill-istudenti Maltin u Internazzjonali preżenti, il-Prof. Camilleri qal li t-tema li għażel għal din is-sena, li taħbat mal-ħames sena tiegħu bħala Rettur, kienet riflessjoni ta’ xi jfisser verament it-titlu ‘Università’.  Il-Prof. Juanito Camilleri qal li t-tweġiba għal mistoqsija daqshekk diffiċli tinsab x’imkien f’oċean ta’ tibdiliet profondi li qed jiġru fid-dinja llum.

Ir-Rettur żied jgħid li kienet ħaġa importanti fil-kuntest ta’ llum, għal università tat-tielet ġenerazzjoni li taspira li taħdem fuq it-tliet fronti ewlenin b’viżjoni.  Huwa qal li dan kellu jsir f’kuntest globali, lil hinn mil-limiti u l-fruntieri maħluqa minn restrizzjonijiet ġeografiċi jew ideoloġiċi.

Il-Prof. Camilleri qal li kellu jintlaħaq bilanċ bejn il-ħtiġijiet tal-industrija u s-soċjetà ta’ llum u t-tagħlim flessibbli u profond offrut lill-istudenti li wara jkunu jistgħu jużaw il-kreattività tagħhom biex jibnu l-industriji ġodda tal-futur.  Ir-Rettur appella lill-istudenti biex jaqraw u jitgħallmu sew lil hinn mit-testi preskritti tagħhom u biex jitolbu l-għajnuna meta jkun hemm bżonn.

Ir-Rettur tal-Università ttratta wkoll is-suġġett tar-riċerka istituzzjonali f’oqsma partikulari ta’ rilevanza ewlenija għal Malta, ibbażata fuq programmi kkoordinati li jinvolvu diversi riċerkaturi fuq numru ta’ snin.  Huwa jagħraf li din teħtieġ fondi sostanzjali u tagħmir sofistikat.  Għalkemm reċentement kien hemm investiment sinifikanti biex tissaħħaħ l-infrastruttura tal-università, inklużi l-laboratorji u l-librerija, ir-Rettur insista li iktar investiment fit-tul fir-riċerka istituzzjonali tkun tista’ tgħin biex tiġi implimentata l-istrateġija nazzjonali għal Malta.

Meta tkellem dwar it-tielet pilastru ta’ universitajiet moderni, il-Prof. Camilleri qal li fil-każ tal-Università ta’ Malta, l-għan tagħha għandu jkun li tgħin biex tiżviluppa l-identità Maltija, is-soċjetà Maltija u l-ekonomija Maltija, bħala pajjiż sovran tal-Unjoni Ewropea b’dimensjoni Mediterranja importanti.  Hu żied jgħid li s-suċċess tal-Università ta’ Malta għandu jitqies permezz tal-kontribuzzjoni tagħha li tinfluwenza l-mixja ’l quddiem tal-pajjiż billi toħloq il-kapital intellettwali meħtieġ u tassisti lill-Parlament u lis-Servizz Ċivili bl-aħjar pariri possibbli.

Iċ-Chaplain tal-Università, Fr. Michael Bugeja, fakkar lil dawk preżenti li matul il-vjaġġ ta’ ħajjitna aħna qed inkunu kontinwament mistiedna nilħqu livelli aktar għoljin, bil-mexxejja differenti tagħna lesti li jgħinuna fil-bżonnijiet tagħna u biex jiggwidawna. Iżda, Fr Michael qal, huwa importanti li ma ninsewx min aħna. 'Il-Fidi mingħajr ir-raġuni ssir reliġjosità li fl-aħħar mill-aħħar tispiċċa fix-xejn. Iżda fidi bir-raġuni issaħħaħna u tgħinna nibnu pedamenti sodi,' huwa temm jgħid.

Il-Kor tad-DegreePlus, taħt id-direzzjoni tal-Mro Dominic Galea, kanta kemm qabel iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ kif ukoll waqt il-Quddiesa. Il-Kor li hu maghul minn studenti mill-fakultajiet kollha tħarreġ matul is-sajf kollu għal din l-okkażjoni.

 


 

Xogħol Importanti Ħafna dwar l-Ewropa

Il-Malta University Press għadha kemm ippubblikat xogħol innovattiv f’żewġ volumi dwar 'The European Mind: Narrative and Identity'. Introdott u editjat mill-Professur Henry Frendo, is-sett jinkludi kontribuzzjonijiet minn 200 studjuż minn 69 università f’31 pajjiż. L-iżjed xogħol estensiv ta’ din ix-xorta li qatt ġie ppubblikat mill-MUP s’issa, Volum numru 1, li hu maqsum fi tliet partijiet (726 paġna), jittratta suġġetti fl-oqsma tal-istorja, il-ġeografija u x-xjenza; l-ekonomija, il-politika u l-liġi; l-edukazzjoni, is-soċjoloġija u l-istudji dwar in-nisa.  Il-Volum numru 2, li hu maqsum f.żewġ partijiet (844 paġna), huwa dwar l-aspetti tal-pittura, l-iskultura, it-teatru, il-mużika, il-kultura u l-letteratura; il-lingwa, il-filosofija, il-psikoloġija u r-reliġjon.

Kapitli dwar Malta
L-għaxar kungress dinji tas-Soċjetà Internazzjonali għall-Istudju ta’ Ideat Ewropej, (International Society for the Study of European Ideas), li minnu dawn huma r-rapporti magħżula u editjati, kien inawgurat fl-Università ta’ Malta mir-Rettur tagħha, il-Professur Juanito Camilleri, f’Lulju 2006 u għalih attendew ’il fuq minn 400 akkademiku minn 42 pajjiż. Dan tlaqqa’ u kien ippresedut f’isem ISSEI mill-Professur Frendo li ilu attiv fis-Soċjetà sa mill-1989 u kien il-kelliem ewlieni tal-kungress tagħha fl-Università ta’ Navarra dwar il-koeżistenza u l-modernità fl-2004, kif ukoll fl-Università ta’ Ħelsinki dwar il-lingwa u l-immaġinazzjoni xjentifika fl-2008. Il-Professur Frendo huwa wkoll il-ko-awtur tal-Volum numru 1 bil-kaptilu tiegħu dwar il-kwistjoni tal-lingwa Maltija, li titqies bħala preludju għar-relazzjonijiet Anglo-Italjani li kienu sejrin għall-agħar lejlet il-gwerra tal-Abissinja f’nofs it-tletinijiet.

Tliet kontribuzzjonijiet oħra jittrattaw b’mod speċifiku aspetti ta’ Malta u tal-Maltin. Dawn huma 'Language, Culture and Nation in Malta: Some Preliminary Remarks' mill-Professur Alexander Borg mid-Dipartiment tal-Lingwa Ebrajka f’Ben-Gurion University tan-Negev, l-Iżrael, fis-sezzjoni 'Empire and Nation in the Mediterranean' (ukoll f’Volum 1); 'Urbanisation and Rural Attitudes in Maltese Novels' mill-Professur Aggregat Charles Briffa, kritiku letterarju u lekċerer fl-Università ta’ Malta, fis-sezzjoni dwar 'Experiencing the Urban: The Representation of the City in Literature'; filwaqt li fis-sezzjoni dwar 'Language in a Changing World', Amalia Plaskasoviti, studenta tal-PhD fid-Dipartiment tal-Lingwa Ġermaniża f’Aristotle University f’Tessalonika, il-Greċja, tikteb dwar il-lingwa u l-identità f’kuntest tal-emigranti: 'Attitudes of Members of the Maltese Community of Corfu to their Ethnic Language and Heritage' (it-tnejn li huma f’Volum 2).

Il-Ħolqien ta' Identità Ewropea
Fl-introduzzjoni ġenerali tiegħu għal dan l-opus inter-dixxiplinarju li jvarja mill-arkeoloġija sal-filosofija, mill-istorja sal-governanza, mill-arti sax-xjenzi, il-Professur Frendo jistaqsi: 'Nistgħu nitkellmu dwar moħħ Ewropew? Jekk jeżisti, kemm jista’ jingħaraf jew jista’ jkun kwantifikat? Liema huma r-riżorsi li jsaħħu n-nisġa tiegħu?' Huwa jissuġġerixxi li fuq kollox, forsi, l-Ewropejità 'tfakkar u tirrappreżenta l-ispirtu ta’ investigazzjoni ħielsa, l-avvanzi ta’ impenn, djalogu u taħdit, il-wirt komuni ta’ dak li bl-iżjed mod eċċezzjonali sawwar moħħ Ewropew u identità fil-forom, ġeneri u varjetajiet multipli u li jinbidlu.’  Waqt li jikkwota l-Elleniżmu. Ir-Rumaniżmu, il-Kristjanità u movimenti importanti oħra ta’ ideat u twemmin, hu jgħid li dawn jistgħu jidhru li jifhmu l-forma tal-Ewropa u l-memorja tagħha dwarha nnifisha, u tqajjem tant mistoqsijiet daqs kemm tweġibiet, 'l-aktar f’dinja ta’ wara l-gwerra, post-kolonjali u post-moderna'.

Meta jirreferi għal 28 siecles d’Europe ta’ Denis de Rougemont, li fl-1990 kellu daħla minn Jacques Delors, Frendo jfakkar il-mit ta’ Cadmos. 'L-iben ta’ Agenor u ħu Europa, Cadmos sab lil oħtu biss wara ħafna avventuri u sforzi kbar.  Għalhekk “rechercher l’Europe c’est la faire”' – meta wieħed ifittex l-Ewropa jkun qed joħloqha.

Stampat minn Gutenberg u ddisinjat minn Midsea, The European Mind bħala sett ta’ żewġ volumi b’legatura iebsa jinsab għall-bejgħ għall-prezz ta’ 100 euro, jew 55 euro għall-Volum Numru 1 u 60 euro għall-Volum Numru 2, minn Sierra Book Distributors. Iktar informazzjoni tista’ tinkiseb mill-Malta University Press minn Malta University Press.

 


 

Lekċers għall-Membri tal-Pubbliku Ġenerali

Lekċers tal-Università ta’ Malta miftuħa tal-Pubbliku Ġenerali

Wara s-suċċess tal-inizjattiva tas-sena akkademika li għaddiet, l-Università ta’ Malta għal darb’oħra se tiftaħ numru ta’ korsijiet għall-pubbliku ġenerali. Il-postijiet huma limitati u jiġu offruti skont l-ordni ta’ min japplika l-ewwel.

L-intenzjoni ta’ din l-inizjattiva, li hi segwita minn universitajiet barranin, hija li tagħmilha possibbli għall-membri tal-pubbliku ġenerali b’interessi partikulari li jwessgħu l-għerf tagħhom billi jattendu għal ċerti lekċers f’livell ta’ qabel l-ewwel grad fuq suġġetti speċifiċi. Dawn is-suġġetti jvarjaw minn 'Roman Baroque Sculpture' sa 'Women in the Bible' u korsijiet oħra fl-Antropoloġija, fil-Filosofija u fid-Development Studies, fost oħrajn. Il-korsijiet huma varjati u interessanti. Ma jingħatawx ċertifikati jew diplomi, iżda membri tal-pubbliku li għandhom kemm il-ħin kif ukoll ix-xewqa li jwessgħu l-fehim u l-għerf f’oqsma intellettwali speċifiċi, huma mistiedna jikkonsultaw il-lista tal-lekċers offruti u japplikaw.

Ir-Reġistrazzjoni għall-korsijiet tal-ewwel Semestru (Ottubru 2010 – Frar 2011) hija miftuħa sal-15 ta’ Settembru 2010.

Il-lista tal-lekċers li jibdew minn Ottubru 2010 qegħda hawn. PDF

Għal iktar informazzjoni u għall-formola tal-applikazzjoni elettronika ikklikkja hawn.

Il-korsijiet offruti lill-pubbliku ġenerali fit-tieni Semestru (Marzu – Mejju 2011) jitħabbru aktar tard.  Din l-offerta ta’ għażla ta’ korsijiet lill-pubbliku ġenerali qed tingħata bħala parti mill-impenn tal-Università li ssaħħaħ l-iżvilupp soċjali u edukattiv.  Dawk l-individwi li jixtiequ jsegwu korsijiet sħaħ li jwasslu għal lawrja jistgħu, naturalment, japplikaw permezz tal-proċeduri normali.

 


 

Diploma fiċ-Ċiniż

Kors Ġdid ta’ sentejn għal Diploma fiċ-Ċiniż għall-Prinċipjanti
Filgħaxija, Part-Time
L-1 ta’ Ottubru, 2010 – 30 ta’ Ġunju, 2012

Il-kors ġdid ta’ sentejn fiċ-Ċiniż għall-prinċipjanti li se jsir filgħaxija part-time huwa mfassal għall-persuni bi ftit jew xejn esperjenza fil-lingwa Ċiniża. Il-kors jiffoka fuq il-Mandarin mitkellem u fuq l-iżvilupp ta’ kompetenza fit-taħdit, li madankollu jippermetti libertà biżżejjed biex wieħed jiskopri r-rikkezza tal-kultura Ċiniża, kemm dik tal-passat kif ukoll dik tal-preżent.

Studenti minn kull qasam tal-ħajja huma eliġibbli, sakemm jissodisfaw ir-Rekwiżiti Ġenerali għad-Dħul biex ikunu ammessi. L-applikazzjonijiet mill-applikanti eliġibbli jkunu kollha kkunsidrati, għandhom jew m’għandhomx formazzjoni akkademika dwar iċ-Ċina. Dawk il-persuni li jaħdmu fis-settur privat, fiċ-Ċivil, f’istituzzjonijiet mhux governattivi, fil-ġurnaliżmu, jew f’oqsma ekwivalenti jistgħu jkunu interessati li jagħmlu dan il-kors ta’ Diploma. Studenti, li għandhom lawrja tal-ewwel grad jew ogħla f’oqsma bħall-Politika Pubblika, ir-Relazzjonijiet Internazzjonali u l-Istudji Diplomatiċi, il-Ġeografija, l-Antropoloġija, il-Komunikazzjoni, ix-Xjenzi tas-Saħħa, l-Istudji Legali jew tal-Kummerċ jistgħu jaraw din id-Diploma bħala opportunità biex iwessgħu l-firxa dixxiplinarja tagħhom u jintegraw iċ-Ċiniż bħala parti mid-dixxiplini rispettivi tagħhom. Il-kors jista’ jservi wkoll bħala l-punt tat-tluq biex ikomplu t-tagħlim tagħhom dwar iċ-Ċina.

Id-Diploma fiċ-Ċiniż hija offruta mill-Istitut Konfuċju fl-Università ta’ Malta permezz tad-Dipartiment tal-Istudji Orjentali, fil-Fakultà tal-Arti.

Jekk jogħġobkom indirizzaw il-mistoqsijiet tagħkom dwar id-Diploma fiċ-Ċiniż lill-Istitut Konfuċju permezz ta' email jew żuru s-sit elettroniku tal-Università ta’ Malta fuq www.um.edu.mt biex tapplikaw għad-Diploma fiċ-Ċiniż (Part-Time Filgħaxija) fis-sezzjoni 'Sib Kors ●  Applika Issa'. 

 


 

L-Ikel u s-Soċjetà Mediterranja

13-19 September 2010

L-Istitut għat-Turiżmu, l-Ivvjaġġar u l-Kultura (li qabel kien id-Dipartiment tal-Istudji Turistiċi) fl-Università ta’ Malta, qed joffri Kors tas-Sajf ta’ ġimgħa dwar l-Ikel u s-Soċjetà Mediterranja.  Il-kors jagħti deskrizzjoni fil-qosor tal-aspetti kulturali tal-ikel u l-post tiegħu fis-soċjetajiet Meditarranji, u jikkonsisti fi programm ta’ lekċers filgħodu u ħarġiet istruttivi wara nofsinhar/filgħaxija.

Il-kors huwa miftuħ għal ħaddiema u professjonisti fl-industrija tal-ospitalità u tal-kultura, kif ukoll għad-dilettanti tal-ikel u għall-pubbliku ġenerali.

Is-suġġetti inklużi fil-kors huma:  Kif ikel ġdid għen biex jittrasforma d-dieta Mediterranja; l-Ikel bħala mezz ta’ skambju kulturali; is-Swieq tal-ikel u r-rwol tagħhom soċjo-kulturali fil-komunitajiet Mediterranji; is-Semjotika u l-gastronomija – l-ikel u t-togħma; is-Sawm u d-Divertiment – ikel u ħelu assoċjat ma’ ċelebrazzjonijiet Kristjani; ix-xjenza tat-togħma u tax-xamm; l-Ikel u l-Medja tal-Komunikazzjoni; In-Nutriment, is-Saħħa u d-Dieta Mediterranja.

Il-kors se jsir fuq il-Kampus tal-Università l-Imsida, u jiġi pprovdut trasport għall-ħarġiet istruttivi u ż-żjarat.

Applikazzjonijiet u mistoqsijiet għandhom jintbagħtu sal-24 t’Awwissu 2010
Istitut għat-Turiżmu, l-Ivvjaġġar u l-Kultura
FEMA Bldg
L-Università ta’ Malta
Tel 2340 2722
Email: Ms Alison Scicluna or Ms Jean Killick
Website

 


 

L-Ewwel Dekan tal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa

Prof. Angela Xuereb AnastasiIl-Professur Angela Xuereb Anastasi ġiet eletta l-ewwel Dekan tal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa li għadha kemm twaqqfet fl-Università ta’ Malta.  Din il- Fakultà qabel kienet l-Istitut għall-Kura tas-Saħħa imwaqqaf fl-1987.  Issa li ngħatat l-istatus il-ġdid din hija t-tnax-il fakultà fl-Università ta’ Malta.

Il-Professur Xuereb Anastasi għandha ħafna snin ta’ esperjenza fil-ħajja akkademika, li kisbet minn din l-Università kif ukoll fir-Renju Unit.  Minn meta nħatret Professur Assoċjat (Associate Professor) fl-1995 hija kellha bosta karigi amministrattivi fl-Università, u kienet responsabbli għad-Diviżjoni tax-Xjenza Biomedika Applikata (li qabel kienet id-Diviżjoni tax-Xjenza tal-Laboratorju Mediku).  Il-Professur Xuereb Anastasi tagħti lekċers dwar il-Biokimika Biomedika u Metodi ta’ Riċerka.  L-interessi tagħha fir-riċerka jikkonċernaw prinċipalment il-ġenetika tal-osteoporożi.  Hija għandha ’l fuq minn 40 artiklu ppubblikat f’rivisti internazzjonali evalwati minn pari, u kkontribwiet kapitli għal kotba.  Dan l-aħħar hija ġiet promossa għal Professur (Full Professor).

Minkejja t-tibdil fl-isem, l-etos tal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa jibqa’ jdur madwar l-aspett ta’ caring fit-taħriġ ta’ professjonisti tas-saħħa.  Filwaqt li tkompli tibni fuq ix-xogħol ta’ preparazzjoni li sar minn ħafna fl-Istitut għall-Kura tas-Saħħa fil-passat, il-Fakulta' l-gdida, li tikkonsisti f'għaxar Dipartimenti, hija responsabbli għat-taħriġ ta’ professjonisti fl-oqsma varji tal-kura tas-saħħa. Dawn jinkludu r-riabilitazzjoni, id-dijanjożi u t-terapewtika.  Flimkien mal-gradwati mill-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija, il-gradwati ta’ din il-Fakultà ġdida huma atturi ewlenin fil-mod multi-dixxiplinari fil-kura tas-saħħa.  Dawn jikkonsistu fi staff tal-infermerija u tal-qwiebel, radjografi, teknoloġisti fil-laboratorji tad-dijanjożi, u l-professjonijiet tal-kura tas-saħħa kollha involuti fit-terapiji varji – il-fiżjoterapisti, it-terapisti okkupazzjonali, il-podoloġi, il-patoloġi tad-diskors u tal-lingwa – u professjonisti tas-saħħa ambjentali u managers fis-servizz tas-saħħa.  Professjonisti fil-kura tas-saħħa jinżammu aġġornati bi żviluppi ġodda fil-kura tas-saħħa permezz tal-organizzazzjoni ta’ korsijiet għall-iżvilupp professjonali kontinwu fi ħdan il-Fakultà.

Il-Professur Xuereb Anastasi temmen illi jista’ jinkiseb benefiċċju kbir minn iżjed qsim bejn il-professjonisti varji, kemm f’termini ta’ taqsimiet studju kif ukoll ta’ temi għar-riċerka biex jiġu żviluppati fost id-dipartimenti u fost il-fakultajiet kollha, fil-livelli sal-ewwel grad u ta’ wara l-ewwel grad.  Ir-riċerka hija attività integrali tal-membri kollha tal-istaff tal-Fakultà.  Dan jassigura profil sod għall-Fakultà mal-Università kollha u anke f’livell Ewropew.  Għan ieħor huwa aktar attività professjonali kemm fil-fakultà stess kif ukoll bejn fakultajiet, b’tal-aħħar tkun ma’ tobba, inġiniera, spiżjari, edukaturi, eċċ.  Huwa billi tmexxi ’l quddiem dawn il-forom ta’ interazzjoni u kollaborazzjoni li l-professjonijiet varji, waqt li jitgħallmu jkollhom ir-rispett u l-fehim reċiproku bħala gradwati, ikomplu mbagħad jipprovdu servizz sħiħ lill-pazjent.  Il-Professur Xuereb Anastasi tittama li tara tkabbir fil-kollaborazzjoni ma’ universitajiet barranin, b’mod speċjali fl-Ewropa.  Hi għandha l-ħsieb li dan in-network ikun żviluppat biex il-Fakultà b’mod ġust titpoġġa fuq il-mappa tal-Fakultajiet tax-Xjenzi tas-Saħħa Ewropej u internazzjonali.  L-inklużjoni tal-Fakultà fi ħdan il-programmi UE ta’ tagħlim u ta’ riċerka hija dimensjoni importanti u tkun ukoll iffaċilitata b’dan il-mod.

Il-Fakultà ġdida tipprovdi l-professjonisti tal-kura tas-saħħa meħtieġa biex iservu fl-isptar tal-istat, kif ukoll fis-servizz privat tal-kura tas-saħħa, u għandha tkun avvanzata ħafna fil-bidla.  Se tkun sfida biex tkun żgurata kontinwament l-introduzzjoni f’waqtha ta’ programmi ta’ taħriġ għal professjonijiet tal-kura tas-saħħa ġodda waqt li kontinwament tinżamm il-kwalità.  Iżda, id-Dekan hija fiduċjuża li dawn l-isfidi jintlaqgħu mill-istaff dedikat tal-Fakultà li jaħdem mill-qrib mal-partijiet interessati tagħha, fosthom quddiem nett id-Dipartiment tas-Saħħa.  Dan huwa tabilħaqq żmien eċċitanti ħafna għall-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa li għadha kemm twaqqfet.  

 


 

Il-Ġenetika tal-Emoglobina

Il-verżjoni elettronika tar-rivista prestiġġjuża NATURE GENETICS din il-ġimgħa ppubblikat ir-riżultati ta’ riċerka importanti dwar il-ġenetika tal-emoglobina li twettqet minn xjenzati fl-Università ta’ Malta (Laboratorju tal-Ġenetika Molekulari, id-Dipartiment tal-Fiżjoloġija u l-Bijokimika, il-Fakultà tal-Mediċina) u l-klinika tat-talassemija (The Thalassaemia Clinic) fl-Isptar Mater Dei, flimkien ma’ kollaboraturi mill-Erasmus Medical Centre, Rotterdam, l-Olanda, u l-University of Patras, il-Greċja. Ir-rivista rinomata hija ppubblikata min-Nature Publishing Group, il-pubblikaturi ta’ informazzjoni xjentifika u medika ta’ impatt qawwi kemm stampati kif ukoll b’mod elettroniku, u li kienu wkoll ippubblikaw id-deskrizzjoni oriġinali tal-istruttura tad-DNA minn Watson and Crick fl-1953.

hemoglobinIl-manuskritt tar-riċerka magħruf bħala Letters to Nature jismu Haploinsufficiency for the erythroid transcription factor KLF1 causes hereditary persistence of fetal haemoglobin. Dan huwa miktub mis-Sur Joseph Borg flimkien ma’ żewġ first authors oħra minn Rotterdam u Patras. Is-Sur Borg huwa student gradwat li qiegħed jistudja għal-lawrja ta’ Ph.D. taħt is-superviżjoni akkademika tal-Professur Alex Felice fl-Università ta’ Malta. Huwa ġie ffinanzjat mill-Iskema ta’ Borża ta’ Studju tal-Gvern ta’ Malta u perjodu qasir ta’ fellowship mill-European Molecular Biology Organization. Il-Professur Felice jmexxi r-riċerka dwar l-emoglobina fl-Università ta’ Malta u fl-Isptar Mater Dei, u huwa wieħed mit-tliet Senior Authors minn kull waħda tat-tliet istituzzjonijiet li qed jikkollaboraw.


Il-gruppi tar-riċerka ddeskrivew il-kondizzjoni li tintiret ta’ molekula partikulari li twaqqaf  it-tibdil tal-ġene mit-tipi tal-emoglobina tat-tarbija tat-twelid għal dawk tal-persuna adulta f’familja minn Malta.  L-emoglobina hija l-molekula li tagħmel id-demm jidher aħmar. Din għandha l-funzjoni essenzjali li titrasporta l-ossiġenu mill-pulmun għat-tessuti. Hemm numru ta’ molekuli tal-emoglobina li huma suġġetti għal kontroll kumplikat tal-ġene waqt l-iżvilupp, u numru ta’ mard tal-emoglobina.  Konsegwentement, wara esperimentazzjoni estensiva permezz ta’ ġenomika avvanzata ir-riċerkaturi juru li l-molekula suspettata, magħrufa bħala KLF1, hija probabbli r-regolatur prinċipali tal-produzzjoni taċ-ċellula tad-demm ħamra u t-tibdil tal-ġene tal-emoglobina fl-organiżmu li qiegħed jiżviluppa. Waqt li dawn ir-riżultati jikkontribwixxu biex jitjieb l-għarfien tal-fiżjoloġija umana fl-iżvilupp tal-fetu, huwa antiċipat li jistgħu jkunu wkoll utli biex jinħolqu mediċini ġodda biex ifejqu mard tal-emoglobina. Waħda minn dawn hija t-Talassemija. Din hija waħda mill-iktar kondizzjonijiet ġenetiċi komuni tal-bniedem mad-dinja kollha.

Is-sommarju ta’ din ir-riċerka jinsab hawn.

Il-Prof Felice u s-Sur Joseph Borg
Il-Prof. Felice fuq ix-xellug u s-Sur Joseph Borg fuq il-lemin. 

 


 

Bijoloġija tal-Baħar u l-Konservazzjoni

Id-Dipartiment tal-Bijoloġija fl-Università ta’ Malta dan l-aħħar laqa’ grupp ta’ 46 student ta’ wara l-ewwel grad li qed jagħmlu kors f’livell ta’ Masters tal-Erasmus Mundus fil-Bijoloġija tal-Baħar u l-Konservazzjoni (Marine Biology and Conservation – EMBC), flimkien ma’ sebgħa mill-għalliema tagħhom, għall-iskola tas-sajf 2010.

Iż-żjara, li saret fil-perjodu bejn l-10 u l-20 ta’ Lulju, iffukat prinċipalment fuq xogħol ta’ proġetti fil-bijoloġija tal-baħar li sar fuq il-post u fil-laboratorji tad-Dipartiment tal-Bijoloġija, imma inkludiet ukoll lekċers, seminars u żjarat fuq il-post. Waqt iż-żjara tagħhom, il-parteċipanti tgħallmu dwar il-karatteristiċi partikulari fiżiċi u bijoloġiċi tal-ambjenti naturali u l-ħajja tal-baħar Mediterran kif jidher mill-ambjent lokali tal-baħar, li, billi l-Gżejjer Maltin jinsabu prattikament fiċ-ċentru tal-Mediterran, huma  rappreżentattivi tad-diversità tal-ambjenti naturali u l-ħajja fil-Mediterran. 

Il-membri tal-istaff akkademiku tad-Dipartiment tal-Bijoloġija Dr Joseph A Borg u l-Prof. Patrick J Schembri taw lekċers u kkontribwixxew għas-sezzjonijiet prattiċi u dawk fil-laboratorji, waqt li l-istaff tekniku tad-Dipartiment ipprovda appoġġ loġistiku u materjali. L-iskola tas-sajf kienet ikkoordinata minn Dr Tim Deprez mill-University of Ghent (il-Belġju) u Dr Joseph A. Borg mill-Univesità ta’ Malta.

EMBC Summer School

 


 

Skola Sajf fl-Immaniġġjar ta’ Data Ġeografika u s-Sistemi ta’ Informazzjoni Ġeografika

Suċċess fit-Tielet Skola Sajf fl-Immaniġġjar ta’ Data Ġeografika u s-Sistemi ta’ Informazzjoni Ġeografika fl-Università ta’ Malta

L-Istitut għall-Iżvilupp Sostenibbli, fl-Università ta’ Malta, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Inġinerija Ċivili, Ambjentali u Ġeomatika, University College London (UCL), u d-Dipartiment tal-Ġeografija, University of Portsmouth, għal darb’oħra temmew b’suċċess Skola Sajf dwar l-Immaniġġjar tad-Data geografika u s-Sistemi ta’ Informazzjoni Ġeografika li saret bejn id-9 u s-16 ta’ Lulju 2010 fuq il-Kampus tal-Università l-Imsida.

L-Iskola Sajf attirat grupp ta’ delegati li kienu interessati jittrattaw id-data ġeografika skont id-direttiva tal-INSPIRE imma mhux biss. Id-delegati kellhom ukoll l-opportunità li japplikaw il-GIS permezz tal-użu tal-istatistika geografika pprovduta fis-software GIS u li jinvestigaw aspetti tal-kwalità tad-data. Il-metodu użat fil-mod ta’ tagħlim tal-iskola sajf kien dak ta’ taħlita ta’ lekċers ikkumplimentati minn sezzjonijiet prattiċi permezz tal-użu tal-ArcGIS, SPSS u open source software bħal PostGIS u Quantum GIS.  Il-parteċipanti kellhom ukoll l-opportunità li jitgħallmu kif jużaw id-data geografika billi jużaw PostgreSQL. Id-delegati din is-sena ġew minn kumpaniji li joffru servizzi, aġenziji governattivi kif ukoll riċerkaturi interessati li jiżviluppaw kapaċitajiet f’dan il-qasam ta’ studju importanti ħafna.

Il-fakultà kienet magħmula minn Dr Maria Attard (UoM), Dr Muki Haklay (UCL), Dr Helena Titheridge (UCL), Dr Claire Ellul (UCL), Dr Kate Jones (Portsmouth) u s-Sa Thérèse Bajada (UOM). L-Istitut għall-Iżvilupp Sostenibbli huwa inkoraġġit bis-suċċess tal-iskola sajf u ċertament se jmexxi ’l quddiem il-kollaborazzjoni bejn it-tliet istituzzjonijiet fil-qasam tas-Sistemi ta’ Informazzjoni Ġeografika (Geographic Information Systems).
.

GIS Course         GIS Course

 


 

Kors f’Livell ta’ Master fl-Istudji Maltin

Dan il-kors f’livell ta’ Master li jikkonsisti fi 11-il taqsima studju jiffoka fuq Malta u l-Maltin b’referenza speċjali għall-kultura u l-identità fil-forom u l-manifestazzjonijiet varji tagħhom kemm fil-passat kif ukoll fil-preżent.  Il-kors huwa mifrux fuq tliet snin fuq bażi part-time u jibda f’Ottubru 2010, bit-tielet sena ddedikata għal dissertazzjoni fuq suġġett rilevanti. Dawk kollha li għandhom lawrja fi kwalunkwe grad u oħrajn meqjusin li għandhom kwalifiki oħra akkademiċi jew professjonali u esperjenza jistgħu japplikaw.

L-istudenti se jkunu qed jesploraw temi bħall-etniċità, il-politika, il-governanza, il-migrazzjoni, is-soċjetà, l-ambjent, ir-reliġjon, l-arkeoloġija, l-arkitettura, il-liġi, il-mediċina, il-mużika, il-mużewijiet, l-arkivji, il-lingwa, il-letteratura, l-arti u l-wirt. Dan il-kors fi Grad Masters huwa kemm lawrja fit-taħriġ dwar ir-riċerka kif ukoll kors indipendenti li jagħmel użu minn ħiliet esperti fuq firxa wiesgħa ta’ dixxipplini f’fakultajiet differenti, biex l-istudenti jkunu appoġġjati b’mod eċċezzjonali u jkollhom aċċess għal firxa wiesgħa u unika ta’ għerf.

Dawk il-persuni interessati huma mistiedna japplikaw permezz tal-faċilità tal-Online Application sal-Ħadd 8 t’Awwissu 2010. Applikazzjonijiet tard jistgħu jiġu sottomessi sal-31 t’Awwissu 2010. Studenti prospettivi għandhom jikkuntattjaw l-Admissions Office tal-Università jew is-Segretarjat tal-Istitut fuq in-numru 2340 3305 jew 2340 2566 għal iktar dettalji u pariri akkademiċi. Informazzjoni dwar il-kors tista’ wkoll tinstab fuq is-sit elettroniku tal-Istitut.

 


 

Grad ta’ BA/BA (bl-Unuri) fl-Ebrajk Klassiku

Id-Dipartiment tal-Istudji Orjentali fl-Università ta’ Malta għandu l-pjaċir iħabbar li f’Ottubru 2010 se jkun qed joffri kors ġdid: Grad ta’ BA/BA (bl-Unuri) fl-Ebrajk Klassiku.

Id-Dipartiment tal-Istudji Orjentali issa se jkun qed joffri b’kollox tlett programmi ta’ studju differenti fuq livell ta’ lawrja: Grad ta’ BA/BA (bl-Unuri) fl-Għarbi; Grad ta’ BA/BA (bl-Unuri) fl-Ebrajk Klassiku; Grad ta’ BA/BA (bl-Unuri) fl-Istudji tal-Lvant Qarib.

Għal iktar informazzjoni jekk jogħġobkom ikkuntattjaw lis-Sa Louisa Borg permezz tal-indirizz elettroniku jew billi ċċemplu fuq in-numru tat-telefon +356 2340 2046.

 


 

Kors ta’ Diploma fiċ-Ċiniż

L-istudju akkademiku tal-lingwa u l-kultura Ċiniża ilu għal ħafna żmien ikun meqjus ta’ importanza kbira fl-Universitajiet tal-Punent li huma stabbiliti sew. Illum din l-importanza hija msaħħa  iktar u iktar mill-fatt li ċ-Ċina għandha ekonomija li qed tikber b’rata mgħaġġla u minħabba l-politika tagħha ta’ ftuħ għall-Punent. Dawn il-fatturi jagħmluha iktar rilevanti għal diversi nies fis-setturi professjonali u kummerċjali li jitgħallmu ċ-Ċiniż.

Minħabba f’dan kollu, l-Istitut Konfuċju fl-Università ta’ Malta għandu l-pjaċir iħabbar li f’Ottubru 2010, permezz tad-Dipartiment tal-Istudji Orjentali, se jkun qed joffri kors ta’ sentejn part-time filgħaxija li jwassal għal Diploma fiċ-Ċiniż.

Għal iktar dettalji, jekk jogħġobkom ikkuntattjaw lis-Sa Anabelle Scicluna permezz tal-indirizz elettroniku jew ċemplu fuq in-numru tat-telefon +356 2340 3407.

 


 

L-IOI joffri l-Borża ta’ Studju

L-International Ocean Institute joffri l-Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borgese 2010

L-International Ocean Institute (IOI) waqqaf il-Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borgese  (EMB Bursary) li tikkonsisti f’somma ta’ US$ 5,000  (jew l-ekwivalenti tagħha f’Euro), li tista’ tintuża biex jitkompla studju ta’ riċerka matul il-perjodu ta’ sena.

Il-Borża ta’ Studju annwali se tingħata lil persuna waħda/tim ta’ riċerka li qed jagħmlu studji postgraduate/riċerka fi studji relatati mal-oċeani / baħar / studji marittimi fl-Università ta’ Malta. L-istaff jew l-istudenti għandhom ikunu rreġistrati mal-Fakultajiet tax-Xjenza, tal-Liġi, jew ta’ Fakultà, Istitut jew Ċentru ieħor, fejn issir riċerka fl-oqsma rilevanti.

Il-Borża ta’ Studju EMB twaqqfet bħala mezz biex jintwera rikonoxximent lill-pajjiż li jilqa’ lill-IOI – Malta – talli jilqa’ l-Kwartieri Ġenerali tal-IOI u jipprovdi l-faċilitajiet għall-istaff u l-uffiċcji. Il-Borża ta’ Studju tikkostitwixxi wkoll iktar għarfien u apprezzament għall-irwol tal-Prof. E. Mann Borgese, fundatriċi tal-IOI, u tal-kisbiet konsiderevoli tagħha. Il-Borża ta’ Studju hija ffinanzjata permezz tal-Programm Women, Youth and the Sea tal-IOI u d-data tal-għeluq għall-applikazzjoni hija t-30 ta’ Lulju 2010. Aktar informazzjoni u l-formoli tal-applikazzjoni jistgħu jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-IOI jew billi tintbagħat email lill-Kwartieri tal-IOI.

Fit-tmiem tal-perjodu tal-Borża ta’ Studju, dak li rċeviha għandu jippreżenta informazzjoni/studju ta’ dak li jkun inkiseb mir-riċerka ffinanzjata lill-IOI. Din tista’ tkun eliġibbli għall-pubblikazzjoni fl-Ocean Yearbook tal-IOI u tista’ tifforma l-bażi ta’ preżentazzjoni pubblika li ssir bħala parti miċ-Ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji tal-Oċeani tal-IOI, fit-8 ta’ Ġunju ta’ wara, jew fi kwalunkwe okkażjoni oħra meqjusa adattata mill-IOI.

Matul is-snin, l-Università ta’ Malta tat importanza kbira lil kwistjonijiet li jikkonċernaw il-baħar. Xogħol akkademiku jinkludi l-oqsma ta’ governanza, liġi u xjenza kif ukoll tas-sostenibbiltà u tal-edukazzjoni. Dawn jinkludu studji u riċerka mill-IOI – Ċentru Operazzjonali ta’ Malta, mill-Fakultà tax-Xjenza, inklużi l-Bijoloġija tas-Sajd u l-Akwakultura tal-Baħar; it-Tniġġis tal-Baħar u l-Kwalità Ambjentali; l-Ekoloġija tal-Baħar u tal-Art; il-Kimika Ambjentali, Ix-Xjenza tad-Dinja bħall-Ġeofiżika, is-Sismoloġija u l-Fiżika Atmosferika. 

L-Istitut tas-Sistemi Ambjentali, iċ-Ċentru għall-Edukazzjoni Ambjentali u r-Riċerka, l-Istitut tal-Mediterran u l-Istitut għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Università ta’ Malta wkoll joffru studji u riċerka relatati mal-baħar.

Barra minn hekk, l-Università tospita l-IMO International Maritime Law Institute, li twaqqaf taħt il-patroċinju tal-International Maritime Organization, aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti. L-Istitut huwa ċentru internazzjonali għat-taħriġ ta’ speċjalisti fil-liġi marittima u jikkontribwixxi għall-iżvilupp u t-tixrid tal-għerf u l-kompetenza esperta fil-liġi marittima internazzjonali, b’referenza speċjali għar-regolamenti u l-proċeduri internazzjonali għas-sigurtà u effiċjenza tat-tbaħħir u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar.


Elisabeth Mann BorgeseElisabeth Mann Borgese Elisabeth Mann Borgese (24 t’April, 1918 – 8 ta’ Frar, 2002), waqqfet l-IOI fl-1972 bħala organizzazzjoni internazzjonali mhux governattiva u mhux għal profitt, ibbażata fuq l-għerf,  iddedikata għall-iżvilupp sostenibbli tal-oċeani. L-IOI jaħdem biex iwettaq u jespandi l-prinċipji miġbura fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar għall-benefiċċju tal-umanità kollha, b’konsiderazzjoni partikulari għall-foqra. 

Il-missjoni tal-International Ocean Institute hija li jippromwovi edukazzjoni, taħriġ u riċerka biex itejjeb l-użu paċifiku tal-ispazju tal-oċean u r-riżorsi tiegħu, l-immaniġġjar u r-regolamentazzjoni tagħhom kif ukoll il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar, immexxija mill-prinċipju tal-Wirt Komuni tal-Umanità.


Arvid Pardo (12 ta’ Frar, 1914 – 19 ta’ Ġunju, 1999) – kollaboratur mill-qrib ta’ Elisabeth Mann Borgese – kien diplomatiku, studjuż, u professur universitarju Malti. Huwa magħruf internazzjonalment l-aktar għax-xogħol tiegħu biex jirriforma l-liġi tal-baħar. Fl-1 ta’ Novembru 1967, huwa talab għal regolamenti internazzjonali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti biex jassiguraw il-paċi fl-ibħra, biex jevitaw iżjed tniġġis u biex jipproteġu r-riżorsi tal-oċean. Huwa ppropona li l-qiegħ tal-baħar ikun parti mill-wirt komuni tal-umanità, frażi li tidher f’Artikolu 136 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar.


Malta hija l-pajjiż li jospita l-Kwartieri tal-International Ocean Institute. Bħala stat gżira fiċ-ċentru tal-Baħar Mediterran hija għandha storja twila ta’ dipendenza fuq il-baħar kif ukoll tradizzjoni qawwija ta’ xogħol marittimu, tas-sajd u tat-tbaħħir. Is-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea tobbligaha li żżomm mal-politiki marittimi u tas-sajd kif ukoll ma’ konvenzjonijiet u regolamenti li għandhom skop globali.

 


 

L-Ikel Tajjeb għas-Saħħa u d-Dijabete

LifeXcel LifeXcelLifeXcel – Nippromwovu l-ikel tajjeb għas-saħħa u l-kuxjenza dwar id-dijabete

Stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa u l-prevenzjoni u l-kontroll tad-dijabete kienu ż-żewġ temi tal-avveniment annwali għall-komunità organizzat nhar l-Erbgħa 16 ta’ Ġunju mill-istudenti avvanzati tal-uffiċċju għall-istudji tan-Nutrizzjoni, il-Familja u l-Konsumatur (Nutrition, Family & Consumer Studies - NFCS) tal-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta. LifeXcel kien l-isem magħżul mill-istudenti biex jagħtu ħjiel li għażliet tajbin għas-saħħa f’dak li jirrigwarda l-istil tal-ħajja jistgħu jgħinuna meta naħdmu għall-eċċellenza fil-benesseri u l-attività fiżika.

Din is-sena l-avveniment kellu żewġ attivitajiet prinċipali. Filgħodu, għalliema-studenti tal-Home Economics fir-raba’ sena ħadmu id f’id ma’ żgħażagħ bid-dijabete biex jippreparaw snacks u xorb tajbin għas-saħħa adattati għal nies li jagħżlu li jsegwu stil tajjeb ta’ ħajja u individwi li diġà jgħixu bid-dijabete. L-għan kien li ż-żgħażagħ bid-dijabete jidraw jippreparaw snacks varjati waqt li jużaw ingredjenti u metodi ta’ tisjir li jilħqu l-bżonnijiet nutrittivi tagħhom. Huma tgħallmu wkoll dwar il-mod adattat biex jippreparaw u jservu l-ikel u l-metodi tal-ħażna tal-ikel.

Filgħaxija, dan l-istess ikel sustanzjuż ġie servut minflok is-soltu apetajżers, antipasti u xorb f’bar popolari tal-isports. Nies li jiffrekwentaw il-bar intlaqgħu b’fuljetti kkuluriti li pproduċew l-istudenti tal-NFCS u li ttrattaw suġġetti bħal snacks sustanzjużi, mocktails (xorb mhux alkoħoliku), l-importanza tal-eżerċizzju, u informazzjoni bażika dwar id-dijabete u l-ipo-kondizzjoni. Ftit mir-riċetti fil-fuljetti mbagħad ġew ippreżentati mal-bar jew bħala ikel ħafif biex tnaqqar qabel l-ikla. Dan kien jinkludi bruschetta magħmula minn ħobż ismar b’ingredjenti differenti fuqu, tadam mimli bir-ross, kwalità differenti ta’ għaġin ismar kiesaħ u varjetà ta’ dips bi ftit xaħam. Ir-reazzjonijiet ta’ dawk preżenti kienu pożittivi, kif xehdu l-platti vojta li twasslu lura lejn il-kċina.

Dan l-avveniment huwa eżempju ċar ta’ kif l-istudenti universitarji jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-komunità bħala parti mill-istudji tagħhom. Dan kien ukoll eżerċizzju biex jipprovdu ikel sustanzjuż u tajjeb f’post fejn dat-tip ta’ ikel mhux daqshekk komuni.  Fil-fatt, kemm il-kok kif ukoll is-sid tal-bar tal-isports huma akkaniti li jirrepetu l-avveniment fil-futur b’udjenzi differenti. L-idea hija li dan l-ikel u xorb kif ukoll affarijiet sustanzjużi simili bil-mod jibdew jidhru regolarment fuq il-menù tal-bar tal-isports.

LifeXcel kienet kollaborazzjoni bejn l-uffiċċju tal-NFCS u Taċ-Ċaċċu Social Club f'Ħal Qormi.  L-avveniment kien ukoll sponsorjat mill-Malta Dairy Products, CPS Limited u Home Economists in Action (HEiA – l-assoċjazzjoni professjonali lokali għall-għalliema tal-Home Economics).

L-Uffiċċju tal-Istudji dwar in-Nutrizzjoni, il-Familja u l-Konsumatur tal-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta joffri korsijiet fil-livell ta’ Baċellerat u dak ta’ Masters li jiffokaw fuq it-taħriġ ta’ għalliema fl-oqsma tan-nutrizzjoni, is-saħħa, il-familja, il-konsumatur, it-tessuti u s-sostenibbiltà.

LifeXcel   LifeXcel

 


 

Donazzjoni lill-Bibljoteka

Dan l-aħħar is-Sur Rigu Bovingdon, Malti-Awstraljan, ippreżenta lill-Bibljoteka tal-Università ta' Malta għadd sabiħ ta’ audio tape recordings li jkopru intervisti ma' kittieba magħrufa Maltin, akkademiċi, u persunaġġi konnessi mal-folklor ta' artna. Ir-recordings jinkludu s-sensiela sħiħa ta' intervisti li kien għamel il-Professur Ġużè Aquilina għal fuq ir-Redifussion ma' kittieba tal-Malti bħal Ninu Cremona, Dun Karm, Ġorġ Pisani, Mons. P. P. Saydon, Rużar Briffa, Patri Ġużè Delia, Karmenu Vassallo u bosta oħrajn. Intervisti oħra f’din il-għotja tas-Sur Bovingdon jinkludu dawk li kien għamel is-Sur Ġużè Cassar Pullicino għall-programmi tiegħu fuq ir-Redifussion; filwaqt li Bovingdon innifsu żied l-intervisti li hu stess kien għamel ma' akkademiċi magħrufa Maltin.

Is-Sur Rigu Bovingdon huwa persunalità magħrufa sewwa fil-qasam letterarju Malti bħala lingwista, kritiku letterarju, u kittieb. Għal bosta snin huwa kien promutur ħabrieki tal-ilsien u l-kultura Maltija fl-Awstralja fejn bl-isforzi tiegħu twaqqfu l-ewwel klassijiet għat-tagħlim ta' lsien pajjiżna. Kien wieħed mill-fundaturi tal-Iskola tal-Ilsien Malti fi New South Wales u għen bis-sħiħ biex twaqqfet l-Għaqda tal-Kittieba Maltin fl-Awstralja. L-għotja tas-Sur Bovingdon lill-Bibljoteka tal-Università ta' Malta saret lill-Pro-Rettur il-Prof. Alfred J. Vella fil-preżenza tad-Direttur tal-Bibljoteka s-Sur Anthony Mangion, id-Director-Designate is-Sur Kevin J. Ellul, l-Assistent Direttur is-Sinjura Joanna Felice u diversi akkademiċi fosthom il-Professur Henry Frendo u r-Rev. Professur Peter Serracino Inglott.

Mr Bovingdon donates books to the Library
mix-xellug għall-lemin: il-Prof. H. Frendo, il-Pro-Rettur il-Prof. A. J. Vella, is-Sur Bovingdon, u r-Rev. Prof. P. Serracino Inglott.

 


 

L-Università ta’ Malta u Heritage Malta

L-Università ta’ Malta u Heritage Malta ilhom jikkollaboraw għal numru ta’ snin billi joffru korsijiet li jwasslu għal grad ta’ Baċellerat fil-Konservazzjoni f’erba’ oqsma ta’ studju kif ukoll żewġ korsijiet f’livell ta’ Masters.

Wara diskussjonijiet, u biex iżjed jikkonsolidaw u jiżviluppaw korsijiet fl-oqsma tal-konservazzjoni u r-restawr, kif ukoll biex jirrazzjonalizzaw l-użu ta’ riżorsi, l-Università ta’ Malta u Heritage Malta ftiehmu li l-Institute of Conservation and Management of Cultural Heritage (ICMCH) fi ħdan Heritage Malta minn issa ’l quddiem jibda jiffoka biex joffri programmi vokazzjonali kif ukoll programmi ta’ sensibilizzazzjoni għat-tfal tal-iskola u għall-pubbliku ġenerali.  Korsijiet li jwasslu għal kwalifiki f’livell terzjarju se jkunu ristrutturati u offruti taħt il-patroċinju tal-Università ta’ Malta.

Fis-sentejn li ġejjin l-Università ta’ Malta, permezz tal-Fakultà tal-Ambjent Mibni, se taħdem biex tiżviluppa korsijiet fil-livell ta’ Masters fil-Konservazzjoni.  Dawn il-korsijiet se jkunu miftuħa għal gradwati fi grad ta’ Baċellerat f’oqsma ta’ studju rilevanti, bħal l-Arkeoloġija, l-Istorja tal-Arti, ix-Xjenza, l-Arkitettura, l-Inġinerija u l-Konservazzjoni.  Huwa ppjanat li dawn il-korsijiet ġodda jkunu offruti minn Ottubru tal-2012.

Kemm l-Università ta’ Malta u kemm Heritage Malta se jkomplu jappoġġjaw bis-sħiħ lil dawk l-istudenti li bħalissa qed jagħmlu korsijiet fl-ICMCH sakemm dawn itemmu l-kors tagħhom.  Fi sforz biex jiġi pprovdut ambjent imtejjeb ta’ tagħlim, dawn l-istudenti diġà kienu qed jattendu lekċers f’ċerti taqsimiet-studju flimkien ma’ studenti f’korsijiet oħra fuq il-kampus tal-Università l-Imsida.

Minn Ottubru 2010 l-istudenti li qed jagħmlu l-kors għall-Grad ta’ Baċellerat bl-Unuri fl-Istudju tal-Konservazzjoni u r-Restawr se jkunu rreġistrati mal-Fakultà tal-Ambjent Mibni.  L-Università se tipprovdi r-riżorsi meħtieġa biex tappoġġja dawn il-korsijiet, bil-kollaborazzjoni ta’ Heritage Malta, li se tibqa’ toffri l-użu tal-faċilitajiet tal-laboratorji u tal-librerija lill-istudenti.

 


 

Il-Lingwa Ċiniża għat-Tfal

Lezzjonijiet  għat-Tfal fil-Lingwa Ċiniża
Il-lezzjonijiet jibdew f’Lulju 2010

Dan is-sajf se jibdew isiru lezzjonijiet iddedikati għat-tagħlim tal-'Lingwa Ċiniża għat-tfal.'  Dan huwa l-ewwel kors offrut għat-tfal mill-Istitut Konfuċju f’Malta u huwa maħsub li jipprovdi lit-tfal bl-ewwel passi biex jesperjenzaw il-lingwa Ċiniża u jibdew jiskopru ċ-Ċina.

L-Istitut Konfuċju f’Malta huwa entità edukattiva li tagħmel parti minn netwerk ta’ Istituti Konfuċju simili mad-dinja kollha, bil-kwartieri ġenerali stabbiliti f’Beijing, iċ-Ċina. Il-missjoni prinċipali tal-istitut hija li tiġi mgħallma l-lingwa Ċiniża u introdotta l-kultura Ċiniża f’Malta.

L-Istituti Konfuċju huma stabbiliti biex jippromwovu t-tagħlim taċ-Ċiniż bħala lingwa barranija, u biex jinħolqu programmi ta’ skambju differenti u kooperazzjoni fl-oqsma edukattivi u kulturali, bejn iċ-Ċina u pajjiżi differenti. Fil-perjodu sa’ Ottubru tal-2009, kien hemm 282 Istituti Konfuċju f’84 pajjiż, 70 fi 28 pajjiż Asjatiku, 94 f’29 pajjiż Ewropew, 87 fi 11-il pajjiż Amerikan, 21 fi 15-il pajjiż Afrikan, u 10 f’żewġ pajjizi tal-Gżejjer Paċifiċi. Il-klassi għat-tfal li se tiftaħ dan is-sajf se tkun qed tgħallem lill-istudenti l-bażi ewlenija tal-lingwa Ċiniża, u l-lezzjonijiet se jsiru fuq il-Kampus tal-Università ta’ Malta, l-Imsida. Il-Klassi tas-Sajf se ssir f’Lulju fuq perjodu ta’ erba’ ġimgħat b’żewġ sessjonijiet ta’ siegħa l-waħda kull ġimgħa. Mhux meħtieġ għarfien minn qabel taċ-Ċiniż.

Ġenituri interessati li jirreġistraw lil uliedhom għal dan il-Kors 'Lezzjonijiet għat-Tfal fil-Lingwa Ċiniża' jistgħu jikkuntattjaw lill-Istitut Konfuċju fuq in-numru +356 2340 3407 jew billi jibagħtu email u jingħataw id-dettalji kollha neċessarji.

 


 

Żjara ta’ Studju fi Brussell

Grupp ta’ studenti interpreti mid-Dipartiment tal-Istudju fit-Traduzzjoni u fl-Interpretazzjoni tal-Fakultà tal-Arti ħadu sehem fi żjara ta’ studju ta’ tlett ijiem fi Brussell. Il-vjaġġ ta’ studju kien organizzat mill- uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew, is-Sa Helen Campbell (SCIC) u s-Sa Alison Graves (PE). L-istudenti kellhom diskorsi dwar il-professjoni tal-interpretar ma’ istituzzjonijiet tal-UE u ngħataw l-opportunità li jattendu laqgħat uffiċjali f’sessjoni tal-kumitat parlamentari u f’laqgħa għad-delegati fil-Bini Borschette dwar 'Biljetti tal-Ajru u t-Trasparenza fir-Regolamenti tal-Ivvjaġġar bl-Ajru' u kellhom sessjoni ta’ taħriġ f’dummy booths.

Huma kienu ssorveljati minn interpreti professjonali mill-kabini tal-Ingliż, tal-Olandiż u tal-Malti. Il-grupp ta’ studenti kien akkumpanjat mill-Professur Joseph Eynaud, Kap tad-Dipartiment. Tmien studenti se joqogħdu għat-testijiet inter-istituzzjonali fi Brussell aktar tard dan ix-xahar biex isiru interpreti akkreditati ma’ istituzzjonijiet tal-UE.

Huwa mistenni li fl-24 ta’ Ġunju ssir ġurnata fil-Fakultà tal-Arti dwar il-karrieri għal tradutturi u interpreti futuri biex l-istudenti tal-aħħar sena jsiru konxji tal-opportunitajiet ġodda u eċċitanti għal impjieg f’dawn is-setturi relattivament ġodda għall-gradwati Maltin.

 


 

L-Għoti ta’ Premjijiet tad-Dekan tax-Xjenza

L-Għoti ta’ Premjijiet tad-Dekan għall-eċċellenza fix-Xjenzi Naturali u fil-Matematika bdew fl-1995 u issa saru tradizzjoni stabbilita li qed tiġi segwita wkoll minn fakultajiet oħra. Il-qraba ta’ dawk ippremjati kienu mistiedna għaċ-ċerimonja li saret dan l-aħħar. Din bdiet b’diskors ta’ merħba mid-Dekan, il-Professur Charles V Sammut, u warajh tkellem il-Pro-Rettur, il-Professur Richard Muscat. Kien hemm kunċert qasir minn Akustika.

Il-Professur Sammut feraħ lill-istudenti nominati din is-sena u oħrajn li kienu wrew titjib kbir. Huwa inkoraġġixxa lill-istudenti biex ikollhom fiduċja fihom infushom u fil-kapaċitajiet tagħhom. Huwa semma li l-istudenti tal-Università għandhom ikunu grati li għandhom aċċess għal edukazzjoni terzjarja mill-aqwa, li hi possibbli permezz ta’ akkademiċi eċċellenti, megħjuna minn staff tekniku u amministrattiv. Huwa dmir tagħhom jikkunsidraw li jibdew il-karrieri tagħhom bħala xjenzati billi jagħmlu riċerka. Il-Fakultà issa tejbet il-mezzi tagħha għar-riċerka b’mod sinifikattiv imma dawn jistgħu jiġu utilizzati biss b’mod sħiħ jekk numru biżżejjed ta’ studenti jiddeċiedu jaħtfu l-opportunitajiet ta’ riċerka li qed jiġu offruti.

Id-Dekan ikkonkluda billi rringrazzja lill-istaff amministrattiv tal-Uffiċċju tal-Fakultà, b’mod speċjali lis-Sa Claire Saliba u l-kollegi tagħha, lis-Sa Michelle Spiteri u lis-Sur Justin P Azzopardi, li kienu responsabbli għall-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment. Huwa rringrazzja wkoll lill-Bank of Valletta li sponsorjaw il-Premju BOV għax-Xjenza, mogħti lill-istudent tal-aħħar sena li ġie l-ewwel fuq kulħadd fl-aħħar Bord Għall-Klassifikazzjoni tal-Grad tal-Fakultà tax-Xjenza. L-isponsers l-oħra li taw il-kontribuzzjoni tagħhom għall-għoti tal-Premjijiet kienu Technoline Ltd, l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-Methode Electronics Malta Ltd u Agenda Ltd.

Il-Professur Richard Muscat ippreżenta ċ-ċertifikati u l-premjijiet lill-istudenti li ġejjin: Studenti tal-Ewwel Sena: Matthew Grech, Nicholas Desira (Kimika); Christine Farrugia (Matematika u Fiżika); Studenti tat-Tieni Sena: Caroline Borg, Tereza Bugeja (Bijoloġija u Kimika); Nadya Galea (Matematika u Statistika u Operations Research); Studenti tat-Tielet Sena: Andrew Mifsud (Matematika u Fiżika); Marika Sciriha, Mark Debono (Matematika u Statistika u Operations Research); Studenti tar-Raba’ Sena: Alan Tua, Chantelle Said (Matematika u Fiżika); Giulia Vassallo Eminyan (Bijoloġija u Kimika).

Il-Premju BOV għax-Xjenza ingħata lis-Sur Alan Tua, li rringrazzja lill-Fakultà għall-esperjenza vantaġġuża matul l-erba’ snin tiegħu fil-kors tal-B.Sc. Huwa inkoraġġixxa lill-istudenti biex japprofittaw ruħhom mill-opportunitajiet għal skambji ta’ studenti u biex jattendu skejjel tas-sajf rilevanti għall-oqsma tas-suġġett tagħhom.

Science Dean's List 2010

 


 

Delegazzjoni mill-Indja se żżur l-Università

L-Università ta’ Malta flimkien mal-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fl-Indja bħalissa qed jiffinalizzaw il-preparamenti għal delegazzjoni edukattiva ta’ livell għoli li se tkun qed iżżur Malta fix-xahar ta’ Ġunju.  Grupp ta’ kapijiet ta’ skejjel sekondarji, mill-inħawi ta’ New Delhi, immexxija mis-Sa Megha Srivastav, l-Uffiċjal għall-Università ta’ Malta bbażata fil-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fi New Delhi dalwaqt se jiġu Malta. Dan l-avveniment twettaq wara li ġew stabbiliti u żviluppati kuntatti mill-Kummissarju Għoli, f’isem l-Università ta’ Malta, ma’ numru ta’ skejjel sekondarji privati, kulleġġi u universitajiet fl-inħawi ta’ New Delhi u lil hinn minnha.

Meta kellem lid-delegati waqt laqgħa li saret dan l-aħħar, il-Kummissarju Għoli tkellem dwar il-vantaġġi li Malta tista’ toffri lill-istudent Indjan, bħal livell għoli ta’ edukazzjoni b’rati relattivament ekonomiċi, ambjent sikur u l-fatt li ma hemmx ostakoli tal-lingwa. Huwa awgura li din id-delegazzjoni tkun il-bidu ta’ relazzjoni fit-tul bejn l-Università ta’ Malta u l-kulleġġi Indjani u li din iż-żjara tiżviluppa f’okkażjonijiet regolari fis-snin li ġejjin.

Il-programm li ġie mfassal għal din iż-żjara għandu l-għan li jirreklama lil Malta u l-ambjent edukattiv, kulturali u soċjali tagħha. Il-Konslu Onorarju tal-Indja f’Malta wkoll ta l-appoġġ għall-organizzazzjoni ta’ din iż-żjara.

Matul l-aħħar tliet snin l-Università ta’ Malta kienet qed tippromwovi lilha nnifisha b’mod attiv permezz tal-Kummissjoni Għolja fl-Indja u bis-saħħa ta’ dan l-isforz konġunt  kiber l-interess ta’ kollaborazzjoni f’livelli varji. Il-promozzjoni ta’ skambji akkademiċi reċiproċi, l-organizzazzjoni ta’ seminars, il-qsim tal-għerf u tal-kompetenza ma’ istituzzjonijiet Indjani ta’ Edukazzjoni Ogħla saru suġġett prominenti fuq l-aġenda ta’ internazzjonalizzazzjoni tal-Università.

 


 

l-Għoti tal-Premjijiet tad-Dekan tal-ICT

It-tieni okkażjoni tal-Għoti tal-Premjijiet tad-Dekan (The Dean’s Awards) għall-eċċellenza fil-qasam tal-ICT saret nhar il-21 ta’ Mejju. Għaċ-ċerimonja ta’ din is-sena, id-Dekan tal-Fakultà tal-ICT fl-Università ta’ Malta, Dr Ernest Cachia, ippreżenta premjijiet lil tmintax-il student li ġew l-ewwel, it-tieni u t-tielet f’kull wieħed mid-diversi korsijiet sal-Ewwel Grad tal-B.Sc. (Hons) ICT ta’ matul il-ġurnata u ta’ filgħaxija offruti mill-Fakultà matul is-sena akkademika 2008/2009. L-istudenti li din is-sena ġew inklużi fil-Lista tad-Dekan (Dean’s List) ingħataw ċertifikati u vawċers li jissarrfu f’kotba.

Iċ-ċerimonja kienet ippreseduta mir-Rettur, il-Professur Juanito Camilleri, u attendew għaliha l-Kapijiet kollha tad-Dipartimenti u l-Koordinaturi tal-Korsijiet fi ħdan il-Fakultà tal-ICT, il-korp Amministrattiv, u numru mdaqqas ta’ uffiċjali tal-Università, inklużi s-Sa Veronica Grech (ir-Reġistratur), il-Professur Robert Ghirlando (id-Dekan tal-Fakultà tal-Inġinerija), u l-Professur Charles V. Sammut (id-Dekan tal-Fakultà tax-Xjenza). Waqt li feraħ lill-istudenti għall-kisbiet tagħhom, Dr Cachia saħaq dwar l-importanza esklussiva tal-kapital uman prezzjuż f’termini tal-kontinġent tal-istudenti tal-Fakultà, u esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-isforz fil-kwalità muri mill-istudenti tal-Fakultà. Dr Cachia xtaq lill-istudenti preżenti kollha iktar suċċess u sodisfazzjon fl-istudji tagħhom. Dr Cachia rringrazzja wkoll lil dawk kollha preżenti għall-appoġġ tagħhom bl-attendenza tagħhom għal din iċ-ċerimonja.

Dr Cachia nnota li din hija t-tieni darba li ċ-ċerimonja tal-Premjazzjoni tal-Lista tad-Dekan kienet qed tiġi organizzata u din tagħti xhieda tal-istabbilità tal-Fakultà u tal-maturità tal-istudenti tagħha. Il-Fakultà tal-ICT, permezz tal-istaff dinamiku tagħha kemm dak akkademiku u dak amministrattiv, qiegħda kontinwament tistinka biex tipprovdi lill-istudenti tagħha b’korsijiet rilevanti u b’opportunitajiet ta’ riċerka. Dr Cachia semma wkoll li l-kunċetti fundamentali ta’ kwalità, rilevanza u professjonalità, kienu l-pedament tal-fakultà l-ġdida, u li l-istaff ferm ikkwalifikat, diliġenti u rispettuż, kemm dak akkademiku kif ukoll dak amministrattiv, bla dubju huma l-bażi ta’ dan kollu. Dr Cachia rringrazzja lil dawk kollha involuti biex jagħmlu din l-okkażjoni waħda ta’ suċċess.

Il-Professur Juanito Camilleri enfasizza li l-Università ta’ Malta hija kburija bl-istudenti tagħha u permezz ta’ din l-okkażjoni l-Fakultà tal-ICT qed tiċċelebra l-eċċellenza. L-Università ta’ Malta tinsab dejjem lesta biex tgħin lil dawn l-istudenti biex jimxu ’l quddiem fil-professjoni u fl-istudji tagħhom kemm f’Malta kif ukoll barra.

Dan l-avveniment kien ġentilment sponsorjat minn Ascent Software, Catalogue Solutions u Ixaris.  L-Agenda Bookshop ipprovdew il-vawċers għall-kotba bi prezz speċjali. Dr Cachia rringrazzja lil dawn l-organizzazzjonijiet għall-appoġġ prezzjuż tagħhom.

ICT Dean's Awards 2008/2009

Il-Fakultà tal-ICT
Il-Lista tad-Dekan
Sena Akkademika 2008/2009

B.Sc. (Hons) ICT
L-Istudenti tal-Ewwel Sena
Camilleri Michael
Fenech Conti Ian
Seychell Aldrin
               
B.Sc. (Hons) ICT
L-Istudenti tat-Tieni Sena
Agius Gareth
Valentino Gianluca
Zarb Terence

B.Sc IT (Hons)
L-Istudenti tat-Tielet Sena
Briffa David
Fenech Brian
Pirrone Mauro
           
B.Sc.IT (Hons)
L-Istudenti tar-Raba' Sena
Bondin Ingram
Falzon Kevin
Gauci Andrew                               

B.Sc. (Hons) ICT
It-Tieni Sena (Kors ta' filgħaxija)

De Gabriele Noel
Grech Jurgen
Monreal Godfrey

B.Sc. (Hons) ICT
Ir-Raba' Sena (Kors ta' filgħaxija)
Brincat Edward
Cini Edwin
Gatt Tyrone

 


 

Il-Bram qrib ix-Xtut u l-Bajjiet Tagħna

Il-programm tal-IOI-KIDS għal dan is-sajf huwa mmirat lejn il-parteċipazzjoni tat-tfal tal-primarja u ż-żgħażagħ tas-sekondarja flimkien mal-għalliema u l-ġenituri tagħhom sabiex jagħmlu xi ħaġa tanġibbli għall-ambjent tal-baħar billi jieħdu sehem f’inizjattiva biex jiġi mmonitorjat il-bram fil-baħar u l-bajjiet Maltin. L-inizjattiva 'Spot the Jellyfish' tal-IOI-KIDS qegħda tiġi organizzata sabiex iżżid l-għarfien, speċjalment fost il-ġenerazzjoni żaghżugħa, dwar id-diversità lokali tal-ispeċi ta’ bram, billi jinvolvu rwieħhom f’eżerċizzju interessanti li jikkonsisti fir-rappurtaġġ ta’ dehriet ta’ bram li spiss naraw qrib xtutna u fil-bajjiet tagħna. Permezz ta’ din l-inizzjattiva, wieħed ikun qed jgħin sabiex ikun possibbli li niġbru din it-tip ta’ informazzjoni utli għal studji xjentifiċi, għall-awtoritajiet lokali u għat-turisti, permezz tal-għajnuna diretta ta’ dawk li jżuru x-xtut u l-ibħra ta’ madwarna ... u ovvjament ma’ dan niġbru informazzjoni sabiex dak li jkun jevita l-postijiet fejn ikun hemm il-bram.

L-inizjattiva li qed titmexxa minn Aldo Drago, Direttur tal-IOI Malta Operational Centre tal-Università ta’ Malta, għandha l-appoġġ tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA), Nature Trust, EkoSkola, il-programm ta’ Malta Blue Flag u l-Friends of the Earth. Id-dehriet tal-bram se jkunu rrappurtati fuq fuljett ikkulurit li qed jitqassam lil eluf ta’ tfal fl-iskejjel u f’postijiet qrib il-baħar. Bl-appoġġ tal-MTA, diversi posters se jitwaħħlu fuq bordijiet mal-bajjiet prinċipali f’Malta u Għawdex.

Biex tirrapporta l-bram huwa faċli! Il-parteċipanti għandhom jimlew l-fuljett billi jqabblu il-bram bi gwida ta’ identifikazzjoni sempliċi u viżwali, iniżżlu l-ġurnata u l-ħin ta’ l-osservazzjoni, jindikaw n-numru ta' bram li dehru, u jibgħatu l-fuljett bil-posta jew jimlew ir-rapport online fuq www.ioikids.net/jellyfish. Wieħed jista’ wkoll jibgħat ir-rapport permezz ta’:
SMS fuq 79 222 278 jew permezz ta’ email.
Il-parteċipanti jidħlu biċ-ċans li jirbħu numru ta’ premjijiet sbieħ!

Avveniment skedat għall-4 ta’ Gunju, 2010 se jservi sabiex titniehed l-inizjattiva proprju fil-ġimgħa tal-Jum Dinji tal-Oċeani li jigi ċċelebrat fit-8 ta’ Ġunju, taħt it-tmexxija tan-Nazzjonijiet Uniti (UN). Din il-ġurnata speċjali taċ-'Ċelebrazzjoni tal-Baħar' li tiġi kkommemorata fuq livell dinji hija mmirata sabiex tkabbar l-kuxjenza pubblika lejn l-bahar tagħna u turi kif kulħadd jista’ jikkontribwixxi għall-immaniġġjar sostenibbli tal-oċeani u r-riżorsi tagħhom.

Aktar informazzjoni dwar l-inizjattiva ‘Spot the Jellyfish’ tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku tal-IOI-KIDS u l-paġna apposta fejn wieħed jista’ jsib tagħrif interessanti dwar il-bram lokali, kif ukoll jista’ jniżżel il-fuljett b’mod elettroniku.

 


 

Qabbel u Tgħallem

... MA in Comparative Euro-Mediterranean Education Studies

Iċ-Ċentru Ewro-Mediterranju għar-Riċerka fl-Edukazzjoni (EMCER) tal-Università ta’ Malta ser jerġa’ joffri d-degree M.A. in Comparative Euro-Mediterranean Education Studies. Il-kors jibda f’Ottubru 2010, u hu mgħallem part-time lil studenti li jiltaqgħu darba fil-ġimgha għal 4 sigħat. Il-kors hu mmirat lejn studenti motivati li jixtiequ jiżviluppaw ħiliet t’analiżi fil-politika edukattiva tal-Unjoni Ewropea u tar-reġjun fil-Mediterran.

Il-kors joffri bilanċ bejn it-tagħlim u r-riċerka, u l-istudenti għandhom l-opportunità li jiffurmaw gruppi ta’ riċerka biex jindirizzaw sfidi fl-edukazzjoni billi jqabblu dak li qed isir f'Malta ma’ politika edukattiva f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Aktar informazzjoni dwar il-kors jinsab fuq is-sit elettroniku taċ-Ċentru.

Jekk ikun hemm biż-żejjed domanda minn studenti Għawdxin, il-kors, jew aspetti minnu, jiġu offruti f'Għawdex.

Biex tapplika online mur fuq il-pagna: www.um.edu.mt/registrar/students/applyonline

Dawk li jitħajru jidħlu għal dan il-kors għandhom jinfurmaw lill-mexxej tal-kors, il-Professur Ronald G. Sultana permezz ta' email, u huma mistiedna jattendu laqgħa li ser issir nhar il-Ħamis, 27 ta’ Mejju fejn jingħataw aktar informazzjoni. In-numru ta’ studenti li jiġu aċċettati għall-kors hu limitat.

 


 

Diploma dwar il-Liġijiet ta’ Proċedura

Kors għal Diploma dwar il-Liġijiet ta’ Proċedura mill-Università ta’ Malta

Il-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Malta, fuq talba tad-Direttur Ġenerali, Diviżjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja fil-Ministeru tal-Ġustizzja u tal-Intern, qed tesplora l-possibbiltà li toffri kors għal Diploma mifrux fuq sentejn u fuq bażi part-time filgħaxija dwar il-Liġijiet ta’ Proċedura.

Il-kors għal Diploma dwar il-Liġijiet ta’ Proċedura huwa kors sal-ewwel grad li huwa intiż li jiġi offrut wara l-ħinijiet tax-xogħol (bejn il-ħamsa u nofs ta' filgħaxija/is-sitta ta' filgħaxija sa madwar it-tmienja ta' filgħaxija) fuq bażi part-time fil-Kampus tal-Università ta’ Malta l-Imsida. Jekk dan il-kors isir ikun jirrigwarda l-Liġi ta’ Proċedura Maltija u tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari l-istudenti li jsegwu dan il-Kors għal Diploma se jitgħallmu:

  • il-liġi ta’ proċedura applikabbli li tirrigwarda l-organizzazjoni tal-qrati tal-ġustizzja u tal-ġudikatura
  • id-dmirijiet li jaqdu l-uffiċjali tal-qorti, inkluża l-professjoni legali, l-assistenti ġudizzjarji, ir-reġistraturi tal-qorti u impjegati oħrajn tal-qorti
  • il-liġi tal-proċedura ċivili
  • il-liġi tal-proċedura kriminali
  • il-liġi li tirregola l-proċedura kostituzzjonali
  • il-liġi tal-proċedura kummerċjali
  • il-liġi li tirregola l-proċedura amministrattiva
  • ir-relazzjoni bejn il-qrati tal-ġustizzja u bordijiet u tribunali oħrajn bħat-Tribunal Ekklesjastiku, it-Tribunal Industrijali, il-Bord li jirregola l-Kera, il-Bord dwar il-Kontroll tal-Kiri ta’ Raba’, il-Bord ta’ Arbitraġġ dwar Artijiet, it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva eċċ.
  • il-liġi tal-Unjoni Ewropea rilevanti għall-Qrati tal-Ġustizzja bħal Mandat ta’ Arrest Ewropew, l-Ordni ta’ Infurżar Ewropew, l-Ordni Ewropea tal-Ħlas, referenzi lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, eċċ.

L-applikanti irid ikollhom iċ-ċertifikat tal-Matrikola. Dawk l-applikanti li ma għandhomx iċ-ċertifikat tal-Matrikola jistgħu jitqisu skont il-klawsola tal-maturità (23 sena jew aktar, soġġett għal intervista sabiex ikun stabbilit li huma xierqa.

Il-kors għal Diploma se jikkonsisti minn sittin kreditu ECTS (kreditu wieħed huwa daqs 7 sigħat ta’ lectures) jiġifieri 420 siegħa ta’ lectures mifruxa fuq perjodu ta’ sentejn. Ikun hemm eżami fl-aħħar ta’ kull unità ta’ studju biex jiġi vvalutat kemm il-kandidat ikun fehem is-suġġett. Se jkun hemm madwar 15-il eżami fuq perjodu ta’ sentejn.
   
Il-Kors għal Diploma se jkun mifrux fuq 4 semestri (żewġ semestri fis-sena) u huwa stmat, f’dan l-istadju, li l-miżata se tkun bejn tliet mitt euro u erba’ mitt euro kull semestru. Il-miżata għall-kors kollu se tkun bejn elf u mitejn euro u elf u sitt mitt euro. L-istruttura tal-miżata tiddependi fuq in-numru ta’ parteċipanti.

Għalhekk il-Fakultà tal-Liġi qiegħda tistħarreġ il-possibbiltà li tagħmel dan il-kors. Fir-rigward tal-benefiċċji li hemm f’dan il-kors, il-parteċipanti fil-kors ser jitgħallmu l-liġijiet ta’ proċedura u b’hekk ikunu f’pożizzjoni aħjar biex isegwu l-proċeduri kollha tal-qorti; biex jifhmu aħjar it-terminoloġija u l-proċeduri tal-qorti u d-diversi funzjonijiet imwettqa mill-qrati u r-reġistru tal-qorti; ikunu jistgħu wkoll jiddistingwu bejn atti ġudizzjarji u skritturi oħrajn u r-rekwiżiti legali meħtieġa biex jitħejjew u jiġu ppreżentati dawn l-atti u skritturi.

Il-kors għal Diploma huwa maħsub għall-impjegati tal-qorti, impjegati li jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u impjegati oħrajn fid-dipartimenti tal-Gvern li jirrappreżentaw l-uffiċċju tagħhom fil-proċeduri tal-qorti jew b’xi mod qed jaqdu dmirijiet fir-rigward tal-qrati tal-ġustizzja kif ukoll għall-iskrivani legali li jaħdmu f’ditti legali li jixtiequ jaġġornaw l-istudji tagħhom dwar il-liġijiet ta’ proċedura. Ikun ta’ benefiċċju wkoll għall-ġurnalisti li jirrapportaw dwar il-proċeduri tal-qorti. Il-kors għal Diploma jista’ jkun ta’ benefiċċju wkoll għall-membri tal-pubbliku ġenerali li huma interessati fi proċeduri tal-qorti.

Fir-rigward tal-uffiċjali pubbliċi, meta jingħataw id-Diploma fil-Liġijiet ta’ Proċedura, dan jista’ jintitolahom għal allowance ta’ kwalifika skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Public Service Management Code kif ukoll prospetti aħjar għall-promozzjoni u ċans aħjar għall-għażla f’sejħiet għall-applikazzjonijiet fi gradi dipartimentali fid-Diviżjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja bħal dawk ta’ Assistent Reġistratur u Deputat Reġistratur. Il-Kors għal Diploma fil-Liġijiet ta’ Proċedura huwa kors iffukat li jippermetti lill-parteċipanti sabiex jispeċjalizzaw fil-Liġijiet ta’ Proċedura li huma ingredjent essenzjali biex wieħed jaħdem fil-Qrati tal-Ġustizzja, f’dipartimenti li jinvolvu xogħol tal-qorti, fid-ditti legali u għar-rappurtaġġ ta’ proċeduri legali fil-midja.

L-Università ta’ Malta tippermetti wkoll applikanti li ma jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti biex jiġu kkunsidrati skont il-klawsola ta’ maturità. F’każijiet bħal dawn l-applikant ikollu jgħaddi minn intervista biex jiġi stabbilit jekk huwa/hija j/tistax j/tiġi aċċettat/a f’dan il-kors u j/tibbenefikax minnu.

L-applikanti prospettivi li jixtiequ jsegwu dan il-kors għandhom jissottomettu isimhom, kunjomhom, l-indirizz, l-indirizz elettroniku (e-mail) u n-numru tat-telefon lil Professur Kevin Aquilina, Chairman, Strategic Plan Committee, Fakultà tal-Liġi, Universita’ ta’ Malta, Msida MSD 2080 jew bl-email mhux aktar tard mill-Ġimgħa, 28 ta’ Mejju 2010. Dan ser jippermetti lill-Fakultà tal-Liġi tiddetermina jekk hemmx interess li jsir dan il-Kors għal Diploma u, jekk hemm dan l-interess, biex tiġi stabbilita l-miżata applikabbli fuq il-bażi tan-numru ta’ parteċipanti li jixtiequ jsegwu il-Kors.

Jekk tixtieq iktar informazzjoni dwar dan il-kors, tista’ tikkuntattja lil Professur Kevin Aquilina, Kap, Dipartiment tad-Dritt Pubbliku, Fakultà tal-Liġi, Università ta’ Malta fuq in-numru tat-telefon 2340 2785.

 


 

Invit lill-Istudenti Kollha

Wara s-suċċess ta’ dawn l-aħħar sentejn, DegreePlus se jerġa joffri l-programm tal-volontarjat lill-istudenti tal-Università, matul il-vaganzi tas-sajf. Jekk trid tesperjenza xi ħaġa ġdida, sfida u li għandha sinifikat qawwi għalik, inti mistieden tipparteċipa f'wieħed mill-proġetti.

Ikklikkja hawn biex tagħżel il-post fejn tixtieq tagħti sehemek u imla l-formola. Inkella tista’ ssib xi organizazzjoni int, fejn tippreferi tagħmel il-volontarjat  kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.

Ir-reġistrazzjoni hija miftuħa mis-17 ta' Mejju sat-28 ta' Mejju u tista’ tirreġistra billi tikklikkja hawn.

Għal aktar informazzjoni kellem lil Ms Edith Boffa fuq in-numru tat-telefon 2340 2341 jew ibgħat email.

DegreePlus hija inizjattiva tal-Università ta’ Malta, sponsorjata mill-Bank of Valletta. Il-programm tal-volontarjat huwa kkordinata mill-Kappellanija tal-Università ta’ Malta.

 


 

Taħriġ tal-Istaff permezz tal-Erasmus

Erasmus WeekĠimgħa ta’ mobilità għat-taħriġ tal-istaff permezz tal-Erasmus

L-International & EU Office tal-Università dan l-aħħar organizza ġimgħa ta’ mobilità għat-taħriġ tal-istaff tal-Erasmus. Ħadu sehem ħmistax-il parteċipant li kienu kollha kollegi li jaħdmu f’uffiċċji tal-Erasmus, jew f’fakultaijiet f’Universitajiet Ewropej li l-Università ta’ Malta għandha rabtiet magħhom permezz tal-programm Erasmus. Dawn ġew minn Universitajiet bħall-Politecnico di Bari, l-Università degli Studi di Salerno, l-Università degli Studi di Camerino fl-Italja, Lazarski School of Law, Katholike University John Paul II, University of Wroclaw fil-Polonja, l-University of Vigo, Spanja, l-University of Wales, Newport, ir-Renju Unit, l-Université Catholique de Lyon, l-Université de Savoie Chambéry fi Franza u Tampere University of Applied Sciences (TAMK) fil-Finlandja.

Minħabba n-numru ta’ applikazzjonijiet din is-sena għal pjazzamenti f’Malta, ġiet organizzata konferenza ta’ ġimgħa taħriġ għall-istaff minflok l-iskambji individwali tas-soltu. Din saret fil-lukanda Dolmen, fejn kienu qed joqogħdu l-parteċipanti u fuq il-Kampus tal-Università l-Imsida u tal-Belt Valletta. Ingħataw preżentazzjonijiet mill-istaff tal-uffiċċju e-sims, tal-APQRU, tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet, tal-Iskola tal-Lingwa Ingliża, mill-koordinatur tal-International Masters' Programmes, mill-MUHC (Malta University Holding Company), mill-University Residence, mill-ACCESS – Disability Support Unit kif ukoll mill-istaff tal-International & EU Office u mit-Tim Erasmus. Saru workshops fejn il-parteċipanti kellhom l-opportunità li jippreżentaw l-Università tagħhom lil xulxin u jipparagunaw il-prattiki tax-xogħol. Huma wkoll kellhom laqgħat ma’ fakultajiet biex jestendu ftehimiet mal-Universitajiet tagħhom.

Il-parteċepanti ttieħdu fuq żjarat iggwidati l-Belt Valletta u l-Imdina, il-Mosta u l-fabbrika tal-ħġieġ f'Ta' Qali u b’hekk ħadu ħjiel tal-wirt kulturali ta’ Malta. Il-Konferenza intemmet b’ikla Gala fil-lukanda Dolmen fejn kull parteċipant ingħata ċertifikat ippreżentat mill-Pro Rettur il-Professur Alfred Vella.

Erasmus Week

 


 

Inżidu l-Attrazzjoni tal-Edukazzjoni Xjentifika

Il-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni Xjentifika (Science Education European Platform – SEEP), hija proġett ta’ tliet snin bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea permezz tal-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja (Lifelong Learning Programme).  Il-proġett għandu l-għan li jibni netwerk sostenibbli għall-promozzjoni ta’ kooperazzjoni u innovazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni xjentifika fil-livell sekondarju.
   
In-Netwerk SEEP qed jikber permezz tal-involviment ta’ membri ġodda.  In-Netwerk huwa magħmul minn skejjel sekondarji, skejjel vokazzjonali, universitajiet, dawk li jfasslu l-politika u dawk interessati fl-edukazzjoni b’mod ġenerali li għandhom bħala parti mill-missjoni diretta jew indiretta tagħhom il-futur tal-istudenti ta’ suġġetti xjentifiċi.  Membri mill-Portugall, Spanja, l-Italja, Malta, ir-Rumanija, il-Ġermanja, il-Polonja, il-Greċja, Ċipru u t-Turkija diġà jiffurmaw parti min-Netwerk. L-Università ta’ Malta hija waħda mill-imsieħba fil-proġett SEEP.  Membri tan-Netwerk iltaqgħu Malta fl-aħħar ġimgħa ta’ April.

L-għanijiet ta’ SEEP huma li jsaħħu d-dimensjoni Ewropea tal-edukazzjoni xjentifika; li jtejbu l-kwalità tal-edukazzjoni xjentifika u t-taħriġ waqt li jtejbu l-kwalità ta’ direzzjoni dwar il-karrieri fix-xjenza; li jtejbu l-ħiliet marbuta mal-edukazzjoni xjentifika tal-għalliema tax-xjenza u ta’ min imexxi l-iskejjel; biex iżidu l-produzzjoni u t-tixrid ta’ informazzjoni dwar prattika tajba fl-edukazzjoni xjentifika bir-riżultat li jippromwovu u jiffaċilitaw it-trasferiment ta’ metodi innovattivi fl-edukazzjoni xjentifika u b’hekk jagħmlu l-edukazzjoni xjentifika fl-Ewropa iżjed attraenti.

In-Netwerk jipprevedi numru ta’ attivitajiet li jinkludu sessjonijiet ta’ taħriġ; il-ħolqien ta’ fora ta’ diskussjoni fuq l-internet; riċerka fl-edukazzjoni xjentifika; Jum Ewropew għax-Xjenza (European Science Day) u esibizzjonijiet permanenti dwar ix-xjenza.
   
Persuni ta’ kuntatt għan-Netwerk SEEP huma: Dr Deborah Chetcuti, Kap, Dipartiment tal-Matematika, ix-Xjenza u l-Edukazzjoni Teknika, Fakultà tal-Edukazzjoni, l-Università ta’ Malta u Dr Josette Farrugia, Senior Lecturer fl-istess Dipartiment u s-Sa Desiree Scicluna Bugeja, Education Officer, Bijoloġija.

SEEP_logo_e

 


 

Skola tas-Sajf fit-Teoloġija 2010

Il-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta’ Malta u l-Kummissjoni Teoloġika ta’ Malta qed jorganizzaw Skola tas-Sajf fit-Teoloġija bejn it-Tnejn 28 ta’ Ġunju u l-Ġimgħa 9 ta’ Lulju 2010 bit-tema: The Religious Quest: The Interface between Spirituality and Culture in the Mediterranean.

Il-baċir Mediterranju mhuwiex biss il-benniena tat-tliet reliġjonijiet monoteistiċi – il-Ġudaiżmu, il-Kristjanità u l-Iżlam – imma wkoll il-post fejn jiltaqgħu l-kulturi li huma mxebilka ma’ dawn ir-reliġjonijiet. It-tfittxija għall-Assolut f’kull waħda minn dawn ir-reliġjonijiet hija dimensjoni bażika, u hi marbuta ma’ perspettivi antropoloġiċi u soċjoloġiċi. Il-kuntest ta’ Malta se jittieħed bħala case study.

Il-parteċipanti f’din is-Skola tas-Sajf jiksbu firxa wiesgħa ta’ tagħrif u esperjenzi dwar numru ta’ temi li jħaddnu r-reliġjonijiet Mediterranji bikrija u dawk monoteistiċi. L-organizzazzjoni tas-Skola tas-Sajf f’Malta jgħin il-parteċipanti biex ikollhom esperjenza diretta tat-tfittxija spiritwali tal-bniedem fil-Mediterran. Il-lezzjonijiet se jissieħbu ma’ żjajjar kulturali f’għadd ta’ imkejjen ta’ natura arkeoloġika u storika. Persuni minn kull qasam tal-ħajja huma mħeġġa japplikaw. Fi tmiem is-Skola tas-Sajf, il-parteċipanti jingħataw ċertifikat ta’ attendenza.

Għal aktar informazzjoni, ikkuntattja lil Ms Maria Bugeja, fl-indirizz elettroniku jew fuq it-telefon 21240746.

 


 

Ġurnata Għall-Bizzilla

Il-Kampus tal-Università ta’ Malta ġewwa Għawdex tella’ l-erbatax-il edizzjoni tal-Gozo Lace Day. Dan l-avveniment annwali għandu l-għan li jippromwovi u jkattar l-informazzjoni dwar ix-xogħol tal-bizzilla u għalhekk l-edizzjoni ta’ din  is-sena kienet tinkludi wirja ta’ xogħlijiet maħdumin b’din is-sengħa filwaqt li kien hemm min kien qed jaħdem dan ix-xogħol fuq il-post. Uħud mix-xogħlijiet esebiti kienu jinkludu xogħol artiġjanali kontemporanju ta’ kwalità għolja filwaqt li taqsima partikolari ġiet imwaqqfa mill-OIDFA (International Organisation of Needle and Bobbin lace). Saru wkoll taħdidiet fuq materji relatati mas-suġġett.

Il-Professur Lino Briguglio, Direttur tal-Kampus tal-Università f’Għawdex, introduċa lill-kelliema ewlenin li żaru l-Kampus waqt din l-attività u għamlu l-interventi tagħhom. Tkellmet ukoll is-Sinjura Consiglia Azzopardi li hi l-koordinatriċi tal-Lace Making Programme fi ħdan l-istess kampus. Fid-diskors tagħha hija saħqet dwar il-ħtieġa li l-bizzilla tiġi mgħallma bħala suġġett akkademiku, biex filwaqt li jinżamm l-element tradizzjonali, jintlaħqu wkoll il-miri u d-domandi ta’ dawk li huma l-istili moderni fis-suq tal-bizzilla fiż-żminijiet ta’ llum.

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex faħħret id-diversi inizjattivi  meħuda mill-Kampus tal-Università f’Għawdex u fissret kif il-ħidma kollettiva ta’ dawk kollha involuti rriżultat f’aktar servizzi edukattivi f’Għawdex. Dan jgħodd ukoll għall-programm dwar ix-xogħol tal-bizzilla li permezz tat-tagħlim ta’ materji relatati kiseb valur akkademiku ma’ dak artiġjanali. Il-Ministru  spjegat kif din is-sengħa tirrappreżenta karatteristika ewlenija tal-prodott turistiku Għawdxi u hija parti intrinsika mit-tradizzjonijiet tal-gżira. Għaldaqstant għad għandha importanza ekonomika u valur bħala wieħed mill-prodotti  awtentiċi tal-gżira ta’ Għawdex. Wara l-Ministru qassmet iċ-ċertifikati lill-ħames studenti li qed jattendu l-ewwel sena f’kors li jwassal għal Certificate in Lace Making.

Mistieden speċjali għall-attività ta’ din is-sena kien is-Sur Anton Tabone, li kien ex-Speaker tal-kamra tar-Rappreżentanti u l-ewwel Ministru għal Għawdex. Is-Sur Tabone feraħ lid-direttur u l-istaff tal-Kampus tal-Università f’Għawdex filwaqt li faħħar l-inizjattiva ta’ Consiglia Azzopardi. Huwa awgura li l-kors għal Diploma in Lace Studies jerġa’ jkun wieħed mill-korsijiet li jibdew fis-sena akkademika li jmiss. Huwa ħeġġeġ lill-Ministeru għal Għawdex u r-Rettorat tal-Università ta’ Malta biex ikomplu jsostnu l-ħidma tal- Kampus tal-Università f’Għawdex. Is-sur Tabone rrakkomanda li x-xogħol ta’ kwalità li ġie maħdum fi ħdan il-Lace Making Programme fil-Kampus f’Għawdex għandu ikun esebit possibilment ġewwa mużew tal-bizzilla.

Għal din l-okkażjoni ġie inawgurat ktieb ta’ disinji u xempji tal-bizzilla li ntwerew f’edizzjonijiet passati tal-Gozo Lace Day, miġbur minn Consiglia Azzopardi. Kopji ta’ dan il-ktieb jistgħu jinkisbu mill-Koperattiva Għawdxija tal-Bizzilla u l-Artiġjanat. 

laceday2010a

Ikklikja hawn biex tara aktar ritratti.

 


 

Bejgħ ta' Pjanti fl-Argotti

Il-Ġonna Botaniċi tal-Argotti (sezzjoni tal-Università ta' Malta), li jinsabu l-Furjana, għandhom selezzjoni ta’ pjanti indiġeni u endemiċi Maltin kif ukoll pjanti oħra li huma addattati għall-klima Mediterranja. Xi uħud minn dawn il-pjanti huma uniċi għall-gżejjer Maltin.

Selezzjoni ta’ dawn il-pjanti indiġeni u Mediterranji Maltin ser ikunu għall-biegħ nhar il-Ġimgħa 30 ta’ April u il-Ġimgħa 7 ta’ Mejju (qabel Jum l-Omm) mid-9 ta' filgħodu sat-3 ta' wara nofsinhar.

Ser tingħata informazzjoni dwar it-tħawwil u l-kura ta’ dawn il-pjanti. Għal iktar informazzjoni ċemplu fuq in-numru 21 248984.

Il-bejgħ ta’ pjanti se jibda’ jkun kull l-ahhar Ġimgħa tax-xahar. Min ikun interressat iżuru l-Ġonna Botaniċi għandu jċempel biex jagħmel appuntament; iż-żjarat isiru kull l-ewwel ġimgħa tax-xahar.

 


 

Skola tas-Sajf għall-James Madison University

L-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa b’kollaborazzjoni mal-Unità għall-Programmi Internazzjonali tal-Università ta’ Malta se jkun qed jospita s-seba’ Skola tas-Sajf għall-James Madison University mit-12 ta’ Mejju sat-8 ta’ Ġunju 2010. Dr Sandra Buttigieg se tikkoordina l-programm akkademiku li jinkludi lekċers minn esperti lokali fl-oqsma tas-suġġetti, żjarat fi sptarijiet u f’laboratorji tal-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa u josservaw proġetti dwar suġġetti ewlenin.

L-enfasi prinċipali ta’ din l-Iskola tas-Sajf hija d-Dijabete tat-Tip 1, id-Dimenzja, l-Awtiżmu fit-Tfulija, l-użu tal-Alkoħol minn adulti żgħażagħ Maltin, is-Saħħa fl-Attività Sesswali u l-Immigrazzjoni. Il-grupp ta’ sittax-il student, li ġejjin minn varji dixxiplini tas-saħħa, se jkunu akkumpanjati mill-għalliema tagħhom il-Professoressa Judith Townsend Rocchioccoli, il-Professur Eric Blumensen u l-Professoressa Karen Jagiello.

Barra minn dan, l-istudenti se jattendu wkoll programm kulturali kkoordinat mis-Sa Celine Farrugia, il-koordinatriċi tal-Programmi Internazzjonali. Il-programm jinkludi diversi lekċers dwar l-istorja u l-kultura ta’ Malta kif ukoll numru ta’ ħarġiet istruttivi madwar Malta u Għawdex.

 


 

Strateġiji tal-Kompetittività

Programm ta’ Taħriġ għal Pajjiżi Terzi Malta-Commonwealth
S
trateġiji tal-Kompetittività għall-Istati Żgħar
19-27 ta’ April 2010

L-Istitut tal-Gżejjer u l-Istati Żgħar tal-Università ta’ Malta b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u s-Segretarjat tal-Commonwealth, se jorganizza workshop ta’ taħriġ dwar l-'Istrateġiji tal-Kompetittività għall-Istati Żgħar' (Competitiveness Strategies for Small States).  Il-pajjiżi tal-Commonwealth li se jieħdu sehem jinkludu l-Botswana, Ċipru, il-Gambja, il-Kenja, Kiribati, il-Lesoto, il-Mawrizju, Samoa, is-Seychelles, Santa Luċija u s-Sważiland. Din se tkun is-seba’ edizzjoni tal-workshop ta’ taħriġ.

L-għan tal-kors huwa li jxerred l-għerf u jipprovdi taħriġ dwar strateġiji ta’ kompetittività, u jkopri diversi temi li għandhom x’jaqsmu mal-kompetittività u mat-tmexxija ekonomika tajba. Skop ieħor ta’ dan il-workshop huwa li jagħmilha possibbli għall-parteċipanti li jibbenefikaw billi jaqsmu ideat u esperjenzi waqt id-diskussjonijiet.

Il-kors huwa primarjament maħsub għal uffiċjali, f’livell ta’ management għoli u medju, li jaħdmu fis-settur privat u f’istituzzjonijiet tas-settur pubbliku. Il-parteċipanti normalment huma nnominati mill-gvernijiet nazzjonali tal-istati żgħar membri tal-Commonwealth, u sponsorjati mill-Fond tal-Commonwealth għal Kooperazzjoni Teknika (Commonwealth Fund for Technical Co-operation).

Jekk tixtiequ iktar informazzjoni, tistgħu tikkuntattjaw lis-Sa Maryrose Vella,
l-Istitut tal-Gżejjer u l-Istati Żgħar
Tel/Fax: +356 2340 3308
Email

 


 

Premjijiet 2010

Il-Preżentazzjoni Annwali ta’ Premjijiet 2010
mid-Dipartiment tal-Accountancy, il-FEMA, l-Università ta’ Malta

Filgħaxija tal-Ġimgħa 26 ta’ Marzu 2010, id-Dipartiment tal-Accountancy, fil-Fakultà tal-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy fl-Università ta’ Malta, ippreżenta l-premjijiet ta’ din is-sena lill-grupp tal-gradwati fil-Baċellerat tal-Accountancy (Hons) 2007/2009 fis-Sala Francis Ebejer fuq il-kampus.  Il-Kap tad-Dipartiment, is-Sur Peter J. Baldacchino għamel diskors ta’ introduzzjoni dwar ix-xejriet attwali f’dak li għandu x’jaqsam mar-riċerka tal-istudenti u tad-dipartiment. Id-Dekan tal-Fakultà, Dr Saviour Gauci ħabbar erbatax-il premju differenti u feraħ lir-rebbieħa. Wara, dawn ġew ippreżentati premjijiet minn għaxar sponsors: il-Malta Institute of Accountants, iċ-Chartered Institute of Management Accountants, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, il-Fond Ċentrali tal-Koperattivi u sitt kumpaniji internazzjonali tal-accountancy. Kull rebbieħ ta’ premju ppreżenta kopja tar-riċerka tiegħu lill-isponsor.

Il-Premju għall-Aħjar Student tas-Sena mill-Malta Institute of Accountants ingħata mill-President tal-Malta Institute of Accountants is-Sur Bernard Scicluna lis-Sa Denise Cachia, li tkellmet dwar l-esperjenza tagħha bħala studenta tal-accountancy u b’mod partikolari dwar il-bidliet pożittivi li kienet rat iseħħu fid-Dipartiment u fl-Università b’mod ġenerali fil-ħames snin ta’ qabel.

Il-premju CIMA għal din is-sena ingħata lis-Sa Maria Mizzi għad-dissertazzjoni tagħha “An Analysis of the Use of Financial Information in Local Small Companies.”

Il-premju tas-Soċjetajiet Kooperattivi ingħata lis-Sa Ann Abela għad-dissertazzjoni tagħha “The Applicability of Co-Operative Banking in Malta: An Assessment.”

Is-Sa Elaine Petroni rebħet il-premju Deloitte għall-aħjar dissertazzjoni fit-Tassazzjoni “The Effect of the Commission’s Proposed Amendments to the EU VAT Directive on Insurance Business.” Il-premju Deloitte l-ieħor – dak għall-aħjar dissertazzjoni dwar il-Professjoni tal-Accountancy – ingħata lis-Sa Annalise Borg.  It-titlu tad-dissertazzjoni tagħha kien “Becoming the Accountant of Tomorrow: Trends Affecting the Next Generation of Accountants.”

Din is-sena, Ernst & Young reġgħu taw żewġ premjijiet, wieħed dwar Rappurtar Finanzjarju u l-ieħor dwar it-Tmexxija Korporattiva.  Tal-ewwel intrebaħ mis-Sa Charmaine Borg għad-dissertazzjoni tagħha “Significant Differences Between Selected IFRSs and GAPSE and their Impact from the Perspective of Small and Medium-Sized Practitioners”; il-premju dwar it-Tmexxija Korporattiva intrebaħ mis-Sa Marvic Cauchi għad-dissertazzjoni tagħha “Corporate Governance Reporting and its Significance in Maltese Listed Companies.”

Il-premju Grant Thornton għal-Liġi relatata mal-Accounting ingħata lis-Sur Jean Paul Muscat għad-dissertazzjoni tiegħu “Limiting Auditors’ Liability in Malta – A Study”.

Il-premju KPMG għall-Accounting Finanzjarju intrebaħ mis-Sa Sarah Anne Fenech għad-dissertazzjoni tagħha “IAS41 – Agriculture: Issues in its Local Application”, waqt lis-Sa Amanda Tabone rebħet il-premju KPMG għall-Verifika Interna u l-Kontroll għad-dissertazzjoni tagħha “Performance Measurement and Balanced Scorecard Applicability to Maltese Internal Audit Units.”

Il-premju RSM Malta għall-Finanzi ingħata lis-Sur Aaron Bugeja għad-dissertazzjoni tiegħu “The Feasibility of Operating as an Independent Minibus Owner/Driver.”

Il-premju għall-Verifika Esterna sponsorjat minn PricewaterhouseCoopers ingħata lis-Sa Ruth Sammut li d-dissertazzjoni tagħha kienet “Workload Consequences on Maltese Audit Firms and Audit Quality – An Analysis.” Il-premju PWC l-ieħor kien f’Oqsma Oħra; dan intrebaħ mis-Sa Diane Vella bid-dissertazzjoni tagħha “Risk Management in the Maltese General Insurance Sector: An Empirical Study of Selected Local Insurers.”

Fl-aħħar nett, il-premju Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika għall-Accounting u l-Verifika fis-Settur Pubbliku intrebaħ mis-Sa Doreen Attard għall-istudju tagħha dwar “Improving Public Sector Expenditure Efficiency Through Mult-Year Budgeting – An Evaluation.”

Ir-rebbieħa tal-aqwa erba’ dissertazzjonijiet – is-Sa Amanda Tabone, is-Sa Diane Vella, is-Sur Aaron Bugeja u s-Sa Doreeen Attard ippreżentaw ukoll sinopsis interessanti tal-istudji tagħhom lil dawk preżenti. Wara l-preżentazzjoni tal-premjijiet, id-Dekan għamel diskors tal-għeluq dwar l-importanza li jingħata appoġġ lill-istudenti fl-istudji ta’ riċerka tagħhom.

Accountancy Awards 2010
L-erbatax-ir rebbieħa tal-premjijiet fiż-żewġ fillieri ta’ quddiem

Accountancy Awards 2010
Is-Sur Jean Paul Muscat (lemin) qed jiġi ppreżentat bil-Premju Grant Thornton għal-Liġi Relatata mal-Accounting. Mix-xellug għal-lemin Dr Saviour Gauci, Dekan tal-Fakultà, is-Sur Mark Bugeja, Imsieħeb tal-Grant Thornton, u s-Sur Peter J. Baldacchino, Kap tad-Dipartiment tal-Accountancy.

 


 

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Istudji Klassiċi

Malta Classics Association Kulħadd għandu jkollu l-opportunità li jsir jaf dwar id-dinja klassika.  L-ilsna moderni mitkellma fl-Ewropa huma kollha mnissla mill-Grieg u l-Latin, ulied is-Sanskrit. Id-dinja klassika, li dawn l-ilsna jpinġu, hija mgħonija u msebbħa b’kull dixxiplina u forma tal-ħsieb li għadna nagħrfu, saħansitra sal-lum il-ġurnata.

Kien għalhekk li grupp ta’ studenti u lekċerers mid-Dipartiment tal-Istudji Klassiċi u l-Arkeoloġija tal-Università ta’ Malta waqqfu l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Istudji Klassiċi bil-għan li jisseddaq u jikber l-għarfien u t-tagħlim ta’ dal-ħwejjeġ fost kemm l-istudenti, imma anke saħansitra fost il-pubbliku b’mod ġenerali.

Malta Classics AssociationL-Assoċjazzjoni Maltija tal-Istudji Klassiċi  allura ser toffri korsijiet fl-ilsna l-Grieg, u l-Latin, torganizza taħdit pubbliku dwar il-kultura klassika, tniedi rivista akkademika, ittella' xogħlijiet drammatiċi  u poetiċi, imma anke tagħti u toffri opportunitajiet biex il-pubbliku b’mod ġenerali jkollu aċċess għal din id-dinja, is-sisien eleganti u msaħħra tal-ħajja u l-kultura li aħna ngħxu llum. Dwar il-klassiċi ma jistax jibqa’ jkun hemm l-injoranza u n-nuqqas ta’ tagħrif li jidher li qed inġarrbu llum il-ġurnata.

It-twaqqif tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ l-Istudji Klassiċi  ser iseħħ waqt l-Evenings on Campus, fid-29 ta’ Lulju 2010, fl-Università ta’ Malta. Dak in-nhar ser jittella’ dramm addottat mis-Satirika ta’ Petronju, u rakkont f’forma mużikali mill-Ilijade ta’ Omeru.

M’hemmx għalfejn li wieħed ikun jaf il-Grieg, il-Latin jew is-Sankrit biex isir membru ta' din l-Assoċjazzjoni. Tkun tassew ħasra jekk nonqsu li ngħaddu 'l uliedna l-opportunità li jsiru midħla u jġarrbu l-wirt li ħallewlna Virġilju, Ovidju, u Wjasa ... jew li qatt ma nagħtuhom iċ-ċans li jlissnu kliem Akille, Ulisse jew saħansitra Arġuna.

Kull min jixtieq jissieħeb fl-Assoċjazzjoni Maltija ta’ l-Istudji Klassiċi inħeġġugħ jibgħat email f’l-indirizz: classicsmaltasoc@gmail.com

 


 

Kunċetti Bażiċi fiċ-Ciniż

20 ta’ April – 15 ta’ Ġunju 2010

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina hija interessata ħafna tgħin lil nazzjonijiet oħra jintroduċu t-tagħlim tal-Lingwa u l-Kultura Ċiniża. Dan jista’ jseħħ permezz tat-twaqqif ta’ iżjed minn 500 Istitut u klassi Konfuċju fit-88 pajjiż u reġjun differenti. Wieħed minn dawn l-Istituti qed jitwaqqaf fl-Università ta’ Malta.

Dan l-Istitut diġà qiegħed jagħti korsijiet fil-lingwa Ċiniża lill-istudenti universitarji tad-DegreePlus.
Bħalissa qed jiġi ffinalizzat kors ta’ Diploma ta’ sentejn part-time filgħaxija fiċ-Ċiniż li se jibda f’Ottubru li ġej.

L-Istitut għandu wkoll pjanijiet li jipprovdi tagħlim għall-pubbliku in ġenerali u issa qiegħed joffri kors 'Kunċetti Bażiċi fiċ-Ċiniż' ('Basic Notions in Chinese'). Dan il-kors li jdum disa’ ġimgħat, jibda fl-20 ta’ April 2010 u jispiċċa fil-15 ta’ Ġunju 2010. Se jibda jkun hemm żewġ sessjonijiet ta’ siegħa u nofs filgħaxija kull ġimgħa. L-għan ta’ dan il-kors huwa li jintroduċi ċ-Ċiniż bażiku u kunċetti kulturali Ċiniżi lill-membri tal-pubbliku. Dan il-kors huwa mmirat lejn setturi varji tas-soċjetà bħal nies tan-negozju, industrijalisti, inġiniera, tobba, diplomatiċi, uffiċjali tal-gvern, akkademiċi, ġurnalisti u dawk involuti f’oqsma oħra professjonali.

Jingħata ċertifikat lil dawk il-kandidati li jtemmu b’suċċess dan il-kors.

Min hu interessat japplika għal dan il-kors Basic Notions in Chinese, 20 April – 15 June, għandu jibgħat email lill-Istitut Konfuċju u  jingħata d-dettalji neċessarji kollha.

L-Istitut Konfuċju fl-Università ta’ Malta
Kamra Nru 207, Binjet Ġużè Cassar Pullicino,
Msida, MSD 2080
Tel:    +356 2340 3407
Fax:    +356 2340 2495


Basic Notions in Chinese

 


 

Programm Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija

Mill-22 sal-31 ta’ Marzu 2010

Nhar it-Tnejn, 22 ta’ Marzu 2010, l-Istitut tal-Lingwistika tal-Università ta’ Malta, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Malti, nieda t-tieni edizzjoni tal-Programm Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija. Dan il-programm kien sar għall-ewwel darba f’Ġunju 2009, bl-isem "Skola Sajf tal-Lingwistika Maltija". Il-Programm, li qed isir fl-Università l-Qadima, il-Belt, ġie miftuħ uffiċjalment wara taħdita mill-Prof. Joseph M. Brincat dwar Il-Malti u lingwi oħra: l-istorja lingwistika ta’ Malta. Dr Ray Fabri, iċ-Chairman tal-Istitut tal-Lingwistika, u Dr Alexandra Vella, li qed tikkoordina l-programm, taw merħba lill-parteċipanti, li ġejjin minn pajjiżi differenti bħall-Amerka, Franza, il-Ġermanja u l-Olanda.

Dan il-Programm, li qed isir mit-22 ta’ Marzu sal-31 ta’ Marzu 2010, għandu l-għan ewlieni li jagħti idea tal-istruttura lingwistika tal-Malti u tal-kuntest li fih jiffjorixxi, kemm lil-lingwisti stabbiliti kif ukoll lill-istudenti tal-lingwistika.

Il-lingwisti barranin, li jużaw il-Malti bħala wieħed mill-għejun primarji għar-riċerka lingwistika, spiss ikollhom jużaw id-dizzjunarju flimkien mal-informazzjoni meħuda minn kelliema nattivi tal-lingwa billi ma jsibux riżorsi li jistgħu jgħinuhom biex l-elementi li janalizzaw jinterpretawhom aħjar. Għalhekk il-Programm Internazzjonali għandu jservi biex lil-lingwisti jipprovdilhom informazzjoni dwar il-Malti u b’hekk ir-riżorsi tar-riċerka għad-dispożizzjoni tagħhom jużawhom aħjar. Il-Programm għandu jipprovdi wkoll forum li fih il-lingwisti Maltin ikunu jistgħu jxandru u jiddiskutu r-riċerka tagħhom. Għandu jservi wkoll bħala pedament li fuqu tista’ tinbena l-koperazzjoni bejn lingwisti Maltin u dawk barranin. L-għanijiet tal-Programm huma li jgħin biex ikompli joktor l-interess fil-Malti, biex tixxandar l-iktar riċerka riċenti fuq aspetti differenti tal-lingwistika tal-Malti (il-lingwistika deskrittiva u dik storika kif ukoll is-soċjolingwistika, il-lingwistika komputazzjonali, il-lingwistika tas-sinjali u l-pjanifikazzjoni lingwistika, fost oħrajn) u biex jiżdied il-kuntatt bejn il-lingwisti Maltin u dawk barranin.

Dan il-Programm hu organizzat madwar tliet binarji: is-sistema tal-ħsejjes, il-lessiku, il-grammatika u t-tifsir, u l-kuntest lingwistiku. Il-parti dwar is-sistema tal-ħsejjes tittratta l-fonetika u l-fonoloġija tal-Malti (l-istruttura segmentali u sillabika, l-aċċent u l-intonazzjoni). Il-parti dwar il-lessiku, il-grammatika u t-tifsir jeżamina aspetti tal-lessiku Malti, pereżempju l-wirt Għarbi fil-vokabularju u s-semantika tal-possessiv. Tagħti ħarsa wkoll lejn l-istruttura tal-kelma u tas-sentenza fil-Malti u tħares lejn proċessi grammatikali bħalma huma l-inflessjoni, il-kompożizzjoni, id-derivazzjoni, l-ordni tal-kliem, it-topikalizzazzjoni, is-sentenzi nominali, it-temp u l-aspett. Il-parti dwar il-kuntest lingwistiku  tagħti ħarsa lejn il-kuntest lingwistikament għani li fih jgħix u jiżviluppa l-Malti. Din il-parti tittratta x-xogħol li qed isir f’oqsma bħalma huma l-pjanifikazzjoni lingwistika, il-lingwa tas-sinjali Maltija u t-teknoloġija tal-informatika u l-Malti. Jiġu diskussi wkoll l-effetti li għandu fuq il-Malti l-istatus ġdid tiegħu bħala lingwa uffiċjali tal-UE, u fil-qosor ħafna tkun diskussa wkoll il-letteratura Maltija. Qed noffru wkoll kors fakultattiv tal-Malti għall-adulti barranin lil dawk il-parteċipanti li jinteressahom. Dan il-kors jimxi fuq binarju parallell mal-Programm mill-Iskola tal-Malti.

Il-fatt li l-Programm Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija qed isir Malta huwa importanti għall-għanijiet tal-Programm għax b’hekk il-parteċipanti jkunu jistgħu jaraw b’għajnejhom stess ir-rikkezza tas-sitwazzjoni lingwistika Maltija. Biex l-esperjenza lingwistika u kulturali tal-parteċipanti tkun aktar sħiħa, se jkun hemm ukoll xi żjarat lejn siti storiċi, uħud minnhom b’interess speċifikament lingwistiku.

Il-Programm qed jorganizzah l-Istitut tal-Lingwistika bil-kollaborazzjoni tad-Dipartiment tal-Malti. Qed jagħtu sehemhom f’dan il-Programm tlettax-il lettur b’kollox, li ġejjin mill-Istitut tal-Lingwistika u minn ħames Dipartimenti mill-Fakultà tal-Arti, il-Fakultà tal-Edukazzjoni u l-Fakultà tal-ICT, flimkien mal-Iskola tal-Malti. Fost il-parteċipanti hemm taħlita tajba ta’ studjużi tal-lingwa u ta’ nies li jaħdmu fil-qasam tal-lingwa (pereżempju bibljotekarju u traduttur). Dan għandu jservi biex il-Programm jilħaq l-għanijiet tiegħu.

Maltese Linguistics, 22-31 March 2010

 


 

Il-Kompetizzjoni IOI-KIDS 2010 għall-Aħjar Proġett

Il-Physical Oceanography Unit (PO-Unit) tal-Università ta’ Malta nediet kompetizzjoni ġdida din is-sena li jisimha IOI-KIDS 2010 Best Project Competition. L-istess unità ilha timplimenta l-programm IOI-Kids għal dawn l-aħħar ftit snin u dan wassal għal sit elettroniku apposta – www.ioikids.net – li jservi bħala għodda imprezzabbli ta’ għarfien u riċerka għall-istudenti għall-kwistjonijiet relatati mal-ibħra u l-oċeani. Il-kompetizzjoni din is-sena tfakkar il-50 anniversarju tal-Kummissjoni Oċeanografika Intergovernattiva.

Din il-kompetizzjoni tistieden lit-tfal tal-iskola primarja u sekondarja biex jgħaqqdu t-talenti artitstiċi mal-ħiliet tal-kompjuter tagħhom biex jippreparaw kontribuzzjonijiet elettroniċi attraenti u informattivi f’forma ta’ proġetti dwar temi li għandhom x’jaqsmu mal-baħar. Il-kompetizzjoni hija miftuħa għal individwi jew gruppi ta’ tfal u żgħażagħ f’żewġ gruppi ta’ etajiet separati: (Età 5-10) u (Età 11-16).  Ix-xogħlijiet u proġetti oriġinali magħżula minn 5 awturi żgħażagħ jirbħu premjijiet lokali u awtomatikament jipparteċipaw f’kompetizzjoni internazzjonali. Ix-xogħlijiet kollha se jinqasmu ma’ tfal oħra f’Malta u mad-dinja kollha billi jkunu ppubblikati fuq il-paġni apposta tas-sit elettroniku IOI-KIDS, jekk ikunu ta’ kwalità biżżejjed. Il-ħames sottomissjonijiet rebbieħa eventwalment jikkompetu b’mod internazzjonali permezz ta’ votazzjoni online (50%) u għażla minn studenti tal-istess grad (50%).  Ix-xogħlijiet se jidhru għall-votazzjoni online fuq is-sit elettroniku IOI-KIDS għal perjodu ta’ xahar u l-votazzjoni tkun miftuħa għal kull min jidħol fis-sit elettroniku. Ir-rebbieħa wara jiġu mħabbra u mistiedna għal ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet f’Diċembru 2010.

Ix-xogħlijiet aċċettati jistgħu jkopru kwalunkwe tema relatata mal-baħar u mal-kosta, u jistgħu jkunu f’forma ta’: artikoli, kompilazzjonijiet, avvenimenti jew noti interessanti; inċidenti interessanti u/jew mhux tas-soltu; skoperti reċenti xjentifiċi jew ta’ natura oħra; kwistjonijiet ta’ konservazzjoni; speċi ta’ pjanti jew ta’ annimali; ekosistemi jew postijiet ta’ interess; nies li xogħolhom huwa konness mal-baħar, u ħafna kontribuzzjonijiet immaġinattivi oħra. Xogħlijiet li jittrattaw l-isforzi tal-UNESCO/l-Kummissjoni Oċeanografika Intergovernattiva huma mħeġġa ħafna.

Il-programm IOI Kids għandu l-għan li jiġbor flimkien informazzjoni relatata mal-baħar (mal-ibħra u l-oċeani) li wara tittella’ fuq sit elettroniku apposta. Dan is-sit elettroniku huwa intenzjonat li jgħin l-għarfien dwar il-baħar fost il-ġenerazzjonijiet aktar żagħżugħa tagħna, u li jippromwovi t-tixrid ta’ informazzjoni relatata mal-baħar u ta’ materjal edukattiv lill-istudenti tal-iskola primarja u sekondarja, prinċipalment permezz tal-użu ta’ ambjent elettroniku apposta li jippreżenta lezzjonijiet online, kwiżżis, logħob interattiv u artikoli interessanti oħra dwar il-baħar f’formati kreattivi u li jappellaw.

Id-data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet għall-kompetizzjoni hija t-30 ta’ Ġunju, 2010. Għal aktar informazzjoni żuru s-sit elettroniku jew ċemplu fuq +356 2340 2843 jew ibagħtu email lil IOI-MOC jew lil Alicia Said.

 


 

Laqgħa Dinjija dwar il-Farmaċewtika, il-Biofarmaċewtika u t-Teknoloġija Farmaċewtika

1300 Delegat għas-Seba’ Laqgħa Dinjija
dwar il-Farmaċewtika, il-Biofarmaċewtika u t-Teknoloġija Farmaċewtika


Konferenza Stampa fil-Kampus tal-Belt Valletta tal-Università ta’ Malta, ħabbret is-seba’ laqgħa dinjija dwar il-Farmaċewtika, il-Biofarmaċewtika u t-Teknoloġija Farmaċewtika li se ssir f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi bejn it-8 u l-11 ta’ Marzu 2010. Din se ssir  b’kollaborazzjoni ma’ l-Università ta’ Malta u l-Assoċjazzjoni Farmaċewtika Maltija. Il-konferenza li hija organizzata mill-International Association for Pharmaceutical Technology (APV), l’Association de Pharmacie Galénique Industrielle (APGI) u l’Associazione Docenti e Ricercatori Italiani di Tecnologie e Legislazione Farmaceutiche (ADRITELF) se tilqa’ madwar 1300 delegat minn 50 pajjiż.

L-għan prinċipali tal-konferenza huwa li tgħaqqad flimkien ir-riċerka akkademika u l-applikazzjonijiet industrijali, u se toffri l-opportunità għal bidu ta’ ko-operazzjoni produttiva bejn l-Università u l-industrija. Is-suġġetti diskussi matul il-programm xjentifiku tal-konferenza jinkludu l-iżvilupp u l-manifattura tad-doża orali, forom ta’ dożi orali li jerħu l-mediċina b’mod modifikat u l-iżvilupp ta’ forom mediċinali f’dożi għat-tfal.

L-istaff u l-istudenti tal-Università ta’ Malta se jipparteċipaw fil-konferenza u matul is-sessjonijiet se jippreżentaw ir-riżultati ta’ proġetti ta’ riċerka.

Id-Dipartiment tal-Farmaċija fl-Università ta’ Malta jaħdem id f’id mal-industrija farmaċewtika biex jipprovdi esperjenza prattika lill-istudenti tal-Farmaċija. F’isem l-Università ta’ Malta, ir-Rettur Prof. Juanito Camilleri iffirma ftehim ta’ kollaborazzjoni għall-proġett ta’ riċerka bejn id-Dipartiment tal-Farmaċija u Starpharma, industrija lokali farmaċewtika speċjalizzata fl-iżvilupp u l-manifattura ta’ forom solidi orali li jerħu l-mediċina b’mod modifikat. Dan il-proġett ta’ riċerka huwa iffinanzjat mill-Programm Nazzjonali tar-Riċerka u Innovazjoni u se jkun ippreżentat f’din il-konferenza.
Waqt il-Konferenza Stampa tkellmu il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, Dr Joseph Cassar, ir-Rettur tal-Università, il-Professur Juanito Camilleri, u l-Professur Lilian Azzopardi, Kap tad-Dipartiment tal-Farmaċija, li raddet ħajr lill-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija u semmiet l-apprezzament tal-Università għall-għajnuna  mogħtija mill-Ministeru tal-Finanzi, mill-Malta Enterprise u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Pharmacy Conference
mix-xellug: is-Sur Reginald Fava jirrappreżenta lil Malta Phamaceutical Association, Dr Joseph Cassar, Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, ir-Rettur tal-Università, il-Professur Juanito Camillero, l-Professur Lilian Azzopardi, Kap tad-Dipartiment tal-Farmaċija, u  l-Professur Anthony Serracino Inglott  mid-Dipartiment tal-Farmaċija

 


 

Brama Ġdida fl-Ibħra Maltin

Cassiopea Brama ġdida barranija rreġistrata fl-ibħra Maltin
– iżda tallarmawx ruħkom

Riċerkaturi mill-Università ta’ Malta għadhom kif ippubblikaw rapport xjentifiku fil-ġurnal internazzjonali Marine Biodiversity Records dwar brama eċċezzjonali ħafna li f’daqqa waħda dehret fl-ibħra lokali għall-ewwel darba s-sena l-oħra. 

Din l-ispeċi, imsejħa “Kassjopeja” jew Cassiopea andromeda, u magħrufa komunement bħala Upside-down Jellyfish, hija fil-fatt speċi circumtropical li tinsab fil-partijiet l-aktar sħan tal-Atlantiku u tal-Paċifiku, inkluż ukoll il-Baħar l-Aħmar.  M’hijiex indiġena tal-Mediterran, iżda kif għamlu mijiet ta’ organiżmi marini oħra, daħlet fil-Mediterran mill-Kanal ta’ Swejż u stabbiliet popolazzjonijiet fil-Baħar Levantin u fil-Baħar Eġew, fejn issa saret speċi pjuttost komuni. L-influss kważi f’direzzjoni waħda biss ta’ speċi tal-Baħar l-Aħmar għal ġol-Mediterran mill-Kanal ta’ Swejż ilu sejjer minn meta nfetaħ il-Kanal u huwa fenomenu msejjaħ “migrazzjoni Lessepsjana” (Lessepsian migration) imsemmi għad-diplomatiku Franċiż Ferdinand de Lesseps li kien strumentali fl-iżvilupp tal-Kanal.

S’issa, ma kienet magħrufa l-ebda popolazzjoni tal-Cassiopea andromeda aktar imbiegħda fil-punent mix-Xlokk tal-Baħar Eġew. Għaldaqstant kienet pjuttost sorpriża meta t-tim ta’ riċerkaturi: il-Professur Patrick J. Schembri mid-Dipartiment tal-Bijoloġija, Dr Alan Deidun u s-Sur Patrick Vella, li t-tnejn qabel kienu studenti postgraduate fid-Dipartiment tal-Bijoloġija u issa mal-Unità tal-Oċeanografija Fiżika (Physical Oceanography Unit) tal-Università u ma’ Salpa Ltd, rispettivament, iltaqgħu ma’ massa ta’ mill-anqas 50 individwu viċin il-bokka tal-Port ta’ Marsamxett f’Marzu tas-sena l-oħra. Il-bram, li jvarjaw fid-daqs minn dijametru ta’ umbrella ta’ 3 ċentimetri sa 11-il ċentimetru, kienu qed jiksu l-qiegħ ta’ tajn u ramel f’fond ta’ 3.5 sa 6 metri. Fdalijiet ta’ din il-massa kienu għadhom preżenti fl-aħħar ta’ Ġunju.

Għalkemm iniggżu, dawn il-bram m’humiex perikolużi għax it-tingiża tagħhom m’hix qawwija u bosta persuni lanqas biss iħossuha. Aktar minn hekk, dawn il-bram normalment ma jgħumux fil-baħar iżda jimteddu fuq il-qiegħ bl-umbrella tagħhom tħares lejn u tmiss is-substratum u idejhom, li huma qosra u qishom arbuxelli, jippuntaw lejn il-wiċċ tal-ilma – għalhekk l-isem komuni tal-brama "Upside-down Jellyfish". Hemm raġuni għalfejn joqogħdu f’din il-pożizzjoni partikulari: fit-tessuti tagħhom dawn il-bram għandhom numru kbir ta’ mikro-organiżmi simbjoċi mikroskopiċi fotosintetiċi li għandhom bżonn id-dawl biex jimmanifatturaw l-ikel. Il-bram jalloġġjaw lill-mistiedna tagħhom billi jesponu dirgħajhom, fejn jinsabu l-biċċa l-kbira ta’ dawn is-simbjontiċi, lejn id-dawl; min-naħa tagħhom dawn is-simbjontiċi jipprovdu lill-brama bin-nutrijenti. Filwaqt li l-brama tieħu proporzjon sostanzjali tar-rekwiżiti tad-dieta tagħha minn din is-sħubija, l-annimali wkoll jaqbdu u jieklu annimali tal-plankton żgħar ħafna.

M’hux magħruf kif dan il-bram barrani wasal Malta. Peress li ma hemm l-ebda popolazzjoni magħrufa ta’ din l-ispeċi bejn l-Eġew u l-Mediterran ċentrali, l-ispjegazzjoni l-aktar probabbli hi li waslu permezz tat-trasport bil-baħar, jew fl-ilma tas-saborra jew fuq il-korp ta’ bastimenti.

Karatteristika interessanti ta’ din l-iskoperta hi li l-brama Cassiopea andromeda hija l-aħħar waħda minn numru ta’ speċi barranin tal-ilma sħun li qed ikabbru ż-żona tagħhom lejn il-Mediterran ċentrali. Bosta bijologi marini tal-Mediterran jissuspettaw li dan għandu x’jaqsam max-xeħta lejn it-tisħin osservat fl-ilmijiet tal-Mediterran fl-aħħar ftit deċenji.

 


 

Premju għat-Teknoloġiji tal-Internet

Il-Premju Fondazzjoni tal-Internet ta’ Malta 2010 (Malta Internet Foundation 2010 Prize)

Il-Fondazzjoni tal-Internet ta’ Malta tagħti premju annwali li jinkoraġġixxi xogħol akkademiku li jagħti kontribut sinifikattiv lit-teknoloġiji tal-Internet.  Din is-sena l-għan huwa li jkunu indirizzati teknoloġiji li jippromwovu l-aċċess universali għal servizzi web intelliġenti u orjentati lejn is-soċjetà.

L-użu tal-Internet ikompli jikber b’mod rapidu permezz tal-provvista globali ta’ netwerks għad-dejta b’veloċità kbira, it-tnaqqis progressiv fl-ispejjeż tal-aċċess għaċ-ċellulari, l-attrazzjoni tal-massa għal netwerks soċjali bħal ma huma Facebook u Twitter, u l-miġja ta’ servizzi ta’ cloud-computing bħall-Google docs. Iżda servizzi web intelliġenti jibqgħu diffiċilment aċċessibbli, minkejja li jippromettu t-tħabbir ta’ era ġdida ta’ web computing.  Servizzi web intelliġenti huma dawk li jistgħu jaddattaw b’mod dinamiku għall-ħtiġijiet tal-utent, jimanniġġjaw mistoqsijiet kumplessi billi jinteraġixxu b’mod awtonomu ma’ servers tal-Internet oħrajn, jew isolvu problemi billi jirraġunaw mal-kontenut tas-siti elettroniċi, kif kien issuġġerit mill-proponenti tal-Web Semantika.

Fl-2010 il-premju se jingħata lill-istudenti li jissottomettu xogħol li jiddeskrivi jew juri sistemi li jibbenefikaw mill-użu tal-Internet u jindirizzaw ħtieġa li hija rilevanti b’mod partikulari għall-kuntest Malti.  Minbarra hekk, is-sottomissjonijiet se jiġu kklassifikati fi skala skont kemm jużaw teknoloġiji avvanzati biex ikunu implimentati servizzi web intelliġenti, u l-impatt soċjali potenzjali tagħom.  Is-sottomissjoni għandha tindika b’mod ċar kif ix-xogħol jindirizza dawn il-kriterji kollha.

Is-sottomissjoni għandha jkollha mertu akkademiku kif riflessa permezz ta’ valutazzjoni uffiċjali fil-kuntest ta’ kors rikonoxxut li jwassal għal lawrja universitarja.  Iż-żewġ kategoriji ta’ sottomissjoni huma (i) proġett tal-aħħar sena jew (ii) ix-xogħol ta’ matul il-kors ivvalutat li jkun komponent sinifikattiv ta’ kors li jiswa mill-inqas 4 credits ECTS.

Se jingħata premju ta’ flus ta’ €600 għall-aħjar proġett ta’ l-aħħar sena.  Se jingħata t-tieni premju ta’ €400 għall-aħjar xogħol ta’ matul il-kors ivvalutat.

Min hu Eliġibbli
L-istudenti li qed jistudjaw għal lawrja minn università li huma residenti Malta.

Proċedura għas-Sottomissjoni
Għandha tingħata kopja softcopy fuq CD tar-rapport tal-proġett tal-aħħar sena, jew tax-xogħol tal-kors/ijiet, flimkien ma’ kwalunkwe softwer ippreżentat għall-kisba tal-lawrja, li tindika b’mod ċar liem għal liema kategorija ta’ sottomissjoni hija maħsuba u d-dettajli ta’ kuntatti tal-istudent, lil:
Malta Internet Foundation
c/o IT Services Reception Desk
University Campus
Msida MSD 2080.

Dati tal-Għeluq
Id-data tal-għeluq għas-sottomissjoni: 30 ta’ Ġunju 2010
Tħabbir tar-Rebbieħa: Settembru 2010
Għoti tal-Premijiet: Ottubru 2010

Mistoqsijiet dwar din l-inizjattiva għandhom jintbagħtu lil info@nic.org.mt b’“2010 Prize” fil-linja tas-suġġett.

Dwar il-Fondazzjoni tal-Internet ta’ Malta
Il-Fondazzjoni tal-Internet ta’ Malta, magħrufa wkoll bħala NIC(Malta), ġiet inawgurata uffiċjalment f’Jannar 1999 u hija responsabbli mill-ġestjoni tad-dominju tal-ogħla livell .mt għal Malta.  Il-missjoni tal-Fondazzjoni tal-Internet ta’ Malta tinkludi wkoll attivitajiet biex jippromwovu l-użu tal-Internet f’Malta.  Il-Fondazzjoni kienet responsabbli għat-twaqqif tal-Malta Internet eXchange (MIX) biex tiffaċilita t-traffiku IP lokali bejn l-ISPs lokali.  Attivitajiet attwali jinkludu wkoll l-appoġġ għall-IPv6 u l-għoti ta’ premijiet annwali għal proġetti eċċellenti fuq temi li għandhom x’jaqsmu mal-Internet.  Il-Fondazzjoni hija membru tal-Maltese IPv6 Task Force u, flimkien mal-Università ta’ Malta, tikkoordina test bed nazzjonali ta’ Malta Ipv6 (M6ix).

Ikklikkja hawn biex tmur fuq is-sit elettroniku.

 


 

L-Istitut għall-Iżvilupp Sostenibbli

Il-PM Iniedi l-Istitut għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-Università ta’ Malta

Il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi nieda l-Istitut għall-Iżvilupp Sostenibbli l-ġdid tal-Università ta’ Malta nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Jannar fl-Aula Magna, il-Kampus tal-Belt Valletta.

Il-Professur Juanito Camilleri, Rettur u President tal-Istitut, u Dr Maria Attard, Direttur tal-Istitut, tkellmu dwar il-passi sinifikanti tal-Università biex tipprovdi edukazzjoni ogħla ta’ kwalità b’konformità mal-għanijiet  strateġiċi tal-pajjiż u tal-Università. Dan l-Istitut ġdid ikompli jirrifletti din id-direzzjoni speċifika, billi jinkludi programmi ta’ studju bl-għan li jkabbru l-intraprenditorija u l-kapaċità speċjalizzata fil-pajjiż, bi proġetti li jimmiraw li jgħaqqdu flimkien informazzjoni akkademika u dik mhux akkademika f’bank tad-data wieħed bbażat fuq il-mapep aċċessibbli għall-użu f’deċiżjonijiet ta’ politika, fir-riċerka u fit-twaqqif ta’ negozji.

Il-Professur Michael Batty, Professur tal-Ippjanar minn Bartlett u Direttur taċ-Ċentru għall-Analiżi Spazjali Avvanzata (Centre for Advanced Spatial Analysis) fil-University College London għamel diskors importanti dwar il-bidla fil-klima u l-immudellar, l-outreach u l-isponsorship (l-involviment ta’ organizzazzjonijiet u l-għajnuna,) b’eżempji minn proġetti bbażati f’Londra.

Waqt it-tnedija, il-Prim Ministru rrefera għall-importanza ta’ metodi ġodda biex jappoġġjaw l-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikulari dawk li jinkorporaw u jinkoraġġixxu l-użu tat-Teknoloġija tal-Informatika. Huwa kien ukoll ferħan jara li l-Istitut kien diġà beda kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet ewlenin li għandhom interess, fosthom Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-Aġenzija Maltija għat-Teknoloġija tal-Informatika, il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, il-Ministeru għall-Infrastruttura, it-Trasport u l-Komunikazzjoni, il-Malta Enterprise, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, iċ-Ċentru għat-Teknoloġija iktar Nadifa u kumpaniji privati bħal CVA Technology u GEOSYS, li appoġġjaw dan l-avveniment tat-tnedija.

Istituzzjonijiet governattivi u mhux-governattivi, individwi u membri ta’ dipartimenti, istituti u ċentri tal-Università kienu fost il-mistednin għal din it-tnedija. L-informazzjoni mqassma kienet tinkludi kwestjonarju biex jinġabar tagħrif relatat mal-possibilità ta’ kollaborazzjoni bejn l-Istitut u entitajiet fis-setturi tal-ekonomija u tal-industrija.

L-Istitut għall-Iżvilupp Sostenibbli twaqqaf biex jippromwovi u jħaddan s-sostenibilità permezz tal-adozzjoni ta’ riċerka u diversità interdixxiplinarja. L-Istitut jikkonċentra fuq l-iżvilupp tat-Teknoloġija tal-Informatika, bħal Sistemi ta’ Informazzjoni Ġeografiċi (Geographic Information Systems), biex jappoġġja t-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-istrateġija, filwaqt li jinkoraġġixxi l-kummerċjalizzazzjoni tax-xjenza u tat-teknoloġija biex jitjiebu l-infrastrutturi, il-produttività u l-intraprenditorija. Peress li jiffoka fuq l-iżvilupp sostenibbli, l-Istitut jinkoraġġixxi inizjattivi u riċerka li jgħollu l-kwalità ta’ ħajja f’Malta.
 
Ottubru tal-2010 se jara l-introduzzjoni ta’ korsijiet ġodda li jwasslu għal-lawrja. Il-kapaċitajiet u l-ħiliet li jiksbu l-istudenti li jsegwu dawn il-korsijiet se jkunu jirriflettu l-ħtiġijiet tal-pajjiż u mistennija li jkunu apprezzati minn min għad jista’ jħaddimhom fil-futur.

L-istitut se jwaqqaf ukoll infrastruttura għal min ifassal il-politika u għar-riċerkaturi biex ikunu jistgħu jkollhom aċċess għal data li qatt ma kienet esplorata qabel u li tippromwovi l-ħsieb spazjali u tinkoraġġixxi l-intrapriża – b’hekk jiżdied l-għarfien tal-importanza tas-Sistemi ta’ Informazzjoni Ġeografiċi bħala għodda t’appoġġ fid-deċiżjonijiet li jittieħdu.

Il-persuni interessati jagħtu l-ideat, s-suġġerimenti u l-kummenti tagħhom lill-Istitut huma mitluba jibagħtu email. Aktar informazzjoni tinsab fuq is-sit.

ISD Launch

ISD Launch

ISD Launch

ISD Launch

 


 

Korsijiet Ġodda li Se Jibdew fi Frar 2010

Dawk il-persuni interessati li jixtiequ japplikaw għall-korsijiet li ġejjin li se jibdew fl-Università ta’ Malta fi Frar 2010 huma mistiedna japplikaw permezz tal-faċilità tal-Applikazzjoni Elettronika:

Master of Science (Full-time/Part-time permezz ta’ riċerka) (Il-Fakultà tal-Ambjent Mibni)
Master of Science (Full-time/Part-time permezz ta’ riċerka) (Il-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija)
Masters fil-Psikoloġija: Clinical Psychology (Massimu 4 studenti); Counselling Psychology (Massimu 4 studenti); Educational Psychology (Massimu 4 studenti) (Full-time filgħaxija)
Ċertifikat Postgraduate fir-Radjografija (Breast Imaging) (Part-time matul il-jum)
Diploma fil-Gastronomija (Part-time filgħaxija)

Il-formola tal-applikazzjoni tista’ timtela billi wieħed jidħol fis-sit elettroniku: www.um.edu.mt/apply
L-informazzjoni dwar l-applikazzjoni elettronika tinsab fuq: www.um.edu.mt/registrar/students/applyonline

L-applikazzjonijiet elettroniċi jistgħu jintbagħtu sal-Ħadd, 31 ta’ Jannar 2010. L-applikanti li m’għandhomx aċċess għal kompjuter li hu mqabbad mal-Internet jistgħu jmorru l-Admissions and Records Office, Kamra 113, Il-Bini tal-Amministrazzjoni, l-Università ta’ Malta, l-Imsida u l-Università ta’ Malta - Il-Kampus ta’ Għawdex, Triq l-Imġarr, Ix-Xewkija, Għawdex (mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8.30 am u nofsinhar u mis-2.00 pm sal-4.30 pm) fejn il-persunal tal-Università jkun lesti jgħin fil-mili tal-formola elettronika.

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu wara li jsir ħlas ta €23.29 li jitħallas qabel tintefa’ l-applikazzjoni. Il-ħlas jista’ jsir permezz tal-Faċilità għall-Ħlas tal-Kontijiet (Bill Payment Facility) li tinsab fuq l-Internet Banking jew fi kwalunkwe fergħa tal-HSBC jew BOV f’Malta u Għawdex.  Il-ħlasijiet kollha tal-applikazzjonijiet ma jingħatawx lura.

Il-korsijiet jibdew biss jekk ikun hemm numru suffiċjenti ta’ applikanti kkwalifikati.

Iktar informazzjoni tinsab fuq hawn.

 


 

SIMS fil-Junior College Ġ. F. Abela

Is-Sistema tal-Immaniġġjar ta’ Informazzjoni dwar l-Istudenti mnedija fil-Junior College Ġ. F. Abela

Is-Sistema tal-Immaniġġjar ta’ Informazzjoni dwar l-Istudenti (Students’ Information Management System - SIMS) u l-Portal għall-Istudenti (eSIMS) ġew imnedija għall-istudenti tal-ewwel sena li qegħdin jippreparaw ruħhom biex jersqu għaċ-Ċertifikat tal-Matrikola fl-aħħar tal-kors ta’ sentejn li jsir fil-Junior College Ġan Franġisk Abela.

Is-softwer tas-Sistema tal-Immaniġġjar ta’ Informazzjoni dwar l-Istudenti (SIMS) huwa programm ta’ softwer komprensiv użat mill-Università ta’ Malta biex iżomm rekord u jiffaċilita l-immaniġġjar ta’ data miġbura matul iż-żmien ta’ studju tal-istudenti.  B’hekk l-istudenti tal-Junior College se jkunu offruti servizzi simili għal dawk offruti lill-istudenti tal-Università.

Il-portal għall-istudenti tnieda uffiċjalment fl-ewwel ġimgħa ta’ Jannar 2010.  Dan il-portal huwa aċċessibbli minn kwalunkwe kompjuter li jkun imqabbad mal-Internet.  Dan il-portal huwa aċċessibbli mis-sit elettroniku uffiċjali tal-kulleġġ jew billi tidħol direttament fis-sit : https://secure.um.edu.mt/auth/esimsjc/.   Il-portal joffri l-faċilità lill-istudenti kollha tal-ewwel sena li jkollhom aċċess għad-dettalji personali u tal-kors tagħhom.  L-istudenti jistgħu jaraw ukoll ir-reġistrazzjonijiet tagħhom għas-suġġetti u r-riżultati tagħhom.

L-ewwel riżultati kienu ppubblikati fuq il-portal eSIMS fis-6 ta’ Jannar 2010.  L-istudenti kienu mitluba jinfurmaw lill-ġenituri / tuturi tagħhom dwar il-pubblikazzjoni tar-riżultati.

Huwa maħsub li fil-futur, il-kulleġġ iniedi servizzi oħra online għall-istudenti preżenti u dawk prospettivi.

Ix-xogħol fuq dan il-proġett twettaq mill-persunal tal-kulleġġ, l-uffiċċju tas-SIMS u l-persunal tas-Servizzi tal-IT.

 


 

Korsijiet fil-Kampus ta’ Għawdex

Numru rekord ta’ korsijiet fl-Università ta’ Malta (Il-Kampus ta’ Għawdex)

Din is-sena l-Università ta’ Malta qed toffri numru rekord ta’ korsijiet fuq il-kampus tagħha f’Għawdex.  Il-korsijiet huma:

  • Diploma fil-Kummerċ (2 korsijiet)
  • Baċellerat tal-Arti
  • Baċellerat tal-Arti (bl-Unuri) fil-Kriminoloġija
  • Baċellerat fil-Kummerċ (2 korsijiet)
  • Master of Arts fl-Istudji ta’ Gżejjer u Stati Żgħar (2 korsijiet)
  • Master of Arts fl-Istudji tal-Ospitalieri
  • Masters fit-Traduzzjoni
  • Masters fil-Business Administration (Executive)
Il-Kors li jwassal għall-Master of Arts fl-Istudji tal-Ospitalieri, li qed isir għall-ewwel darba f’Għawdex, qiegħed jiġi mwassal permezz ta’ video conferencing, billi l-lekċers qegħdin isiru fuq il-kampus ewlieni tal-Imsida u trażmessi lejn l-Università ta’ Għawdex għall-istudenti Għawdxin. 

Il-korsijiet li jwasslu għall-Masters fit-Traduzzjoni u għall-Masters fil-Business Administration (Executive) ukoll qed isiru għall-ewwel darba f’Għawdex.

Il-korsijiet li jwasslu għad-Diploma fil-Kummerċ qegħdin jiġu parzjalment iffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew tal-Unjoni Ewropea li jaqa’ taħt il-Programm Operattiv II – Politika ta’ Koeżjoni 2007 – 2013.  Tlieta u tletin student qegħdin jattendu dan il-kors.

Students at the Gozo Campus

 


 

Airbus Tilqa’ lill-Università ta’ Malta għal Workshop f’Toulouse

L-Università ta’ Malta Sieħba fi programm ta’ €1.6 biljun iffinanzjat mill-KE

Airbus SAS dan l-aħħar laqgħet għandha akkademiċi mill-Università ta’ Malta għal workshop ta’ ġimgħa li sar f’Toulouse, Franza. L-Università ta’ Malta qiegħda tiżviluppa, flimkien ma msieħba oħra Ewropej mill-qasam tal-akkademja, tar-riċerka u mill-aqwa organizzazzjonijiet industrijali tal-ajruspazju, għodda ta’ softwer li tippermetti t-titjieb tat-traġettorji tat-titjiriet għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet u konsum ta’ fjuwil fl-avjazzjoni kummerċjali. Il-workshop iffoka fuq aspetti ta’ disinn u ta’ implimentazzjoni ta’ din l-għodda u attendew għalih persuni minn Cranfield University, mill-EADS u mill-Università ta’ Malta kif ukoll xi impjegati ta’ Airbus.

Dan ix-xogħol qed isir bħala parti mill-ħtiġijiet kuntrattwali tal-Programm ta’ Qafas Ewropew 7 'Sema Nadif' (European Framework Programme 7 Clean Sky). 'Sema Nadif' (Clean Sky) huwa programm ta’ €1.6 biljun iffinanzjat mill-KE, mifrux fuq seba' snin, li jindirizza t-tnaqqis tal-impatt tal-avjazzjoni kummerċjali fuq l-ambjent.  L-Università ta' Malta ilha involuta f’dan il-programm minn kmieni fil-fażi preparatorja, sentejn qabel tnieda fl-2008, u issa hija parteċipant ewlieni fl-iżvilupp tal-għodda ta’ softwer li se tintuża minn klijenti Ewropej fis-settur ajruspazjali biex tagħmilha possibbli li l-ajruplani jkunu ddisinjati u pprogrammati li jtiru b’mod effiċjenti.

L-involviment tal-Università ta’ Malta fi ħdan is-'Sema Nadif' (Clean Sky) huwa l-ikbar kuntratt Ewropew ta’ riċerka li qatt inkiseb mill-Università, b’valur ta' 'l fuq minn miljun ewro. Il-programm huwa mmexxi minn Dr Ing. David Zammit-Mangion, Kap tad-Dipartiment tal-Inġinerija tas-Sistemi Elettroniċi fil-Fakultà tal-Inġinerija u minn Dr Ernest Cachia, kap tad-Dipartiment  tax-Xjenza tal-Kompjuter u d-Dekan tal-Fakultà tal-ICT, u x-xogħol qed isir b’mod kollaborattiv bejn iż-żewġ dipartimenti rispettivi tagħhom.
Għal dan il-workshop attendew Dr Ing. David Zammit-Mangion, is-Sur Kenneth Chircop u s-Sur Matthew Xuereb li huma riċerkaturi ewlenin fuq il-proġett.

Clean Sky Team
(mix-xellug għall-lemin) Kenneth Chircop, Matthew Xuereb u Dr Ing. David Zammit-Mangion

 


 

Jinfetħu Bibien Ġodda għall-Pubbliku

L-Università ta’ Malta tiftaħ bibien ġodda għall-pubbliku

L-Università ta’ Malta qiegħda toffri lill-pubbliku opportunità eċċellenti li jattendi lekċers offruti minn diversi fakultajiet, istituti u ċentri.  Din hija parti mill-istrateġija tal-Università li tagħti kontribut għall-edukazzjoni kulturali ġenerali u li twessa’ l-għarfien pubbliku dwar is-servizzi tagħha.
Individwi rreġistrati f’din l-iskema m’għandhomx ikunu rreġistrati bħala studenti fi kwalunkwe kors ta’ studju tal-Università.  L-iskema hija mmirata lejn membri tal-pubbliku ġenerali li għandhom interess isegwu l-lekċers offruti, bil-għan li jkabbru l-għerf tagħhom.

Il-lista ta’ lekċers li jibdew fi Frar 2010 tinkludi suġġetti varjati bħal Far Eastern Religions and Philosophy, Structure and Change in Malta’s Economic History, Theories of Literature, Human Anatomy and Basic Concepts of Biomechanics, Child Law, Historical and Social Aspects of ICT, Thermodynamics and Kinetic Theory.

Lista ta’ lekċers offruti f’din l-iskema tista’ tinsab hawn.

L-attendenza għal dawn il-lekċers hija bla ħlas.  Il-parteċipanti ma jiġux assessjati u ma jinħareġ l-ebda ċertifikat.

Hemm numru limitat ta’ postijiet għal kull sett ta’ lekċers u r-reġistrazzjonijiet jiġu aċċettati fuq bażi tal-ewwel jinqeda l-ewwel.  Ir-reġistrazzjoni għal-lekċers tista’ ssir fuq il-formola elettronika li tinsab hawn.

Ir-reġistrazzjoni tagħlaq nhar it-Tnejn 18 ta’ Jannar 2010.

 


 

 

< Previous 1 Next >

 
 

Log In