L-Università ta' Malta
 

Aħbarijiet 2011
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

Il-Gradwazzjonijiet 2011

Il-Quddies ta’ Radd il-Ħajr tal-Gradwazzjoni tal-Università ta’ Malta se jsiru fil-Kon-Katidral ta’ San Gwann, il-Belt Valletta, nhar l-Erbgħa 16 ta’ Novembru u nhar il-Ħamis 17 ta’ Novembru fis-6.30 ta’ filgħaxija.

Il-quddiesa tal-Erbgħa 16 ta’ Novembru se tkun għal dawk li se jiggradwaw mill-Fakultajiet tal-Arti, tal-Edukazzjoni, tal-Inġinerija, tal-Liġi, tax-Xjenza, tat-Teoloġija, tat-Teknoloġija tal-Informatika u l-Komunikazzjoni u tal-Fakultà tal-Midja u x-Xjenzi tal-Għarfien.

Il-quddiesa tal-Ħamis 17 ta’ Novembru hija għal dawk li se jiggradwaw mill-Fakultajiet tal-Ambjent Mibni, tal-Kirurġija Dentali, tal-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy, tal-Mediċina u l-Kirurġija, tax-Xjenzi tas-Saħħa u l-Istituti u ċ-Ċentri l-oħra kollha mhux imsemmija hawn fuq.
   
Il-Kunċert li jikkommemora Jum il-Fondazzjoni ser isir f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Novembru 2011.

Total ta’ 2816 student tal-Università ta’ Malta se jiggradwaw din is-sena waqt ċerimonji li jibdew nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Novembru fil-Knisja tal-Ġiżwiti l-Belt Valletta fl-4.30 ta’ filgħaxija.  Iċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni li se jsiru fis-Sala Sir Temi Zammit, fuq il-Kampus tal-Imsida, fl-4.30 u fis-6.30 ta’ filgħaxija jibdew nhar it-Tlieta 29 ta’ Novembru u jibqgħu sejrin sat-Tlieta 6 ta’ Diċembru. Il-programm jinsab fuq is-sit elettroniku.

1633 minn dawk li se jiggradwaw din is-sena huma nisa u 1183 irġiel. Dawn jinkludu total ta’ 110 student/a minn barra l-pajjiż: 52 nisa u 58 irġiel.

 


 

Vulcanus fil-Ġappun

Programm ta’ taħriġ għal studenti tal-UE
organizzat minn

EU-Japan Center

Is-sit uffiċjali tal-Programm Vulcanus

Vulcanus fil-Ġappun beda fl-1997 bħala programm li jikkonsisti f’esperjenzi fil-qasam industrijali għal studenti tal-UE. Dan il-programm huwa kofinanzjat miċ-Ċentru UE-Ġappun għal Kooperazzjoni Industrijali (EU-Japan Centre for Industrial Cooperation) u l-kumpanija Ġappuniża li tkun qed tilqa’ lill-istudenti. L-istudenti Ewropej magħżula biex jipparteċipaw f’dan il-programm jingħataw għotja ta’ 2.000.000 Yen (madwar €19,000) għall-ispiża tal-vjaġġ lejn u mill-Ġappun u l-ispejjeż tal-għajxien fil-Ġappun. L-akkomodazzjoni hija pprovduta mingħajr ħlas matul il-kors fil-lingwa, is-seminar ta’ introduzzjoni u ż-żmien ta’ taħriġ mal-kumpanija.

L-istudenti kollha interessati li huma rreġistrati fl-Università ta’ Malta (mit-tielet sena ’l fuq) fl-oqsma tal-Arkitettura, tal-Bijoloġija, tal-Kimika, tal-Fiżika, tal-Inġinerija, tat-Teknoloġija tal-Informatika u tal-Matematika huma mistiedna japplikaw biex jieħdu sehem f’dan il-programm. Sabiex ikunu jaqblu mas-sena akkademika fl-Istati Membri tal-UE, dawn l-esperjenzi ta’ xogħol jibdew f’Settembru u jispiċċaw fl-aħħar t’Awwissu tas-sena ta’ wara.

L-applikazzjonijiet għandhom jaslu għand l-EU-Japan Centre fi Brussell sal-20 ta’ Jannar 2012.

Nagħtu parir lill-istudenti li japplikaw għall-Programm Vulcanus li jżommu kopja tal-applikazzjoni tagħhom għalihom stess u jissottomettu kopja tal-applikazzjoni kompluta lis-Sa Marlene Debono, Kamra 107 il-Binja tal-Amministrazzjoni, International & EU Office.

Għal iżjed informazzjoni dwar il-Programm Vulcanus żur is-sit:
website.

Dawk l-istudenti interessati huma mistiedna għal-laqgħa ta’ informazzjoni dwar il-Programm Vulcanus li se ssir nhar it-Tlieta, 29 ta’ Novembru 2011 bejn l-10.00 u l-11.00 ta’ filgħodu f’Kamra 120, Lecture Centre, l-Università ta’ Malta, il-Kampus tal-Imsida.

Għal iktar informazzjoni kkuntattja lil:
Marlene Debono, International & EU Office,
Rm 107, Administration Building,
L-Università ta’ Malta. 
Tel: 2340 2370. 
Email

Rakkomandazzjoni tas-Sa Thea Pisani,
Studenta tal-B.Sc. (Hons) Bijoloġija u Kimika,
li ħadet sehem fil-Programm Vulcanus fl-2010/11

'Il-Programm Vulcanus huwa opportunità ta’ darba f’ħajtek! Jiena ksibt ħafna esperjenza u għerf f’ħafna oqsma differenti ta’ ħajti.

L-iskola Ġappuniża kienet fantastika! Il-metodi ta’ tagħlim li ntużaw għenuni nkabbar malajr it-tagħlim tiegħi tal-Ġappuniż. L-għalliema kienu paċenzjużi, qalbhom tajba u ta’ għajnuna fid-diffikultajiet kollha tagħna. Kelli wkoll l-opportunità li nsir naf u nagħmel ħbieb dejjiema mal-bqija tat-tim Vulcanus.

L-esperjenza tax-xogħol tiegħi ma’ Mitsui Chemicals għenitni nkabbar ħafna t-tagħlim tiegħi fil-bijokimika. Jiena kont qed naħdem mal-Biocatalyst unit, inwettaq tekniki differenti fil-laboratorju biex nipproduċu super enzyme għall-użu industrijali. Il-kollegi tiegħi kienu mill-aħjar!  Għallmuni kull ma setgħu u għenuni fi kwalunkwe problema li ltqajt magħha minn ġurnata għal oħra. L-esperjenza li ksibt tal-laboratorju se tkun għal dejjem utli fil-mixja tal-karriera tiegħi fil-futur.

Iktar minn hekk, kelli l-opportunità li nara ħafna mill-Ġappun u nitgħallem kemm stajt dwar il-kultura u l-istorja tagħhom. Il-Ġappun huwa tant pajjiż sabiħ. Il-fatt li kont hemm fiż-żmien tat-Terremot u li ġara wara, għallimni ħafna dwar il-poplu Ġappuniż u r-rieda tiegħu li jibqa’ sejjer anke waqt żmien ta’ tant inkwiet. Dan għeni nitgħallem l-importanza li tagħmel l-almu tiegħek fil-ħajja u tkompli tissielet – lezzjoni li nispera ma ninsa qatt.


Tistgħu tikkuntattjawni jekk ikollkom bżonn iżjed informazzjoni dwar il-Programm Vulcanus jew il-ħajja fil-Ġappun."


Email

Vulcanus - Thea Pisani     Vulcanus - Thea Pisani

 


 

Aċċess Faċli għall-Għerf u l-Appoġġ mill-Librerija

Il-Librerija tal-Università ta’ Malta nediet sit elettroniku mtejjeb u ddisinjat mill-ġdid, li jipprovdi aċċess iktar faċli għar-riżorsi kollha għad-dispożizzjoni ta’ akkademiċi, support staff u studenti. Is-sit elettroniku għandu interface ġdid indirizzat lejn min jużah, u jilqa’ l-bżonnijiet tal-klijenti li jixtiequ jfittxu r-riżorsi elettroniċi tal-Librerija malajr u b’mod effettiv. Permezz tat-tabs fuq il-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tista’ ssir tfittxija diretta għal kotba, ġurnali stampati, artikli online, databases kif ukoll Google Scholar.

Matul is-snin, il-Librerija tal-Università żiedet b’mod konsiderevoli ir-repertorju tagħha ta’ letteratura stampata minn oqsma ta’ studju diversi. Sabiex ikun iffaċilitat il-mod kif il-klijenti jfittxu, jidentifikaw, u jsibu dawn il-pubblikazzjonijiet, il-Librerija aġġornat il-katalogu online. Aktar minn hekk, min jagħmel użu minn dan is-servizz jista’ jġedded kif ukoll jirriserva kotba online mill-kumdità ta’ daru.

Il-partijiet immodernizzati ta’ studju fil-Librerija jagħmluha possibbli għall-klijenti li jħossuhom komdi waqt li jiddiskutu r-riċerka tagħhom jew jistudjaw għall-eżamijiet tagħhom. Fi kliem id-Direttur is-Sur Kevin J. Ellul, il-Librerija hija 'l-post ta' interazzjoni.' Sular minnhom huwa ddedikat għal attivitajiet ta’ xogħol fi gruppi, b’sufanijiet u bean-bags  li joħolqu atmosfera rilassata fejn jiġu diskussi l-ideat. Spazji oħra huma ddedikati għal studju u riċerka fis-silenzju.

L-għajnuna lill-klijenti tinsab quddiem nett fil-missjoni tal-Librerija. L-istaff tal-Librerija jagħmel ħiltu biex jikkollega lill-klijenti mas-servizzi kemm stampati kif ukoll online. Illum, il-mixja lejn Librerija Elettronika (E-Library) hija essenzjali. L-istaff ikkwalifikat tal-Librerija joffri workshops biex iħarreġ studenti u akkademiċi biex jużaw ir-riżorsi online li l-Librerija tal-Università inkorporat bħala parti minn din il-bidla. Il-Librerija Elettronika tinkludi aċċess għal funzjonijiet ta’ tiftix bi klikk waħda li tagħti aċċess għal artikli minn ġurnali u databases online, kif ukoll kotba elettroniċi u l-verżjoni elettronika tal-Oxford English Dictionary. Il-paġna ewlenija tal-Librerija tinkludi wkoll aċċess għal RefWorks, software għal organizzazzjoni biblijografika li jippermetti lil min jużah li joħloq database ta’ referenzi u b’mod awtomatiku tiġi ġġenerata biblijografija fi kwalunkwe stil magħżul bħal APA, Harvard u oħrajn. Il-Paġna Ewlenija tal-Librerija hija vetrina għal dawn il-faċilitajiet kollha.

Il-Librerija hija affiljata ma’ istituzzjonijiet magħrufa, bħal CILIP u LIBER, li jipprovdu riżorsi u għodda biex itejbu l-esperjenza ta’ riċerka tal-klijenti. CILIP huwa iċ-Chartered Institute of Library and Information Professionals fir-Renju Unit li joffri konferenzi u korsijiet ta’ taħriġ speċjalizzat fuq suġġetti fl-avangwardja tax-xjenza tal-librerija u l-informazzjoni. LIBER, l-Association of European Research Libraries tirrappreżenta l-interessi tal-libreriji ta’ riċerka Ewropej, l-universitajiet tagħhom u r-riċerkaturi tagħhom. Din hija responsabbli li torganizza konferenzi, tippubblika ġurnali, tikkoordina politiki u tipparteċipa fi proġetti ffinanzjati mill-UE.

Bħala entità indirizzata lejn il-klijent u b’impenn li tagħti l-aħjar servizz, il-Librerija tal-Università ta’ Malta tagħmel mill-aħjar biex tkun eċċellenti billi tipprovdi r-riżorsi biex ittejjeb it-tixrid tal-informazzjoni bħala mezz għall-għerf, waqt li tappoġġja l-futur ta’ inizjattivi ta’ riċerka fl-Università.

 


 

Studenti Barranin Jitgħallmu l-Malti

Il-Promozzjoni tal-Wirt Malti f’ambjent alternattiv u dinamiku: Studenti Barranin Jitgħallmu l-Malti

Il-kultura Maltija tista’ tkun evidenti f’affarijiet oħra minbarra f’postijiet u prodotti – il-lingwa hija  fiha nnifisha l-wirt intrinsiku tagħna u tirrifletti l-kwalità u l-istruttura tas-soċjetà Maltija. L-International & EU Office fl-Università ta’ Malta organizza Kors Intensiv tal-ERASMUS fil-Lingwa Maltija (ERASMUS Intensive Language Course - EILC) bl-għan li jippromwovi l-lingwi l-inqas mgħallma fl-Ewropa.

Il-kors sar bejn il-5 ta’ Settembru u t-12 ta’ Ottubru 2011. Il-proġett kien  iffinanzjat permezz tal-appoġġ li ngħata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fl-istruttura tal-Lifelong Learning Programme, (ERASMUS).

Tmien studenti tal-ERASMUS temmew b’suċċess il-kors fil-Lingwa Maltija li ngħata mill-Malta University Language School. L-istudenti segwew 60 siegħa ta’ lekċers u għaddew b’suċċess il-valutazzjoni fl-aħħar tal-kors. Il-komponent kulturali kellu l-għan li jesponi lill-parteċipanti għall-aspetti storiċi, kulturali u l-mod ta’ ħajja tal-Gżejjer Maltin.

Żjarat fuq il-post kienu jinkludu dawk f’Ħad-Dingli, il-Belt Valletta, l-Imdina, il-Mosta, il-Blue Grotto u Marsaxlokk. L-istudenti żaru wkoll it-Tempji ta’ Ħal Tarxien, l-Imnajdra u Ħaġar Qim kif ukoll id-Domus Romana, fir-Rabat.  L-istudenti ttieħdu wkoll dawra mal-port.

Il-parteċipanti ngħataw ċertifikat waqt ċerimonja li tiċċelebra l-gastronomija Maltija.  Id-Direttur tal-International & EU Office, Ms Stefania Fabri, u s-Sur Godfrey Magri, l-għalliem tal-kors, ippreżentaw iċ-ċertifikati. Kien hemm ukoll Ms Anna Callus, Viċi Direttur tal-International & EU Office, is-Sur Keith Carabott u Ms Angele Patiniott, Uffiċjali tal-Erasmus fl-International & EU Office.
  

Foreign students learn maltese

Foreign students learn Maltese

 


 

Il-Konferenza 2011 taċ-Ċentru għall-Istudji tal-Familja

Ir-Relazzjoni bejn l-Adoloxxenti Maltin u l-Ġenituri tagħhom

Iċ-Ċentru għall-Istudji tal-Familja ta l-ewwel konferenza tiegħu dwar ir-riċerka nhar it-Tnejn, 31 ta’ Ottubru 2011 fl-Aula Magna, il-Kampus tal-Belt, Triq San Pawl, il-Belt Valletta. Il-Konferenza, bl-isem 'The Relationship between Maltese Adolescents and their Parents', saret taħt il-patroċinju distint tal-E.T. Il-President tar-Repubblika, Dr George Abela.

Proġett dwar ir-Relazzjoni bejn il-Ġenituri u ż-Żgħażagħ
Ġie ppreżentat il-proġett ta’ riċerka li sar taħt il-patroċinju tal-E.T. il-President tar-Repubblika dwar il-kwalità tar-relazzjoni bejn adoloxxenti Maltin u l-ġenituri tagħhom.  Il-Professur Angela Abela (Direttur taċ-Ċentru għall-Istudji tal-Familja), Dr Ruth Farrugia (senior lecturer fil-Fakultà tal-Liġi u membru tal-Bord taċ-Ċentru għall-Istudji tal-Familja), Ms Marita Galea (counselling psychologist) u Dr Deborah Schembri (avukat tal-familja), li jifformaw it-tim ta’ riċerka, mexxew il-preżentazzjoni.

Dan il-proġett ta’ riċerka ġie ispirat minn riċerka  tal-HBSC (Health Behaviour in School-Aged Children) (Currie et al., 2008), li sabet li l-adoloxxenti Maltin għandhom fiduċja baxxa fil-ġenituri tagħhom meta mqabbla ma’ adoloxxenti f’40 pajjiż ieħor.  Meta titratta dwar fiduċja bejn omm u t-tfal tagħha, it-tfal Maltin ta’ 11-il sena kklassifikaw fl-34 post, dawk ta’ 13-il sena fis-37 post u dawk ta’ 15-il sena fis-36 post. Ir-relazzjoni bejn missier u uliedu kienet jerġa’ iktar batuta, bil-missirijiet ikklassifikati fl-40 post jiġifieri fl-aħħar nett tal-lista!

Ġew intervistati erba’ tipi ta’ familji: dawk  li ma kinux għaddejjin minn inkwiet, dawk fejn kien hemm l-inkwiet, dawk b’ġenituri separati bonarjament u dawk b’ġenituri separati b’mod litiġjuż. B’kollox ġew intervistati 24 missier, 24 omm u 30 persuna adoloxxenti li ġejjin minn 25 familja. 

F’dawk il-familji li ma kinux għaddejjin minn inkwiet, il-ġenituri setgħu jirriflettu fuq kif it-trobbija tagħhom influwenzat il-kapaċità tagħhom ta’ ġenituri u l-effett li l-imġieba tagħhom kien qed ikollha fuq uliedhom. Huma fehmu li l-pressjoni u l-impożizzjoni fuq it-tfal ittellef milli jiftħu qalbhom. Kien hemm livell għoli ta’ qbil bejn il-membri differenti tal-familja dwar l-esperjenza tagħhom tar-relazzjonijiet bejniethom, anke meta l-istampa ma kinitx dejjem ideali.

F’familji fejn kien hemm l-inkwiet, in-nisa kienu mdejqin ħafna meta l-irġiel tagħhom ġabu ruħhom b’mod imponenti jew kienu jbaxxuhom. Ħafna ommijiet spiċċaw billi jidentifikaw ruħhom iżżejjed ma’ uliedhom. Il-missirijiet ħafna drabi ma kinux konxji tal-livell tal-impatt negattiv fuq in-nisa tagħhom jew uliedhom. It-tfal kellhom it-tendenza li jafdaw iżjed ma’ ommhom u qalu li huma jqisu l-konsegwenzi qabel ma jiftħu qalbhom.

F’familji b’ġenituri separati bonarjament, il-biċċa l-kbira taż-żewġ ġenituri intervistati kienu qed jikkoabitaw jew f’relazzjoni ġdida. Xi wħud kienu għadhom kemm ħarġu minn relazzjoni. Xi ommijiet ħassewhom imdejqin u sabuha diffiċli jlaħħqu weħidhom jew ħassewhom imtaqqlin wisq bir-responsabilitajiet finanzjarji u dawk ta’ ġenituri. Il-biċċa l-kbira tal-missirijiet kienu jistennew li jgħaddu l-ħin ma’ uliedhom. Uħud mill-ommijiet qalu li jibżgħu li billi l-missirijiet jispiċċaw jiltaqgħu biex jieħdu gost flimkien, it-tfal isiru aktar miġbudin lejhom. It-tfal xtaqu jgħaddu l-ħin mal-ġenituri tagħhom waħedhom għal kuntrarju ta’ li jqattgħu l-ħin mal-ġenituri tagħhom fil-preżenza tas-sieħba ġodda tal-ġenituri.

Fejn il-ġenituri fil-familji kienu separati b’mod litiġjuż, kien jeżisti sens qawwi ta’  abbandun minn wieħed/waħda mill-ġenituri.

Huwa importanti li wieħed jinnota li r-reżiljenza tidher f’kull tip ta’ familja minkejja d-diffikultajiet li wħud iltaqgħu magħhom. Dwar dan, huwa kkonsidrat ferm iżjed ta’ benefiċċju u ta’ għajnuna li l-attenzjoni tkun fuq ir-reżiljenza aktar milli fuq li wieħed jiffoka fuq in-nuqqasijiet li jkun hemm f’ċertu familji.

F’dawn l-intervisti tqajmu l-piżijiet tar-responsabbiltà tal-ħajja tal-familja u l-isfidi li tkun ġenitur ta’ adoloxxenti. Il-parti l-kbira tal-ġenituri talbu aktar appoġġ mill-iskola. Ħafna ġenituri xtaqu iktar għajnuna professjonali speċjalment terapija għall-familja kif ukoll netwerk ta’ ħbieb li kienu fl-istess stadju taċ-ċiklu tal-ħajja fil-familja u li kienu għaddejjin mill-istess sfidi ma’ uliedhom. Xi missirijiet ħassew il-bżonn li jitħallew jieħdu r-rwol relattivament ġdid li jadottaw relazzjoni ta’ affezzjoni u ta’ appoġġ mat-tfal tagħom.
It-tfal kienu jistennew li l-ġenituri tagħhom jappoġġjawhom u jkunu ġentili u kalmi magħhom. Nofs it-tfal talbu għal aktar ħin mal-ġenituri tagħhom, u xtaqu li dawn jisimgħuhom aktar. Ġenituri u tfal ilmentaw li l-piż tar-responsabbiltà tax-xogħol ma kinx iħallilhom ħin biżżejjed flimkien. Il-ħtieġa għall-flexi time kienet mitluba b’mod partikulari minn ġenituri sseparati. Il-piżijiet finanzjarji kienu wkoll enfasizzati.

Id-Diskors Prinċipali
Dr John Coleman OBE wara għamel il-preżentazzjoni prinċipali. Huwa ilu Senior Research Fellow fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni fil-University of Oxford sa mill-2006. Huwa kiteb b’mod estensiv dwar l-adoloxxenti. Huwa l-President tal-Association for Young People’s Health u Trustee tal-Family and Parenting Institute. Huwa ingħata l-OBE fl-2001 għas-servizzi liż-żgħażagħ.

 


 

Il-Ftuħ Uffiċjali tal-Istitut Konfuċju fl-Università ta’ Malta

Delegazzjoni minn Xiamen University, immexxija mill-Professur Zhu Chongshi, President ta’ Xiamen University, ġiet Malta biex tniedi uffiċjalment l-Istitut Konfuċju fl-Università ta’ Malta. L-Istitut Konfuċju huwa l-ewwel Istitut edukattiv tal-lingwa u l-kultura Ċiniża f’Malta.

Għaċ-Ċerimonja, li saret fl-awditorju, il-Kampus tal-Belt Valletta, attendew E.T. Zhang Keyuan, Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Professur Juanito Camilleri, Rettur tal-Università ta’ Malta, u l-Professur Anthony Frendo u l-Professur Wang Ying, Ko-Diretturi tal-Istitut Konfuċju. Waqt laqgħa bejn uffiċjali għoljin miż-żewġ universitajiet, ġew diskussi wkoll oqsma għal kooperazzjoni fil-futur.

L-Istitut Konfuċju fl-Università ta’ Malta twaqqaf fl-2009 permezz tal-kooperazzjoni bejn l-Università ta’ Malta u Xiamen University, bl-appoġġ tal-Kwartieri Ġenerali tal-Istitut Konfuċju. L-Istitut Konfuċju huwa msemmi għal 'Konfuċju', l-edukatur kbir u filosofu soċjali Ċiniż, li għex madwar 2500 sena ilu. L-Istitut Konfuċju għandu l-għan li jgħallem il-lingwa u l-kultura Ċiniża u li jippromwovi kooperazzjoni edukattiva bejn iċ-Ċina u l-pajjiż lokali. Il-Kwartieri Ġenerali tal-Istitut Konfuċju qiegħed f’Beijing, il-kapitali taċ-Ċina. Hemm ’l fuq minn 320 Istitut Konfuċju mad-dinja kollha.

L-Istitut Konfuċju fl-Università ta’ Malta joffri kors ta’ Diploma fiċ-Ċiniż, sentejn, part-time filgħaxija, u qed jaħseb għal kors ta’ B.A./B.A. (Hons) fiċ-Ċiniż li hu ppajnat li jibda f’Ottubru 2012. L-Istitut joffri wkoll korsijiet DegreePlus u taqsimiet studju mhux obbligatorji fil-lingwa u l-kultura Ċiniża għal studenti universitarji rreġistrati fl-Università ta’ Malta. L-Istitut Konfuċju fl-Università ta’ Malta qed joffri korsijiet kulturali u fil-lingwa f’xi wħud mill-iskejjel f’Malta, u jfittex li jikkopera ma’ aktar skejjel fil-futur. Minbarra li joffri programmi akkademiċi fl-Università ta’ Malta, l-Isitut Konfuċju jipprovdi wkoll korsijiet ta’ filgħaxija għall-pubbliku.

Issa jistgħu jittieħdu Testijiet HSK f’Malta. HSK huwa l-uniku ċertifikat uffiċjali fil-lingwa Ċiniża aċċettat fiċ-Ċina kontinentali. Dan jintuża minn istituzzjonijiet edukattivi u minn min iħaddem. It-test HSK huwa t-test uffiċjali Ċiniż ta’ kompetenza fil-lingwa Ċiniża standardizzat internazzjonalment għal kelliema mhux nattivi. Dan jikkonsisti f’test miktub u test mitkellem. Hemm sitt livelli ta’ testijiet tal-kitba u tliet livelli ta’ testijiet mitkellma. It-testijiet isiru darbtejn fis-sena, bl-ewwel eżami jsir matul l-ewwel nofs tas-sena, waqt li t-tieni test isir lejn l-aħħar tas-sena. Fl-2011, l-Istitut se jkun qed joffri t-test nhar is-Sibt, 3 ta’ Diċembru, 2011 u r-reġistrazzjoni tagħlaq il-Ġimgħa, 4 ta’ Novembru, 2011.

Dawk il-persuni interessati jistgħu jikkuntattjaw lill-
Istitut Konfuċju
Kamra 207
Binjet Ġużè Cassar Pullicino
l-Università ta’ Malta
Il-Kampus tal-Imsida
Tel: +356 2340 3407
Email
Sit elettroniku

Confucius Institute Launch
Il-kxif tal-plakka tal-Istitut Konfuċju – mix-xellug il- Profs. Zhu Chongshi, l-E.T. Zhang Keyuan, il-Profs. Juanito Camilleri, il-Profs. Anthony Frendo

Confucius Institute Launch
Id-delegazzjoni mmexxija mil-Profs. Zhu Chongshi, President Xiamen University (fin-nofs), mal-Profs. Juanito Camilleri u uffiċċjali għolja tal-Università  ta' Malta

 


 

Togi Ġodda tal-Università ta’ Malta

Togi Ġodda tal-Università ta’ Malta għall-Gradi ta’ Ph.D. u Master’s
wara Kompetizzjoni Internazzjonali għad-Disinn

Il-grad ta’ Dottorat kien iddaħħal fl-Università ta’ Malta fl-1975. Minn dakinhar ’l hawn, 121 student iggradwaw Ph.D. b’tal-inqas ħamsa oħra mistennija jingħataw il-Ph.D. fiċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni ta’ din is-sena. Issa, għall-ewwel darba, l-Università ta’ Malta għandha it-togi akkademiċi tagħha stess għall-Ph.D. u l-Master’s. L-Università għamlet sejħa għal kompetizzjoni internazzjonali u talbet disinni għal toga, kuluri u berettin kemm għall-gradwati tagħha fil-Master’s kif ukoll għal dawk tal-Ph.D. Din wasslet għal sottomissjonijiet minn disinjaturi kemm f’Malta kif ukoll minn barra. Id-disinji rebbieħa, li t-tnejn ġew approvati mis-Senat, ġew sottomessi minn Dr Nicholas Groves, minn Norfolk, l-Ingilterra.

Dr Groves M.A., B.Mus., Ph.D., F.R.Hist.S., F.B.S. huwa Fellow fundatur tal-Burgon Society, is-soċjetà ta’ studjużi li tittratta dwar l-istorja, id-disinn, u l-iżvilupp tal-ilbies akkademiku. Huwa serva bħala Dekan tal-Istudji f’FBS mis-sena 2000 sal-2003, u għadu fuq il-Kunsill, jissorvelja u jeżamina regolarment kandidati għall-Fellowship tas-Soċjetà. Huwa l-Editur tat-tielet edizzjoni ta’ Shaw’s Academic Dress, li għadu kemm ġie ppubblikat. Dr Groves iddisinja u rreveda l-ilbies għal numru ta’ istituzzjonijiet fir-Renju Unit.

Fil-proposta tiegħu, Dr Groves kiteb li kien qiegħed jinkludi toga bil-kmiem forma ta’ qanpiena billi din hija storikament it-toga użata fl-ilbies akkademiku Kontinentali – mudell ideali jinsab fl-ilbies komplet dottorali kif użat fil-University of Oxford. Il-kondizzjoni li t-togi jinkorporaw elementi tal-arma tal-Università ġiet osservata fis-sens li l-aħmar u l-abjad, it-‘tinturi’ tal-arma, huma użati, kif ukoll il-lewn tad-deheb. Il-lewn tal-aħmar huwa post office jew cardinal red, waqt li l-lewn tal-abjad huwa off-white, għax dan inqas jgħammex l-għajnejn: stone-white jew ivory. Il-lewn tad-deheb għall-bordura huwa yellow ochre.

It-Toga tal-Master’s

It-toga tal-Master’s hija relattivament sempliċi meta mqabbla mat-toga tal-Ph.D. u hija magħmula minn suf iswed jew taħlita ta’ suf-polyester panama. Id-dahar tat-toga huwa miġmugħ fi bridge’ yoke, bi pjiegi organ-pipe. Għandha l-kmiem forma ta’ qanpiena, li ma jinqalbux, mhumiex infurrati, u jaslu sa ftit ’il fuq mill-polz meta tintlibes. 

Il-paramenti huma tal-ħarir iswed ileqq (watered silk), b’bordura ta’ aħmar u abjad matul it-tarf ta’ barra u madwar il-parti ta’ fuq.

Il-kappun se jinkludi l-kuluri tal-korsijiet varji u fl-għamla huwa simili ta’dak tat-toga tal-Ph.D.

Il-beritta hija berettin iebes akkademiku ta’ drapp standard iswed jew berettin kwadru, b’ġummiena sewda tal-ħarir.
 

UoM gowns     UoM gowns
It-Toga tal-Master's                                  Il-Kappun tal-Master's

It-Toga tal-Ph.D.
It-toga għandha kmiem forma ta’ qanpiena u ‘bridge’ yoke, u hija magħmula minn drapp iswed tas-suf panama.  Skont it-tradizzjoni, it-togi tad-dottorat jintlibsu twal s’isfel.

Il-paramenti huma miksija b’ħarir aħmar ileqq (watered silk aħmar), u l-paramenti ta’ barra b’ħarir abjad ileqq (watered silk abjad). Matul ix-xifer ta’ barra ta’ kull parament hemm tberfila kulur id-deheb li tkompli matul fuq ta’ kull parament.

Il-kmiem huma infurrati b’ħarir aħmar ileqq (watered silk aħmar), bil-parti ta’ isfel maqluba bħala pulzier.  Il-komma, meta tintlibes, tasal sa ftit ’l fuq mill-polz.

Il-kappun separat huwa ta’ forma sħiħa bil-kantunieri ttundjati għal mal-kappa, tal-panama sewda. Huwa nfurrat bil-ħarir ileqq (watered silk), l-inforra tinqasam b’mod vertikali meta tintlibes; bajda fuq l-ispalla tax-xellug, u ħamra fuq il-lemin. Il-kappun, kappa u barnuża huma kollha mdawrin bi tberfila kulur id-deheb.  Iċ-ċinta tal-għonq, li ma tinqalibx, hija sewda infurrata bl-iswed waqt li t-tberfila kulur id-deheb tkompli għal fuqha fuq iż-żewġ trufijiet.

Il-berettin huwa b’erba’ ponot u magħmul minn ħarir iswed ileqq (watered silk iswed), u ġummiena sewda.

UoM gowns     UoM gowns
It-Toga tal-Ph.D.                                            Il-Kappun tal-Ph.D.

Waqt żjara reċenti li għamel f’Malta, Dr Groves, irċieva l-premju tiegħu mingħand ir-Reġistratur tal-Università, Ms Veronica Grech. Meta tkellem fil-preżentazzjoni huwa qal: 'Jiena kuntent, imma fl-istess ħin kburi, li d-disinji tiegħi se jibqgħu jintużaw mill-gradwati tagħkom għal numru ta’ snin fil-ġejjieni.'

Dr Groves se jattendi l-ewwel Ċerimonja tal-Gradwazzjoni Postgraduate fil-Knisja tal-Università, il-Belt Valletta nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Novembru meta t-togi tal-Ph.D. jintlibsu għall-ewwel darba

Dawk il-gradwati kollha tal-Ph.D. tal-Università ta’ Malta li jixtiequ jixtru toga jistgħu jikkuntattjaw lill-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet u r-Relazzjonijiet mal-Alumni permezz ta' email. It-togi l-ġodda tal-Master’s se jkunu introdotti gradwalment.

UoM gowns
Is-Sa Veronica Grech, Registratur tal-Università ta’ Malta tippreżenta l-premju lil Dr Nicholas Groves, ir-rebbieħ tal-kompetizzjoni.

 


 

Studenti Ġodda, Korsijiet Ġodda

L-Università ta’ Malta illum tat bidu għall-Freshers’ Week, meta laqgħet madwar 3561, student għal firxa ta’ 697 kors offruti din is-sena.  Dan jindika żieda ta’ 25 kors/qasam ta’ studju fuq dak tas-sena l-oħra.

Hemm 2839 student għall-korsijiet sal-ewwel grad, filwaqt li 722 student se jkomplu għal gradi ta’ wara l-lawrja (postgraduate).  Hemm total ta’405 student internazzjonali li ġejjin minn 70 pajjiż differenti.

In-numru totali ta’ studenti fl-Università ta’ Malta għas-sena akkademika 2011-2012 huwa ta’ 11341, 4825 huma rġiel u 6516 huma nisa.

L-Università toffri lill-istudenti għażla dejjem tikber u varjata  ta’ korsijiet b’oqsma ta’ studju differenti.  Oqsma ta’ studju ġodda għal din is-sena jinkludu:

Korsijiet Postgraduate
Master of Fine Arts in Digital Arts
Master of Science in Radiography – Radionuclide Imaging
Master of Science in Environmental Management and Planning
Master of Science in Rural Sciences
Master of Science in Metamaterials
Master of Arts in Transcultural Counselling
Master in Family Studies
Master in Probation Services
Postgraduate Diploma in Educational Leadership
Postgraduate Diploma in Technology–Enhanced Learning

Kosrijiet Undergraduate
Bachelor of Science (Hons) in Built Environmental Studies
Bachelor of Science (Hons) (Pharmaceutical Science)
Bachelor of Science (Hons) in Earth Systems
Bachelor of Library, Information and Archive Studies
Bachelor of Science (Hons) in Dental Technology
Bachelor of Science (Hons) in Human Language Technology
Higher Diploma in Administration and Management
Higher Diploma in Marketing and Sales Management

Bħalissa, l-Admissions Office qed jipproċessa l-applikazzjoni minn persuni li kellhom eżamijiet tal-MATSEC u tal-Università fis-Sessjoni Supplementari ta’ Settembru u li tagħhom għadhom kemm ħarġu r-riżultati. Dawn l-istudenti li r-riżultati pożittivi tagħhom jippermettulhom jibdew xi kors tal-għażla tagħhom, jistgħu jibdew jattendu għal-lekċers, anke qabel ma jirċievu l-ittra uffiċċjali li kienu aċċettati.

L-Università nediet ukoll International Masters Programme li jwassal għal lawrja doppja - Master of Arts in Transcultural Counselling – flimkien mal-Università ta’ Maryland, l-Istati Uniti. B’dan il-kors, in-numru ta’ International Masters Programmes tal-Università ta’ Malta se jitla’ għal erbgħa. It-tliet programmi l-oħra li tnedew f’dawn l-aħħar sentejn huma :
Master of Arts in Integrated Marketing Communication ma’ San Diego State University
Master of Science in Sustainable Environmental Resources Management ma’ James Madison University, u
Master of Arts in Conflict Resolution and Mediterranean Security ma’ George Mason University.

Numru totali ta’ 22 student Malti u 51 student mill-UE u minn pajjiżi oħrajn ġew aċċettati għal dawn  l-International Masters Programmes minn 15 pajjiżi differenti.

 


 

Sistema Fotovoltajka

         erdf


Sistema Fotovoltajka fil-Kampus ta’ Għawdex tal-Università ta’ Malta

L-Università ta’ Malta se tkun qed tibbenefika mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (European Regional Development Fund – ERDF) li jaqa’ taħt il-Programm ta’ Politika ta’ Koeżjoni 2007-2013 permezz ta’ proġett li għandu l-għan li jwaqqaf Sistema Fotovoltajka fil-Kampus ta’ Għawdex tal-Università ta’ Malta.

Il-proġett, li se jitlesta f’Marzu 2012, għandu nefqa totali ta’ €175,820.00.

L-għan ta’ dan il-proġett hu li jikkontribwixxi għat-tnaqqis ta’ 30 tunnellata emissjonijiet ta’ CO₂ fiċ-Ċentru tal-Università f’Għawdex fix-Xewkija  b’riżultat ta’ benefiċji ambjentali għas-soċjetà.  It-tnaqqis tal-marka tal-karbonju (Carbon Footprint) tal-UGC b’riżultat ta’ dan għandu jkun mudell għal stabbilimenti fis-settur pubbliku u intrapriżi privati oħra f’Għawdex biex jitħajru jadottaw sistemi ta’ enerġija li tiġġedded (RES).

Dan il-proġett jikkontribwixxi wkoll direttament għall-mira tal-Gvern għal Eko-Għawdex permezz ta’ tnaqqis fl-użu ta’ enerġija li tiġġedded imqabbda ma’ grilja, kif ukoll il-politika tal-RES, billi jikkontribwixxi għall-għan tal-Gvern li jistabbilixxi sistema diċentralizzata għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija ma’ faċilitajiet tal-RE favur l-ambjent fuq skala żgħira u medja.  Dan ikun skont il-miri ta’ Lisbona li jassiguraw li l-provvista tal-enerġija għal Malta fuq tul ta’ żmien tieħu vantaġġ minn Sistemi ta’ Enerġija li Tiġġedded (RES).

Dan il-proġett huwa parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2007 – 2013.

operationalprogramme1

 


 

L-Għotja tal-Borża ta’ Studju tal-IOI

Il-Borża ta' Studju ta' Elisabeth Mann Borgese  (EMB) tal-International Ocean Institute (IOI) hija ffinanzjata permezz tal-Programm tal-IOI Women, Youth and the Sea. Din kienet twaqqfet bħala mezz biex jintwera rikonoxximent lil Malta bħalha l-pajjiż li jospita lill-IOI, u talli jilqa' l-Kwartieri Ġenerali tal-IOI u jipprovdi l-uffiċċji u l-faċilitajiet għall-istaff.  Il-Borża ta’ Studju tikkostitwixxi wkoll għarfien u apprezzament ieħor għall-irwol u għall-kisbiet konsiderevoli tal-Prof. E. Mann Borgese, fundatriċi tal-IOI.

Ir-rebbieħ għal din is-sena huwa s-Sur Noel Vella li qal li se jkun qed juża l-Borża ta’ Studju biex jagħmel riċerka li tipprovdi aktar informazzjoni ġenetika ta’ valur li tista’ żżid l-għarfien fuq il- kelb il-baħar bluntnose sixgill shark jew Hexanchus Griseus.

Il-metidoloġija li juża Noel Vella tiffoka fuq l-użu tal-analiżi ġenetika. Dawn l-analiżi se jsiru fuq numru ta’ speċi miġbura, partikolarment dawk miġbura mill-Mediterran Ċentrali. B'hekk tinftiehem aħjar il-varjazzjoni fil-popolazzjoni f’dan ir-reġjun. Noel Vella qal "Se ssir analiżi ta’ xi speċi minn siti mbiegħda ħalli nsaħħu l-informazzjoni xjentifika u fl-istess waqt naraw l-irwol tal-popolazzjoni tal-ispeċi fil-Mediterran Ċentrali meta mqabbla ma’ siti oħra."

Is-Sur Vella nagħta s-somma ta’ US$ 5,000 li se tintuża biex ikompli l-istudji tiegħu fuq perjodu ta’ sena.

Preżenti għaċ-Ċerimonja tal-Għoti tal-Premju li saret fil-17 ta’ Ottubru, kien hemm Dr Cherdsak Virapat, Direttur Eżekuttiv tal-IOI; il-Prof. Salvino Busuttil, Rappreżentant tal-Pajjiż li jospita lill-IOI, fuq il-Bord Governattiv tal-IOI; il-Prof. Alfred Vella, Pro Rettur tal-Università ta’ Malta, Ms Veronica Grech, ir-Reġistratur tal-Università ta’ Malta u Ms Antonella Vassallo, l-Uffiċjal tal-Programm fl-IOI, responsabbli mill-Borża ta’ Studju EMB.

Matul is-snin, l-Università ta’ Malta tat ħafna importanza lill-kwistjonijiet li jikkonċernaw lill-baħar.  Xogħol akkademiku jinkludi l-oqsma ta’ tmexxija, il-liġi u x-xjenza kif ukoll is-sostenibbiltà u l-edukazzjoni.

Għal aktar informazzjoni dwar l-IOI u l-programmi tagħha tista’ tibgħat email jew iċċempel fuq +356 21 346528 inkella tara s-sit elettroniku


The Elisabeth Mann Borgese Scholarship 2011
mix-xellug lil Dr Virapat, il-Prof. Busuttil, is-Sur Vella, il-Pro Rettur il-Prof. Vella, ir-Registratur Ms Grech, u Ms Vassallo, fl-uffiċċju IOI fil-kwartieri ġenerali, il-kampus tal-Università. Fuq wara jidher i-ritratt ta' Elisabeth Mann Borgese.

The Elisabeth Mann Borgese Bursary 2011     The Elisabeth Mann Borgese Bursary 2011


Elisabeth Mann Borgese (24 t’April, 1918 – 8 ta’ Frar, 2002), waqqfet l-IOI fl-1972 bħala organizzazzjoni internazzjonali mhux governattiva u li ma taħdimx għall-profitt, ibbażata fuq l-għerf, u li hija ddedikata għall-iżvilupp sostenibbli tal-oċeani. L-IOI jaħdem biex iwettaq u jespandi l-prinċipji miġbura fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar għall-benefiċċju tal-umanità kollha, b’konsiderazzjoni partikulari għall-foqra.  Il-missjoni tal-International Ocean Institute hija li jippromwovi edukazzjoni, taħriġ u riċerka biex itejjeb l-użu paċifiku tal-ispazju tal-oċean u r-riżorsi tiegħu, l-immaniġġjar u r-regolamentazzjoni tagħhom kif ukoll il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar, immexxija mill-prinċipju tal-Wirt Komuni tal-Umanità.

Malta hija l-pajjiż li jospita l-Kwartieri Ġenerali tal-International Ocean Institute.  Bħala stat gżira fiċ-ċentru tal-Baħar Mediterran hija għandha storja twila ta’ dipendenza fuq il-baħar kif ukoll tradizzjoni qawwija ta’ xogħol marittimu, tas-sajd u tat-tbaħħir.  Is-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea tobbligaha li żżomm mal-politiki marittimi u tas-sajd kif ukoll ma’ konvenzjonijiet u regolamenti li għandhom skop globali.

 


 

Jiftħu l-Applikazzjonijiet tal-Università tat-Terz’ Età

L-Università tat-Terz’ Età li tifforma parti miċ-Ċentru Ewropew tal-Ġerontoloġija tal-Università ta’ Malta se tilqa’ applikazzjonijiet minn nhar it-Tnejn 26 ta’ Settembru 2011 minn dawk interessati li jattendu 'lectures' fil-programm tal-2011/2012.

Għal din is-sena akkademika, il-'lectures' ser isiru mit-Tnejn sal-Ħamis mid-disgħa sal-ħdax ta' filgħodu fiċ-Ċentru tal-Furjana, u t-Tlieta u l-Ħamis mill-ħamsa sas-seba' ta' filgħaxija fiċ-Ċentru f’Tas-Sliema. Il-Programm jibda nhar it-Tnejn 10 t’Ottubru.

Kull sezzjoni fil-Programm għandha sensiela ta’ tmien 'lectures' li jinkludu:

  • The Development of Political Parties in Malta (Prof. Joe Pirotta)
  • EU Challenges in the Twenty-first Century (Prof. Stephen Calleya)
  • Iconography of Maltese Artists (Mr John Sare')
  • Family Folklore (Mr Guido Lanfranco)
  • Religious Confraternities and their Activities (Mr Tony Terribile)
  • The Catholic Church and the New Evangelisation (Rev. Dr Joe Galea Curmi)
  • The French in Malta (Mr Vincent Zammit)
  • Why Believe? (Rev. Dr Rene’ Camilleri)
  • Baroque Culture (Dr Keith Sciberras)
  • Malta's Economy through History (Mr Carl Camilleri)
  • Practical First Aid (Mr Anthony T. Scerri)
  • Living with Dementia (Dr Stephen Abela)
  • Pensions and their Sustainability in Malta (Mr Joe Camilleri)
  • Il-Malti Miktub (Mr Olvin Vella)
  • Current International Issues (Mr Lawrence Grech)
  • An Introduction to Music Appreciation (Mr Kenneth Zammit Tabona)
  • Hidden Heritage in Malta's National Museums (Mr John Sare')
  • Paul: The Man and His Message (Rev. Dr Marcello Ghirlando)
  • Health Promotion (Dr Charmaine Gauci)
  • Art Appreciation (Ms Charlene Vella)
  • Malta's Flora and Fauna (Dr Sandro Lanfranco).

Dawk il-parteċipanti li huma interessati fil-Lingwi jistgħu jagħżlu minn dawn is-sezzjonijiet:

  • German for Beginners (Ms Lina Agius)
  • French for Beginners (Prof. Carmen Depasquale)
  • Spanish for Beginners (Ms Olvido Andrejar).

Formoli biex tinkiteb jinġabru u jitħallew fl-uffiċċju tal-U3E fiċ-Ċentru tal-Furjana li jinsab fis-sular t’isfel fl-Istitut Kattoliku l-Furjana, mit-Tnejn sal-Ġimgħa mid-disgħa sal-ħdax ta' filgħodu minn nhar it-Tnejn 26 ta’ Settembru 2011.

Kopja tal-programm tista’ tinkiseb mar-reġistrazzjoni filwaqt li kopja tkun esposta fuq in-'noticeboard'. F’każ ta’ xi mistoqsijiet, tistgħu ċċemplu 'l uffiċċju fuq in-numru: +356 21 243202.

 


 

Tnedija tal-Green Travel Plan fl-Università ta’ Malta

L-Università ta’ Malta għadha kif temmet l-ewwel Green Travel Plan u qed tintroduċi l-Kumitat li twaqqaf biex jissorvelja l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tal-pjan fl-Università. Il-Kumitat tal-Green Travel Plan għandu l-għan li jiżgura li l-Università jkollha pożizzjoni ewlenija biex tqajjem kuxjenza, tinkoraġġixxi u timplimenta miżuri ta’ mobilità sostenibbli.

Il-Kumitat huwa mmexxi minn Dr Maria Attard, ġeografa dwar it-trasport u Direttur tal-Istitut għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-Università, flimkien mal-Perit Christopher Spiteri, Direttur tal-Estates and Works u rappreżentanti tal-persunal akkademiku, dak amministrattiv, support staff u korpi ta’ studenti.  Il-Kumitat huwa appoġġjat minn membri tal-Precincts Office, l-Uffiċċju għar-Riżorsi Umani u esperti akkademiċi f’dan il-qasam.

Il-Kumitat huwa fiduċjuż li l-ewwel Green Travel Plan, li huwa fil-fatt dokument dinamiku li jfittex li jinkoraġġixxi, permezz ta’ miżuri ħfief u ibsin, l-introduzzjoni ta’ vjaġġar ekoloġiku, huwa l-bidu ta’ bidla fil-kultura ta’ mobilità.

Is-sejbiet tal-Green Travel Plan juru kif id-dipendenza fuq il-karozza qed tolqot l-aċċessibilità għall-Kampus tal-Università fl-Imsida minħabba konġestjoni tat-traffiku dejjem tiżdied fuq in-netwerk tat-triq eżistenti, aspettativi għoljin li jinsab parkeġġ fil-post limitat madwar il-kampus u n-nuqqas ta’użu tat-trasport pubbliku u infrastrutturi oħra ta’ trasport li jistgħu jintużaw biex tintlaħaq l-Università.

L-ewwel Green Travel Plan jara li juża miżuri ħfief biex tinħoloq kuxjenza li jeżistu modi oħra tat-trasport, bħat-trasport pubbliku. Dan għandu l-għan li jinvestiga l-possibbiltà ta’ grupp privat tat-trasport dedikat għall-Università u li jinkoraġġixxi l-użu kondiviż tal-karozzi (car sharing).

L-Università se taħtar Koordinatur għall-Green Travel Plan li se jkun inkarigat li jiġbor flimkien l-informazzjoni kollha li hemm dwar it-trasport, li jistudja t-talba għall-ivvjaġġar mill-persunal u l-istudenti tal-università u jipprovdi għażliet imfassla għal ivvjaġġar individwali.

Il-Kumitat għall-Green Travel Plan għandu l-għan li jibda proċess ta’ bidla u jinkoraġġixxi n-nies jikkunsidraw metodi alternattivi u jippruvaw inaqqsu kemm il-bżonn tagħhom li jivvjaġġaw kif ukoll l-użu tal-karozza privata tagħhom.

L-Istitut għall-Iżvilupp Sostenibbli se jkun qed jagħmel riċerka li tappoġġja l-implimentazzjoni tal-pjan u tinvestiga s-suċċess jew falliment ta’ miżuri. L-Istitut, permezz tal-grupp ta’ riċerka tiegħu t-Transport Information Systems and Telematics (TISTA), se jkun qed iħares lejn teknoloġiji ġodda li jgħinu lill-amministrazzjoni tal-Università biex tikkontrolla t-talba kemm għat-trasport privat kif ukoll għal dak pubbliku. Il-Kumitat għandu l-ħsieb li juża r-riċerka biex jappoġġja wkoll deċiżjonijiet ta’ politika f’dan il-qasam fil-futur.

Aktar informazzjoni dwar il-Green Travel Plan tal-Università se tkun ipprovduta fuq is-sit elettroniku.

 


 

L-Università ta’ Malta tiffirma ftehim kollaborattiv ma’ Actavis Ltd

Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Juanito Camilleri, iffirma ftehim kollaborattiv bejn id-Dipartiment tal-Farmaċija fil-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija u Actavis Ltd. Il-ftehim ta’ tliet snin jittratta dwar appoġġ għall-programmi ta’ tagħlim u riċereka tad-Dipartiment tal-Farmaċija.
Id-Dipartiment tal-Farmaċija jagħmel ħiltu biex jesponi lill-istudenti tal-ewwel grad għal esperjenzi applikati f’sitwazzjonijiet prattiċi fi spiżeriji tal-komunità, l-ispiżerija tal-isptar u fl-industrija tal-farmaċewtika. B’dan il-mod il-gradwati jkollhom il-kompetenzi li jikkontribwixxu għas-soċjetà u għas-settur pubbliku u dak privat hekk kif isibu impjieg. Dan jinkiseb permezz ta’ inkoraġġiment għal kooperazzjoni bejn id-Dipartiment u entitajiet oħra pubbliċi u privati fil-qasam tal-farmaċija.
Id-Dipartiment tal-Farmaċija għandu storja twila ta’ kollaborazzjoni ma’ Actavis Ltd. L-oqsma li fihom Actavis Ltd qed tappoġġja l-programmi ta’ tagħlim u r-riċerka tad-Dipartiment ġew identifikati u fformalizzati f’dan il-ftehim.

Permezz ta’ dan il-ftehim, Actavis Ltd qed tikkoordina d-disinn u l-istampar tal-ġurnal tad-Dipartiment, il-Journal of Euromed Pharmacy (JEMP) li jippubblika studji ta’ riċerka minn studenti ta’ wara l-ewwel grad (post-graduate). Il-Journal of Euromed Pharmacy huwa ppubblikat flimkien mal-Assoċjazzjoni Farmaċewtika Maltija. Actavis Ltd se tippremja wkoll lil dak l-istudent jew studenta bl-aħjar preżentazzjoni waqt is-Simpożju Annwali tal-Farmaċija filwaqt li wkoll tappoġġja proġetti speċifiċi. Dawn il-proġetti jinkludu ‘Stability study of drugs in transport’ ta’ Helga Farrugia li kien ippreżentat waqt il-Laqgħa Dinjija dwar il-Farmaċewtika, il-Biofarmaċewtika u t-Teknoloġija tal-Farmaċewtika fl-2010, il-‘Maltese Medicines Handbook’ ta’ Doriella Cassar (2009) u n-‘Newsletter for Community Pharmacists’ ta’ Rachel Galea (2009) u Caroline Mercieca (li bħalissa qed taħdem fuq dan il-proġett).

Fl-aħħar snin Actavis Ltd ipprovdiet esperjenzi għall-istudenti fil-programmi prattiċi tad-Dipartiment u dan il-ftehim se jsaħħaħ aktar din il-kollaborazzjoni billi jistabbilixxi pożizzjonijiet għall-istudenti u sessjonijiet prattiċi addizzjonali għall-istudenti tal-farmaċija. Dawn l-attivitajiet se jipprovdu l-opportunità għall-istudenti tal-farmaċija biex ikunu esposti għall-industrija tal-farmaċewtika u l-proċessi differenti involuti fil-manifattura tal-mediċini.

Id-Dipartiment tal-Farmaċija kiseb din il-kollaborazzjoni ta’ livell għoli mal-industrija tal-farmaċewtika permezz tat-tmexxija u d-determinazzjoni tar-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Juanito Camilleri.

Id-Dipartiment tal-Farmaċija qed iniedi kors ġdid ta’ tliet snin li jwassal għall-Grad ta’ Baċellerat fix-Xjenza fit-Teknoloġija tal-Farmaċewtika biex jindirizza l-ħtiġijiet tal-industrija tal-farmaċewtika. Il-kors kien imfassal biex il-gradwati jimlew in-numru kbir ta’ postijiet tax-xogħol battala li hemm fl-industrija tal-farmaċewtika. L-istudenti li jtemmu dan il-Baċellerat tax-Xjenza fil-kors tat-Teknoloġija tal-Farmaċewtika se jkunu jistgħu jieħdu karigi fl-industrija tal-farmaċewtika f’aspetti relatati mal-manifattura tal-mediċini u bħala rappreżentanti mediċi.

UoM signs collaborative agreement with Actavis
mix-xellug: Daniel Vella Friggieri Actavis Regional Direttur ta' Malta u l-Afrika, Joshua Zammit HR Division Manager, Sergio Vella Direttur Maniġerjali, ir-Rettur, il-Prof. Juanito Camilleri, il-Prof. Lilian Azzopardi, Kap tad-Dipartiment tal-Farmaċija.

UoM signs collaborative agreement with Actavis

 


 

Korsijiet ta’ Lekċers fl-Università

Korsijiet ta’ Lekċers fl-Università Miftuħa għall-Pubbliku Ġenerali

Mhux l-istudenti full-time biss, jew iż-żgħażagħ, jew dawk ikkwalifikati b’mod formali jistgħu jattendu lekċers l-Università. Għat-tielet sena konsekuttiva, l-Università ta’ Malta qed toffri serje sħiħa ta’ korsijiet ta’ lekċers għall-pubbliku ġenerali. 

Mela jekk għandek ftit ħin żejjed, għaliex ma titgħallimx xi ħaġa dwar 'Roman Baroque Sculpture', jew 'Women in the Bible', jew 'Anthropology of the Contemporary World'? Il-korsijiet huma varjati u interessanti. Ma jingħata l-ebda ċertifikat u l-attendenza hija bla ħlas. Il-membri tal-pubbliku ġenerali, li għandhom kemm il-ħin kif ukoll ix-xewqa li jwessgħu l-fehim u l-għerf tagħhom f’oqsma intellettwali speċifiċi, huma mistiedna japplikaw. Lista tal-korsijiet u informazzjoni oħra jinsabu fis-sit elettroniku.

Ir-reġistrazzjoni għall-korsijiet tal-Ewwel Semestru (Ottubru 2011 – Frar 2012) hija miftuħa sal-Ġimgħa 23 ta’ Settembru 2011.

Dawn il-korsijiet huma offruti fuq il-bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel u l-postijiet huma limitati.  L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li jagħmilha possibbli għall-membri tal-pubbliku ġenerali b’interessi partikolari sabiex iwessgħu l-għerf tagħhom  billi jattendu għażla ta’ korsijiet ta’ kredti ta’ qabel l-ewwel grad dwar suġġetti speċifiċi.

Il-korsijiet offruti lill-pubbliku ġenerali fit-Tieni Semestru (Marzu - Mejju 2012) jiġu mħabbra aktar tard.  Din l-offerta selettiva ta’ korsijiet lill-pubbliku ġenerali qed issir bħala parti mill-impenn tal-Università biex ittejjeb l-iżvilupp soċjali u edukattiv fil-pajjiż. L-edukazzjoni u t-titjib personali qatt mhuma tard wisq. M’intix se tieħu lawrja jew ċertifikat. Jekk tixtieq tieħu lawrja jew ċertifikat, trid tapplika biex issegwi korsijiet full-time bil-mod normali, imma jekk issegwi kors ta’ lekċers magħżula dan jespandi l-orizzonti tiegħek. Kif qal darba Henry Ford: 'Kull min jieqaf jitgħallem huwa xiħ, kemm jekk ta’ għoxrin u kemm jekk ta’ tmenin'.

 


 

Storja tal-Estetika Letterarja Maltija

Il-Malta University Press għadha kemm ippubblikat il-ktieb Storja tal-Estetika Letterarja Maltija ta’ Josette Attard. Dan ix-xogħol jippreżenta l-ideat estetiċi, letterarji mfissra minn kittieba Maltin tas-sekli tmintax, dsatax u għoxrin. Filwaqt li jimxi skont l-ordni kronoloġiku tal-perjodi ewlenin, letterarji Maltin, jiddiskuti t-temi varji mxerrda f’ġurnali, f’daħliet ta’ kotba, f’maunskritti, f’ittri, fi studji u l-bqija.

Storja tal-Estetika Letterarja MaltijaL-iskop ewlieni ta’ din l-istorja huwa biex juri l-iżvilupp ta’ xi ideat estetiċi matul medda ta’ madwar mitejn sena. L-annotamenti juru paragun ma’ xi kurrenti ewlenin, Ewropej fl-istess qasam waqt li joffru element komparattiv biex b’hekk il-kitbiet lokali jsibu posthom fi kwadru usa’ Ewropew. Temi rikorrenti bħall-kunċetti tas-Sabiħ, tal-Arti u tal-Letteratura, flimkien mad-definizzjoni u l-funzjoni tal-poeżija u tal-poeta, żviluppaw tul epoki diversi. Id-definizzjoni tar-rumanz ukoll inbidlet sostanzjalment mill-perjodu romantiku għall-perjodu modern. Ladarba l-biċċa l-kbira tal-kitbiet estetiċi, letterarji nġabru mill-istess awtur, issa kien jonqos li jkunu mistħarrġa biex jiffurmaw rabta fil-ħsieb u biex dan ix-xogħol ikun sħiħ u organiku.

Filwaqt li l-kitba tal-istorja tal-estetika hi astratta għax tieħu forma ta’ kunċetti jew prinċipji li jistabilixxu ruħhom matul żminijiet diversi, tinvolvi wkoll lill-qarrej jew riċerkatur billi jorjenta ruħu għall-iżvilupp għani tad-dibattitu filosofiku-estetiku mill-bidu nett sal-perjodu modern ta’ wara l-Indipendenza. Dan il-ktieb hu mezz ta’ informazzjoni għall-istudent, għar-riċerkatur u għal kull min irid isir jaf aktar dwar l-awturi u kitbiethom li kienu l-protagonisti tal-estetika, letterarja Maltija.
Il-ktieb joffri storja dijakronika tal-ħsieb estetiku Malti u l-ħames kapitli tiegħu jittrattaw is-seklu tmintax, b’M.A. Vassalli bħala l-pijunier tal-ilsien Malti u tal-lingwa letterarja, is-seklu dsatax, l-ewwel nofs tas-seklu għoxrin, il-perjodu qasir tal-polemika letterarja tas-snin sittin bit-twaqqif tal-Moviment Qawmien Letterarju u l-epoka moderna ta’ wara l-Indipendenza rispettivament.

Fi tmiem il-volum hemm biblijografija magħżula li tinkludi t-testi letterarji u kritiċi kkonsultati flimkien ma’ lista sħiħa tal-artikli bid-dettalji kollha tal-pubblikazzjoni u xi teżijiet. L-indiċi tal-ismijiet jgħin lill-qarrej biex isib referenzi malajr. Lista sħiħa tat-tqassir tal-ismijiet tal-ġurnali u rivisti li jidhru mqassrin fl-annotamenti tinsab fil-bidu tal-ktieb.

Storja tal-Estetika Letterarja Maltija jinsab ghall-bejgh ghall-prezz ta’ 25ewro. Iktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku tal-MUP

 


 

Diskors tar-Rettur f'Jum il-Vittorja

Il-Professur Juanito Camilleri għamel diskors f'Jum il-Vittorja fi Pjazza l-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta. It-test oriġinali bil-malti jinsab hawn. pdf
 
It-test bl-ingliż pdf

 


 

Applika Issa

Il-faċilità online popolari ħafna ma’ dawk li japplikaw għall-Università jew għall-Junior College

  • L-Università ta’ Malta toffri firxa ta’ 697 kors
  • Il-Junior College joffri għażla ta’ 79 suġġett
Hija s-sitt darba li l-Università ta’ Malta offriet lill-istudenti prospettivi l-possibbiltà li japplikaw online għall-korsijiet li jkunu għażlu permezz tal-proċess li hemm bħalissa għad-dħul tal-istudenti. Il-Junior College issa wkoll offra dan is-servizz online, li ntwera bil-provi li huwa popolari iżjed milli kien mistenni. Fil-fatt, ħdax-il applikant biss għażlu li jaslu sal-Junior College l-Imsida biex jitolbu l-għajnuna tal-istaff matul it-tlett ijiem assenjati biex japplikaw fuq il-post.

1673 student prospettiv tal-Junior College tefgħu l-applikazzjonijiet tagħhom online b’iżjed minn 88% jagħżlu li jużaw il-faċilità ġdida li jħallsu online. Il-Junior College qed joffri ħafna għażliet ta’ suġġetti possibbli li jitilgħu sa total ta’ 79 f’livelli Intermediate u Advanced.

Fl-Università kien hemm 5375 applikazzjoni online minn studenti prospettivi tal-ewwel grad, li setgħu japplikaw għall-ewwel u t-tieni preferenzi fil-korsijiet offruti. 1709 applikazzjoni waslu online minn studenti prospettivi ta’ wara l-ewwel grad. 79% tal-applikanti online kollha għandhom kwalifiki lokali waqt li 21% ppreżentaw kwalifiki minn barra.

L-Università ta’ Malta tfittex li toffri lill-istudenti għażla dejjem ikbar u varjata ta’ korsijiet b’oqsma ta’ studju differenti. Din is-sena hemm offruta firxa ta’ 697 kors, li turi żieda ta’ 25 kors/qasam ta’ studju, fuq is-sena l-oħra. Ġiet irreġistrata żieda totali ta’ 542 applikazzjoni fuq is-sena l-oħra sa meta għalqu l-applikazzjonijiet fit-22 ta’ Lulju. Ħafna mill-korsijiet għadhom qed jiġu offruti online sal-31 ta’ Awwissu.

www.um.edu.mt/apply

 


 

Invenzjoni Prominenti fl-Ajruspazju

Invenzjoni Prominenti fl-Ajruspazju Trebbaħ Privattiva lill-Università ta’ Malta

L-Università ta’ Malta tniżżlet fl-istorja permezz tal-għoti ta’ privattiva (patent) mill-Uffiċċju għall-Propjetà Intellettwai tar-Renju Unit għal invenzjoni ta’ metodu u sistema li ssolvi kunflitti fuq ir-runway waqt it-tlugħ u nżul.

L-invenzjoni hija x-xogħol ta’ Dr Ing. David Zammit-Mangion, Ing. Andrew Sammut u Ing. Brian Zammit tad-Dipartiment tal-Inġinerija tas-Sistemi Elettroniċi fl-Università, u hija l-qofol ta’ diversi snin ta’ riċerka u żvilupp mal-industrija tal-ajruspazju. Id-Dipartiment, li kien parzjalment iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-kuntratt FP-6 FLYSAFE, kien qed jaħdem ma’ diversi sħab industrijali fil-qasam tad-disinn ta’ tagħmir avjoniku biex jiżgura li ajruplani ma jaħbtux. L-Università ta’ Malta kienet inkarigata mid-disinn ta’ strument fl-ajru li jipproteġi kontra r-riskju li ajruplan jaħbat fuq ir-runway waqt it-tlugħ jew inżul. It-tnaqqis effettiv ta’ kolliżjoni fuq ir-runway ilha issa għal ħafna snin prijorità fost ix-xewqat tal-industrija tal-avjazzjoni, b’mod partikulari fl-Istati Uniti. Is-sistema ddisinjata mill-Università ta’ Malta timmonitorja b’mod elettroniku ajruplani fil-viċinanza ta’ runway.  Meta jiġi nnotat riskju ta’ kolliżjoni, is-sistema tindika d-direzzjoni li l-ajruplan għandu jieħu biex tiġi assigurata li tiġi evitata kolliżjoni, u hekk tavża lill-piloti biex jieħdu azzjoni xierqa. Zammit-Mangion, Kap tad-Dipartiment tal-Inġinerija tas-Sistemi Elettroniċi qal ‘Din hija biċċa xogħol ta’ sfida kbira, għax hawnhekk qed niddisinjaw applikazzjonijiet kritiċi għas-sigurtà fejn għandna l-ħajja ta’ dawk kollha fuq l-ajruplan f’riskju’. Hu żied jgħid li ‘minbarra d-diffikultà biex tiġi assigurata s-sigurtà fi kwalunkwe manuvra rrakkomandata, il-kwistjoni dwar kif tiġbed l-attenzjoni tal-kru fil-cockpit hija diskussjoni taħraq kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fl-Ewropa. Permezz ta’ ttestjar estensiv tas-simulatur u l-użu ta’ piloti professjonali għal valutazzjoni u kummenti, aħna wrejna li l-istrateġija u t-teknika tagħna huma superjuri għal metodi alternattivi’.

F’dan il-proġett FLYSAFE, l-inventuri kienu qegħdin jaħdmu fil-qrib ma’ sħab industrijali ewlenin, li jinkludu Thales Avionics, BAE Systems u d-Dutch Aerospace Research agency NLR.  Minbarra l-iżvilupp tat-tekniki u l-algorithms, numru ta’ prototipi ġew mibnija wkoll biex jagħmlu possibbli l-integrazzjoni u l-valutazzjoni fuq simulaturi kbar tat-titjir fil-Ġermanja, fir-Renju Unit u fl-Olanda. Piloti professjonali kienu mqabbda jaħdmu biex jassessjaw is-sistema u jagħtu kummenti lura dwar l-effikaċja ta’ din it-teknika. Uħud minn dawn il-piloti kienu mill-Air Malta, li kienet ukoll sieħba kuntrattwali fil-programm ta’ riċerka.

L-invenzjoni u r-riżultati tal-valutazzjoni tal-programm ġew imxerrda b’mod wiesa’ permezz ta’ diversi fora. Ġew ippreżentati diskorsi akkademiċi f’konferenzi mill-iktar importanti fl-Istati Uniti u internazzjonali, li jinkludu dawk organizzati mill-American Institute of Aeronautics and Astronautics (AIAA) u l-International Council of the Aeronautical Sciences (ICAS) li huma rrispettati ħafna.  Sar avveniment ta’ tixrid ta’ ideat fi Cranfield University, apposta biex jiġi ppreżentat ix-xogħol tal-Università ta’ Malta u Cranfield University (din tal-aħħar kienet responsabbli għall-valutazzjoni ddettaljata tal-invenzjoni Maltija). Dan attendew ħafna għalih, b’diversi delegati mill-Ewropa u l-Istati Uniti li vvjaġġaw għal Cranfield għal dan l-avveniment. F’żewġ okkażjonijiet, l-Università ta’ Malta indirizzat ukoll, fuq stedina, gruppi ta’ ħidma mill-RTCA, li huma magħmula minn produtturi prinċipali, aġenziji governattivi u kumpaniji tal-ajru mill-Ewropa u l-Istati Uniti, u huma inkarigati li jiddefinixxu standards internazzjonali għall-industrija tal-ajruspazju. Invit ieħor wasal minn għand il-Boeing, li magħhom ġew diskussi f’iktar dettal ir-riżultati tar-riċerka mal-istaff anzjan u riċerkaturi ewlenin f’Seattle.

Zammit-Mangion huwa insistenti dwar it-tixrid internazzjonali ta’ ideat, ‘Aħna nagħmlu riċerka fl-Aeronawtika fuq livell dinji. Nafu dan għaliex, għal kważi għaxar snin, aħna konna kontinwament qegħdin nattiraw l-interess tal-industrija u rbaħna numru ta’ kuntratti kompetittivi internazzjonali. Aħna nemmnu li għandna dmir li nipproġettaw l-eċċellenza u l-ħiliet tal-Università ta’ Malta b’mod internazzjonali, u nqisu li għandna nkunu kburin li npoġġu lil Malta fuq il-mappa fejn tidħol ir-riċerka fl-Aeronawtika. Aħna ħdimna ma’ mexxejja fl-industrija f’dan il-qasam, u għandna l-ħsieb li nkomplu nagħmlu dan permezz ta’ iktar riċerka industrijali mill-aktar avanzata, il-ħolqien ta’ prototipi u l-wiri liċ-ċirku ikbar ta’ industrija globali, u, m’għandniex xi ngħidu, nipproteġu l-propjetà intellettwali tagħna permezz ta’ privattivi’. Zammit-Mangion u l-kollegi tiegħu jagħtu prijorità għolja ħafna lill-protezzjoni tal-propjetà intelletwali żviluppata fid-Dipartiment tal-Inġinerija tas-Sistemi Elettroniċi, ‘Il-Privattivi huma vetrina ta’ għarfien u ħila. Din il-privattiva mir-Renju Unit hija l-ewwel privattiva internazzjonali mogħtija lill-Università ta’ Malta u aħna kburin li aħna l-ewwel nies li qed inwessgħu l-limiti ta’ kisbiet għall-istituzzjoni tagħna. Fid-dipartiment tagħna il-politika hi li nirreġistraw l-invenzjonijiet tagħna għal privattiva u fil-verità diġà għandna l-ħsieb għal applikazzjonijiet għal privattivi oħra’.

Għal iktar informazzjoni kkuntattja lil Dr Ing. David Zammit-Mangion.

UK patent to UoM
Tnejn mill-inventuri, Ing. Brian Zammit (ċentru) u Ing. Andrew Sammut (lemin) ma’ Dr Peter Moertl ta’ Mitre Corporation ta’ Virġinia, l-Istati Uniti fi Cranfield University għall-avveniment ta’ tixrid ta’ informazzjoni.

 


 

Ftehim għal Riċerka Universitarja dwar SMEs f’Malta Kontemporanja

Ġie iffirmat ftehim bejn is-Segretarjat Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, u d-Dipartiment tas-Soċjoloġija fl-Università ta’ Malta, biex issir riċerka fil-qasam tal-intrapriżi mikro, żgħar u medji fil-kuntest speċifiku ta’ Malta.

Din ir-riċerka, li se tkun iffinanzjata kollha mill-Ministeru, se sservi biex tistabbilixxi l-istudju kontinwu, solidu u analizzat mill-pari dwar l-SMEs bħala rekwiżit importanti għat-tfassil ta’ politika, bħalissa taħt il-patroċinju tas-Segretarjat Parlamentari. Il-ftehim se jipprova jkattar il-kollaborazzjoni bejn il-kompetenza akkademika tal-Università u r-riżorsi u d-direzzjoni politika tal-Gvern. L-istudju se jwassal għal rapport iddettaljat dwar is-sejbiet tar-riċerka u r-rilevanza tagħhom għall-iżvilupp ta’ politika, segwita mit-tixrid ta’ informazzjoni li għandha x’taqsam mal-kontenut tar-rapport.

Dr Mark Anthony Falzon, Kap tad-Dipartiment tas-Soċjoloġija fl-Università ta’ Malta qal li b’mod iktar wiesa’ din l-inizjattiva kollaborattiva se ttejjeb il-profil tad-Dipartiment tas-Soċjoloġija bħala ċentru għar-riċerka. Dr Jason Azzopardi, Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet qal li l-Gvern huwa determinat li jipprovdi l-aħjar ambjent biex joperaw fih negozji żgħar. Huwa qal li l-ftehim iffirmat illum se joħloq relazzjoni b’saħħitha bejn il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u l-Università ta’ Malta li se tgħin lill-Gvern ifassal politika apposta adattata għall-ħtiġijiet tal-SMEs Maltin. Ir-riċerka se tagħmilha possibbli għall-Gvern li jipprovdi politika ekonomika mfassla aħjar, iktar effiċjenti, iktar effettiva biex tgħin lill-SMEs ibiddlu l-isfidi li jiffaċċjaw, f’opportunitajiet.

Dr Jason Azzopardi u s-Sur Alfred Camilleri, Segretarju Permanenti, iffirmaw il-Ftehim f’isem il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, waqt li r-Rettur il-Professur Juanito Camilleri u Dr Mark Anthony Falzon, iffirmaw f’isem l-Università ta’ Malta.

SMEs in Contemporary Malta
mix-xellug: Dr M.A. Falzon, Il-Professur J. Camilleri, Dr J. Azzopardi, Mr A. Camilleri

 


 

L-Istitut Konfuċju

L-Istitut Konfuċju fl-Università ta’ Malta joffri għażla ta’ korsijiet fil-lingwa u l-kultura Ċiniża adattati skont l-interessi speċifiċi tal-grupp jew il-livelli tal-lingwa.

Wara l-ewwel sena ta’ suċċess, il-kors ta’ Diploma ta’ sentejn part-time filgħaxija fiċ-Ċiniż se jerġa’ jkun offrut f’Ottubru 2011. Il-kors huwa mfassal għal dawk li għadhom jibdew iċ-Ċiniż, bi ftit jew xejn esperjenza rilevanti fil-lingwa. Dan il-kors mhux biss iħarreġ lill-istudenti jitkellmu, jaqraw, jifhmu u jiktbu ċ-Ċiniż, imma wkoll għandu l-għan li jgħin lill-istudenti jiksbu xi għarfien bażiku tal-kultura Ċiniża.  M’hemmx bżonn sfond akkademiku dwar iċ-Ċina. Kull persuna minn kull qasam tal-ħajja hija eliġibbli. Dan huwa kors ideali biex tibda bih jekk xi ħadd għandu l-ħsieb li jiffamiljarizza lilu nnifsu mal-kultura Ċiniża jew għandu l-intenzjoni li jsegwi iżjed l-istudji fiċ-Ċiniż.

L-Istitut Konfuċju fl-Università ta’ Malta qed joffri firxa ta’ korsijiet introduttorji għall-pubbliku ġenerali, f’livell għal min għadu jibda kif ukoll f’livelli ogħla. 'Chinese for Children' jikkonsisti fi tmien sigħat ta’ tagħlim, fil-waqt li l-korsijiet ta’ filgħaxija li ġejjin jikkonsistu fi tnax-il siegħa ta’ tagħlim mifruxa fuq perijodu ta’ 8 ġimgħat: Elementary Chinese Language Level 1, Elementary Chinese Language Level 2, Business Chinese Level 1, Chinese for Travellers, Chinese Culture, Chinese Arts and Crafts, Chinese Calligraphy. Dawn il-korsijiet kollha se jkunu offruti matul is-sena kollha, bejn is-6.00 u s-7.30 ta’ filgħaxija.

L-Istitut Konfuċju qed ukoll jintroduċi il-Kamp Ċiniż għas-Sajf ta’ Ħamest Ijiem ('5-Day Chinese Summer Camp') għat-tfal u l-adoloxxenti ta’ bejn il-5 u l-15-il sena. Dawn is-sessjonijiet huma skedati biex jibdew f’ Lulju 2011.  Il-ġenituri huma mistiedna jakkumpanjaw lit-tfal tagħhom u jieħdu parti fis-sessjonijiet.

Għal iktar informazzjoni fuq xi wieħed minn dawn il-korsijiet Ċiniżi, tista’ tibgħat email lil jew idħol fis-sit elettroniku tal-Istitut Konfuċju fl-Università ta’ Malta

 


 

Studju: Terġa' Tiżżewweġ?

Ikklikkja hawn għad-dokument - Studju dwar l-attitudnijiet lejn jekk tikkunsidrax jew le li terġa' tiżżewweġ. PDF

 


 

Ir-Rinnovazzjoni fil-Kampus tal-Belt

Inawgurazzjoni tar-rinnovazzjoni fil-Kampus tal-Università ta’ Malta l-Belt Valletta

Il-Prim Ministru, l-Onorevoli Lawrence Gonzi llum inawgura formalment ir-rinnovazzjoni tat-tieni sular tal-Kampus tal-Belt Valletta. Meta fl-1968, l-Università mxiet għall-kampus il-ġdid tal-Imsida, din baqgħet iżżomm sular wieħed biss mill-bini storiku tal-Belt li jmur lura għat tieni nofs tas-seklu sittax. 
F’dawn l-aħħar snin kien hemm inizzjattiva biex l-Università terġa’ tieħu lura l-binja sħiħa u tinkorporaha bħala l-Kampus tal-Belt Valletta tal-Università. Il-binja tal-Belt Valletta ilha s-sede tat-tagħlim għall-Università sa mit-twaqqif tagħha fl-1592.

L-ewwel stadju ta’ dan il-proċess kien jinvolvi li jittieħed it-tieni sular li kien tbattal mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Dan wassal għar-rinnovazzjoni ta’ dan is-sular, li saret f’żewġ fażijiet. L-ewwel fażi li swiet €270,000 żviluppat naħa waħda biex tilqa’ l-International Masters Programmes (IMP) li tnedew f’Settembru 2009. Din il-parti kienet tikkonsisti f’żewġ kmamar għal-lekċers, li jesgħu sa 30 student bilqiegħda, flimkien ma’ żewġ kmamar għal-laqgħat u żewġ uffiċċji. Dawn setgħu jilqgħu l-ħtiġijiet tal-ewwel żewġ masters internazzjonali li jagħmlu parti mill-IMP, li kienu l-programmi ta’ masters kollaborattivi f’Sustainable Environmental Resource Management u Integrated Marketing Communications ma’ James Madison University u San Diego University rispettivament.

It-tieni fażi tar-rinnovazzjoni tat-tieni sular li għadha kif tlestiet bi spiża ta’ €460,000, żiedet kamra għal-lekċers li tesa’ sa 50 parteċipant, sala multifunzjonali b’siġġijiet li jingħalqu u jinġibdu lura (retractable seating) għal 220 persuna u li tista’ tinqasam bi struttura diviżorja akustika li tingħalaq (moveable acoustical partition), uffiċċju u atriju. It-tieni sular huwa mgħammar ukoll bl-arja kondizzjonata, ventilazzjoni, Wifi, apparat għat-twissija ta’ nar u għas-sigurtà, sistema awdjo u CCTV. Din l-aħħar estensjoni tipprovdi flessibilità għal iktar tkabbir tal-IMP li din is-sena akkademika żiedu masters kollaborattiv f’Conflict Resolution and Mediterranean Security ma’ George Mason University.  Programm ieħor ta’ masters fi Transcultural Counselling ma’ Maryland University se jitnieda fis-sena akkademika li ġejja. L-aktar fażi reċenti tippermetti wkoll flessibilità biex ikunu pprovduti riżorsi li jagħmluha aktar possibbli jintlaqgħu konferenzi internazzjonali u laqgħat akkademiċi.  F’din il-fażi ġiet ukoll rinnovata l-Librerija fl-ewwel sular li issa se tkun parti integrali mill-Librerija tal-Università ta’ Malta.

Aktar reċentement, is-sular ta’ isfel tal-binja ukoll sar jista’ jintuża, biex hekk il-kampus tal-Belt Valletta issa jinkorpora s-sede storika sħiha tal-Università ta’ Malta. Ir-rinnovazzjoni ta’ din il-parti li tinkludi l-bitħa ċentrali, se tkun l-attenzjoni għal restawr u rinnovazzjoni fil-futur biex ikunu jistgħu jintlaqgħu funzjonijiet akkademiċi oħra.

Programm
Introduzzjoni mir-Rettur

Diskors qasir mill-Professur Albert Caruana, Direttur IMPs

Diskorsi qosra minn 4 studenti:
Jaclyn Keaty - MA Integrated Marketing Communciation  (IMC)
Erin Reilly  -  MA Sustainable Environmental Resources Management (SERN)
Ylenia Caruana  - MA Conflict Resolution and Mediterranean Security
Qingzi Zhang    - MA Conflict Resolution and Mediterranean Security

Diskors mill-Prim Ministru

Inauguration of the Valletta Campus
Il-Prim Ministru fin-nofs, ir-Rettur fuq il-lemin tiegħu, imdawwrin mill-istudenti u l-istaff akkademiku

Inauguration of the Valletta Campus
Il-Prim Ministru  qed jagħmel id-diskors tiegħu, ir-Rettur qiegħed fuq il-lemin tiegħu,  il-Viċi Kanċillier is-Sa Bernie Mizzi fuq ix-xellug, u jidher ukoll il-Prof. Albert Caruana, Direttur IMP

Inauguration of the Valletta Campus
Il-Prim Ministru jinawgura r-rinnovazzjoni tal-Kampus tal-Belt Valletta. Warajh hemm ir-Rettur u l-Viċi Kanċillier

 Inauguration of the Valletta Campus
Il-Prim Ministru  jżur waħda mill-kmamar tal-lekċers

 


 

Istitut Ġdid għat-Turiżmu, l-Ivvjaġġar u l-Kultura

L-Istitut għat-Turiżmu, l-Ivvjaġġar u l-Kultura, li qabel kien id-Dipartiment għall-Istudji Turistiċi fi ħdan il-Fakultà tal-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy, twaqqaf dan l-aħħar fl-Università ta’ Malta biex jipprovdi l-ogħla edukazzjoni ta’ kwalità possibbli lill-istudenti u joffri korsijiet sal-ewwel grad u ta’ wara l-ewwel grad li jagħmluha possibbli għall-istudenti li jidħlu b’suċċess għal xogħol ta’ responsabbiltà fl-industriji tat-turiżmu, l-ivvjaġġar u l-kultura. L-għanijiet tal-Istitut huma li jappoġġja l-industrija lokali tat-turiżmu, li hija l-pedament tal-ekonomija Maltija, permezz tat-tagħlim u l-programmi ta’ riċerka tal-Isititut; li jappoġġja entitajiet kulturali lokali permezz ta’ programmi bħal dawn u biex jagħmlu u jippubblikaw riċerka li hija importanti għas-setturi Maltin tat-turiżmu, tal-ivjaġġar u tal-kultura u għall-Università ta’ Malta, kif ukoll għall-komunità internazzjonali tat-turiżmu.  L-Istitut ifittex li jistabbilixxi linji gwida professjonali u jżomm status professjonali tal-industriji tat-turiżmu, tal-ivvjaġġar u tal-kultura u li jattira fondi għar-riċerka, inkluż it-twaqqif tal-Istitut bħala ċentru ta’ eċċellenza fir-riċerka dwar it-turiżmu, l-ivvjaġġar u l-kultura fil-Mediterran.

Matul is-snin, it-taqsima tal-Istudji Turistiċi fl-Università kienet attiva fir-riċerka, u l-membri tagħha għenu lill-Ministeru tat-Turiżmu u lill-Ministeru tal-Kultura biex jiżviluppaw prodott turistiku sostenibbli.  It-tim kurrenti ta’ lekċerers u riċerkaturi huwa involut fil-wirt kulturali, rotot kulturali, prodotti kulturali, il-media u l-arti, intrapriżi turistiċi żgħar u medji, kwistjonijiet dwar impjiegi fit-turiżmu, studji dwar ix-xogħol, is-sostenibbiltà ta’ gżiritna u l-ekonomija tat-turiżmu.

L-Istitut jaħdem mill-qrib ma’ min għandu interess fit-turiżmu lokali bħal ma huma l-lukandi, ir-ristoranti, entitajiet u ministeri governattivi rispettivi, aġenziji għall-patrimonju u organizzazzjonijiet tas-snajja’. Huwa wkoll membru tal-AIEST, l-EUTO, tat-Tourism Networks u tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Iżvilupp Rurali. Il-membri tiegħu kienu strumentali fit-twaqqif tal-Moviment Slow Food f’Malta.

L-Istitut għat-Turiżmu, l-Ivvjaġġar u l-Kultura (u d-Dipartiment ta’ qabel) jipparteċipa fi proġetti ffinanzjati mill-UE bħall-EUROMED Heritage II Programme, b’żewġ proġetti kbar dwar il-wirt kulturali, bl-isem Med Voices u DELTA. Bħalissa l-Istitut qed jieħu sehem fil-Proġett Pilota Leonardo, VOCMAT.  Programmi oħra jinkludu l-programm Marie Curie Intra-European Fellowship u l-programm ta’ Tagħlim għal Tul il-Ħajja. L-Isitut huwa wkoll attiv ħafna fil-programm ERASMUS u għandu ftehim ta’ skambju ma’ universitajiet fir-Renju Unit, fi Franza, fil-Finlandja u fil-Ġermanja. 

 


 

Laqgħat dwar il-Programmi Erasmus

Se jsiru żewġ laqgħat ta’ informazzjoni dwar il-programm ta’ mobilità barra minn Malta, taħt l-iskema ERASMUS nhar it-Tlieta, 3 Mejju, 2011 fil-KSU Common Room (ħdejn il-canteen), fl-Università ta' Malta:

  • mobilità tal-istudent fl-10 ta’ filgħodu
  • mobilità tal-istaff fil-11 ta’ filgħodu.
Qed jintlaqgħu applikazzjonijiet minn studenti u staff akkademiku, amministrattiv jew tekniku tal-Università ta’ Malta sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem fi programm ta’ mobilità barra minn Malta, taħt l-iskema ERASMUS. Kull min hu interessat japplika għal dawn il-programmi, li se jsiru matul is-sena akkademika 2011/2012, huwa mistenni japplika sal-Ġimgħa, 13 ta’ Mejju 2011.

Kull sena l-Università tirċievi rispons pożittiv kemm mill-istudenti kif ukoll mill-istaff li jkunu ħadu sehem. Kull sena in-numru ta’ benefiċjarji żdied b’mod konsistenti. L-Università kontinwament tistinka biex tagħmel l-Erasmus aktar aċċessibbli għall-istudenti u l-istaff kollu, u biex toħloq kuxjenza wiesgħa dwar l-opportunitajiet disponibbli.

L-informazzjoni kollha tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku.

Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-International & EU Office, Kamra 105, Administration Building, Università ta' Malta, Msida, jew fuq numru tat-telefon 2340 2804. Tista’ wkoll tintbagħat email.

Il-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-għażla u l-approvazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-progress tal-programm Erasmus fl-2011 se jkunu possibbli biss ladarba l-Kummissjoni tiddeċiedi b'mod sħiħ li tneħħi s-sospensjoni tal-programm.

 


 

DOLCETA – Minjiera ta’ Informazzjoni għall-Konsumatur

Qatt ippruvajt tindaga x’inhuma d-drittijiet tiegħek bħala konsumatur meta tixtri fuq l-internet? Tħoss li għadek ma tafx biżżejjed kif l-affarijiet li tuża għall-iġene personali jistgħu jaffettwaw lil saħħtek jew lill-ambjent? Tixtieq iktar ħjiel kif bħala familja tistgħu tnaqqsu mill-użu tal-elettriku, gass u ilma fid-dar? Ġieli titfixkel x’inhuma d-differenzi fl-ispejjeż bejn il-cards li joffrulna l-banek biex nixtru bihom? Jew inkella forsi jinteressak li jkollok iktar għodda biex tgħallem lit-tfal dwar kif ikunu konsumaturi bil-għaqal u jużaw flushom sew? Jekk weġibt iva għal xi waħda jew iktar minn dawn il-mistoqsijiet, m’hemm xejn iktar ħlief li tidħol fis-sit elettroniku ta' Dolceta.

Dolceta huwa sit żviluppat speċifikament biex jgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet responsabbli. Huwa proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja (UE) li qegħdin jieħdu sehem fih is-27 Stat imseħbin fl-Unjoni.   It-tagħrif fil-paġni ta’ kull pajjiż huwa simili, iżda jenfasizza dak li jgħodd għall-pajjiż, il-kultura tal-pajjiż u huwa skont il-liġijiet tal-UE u dawk nazzjonali. L-għan aħħari ta' Dolceta huwa li jeduka iktar lill-konsumaturi.

Iżda meta nisimgħu dwar edukazzjoni tal-konsumatur, hemm it-tendenza li mill-ewwel naħsbu fl-ilmenti, fil-garanziji, kif ukoll fis-servizz li tingħata wara li tixtri xi oġġett, dak li ngħidulu after-sales service.    Veru li dawn huma suġġetti importanti fil-qasam ta’ dak li jolqot l-interessi tal-konsumatur, però f’dan is-sit ta' Dolceta hemm firxa ta’ suġġetti ħafna iktar wiesgħa mqassma f’7 sezzjonijiet.  

Hemm sezzjoni li tagħti informazzjoni dwar x’inhuma d-drittijiet u d-dmirijiet tal-konsumatur (Consumer Rights). Hemm żewġ sezzjonijiet li jitkellmu dwar kif għandek tqassam flusek fil-ħajja ta’ kuljum, u dwar is-servizzi finanzjarji li jeżistu, kemm fil-banek kif ukoll f’kumpaniji oħra (Financial Literacy and Services). Sezzjoni oħra ta' Dolceta tagħtina informazzjoni dwar is-sigurtà tal-prodotti, speċjalment il-ġugarelli, mediċini u l-affarijiet li jaħdmu bl-elettriku (Product Safety). Hemm informazzjoni ukoll dwar il-konsum sostenibbli, biex nitgħallmu nixtru u nużaw l-affarijiet b’mod li jkun hemm użu aħjar tar-riżorsi, b’inqas ħela u u b’inqas impatt negattiv fuq l-ambjent naturali u l-produtturi żgħar u lokali (Sustainable Consumption). Sezzjoni oħra tagħtina informazzjoni estensiva dwar is-servizzi li jiġu pprovduti kontinwament biex jagħmlu l-għixien tagħna aktar komdu (Services), bħal per eżempju, l-enerġija, l-ilma, is-servizzi postali u tat-telekommunikazzjoni, u t-trasport, kemm bl-ajru, kif ukoll bil-baħar jew fit-toroq.  Din l-informazzjoni turina kif aħna nistgħu nikru jew nixtru dawn is-servizzi, x’għandna nfittxu għall-kwalità, u kif nużaw is-servizzi bl-aktar mod għaqli.

Sezzjoni oħra ġdida li daqt waslet biex tkun aċċessibli għall-pubbliku ser tagħti ħafna informazzjoni dwar is-sigurtà fl-affarijiet li nieklu (Food Safety). Barra informazzjoni teknika u legali, ser ikun fiha wkoll informazzjoni utli fuq meta tixtri, taħzen u tipprepara ikel differenti u għal okkażżjonijiet differenti.

Fis-sit ta' Dolceta, xi sezzjonijiet jagħtuk biss informazzjoni dwar is-suġġett, izda f’sezzjonijiet oħrajn issib ukoll lezzjonijiet iddettaljati bir-riżorsi neċessarji. Dawn il-lezzjonijiet ippjanati apposta biex jintużaw ma’ studenti fl-iskejjel Primarji jew Sekondarji, kif ukoll ma’ studenti ikbar. Dawn il-lezzjonijiet jistgħu wkoll jiġu addattati għat-tagħlim tal-adulti, per eżempju waqt xi korsijiet li jorganizzaw il-Kunsilli Lokali, partiti politiċi, jew għaqdiet volontarji.  

Oriġinarjament, dan il-proġett kien sar eżattament bħala mezz ta’ edukazzjoni għall-adulti, speċjalment għal dawk li jieħdu ħsieb il-familja sabiex ikunu jafu jieħdu deċiżjonijiet aktar għaqlien fit-tmexxija tad-dar. Però ma damx ma ġie deċiż li din l-informazzjoni hemm bżonn tingħata wkoll lit-tfal fl-iskejjel, sabiex minn ċkunithom ikunu jafu kif jieħdu ħsieb u jużaw flushom sew, x’għandhom ifittxu meta jiġu biex jakkwistaw xi ħaġa jew jikru xi servizz, u kif ikunu konsumaturi u ċittadini responsabbli.

Is-sit ta' Dolceta joffri wkoll diversi quizzes interattivi li wieħed jista’ jipprova jirrispondi biex jara x’jaf, u fejn ma jkunx jaf jingħata mill-ewwel tweġiba qasira. Jekk irid imbagħad ikun jista’ jikseb iktar tagħrif intiż mis-sezzjoni relatata.

Il-materjal kollu fis-sit ta’ Malta ta' Dolceta ġie miktub minn espert tad-diversi suġġetti koperti u jiġi aġġornat kull ftit żmien. L-għodda għall-għalliema ġew miktuba minn membri tal-għaqda professjonali Home Economists in Action.

Il-proġett u s-sit ta' Dolceta diġà magħruf sew ma’ diversi konsumaturi u għalliema lokali. F’Marzu 2010 u Novembru 2011 saru żewġ konferenzi nazzjonali bil-parteċipazzjoni ta’ mistiedna distinti Maltin u barranin, inkluż il-Kummissarju John Dalli, kif ukoll diriġenti ta' Dolceta minn Brussel. Dolceta ħadet sehem ukoll fil-fieri tal-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Konsumatur li jiġi ċċelebrat kull Marzu.

Bħalissa għaddejja ħidma biex dan is-sit jibqa’ jikber, u jibqa’ jiġi aġġornat u mwassal lill-pubbliku u lill-għalliema, biex vera jkun minjiera ta’ informazzjoni għall-konsumaturi Maltin u Għawdxin ta’ kull età.

Għal iktar informazzjoni ibagħat email lil Suzanne Piscopo jew fuq dan l-indirizz elettroniku.

Dolcetta homepage
Il-homepage ta' DOLCETA MALTA

Dolcetta Fair
Waqt il-fiera tal-Jum tad-Drittijiet għall-konsumatur

 


 

L-Istitut għat-Turiżmu, l-Ivvjaġġar u l-Kultura

Introdott Istitut Ġdid għat-Turiżmu, l-Ivvjaġġar u l-Kultura fl-Università
Seminar: 6 ta’ April 2011, 3.00 pm

L-Istitut il-ġdid għat-Turiżmu, l-Ivvjaġġar u l-Kultura tal-Università ta’ Malta u l-korsijiet tiegħu ġew introdotti lil stakeholders waqt seminar fl-Aula Magna, fil-Kampus tal-Università tal-Belt Valletta. Fost il-parteċipanti kien hemm persuni attivi fl-oqsma tat-turiżmu, l-ivvjaġġar u l-kultura. Il-kelliema waqt is-Seminar kienu l-Onorevoli Dr Mario de Marco, Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, ir-Rettur tal-Università, il-Professur Juanito Camilleri, u d-Direttur tal-Istitut, Dr Nadia Theuma.

Waqt dan l-avveniment, Dr de Marco ppreżenta l-ewwel premju għall-Aħjar Student fl-Istudji Turistiċi lis-Sa Maria Gauci, li ggradwat B.A.(Hons) fl-Istudji Turistiċi f’Novembru 2010. Ġie ppreżentat ukoll premju minn Skäl International Malta għall-Aħjar Teżi fl-2010 minn Student tal-Istudji Turistiċi. Dan ingħata lis-Sa Rodianne Zarb li t-teżi tagħha kienet dwar “The Relationship between tourists’ value-types, environmental concern and response to eco-labels”.

L-Istitut għat-Turiżmu, l-Ivvjaġġar u l-Kultura jaspira li jipprovdi l-ogħla edukazzjoni ta’ kwalità possibbli lil studenti ta’ qabel l-ewwel grad u dawk gradwati, biex ikunu jistgħu jieħdu b’suċċess pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà fl-industriji tat-turiżmu, l-ivvjaġġar, il-wirt kulturali u d-divertiment. L-Istitut għandu l-għan li jappoġġja l-industrija Maltija tat-turiżmu permezz tal-korsijiet tal-Istitut, u li jagħmel riċerka ta’ valur għall-industrija Maltija tat-Turiżmu, għall-Università ta’ Malta u għas-soċjetà Maltija, kif ukoll għall-komunità internazzjonali tat-Turiżmu.

Il-Programmi ta’ Korsijiet offruti mill-ITTC jinkludu l-Baċellerat tal-Arti (Honours) fl-Istudji Turistiċi li huwa kors ta’ tliet snin studju full-time. L-għanijiet ewlenin tiegħu huma li jipprovdi sfond komplet għad-dimensjonijiet internazzjonali u dawk Maltin tal-industrija tat-turiżmu u li jħejji lill-istudenti biex janalizzaw b’mod kritiku l-industrija tat-turiżmu u l-impatti tagħha fuq is-soċjetà, l-ambjent u l-ekonomija.  Il-programm tal-Master of Arts (Tourism) jiżviluppa l-ħiliet intellettwali tal-istudenti permezz ta’ taqsimiet-studju li jippromwovu l-fehim fil-fond tat-temi attwali li qed iħabbtu wiċċhom magħhom is-setturi tat-turiżmu, l-ivvjaġġar, il-wirt kulturali u d-divertiment. Id-Diploma fil-Gastronomija, li hija programm ta’ studji part-time, hija mmirata b’mod partikulari għal dawk li jaħdmu fl-industrija tal-ikel u l-ospitalità.  L-istudji jagħtu attenzjoni speċjali lill-istorja u l-antropoloġija tal-ikel u l-gastronomija u l-aspetti kulturali tagħhom, il-komunikazzjoni u l-aspetti interdixxiplinarji tat-teoriji psikoloġiċi u soċjoloġiċi, l-istrategiji tal-komunikazzjoni u tat-tqegħid fis-suq tal-prodott, il-kunċetti bażiċi tal-edukazzjoni dwar in-nutrizzjoni, u t-teknoloġija tal-ikel u tekniki attwali fl-analiżi sensorja.

L-Istitut għat-Turiżmu, l-Ivvjaġġar u l-Kultura joffri wkoll lill-istudenti ta’ wara l-ewwel grad l-opportunità li jsegwu riċerka dottorali u studji f’għażla wiesgħa ta’ suġġetti li għandhom x’jaqsmu mat-turiżmu, l-ivvjaġġar u l-kultura.

Ikklikkja hawn għad-diskors tar-Rettur, il-Professur Juanito Camilleri. 

ITTC
L-On. Dr de Marco jindirizza lill-istakeholders matul is-seminar

ITTC
mix-xellug għal-lemin: Dr Nadia Theuma, id-Direttur tal-Istitut, Is-Sa Maria Gauci u l-On. Dr de Marco

ITTC
Fuq il-lemin, is-Sa Rodianne Zarb li qed tirċievi l-premju Skäl award mingħand is-Sur Donald Pace Bonello. Dr Nadia Theuma qiegħda fuq ix-xellug.

 


 

Fakultà Ġdida tal-Midja u x-Xjenzi tal-Għarfien

Nhar it-28 ta' Marzu, il-Professur Juanito Camilleri, Rettur tal-Università ta’ Malta ħabbar it-twaqqif tal-Fakultà tal-Midja u x-Xjenzi tal-Għarfien (Faculty of Media and Knowledge Sciences – MaKS). Din il-Fakultà tkompli u testendi il-ħidma li kien iwettaq ic-Ċentru tat-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni fl-Università.

Il-Professur Camilleri rrefera għar-rapport tiegħu '2020 Vision or Optical Illusion?' u stqarr li 'fil-każ ta’ Malta, l-iżvilupp ta’ Università ’mhux kwistjoni li tolqot istituzzjoni ta’ edukazzjoni terzjarja, imma tgħin fit-tiswir ta’ identità nazzjonali għas-snin li ġejjin.'

Il-Professur Saviour Chircop, Dekan tal-Fakultà l-ġdida fisser kif il-ħidma li ċ-Ċentru tat-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni wettaq fl-imghoddi għenet biex issa nistgħu nagħmlu pass 'l quddiem. Issa nistgħu nqegħdu x-Xjenza tal-Komunikazzjoni f’qafas akbar li jgħinna nifhmu kif il-bniedem u organizzazzjonijiet jibnu ġabra ta’ għerf u jużawha fil-ħidma tagħhom fis-soċjetà.'

Il-Fakultà tħaddan sitt dipartimenti. Id-Dipartiment tal-'Media and Communications' taħt it-tmexxija tal-Professur Chircop ser jkompli jwettaq il-ħidma tiegħu bil-programm tal-Baċellerat fil-Komunikazzjoni waqt li jippjana wkoll programm tal-Masters fl-użu tal-Ingliż għall-midja.

Dr William Zammit ser imexxi d-Dipartiment tal-'Library Information and Archive Sciences'. Dan id-dipartiment ser jaħdem biex jilqa’ l-isfidi ġodda mfassla fl-Att dwar il-Librerija ta’ Malta li bħalissa qed jiġi diskuss fil-Parlament u l-Att dwar L-Arkivji Nazzjonali. Fil-futur qrib dan id-dipartment ser joffri studji f’dan il-qasam matul il-jum bħala parti mill-programm ta’ Baċellerat fi ħdan l-Università.

Illum l-intrapriżi għandhom biċċa xogħol akbar: waqt li jużaw ħafna mezzi ta’ komukazzjoni jridu jkun ċerti li jasal messaġġ wieħed għand il-klijent. Id-Dipartiment tal-'Corporate Communications', immexxi mill-Professur Albert Caruana, iwassal dan it-tagħlim u jagħmel riċerka f’dan il-qasam. Bħalissa dan id-dipartiment qiegħed iħejji biex jilqa’ t-tielet klassi tal-Masters fl-Integrated Marketing Communications li jsir bejn l-Università ta’ Malta u San Diego State University fl-Istati Uniti. Studenti li jispiċċaw dan il-kors jieħdu l-grad tagħhom kemm mill-Università ta’ Malta u dik Amerikana.

Minħabba l-iżvilupp mgħaġġel f’teknoloġiji ġodda l-Fakultà ħasset il-bżonn li jkollha Dipartiment tad-'Digital Arts' immexxi minn Dr Vince Briffa. Id-dipartiment qiegħed jippjana li joffri korsijiet fil-livell ta’ Masters kemm fl-arti grafika kif ukoll fil-produzzjoni tal-logħob diġitali.

Id-Dipartiment tal-'Cognitive Science' ser jitmexxa minn Dr Noellie Brockdorff. Id-dipartiment ser iwettaq riċerka fil-Cognitive Science u japplika din ir-riċerka f’oqsma diversi u oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-midja.

L-effett tat-teknoloġija fis-soċjetà jwassal għall-bżonn ta’ ħidmiet ġodda fit-tmexxija u t-treġija ta’ dawn il-mezzi. Il-Professur Joe Cannataci ser imexxi l-ħidma fir-riċerka u t-tagħlim fi ħdan id-dipartiment tal-'Information Policy and Governance'. Bħalissa d-dipartiment diġa qiegħed iwettaq proġetti f’dan il-qasam iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt l-iskema tal-FP7. Id-dipartiment bi ħsiebu jsaħħaħ din il-ħidma f’qasam daqshekk importanti anke għall-Unjoni Ewropea.

Il-Professur Chircop għalaq billi qal: 'Dan l-iżvilupp tal-lum huwa possibli minħabba l-ħidma li kienet saret miċ-Ċentru tat-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni bil-koperazzjoni ta’ fakultajiet oħra kemm fl-Università u barra minnha. Fl-imgħodd iċ-Ċentru ħadem ma’ oħrajn biex seta’ jwettaq il-programm tiegħu u nittama li l-Fakultà l-ġdida tkompli ħidmietha bl-istess mod.'

Ikkikkja hawn għal aktar tagħrif.

MaKS Launch

 


 

Iċ-Ċentru għall-Istudji tal-Familja tal-Università Jikkummissjona Stħarriġ

L-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta’ riċerka dwar kull aspett tal-ħajja tal-familja Maltija hija waħda mill-għanijiet ewlenin taċ-Ċentru għall-Istudji tal-Familja fl-Università ta’ Malta. Fil-ġimagħtejn li ġejjin iċ-Ċentru se jkun qed jagħmel stħarriġ dwar ir-raġunijiet favur u kontra ż-żwieġ mill-ġdid.

L-istħarriġ se jitmexxa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika permezz ta’ intervisti bit-telefon assistiti bil-kompjuter (computer-assisted telephone interviewing CATI), teknika għall-istħarriġ bit-telefon li biha min qed jintervista jsegwi test ipprovdut minn applikazzjoni ta’ software. L-informazzjoni mogħtija lil min qiegħed jintervista, persuni mħarrġa b’mod speċifiku għal dan ix-xogħol, se tkun ittratta bl-aktar mod konfidenzjali, u ma tingħatax lil persuni terzi taħt l-ebda forma. Il-mikro-data tkun ukoll mibdula f’kowd u ppreżentata b’mod anonimu, u r-riżultati jiġu kkalkulati għall-popolazzjoni sħiħa.

Iċ-Ċentru għall-Istudji tal-Familja jinkoraġġixxi lill-individwi magħżula b’mod każwali biex jipparteċipaw fl-istħarriġ xjentifiku b’mod preċiż u fil-ħin.

Ir-riżultati tal-istħarriġ mistennija lejn l-aħħar tax-xahar id-dieħel.

 


 

Elezzjoni tal-Kunsill għall-Kariga ta’ Rettur

Nhar It-Tlieta 1 ta’ Marzu 2011, saret Laqgħa tal-Kunsill tal-Università ta’ Malta għall-elezzjoni għall-kariga ta’ Rettur. Il-mandat tar-Rettur attwali, il-Professur Juanito Camilleri, jiġi fi tmiemu fl-aħħar ta’ Ġunju 2011.

Kull membru tal-Kunsill għandu dritt jinnomina kandidat għall-kariga ta’ Rettur. Kien hemm nominazzjoni waħda – dik għall-Professur Juanito Camilleri – imressqa sad-data tal-għeluq is-16 ta’ Frar. In-nominazzjoni kienet imressqa mill-Professur Dominic Fenech, li qiegħed fuq il-Kunsill bħala wieħed mir-rappreżentanti tas-Senat. Il-Professur Camilleri aċċetta li jkun nominat għat-tieni mandat.

Wara vot sigriet, il-Professur Camilleri reġa’ ġie elett unanimament għal perijodu ieħor ta’ ħames snin, li jibda fl-1 ta’ Lulju 2011, skont l-Att dwar l-Edukazzjoni.

L-aspirazzjonijiet tal-Professur Camilleri għall-Università ġew deskritti fir-rapport tiegħu 2020 Vision or Optical Illusion? li verżjoni elettronika tiegħu tinsab hawn. F’dan id-dokument, il-Professur Camilleri jappella għall-bżonn ta’ direzzjoni ta’ politika ċara dwar is-settur tal-edukazzjoni terzjarja, li tkun idealment approvata minn kull min għandu interess; għall-bżonn li tissaħħaħ l-awtonomija operattiva u akkademika tal-Università, waqt li tibqa’ żżomm il-kontabilità u t-trasparenza; u għall-bżonn li jiġi assigurat b’mod sostanzjali iktar investiment biex jitjiebu l-faċilitajiet u biex jinżamm it-tkabbir imbassar fl-iskala, l-iskop, u l-profondità tat-tagħlim, ir-riċerka u l-attivitajiet ta’ għarfien tal-Università biex jilħqu l-istandards Ewropej u internazzjonali.

Wara li kien elett Rettur, il-Professur Camilleri rringrazzja lill-Kunsill tal-Università, u qal li kien qed jistenna b’ħeġġa mġedda biex isaħħaħ iktar il-vokazzjoni tal-Università fit-tagħlim u r-riċerka u biex jassigura li tgawdi l-post li jixirqilha fost l-aħjar universitajiet tal-Ewropa. Huwa enfasizza l-bżonn li l-Università tkompli tieħu sehem b’mod attiv fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku nazzjonali u reġjonali permezz ta’ kollaborazzjoni mal-industrija u s-soċjetà ċivili ġenerali. Huwa enfasizza wkoll l-importanza tal-missjoni internazzjonali tal-Università meta ddikkjara li l-Università għandha tkompli tibni sħubija strateġika ma’ istituzzjonijiet oħra internazzjonali u prestiġġjużi u b’hekk tikseb preżenza internazzjonali sinifikattiva.

 


 

Tneħħiet ir-Restrizzjoni fuq in-Numru ta’ Studenti tal-Infermerija

Id-Dipartiment tal-Infermerija, fi ħdan il-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa, ħabbar li se jneħħi r-restrizzjoni fuq in-numru ta’ studenti li se jkunu aċċettati għall-Kors Preparatorju għal Diploma fl-Istudji tal-Infermerija tax-Xjenzi tas-Saħħa u għall-kors għall-Grad B.Sc. (Hons) fl-Infermerija minn Ottubru 2011.

Dan sar possibbli permezz ta’ sensiela ta’ inizzjattivi f’dawn l-aħħar erba’ snin li kienu ppjanati biex iżidu gradwalment il-faċilità tad-Dipartiment tal-Infermerija fir-rigward tan-numru ta’ studenti li jkunu jistgħu jidħlu, waqt li fl-istess ħin tinżamm il-kwalità għolja tal-programmi edukattivi. Dawn il-miżuri kienu jinkludu r-reklutaġġ ta’ aktar lekċerers ikkwalifikati, u t-taħriġ ta’ ’l fuq minn 300 mentor fuq firxa ta’ varjetà wiesgħa ta’ postijiet ta’ taħriġ prattiku, li llum huma kapaċi jgħallmu u jassessjaw studenti fil-qasam kliniku; ftehim mas-settur privat fil-kura tas-saħħa għall-postijiet għall-istudenti; u żvilupp ta’ settijiet ta’ studju ggwidat biex jgħinu lill-istudenti f’oqsma bħall-maternità u l-kura tat-tfal, fejn il-postijijiet kliniċi għat-taħriġ huma limitati. Dan l-eżerċizzju rriżulta f’żieda gradwali fin-numru ta’ studenti aċċettati li jidħlu direttament għal korsijiet fl-infermerija - minn limitu ta’ 30 student għall-kors ta’ diploma fl-2006 għal 50 fl-2007 u fl-2008 għal-limitu ta’ 140 fl-2009 u fl-2010, li żdied iżjed biex jaċċetta l-165 u l-170 applikant eliġibbli rispettivament. Din iż-żieda sostanzjali b’mod effettiv tfisser li l-applikanti kollha li kellhom il-kwalifiki meħtieġa ġew aċċettati fl-2009 u fl-2010, jiġifieri ma kinitx meħtieġa l-applikazzjoni tan-numerus clausus.  

Korsijiet fl-infermerija fl-ewwel livell ilhom isiru mill-Università ta’ Malta mill-1988, meta l-ewwel grupp ta’ studenti ġie aċċettat għall-korsijiet tal-B.Sc. Nursing u minn dak iż-żmien ’l hawn kien hemm 444 gradwat bil-B.Sc. Nursing u 650 li ħadu diploma. Id-Dipartiment tal-Infermerija joffri wkoll dħul dirett fil-B.Sc. in Mental Health Nursing bl-għan li jippreparaw infermiera speċjalisti f’dan il-qasam. L-ewwel studenti minn dan il-kors se jiggradwaw f’Novembru tal-2012.  Id-Dipartiment tal-Infermerija huwa wkoll involut b’mod attiv fil-programmi Erasmus b’rabtiet sodi ma’ wħud mill-Universitajiet Ewropej ewlenin.

Iktar minn hekk, id-Dipartiment tal-Infermerija joffri għażla kbira ta’ korsijiet ta’ wara l-kwalifika u ta’ wara l-ewwel grad lil infermiera kkwalifikati bl-għan li jtejbu l-għerf u l-ħiliet tal-impjegati fil-qasam tal-infermerija. Dawn jinkludu B.Sc. in Mental Health Nursing għal infermiera kkwalifikati, ċertifikati ta’ qabel l-ewwel grad f’oqsma speċjalizzati bħall-infermerija f’aċċidenti u emerġenza, il-kura tal-anzjani, il-kura tat-tfal, l-onkoloġija u r-riabilitazzjoni, kors elettroniku (online) għall-B.Sc. in Health Science għal professjonisti kkwalifikati fil-kura tas-saħħa u grad ta’ Master of Science in Nursing and Mental Health Nursing. Din is-sena akkademika hemm madwar 560 student fid-Dipartiment tal-Infermerija.

Il-korsijiet ta’ studju offruti mid-Dipartiment tal-Infermerija ġew magħrufa bħala tal-ogħla standard fl-ambjent Ewropew u internazzjonali.

 


 

Opportunità għal Studji Ogħla u Prattika fil-Medjazzjoni

 Wara talba mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern lir-Rettur tal-Università ta’ Malta - il-Professur Juanito Camilleri - il-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Malta kisbet l-approvazzjoni tas-Senat biex tmexxi kors ta’ Diploma ta’ Wara l-Ewwel Grad  fil-Medjazzjoni. Dan huwa kors ta’ filgħaxija part-time mifrux fuq sentejn akkademiċi u se jsir minn Frar 2011 ’il quddiem.

L-għan ta’ dan il-kors ta’ wara l-ewwel grad hu li jitħarrġu diversi professjonisti li ġejjin minn dixxiplini differenti (il-liġi, il-psikoloġija, il-ħidma soċjali, il-counselling, l-ippjanar, il-management, l-accountancy, u oħrajn) fl-arti tal-medjazzjoni. Dan il-kors innovattiv dwar il-medjazzjoni mhux biss se jkun qed jistudja l-medjazzjoni minn perspettiva purament legali imma jipprovdi lill-parteċipanti bil-ħiliet neċessarji inter-personali meħtieġa biex iwettqu sessjonijiet ta’ medjazzjoni b’suċċess.  Sabiex isiru l-preparazzjonijiet meħtieġa biex jitmexxa kors multidixxiplinarju bħal dan, numru ta’ fakultajiet u dipartimenti taw sehemhom għall-preparazzjoni tiegħu. Dawn kienu jinkludu l-Fakultà tal-Liġi, id-Dipartiment tal-Psikoloġija fi ħdan il-Fakultà tal-Edukazzjoni, id-Dipartiment tal-Ħidma Soċjali u l-Politika Soċjali fi ħdan il-Fakultà tal-Ekonomija, il-Management, u l-Accountancy kif ukoll id-Dipartiment tat-Teoloġija Morali fi ħdan il-Fakultà tat-Teoloġija.

Billi dan huwa primarjament kors mgħallem, it-taqsimiet-studju li se jkunu offruti f’dan il-kors ta’ wara l-ewwel grad jinkludu t-taqsimiet-studju li ġejjin għall-ewwel sena akkademika (Frar 2011 sa Jannar 2012): It-Teorija dwar ir-Riżoluzzjoni ta’ Konflitti; Introduzzjoni għall-Medjazzjoni; Ħiliet fil-Medjazzjoni; Kwistjonijiet Professjonali u Etiċi għall-Medjaturi; Kunċetti Bażiċi tal-Liġi tal-Familja għall-Medjaturi; il-Kreattività fil-Medjazzjoni; Ħiliet ta’ Għajnuna għall-Medjazzjoni; Ħiliet Interpersonali għall-Medjazzjoni; Taħriġ fis-Sensittività għall-Medjaturi.  Matul it-tieni u l-aħħar sena tal-kors (Frar 2012 sa Jannar 2013), is-suġġetti li ġejjin se jkunu mgħallma fiż-żewġ taqsimiet li se jkunu offruti, jiġifieri It-Taqsima tal-Medjazzjoni fil-Familja (Family Mediation Stream) u t-Taqsima tal-Medjazzjoni Ċivili u Kummerċjali (Civil and Commercial Mediation Stream).
 
It-Taqsima tal-Medjazzjoni fil-Familja se tikkonsisti f’dawn is-suġġetti:  Il-Medjazzjoni fil-Familja – Teorija u Prattika; Sistemi ta’ Familji;  il-Vjolenza Domestika u l-Falliment taż-Żwieġ;  Prattiku u superviżjoni; It-Tfal u l-Medjazzjoni; L-Iżvilupp tat-Tfal u r-Rabtiet li Jiffurmaw (attachment); u l-Iżvilupp tal-Familja għall-Medjaturi.  It-Taqsima tal-Medjazzjoni Ċivili u Kummerċjali se tikkonsisti f’dawn is-suġġetti: il-Kunċett ta’ Medjazzjoni fil-Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali; il-Medjazzjoni u l-Medjatur; il-Proċess ta’ Medjazzjoni; Studji ta’ Każijiet fil-Medjazzjoni; il-Komunikazzjoni u l-Immaniġġjar tal-Emozzjonijiet fil-Medjazzjoni; u Kunċetti Bażiċi fil-Liġi Ċivili u Kummerċjali. .

Mhux is-suġġetti kollha t’hawn fuq huma obbligatorji billi ftit minnhom huma offruti bil-għażla, jiġifieri, l-istudenti se jkollhom għażla ta’ suġġetti fost it-taqsimiet-studju mhux obbligatorji.  Aktar tagħrif jingħata fil-bidu tal-kors dwar liema taqsimiet-studju huma obbligatorji u liema huma bil-għażla.

Il-kors ta’ Diploma ta’ wara l-ewwel grad se jkun jikkonsisti f’sittin kredtu ECTS (kredtu huwa ekwivalenti għal bejn 5 u 7 sigħat ta’ lekċers).  Kull taqsima-studju tiġi evalwata jew permezz ta’ assenjament, test, practicum jew xi forma ta’ valutazzjoni li tista’ tiġi approvata.


Il-Kors ta’ Diploma ta’ wara l-ewwel grad se jinfirex fuq erba’ semestri (żewġ semestri kull sena) u l-miżata għal kull semestru tkun seba’ mitt euro (€700).

Dan il-kors huwa maħsub għal dawk il-persuni li jixtiequ jkomplu l-karriera tagħhom bħala medjaturi.  Il-Liġi Maltija tipprovdi opportunitajiet varji għal medjaturi bħal fil-Qorti tal-Familja u f’medjazzjoni ċivili u kummerċjali.  Il-medjaturi jistgħu jinħatru wkoll skont leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi u l-ippjanar tal-iżvilupp.  Il-medjazzjoni tista’ ssir kemm fuq bażi part-time kif ukoll fuq bażi full-time. Iċ-Ċentru Malti għall-Medjazzjoni huwa l-istituzzjoni rilevanti f’dan ir-rigward.

Rekwiżiti għad-dħul għall-kors tad-Diploma:

Dan huwa kors ta’ Diploma ta’ wara l-ewwel grad (post-graduate).  L-applikanti għandu jkollhom:

  1. Baċellerat bl-Unuri tal-inqas Second Class jew grad ogħla f’wieħed mill-oqsma li ġejjin:  Counselling, il-Kriminoloġija, it-Teknoloġija tal-Informatika u l-Komunikazzjoni; il-Liġi, il-Management, l-Ippjanar u l-Ambjent, il-Psikoloġija, il-Politika Soċjali, il-Ħidma Soċjali, l-Istudji Soċjali, is-Soċjoloġija jew l-Istudju taż-Żgħażagħ u l-Komunità; jew
  2. Baċellerat bl-Unuri tal-inqas Second Class jew grad ogħla mill-Università ta’ Malta jew minn università oħra f’qasam li jitqies komparabbli jew rilevanti mill-Bord ta’ Studju.
Permezz ta’ dan il-kors l-Università ta’ Malta għandha l-ħsieb tagħti kontribut lis-soċjetà Maltija billi tipprovdi persuni mħarrġa sew, ta’ ħila, professjonali u kompetenti li jistgħu joffru servizzi ta’ medjazzjoni fl-interess tal-amministrazzjoni aħjar tal-ġustizzja f’Malta. 

Ir-registrazzjoni għal dan il-kors hija miftuħa.  Ir-reġistrazzjoni online tista’ ssir hawn. Aktar tagħrif fuq il-proċess ta’ reġistrazzjoni jinsab hawn.

 


 

L-Università u l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta jiffirmaw Ftehim

UoM and the Malta Police Force sign AgreementL-Università ta’ Malta, permezz tal-Istitut tagħha tal-Kriminoloġija, u l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta ffirmaw Memorandum ta’ Ftehim biex jistabbilixxu u jippromwovu rabtiet qawwija bejn ir-riċerka akkademika u t-tixrid tal-għerf.  Il-ftehim għandu l-ħsieb li jtejjeb it-taħriġ u l-prattika tal-pulizija.

Il-Memorandum ta’ Ftehim jinkludi dispożizzjonijiet għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ kooperazzjoni fl-istudju tal-ġustizzja kriminali u x-xogħol tal-pulizija, li jinkludu possibbilment l-introduzzjoni ta’ BA (Hons) fix-xogħol tal-Pulizija flimkien mal-BA (Hons) eżistenti fil-Kriminoloġija.  Il-ftehim jippromwovi wkoll kollaborazzjoni bejn iż-żewġ partijiet fejn jidħol disinn, żvilupp u implimentazzjoni ta’ programmi akkademiċi tal-pulizija.

Ir-Rettur il-Professur Juanito Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo ffirmaw il-Memorandum ta’ Ftehim.

UoM and the Malta Police Force sign Agreement  UoM and the Malta Police Force sign Agreement

 


 

 

< Previous 1 Next >

 
 

Log In