L-Università ta' Malta
 

Aħbarijiet 2013
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

The Matrix, Edukazzjoni Facebook, Tifkira Mużikali u Sħab Iswed

Think 07Immaġina tibla’ pillola, u din tiskannjalek l-intern ta’ ġismek u b’mod awtomatiku tinforma lit-tabib tiegħek liema partijiet ibatu minn mard. Din mhijiex fantaxjenza iżda realtà li toħroġ mir-riċerka li ġejja mill-Università ta’ Malta. Riċerkaturi qegħdin ukoll iżommu ħajja l-memorja tal-mużika ta’ Malta, jipproteġu l-akbar esperiment tad-dinja u jidentifikaw it-tniġġiż mit-tbaħħir, dan kollu fl-aħħar ħarġa tar-rivista Think.

Tletin elf bastiment jgħaddu minn ħdejn il-Gżejjer Maltin kull sena. Il-bastimenti huma responsabbli għal 4–5% tal-emissjonijiet tad-dijossidu karboniku tad-dinja u jarmu wkoll tniġġis tossiku. Riċerkaturi lokali qegħdin ifittxu dwar kif din il-problema taffettwa lill-Gżejjer.

Riċerkaturi Maltin qegħdin jiffrankaw miljuni ta’ ewro għall-esperimenti Ewropej. Dr Gianluca Valentino dan l-aħħar żviluppa algorithms li jgħinu lill-LHC (Large Hadron Collider), ta’ fama Higgs Boson, biex jiffunzjona b’aktar sigurtà b’inqas flus. L-LHC jiswa €150,000 kull siegħa biex jitħaddem; ix-xogħol ta’ Valentino ffranka mijiet ta’ sigħat.

Il-kultura għandha post ċentrali f’din il-ħarġa. Il-proġett M3P qed jipprova jsalva l-mużika Maltija għall-ġenerazzjoni li ġejja. Dr Toni Sant u grupp ta’ nies waqqfu l-proġett biex jistudjaw il-mużika ta’ Malta u jarkivjawha. Il-mod miftuħ kollaborattiv tagħhom se jagħmilha disponibbli għal kulħadd.

Studenti tal-kitba kreattiva taw ħarsa wkoll lejn jekk koppji jistgħux verament jingħaqdu fuq l-internet. Tista’ ċ-ċibersesswalità tieħu post ir-realtà? Sadanittant student ieħor ikkummenta dwar il-logħba adattata minn Dr Pippin Barr tax-xogħol artistiku The Artist is Present. Din tirrifletti dwar il-ħajja, l-arti u l-frustrazzjoni.

Dr Pierre Schembri Wismayer jaqsam il-ħsibijiet tiegħu dwar il-banek ta’ ċelluli steminali għat-trabi tat-twelid. Huwa jistaqsi jekk il-ġenituri għandhomx jinvestu fi skemi privati. Kemm huma ta’ siwi? Mill-banda l-oħra, Alexandra Fiott titkellem dwar l-importanza li tirriċerka bid-dettalji kollha l-arblu tar-razza mat-tabib tiegħek biex tipproteġi l-membri tal-familja.

Ir-rivista tkopri wkoll riċerka minn studenti li jitkellmu dwar id-diversità tax-xtut bil-blat ta’ Malta, ir-realtà awmentata, in-nanomolekuli u l-prevenzjoni tal-attakki tal-qalb. Wara li ggradwaw, uħud minn dawn komplew jirriċerkaw f’istituzzjonijiet Ewropej fejn iwessgħu l-limiti ta’ riċerka fil-bijomaterjali u l-enerġija mir-riħ.

Ir-rivista Think tista’ tinġabar b’xejn mingħand il-librara madwar Malta u Għawdex u l-ħwienet tal-kotba tal-Agenda mill-11 ta’ Diċembru, tinqara fuq Issuu, titniżżel minn here, tiġi segwita fuq Twitter jew ‘liked’ fuq Facebook.

Think 07

 


 

Il-Proġett STREETS

Streets Logo


Il-Proġett STREETS biex itejjeb l-Aċċessibilità għal Malta u Sqallija

Il-Proġett STREETS ġie mniedi f’Ottubru 2013 f’Vittoria, Sqallija.  STREETS (STRatEgia IntEgrata per un Trasporto Sostenibile_Italia-Malta – Strateġija Integrata għal Trasport Sostenibbli_Italja-Malta) huwa proġett ta’ 3 snin iffinanzjat parzjalment mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) li jaqa’ taħt il-Programm Operattiv Italja-Malta 2007-2013.  Il-proġett għandu l-għan li jtejjeb l-aċċessibilità għaż-żewġ gżejjer, waqt li jegħleb l-ostakoli serji attwali identifikati bejn iż-żewġ gżejjer. STREETS jinvolvi sitt imsieħba, bis-sieħba ewlenija r-Regione Sicilia (Dipartimento Regionale delle infrastrutture, della mobilità e dei trasporti), flimkien mal-Collegio Universitario ARCES, il-Kunsill Lokali ta’ Vittoria, l-Awtorità tal-Port ta’ Catania, Transport Malta u l-Istitut għall-Bidla fil-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli fl-Università ta’ Malta.

L-Istitut huwa responsabbli għal numru ta’ ħidmiet li jinkludu analiżi tat-territorju u l-flussi tat-traffiku ġewwa u barra l-inħawi tal-port ta’ Catania u Malta; il-proposta għal abbozz ta’ strateġija konġunta biex tiddetermina problemi territorjali attwali; l-identifikazzjoni ta’ mezzi tat-trasport intermodali fl-ambjent Sqalli-Malti; analiżi tal-flussi ta’passiġġieri u merkanzija bejn Malta u Sqallija; u l-promozzjoni ta’ soluzzjoni għal trasport integrat u sostenibbli.

Il-konferenza tat-tnedija ta’ STREETS saret f’Vittoria bl-imsieħba kollha tal-proġett jiddiskutu l-progress li sar s’issa.  L-Università ta’ Malta kienet irrappreżentata minn Dr Maria Attard (project coordinator), l-Inġ. Luana Chetcuti Zammit, Ms Nicolette Formosa u Ms Deborah Mifsud (project research officers) u Ms Boglarka Toth (project administrator).  Waqt il-konferenza Dr Attard ippreżentat ix-xogħol li qed isir dwar l-iżvilupp ta’ mappa diġitali tan-netwerk tat-trasport u r-riżultati ta’ stħarriġ miġbur s’issa dwar il-fluss ta’ passiġġieri bl-ajru lejn u minn Catania u Trapani.


STREETS Project
Dr Maria Attard (l-ewwel mil-lemin), Ing Luana Chetcuti Zammit, Ms Deborah Mifsud, Ms Boglarka Toth and Ms Nicolette Formosa, mill-Istitut għall-Bidla fil-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli fl-Università ta’ Malta fil-Konferenza tat-Tnedija ta’ STREETS f’Vittoria, Sqallija, Ottubru 2013

 


 

Bejt Aħdar fuq il-Bini tal-Fakultà tal-Ambjent Mibni

Il-Kostruzzjoni ta’ Żewġt Ibjut Ħodor biex Tesponi l-Potenzjal li Jintlaħqu l-Miri Ambjentali u tal-Enerġija

Akronimu: LifeMedGreenRoof


MAC Logo    Life Logo     Green Roof Logo     Fondazione Minoprio Logo     MCCAA Logo

Fil-futur qrib se jinbena bejt aħdar fuq il-bini tal-Fakultà tal-Ambjent Mibni tal-Università ta’ Malta.  Ser isiru testijiet biex jiġi stabbilit il-potenzjal li t-teknoloġija ta’ bejt aħdar għandha biex tnaqqas il-problemi ambjentali relatati mal-ambjent urban u t-tibdil fil-klima.  Il-proġett se jkun qed jikkwantifika l-ammont ta’ insulazzjoni tal-bjut ħodor u kif dawn jistgħu jnaqqsu d-diossidu tal-karbonju  li bini jipproduci permezz tat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija mill-appartat ta’ arja kkondizzjonata.  Il-progett ser jeżamina wkoll l-immaniġġjar tal-ilma tax-xita – kif il-bjut ħodor jistgħu jnaqqsu l-għargħar lokali.  Barra minn hekk, il-proġett ser jidentifika u jittestja pjanti indiġeni li kapaċi jgħixu f’ambjent ta’ bejt aħdar.  Dan huwa importanti biex titnaqqas il-manutenzjoni u jiżdied il-valur bijoloġiku tal-bjut ħodor.
Nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Novembru 2013, l-Università ta’ Malta permezz tal-Fakultà tal-Ambjent Mibni, nediet uffiċjalment il-Proġett LifeMedGreenRoof f’Dar il-Mediterran .  Il-proġett LifeMedGreenRoof huwa ffinanzjat parzjalment mill-Unjoni Ewropea permezz tal-programm LIFE+.  Lokalment il-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini (Building Industry Consultative Council (BICC)) u l-Università nnifisha se jkunu qed jikkontribwixxu għall-bqija tal-ispiża.
L-għanijiet tal-proġett huma li juru lill-pubbliku, lill-istituzzjonijiet privati u dawk governattivi, il-benefiċċji li l-bjut ħodor għandhom fuq il-kwalità tal-ħajja f’inħawi urbani.
Sa llum saret ftit ferm riċerka dwar il-bjut ħodor f’kuntest lokali u dan il-proġett huwa pass ieħor lejn il-ħolqien ta’ ambjent urban sostenibbli.  L-Università ta’ Malta se tkun qed taħdem mill-qrib ma’ tliet istituzzjonijiet oħra.  Dawn jinkludu l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-MCCAA (the Malta Competition and Consumer Affairs Authority), li se tkun responsabbli għal abbozz ta’ standard għal bjut ħodor għall-Malta, u żewġ istituzzjonijiet Taljani; Fondazione Minoprio (FM) u Minoprio Analisi e Certificazioni S.r.l (MAC).  L-ewwel waħda hija organizzazzjoni akkademika li tispeċjalizza fl-ortikultura, u l-produzzjoni ta’ mxietel.  Din ipparteċipat f’diversi attivitajiet ta’ riċerka li jinkludu l-bjut ħodor.  Mill-banda l-oħra, l-MAC hija laboratorju  li tispeċjalizza f’oqsma li għandhom x’jaqsmu mal-kwalità tal-ħamrija, fertilizzanti, l-ilma tat-tisqija u l-bjut ħodor.  L-FM se tkun ukoll qed tibni bejt aħdar fil-kampus tagħha għall-finijiet ta’ wiri u riċerka simili ħafna għas-sitwazzjoni Maltija.
Il-bejt aħdar fuq il-bini tal-Fakultà tal-Ambjent Mibni għandu l-għan li juri u jittestja l-aspetti varji tat-teknoloġija.  Huwa maħsub li l-kostruzzjoni tal-bejt aħdar issir is-sena d-dieħla u jkun miftuħ għal żjarat minn skejjel, istituzzjonijiet u l-pubbliku ġenerali b’appuntament.  Il-proġett se jdum sejjer għall-erba’ snin li ġejjin sa Lulju 2017.
Min jixtieq aktar informazzjoni dwar il-proġett jew jixtieq jikkontribwixxi b’xi mod jew ieħor huwa mitlub jikkuntattja lill-project manager fuq antoine.gatt@um.edu.mt
http://www.um.edu.mt/ben/faculty/the_lifemedgreenroof_project
http://ec.europa.eu/environment/life/project/Projects/index.cfm?fuseaction=search.dspPage&n_proj_id=4748


Green Roof Project

Green Roof Project

Green Roof Project

 


 

X’jaħsbu ċ-ċittadini tal-UE dwar is-sorveljanza?

Riċerka: X’jaħsbu ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea dwar is-sorveljanza?
L-Università ta’ Malta qiegħda tmexxi stħarriġ mal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea dwar kif jaħsbuha ċ-ċittadini dwar is-sorveljanza fil-ġlieda kontra l-kriminalità.

Respect logo
Tim ta’ riċerkaturi mmexxi minn Dr Noellie Brockdorff mid-Dipartiment tax-Xjenza Konjittiva fil-Fakultà tal-Media u x-Xjenzi tal-Għarfien tal-Università ta’ Malta qiegħed jikkoordina riċerka dwar kif jaħsbuha ċittadini tal-Unjoni Ewropea dwar l-ispiża, il-konvenjenza u s-suċċess tas-sorveljanza fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità. Din ir-riċerka hija parti minn RESPECT – proġett kollaborattiv ta’ 4.3 miljun Ewro b’riċerkaturi minn dsatax-il istituzzjoni f’sittax-il pajjiż, u li huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea fl-isfond tas-Seba’ Programm Qafas.

It-tim, li jinkludi lil Dr Sandra Appleby-Arnold u lis-Sur Marco Montalto, dil-ġimgħa nieda fuq l-internet stħarriġ online komprensiv, fl-ilsna uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea, bil-għan li jilħaq ċittadini mill-Ewropa kollha mill-oqsma kollha tas-soċjetà. Din hija l-ewwel darba li qiegħda ssir riċerka fuq skala kbira f’dan il-qasam. L-għan huwa li jiġi identifikat l-effett li influwenzi kulturali jista’ jkollhom fuq il-mod kif ċittadini Ewropej jilqgħu sistemi u proċeduri ta’ sorveljanza.
Il-konvenjenza u l-vijabilità ekonomika huma meqjusa bħala ż-żewġ kunsiderazzjonijiet ewlenin għall-qawwiet tas-sigurtà fis-settur pubbliku, kif ukoll f’dak privat, fit-teħid ta’ deċiżjoni dwar liema teknoloġiji ta’ sorveljanza għandhom jintużaw, u liema għandhom ikunu mwarrba. Jista’ jkun hemm bosta motivazzjonijiet differenti, iżda ġaladarba dawn it-teknoloġiji jiġu applikati, huma jagħmluha dejjem aktar possibbli għall-pulizija u għall-qawwiet tas-sigurtà li jmorru lil hinn mit-tagħrif miġbur minnhom b’mod dirett, u jkollhom aċċess għal tagħrif miġbur u maħżun minn kumpaniji privati. Dawn it-teknoloġiji ta’ sorveljanza jitqiesu bħala “bilanċjati” jekk kemm-il darba jitħaddmu b’mod li jirrispettaw il-privatezza individwali, filwaqt li jżommu l-ogħla livelli ta’ konvenjenza, qliegħ u sigurtà. RESPECT tara li tistħarreġ jekk it-tħaddim attwali u dak imbassar ta’ teknoloġiji ta’ sorveljanza huwiex tabilħaqq 'bilanċjat', u kif dan il-bilanċ – jew in-nuqqas tiegħu – huwa mifhum miċ-ċittadini Ewropej. Permezz ta’ analiżi mill-ġdid tal-effettività, in-nefqa soċjali u ekonomika tas-sorveljanza, u tal-iffissar tal-bażi legali ta’ dawn is-sistemi ta’ sorveljanza, ir-riżultati se jservu bħala bażi għall-iżvilupp ta’ linji gwida u regolamentazzjoni Ewropea li jibbilanċjaw il-privatezza taċ-ċittadini u kunsiderazzjonijiet dwar is-sigurtà.

L-istħarriġ online mniedi mill-Università ta’ Malta għandu rwol ewlieni f’dan il-proġett. Huwa opportunità reali għaċ-ċittadini li jinfluwenzaw il-mod li bih jitmexxew l-affarijiet li jolqtuhom mill-qrib, minħabba li r-riżultati tal-istħarriġ se jkunu kkunsidrati waqt it-tħejjija tar-rapporti ta’ policy lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni, l-użu, u l-limiti tas-sorveljanza. Wieħed jista’ jsib l-istħarriġ online.

Il-proġett RESPECT, beda fi Frar tal-2012 u huwa mistenni li jibqa’ sejjer sa Marzu 2015. Il-koordinatur ġenerali tal-proġett huwa l-Professur Joe Cannataci, u t-tim ta’ riċerkaturi fil-Fakultà tal-Media u tax-Xjenzi tal-Għarfien fl-Università ta’ Malta li qiegħed jieħu sehem f’dan il-proġett jinkludi lil Dr Alex Pastukhov, mid-Dipartiment tal-Policy tal-Informazzjoni u l-Governanza.

 


 

In-Nies Tapprezza ħafna l-Ġbejna Maltija tal-Ħalib tan-Nagħaġ

Għal sekli sħaħ, kemm il-Maltin u kemm il-barranin dejjem faħħru l-ġbejna Maltija li tradizzjonalment hija magħmula mill-ħalib tan-nagħaġ.  Dan il-prodott lokali, li darba kien meqjus bħala parti importanti tad-dieta Maltija, daż-żmien qed jitqies bħala prelibatezza.  Maż-żmien, is-sigurtà fl-ikel u l-iġjene ġew rikonoxxuti bħala fatturi importanti fil-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli ta’ suċċess. Il-ġbejna mhix eċċezzjoni u fil-fatt illum ir-rgħajja jiġbru l-ħalib u jipproduċu l-ġbejniet f’kundizzjonijiet ta’ iġjene stretti ħafna.

Sabiex dan il-prodott tradizzjonali lokali jiġi vvalorizzat iktar, ġie mfassal proġett taħt l-Italia-Malta 2007-2013, ‘t-Cheesimal’, li jkopri l-katina kollha tal-partijiet involuti.  L-imsieħba f’dan il-proġett huma l-Università ta’ Malta, taħt id-direzzjoni ta’ Dr Everaldo Attard, il-Consorzio Ricerca Filiera Lattiera Casearia (CoRFiLaC, Ragusa) taħt id-direzzjoni ta’ Dr Stefania Carpino u l-Università ta’ Catania mal-Professur Giuseppe Licitra.  Il-produzzjoni tal-ġbejniet tibda mir-razzett, bin-nagħġa fl-irwol fundamentali f’din il-katina.  It-trobbija xierqa tan-nagħaġ li tinkludi kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni xierqa u għalf ta’ kwalità tajba, huma essenzjali biex ikun assigurat prodott finali tajjeb.  In-nagħaġ, bħal annimali oħra li jipproduċu l-ħalib, huma kapaċi li jbiddlu l-ħxejjex u l-foraġġ li l-bnedmin ma jistgħux jieklu fi prodott ta’ valur, il-ħalib.  Wieħed mill-għanijiet tal-proġett hu li jidentifika l-kompożizzjoni tal-għalf tal-annimali, kemm bħala ħxejjex maqtugħin friski kif ukoll bħala konċentrati.  Issir analiżi tal-għalf biex tiġi deċiża l-kwalità potenzjali finali tal-ġbejna.  Permezz tal-kontenut tal-proteini, il-ħalib jista’ jitbaqqat f’ġobon, b’mod simili ta’ kif ħaruf ibiddel il-ħalib f’ikel solidu fl-istonku tiegħu.

Illum, ir-ragħaj juża t-teknoloġija moderna biex jipproduċi dawn il-ġbejniet. Għalkemm fil-passat ir-rgħajja kienu jużaw forom tas-‘summar’ biex jiffurmaw il-baqta fi ġbejniet, illum jużaw forom tal-plastik.  Bħalissa għadu qed jiġi diskuss jekk ir-ragħaj għandux imur lura għall-forom tradizzjonali.  Iżda, jintuża liema reċipjent jintuża, ir-rgħajja jadottaw prattiki iġeniċi matul il-proċess.  Dan il-kummerċ is-soltu jkun immexxi minn familji, u kull persuna fil-familja jkollha rwol importanti fil-produzzjoni tal-ġbejna.  Is-soltu, ir-ragħaj u wliedu jiddedikaw il-ħin tagħhom għat-trobbija tan-nagħaġ, billi jibdew minn kmieni ħafna filgħodu sa tard bil-lejl. Huma jkunu impenjati wkoll fiż-żamma tar-razzett f’kundizzjoni operattiva tajba, jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni u jtejbu l-art meta jinqala’ l-bżonn.  In-nisa u wliedhom l-bniet huma ddedikati l-aktar għall-produzzjoni tal-ġbejniet.  Hekk kif il-ħalib sħun jidħol mill-kamra fejn jinħaleb jibdew ibiddlu dan il-prodott f’ġobon solidu.  Minbarra li jbiegħu l-prodott tagħhom lill-konsumaturi, jesperimentaw ukoll b’metodi tradizzjonali u b’dawk ġodda.  Dan huwa għan ieħor tal-proġett.  In-nisa kienu involuti f’għadd ta’ seminars u workshops kulinarji li jiffukaw fuq l-irwol tal-ġbejna fl-ikel. Fi kliem ieħor, il-membri kollha tal-familja jiddedikaw ħinhom kollu u ħajjithom għal din l-attività. Dan jitlob dedikazzjoni u ħinijiet twal tax-xogħol, kundizzjonijiet li daż-żmien mhumiex apprezzati għal kollox.
Il-konsumatur huwa l-membru finali tal-katina.  Illum, aktar minn qatt qabel, il-konsumaturi huma konxji tal-benefiċċji għas-saħħa li jitnisslu mill-prodotti agrikoli, u huma konxji wkoll tas-sigurtà fl-ikel.  Sabiex jiġi assigurat il-konsum sigur ta’ dan il-prodott agrikolu, iridu jiġu segwiti prattiki iġeniċi tajba matul il-katina kollha.  Fi kliem ieħor, mhux biss il-ġbejna trid tiġi prodotta mir-ragħaj skont prattiki tal-produzzjoni tajbin, imma l-konsumatur irid jippreserva l-prodott b’kura sħiħa.  Għaldaqstant anke meta, fuq livell ta’ razzett, jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa għall-produzzjoni sigura tal-ġbejna, tista’ tirriżulta kontaminazzjoni waqt il-manipolazzjoni mill-konsumatur.  Aspett ieħor li jikkonċerna l-konsumatur huwa kemm l-ippakkjar jolqot l-għajn.  Il-proġett iddedika parti mill-istudju għall-eżerċizzju ta’ marketing. Madwar 1500 kwestjonarju ġew miġbura minn konsumaturi lokali biex ikunu analizzati l-ħsibijiet u l-aspettattivi tagħhom dwar il-kwalità tal-ġbejna lokali tan-nagħaġ meta mqabbla mal-ġobnijiet barranin.  Sett ta’ kaxex iddisinjati ntwerew lill-konsumaturi biex jiġi deċiż l-ippakkjar l-aktar attraenti għall-ġbejna.  Ġew studjati wkoll postijiet fejn imorru l-konsumaturi, bħal ma huma supermarkets u ristoranti, sabiex jiġi deċiż kif dawn jippreżentaw il-ġbejniet lill-konsumatur. Għalkemm ir-rgħajja s-soltu jkollhom klijenti diretti, il-pubbliku ġenerali kultant ma jkunx jaf minn fejn ikunu ġejjin il-ġbejniet.  Il-kwistjoni tat-traċċabilità tal-prodotti agrikoli llum hija obbligatorja skont ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea, u l-ġbejna mhix eċċezzjoni.  Il-proġett għandu l-għan li jtejjeb din il-kwistjoni ta’ traċċabilità, u b’hekk possibbilment jiffaċilita l-kisba tal-marka ta’ kwalità jew ċertifikazzjoni. Dan kien, sa ċertu punt, l-għan tas-seminar li sar fis-27 ta’ Ġunju 2013.

Wieħed għandu jinnota li għalkemm l-imsieħba tal-proġett, bħala konsorzju, stinkaw biex iwasslu provi xjentifiċi ta’ kwalità u sigurtà, il-partijiet involuti kollha fil-katina tal-ġbejna, għandhom ikunu konxji li dan jiddependi mill-ġestjoni tajba tal-prodott mir-razzett sal-mejda.

 


 

Korsijiet għall-Anzjani

L-Università tat-Tielet Età u ċ-Ċentru ta' Riżorsi għall-Kottonera tal-Università ta' Malta ser jorganizzaw xi korsijiet għall-anzjani, minn Ottubru li ġej, ġewwa ċ-Ċentru ta' Riżorsi għall-Kottonera, li jinsab fi Triq San Dwardu, il-Fortini, il-Birgu.  

Dawn il-korsijiet ser isiru kull nhar ta’ Ħamis mid-disgħa sal-ħdax ta’ filgħodu. Wieħed mill-korsijiet, 'Il-Knisja u l-istat f’Malta', se jitmexxa mir-Rev. Dr Renè Camilleri, waqt li l-kors 'Niċeċ u Parroċċi fil-Kottonera' ser ikun immexxi mis-sur Tony Terribile.

Il-prezz għal dawn il-korsijiet hu ta' € 12 għal kull applikant. Dan il-prezz jinkludi ż-żewġ korsijiet u oħrajn li jistgħu jingħataw matul is-sena akkademika 2013-2014 li, fic-Centru ta’ Riżorsi fil-Kottonera, tibda fl-10 t’Ottubru 2013.

L-applikazzjonijiet jistgħu jinġabru minn ġewwa ċ-Ċentru ta' Riżorsi għall-Kottonera, Triq San Dwardu, il-Fortini, il-Birgu, mit-Tnejn sal-Gimgħa bejn it-8.30 a.m. u n-12.30 p.m. jew tista' tinbgħat email. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq in-numru 2340 7801.

 


 

Taħriġ fil-Ġardinaġġ għal Grupp ta’ Refuġjati

Is-sezzjoni tal-Università tal-Ġonna Botaniċi tal-Argotti kellha attività differenti minn tas-soltu għal din l-aħħar sena, minn Ġunju 2012. Il-proġett HORTES, li uża fondi ERF kellu l-għan li jgħin lil grupp ta’ refuġjati jiksbu t-taħriġ u l-ħiliet fil-qasam tal-ġardinaġġ u l-ortikoltura.

Dan il-kors ġie mqassam fuq tliet livelli, minn dak bażiku sa livell avvanzat, b’kull livell jieħu madwar tliet xhur biex jitlesta. L-ewwel ftit xhur ta’ dan il-proġett ġew iddedikati għal preparazzjoni intensiva. L-istudenti li pparteċipaw huma residenti fi tliet ċentri miftuħa, wieħed ġewwa l-Marsa u tnejn ġewwa Ħal-Far.

Huma attendew lezzjonijiet ta’ teorija kif ukoll prattika darbtejn fil-ġimgħa. Ġew magħżula għal dan il-proġett residenti ġewwa ċentri miftuħa, minħabba li dawn ikunu qed jippreparaw biex joħorġu minn dawn iċ-ċentri u jibdew ħajja ġdida. Grazzi għall-ħiliet ġodda li jkunu kisbu, tkun aktar faċli għalihom li jakkwistaw xogħol u b’hekk jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ integrazzjoni.

Dr Joseph Buhagiar, Direttur tal-Ġonna mexxa dan il-proġett, flimkien mat-tim tiegħu, li kien involut b’mod attiv fit-tagħlim. L-istudenti li rċevew tagħrif dwar il-bioloġija, l-identifikazzjoni u l-użu tal-pjanti, sew dawk ornamentali u dawk indiġeni, tħarrġu wkoll fuq il-ħtiġijiet ta’ dawn il-pjanti, il-formazzjoni tal-kompost u kif ukoll it-tisqija, fost affarijiet oħra. Il-qofol tal-lezzjonijiet kien jitratta l-kura tal-pjanti f’ambjent ta’ ġonna lokali, kif ukoll l-użu ta’ diversi metodi biex jiġu mkattra l-pjanti, iż-żbir, u l-identifikazzjoni u l-prevenzjoni ta’ mard differenti fil-pjanti.

Il-grupp ipparteċipa f’numru ta’ eżerċizzji prattiċi u diversi xogħolijiet fil-ġnien. Ħafna drabi, dawn is-sessjonijiet prattiċi saru fuq bażi individwali ma’ membri tat-tim tal-Argotti u kienu jinkludu taħriġ dwar l-użu ta’ għodda, makkinarju tal-ġnien u bini ta’ strutturi bħal scaffolding għaż-żbir tas-siġar, kif ukoll tisqija u taħwil ta’ pjanti ornamentali. L-istudenti ġew imħarrġa wkoll fuq kif isir ġbir u preservazzjoni ta’ żrieragħ u kif tinżamm l-indafa ġewwa l-ġonna. Huma ngħataw l-opportunità li jżommu ġnien żgħir fiċ-ċentri tagħhom sabiex jieħdu ħsiebu fil-ġranet meta ma jkunux qed isegwu l-lezzjonijet. Għal dan l-għan ingħataw pjanti ornamentali,  żrieragħ, kif ukoll xtieli flimkien ma’ xi għodod. Il-kors spiċċa uffiċjalment fl-aħħar ta’ Ġunju 2013 li nzerta mat-tmiem tal-proġett ’HORTES’.

Fiċ-ċeremonja tal-għeluq li ttellgħet ġewwa l-Argotti, l-istudenti rċevew ċertifikati ta’ attendenza għall-livelli ta’ korsijiet li kienu attendew għalihom. Rappreżentanti tat-tim tal-Argotti kif ukoll taċ-ċentri miftuħa kienu preżenti għal din iċ-ċeremonja. Grazzi għal din l-inizjattiva, dan il-grupp ta’ refuġjati ġew mgħotija ħiliet ġodda sabiex ikollhom suċċess fit-tfittix għal xogħol fil-qasam tal-ġardinaġġ.

 


 

Introduzzjoni għal-Liġi dwar l-Edukazzjoni

Introduzzjoni għal-liġi  dwar l-edukazzjoni

minn

Ugo Mifsud Bonnici

An Introduction to the Law of Education


Dan ix-xogħol jikkonsisti f’seba’ kapitli, li jkopru rispettivament a) Il-Filosofiji li jispiraw il-Liġi tal-Edukazzjoni; b) In-Nuklei tan-Normi; c) L-Istorja tal-Liġi Maltija; d) Leġiżlazzjoni Sussidjarja fis-Seħħ fil-Liġi Maltija; e) Il-Liġi Internazzjonali dwar l-Edukazzjoni; f) Aspetti Oħra tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni (ċivili u amminstrattiva) u g) Kapitlu ta’ Konklużjoni.  Mill-firxa tas-suġġetti koperti hija ħaġa evidenti li dan ix-xogħol huwa ferm aktar minn ‘Introduzzjoni’, bħalma jista’ jindika t-titlu.  In-natura tas-suġġetti koperti jeħtieġu wkoll għerf f’oqsma differenti, li jvarjaw mill-filosofija (mill-klassiċi għall-kontemporanji), għall-istorja, l-analiżi soċjali, il-liġi u l-politika.  Essenzjalment ix-xogħol jirriffletti l-interessi varji tal-kittieb u jislet bil-kbir mill-esperjenzi tiegħu fl-imgħoddi bħala avukat, leġiżlatur, amministratur u politiku.

Dan ix-xogħol għandu jitqies bħala kontribut eċċezzjonali għall-istorja tal-edukazzjoni f’Malta, u bħala għodda għall-iżvilupp kontinwu ta’ dan il-proċess soċjali importanti għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Dan il-ktieb jinbiegħ 25 euro u jinsab fil-ħwienet tal-kotba ewlenin jew minn www.sierra-books.com.

 


 

Il-Ftuħ Uffiċjali tal-Bini tal-Fakultà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni

erdf





Il-bini l-ġdid tal-Fakultà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (Faculty of Information and Communication Technology (ICT)) huwa wieħed mill-akbar proġetti ta’ kostruzzjoni li daħlet għalih dan l-aħħar l-Università ta’ Malta. Dan huwa ffinanzjat mill-Gvern ta’ Malta flimkien mal-Unjoni Ewropea.  Dan il-proġett ERDF 017 li sewa 17-il miljun Euro huwa ffinanzjat parzjalment mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Programm tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2007-2013, b’rata ta’ ko-finanzjament ta’ 85% Fondi tal-UE, 15% Fondi Nazzjonali.

Il-bini l-ġdid ġie inawgurat mill-On. Evarist Bartolo, Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, fil-preżenza tal-On. Stefan Buontempo, Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, ir-Rettur, il-Professur Juanito Camilleri, u d-Dekan tal-Fakultà, Dr Ernest Cachia, fil-15 ta’ Novembru 2013 bħala parti mill-avvenimenti li saru waqt il-Ġimgħa Miftuħa għall-Pubbliku Skopri l-Università.  Il-ftuħ kien jinkludi diskorsi qosra segwiti minn tour tal-bini l-ġdid tal-fakultà.
Il-bini jikkonsisti f’sottostruttura tal-konkrit bl-istruttura ta’ fuq maħduma mill-azzar.  Il-kisja ta’ barra tikkonsisti fil-parti l-kbira minn faċċata maħduma b’mod speċjali li hija mimlija b’gass inert u ttrattata biex timminimizza l-assorbiment tas-sħana mix-xemx mingħajr ma tikkomprometti t-trasmissjoni tad-dawl għal ġol-kmamar.

Il-bini m’għandux twieqi jinfetħu iżda l-klima hija kkontrollata permezz ta’ Building Management System (BMS) avvanzata.  Il-kondizzjonijiet klimatiċi interni, bħat-temperatura, l-introduzzjoni ta’ arja friska u l-estrazzjoni se jkunu kkontrollati b’sistema awtomatizzata.  Unitajiet ta’ rkupru tas-sħana ġew ukoll installati f’postijiet ewlenin b’mod li l-arja friska li qed tiġi introdotta fil-bini tkun ikkondizzjonata minn qabel mill-arja estratta, bir-riżultat ta’ effiċjenza ġenerali miżjuda.  Il-kmamar se jkunu mgħammra b’apparat li jinduna bil-preżenza ta’ xi ħadd biex jintfew id-dwal u s-sistemi tal-arja kkondizzjonata b’mod awtomatiku wara perjodu ta’ żmien predefinit, jekk dawn jitħallew mixgħulin meta l-kamra tkun battala.  Il-parkeġġ taħt l-art se jkun immonitorjat u l-arja ventilata b’mod awtomatiku.  Huwa maħsub li din is-sistema ta’ kontroll tal-klima ċċentralizzata, flimkien mal-użu tal-aktar materjal avvanzat fil-faċċata ta’ barra, se jnaqqsu b’mod sinifikattiv id-domanda għall-enerġija ta’ dan il-bini, u b’hekk jgħinu biex jiġi mminimizzat l-impatt ambjentali li toħloq iż-żieda ta’ bini ieħor fuq il-kampus.  B’mod ġenerali, l-apparat ta’ arja kondizzjonata huwa tat-tip VRF li juża kompressuri mħaddma b’inverter sabiex jottimizzaw l-effiċjenza taħt kondizzjonijiet ta’ tagħbija parzjali.

Għalkemm il-bini għandu sub-station tal-elettriku esklussiv għalih biex jiżgura provvista stabbli ta’ enerġija, huwa wkoll mgħammar b’sistema b’saħħitha ta’ Uninterrupted Power Supply (UPS), ġeneratur standby għall-provvista ta’ enerġija f’emerġenza li kapaċi jħaddem t-tagħbijiet kollha essenzjali.

Karatteristika oħra tal-bini hija li dan jiġbor l-ilma tax-xita tiegħu stess. Anke fil-każ li tkun sospiża l-provvista tal-ilma, il-bini jista’ jiddependi fuq il-ġibjun kbir tal-ilma taħt l-art tiegħu stess.  Dan il-ġibjun se jintuża biex jipprovdi ilma tat-tieni klassi għall-użu fit-toilets, jipprovdi ilma għat-tisqija, kif ukoll għas-sistemi għat-tifi tan-nar.

It-tipi ta’ tagħmir tad-dawl ivarjaw skont l-applikazzjoni u l-post, iżda b’mod ġenerali kollha jipprovdu lumen output għoli għal kull watt u għalhekk huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija.  Il-bini huwa mgħammar b’firxa ta’ Pannelli Fotovoltajiċi fuq il-bejt li se jkollhom irwol doppju li jipprovdu d-dell lill-bejt, u b’hekk inaqqsu s-sħana tal-materjal kif ukoll jiġġeneraw l-enerġija biex tintuża direttament mill-bini.

Il-bini huwa wkoll mgħammar b’sistemi ta’ sigurtà li jinkludu sistema li tinduna li hemm nar, sistema għat-tifi tan-nar (li telimina l-gass inert fil-kmamar tas-servers), CCTV u kontroll tal-aċċess.

L-istruttura nnifisha hija kostruzzjoni ta’ erba’ sulari li b’kollox toffri spazju ta’ bejn wieħed u ieħor 6700 metru kwadru, ikkonfigurata bħala żewġ blokok li jinfdu permezz ta’ entratura ċentrali b’diversi sulari, lobby, tromba tat-taraġ, u l-ispazju fejn hemm il-lift, b’parkeġġ taħt l-art għal aktar minn 70 karozza li tasal għalih permezz ta’ rampa.  Ingħatat attenzjoni għall-iskyline ġenerali tal-Kampus tal-Università fl-Imsida. Il-pajsaġġ imżerżaq li jdawwar il-bini imminimizza l-impatt viżiv fuq il-bini tal-università fil-madwar. Il-partijiet diversi fil-bini l-ġdid se jinkludu laboratorji għat-tagħlim, kmamar għar-riċerka, kmamar għat-tutorials, postijiet fejn jistudjaw studenti tal-ewwel grad, kmamar għal studenti ta’ wara l-ewwel grad, laboratorji għar-riċerka, u aktar.

operationalprogramme1

ICT Building

ICT Building

 


 

Xjenza fil-Belt Tikkontribwixxi fir-Rekord ta’ 1.2 Miljun Viżitatur waqt Lejlet ir-Riċerkaturi 2013

Madwar 15,000 viżitatur attendew it-tieni edizzjoni tax-Xjenza fil-Belt lejlet is-27 ta’ Settembru fil-belt Valletta. Din l-attività saret bħala parti mill-avveniment pan-Ewropej bl-isem ta’ Lejlet ir-Riċerkaturi 2013. Kważi 1.2 miljun persuna pparteċipaw f’attivitajiet simili li kienu organizzati f’300 belt differenti madwar l-Ewropa.  

Iċ-ċifri, ibbażati fuq stimi provduti mill-organizzazzjonijiet ta’ kull pajjiż, jirrapreżentaw rekord fl-istorja ta’ din l-inizjattiva. Dan jindika żieda ta’ kważi 20 fil-mija fuq l-estimi tal-2012. Iċ-ċifri tal-parteċipazzjoni żdiedu b’mod sinifikanti minn mindu saret l-ewwel edizzjoni pan-Ewropea fl-2006.

Dawn l-attivitajiet Ewropej għandhom l-appoġġ tal-organizzazzjoni tal-UE Marie Curie Actions, li jippromwovu l-iżvilupp ta’ karrieri fir-riċerka xjentifika u l-mobbiltà tax-xjentisti fil-membri stati u pajjiżi oħra. 

Koordinata mill-Fond għar-Riċerka tal-Università ta’ Malta (RIDT) u l-Kamra Maltija tax-Xejntisti, l-attività f’Malta kellha l-appoġġ tal-Programm FP7 tal-UE, l-Universita ta’ Malta u l-Malta Arts Fund. It-toroq ewlenin tal-Belt kienu bieżla b’attivitajiet xjentifiċi, artistiċi u divertenti li għamlu x-Xjenza fil-Belt tassew avveniment speċjali u memorabbli għal kulħadd.  

Uħud mill-attivitajiet matul Xjenza fil-Belt 2013

Science in the City

Science in the City

Science in the City

 


 

Proġett fuq il-Ġenerazzjoni tal-Enerġija jirbaħ il-Borża ta’ Studju

Proġett fuq il-Ġenerazzjoni tal-Enerġija jirbaħ il-Borża ta’ Studju tal-IOI
Elisabeth Mann Borgese, 2013


Il-Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borgese (EMB Bursary) tal-International Ocean Institute (IOI) ingħatat lis-Sur Daniel Buhagiar biex jagħmel riċerka dwar Ocean Thermocline Energy Extraction using Wind Energy.

Dan il-proġett ta’ riċerka innovattiv għandu l-għan li jwessa’ l-idea tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li tiġġedded. Billi juża l-ilma baħar tal-fond, direttament biex ikessaħ, ma jkunx hemm bżonn ta’ ammont sostanzjali ta’ elettriku biex wieħed juża s-sistemi tal-arja kondizzjonata. Malta s’issa tuża ħafna elettriku biex tkessaħ, speċjalment fis-sajf, u dan il-proġett jista’ jnaqqas b’ammont sostanzjali l-użu ta’ eletriku għal dan il-għan.

Il-proġett ta’ riċerka jikkonsisti f’analiżi dettaljata ta’ turbina tar-riħ ’il barra mill-kosta, bbażata fuq sistema idrawlika, li tipproduċi taħlita ta’ enerġija termali u dik elettrika.  Ir-rotor tat-turbina tar-riħ huwa kkonnettjat direttament ma’ pompa ta’ volum  varjabbli, li tippressa l-ilma baħar u tibagħtu lejn turbina idroelettrika, fuq ix-xatt. Għalhekk, l-enerġija elettrika hija ġġenerata mill-ilma baħar ippressat.. L-għan tar-riċerka preżenti huwa li tqis sistemi alternattivi u tindirizza xi nuqqasijiet fid-disinn preliminarju preżenti.

Il-fondi għall-borża ta’ studju EMB ikomplu jwessgħu dan ix-xogħol preżenti billi joħolqu l-possibbiltà għad-disinn ta’ aktar esperimenti u riċerka biex ikopru oqsma ġodda u biex jestendu l-firxa ta’ simulazzjonijiet permezz tal-kisba ta’ data addizzjonali.

Iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni saret fit-18 ta’ Ottubru fl-uffiċċji tal-Kwartieri Ġenerali tal-IOI fuq il-Kampus tal-Universita`.  Flimkien mas-Sur Daniel Buhagiar, il-mistiedna preżenti kienu l-President tal-IOI, Dr Awni Behnam u s-sinjura Behnam, id-Direttur Eżekuttiv tal-IOI, Dr Cherdsak Virapat, il-Prof. Salvino Busuttil , Rappreżentant ta’ Malta fuq il-Bord Governattiv tal-IOI, il-Pro Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof Alfred Vella, ir-Reġistrar tal-Università ta’ Malta, Ms Veronica Grech, il-Prof. Dr Ing. Tonio Sant mid-Dipartiment tal-Inġinerija Mekkanika, Fakultà tal-Inġinerija, u President tal-Istitut għall-Enerġija Sostenibbli, u l-koordinatriċi tal-IOI OcenaLearn Ms Antonella Vassallo, li hija responsabbli għall-Borża ta’ Studju EMB.

Il-Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borghese  (EMB) tal-International Ocean Institute (IOI) twaqqfet bħala mezz biex jintwera rikonoxximent lil Malta bħalha l-pajjiż li jospita lill-IOI, u talli jilqa’ l-Kwartieri Ġenerali tal-IOI u jipprovdi l-faċilitajiet għall-istaff u uffiċċji fuq il-Kampus tal-Imsida tal-Università ta’ Malta.  Il-Borża ta’ Studju hija ffinanzjata permezz tal-Programm tal-IOI Women, Youth and the Sea u tikkostitwixxi wkoll għarfien u apprezzament ieħor għall-irwol tal-Prof. E. Mann Borgese, fundatriċi tal-IOI, u għall-kisbiet konsiderevoli tagħha.

Għal aktar informazzjoni dwar l-IOI u l-programmi tiegħu tista’ tikteb lil ioihq@ioihq.org.mt, jew iċċempel fuq +356 21 346528 inkella żżur s-sit elettroniku.
 

Innovative Energy
mix-xellug għal-lemin: Dr Virapat, Prof. Dr Ing. Sant, Ms Grech, il-Prof. Vella, is-sur Buhagiar, is-sinjura Behnam, Dr Behnam, il-Prof. Busuttil, u Ms Vassallo, fl-uffiċċji tal-Kwartieri Ġenerali tal-IOI fuq il-Kampus.

_____________________________
Fl-isfond, ritratt ta’ Elisabeth Mann Borgese.
 
Elisabeth Mann Borgese (24 t’April, 1918 – 8 ta’ Frar, 2002), waqqfet l-IOI fl-1972 bħala organizzazzjoni internazzjonali mhux governattiva u li ma taħdimx għall-profitt, ibbażata fuq l-għerf, u li hija ddedikata għall-iżvilupp sostenibbli tal-oċeani. L-IOI taħdem biex twettaq u tespandi l-prinċipji miġbura fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar għall-benefiċċju tal-umanità kollha, b’konsiderazzjoni partikulari għall-foqra.  Il-missjoni tal-International Ocean Institute hija li tippromwovi l-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka biex itejjeb l-użu paċifiku tal-ispazju tal-oċean u r-riżorsi tiegħu, l-immaniġġjar u r-regolamentazzjoni tagħhom kif ukoll il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar, immexxija mill-prinċipju tal-Wirt Komuni tal-Umanità.

Malta hija l-pajjiż li jospita l-Kwartieri Ġenerali tal-International Ocean Institute.  Bħala stat gżira fiċ-ċentru tal-Baħar Mediterran hija għandha storja twila ta’ dipendenza fuq il-baħar kif ukoll tradizzjoni qawwija ta’ xogħol marittimu, tas-sajd u tat-tbaħħir.  Is-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea tobbligaha li żżomm mal-politiki marittimi u tas-sajd kif ukoll ma’ konvenzjonijiet u regolamenti li għandhom skop globali.

 


 

Il-Jum Dinji tal-Ispiżjara – 25 ta’ Settembru 2013

Id-Dipartiment tal-Farmaċija tal-Università ta’ Malta (UoM) b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Istudenti tal-Farmaċewtika (Malta Pharmaceutical Students Association – MPSA) u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Farmaċewtika (Malta Pharmaceutical Association – MPhA), din is-sena qed jiċċelebra l-Jum Dinji tal-Ispiżjara, bl-appoġġ ta’ Actavis. Il-Jum Dinji tal-Ispiżjara huwa kkoordinat mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Farmaċewtika (International Pharmaceutical Federation – FIP) u t-tema magħżula għal din is-sena hija ‘L-Ispiżjara – jissimplifikawlek l-użu tal-mediċini, minkejja l-kumplessità’ (Pharmacists – simplifying your medicines use, no matter how complex’).

L-attivitajiet f’Malta ser jiġu organizzati matul il-ġimgħa ta’ bejn it-23 u s-27 ta’ Settembru, f’lokalitajiet diversi, li jinkludu Birkirkara, il-Birgu, tas-Sliema, il-Belt Valletta u ż-Żejtun, sabiex tiġi kkomunikata lill-pubbliku ġenerali l-importanza tal-ispiżjara bħala professjonisti fil-kura tas-saħħa aċċessibbli, fdati u stmati, li jgħinu biex jinkisbu riżultati aħjar ta’ saħħa, u jtejbu s-sigurtà tal-pazjenti u l-kwalità tal-ħajja inġenerali.

L-ispiżjara qegħdin jipprovdu servizzi professjonali f’oqsma differenti tal-farmaċija, mill-iżvilupp u l-manifattura tal-mediċini sal-assigurazzjoni tas-sigurtà tal-pazjent waqt id-distribuzzjoni u l-użu tal-mediċini.  Permezz tat-tifkira tal-Jum Dinji tal-Ispiżjara, dawn il-professjonisti qegħdin jenfasizzaw iċ-ċentru tal-attivitajiet tagħhom għall-pazjenti u konsumaturi.  L-istudenti tal-farmaċija se jqassmu lill-pubbliku ġenerali fuljett informattiv, li juri l-irwoli diversi tal-ispiżjar.

Permezz ta’ din l-attività, l-istudenti tal-farmaċija, l-ispiżjara u d-Dipartiment tal-Farmaċija tal-UoM, qegħdin jersqu lejn il-pubbliku biex jenfasizzaw is-servizzi professjonali tal-ispiżjara biex jassiguraw l-użu sikur tal-mediċini. Se jitqassam ukoll kwestjonarju li jintela mill-individwu sabiex jinġabar feedback mill-pubbliku dwar servizzi li jixtieq li jkunu ipprovduti mill-ispiżjara.  Huwa ta’ inkoraġġiment li studenti tal-farmaċija jipparteċipaw b’mod attiv f’dan l-avveniment peress li dawn l-ispiżjara tal-ġejjieni qed ikunu diġà esposti għall-kuntatt essenzjali mal-pazjenti u l-konsumaturi.

Saret konferenza għall-istampa fil-Kampus tal-Belt Valletta tal-Università ta’ Malta biex jiġu mnedija  l-attivitajiet. Il-kelliema waqt il-konferenza kienu: L-Onorevoli Dr Godfrey Farrugia, Ministru għas-Saħħa; il-Professur Juanito Camilleri, Rettur tal-Università ta’ Malta; il-Professur Lilian M. Azzopardi, Kap tad-Dipartiment tal-Farmaċija fl-Università ta’ Malta; Ms Althea Xuereb, MPSA, u Ms Janis Vella, MPhA.

World Pharmacy Day

World Pharmacy Day

 


 

L-Imħabba, il-Bniedem Bijoniku, u l-Etna

Think 06

Fl-1963, istitut politekniku beda jgħallem l-inġinerija lil sitt studenti f’Malta.  Ħamsin sena wara ’l fuq minn 100 student iggradwaw mill-Fakultà tal-Inġinerija, l-Universita` ta’ Malta, u din tiġbed lejha miljuni ta’ ewro f’finanzjament (għadha tinħtieġ aktar, ħafna aktar).  Bħala ċelebrazzjoni ta’ dan l-avveniment, ir-rivista Think u l-Inġ. Emmanuel Francalanza ħolqu Bniedem Bijoniku 3D. Tajna ħarsa wkoll lejn kif nistgħu nnaddfu lil Malta u lejn kif it-trasport jista’ jinbidel sas-sena 2025.

Il-Bniedem Bijoniku jimmaġina kif ir-riċerka li qed issir lokalment tista’ ttejjibna. Fil-futur hemm jistennewna riġlejn, dirgħajn u snien aħjar, kif ukoll assistenti robotiċi li jaħsbu weħidhom.  ‘Bionic Woman’, ‘Robocop’ ħudu ġo fikom!

Malta rebħet premju.  Tinsab fit-tieni post bħala l-ogħla ġeneratur ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra per capita fl-UE. Inġiniera lokali jistgħu jgħinuna jkollna sema, baħar u djar ekoloġiċi.  Kull ma hemm bżonn hu li nieħdu azzjoni.

It-traffiku huwa sors qawwi ta’ tniġġis. Permezz ta’ turbochargers fil-karozzi nkunu nistgħu nipproduċu magni iċken u aktar effiċjenti.  Sas-sena 2025 kapaċi jkollna wkoll vapuri aktar jgħaġġlu, aktar ħfief u aktar diffiċli li jegħrqu u ajruplani aktar sikuri u aktar ekoloġiċi.  Il-futur jidher sabiħ.

Minn angolu aktar skur, Will Love Tear Us Apart (L-imħabba ser tifridna?) tieħu l-kanzunetta ta’ Joy Division Love Will Tear Us Apart u ddawwarha f’logħba bi tliet livelli tal-għaġeb. Din il-logħba ġġiegħlek tipprova ssalva relazzjoni permezz ta’ rabja, kompassjoni u kompromess.

L-Etna. Dan il-vulkan m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni. Dan għamel lill-Italja pajsaġġ fertili iżda wkoll tant huwa tal-biża’ li s-sħab tal-irmied tiegħu jista’ jaffettwa lil Malta. Tim lokali bbażat f’Għawdex studja u mmudella l-eruzzjonijiet tiegħu u b’hekk għen vulkanologi Sqallin iħarsu l-Gżira tagħna.

Ir-rivista tkellem ukoll lill-istudenti li jħarsu lejn il-kwiekeb, dawk li jistudjaw dwar id-dijabete jew dawk li jagħmlu pitturi 3D. L-alumni jvarjaw minn studjużi tal-matematika sa professjonisti fis-settur tal-assigurazzjoni, u minn nies jaħdmu fix-xjenzi għal dawk li jitrattaw il-brevetti. Think issemmi wkoll karozza tat-tlielaq ġdida li qed tinbena f’Malta minn studenti.

Think tista’ tinġabar b’xejn mingħand il-librara madwar Malta u Għawdex u l-ħwienet tal-kotba tal-Agenda mid-9 ta’ Settembru, tinqara fuq Issuu, titniżżel minn hawn [PDF] tiġi segwita fuq Twitter jew ‘liked’ fuq Facebook.

 


 

Dokumentarju dwar id-dinja ta’ Taħt il-Baħar

Wiri bla ħlas tad-dokumentarju l-aktar reċenti dwar id-dinja ta’ taħt il-baħar

Nhar it-Tnejn 2 ta' Settembru, l-IOI - iċ-Ċentru Operazzjonali ta’ Malta fl-Università ta’ Malta (IOI-Malta Operational Centre (IOI-MOC) organizza l-wiri bla ħlas għall-pubbliku, fis-Sala Sir Temi Zammit, tat-tielet dokumentarju PANACEA dwar id-dinja ta’ taħt il-baħar. Il-wiri tad-dokumentarju kien taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha l-Aġent President Ms Dolores Cristina, u bil-parteċipazzjoni distinta tal-Onorevoli Leo Brincat, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, l-Onorevoli Charlò Bonnici u l-Onorevoli Robert Arrigo. Attendew ukoll aktar minn 400 student mill-iskola tas-sajf (Kids on Campus u Skolasajf) u ’l fuq minn 150 membru tal-pubbliku. Tqassmu lil dawk kollha preżenti kopji b’xejn tad-DVD tad-dokumentarju, u brochures informattivi dwar id-dinja ta’ taħt il-baħar madwar il-gżejjer tagħna.

Dan il-wiri tad-dokumentarju kien idea tal-Project Manager ta’ PANACEA fl-IOI-MOC, Dr Alan Deidun, li ħa sehem ukoll fil-produzzjoni tad-dokumentarju flimkien ma’ Pedja Miletic (Direttur ta’ Monolith Limited) u l-cameraman veteran ta’ taħt il-baħar Shaun Arrigo. Fi kliem Dr Alan Deidun, dan huwa l-aħjar dokumentarju dwar il-baħar li kien miġbud s’issa lokalment, billi jgħaqqad tekniki innovattivi tal-iffilmjar (ngħidu aħna, dan huwa l-ewwel dokumentarju ta’ din ix-xorta miġbud lokalment, li jagħmel użu minn drones bla piloti biex jiġbdu xeni mill-ajru) b’filmat spettakolari taħt l-ilma ta’ wħud mill-aktar speċi karismatiċi tal-baħar li jinsabu hawnhekk, li jinkludu ħut tal-familja Syngnathidae magħrufin bħala seahorses, awwisti, ċeren u speċi oħra.  Fi kliem Dr Deidun, il-wiri tad-dokumentarju jaħbat mal-ftuħ memorabbli tal-ewwel akwarju f’Malta, li jindika  qawmien fl-interess f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-baħar.

PANACEA huwa proġett iffinanzjat mill-Programm Operattiv Italia-Malta 2007-2013 li fih huma msieħba kemm l-Università ta’ Malta kif ukoll il-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz. Iċ-ċentru għall-edukazzjoni dwar l-ambjent tal-baħar fid-Dwejra, li nfetaħ f’Marzu li għadda, jagħmel parti mill-istess proġett. Is-sit elettroniku dwar il-proġett huwa www.panaceaproject.net. L-għan ewlieni tal-proġett huwa li jrawwem aktar apprezzament lokali għall-ambjent tal-baħar fil-Gżejjer Maltin. Iż-żewġ dokumentarji ta’ qabel dwar id-dinja ta’ taħt il-baħar, li ġew żviluppati taħt l-istess proġett, u li jippreżentaw il-MPAs tad-Dwejra u Rdum Majjiesa ġew milqugħa tajjeb ħafna, u rawhom aktar minn 15,000 ruħ fuq youtube u minn mijiet ta’ tfal tal-iskola f’ċinema f’wirja oħra bla ħlas li saret f’Mejju tas-sena l-oħra fl-okkażjoni tal-Jum Marittimu Ewropew. 

Dawn id-dokumentarji qed jintwerew fuq youtube:
Id-Dwejra - Proġett PANACEA
L-Irdum Majjiesa - Proġett PANACEA
It-tielet dokumentarju se jittella’ fuq youtube fil-jiem li ġejjin.

Public Screening of Documentary

Italia-Malta - ERDF

 


 

Applikazzjonijiet għall-Università tat-Terz Età

L-Università tat-Terz Età li tifforma parti miċ-Ċentru Ewropew tal-Ġerontoloġija ta’ l-Università ta’ Malta se taċċetta applikazzjonijiet minn dawk interessati li jattendu ‘lectures’ fil-programm tal-2013/2014 minn nhar it-Tnejn 16 ta’ Settembru 2013.

Għal din is-sena akkademika, il-‘lectures’ ser isiru mit-Tnejn sal-Ħamis mid-0900 sal-1100 fiċ-Ċentru tal-Furjana u t-Tlieta u l-Ħamis mill-17.00 sas-19.00 fiċ-Ċentru f’Tas-Sliema. Il-Programm jibda nhar it-Tnejn 7 t’Ottubru.

Kull sezzjoni fil-Programm għandha sensiela ta’ 8 ‘lectures’ ta’ sagħtejn li jinkludu:

Development of Political Parties in Malta Part IV: 1960 Onwards (Prof. Joe Pirotta); Malta’s Flora and Fauna (Dr Sandro Lanfranco); Valletta’s Chapels and Shrines (Mr Tony Terribile); The State and the Constitution of Malta (Dr Austin Bencini); The Church since Vatican Council II (Rev. Dr Rene Camilleri); Archaelogical Heritage of the Maltese Islands (Mr Vincent Zammit); Two Modern Saints: John XXIII and John Paul II (Rev. Dr Joe Galea Curmi); The Order of the Hospital: Aspects of the History of the Knights of St. John (Prof. Victor Mallia Milanes); Ageing: A Sociological Perspective (Prof. Joseph Troisi); Philosophical Problems: An Introduction (Prof. Joe Friggieri); Health Promotion: A Holistic Approach (Dr. Suzanne Piscopo); The Arab Spring Movement (Prof. Stephen Calleya);  Objects that Changed the History of the World (Mr John Sare’); The World in our Times “Id-Dinja fi Żmienna” (Prof. Oliver Friggieri); Languages in Malta: Past and Present (Prof. Joseph Brincat); The Pension System in Malta: The Way Forward (Mr. Joe Camilleri); Maltese Shrines and Chapels (Mr Tony Terribile); The Development of Malta’s Fortifications (Mr Vincent Zammit); Il-Malti Mitkellem (Spoken Maltese) (Mr Olvin Vella).

Parteċipanti li huma nteressati fil-lingwi jistgħu jagħżlu minn dawn is-sezzjonijiet:

Spanish for Beginners (Mr Damian Solano Escolano); German for Beginners (Ms Lina Agius); French for Beginners (Prof. Carmen Depasquale); Situational Italian (Dr Anna Porcheddu); Cultura e Civiltà Italiana (Dr Anna Porcheddu).

Formoli biex tinkiteb jinġabru u jitħallew fl-uffiċċju tal-U3E fiċ-Ċentru tal-Furjana li jinsab fis-sular t’isfel fl-Istitut Kattoliku l-Furjana, mit-Tnejn sal-Ħamis mid-09.00 sal-11.00.
 
Kopja tal-programm tista’ tinkiseb mar-reġistrazzjoni filwaqt li kopja tkun esposta fin-‘noticeboard’.

F’każ ta’ xi mistoqsijiet, tistgħu ċċemplu fl-Uffiċċju fuq in-Numru: 21243202.

 


 

Calypso Jgħasses fil- Kanal ta' Malta

OP Italia-Malta 2007-2013

Il-Proġett CALYPSO

Proġett immexxi mill-
Unità għall-Oċeanografija Fiżika, IOI-Ċentru Operazzjonali ta’ Malta, l-Università ta’ Malta

www.capemalta.net/calypso

Calypso Project

Calypso Project
Il-fatt li ngħixu fuq gżira ta’ sikwit jagħtina l-impressjoni żbaljata li l-kobor tal-baħar ta’ madwarna jipproteġina u malajr iġorr ’il barra kulma nitfgħu ġo fih. Il-baħar huwa tassew  f’moviment kontinwu, iżda dan iċ-ċaqliq li jiffurma l-kurrenti tal-baħar jiddependi ħafna mill-kundizzjonijiet meteoroloġiċi u idroloġiċi, u jevolvi b’mod kontinwu, sikwit immexxi minn forzi anki ‘il boghod minn xtutna. Kemm nafu dwar iċ-ċirkulazzjoni tal-baħar fl-inħawi tal-Gżejjer Maltin? Tassew li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-baħar madwarna jħarsuna mit-theddida ta’ tixrid taż-żejt milli jolqot lil xtutna?  Nistgħu nisfruttaw it-teknoloġija sabiex noffru aktar protezzjoni u nirrispondu aħjar kontra l-perikli tal-baħar li jistgħu ikunu ta’ theddida għall-assi ekonomiċi essenzjali tagħna? Liema data dwar il-baħar hija essenzjali għall-entitajiet responsabbli lokali biex jilqgħu għal dawn l-emerġenzi, u kif jistgħu jiġu mgħejjuna jieħdu deċiżjonijiet infurmati f’waqthom, b’mod immedjat u kull meta jkun hemm bżonn?

Dawn huma t-tip ta’ mistoqsijiet li jitratta l-proġett CALYPSO. CALYPSO mhuwiex proġett ta’ riċerka komuni. Il-proġett involva investiment kapitali sostanzjali biex titwaqqaf sistema permanenti ta’-radars li joperaw bi frekwenza għolja (HF) biex ikejjlu f’ħin reali l-kurrenti ta’ wiċċ il-baħar u tal-mewġ fil-medda ta’ baħar bejn Malta u Sqallija. Il-proġett qed  iwassal lin-nazzjon element ieħor fil-kisba ta’ data essenzjali u regolari dwar il-baħar, għas-servizz ta’ numru ta’ applikazzjonijiet u utenti lokali. L-għan ewlieni tal-proġett huwa li jappoġġja r-rispons effiċjenti kontra t-theddida ta’ tixrid taż-żejt fil-baħar milli jolqot ix-xtut Maltin u Sqallin billi jipprovdi informazzjoni b’mod regolari u f’ħin reali dwar il-kurrenti fuq wiċċ il-baħar u l-kundizzjonijiet tal-istat tal-baħar permezz ta’ mapep imwassla bl-internet.

Data b’riżoluzzjoni ta’ 3Km, aġġornata kull siegħa, hija pprovduta permezz ta’ netwerk ta’ tliet radars CODAR SeaSonde HF li jużaw teknoloġija l-aktar moderna u jkejlu l-kurrenti f’wiċċ il-baħar u l-mewġ permezz ta’ frekwenzi tar-radju elettromanjetiċi, mitfugħa b’mod radjali minn kull radar u ripetuti lura mill-wiċċ tal-baħar.

Aktar minn hekk, mudelli numeriċi jgħinu biex ibassru, b’mod ta’ min jorbot fuqu, kif l-istat tal-baħar se jevolvi u jinbidel fis-sigħat  u l-ġranet ‘il quddiem. Din il-katina ta’ ħidma ta’ attivitajiet tipprovdi informazzjoni essenzjali għal spektrum ta’ applikazzjonijiet, u tindirizza l-ħtiġijiet ta’ numru ta’ entitajiet responsabbli f’Malta u Sqallija. Miri ewlenin jinkludu rispons aħjar għall-perikli tal-baħar bħal ngħidu aħna minn tniġġiż taż-żejt, kontroll aħjar tal-ispazju marittimu lil hinn mix-xtut u effiċjenza akbar għas-sigurtà u s-sikurezza fuq il-baħar.

Din il-parti tal-Baħar Mediterran hija waħda mill-postijiet l-aktar attivi għat-trasport bil-baħar fir-reġjun, u hija magħrufa li hija potenzjalment vulnerabbli għat-tixrid taż-żejt u perikli oħra.  Riskji bħal dawn jistgħu jiġu mnaqqsa billi jintużaw l-aħjar għodda għas-sorveljanza, monitoraġġ operattiv kontra t-theddid ta’ tniġġiż, kif ukoll il-kapaċità li twieġeb b’deċiżjonijiet infurmati f’każ ta’ emerġenza.

Dwar il-Proħett CALYPSO
Calypso ProjectCALYPSO huwa proġett ta’ sentejn, parzjalment iffinanzjat mill-UE taħt il-Programm Operattiv Italia-Malta 2007-2013. Il-proġett huwa, maħsub u koordinat mill-Prof. Aldo Drago, Kap tal-Unità għall-Oċeanografija Fiżika u d-Direttur tal-IOI-Ċentru Operazzjonali ta’ Malta tal-Università ta’ Malta (is-sieħeb ewlieni fil-proġett), bil-partecipazzjoni ta’ Transport Malta, Il-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta u l-Forzi Armati ta’ Malta – u erba’ msieħba minn Sqallija – ARPA Sicilia, IAMC-CNR Capo Granitola, Università degli Studi di Palermo u Università di Catania.  Il-konsorzju jikkonsisti f’entitajiet ta’ riċerka kif ukoll entitajiet pubbliċi b’responsabilitajiet għall-protezzjoni ċivili u ambjentali, sorveljanza, sigurtà u rispons għall-perikli.  Minbarra msieħba diretti, il-proġett iħaddan partijiet interessati bħal Legambiente, Regione Siciliana Protezione Civile u Guardia Costiera.

L-isforz ewlieni tal-proġett svolġa bl-ippjanar u l-istallazzjoni ta’ sistema permanenti u operattiva ta’ osservazzjoni tal-baħar permezz ta’ radars ta’ frekwenza għolja (HF), magħmula minn tliet CODAR SeaSondes f’Ta’ Sopu (Għawdex), f’Ta’ Barkat (Malta) u fil-Port ta’ Pozzallo (Sqallija), li kapaċi tirrekordja, permezz ta’ mapep f’ħin reali b’aġġornamenti kull siegħa, kurrenti fil-wiċċ tal-baħar fil-medda bejn Malta u Sqallija.  In-netwerk ta’ radars iħaddem l-aħħar teknoloġija biex tiġi estiża l-prestazzjoni ta’ kopertura spazjali eqreb tal-kosta Maltija bl-użu ta’ Multi-Static Data Processing Software fis-sit tar-radar f’Ta’ Barkat.  Il-kisba u l-elaborazzjoni tad-data hija mħaddma minn pjattaforma għall-ġestjoni tad-data mill-aktar avvanzata.  Il-paġna Services fuq il-portal onlajn tal-CALPYSO tipprovdi link diretta għad-data bl-internet permezz ta’ interfaces mibnija apposta.  Is-servizz huwa mmirat kemm għall-pubbliku u utenti ġenerali, billi jipprovdi sinteżi ta’ statistika taċ-ċirkulazzjoni tal-wiċċ tal-baħar fuq disa’ oqsma sekondarji fil-Kanal ta’ Malta, kif ukoll għall-professjonisti li jużawh bil-faċilitajiet biex isibu u jniżzlu d-data f’formati differenti u jagħmlu talbiet speċifiċi għall-użu tagħhom.

Permezz ta’ Grupp ta’ Ħidma apposta l-proġett fittex l-involviment dirett ta’ awtoritajiet Maltin u Sqallin responsabbli għas-sorveljanza u s-sigurtà tal-baħar.  Il-bżonnijiet tal-partijiet interessati ġew ikkunsidrati bħala linji gwida biex ir-riżultati miksuba mill-Calypso jkunu aktar t’għajnuna f’osservazzjonijiet u tbassir ta’ rutina, tal-baħar, għal rispons aħjar għall-perikli tal-baħar, għall-kontroll aħjar tal-ispazju marittimu lil hinn mill-fruntiera, u effiċjenza akbar għas-sigurtà u s-sikurezza fuq il-baħar.  Il-Grupp ta’ Ħidma serva għall-iskambju ta’ informazzjoni, prattiki u l-preparament ta’ pjan operattiv komuni għal sorveljanza kollaborattiva u interventi operattivi fil-każ ta’ inċidenti u emerġenzi bejn kontropartijiet Maltin u Sqallin.

Calypso Project

Dwar l-Unità għall-Oċeanografija Fiżika
L-Unità għall-Oċeanografija Fiżika (The Physical Oceanography Unit - PO-Unit) hija l-fergħa tar-riċerka tal-IOI - Iċ-Ċentru Operazzjonali ta’ Malta (IOI-Malta Operational Centre (IOI-MOC) stabbilit fl-Università ta’ Malta.  Il-PO-Unit tagħmel riċerka u studju tal-baħar, li tinkludi osservazzjonijiet u tbassir tal-baħar b’mod operazzjonali, analiżi u ġestjoni ta’ data speċjalizzata, u l-parteċipazzjoni fi proġetti ta’ riċerka internazzjonali. It-temi komprensivi ta’ riċerka tal-PO-Unit ikopru l-meteoroloġija, l-idroloġija kostali u l-oċeanografija fiżika bl-enfasi prinċipali fuq l-istudju esperimentali tal-idrodinamika tal-baħar fil-viċinanza tal-Gżejjer Maltin.  It-Taqsima tagħmel ħilitha b’mod ewlieni biex tippromwovi attivitajiet fl-oċeanografija operazzjonali permezz tal-istallazzjoni u l-manteniment ta’ sistemi permanenti ta’ monitoraġġ tal-baħar, u tipprovdi tbassir tat-temp/tal-baħar.  L-osservazzjonijiet jinkludu parametri atmosferiċi, il-livell tal-baħar, kurrenti u mewġ kemm f’mod diferit kif ukoll operattiv; tbassir għall-istess parametri jinħarġu kuljum għall-inħawi taċ-Ċentru tal-Mediterran u fil-viċinanzi tal-Gżejjer Maltin fuq is-sit tas-servizzi www.capemalta.net.

Italia-Malta - ERDF

 


 

Monica Beisner Tippreżenta Premju lir-Rebbieħa Zgħażagħ ta’ Kompetizzjoni

F’Awwissu tas-sena l-oħra bħala parti minn Evenings on Campus 2012, fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, fil-Belt Valletta, kien hemm wirja ta’ illustrazzjonijiet ta’ Metamorphoses ta’ Ovidju minn Monica Beisner. 

Salvu Mallia, l-artist u personalità tat-televiżjoni, kien spjega dawn il-ħrejjef meraviljużi lit-tfal li żaru l-wirja. Wara, ġiet organizzata kompetizzjoni fejn it-tfal ġew mistiedna jpinġu jew jiktbu dwar dak li raw u semgħu. Ir-rebbieħa ngħataw sena membership tal-Heritage Malta, u dan l-aħħar ingħataw, minn Monica Beisner nnifisha, kopji ta’ The Heavenly Zoo, illustrati minnha. Dr Michael Zammit, Lettur Anzjan fil-Filosofija fl-Università ta’ Malta u Ms Marcia Grima, Koordinatur ma’ Heritage Malta qassmu ċ-certifikati lir-rebbieħa.

Ir-rebbieħa qed jidhru fir-ritratt ma’ Monica Beisner.

Ovid Competition
Nikki-Lee Zammit u Monica Beisner

Ovid Competition
AlessiaTesta, Monica Beisner u KriziaTesta

 


 

Il-Malta University Press Tniedi Erba' Kotba

Il-Malta University Press nediet erba’ kotba ġodda fl-1 ta’ Lulju, 2013 fl-Aula Magna, il-Kampus tal-Belt Valletta.

Il-Professur Henry Frendo, President tal-Bord Editorjali tal-Università ta’ Malta introduċa u laqa’ lill-mistiedna preżenti waqt li elenka wħud mix-xogħlijiet ewlenin ippubblikati mill-MUP f’dawn l-aħħar ftit snin.

Ms Bernie Mizzi, il-Pro-Kanċillier tal-Università ta’ Malta li għada kemm spiċċat mill-kariga, ippresediet it-tnedija u introduċiet lill-kelliema distinti.

L-Eċċellenza Tiegħu Dr Ugo Mifsud Bonnici għamel diskors erudit dwar il-ktieb Documents in the State Archives of Palermo Part II no. 4 fis-serje Documentary Sources of Maltese History, ikkompilat u annotat mill-Professur Stanley Fiorini.

Dr Josette Attard, esperta dwar l-estetika letterarja, ippreżentat il-ktieb tal-Professur Oliver Friggieri dwar il-poeżija tal-personalità famuża tas-Seklu 19 Ġan Anton Vassallo, l-ewwel antoloġija komprensiva tax-xorta tagħha li qatt ġiet ippubblikata.

Il-Professur Maurice Cauchi, patologu u attivist fil-komunità, introduċa x-xogħol tal-Professur Savona Ventura dwar l-istorja tal-kura pprovduta lin-nisa u t-trabi tagħhom f’Malta matul is-snin, li jġib l-isem Caring for Calypso’s Daughters: A History of Maternity Care in a Central Mediterranean Island.

Migration and Asylum in Malta and the European Union: Rights and Realities 2002-2011 editjat mill-Professur Peter Xuereb kien ippreżentat mill-Professur Salvinu Busuttil u l-Imħallef Giovanni Bonello li enfasizzaw rispettivament l-aspetti soċjo-ekonomiċi u diplomatiċi, u l-implikazzjonijiet ġuridiċi u d-drittijiet tal-bniedem.

Wara kien hemm diskussjoni vivaċi bejn il-membri tal-pubbliku numeruż u l-kelliema, b’mod speċjali fejn tidħol il-kwistjoni ġenerali tal-immigrazzjoni illegali jew ‘irregolari’ tal-massa, il-kondizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati, u taħdit każwali dwar ‘ir-razziżmu’.
Is-serata tant interessanti u divertenti ġiet fi tmiemha b’riċeviment. Il-Pro-Kanċillier il-ġdid tal-Università ta’ Malta, Dr Michael Sciriha, kien preżenti u ltaqa’ b’mod informali mal-awturi, kelliema u mistednin.

Il-pubblikazzjonijiet l-aktar reċenti tal-MUP kienu għall-bejgħ bi skont mid-Distributuri tal-Kotba Sierra.


MUP launches 4 books
Il-mistednin jaraw l-aħħar kotba ppubblikati mill-Malta University Press

MUP launches 4 books
mix-xellug: Dr Josette Attard; Prof Maurice Cauchi; H.E. Dr ugo Mifsud Bonnici; Ms Bernie Mizzi; Judge Giovanni Bonello and Prof. Salvinu Busuttil

 


 

L-Alla Tal-Ħerba

Book - L-Alla Tal-Ħerba Wara s-suċċess kbir li kellha l-kummiedja ta’ Yasmina Reza, Le dieu du carnage / L-Alla tal-Ħerba, fit-Teatru San Ġakbu, il-Belt Valletta f’Novembru tas-sena l-oħra, id-Dar tal-Pubblikazzjoni FARAXA għadha kemm ħarġitha fi ktieb mill-isbaħ fis-sensiela ta’ traduzzjonijiet li issa daħlet fil-ħames waħda. Din it-traduzzjoni mill-Franċiż tal-Professur Toni Aquilina, mid-Dipartiment tal-Istudji tat-Traduzzjoni fl-Università ta’ Malta għandha sservi biex iġġedded il-memorja ta’ dawk li diġà rawha fuq il-palk imtella’ b’tant maestrija minn Lino Farrugia u l-ħafna oħrajn li baqgħu b’xiber imnieħer.

Yasmina Reza, awtur u drammaturgu, hi qabelxejn attriċi. Ix-xogħlijiet tagħha jirriflettu r-rabta bejn l-attur u l-kitba. Hekk stqarr Don Leavitt dwar dil-kittieba Franċiża ta’ fama mondjali. Id-djalogu li tikteb jaqta’ fil-laħam il-ħaj; taf x’ħila għandhom l-atturi meta jirreċtaw ir-rwoli tagħhom. Illum hija meqjusa bħala figura importanti fit-teatru ta’ tmiem is-seklu għoxrin u bidu tal-wieħed u għoxrin.

Yasmina Reza twieldet Pariġi, bint vjolinista Ungeriż u negozjant ta’ oriġini Russo-Iranjana. It-talenti tagħha xaqilbu mill-ewwel lejn il-letteratura u d-drama. Studjat it-teatru fl-Università ta’ Pariġi f’Nanterre u aktar tard għamlet kors intensiv fl-iskola tad-drama magħrufa, dik ta’ Jacques Lexoq. Bħala attriċi fi Franza Yasmina ħadmet partijiet kemm kontemporanji kif ukoll klassiċi; fl-intervalli bejn xogħol u ieħor bdiet tikteb id-drammi tagħha stess. L-ewwel dramm kien Taħdita wara Funeral fl-1987 li mill-ewwel rebaħ il-Premju Molière għall-Aħjar Awtur. Kitbet ukoll skritti għaċ-ċinema u ippublikat għadd ta’ rumanzi fl-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Amerka Latina barra sintendi fl-Ewropa. Sentejn ilu idderiġiet l-ewwel film tagħha Chicas li fih dehret l-attriċi famuża Franċiża Emmanuelle Seigner.

L-akbar suċċess madankollu Reza kisbitu bix-xogħol Art fl-1995 li ġa daħħal fuq $300 miljun barra għadd ta’ premijiet oħra fosthom tlieta Molière; għall-Aħjar Kummiedja Laurence Olivier fl-1997; u dak Tony għall-Aħjar Dramm sena wara.

Qiesu Reza ma setgħetx tagħti pass ħażin! Fl-1995 ħarġet ukoll ir-raba’ dram, Ir-Raġel Mhux Mistenni u Il-Ħajja X 3 fis-sena 2000. Dramm Spanjol deher fl-2004 waqt li l-aħħar xogħol tagħha Comment vous racontez la partie ġie ippublikat is-sena li għaddiet u se jittella’ dax-xahar t’Ottubru fid-Deutsche, Berlin.

Fl-2006 L-Alla Ħerba kisbet suċċess kbir meta ttellgħet Zurich u sentejn wara Pariġi bl-attriċi Isabelle Huppert. Maqluba għall-Ingliż minn Christopher Hampton fl-istess sena ttellgħet fuq il-palk tal-Gielgud Theatre, Londra. Fl-2011 Roman Polanski idderieġa Carnage bl-atturi magħrufa Jodie Foster u Kate Winslet. F’dil-kummiedja Reza tuża l-formula tipika tagħha: tqaxxar grupp ta’ karattri mill-klassi tan-nofs tas-soċjetà u tikxfilhom għawarhom. F’dal-każ il-farsa tirbaħ u l-ispettaturi jieħdu gost aktar.

Qabel jiftaħ is-siparju żewġt itfal, Ferdinand u Bruno, ikollhom argument sħun; Ferdinand itajjar żewġ sinniet ta’ sieħbu b’biċċa għuda. Dak in-nhar filgħaxija il-ġenituri tat-tfal jiltaqgħu biex fil-kalma jiddiskutu bil-pulit il-kwistjoni kollha. Missier Ferdinand, Alain, hu avukat, aktar fuq il-mobajl milli jargumenta filwaqt li martu, Annette, moħħha biex tiddandan bil-flus ta’ żewġha. Missier Bruno, Michel, hu kummerċjant, ommu marida. Martu, Véronique, kittieba. Aktar ma jgħaddi l-ħin aktar l-laqgħa ta’ bejniethom tiddeġenera u l-argumenti tagħhom isiru bla sens.
Il-verżjoni Maltija tradotta direttament mill-Franċiż minn Toni Aquilina tiżdied mad-35 lsien ieħor li diġà nqalbet fihom.

L-Alla tal-Ħerba jista’ jinkiseb mill-pubblikatur innifsu u minn ħwienet ewlenin f’Malta u Għawdex. Għall-aktar informazzjoni ċemplu +356 99820157 jew ibgħatu emejl.

 


 

L-Università ta’ Malta Tniedi l-Prospectus 2013/14

L-Università ta’ Malta għadha kif ippubblikatil-Prospectus 2013/14 tagħha, li jelenka l-korsijiet undergraduate li se tkun qed toffri mis-sena akkademika li ġejja.

Din il-pubblikazzjoni – li din is-sena ngħatat dehra imġedda u msebbħa – tinkludi dettalji u l-kwalifiki meħtieġa għall-korsijiet undergraduate kollha, kif ukoll lista tal-korsijiet postgraduate se jkunu offruti s-sena akkademika li jmiss. Il-pubblikazzjoni hija maħsuba biex tagħti idea ġenerali ta’ kull kors lill-istudenti prospettivi, biex ikunu f’qagħda li jieħdu deċiżjoni infurmata.

Il-pubblikazzjoni, li hija kkordinata mill-Uffiċċju tar-Reġistratur, bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet u r-Relazzjonijiet mal-Alumni, tagħti ħarsa wkoll lejn is-servizzi li jeżistu għall-istudenti kollha – kemm dawk attwali u kif ukoll dawk prospettivi. Barra minnhekk tingħata wkoll titwila lejn il-ħajja tal-istudenti meta jkunu fuq il-kampus tal-Università.

Il-Prospectus qiegħed online. Kopji stampati jistgħu jinġabru matul il-laqgħat ta’ Informazzjoni, li ser isiru fit-13 u l-14 ta’ Lulju l-Kampus t’Għawdex u fit-18 u d-19 ta’ Lulju fis-Sala Sir Temi Zammit, il-Kampus tal-Imsida. Dawk kollha interessati isegwu korsijiet l-Università  ta’ Malta jistgħu jissottomettu l-applikazzjonijiet fuq www.um.edu.mt/apply sat-23 ta’ Lulju 2013.

Dawk l-istudenti li għandhom bżonn l-għajnuna biex japplikaw online jistgħu jmorru personalment f’Gateway Building, il-Kampus fl-Imsida jew il-Kampus t’Għawdex fix-Xewkija, nhar id-19, it-22 u t-23 ta’ Lulju, san-nofs siegħa.

Għal aktar informazzjoni, żur is-sit: www.um.edu.mt/admissions.

 


 

Malta tidħol fil-finali ta’ FameLab International

FameLab logos


L-Inġinier bijomediku Dr Owen Falzon irrappreżenta lil Malta fost l-ewwel 10 pajjiżi fil-finali tal-kompetizzjoni internazzjonali ta’ FameLab li saret f’The Times Cheltenham Science Festival il-ġimgħa l-oħra. Owen ikkompeta ma’ 21 pajjiż ieħor, inklużi Hong Kong, l-Afrika t’Isfel u l-Ġermanja fis-semi-finali, li minnhom 10 kontestanti ntgħażlu għall-finali. Ix-xjentist Irlandiż dwar l-ambjent, Fergus McAuliffe, mill-University College Cork rebaħ il-FameLab International 2013 bi storja dwar iż-żrinġijiet friżati.

F’tliet minuti, Fergus McAuliffe wassal idea xjentifika kumplessa lill-membri tal-ġurija, li kien jinkludi lill-Professur Kathy Sykes mill-Università ta’ Bristol u l-ko-direttriċi tal-festival; John Worne, id-Direttur tal-Istrateġija mal-British Council u Marko Kosicek, bijokimiku fir-Ruđer Bošković Institute, fil-Kroazja, u r-rebbieħ tal-FameLab International tal-2008. Fergus rebaħ ukoll il-vot tal-udjenza. 

Fil-finali l-membri tal-ġurija u l-udjenza mal-ewwel inġibdu lejn il-preżentazzjoni ta’ Fergus meta spejga kif żring tal-bosk (Rana sylvatica) iċajpar il-linja bejn il-ħajja u l-mewt. Fit-taħdida tiegħu ddeskriva kif il-fiżjoloġija unika taż-żrinġ tal-bosk tippermettilu li jiffriża fix-xitwa u jinħall fir-rebbiegħa mingħajr ma jmut. Meta dawn il-mekkaniżmi jkunu manipulati jistgħu jgħinu eluf ta’ ħajjiet jekk ikunu applikati fuq organi umani matul it-trasportazzjoni tagħhom mid-donatur għar-riċevitur. 

It-tieni premju kien mogħti lil Andrea Gelemanović, bijoloġista molekulari mill-Università ta’ Zagreb fil-Kroazja għal preżentazzjoni tal-mistoqsija tagħha dwar kif verament nistgħu nikkunsidraw lilna nfusna umani, meta tikkunsidra li hemm għadd ta’ kilogrammi ta’ bakterja jgħixu ġewwa fina. 

Il-finali tal-FameLab International ta’ din is-sena nkludiet ir-rebbieħa mill-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Eġittu, il-Ġermanja, il-Greċja, Hong Kong, l-Iżrael, l-Italja, l-Irlanda, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Serbja, l-Afrika t'Isfel, l-Isvizzera u r-Renju Unit.

Matul il-ġranet li qattgħu f’The Times Cheltenham Science Festival il-kontestanti ta’ FameLab setgħu jiltaqaw ma’ xjentisti prominenti u preżentaturi minn madwar id-dinja fosthom rebbieħa tal-premju Nobel bħal James Watson, Peter Higgs, Matt Ridley u Alice Roberts fost ħafna oħrajn.

Il-kompetizzjoni FameLab ingħatat il-bidu tagħha minn The Times Cheltenham Science Festival. Sa mit-twaqqif tagħha fiċ-Cheltenham Science Festival fl-2004, FameLab® kibret biex saret waħda mill-aqwa kompetizzjonijet ta’ komunikazzjoni tax-xjenza. Permezz tas-sħubija mal-British Council lura fis-sena 2007, il-kompetizzjoni ħadet spinta ’l quddiem fl-isfera internazzjonali.  

F’Malta, FameLab kienet organizzata mill-British Council bl-isħubija  mal-Università ta’ Malta, ir-Research Innovation and Development Trust (RIDT), u għandha l-appoġġ ta’ Actavis, Microsoft Innovation Centre, Vodafone, it-Teatru Manoel, Malta Chamber of Scientists u l-Kavalier San Gakbu Ċentru għall-Kreatività. FameLab tgħin lix-xjentisti żgħażagħ jiksbu ħiliet utli biex jikkomunikaw ix-xogħol tagħhom ma’ udjenza li mhix tant familjari max-xjenza. Permezz ta’ hekk, ir-riċerkaturi mhux biss ibiddlu l-idea komuni u żbaljata fis-soċjetà tax-xjentist bħala persuna “stramba liebsa kowt abjad tal-laboratorju u li jagħmel affarijiet strambi”, imma wkoll jiġġustifikaw l-infieq pubbliku għar-riċerka tagħhom.   


Owen Falzon
L-Inġinier bijomediku Dr Owen Falzon qed jippreżenta l-analiżi tiegħu tas-sinjali tal-moħħ biex ikun jista’ jtejjeb il-prestazzjoni tal-brain-computers matul il-finali tal-FameLab International f’The Times Cheltenham Science Festival.

Il-vidjow ta’ Dr Owen Falzon jinsab hawn.

Għal aktar informazzjoni dwar il-kompetizzjoni, żur is-sit ta' FameLab jew ikklikkja  hawn.

Għar-ritratti kklikkja hawn.

Għall- vidjows ikklikkja hawn.

 


 

Villa Rumana, id-Dipressjoni, Ikel Nadif u l-Enigma ta’ Einstein

Think 5
Qiegħda tiġi skavata Villa Rumana fir-raħal taż-Żejtun minn arkeoloġi tal-Università ta’ Malta. Il-Villa, li ġiet skoperta fis-sittinijiet, żvelat diversi sigrieti kbar dwar il-ħajja Rumana u Punika. Il-Villa kienet ekwivalenti għal fabbrika antika taż-żejt taż-żebbuġa. Sabiex jirreżistu s-sajf, l-ilma kien jiġi miġbur b’mod fanatiku u maħżun taħt l-art, waqt li r-residenti kienu jipprattikaw ritwali reliġjużi elaborati.

L-istorja t’hawn fuq tinsab fir-rivista ta’ riċerka Think tal-Università ta’ Malta li issa tinsab għand il-librara kollha u fuq l-internet. Din il-ħarġa għandha wkoll xi pariri dwar il-karrieri minn Maltin li għamlu suċċess, u mimli ideat ġejjin mill-Università.

Riċerkaturi qegħdin jużaw vibrazzjonijiet tal-ħoss biex inaddfu l-ikel. Il-ħoss jifforma bżieżaq fl-ikel li jinfaqgħu u joqtlu l-batterji minn fuqu. Forsi taħsbu li din hija fantaxjenza iżda riċerkaturi lokali qegħdin jiżviluppaw din it-teknika sperimentali biex inaddfu l-ikel billi jużaw inqas kimiċi u jkun hemm inqas ħela.

Einstein kellu problema: il-gravità. Waqt li bla dubju ta’ xejn kien ġenju, it-teorija tiegħu tar-relattività tista’ tispjega biss il-gravità, li żżommilna saqajna mal-art, billi tintroduċi l-enerġija skura u l-materja skura. Jissejħu skuri għax ħadd qatt ma rahom. Riċerkaturi lokali qed jippruvaw isibu soluzzjonijiet li ma jeħtiġux dawn il-proprjetajiet skuri.

Diversi proġetti ffinanzjati mill-UE qed jimmonitorjaw l-ibħra Maltin. Dan l-aħħar, inbena ċentru interattiv fid-Dwejra biex jitgawda mill-familja kollha. L-ibħra ta’ Malta huma verament sbieħ u jeħtieġu l-protezzjoni.

Malta hija wkoll fost il-pajjiżi fid-dinja bl-ogħla rata ta’ densità fl-ammont ta’ karozzi. Riċerkaturi lokali qegħdin jippruvaw isibu soluzzjoni għal din il-problema. Huma qegħdin jużaw ideat innovattivi u mudelli matematiċi biex itaffu l-konġestjoni tat-traffiku fil-gżejjer tagħna. Ir-rivista tkopri wkoll riċerka ta’ studenti dwar il-protezzjoni tal-farfett il-lejl, implants aktar tajbin, u metodi ġodda kif tiġi ttrattata l-ġebla Maltija. Akkademiċi universitarji jitkellmu dwar il-programm COST għal networking ta’ riċerka u l-possibbiltà li jittella’ l-isem ta’ Malta fl-ispazju.

Think jista’ jinġabar b’xejn mingħand il-librara madwar Malta u Għawdex u l-ħwienet tal-kotba tal-Agenda, jinqara fuq Issuu, fuq bħala PDF fuq is-sit tal-Università, jiġi segwit fuq Twitter@ThinkUoM jew ‘liked’ fuq Facebook.

 


 

Is-Sitt Skola Sajf fis-Sistemi ta’ Informazzjoni Ġeografika

L-Istitut għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Università ta’ Malta b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Inġinerija Ċivili, Ambjentali u Ġeomatika tal-University College London (UCL) għandu l-pjaċir iħabbar is-Sitt Skola Sajf Internazzjonali dwar is-Sistemi ta’ Informazzjoni Ġeografika (Geographic Information Systems – GIS) bejn it-22 u s-26 ta’ Lulju 2013. L-għanijiet tal-Iskola Sajf huma li jipprovdu lill-professjonisti f’nofs il-karriera tagħhom, studenti tal-ewwel grad u gradwati bil-ħiliet neċessarji biex jużaw Informazzjoni Ġeografika f’formati diversi u kif dawn jintegraw fis-Sistemi ta’ Informazzjoni Ġeografika. Din is-sena l-Iskola Sajf se tiffoka fuq il-ħolqien u l-ġbir ta’ informazzjoni ġeografika, l-immaniġġjar u l-użu ta’ dejta fuq l-internet u f’ diversi software ta’ GIS.  Sessjonijiet prattiċi ser jikkumplimentaw is-sessjonijiet b’bażi ta’ lekċers, bil-parteċipanti jużaw il-GPS, l-Open Street Map, l-ArcGIS u software bil-kodiċi tas-sors aċċessibbli (open source software).

L-Iskola Sajf se tkun imqassma fuq perijodu ta’ ħamest ijiem u l-parteċipanti se jieħdu sehem f’lekċers u sessjonijiet prattiċi għal sitt sigħat kuljum fuq il-Kampus prinċipali tal-Imsida.  L-Iskola Sajf ma tirrekjedix li l-parteċipanti jkollhom għarfien minn qabel tal-GIS, iżda huma mistennija li jkollhom għarfien bażiku tal-kompjuter.  Din is-sena l-għalliema tal-fakultà se jkunu Dr Maria Attard (Università ta’ Malta), Dr Helena Titheridge (University College London) u Ms Thérèse Bajada (Università ta’ Malta).

Aktar informazzjoni dwar l-Iskola Sajf tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku jew direttament mill-Istitut għall-Iżvilupp Sostenibbli permezz ta’ email jew bit-telefown +356 2340 3403. Ir-reġistrazzjoni għall-Iskola Sajf hija fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel. Il-ġurnata tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija l-31 ta’ Mejju 2013.

 


 

Kors fl-Iffinanzjar tal-Kummerċ Internazzjonali

L-Universita ta' Malta ingħaqdet mal-International Factors Group (IFG) u ma' FIMBank plc sabiex tniedi Ċertifikat fl-Iffinanzjar tal-Kummerċ Internazzjonali. ll¬programm għandu l-għan li jintroduċi lill-parteċipanti fid-dinja tal-kummerċ internazzjonali, il-Ioġistika, it-'trade supply chain management', kif ukoll l-Iffinanzjar tal-Kummerċ. Dan jinkorpora wkoll il-Ġimgħa Akkademika tal-IFG, kors internazzjonali komprensiv li jintegra t¬teorija u l-prattika fil-qasam tal-'factoring' u l-finanzjament kummerċjali. Il-kurrikulu ta' sitt ġimgħat li se jsir f'Malta huwa mfassal sabiex jipprovdi firxa wiesgħa ta' kompetenzi li għandhu jippermetti liII-parteċipanti biex itejbu l-karriera tagħhom fid-dinja korporattiva.
 
Il-Professur Joseph Falzon, Kap tad-Dipartiment tax-Xjenza Bankarja u Finanzjarja, u Dekan tal-Fakulta tal-Ekonomija, Management u Accountancy fl-Universlta ta' Malta stqarr li:
"Aħna kburin li nkunu assoċjati mal-IFG u FIMBank. Dan il-programm se jipprovdi qafas sod għal dawk li jixtiequ li jsegwu l-istudji tagħhom jew ifittxu karriera fil-qasam tal-iffinanzjar tal-kummerċ. Flimkien mal-imsieħba tagħna, li se jipprovdu lecturers internazzjonali addizzjonali u bankiera speċcjalizzati fl-iffinanzjar tal-kummerċ, il-programm se joffri esperjenza edukattiva unika, kemm mil-lat teoretiku kif ukoll minn dak prattiku."

Erik Timmermans, Segretarju Ġenerali tal-IFG, ukoll jinsab entuzjazmat b'dan l-iżvilupp u ddikjara li: "L-IFG hija l-assoċjazzjoni tal-kummerċ li tirrappreżenta 160 membru f'aktar minn 60 pajjiż li jaħdmu fil-qasam tal-'factoring'. Id-deċiżjoni li l-programm akkademiku tagħna eżistenti jibda jagħmel parti integrali minn dan il-kors huwa maħsub sabiex iżid ll-valur, peress li l-parteċipanti issa se jkollhom l-għażla li jew jirreġistraw għall-Ġimgħa Akkademika tagħna jew inkella jsegwu l-programm sħiħ ta' sitt ġimgħat mqassma fuq disa' xhur, u b'hekk fiż-żewġ każi jkunu qegħdin jiksbu kwalifika akkreditata mill-Unjoni Ewropea."
Iċ-Ċertifikat fl-Iffinanzjar tal-Kummerċ Internazzjonali ġie żviluppat b'mod konġunt mill-imsieħba sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tad-dinja kummerċjali u joffru pjattaforma li minnha l-parteċipanti jistgħu jitgħallmu aktar dwar l-aspetti kollha tal-kummerċ internazzjonali, l-importazzjoni u l-esportazzjoni, il-Ioġistika kif ukoll l-iffinanzjar tal-kummerċ. L-għan prinċipali tal-kors huwa li joffri programm edukattiv kompetittiv iffukat fuq l-industrija, u li jipprovdi l-għodod meħtieġa biex jintlaħqu l-miri ta' żvilupp professjonali fl-iffinanzjar tal¬kummerċ internazzjonali. L-enfasi se tkun fuq l-aspett prattiku, b'analizi ta' xenarji reali mid-dinja tal-kummerċ internazzjonali. Il-kors se jsir fil-Kampus tal-Universita fl-Imsida u fil¬Belt Valletta, u huwa mistenni li jattira numru sinifikanti ta' studenti internazzjonali. Dan il¬programm ta' taħriġ li se jkun provdut mill-Fond tar-Riċerka, Innovazzjoni u Żvilupp tal¬Universita (RIDT) bi-appoġġ finanzjarju ta' FIMBank.

Il-President ta' FIMBank, Margrith LOtschg-Emmenegger, temmen li: "Dan huwa l-ewwel pass fi proċess twil, peress li l-ambizzjoni tagħna hi li naraw dan iċ-ċertifikat jiżviluppa f'diploma, sussegwentement fI/degree' u eventwalment f'MBA." Is-Sinjura LOtschg-Emmenegger spjegat kif l-opportunitajiet ta' karriera fil-kummerċ internazzjonali jkomplu jikbru anki matul perjodi ta' tnaqqis ekonomiku u varjazzjonijiet fiċ-ċiklu tan-negozju. Hija ddikjarat li: "Hemm it-tendenza lid-domanda għall-professjonisti kapaċi u ta' esperjenza fil-qasam tal-iffinanzjar tal-kummerċ tibqa' waħda għolja. FIMBank huwa kburi ħafna li qiegħed jappoġġja dan il-prograrnrn u li qiegħed jippromwovi lil Malta bħala ċentru finanzjarju internazzjonali, kif ukoll bħala ċentru ta' eċċellenza fl-iffinanzjar tal-kummerċ."

Applikazzjonlilet għall-Programm ta' Ċertifikat fl-Iffinanzjar tal-Kummerċ Internazzjonali qegħdin jiġu aċċettati bħalissa. Għal aktar informazzjoni żur www.ifgroup.com jew www.um.edu.mt.

Fimbank - RIDT

 


 

Insetti, Nies aktar f’Saħħithom, Mapep 3D u Djamanti

Manhattan, Chicago u San Francisco jinsabu fuq mapep 3D sbieħ ħafna, u issa Malta wkoll ingħaqdet magħhom. Dr Saviour Formosa kkoordina proġett ta’ €4.4 miljun iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali biex jiżviluppa mappa ta’ Malta bħal ma qatt kien hawn qabel, li se tkun aċċessibbli f’Ġunju li ġej. Il-proġett jista’ jgħin lil Malta tiżviluppa pjanijiet aħjar ta’ għajnuna f’xi diżastru biex jiġu salvati l-ħajjiet.

Din l-istorja tinsab fir-rivista ta’ riċerka Think tal-Università ta’ Malta, li issa tinsab għand il-librara kollha. Stejjer oħra jittrattaw kif gradwati tal-Università qed jeċċellaw fil-Baħrajn, u kif idea espressa f’mitt kelma tista’ tbiddel lil Malta.

Riċerkaturi qed jippruvaw ukoll iwieġbu: kif tista’ l-ekonomija tagħmilna iżjed f’saħħitna u iżjed ferħanin? Qasam ġdid fl-ekonomija, li qed jaqleb l-ipotesi tan-nies ta’ taħt fuq, qed jipprova jifhem kif in-nies jagħmlu l-għażliet tagħhom.  Permezz tal-użu ta’ din l-informazzjoni biex terġa’ tinbena l-fiduċja tal-konsumatur, iċ-ċittadini għandhom jonfqu b’mod iżjed responsabbli li jgħin jittaffew kriżijiet finanzjarji futuri u jista’ jkun tissolva l-epidemija tal-ħxuna żejda.

Lokalment, il-biċċa l-kbira tan-nies jitkellmu bil-Malti u bl-Ingliż. Fil-passat kien hemm il-biża’ li l-bilingwiżmu seta’ jikkonfondi lit-tfal u li ma jkunux jitkellmu tajjeb. Evidenza enormi qed turi kif il-bilingwiżmu jista’ jkun qed jagħti vantaġġ lit-tfal tagħna għall-kumplament ta’ ħajjithom.

Akkademiċi tal-Università jitkellmu dwar l-isfidi fl-IVF, biex ikomplu d-diskussjoni minn ħarġiet preċedenti, filwaqt li oħrajn jiddiskutu servizzi ġodda li n-nisa jeħtieġu biex jikkompetu b’mod ġust fid-dinja tal-akkademiċi. Mill-banda l-oħra, studenti qed jirriċerkaw il-monitoraġġ tat-terremoti fix-Xemxija, u kif id-djamanti jistgħu jintużaw fil-kompjuters.

Ir-rivista tinkludi wkoll riċerka lokali dwar l-insetti. Uħud huma maħbubin filwaqt li oħrajn, bħan-nemusa Asian Tiger, ibeżżgħu. Huwa possibbli li ’l fuq minn 6,000 speċi ta’ insetti jgħixu f’Malta.  

Think jista’ jinġabar b’xejn mingħand il-librara madwar Malta u Għawdex u l-ħwienet tal-kotba tal-Agenda, jinqara fuq is-sit elettroniku, jiġi segwit fuq Twitter @ThinkUoM jew ‘liked’ fuq Facebook.

Think 3

 


 

Ġenerazzjoni Ġdida ta’ Komunikaturi tax-Xjenza

FameLab Malta tinkuraġġixxi ġenerazzjoni ġdida ta’ komunikaturi tax-xjenza

Għall-ewwel darba, Malta ser tingħaqad ma’ FameLab, kompetizzjoni internazzjonali li tinvolvi ’l fuq minn 20 pajjiż fl-Ewropa, l-Asja, l-Afrika ta’ Fuq fit-tfitxija tal-aqwa komunikatur tax-xjenza li jmiss. FameLab toffri lir-riċerkaturi żgħażagħ u lix-xjentisti li għadhom jibdew il-karriera tagħhom opportunità biex jesebixxu l-ħiliet tagħhom.

L-istudenti, l-edukaturi u r-riċerkaturi fil-qasam tax-xjenza, speċjalment dawk li għandhom għal qalbhom ix-xjenza u jridu jikkomunikaw l-entużjażmu tagħhom dwar is-suġġett lill-pubbliku, huma mistiedna biex jirreġistraw permezz ta’ email. FameLab tirsisti biex tesponi individwi b’kariżma ħalli jinjettaw l-entużjażmu tagħhom f’suġġetti relatati max-xjenza u jikkomunikaw ix-xjenza ma’ udjenza aktar wiesgħa.    

FameLab għandha l-għan li tiskopri u tniedi xjentisti u inġiniera li huma entużjasti u promettenti biex jispiraw lin-nies ħalli jaraw id-dinja xjentifika minn perspettiva ġdida, friska u iktar mill-qrib. Din il-kompetizzjoni rat il-bidu tagħha minn The Times  Cheltenham Science Festival. Ir-rebbieħ tas-sena l-oħra qed jintwera fuq is-sit elettroniku.

Il-kontestanti għandhom jippreparaw żewġ taħdidiet ta’ tliet minuti l-waħda dwar il-kunċett xjentifiku favorit tagħhom u jippreżentaw dawn it-taħdidiet b’mod divertenti. Is-suġġetti relatati max-xjenza jistgħu jinkludu oqsma mill-inġinerija, mediċina, dentistrija, xjenza relatata mal-mediċina, xjenza tal-kompjuter, u oqsma oħra simili relatati max-xjenza. Wieħed jista’ wkoll jibgħat imejl lill-organizzaturi biex jaċċerta ruħu dwar is-suġġett magħżul. 

FameLab Malta qed tħares ’il quddiem biex tisma’ dwar l-iktar fatti xjentifiċi affaxxinanti sal-iktar fatti strambi li hemm. Kollox, minn kompjuters li jiġġeneraw mużika klassika li tħabbatha ma’ dik ta’ Mozart, sa polimers li jistgħu jintużaw biex jagħtu stil lill-partiċelli manjetiċi ħalli jsiru ikar attraenti għaċ-ċelloli.

Il-provi ser isiru fil-Kamra tal-Mużika fil-Kavallier ta’ San Ġakbu is-Sibt 6 ta’ April 2013 bejn l-10:00 u t-15:00. Persuni li huma ’l fuq minn 18-il sena jistgħu jirreġistraw bil-quddiem jew imorru hemm dakinhar stess. Il-ġurija tinkludu lill-ekoloġista Dott Sandro Lanfranco, il-kittieb Malcolm Galea u l-inġinier Dott Inġ John C. Betts. Kull membru tal-ġurija ser jevalwa l-preżentazzjonijiet finali fuq tliet kwalitajiet ewlenin: kontenut u preċiżjoni xjentifika, ċarezza tal-komunikazzjoni, u kariżma. 

FameLab twaqqfet fl-2005 miċ-Cheltenham Festivals biex issib u trawwem xjentisti u inġiniera li għandhom talent biex jikkomunikaw mal-pubbliku. Permezz ta’ sħubija mal-Kunsill Brittanniku, mill-2007 lil hawn FameLab saret avveniment globali b’kompetizzjonijiet li jsiru f’20 pajjiż madwar l-Ewropa, l-Asja, l-Afrika u l-Istati Uniti. 

L-ewwel kompetizzjoni ta’ FameLab Malta hi organizzata bi sħubija mal-British Council, l-Universita’ ta’ Malta, Research Innovation and Development Trust (RIDT), u għandha l-appoġġ ta’ Actavis, Microsoft Innovation Centre, Vodafone, it-Teatru Manoel, Malta Chamber of Scientists u Il-Kavalier San Gakbu Centru għall-Kreativita’.

L-Università ta' Malta qed tħeġġeġ lil studenti li jistudjaw suġġetti relatati max-xjenza, xjentisti żgħażagħ, inginiera, u teknoloġisti biex jieħdu sehem u juru il-kapaċità u t-talenti tagħhom f’taħdita pubblika. Il-komunikaturi żgħażagħ jistgħu jkunu strumentali biex juru kif suġġetti xjentifiċi jistgħu jkunu ppreżentati fil-pubbliku, b’mod li dawn is-suġġetti ikunu aktar faċli u jinftehmu tajjeb.

L-inizzjattiva ta’ FameLab Malta hi fl-istess direzzjoni ta' dik tar-RIDT, għax tenfasizza l-valur u l-bżonn tax-xjenza u r-riċerka. RIDT qed jaħdem biex kull ma jmur jiżdied l-appoġġ għal attivitajiet ta’ riċerka u biex isib aktar fondi ħalli jespandi l-istudji ta’ riċerka fl-Università.

Il-finalisti minn Malta jingħataw l-opportunità li jieħdu sehem f’master class nhar is-Sibt 27 u l-Ħadd 28 ta’ April ma’ Malcolm Love, espert tal-midja u komunikazzjoni li ħadem mal-BBC. Hu se jiġi Malta apposta minn FameLab UK biex jgħin lill-finalisti minn Malta, jagħtihom pariri prattiċi, u jassigura li jkollhom l-aqwa ċans biex jikkompetu fil-finali ta’ FameLab Malta f’Mejju 2013.  Ir-rebbieħ tal-finali f’pajjiżna jirbaħ vjaġġ komplut biex jikkompeti u jirrappreżenta lil Malta f’Cheltenham Science Festival li ser isir bejn l-4 u 9 ta’ Ġunju 2013.

Dawk li fil-passat rebħu l-kompetizzjoni FameLab żaru diversi pajjiżi madwar id-dinja, ħadu sehem f’festivals u fi programmi fuq it-TV u r-radju. Ħafna minnhom irnexxielhom ukoll jgħaqqdu dawn l-attivitajiet pubbliċi tagħhom mar-riċerka li jkunu qed jagħmlu.  Il-finalisti kollha jsiru parti min-network mondjali ta’ komunikaturi tax-xjenza.

Għal aktar tagħrif dwar parteċipazzjoni, wieħed jista’ jibgħat email inkella jżur is-sit elettroniku jew il-paġna Facebook

Didac Carmona
Il-biochemist Didac Carmona, riċerkatur fl-Awstrija, kien ir-rebbieħ tal-FameLab International 2012. Drittijiet fotografiċi FameLab International

Għal iktar tagħrif dwar FameLab
Is-Sa Ingrid Eomois
Tel: +356 21 226377
Email

Mistoqsijiet mill-Midja
Is-Sur Carmel Bonello
Tel: +356 21 243211
Email

Dwar FameLab
FameLab twaqqfet fl-2005 miċ-Cheltenham Festivals bi sħubija ma’ NESTA ħalli tiskopri u trawwem xjentisti u inġiniera li għandhom talent li jikkomunikaw mal-udjenzi. Sa mill-2007, permezz ta’ sħubija mal-Kunsill Brittanniku, FameLab saret waħda globali, b’kompetizzjonijiet li issa jsiru f’20 pajjiż madwar l-Ewropa, l-Asja, l-Afrika u l-Istati Uniti. Globalment, iktar minn 4,500 riċerkatur ħadu sehem. Ir-riżultat jissarraf f’netwerk vibranti ta’ xjentisti u inġiniera li jattiraw udjenzi internazzjonali kif ukoll billi jiddiskutu bejn xulxin dwar dak li jfisser taħdem fil-qasam tax-xjenza llum. Fl-2013, il-kompetizzjoni tal-Ingilterra qed tkun appoġġjata minn EDF Energy.

 


 

Kors fil-Bioloġija tal-Baħar

Id-Dipartment tal-Bioloġija fi ħdan il-Fakultà tax-Xjenza ser joffri il-kors,
'An Introduction to Marine Biology'. Il-kors, li huwa miftuħ ukoll għall-pubbliku, ser isir bejn l-20 ta' Marzu u l-25 ta' Mejju.

Għal aktar dettalji kklikkja hawn jew ikkuntattja:
Is-Sa Michaela Stivala
Id-Dipartment tal-Bioloġija
L-Università of Malta
Tel.: +356 2340 2272
Email


 


 

Ftehim għal Rabtiet Eqreb bejn l-Universitajiet ta’ Malta u tal-Kolumbja

Il-Konslu Ġenerali żżur l-Università ta’ Malta

Il-Konslu Ġenerali tal-Kolumbja, Ms Maria Mercedes Carrasquilla Barrera dan l-aħħar żaret il-laboratorji tad-Dipartiment tal-Inġinerija tal-Metallurġija u l-Materjali fl-Università ta' Malta. 

Hija ttieħdet iżżur il-laboratorji li huma mgħammra sew bil-makkinarju u l-attrezzatura li ġew iffinanzjati mis-seba' protokoll ta' ftehim Italo-Maltese, u aktar reċentament, mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali permezz tal-proġett, 'Developing an Interdisciplinary Material Testing and Rapid Prototyping R&D Facility.'

Matul iż-żjara l-Konslu Ġenerali ltaqgħet mad-Dekan, Dr Ing. John C. Betts, il-membri akkademiċi tal-istaff, studenti tal-ewwel grad u riċerkaturi. Saret referenza għar-rabtiet mill-qrib bejn id-dipartiment u l-industrija u s-servizzi offruti biex jappoġġjaw lil din tal-aħħar. 

Din iż-żjara seħħet bis-saħħa ta' memorandum ta' ftehim iffirmat bejn l-Università ta' Malta u l-Universidad del Rosario, Bogotá, il-Kolumbja.  Dan il-ftehim jippromwovi r-riċerka kollaborattiva u l-iskambju ta’ studenti u staff bejn iż-żewġ universitajiet. Bħala riżultat dirett ta' dan il-ftehim, Dr Joseph Buhagiar se jkun qed jagħti lekċers fl-Universidad del Rosario fil-qasam tal-biomaterjali.

Consul General of Colombia visits the University of Malta
Ir-ritratt juri mix-xellug lil: Ms María Mercedes Carrasquilla Barrera (Il-Konslu Ġenerali tal-Kolumbja, f’Ruma), Dr Joseph Buhagiar (Lekċerer fl-Inġinerija) u Dr John Betts (Dekan – Fakultà tal-Inġinerija) fil-laboratorju ffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali permezz tal-proġett, 'Developing an Interdisciplinary Material Testing and Rapid Prototyping R&D Facility'.

 


 

L-Inawgurazzjoni tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà

Nhar il-Ġimgħa filgħaxija ġiet inawgurata l-14-il fakultà tal-Università ta’ Malta – Il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà.  It-twaqqif ta’ din il-Fakultà ġabret flimkien numru ta’ entitajiet tal-Università diġà eżistenti u wħud li nħolqu dan l-aħħar.  Dawn kollha jindirizzaw aspetti diversi ta’ ‘tisħiħ tas-soċjetà’.

Il-Fakultà ġdida, li ġiet stabbilita mill-Kunsill tal-Università f’Lulju 2012, tinkludi d-Dipartimenti tal-Counselling, tal-Kriminoloġija, tal-Istudju tal-Familja, tal-Psikoloġija, tal-Politika Soċjali u l-Ħidma Soċjali, tal-Istudju taż-Żgħażagħ u l-Komunità, u l-Unità  tal-Istudju tad-Diżabilità.  Dawn joffru firxa wiesgħa ta’ korsijiet ta’ diploma, u korsijiet tal-ewwel grad u ta’ wara l-ewwel grad.  Jiġu wkoll organizzati b’mod regolari seminars u konferenzi li jservu bħala opportunitajiet eċċellenti għall-iżvilupp professjonali kontinwu ta’ min jaħdem fis-settur soċjali.  

Numru ta’ membri tal-istaff tal-Fakultà jikkontribwixxu għal proġetti ta’ riċerka f’livelli nazzjonali u internazzjonali u wħud minnhom huma studjużi li ppubblikaw ħafna xogħlijiet fil-qasam ta’ speċjalizzazzjoni tagħhom.  Minbarra hekk, ħafna mill-membri tal-istaff jimpenjaw ruħhom fil-komunità permezz tal-kontribuzzjoni tagħhom lill-bordijiet u kumitati tal-gvern, organizzazzjonijiet mhux governattivi u assoċjazzjonijiet professjonali.

Dr Maureen Cole hija d-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà.

Faculty for Social Wellbeing
Fir-ritratt jidhru mix-xellug għal-lemin Ms Maria Victoria Gauci, Koordinatriċi, Unità tal-Istudju tad-Diżabilità, Dr Dione Mifsud, Kap, Dipartiment tal-Counselling, Prof Carmel Cefai, Kap, Dipartiment tal-Psikoloġija, Dr Maureen Cole, Dekan u Kap, Dipartiment tal-Politika Soċjali u l-Ħidma Soċjali, Ir-Rettur, Il-Prof Juanito Camilleri, Prof Angela Abela, Kap, Dipartiment tal-Istudju tal-Familja, Dr Jacqueline Azzopardi, Kap, Dipartiment tal-Kriminoloġija u Dr Albert Bell, Kap, Dipartiment tal-Istudju taż-żgħażagħ u l-Komunità.

 


 

Il-Prim Ministru żar ukoll il-Bini tal-Fakultà tal-ICT li wasal biex jitlesta

         erdf

Wara l-inawgurazzjoni tal-Bini għas-Servizzi tal-IT, il-Prim Ministru żar ukoll sezzjoni tal-bini tal-Fakultà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (Faculty of Information and Communication Technology – ICT) li issa wasal biex jitlesta.  Dan il-Proġett ERDF 017 li jiswa 17-il miljun Euro huwa parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Programm tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2007-2013, b’rata ta’ ko-finanzjament ta’ 85% Fondi tal-Unjoni Ewropea, 15% Fondi Nazzjonali.

Il-bini jikkonsisti f’sottostruttura tal-konkrit bl-istruttura ta’ fuq imdawra bl-azzar.  Il-kisja ta’ barra tikkonsisti fil-biċċa l-kbira tagħha f’faċċata li hi mimlija b’gass inert maħduma b’inġinerija speċjali u ttrattata biex tnaqqas iż-żieda tas-sħana solari waqt li ma tikkompromettix it-trażmissjoni tad-dawl fil-kmamar.

Il-bini m’għandux twieqi li jinfetħu imma huwa kklimatizzat permezz ta’ Building Management System (BMS) avvanzata.  Il-kondizzjonijiet klimatiċi interni, bħat-temperatura, l-introduzzjoni ta’ arja friska u l-estrazzjoni se jkunu kollha kkontrollati minn sistema awtomatizzata. Ġew installati wkoll unitajiet ta’ rkupru tas-sħana f’postijiet ewlenin, b’tali mod li l-arja friska introdotta fil-bini tkun ikkondizzjonata minn qabel mill-arja estratta, bir-riżultat ta’ aktar effiċjenza b’mod ġenerali.  Il-kmamar se jkunu mgħammra b’apparat li jinduna bil-preżenza sabiex jintfew id-dwal u sistemi ta’ arja kkondizzjonata b’mod awtomatiku jekk il-kamra tiżvojta.  Il-parkeġġ taħt l-art se jkun immonitorjat u l-arja ċċirkolata b’mod awtomatiku.  Huwa maħsub li din is-sistema ċentralizzata ta’ klimatizzazzjoni, flimkien mal-użu tal-iżjed materjali avvanzati għall-faċċata ta’ barra, se jnaqqsu b’mod konsiderevoli l-bżonnijiet tal-enerġija ta’ dan il-bini u b’hekk jgħinu biex jitnaqqas l-impatt ambjentali li toħloq iż-żieda ta’ bini ieħor fuq il-kampus. 

B’mod ġenerali, is-sistemi tal-arja kkondizzjonata huma tat-tip VRF b’kompressuri inverter driven sabiex titjieb l-effiċjenza tal-operazzjoni taħt kondizzjonijiet ta’ tagħbija parzjali.

Għalkemm il-bini għandu s-sub-station tal-elettriku esklussiv għalih biex jiżgura provvista stabbli ta’ enerġija, huwa wkoll mgħammar b’ġeneratur ta’ riserva għall-provvista ta’ enerġija f’emerġenza u se jkun tajjeb biex iħaddem id-domanda meħtieġa. 

Karatteristika oħra tal-bini hija l-ġbir tal-ilma tax-xita tiegħu stess.  Anke fil-każ li tkun sospiża l-provvista tal-ilma, il-bini jista’ jiddependi fuq il-ġibjun kbir tal-ilma li għandu taħt l-art .  Dan il-ġibjun se jintuża biex jipprovdi ilma ta’ kwalità inqas tajba fil-flushings, jipprovdi l-ilma għat-tisqija kif ukoll għal sistemi tat-tifi tan-nar.

It-tip ta’ tagħmir tad-dwal se jvarja skont l-applikazzjoni u l-post, iżda b’mod ġenerali kollha se jipprovdu lumen għoli ta’ enerġija għal kull watt u għalhekk huma effiċjenti f’termini ta’ enerġija.

Il-bini huwa mgħammar b’arranġament ta’ PV fuq il-bejt li kollha jservu għan doppju - li jipprovdu d-dell lill-bejt, u b’hekk inaqqas l-assorbiment tas-sħana mill-bini u wkoll jiġġenera l-enerġija għall-użu dirett mill-bini.

Il-bini huwa mgħammar ukoll b’sistemi ta’ sigurtà li jinkludu sistema li tagħraf il-preżenza ta’ nar, sistema għat-tifi tan-nar (b’gass inert għat-trażżin tan-nar fil-kmamar tas-server), CCTV u kontroll ta’ aċċess.

L-istruttura nnifisha hija kostruzzjoni ta’ erba’ sulari li b’kollox toffri spazju ta’ bejn wieħed u ieħor 6700 metru kwadru, ikkonfigurat bħala żewġ blokok li jinfdu permezz ta’ entratura ċentrali b’diversi sulari, lobby, tromba tat-taraġ, u l-ispazju fejn hemm il-lift, b’parkeġġ taħt l-art għal aktar minn 80 vettura li tasal għalih permezz ta’ rampa. 

Ingħatat attenzjoni għall-iskyline ġenerali tal-Kampus tal-Università fl-Imsida.  L-art imżerżqa li ddawwar il-bini naqqset l-impatt viżwali fuq il-binjiet tal-Università tal-madwar.  Il-partijiet diversi fil-bini l-ġdid se jinkludu laboratorji għat-tagħlim, kmamar għar-riċerka, kmamar għat-tutorials, postijiet fejn jistudjaw studenti tal-ewwel grad, kmamar għal studenti ta’ wara l-ewwel grad, laboratorji għar-riċerka, u aktar.

ICT Building
 

 


 

Il-Prim Ministru Jinawgura l-Bini għas-Servizzi tal-IT fl-Università

 

         erdf

Il-Prim Ministru Jinawgura l-Bini għas-Servizzi tal-IT fl-Università

Il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi llum inawgura l-Bini għas-Servizzi tal-IT fl-Università ta’ Malta.  Il-proġett ERDF 064 ta’ €8 miljun huwa parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Programm tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2007-2013, b’rata ta’ ko-finanzjament ta’ 85% Fondi tal-Unjoni Ewropea, 15% Fondi Nazzjonali.

Wara li kixef plakka kommemorattiva, il-Prim Ministru żar il-bini li hu mifrux fuq spazju ta’ 4,000 metru kwadru u jinkorpora faċilitajiet tal-IT mill-iżjed moderni għall-istudenti u l-istaff tal-Università.

Il-faċilitajiet li jinsabu f’dan il-bini jinkludu: faċilitajiet estensivi ta’ videoconference bil-possibbiltà li jingħaqdu sa 12-il sit differenti fl-istess ħin f’Malta, Għawdex u barra l-pajjiż, għal lekċers tal-Università u konferenzi; iċ-Ċentru Prinċipali tad-Data tal-Università li jipprovdi ambjent sikur u affidabbli ħafna għas-servers tal-attività prinċipali tal-Università, kif ukoll għal servers oħra ta’ riċerka u clusters ta’ superkompjuters; spazji ta’ tagħlim b’aċċess miftuħ li nstabu li huma popolari ħafna mal-istudenti kemm għal riċerka individwali kif ukoll għal xogħol kollaborattiv; 5 kmamar tat-taħriġ mgħammra bil-kompjuters li jintużaw  ħafna mid-dipartimenti kollha tal-Università għal lekċers u seminars; u servizz ta’ għajnuna tal-IT (IT Help Desk) għall-istudenti u l-istaff kollha tal-Università.

Permezz tal-konsolidazzjoni tas-servers u l-użu tat-teknoloġija tal-virtwalizzazzjoni, l-Università ffrankat fl-ispiża permezz tal-użu aktar effiċjenti ta’ hardware, aktar ħin ta’ funzjonament u aġilità biex tipprovdi servizzi ġodda.

Id-disinn tal-bini jinkorpora miżuri li jiffrankaw l-enerġija, li jinkludu t-tisħin tal-ilma permezz tal-enerġija solari u Building Management System (BMS) li jimmonitorja, jikkontrolla u jitfi l-użu mhux meħtieġ ta’ tagħmir u sistemi, bħal dawl u impjanti ta’ arja kkondizzjonata.
 
Il-proġett inkluda wkoll l-installazzjoni ta’ single-mode optical fibre ta’ 7km li jgħaqqad ic-Ċentru tad-Data ma’ ’l fuq minn erbgħin binja prinċipali tal-Università fuq il-kampus.  In-Netwerk tal-Kampus tal-Università mbagħad huwa kkonnettjat mal-GÉANT, in-netwerk  pan-Ewropea tar-riċerka u l-edukazzjoni, permezz ta’ link ta’ 2.5Gbps, li tiflaħ applikazzjonijiet ta’ bandwidth għolja f’ħin reali.

Iktar informazzjoni dwar il-Proġett tal-Bini għas-Servizzi tal-IT mill-Unjoni Ewropea tista’ tinsab fuq:
www.um.edu.mt/itservices/projects/building


IT Services Inauguration

Dwar is-Servizzi tal-IT

Is-Servizzi tal-IT tal-Università ta’ Malta għandhom l-irwol prinċipali li jappoġġjaw b’mod proattiv it-tagħlim, ir-riċerka u l-attivitajiet relatati tal-Università permezz tal-użu kkoordinat, effiċjenti u effettiv ta’ teknoloġiji ta’ informazzjoni u komunikazzjoni.

Is-Servizzi tal-IT jimmaniġġjaw l-infrastruttura tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni u joffru firxa ta’ faċilitajiet u servizzi biex jgħinu lill-membri tal-istaff u lill-istudenti bil-ħtiġijiet tagħhom relatati mal-IT.  Permezz tal-irwol tagħhom bħala n-Netwerk Nazzjonali għar-Riċerka u l-Edukazzjoni għal Malta, is-Servizzi tal-IT jipprovdu aċċess għall-GÉANT in-netwerk pan-Ewropew għall-istituzzjonijiet lokali għar-riċerka u l-edukazzjoni.  Is-Servizzi tal-IT jipprovdu wkoll għajnuna operattiva u teknika lill-NIC (Malta) li hija responsabbli għad-dominju tal-ogħla livell tal-Internet għal Malta, .MT

Aktar informazzjoni dwar is-Servizzi tal-IT tista’ tinsab fuq:
www.um.edu.mt/itservices.
 

 


 

Iż-Żoni Marittimi Protetti

Iż-żoni marittimi protetti: bidla minn perspettiva lokali għal waħda reġjunali

Huwa fatt magħruf li ż-żoni marittimi protetti tal-Mediterran qed jiġu mhedda kemm lokalment kif ukoll fuq skala reġjunali. Dan jaqblu dwaru ħafna riċerkaturi fil-qasam xjentifiku u dak marittimu. 
CoCoNet logo
Sa ftit snin ilu, studji xjentifiċi f'dan il-qasam kienu jiffukaw biss fuq żoni marittimi protetti li kienu jiġu studjati kull waħda għaliha. Dan l-aħħar, iżda, l-attenzjoni inbidlet minn stjudji fuq żona marittima waħda, għal studju kollettiv fejn iż-żoni kollha ta' pajjiż wieħed jiġu analiżżati daqs li kieku jiffurmaw 'katina' flimkien, u hekk l-aspett ta’ kif kull żona tiddipendi fuq l-oħrajn jkun evalwat ukoll.

Nafu iżda, li n-natura m'għandiex fruntieri bejn pajjiż u iehor, u għalhekk mhux biżżejjed li jsir studju fuq il-'katina' ffurmata miż-żoni ta' pajjiż wieħed, iżda hemm bżonn li naqilbu minn studji nazzjonali għal dawk tar-regjun kollu, fejn il-ħafna "ktajjen" f'pajjiżi differenti jingħaqdu f''katina' waħda kbira li twassal għal protezzjoni iktar effettiva tal-bijodiversità marittima.

Huwa f'dan il-kuntest li tnieda l-proġett CoCoNet 'Towards COast to COast NETworks of marine protected areas - from the shore to the high and deep sea - coupled with sea-based wind energy potential'. L-użu ta' finanzjament mis-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u Żvilupp (FP7) tal-Unjoni Ewropeja għandu jgħin sabiex il-komunità xjentifika tiltaqa', taqsam l-informazzjoni, u tipprovdi dettalji sabiex jiġu stabbiliti liema huma l-'ktajjen' ta' żoni marittimi protetti fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed. L-għan aħħari ta' dan il-programm ta' riċerka jibqa' dak li tiġi mħarsa l-bijodiversità marittima.

Primarjament, dan il-proġett għandu jgħin sabiex dawn il-'ktajjen' ta' żoni protetti jiġu magħżula u mħarsa. Il-proġett iżda għandu għan ieħor; dak li jfittex għall-inħawi fejn ikun possibli li 'l quddiem jinbnew xi mtieħen tar-rih fil-baħar Mediterran jew il-Baħar l-Iswed. CoCoNet jieħu xejra differenti minn dik li normalment nisimgħu biha; dan il-proġett jara l-imtieħen tar-riħ fil-baħar bħala wieħed mill-mezzi li jistgħu jintużaw biex jipproteġu ambjenti marittimi b'valur partikolari, minflok ma jara l-imtieħen bhala xi haga li taghmel ħsara biss lill-ambjent. 

Il-proġett CoCoNet inbeda fi Frar 2012 u huwa kollaborazzjoni bejn 39 istituzzjoni minn 22 pajjiż Ewropew jew Mediterran. L-Università ta' Malta hija waħda minn dawn l-istituzzjonijiet u qed tiġi rrappreżentata mid-Dipartiment tal-Bijoloġija. 

F'dawn l-aħħar xhur, il-grupp Malti ħa sehem fil-fażi inizzjali tal-proġett li kienet iffukata fuq is-sintesi tal-informazzjoni li diġà teżisti u li tista' possibilment tintuża biex jitwaqqfu dawn il-'ktajjen' ta' żoni marittimi protetti msemmija. Dan kien jinvolvi fost oħrajn, il-parteċipazzjoni f'diversi workshops, uħud minnhom barra minn Malta. L-ewwel wieħed kien dwar l-iskemi għall-klassifikazzjoni tal-ambjenti marittimi, ieħor kien dwar il-ġenetika u l-konnettività fil-Mediterran, ieħor dwar it-tixrid tal-ispeċi marittimi fil-Mediterran, wieħed dwar il-prattiċi wżati fit-twaqqif u l-ħarsien taż-żoni protetti eżistenti, u ieħor dwar il-bidla fl-ambjent.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista' jkellem lil Prof. Patrick J. Schembri mid-Dipartiment tal-Bijoloġija tal-Università ta' Malta jew iżur is-sit tal-Università ta' Malta jew is-sit tal-Proġett.

CoCoNet (acronym for 'Towards COast to COast NETworks of marine protected areas -from the shore to the high and deep sea - coupled with sea-based wind energy potential') is a research project funded under the European Union’s Seventh Framework Programme, which aims at addressing the need for the scientific community to come together, synthesise existing knowledge, and provide clear information that will enable the  establishment of a 'network of networks' of MPAs in the Mediterranean and Black Sea with a coordinated policy of marine protection. The project primarily seeks to produce guidelines for the design, management and monitoring of a network of MPAs in these basins, but will also explore locations where offshore wind farms (OWFs) might be established within this network. CoCoNet is innovative since it looks at OWFs as potentially useful to protect habitats that are considered valuable because of the biodiversity they encompass, rather than being detrimental to their conservation.

CoCoNet was initiated in February 2012 and comprises 39 partner institutions from 22 European, Mediterranean and Black Sea countries, including the University of Malta, which is represented by the Department of Biology.

During the past months, the Maltese team has been actively involved in the initial phase of the project, which is focused on synthesising existing knowledge relevant to the setting up and management of MPA networks. This included participation in several workshops, the first of which dealt with habitat classification schemes in common use and with an assessment of their applicability to the Mediterranean and Black Sea regions. The Maltese team also participated in three other workshops, one on genetic connectivity within the Mediterranean and Black Sea, a second focusing on patterns of distribution of species assemblages and beta-diversity, and a third on methodologies used to manage MPAs, best practices and drivers of change.

In the coming weeks, the Maltese team will be participating in further CoCoNet activities, including a workshop on best practices for the management of MPAs, network monitoring and management effectiveness, the investigation of scenarios of environmental change, and a workshop on the current state of knowledge on changes in the main physical, chemical, biological and geological parameters in the Mediterranean and Black Sea. These will be followed by the first annual meeting which will be held in January 2013.

For more information, contact Professor Patrick J. Schembri at the Department of Biology, University of Malta or visit the University of Malta website or the CoCoNET website.

CoCoNet

 


 

Ħames Skejjel tas-Sajf Internazzjonali offruti f’Ġunju li ġej

Ir-Rettur tal-Università ta' Malta, il-Professur Juanito Camilleri, ħabbar li l-Università se tkun qed toffri ħames skejjel tas-sajf f'Ġunju ta' din is-sena.  Professuri magħrufa Maltin kif ukoll professuri distinti mill-Istati Uniti tal-Amerika, mir-Renju Unit, mis-Slovenja, mill-Italja u mill-Iżrael se jkunu qed jillekċerjaw f’dawn l-iskejjel tas-sajf.

Kull skola tas-sajf, li se tkun twila bejn ġimagħtejn u tliet ġimgħat, se ssir fuq il-Kampus tal-Belt Valletta, il-post uniku u storiku tal-Università ta' Malta li jmur lura għall-1592. Il-koordinaturi tal-Università ta' Malta huma l-Professur Anthony Frendo għall-iskola tas-sajf dwar l-Istudji tal-Lvant Qarib (Near East Studies), il-Professur Denis De Lucca għall-Arkitettura Militari (Military Architecture), il-Professur Keith Sciberras għal Caravaggio, Dr Timmy Gambin għall-Arkeoloġija ta' Taħt il-Baħar (Underwater Archaeology) u l-Professur Victor Asciak għall-Kosta Mediterranja – It-Theddid u l-Opportunitajiet (Mediterranean Coastline - Threats and Opportunities).

L-iskola tas-sajf dwar l-Istudji tal-Lvant Qarib ser issir bejn l-10 u t-28 ta' Ġunju 2013 u tfittex li tipprovdi lill-parteċipanti b'introduzzjoni qasira iżda intensiva għal-Lvant Qarib minn perspettiva arkeoloġika u storika. Tipprovdi wkoll idea ġenerali komprensiva tal-lingwi l-iżjed importanti fir-reġjun. L-iskola tas-sajf se tikkonsisti f'erbgħa u tletin siegħa ta' lekċers flimkien ma' numru ta' żjarat istruttivi.

L-Istitut Internazzjonali għall-Istudji fil-Barokk qed joffri l-Iskola tas-Sajf dwar l-arkitettura militari taż-żmien Barokk bit-titlu Malta Ospitaliera – Sur tad-Dinja Kristjana. Din ser issir bejn it-3 u l-14 ta' Ġunju 2013. Din se tintroduċi l-parteċipanti għall-aspetti teoretiċi u prattiċi u s-sbuħija tal-fortifikazzjonijiet tal-artillerija moderni bikrin ta’ Malta, li kienu nbnew mill-Kavallieri Ospitalieri ta’ San Ġwann fil-perijodu 1530-1798. L-iskola tikkonsisti f’ħamsa u erbgħin siegħa ta’ lekċers u diskussjonijiet. Minbarra hekk il-parteċipanti se jkollhom ukoll l-opportunità li jesperjenzaw l-arkitettura militari moderna bikrija waqt numru ta' żjarat istruttivi. Lejn l-aħħar tal-iskola tas-sajf, iż-żjarat istruttivi se jkunu estiżi biex jinkludu b'mod mhux obbligatorju, turs bil-gwida tal-fortifikazzjonijiet moderni bikrin li jinsabu f'Għawdex u fix-Xlokk ta' Sqallija.

L-iskola tas-sajf ta' 20 jum dwar l-Arkeoloġija ta' Taħt il-Baħar se ssir bejn it-3 u t-23 ta' Ġunju 2013, u hija bbażata fuq taħlita bbilanċjata ta' esperjenza prattika, lekċers, żjarat fuq il-post u seminars. Se jsir xogħol ta' skavar u ta' stħarriġ fuq is-sit ta' vapur Ruman mgħarraq li ġie skavat l-ewwel darba minn Honor Frost fl-1967. Dan jinsab f’ilma baxx, ċar u kenni. Esperti mill-Università ta' Malta u aġenziji oħra professjonali involuti fil-ġestjoni u l-protezzjoni tal-patrimonju se jikkontribwixxu għal dan il-kors intensiv u ta' sodisfazzjon.  Is-suġġetti jinkludu t-Tekniki tal-Iskavar, Strateġiji ta' Stħarriġ, Telerilevament, il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tal-Patrimonju. Inklużi wkoll fil-kors prattiku hemm numru ta' żjarat f'mużewijiet u fuq siti arkeoloġiċi li jikkumplimentaw is-suġġetti koperti waqt is-sessjonijiet prattiċi u teoretiċi.

It-taħriġ intensiv fis-sajf bl-isem 'Il-Kosta Mediterranja – Theddid u Opportunitajiet' se jsir bejn is-17 u t-28 ta' Ġunju 2013. Dan huwa mmirat għal firxa wiesgħa ta’ udjenzi li jinkludu dawk li għandhom xi ftit esperjenza teknika jew maniġerjali. Dan ikun adattat bħala refresher course għal maniġers ambjentali jew bħala kors ta' introduzzjoni għal studenti tal-ewwel grad jew ta' wara l-ewwel grad li qed isegwu varjetà kbira ta' oqsma ta' suġġetti bħal dawk li jitrattaw il-liġi ambjentali, it-tmexxija ambjentali, l-inġinerija ambjentali, u l-ekonomija. Din l-iskola tas-sajf tinkludi lekċers, żjarat fuq il-post u esperjenzi prattiċi li jintroduċu lill-parteċipanti għall-ambjent Mediterranju u kif dan aġixxa bħala l-qawwa li mexxiet il-kundizzjoni umana fir-reġjun. Dan il-kors jipprovdi wkoll evalwazzjoni bażika tal-karatteristiċi ambjentali tal-baħar u tal-kosta u sistemi li jsostnu l-ħajja.

L-Iskola tas-Sajf dwar l-Arti u l-Kavallerat ta' Caravaggio se ssir bejn it-3 u l-14 ta' Ġunju 2013. Din tikkonsisti fi programm intensiv ta’ lekċers fil-klassi u fuq il-post, seminars u workshops li se jitmexxew minn studjużi ewlenin f'dan il-qasam. Dan il-programm se jistudja l-kuntest drammatiku u eċċitanti tal-ħajja mqanqla ta' Caravaggio u jerġa' jeżamina il-kapulavuri Maltin u tal-Perijodu Tardiv fl-istorja ġenerali tax-xogħlijiet tiegħu. Dan jinkludi wkoll studju mill-qrib tax-xogħlijiet tal-arti nfushom u jiddiskuti kwistjonijiet ta' stil u teknika.

Email
Telefon: +356 2340 7501/2

Five International Summer Schools offered this June

 


 

L-Aħħar Kotba mill-MUP

L-Istamperija tal-Università ta’ Malta (Malta University Press - MUP) dan ix-xahar qed tniedi tliet xogħlijiet innovattivi ġodda. Dawn huma Speakers’ Rulings in the Parliament of Malta: The Legislative Assembly 1921-1924, kumpilazzjoni editjata f’żewġ volumi tad-deċiżjonijiet (rulings) tal-iSpeaker fi żmien l-ewwel leġiżlatura ta’ Malta bejn l-1921-1924, mill-Professur Raymond Mangion, li jgħallem l-istorja tal-leġiżlatura; The Maltese Legal System, Volume 1, A General Introduction, l-ewwel darba li qatt saret ħarsa kritika u analitika tal-corpus juris Malti, miktub mill-Professur David J. Attard, il-Kanċillier tal-Università u Direttur tal-Istitut Internazzjonali għal-Liġi Marittima, li se jkun segwit b’volum kumplimentari; u Ġan Anton Vassallo, il-Poeżiji, mill-poeta ewlieni u littérateur fl-Università ta’ Malta, il-Professur Oliver Friggieri.     

Speakers' Rulings in the Parliament of Malta   The Maltese Legal System    Ġan Anton Vassallo, Il-Poeżiji

Waqt li kien qiegħed jintroduċi dawn il-volumi, il-President tal-bord editorjali tal-Università ta' Malta, il-Professur Henry Frendo, qal li d-Deċiżjonijiet tal-iSpeaker  fil-Parlament ta’ Malta għandu jkun xogħol ta’ referenza indispensabbli għall-membri tal-leġiżlatura, studenti tal-istorja politika, politiċi u presidenti futuri tal-Kamra; filwaqt li The Maltese Legal System għandu jservi ta’ 'vade mecum' għall-istudenti kollha tal-liġi u jkun ta’ interess speċjali għall-membri tal-professjoni legali kif ukoll għal kull min hu interessat fl-istat tad-dritt. Il-ktieb dwar il-poeżiji ta’ Ġan Anton Vassallo, prekursur romantiku- patrijottiku ta' Dun Karm Psaila magħruf l-aktar għall-poeżija tiegħu 'Tifħira lil Malta', hija l-ewwel antoloġija komprensiva tal-poeżiji tiegħu bil-Malti li qatt ġiet ippubblikata.

Waqt li rringrazzja lill-awturi u l-edituri għall-kontribuzzjonijiet oriġinali u metikolużi tagħhom għall-għerf u għas-soċjetà, Il-Professur Frendo qal li l-Malta University Press kienet kburija li qiegħda tiċċelebra nofs seklu ta’ pubblikazzjonijiet akkademiċi, b’uħud mill-ewwel pubblikazzjonijiet tagħha – dwar il-folklor Malti minn Gużè Cassar Pullicino, u dokumentazzjoni dwar id-drittijiet umani mill-Professur J.J. Cremona – imorru lura għall-1964.
   
L-MUP, li teżamina bejn il-pari b’mod rigoruż kull test sottomess għall-pubblikazzjoni skont il-proċeduri tagħha, m’għandha l-ebda konnessjoni ma’ xi pubblikatur ieħor.  Il-volum li jmiss dwar dokumentazzjoni tal-Malti medjevali, miġbur, editjat u annotat mill-Professur Stanley Fiorini, Documentary Sources of Maltese History, Part II: Documents in the State Archives, Palermo, no.4 : Cancelleria Regia: 1485-1500, qed jiġi stampat.

Aktar informazzjoni dwar il-pubblikazzjonijiet mill-MUP matul is-snin tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku, telefon +356 2340 3448. Għal tagħrif kummerċjali wieħed għandu jikkuntattja lil Sierra Books jew iċempel +356 21378576.

 


 

Studju dwar il-Lampuka fl-Ibħra Maltin

Studju dwar il-Lampuka Coryphaena hippurus fl-Ibħra Maltin

Il-lampuka hija waħda mill-ħut l-aktar importanti għall-industrija tas-sajd Maltija. Il-qbid ta' din il-ħuta jammonta għal madwar 30 fil-mija tal-qbid totali tal-ħut matul is-sena mis-sajjieda Maltin. Għalhekk, is-sajd għall-lampuki jeħtieġ maniġġar bir-reqqa sabiex ikun żgurat is-sostenibbiltà tiegħu.

Studji bijoloġiċi twettqu fuq din il-ħuta biex tinkiseb informazzjoni preċiża u aġġornata li fuqha wieħed jista jibbaża il-ġestjoni ta’ din ir-riżorsa. Madwar 4000 lampuka maqbuda permezz tas-sajd bix-xibka madwar il-kannizzati tradizzjonali Maltin, kif ukoll mis-sajd bil-konz tal-pixxispad u tonn, ġew eżaminati matul il-perjodu 2004-2010.

Ir-relazzjoni bejn it-tul u l-piż ta' din il-ħuta wrew differenza sinifikanti bejn iż-żewg sessi. Ir-raġuni hija li fil-bidu tal-maturità sesswali, li tintlaħaq ma’ tul ta' 60 - 70 ċm, l-irġiel jibdew jiżviluppaw 'bullhead', li tagħmilhom itqal u aktar rotondi minn nisa ta' tul komparabbli. L-informazzjoni mir-relazzjoni bejn it-tul u l-piż kienet ukoll użata biex tiġi kkalkulata il- kondizzjoni jew 'benessere' ta’ dan il-ħut. Hut smin juri kondizzjoni ambjentali favorevoli (eż., l-abitat tajjeb, priża abbundanti) filwaqt li ħut magħlub jista' jindika kondizzjoni ambjentali inqas favorevoli. Valuri aktar baxxi tal-kondizzjoni nstabu għall-lampuki ta’ daqs akbar minn 65 ċm u maqbudin matul ix-xitwa, ir-rebbiegħa u s-sajf. Dan ir-riżultat hu probabbli relatat ma' rati metaboliċi baxxi assoċjati ma' temperatura baxxa tal-baħar fix-xitwa, flimkien ma’ bidliet fiżjoloġiċi marbuta mal-perjodu riproduttiv waqt ir- rebbiegħa u s-sajf. Il-fattur ta’ kondizzjoni instab li jiżdied fil-ħarifa, wara li jkun spiċċa il-perjodu riproduttiv u meta t-temperatura tal-baħar tkun għadha sħuna biżżejjed li tippermetti rati metaboliċi għoljin.

L-otoliti, li huma strutturi kalkarji misjuba fil-widna interna tal-ħut u li jipprovdu minjiera ta' informazzjoni xjentifika, ġew ukoll estratti u analiżżati. L-otoliti jistghu jitqiesu bħala l- ‘kaxxa sewda’ jew ‘reġistraturi tat-titjira’ tal-ħut. Mill-otoliti, mhux biss wieħed jista jaqra l-età tal-ħut (kull jum u sena ta' eżistenza huma rappreżentati minn ċirku fuq din l-istruttura, l-istess bħal ma nsibu fis-siġar), imma tista tittiehed ukoll informazzjoni dettaljata ħafna dwar is-saħħa tal-ħut, l-ambjent u d-dieta partikolari tal-ħuta. Fil-lampuki ta’ tul inqas minn 65 ċm, il-bidla fid-depożizzjoni ta' materjal fl-otoliti, huwa relatat mal-‘photoperiod’ (it-tul tal-ġurnata) u meta wiehed jgħodd l-ammont ta' ċrieki fuq dawn l-otoliti, l-età tal-ħut fi ġranet tista tiġi determinata.

Dan ix-xogħol wera wkoll li x-xewk (għadam) tal-pinna ta’ fuq id-dahar ta’ din il-ħuta għandhom potenzjal qawwi għall-użu tal-qari tal-eta’ tal-lampuki adulti ta' daqs akbar minn 65 ċm; taħt il-mikroskopju, il-partijiet (ċrieki) f’dan l-għadam li jigu depożitati fix-xitwa jidru ċari u trasluċidi, filwaqt li l-partijiet ta' materjal depożitat fis-sajf jidhru uwsa u opaki. Id-determinazzjoni ta' l-età ta’ din il-ħuta fi snin għalhekk isir billi jingħaddu in-numru ta' ċrieki fuq dawn l-għadam.
Id-determinazzjoni tal-età mix-xewk tal-pinna u mill-otoliti indikaw li din il ħuta għandha ħajja qasira (età massima osservata kienet ta' sentejn), u t-tul massimu ta' 107.8 ċm u 120.2 ċm għall-ħut ta’ sess maskili u femminili rispettivament, jintlaħqu fi żmien qasir ħafna. Fil-fatt, ġie ikkalkolat li l-lampuki jikbru b'medja ta' 5.1 mm kuljum fl-ewwel sena tagħhom.

Instab ukoll li l-lampuki jibdew jimmaturaw sesswalment meta jilħqu tul ta' madwar 58.9 ċm fl-irgiel u 62.5 ċm fin-nisa. Stima preċiża tal-età jew tul meta l-ħut jimmatura biżżejjed biex jibda jbid hija kritika għall-konservazzjoni u l-ġestjoni ta' dan ir-riżors. Ir-riżultati miksuba kkonfermaw li l-proporzjon bejn iż-zewg sessi għal din il ħuta hija favur in-nisa għal tulijiet bejn 20 u 50 ċm u ssuġġerew 'ratio' ta’ 1:1 għall-individwi akbar minn 60 ċm. Id- determinazzjoni tal-proporzjon tas-sessi tal-ħut maqbud hija ta' importanza konsiderevoli għaliex il-pressjoni tas-sajd tista' tinfluenza dan il-proporzjon fl-ibħra sfruttati, li jista jwassal għal sajd selettiv fejn sess partikolari jibda jinqabad fi kwantitajiet akbar mill-ieħor.

L-età tal-ħut fi ġranet kkalkulata mill-qari tal-otoliti giet imnaqqsa mill-ġurnata meta nqabdet il-ħuta biex tittieħed stima tal-ġurnata ta’ tifqis. Din l-informazzjoni indikat li l-lampuka tbid fl-ibħra madwar il-gzejjer Maltin minn Ġunju sa Settembru, bl-ogħla livelli tar-riproduzzjoni jintlaħqu f'Ġunju. Dan it-tagħrif dwar il-ħin ta' riproduzzjoni huwa essenzjali għall-ġestjoni tas-sajd għax wiehed jaf ikollu jillimita s-sajd matul il-perjodu riproduttiv biex jissalvagwardja lis-'stock' tal-ħut minn sfruttament eċċessiv meta dan ma jingħatax iċ-ċans li jirriproduċi.
Din il-ħidma deskritta hawn tifforma parti minn proġett għall-'Master of Science' minn Mark Gatt, appoġġjat permezz ta' borża ta' studju minn ‘Strategic Educational Pathways’ (STEPS) mogħtija mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Impjiegi, u saret bħala parti minn kollaborazzjoni bejn il-'Marine Ecology Research Group' tad-Dipartiment tal-Bijoloġija tal-Università ta' Malta u d-Direttorat tal-Kontroll tas-Sajd fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali (MRRA).

Dolphinfish - Lampuka

Dolphinfish - Lampuka
ritratti ta' Mark Gatt

 


 

Ħarġa Nru 3 tal-Magażin 'Think'

Titlu: Mid-daħq sat-terapija, mix-xjenza sal-arti: Ġie ppubblikat il-magażin Malti dwar ir-riċerka
Titlu Alternattiv: Arti, Xjenza, Rakkontar ta’ Stejjer, Umoriżmu u Malta

Il-ħarġa li jmiss tal-magażin Think għadha kif ħarġet.  Fil-paġni hemm stejjer tal-istudenti tal-Università ta’ Malta, alumni, riċerkaturi u professuri.

Din il-ħarġa tiffoka fuq l-arti u x-xjenza.  Il-festival Science in the City malajr għamel suċċess kbir f’Malta, billi laqqa’ 12,000 ruħ ma’ idea mifruxa mad-dinja. Fil-magażin hemm illustrazzjonijiet sbieħ ħafna ta’ taraġ għoli sitt metri bbażat fuq il-filament tad-DNA, karozzi tal-linja tondi, dubbien u mħuħ ġiganteski.  Think jitkellem mal-artisti u x-xjenzati wara li ħadu sehem fil-festival.

F’dawn il-paġni, id-daħq jiltaqa’ mat-terapija.  Riċerkatur lokali żviluppa mod oriġinali u interessanti kif jikkura it-temtim.  It-teknika issa qiegħda tintuża mal-Ewropa kollha, li mhijiex xi ħaġa tad-daħq.

Il-magażin joħodna wara l-kwinti tat-teknika l-aktar reċenti tar-rakkontar tal-istejjer: transmedia.  Intervistajna r-rebbieħa tal-ewwel kompetizzjoni li kitbet misteru dwar qtil irrakkuntat permezz ta’ rapporti tal-awtopsja, posta elettronika  iħħakkjata, vidjos qawwija u komunikazzjoni tal-pulizija żvelata klandestinament.  Għandna ġenn biex joħroġ.

Riċerkaturi universitarji jitkellmu dwar x’hemm bżonn biex niġġieldu il-mard tal-moħħ.  Oħrajn jitfgħu dawl fuq ir-reazzjoni tal-Knisja dwar il-liġi tal-IVF.  Filwaqt li studenti jittrattaw mistoqsijiet serji, minn robotika sat-tniġġis u l-aħħar esperjenza tal-futbol 3D.

Espert magħruf mad-dinja jispjega dwar Caravaggio.  Huwa jagħtina togħma tal-akbar artist li kellha Malta u informazzjoni dwar il-ħajja vjolenti tiegħu, ix-xogħlijiet sbieħ tal-arti u l-influwenza unika tiegħu.  Caravaggio ttrasforma l-arti tar-reġjun lejn direzzjoni unika.

Minbarra l-arti u x-xjenza, din il-ħarġa tesplora l-istorja ta’ Malta.  Titkellem dwar ktieb li għadu kif ġie ppubblikat li jenfasizza l-battalja ħarxa bejn l-Italja u l-Ingilterra fuq Malta.  Huwa ċar li hemm sigrieti fl-istorja ta’ Malta li mhumiex kif niftakruhom.

Think jista’ jinġabar b’xejn mingħand il-librara u l-ħwienet tal-kotba madwar Malta u Għawdex, jitniżżel minn: www.um.edu.mt/think03, jiġi segwit fuq Twitter jew ‘liked’ fuq Facebook. 

 


 

Ċentru Ġdid Fil-Kottonera Biex Jippromwovi L-Edukazzjoni Ogħla

Iċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Università ta’ Malta fil-Kottonera ġie mwaqqaf biex iservi ta’ pont bejn uħud mill-komunitajiet fl-inħawi ta’ ġewwa tal-port u l-Università ta’ Malta.  Dan għandu l-għan li jservi bħala punt ċentrali li jikkoordina l-għaqda bejn dawn il-komunitajiet u l-Università, u jiffacilita t-trasferiment kemm ta’ riżorsi kif ukoll ta’ kapaċitajiet.

L-għanijiet prinċipali taċ-Ċentru huma li jħajjar dawn il-komunitajiet għall-edukazzjoni ogħla u terzjarja billi jibni fuq il-ħiliet u r-riżorsi eżistenti; li jipprovdi informazzjoni kif ukoll appoġġ u gwida lil dawk interessati li jkomplu l-edukazzjoni tagħhom.  Fl-istess ħin, ir-responsabbiltà taċ-Ċentru hija li jippromwovi l-potenzjal taż-żona, f’forma ta’ ħiliet, snajja’ u forom oħra ta’ tradizzjonijiet partikulari għar-reġjun.

Iċ-Ċentru, li ġie inawgurat fit-22 ta’ Jannar mill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina, qiegħed ukoll jikkoopera mal-Kulleġġ Santa Margerita fil-Ministeru tal-Edukazzjoni.  Proġett pilota ta’ riċerka, appoġġjat bis-sħiħ mir-Rettur, il-Professur Juanito Camilleri, u li fil-bidu kien taħt id-direzzjoni tal-Professur Carmel Cefai, Direttur taċ-Ċentru għar-Reżiljenza fl-Edukazzjoni u s-Saħħa Emozzjonali u Soċjali, kien jinvolvi tnax-il student, bejn il-ħdax u l-ħmistax-il sena. Dawn kienu magħżula għall-potenzjal edukattiv għoli tagħhom.  Kien maħsub li dawn l-istudenti kienu f’riskju li jistgħu jiġu mwaqqfa milli jkomplu l-edukazzjoni tagħhom minn ċerti problemi relatati mal-isfond soċjo-ekonomiku tagħhom.  Dan il-grupp ta’ studenti kien segwit fuq tliet livelli: mentoring, il-familja, u l-appoġġ mingħand l-skola u l-komunità. Bħala parti mill-istess inizjattiva, tnax-il student ieħor ingħataw l-possibbiltà li jsegwu mill-qrib numru ta’ nies li għandhom rwoli diversi waqt il-ħidma tagħhom fl-Università.  Erbgħa u għoxrin tifel u tifla oħra fl-età tal-primarja kienu sponsorjati biex jattendu Kids on Campus.  Fl-istess ħin, twaqqaf kumitat biex jaħdem fuq l-iżvilupp ta’ strutturi universitarji li huma aktar aċċessibbli.  Ix-xogħol ta’ dan il-kumitat laħaq il-qofol tiegħu bl-avveniment ‘Skopri l-Università fit-Tlett Ibliet’ li sar f’Novembru tal-2012 b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet tal-Università. Dan kien segwit bil-ftuħ taċ-Ċentru tar-Riżorsi.
Fil-futur, iċ-Ċentru se jkun qed jorganizza konferenzi, seminars u attivitajiet simili li għandhom x’jaqsmu maż-żona tal-Kottonera; se jikkolabora mal-kunsilli lokali u s-soċjetajiet ċivili fuq proġetti, inizjattivi u avvenimenti li jippruvaw jippromwovu ż-żona; se jmexxi jew jiffaċilita r-riċerka dwar kwistjonijiet jew suġġetti relatati maż-żona, kif ukoll se jagħmel ir-riżultati ta’ riċerka eżistenti aktar aċċessibbli għall-komunità.  Iċ-Ċentru se jkun qiegħed jgħin fl-aspetti loġistiċi ta’ korsijiet f’kull livell organizzati mill-Università fil-komunitajiet inkwistjoni u/jew fiċ-Ċentru tar-Riżorsi fil-Kottonera; se jamministra inizjattivi edukattivi kemm formali kif ukoll mhux formali bbażati fil-komunità,; u se jibni netwerks ma’ entitajiet attivi fil-komunità, b’mod speċjali dawk li jittrattaw ma’ istituzzjonijiet edukattivi, aġenziji li jħarsu l-interessi ta’ gruppi li qed jiffaċjaw żvantaġġ soċjali, u entitajiet li jgħinu bil-pariri dwar il-karrieri u fil-promozzjoni tal-impjiegi.

Iċ-Ċentru għandu l-għan li jiffoka b’mod interġenerazzjonali biex etajiet differenti jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-inizjattivi tiegħu.  Aktar minn hekk jipprova jiffaċilita l-kuntatt u l-kooperazzjoni bejn riċerkaturi disponibbli fl-Università ta’ Malta u membri tal-komunità/entitajiet. Iċ-Ċentru ser jopera permezz ta’ metodu li jiffoka fuq il-komunità u jkompli jiżviluppa skont dak li l-komunità tagħraf bħala priorità.

For further information please contact:
Ms Andreana Dibben
Email 
Tel: +356 23407801

Cottonera Resource Centre

Cottonera Resource Centre

 


 

Fehim mingħajr Limitu: Ewropa mingħajr Ostakoli Lingwistiċi

Aġenda Strateġika Ewropea sabiex tegħleb l-ostakli ta’ komunikazzjoni biex tipprepara l-Ewropa għar-rivoluzzjoni ta’ IT li jmiss

Biex jindirizza dak li hu pperċepit bħala theddida ta' estinzjoni diġitali għall ħafna lingwi, u biex tinħoloq Ewropa mingħajr ostakli ta' komunikazzjoni li tappoġġja l-fluss liberu tal-informazzjoni, ideat, u l-kummerċ, filwaqt li tippreżerva ir-rikkezza kulturali u lingwistika u d-diversità, META-NET, netwerk Ewropew ta' eċċellenza li jikkonsisti f’60 ċentru ta' riċerka f’34 pajjiż, fosthom Malta, żviluppat Aġenda ta' Riċerka Strateġika (SRA) li tiddeskrivi kif l-investiment iffokat fit-teknoloġiji lingwistiċi jista’ jiġġenera benefiċċji ekonomiċi konsiderevoli li jgħelbu ħafna mill-ispejjeż. Dan id-dokument se jiġi uffiċjalment żvelat u ppreżentat lill-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, tar-riċerka u tal-industrija f’simpożju ta’ teknoloġija fil-25 Jannar, 2013, f'Berlin, il-Ġermanja.
Fil-programm pan-Ewropew ta' riċerka propost tagħha, l-SRA tirrakkomanda li r-riċerka akkademika u industrijali u l-isforzi għall-iżvilupp tiffoka fuq tliet temi ta' prijorità:

  1. Cloud Traslingwali jipprovdi servizzi ta' traduzzjoni ġeneriċi u speċjalizzati għaċ-ċittadini Ewropew kollha, kumpaniji, u organizzazzjonijiet. Dawn is-servizzi se jinkludu teknoloġiji ta' traduzzjoni awtomatika preċiża, affidabbli u ta' kwalità għolja għal-lingwa mitkellma u miktuba kif ukoll jimpenjaw magħhom tradutturi u interpreti umani għal dawk il-kompiti li l-magni waħedhom ma jistgħux jimmaniġġaw.
  2. Intelliġenza Soċjali u Parteċipazzjoni elettronika tiffoka fuq l-iżvilupp tar-riżorsi u għodod biex jappoġġjaw il-fehim u d-djalogu fi ħdan u madwar komunitajiet ta' ċittadini sabiex jistabbilixxu proċessi aktar effettivi għat-tħejjija, l-għażla, u l-evalwazzjoni ta’ deċiżjonijiet kollettivi.
  3. Assistenti Interattivi u Soċjalment Konxji jikkonċentraw fuq l-iżvilupp ta' assistenti diġitali persistenti li jitgħallmu u jadattaw u li jipprovdu appoġġ proattiv u interattiv mfassal għas-sitwazzjonijiet, postijiet u l-għanijiet speċifiċi tal-utent permezz ta' interazzjoni tal-lingwa mitkellma.
META-NET wkoll favur id-disinn u l-iżvilupp ta' Pjattaforma Ewropea ta’ Servizz għall-Teknoloġiji Lingwistiċi li tipprovdi teknoloġiji lingwistiċi perfetti għall-utenti u l-klijenti.

Permezz ta' sforz koordinat fuq skala kbira li jwassal għall-2020, dawn it-teknoloġiji jistgħu jiġu żviluppati biex jagħmlu lingwi Ewropej tajbin għall-futur, jipprovdu applikazzjonijiet u servizzi ġodda għaċ-ċittadini u joħolqu għadd ta' opportunitajiet ġodda għall-IT Ewropew u l-industriji lingwistiċi.

Il-piż finanzjarju kull ras għall-komunitajiet iżgħar tal-lingwi jiddettaw risposta li tmur lil hinn minn dak li xi pajjiż wieħed jistgħa jipprovdi. Għalhekk din l-isfida immensa għandha tiġi ndirizzata fil-livell tal-Unjoni Ewropea, l-istati membri tagħha, u l-pajjiżi assoċjati, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-industrija.
L-SRA tipprovdi pjan direzzjonali biex jindirizza dawn l-isfidi b'mod li se jibbenefikaw iċ-ċittadini Ewropej kollha u jiżgura li l-Ewropa jkollha rwol ewlieni fl-ekonomija dinjija u s-suq tat-teknoloġija.

Jista’ gvern futur ta' Malta jistinka biex jadotta u jaġixxi fuq il-prinċipji nkorporati fi ħdanu.

Dwar META-NET u METANET4U
META-NET huwa ddedikat għall-pedamenti teknoloġiċi ta' soċjetà Ewropea tal-informazzjoni multilingwi u jifforġa META, l-Alleanza tat-Teknoloġija għal Ewropa Multilingwali. Aktar minn 600 organizzazzjoni f’55 pajjiż diġà ngħaqdu, inklużi ċentri ta’ riċerka, universitajiet u kumpaniji privati.
METANET4U huwa proġett ffinanzjat mill-UE li jikkontribwixxi għal META-NET billi jiżviluppa riżorsi lingwistiċi u għodod għall-Malti, il-Portugiż, lis-Spanjol, ir-Rumen u l-Ingliż.

 


 

Pakketti b’Riżorsi Edukattivi dwar is-Saħħa u n-Nutrizzjoni Mnedija fuq Skala Nazzjonali

"Ħaxix u frott, ħaxix u frott, niekol kuljum biex b’saħħti nkun." Din hija waħda mill-istrofi ta' kanzunetta li kantaw it-tfal tat-Tieni klassi waqt seminar riċenti li sar fil-Kulleġġ San Nikola Skola Primarja ta’ Ħ’Attard u li fih ġew imnedija fuq livell nazzjonali pakketti tar-riżorsi edukattivi msejħa 'Nieklu bil-Għaqal ma' Fonzu – Healthy Eating with Fonzu'.

Skont Dr Suzanne Piscopo, lekċerer dwar in-Nutrizzjoni, il-Familja u l-Konsumatur fl-Università ta’ Malta u l-awtriċi tal-pakketti tar-riżorsi, "L-għan prinċipali ta’ dawn il-'pakketti ta’ Fonzu' huwa li jgħin lill-għalliema joffru lit-tfal tal-primarja edukazzjoni dwar is-saħħa u n-nutrizzjoni li hija effettiva, kreattiva u ta' gost. L-għan huwa li l-għalliema jħajru stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa fost it-tfal u l-familji tagħhom".

Ir-riżorsi huma bbażati fuq il-Qafas Ewropew Dwar l-Ikel (European Food Framework) - sett ta’ kompetenzi relatati mad-dieta, l-attività fiżika u l-bilanċ tal-enerġija, li għandhom jintlaħqu mill-istudenti sakemm jitilqu mill-iskola obligatorja. Dan il-qafas kien proġett ikkoordinat mill-British Nutrition Foundation u Malta kienet waħda mill-pajjiżi li ntgħażlu biex joħolqu programmi edukattiv ħalli l-qafas jibda jiġi implimentat.

Fil-pakketti wieħed isib kotba tat-taħriġ għall-istudenti, kotba ta’ gwida għall-għalliema, komiks, preżentazzjonijiet awdjo-viżivi, vidjos, kanzunetta originali, logħba u ktejjeb tar-riċetti għat-tfal. L-għalliema jistgħu jintegraw il-materjal edukattiv mat-tagħlim ta’ ħafna suġġetti differenti waqt li jippromwovu  diversi ħiliet bħall-kreattività, il-ħsieb kritiku, ix-xogħol investigattiv,  it-tħejjija tal-ikel u l-ħiliet imprenditorjali. L-użu tat-teknologija tal-kommunikazzjoni u l-informatika biex tgħallem u titgħallem għandu rwol importanti fil-pakketti tar-riżorsi.

L-għalliema għandhom ukoll suġġerimenti kif jistgħu jestendu l-materjal edukattiv permezz t’attivitajiet barra mill-klassi jew wara l-ħin tal-iskola, permezz ta’ ġranet jew ġimgħat b’temi speċjali, u bl-involviment tal-ġenituri, adulti oħra li jieħdu kura tat-tfal u l-kommunità inġenerali.

Is-seminar ta’ tnedija ġie inawgurat minn Dr Sandro Spiteri, Direttur tal-Kurrikulu u eLearning. Huwa tkellem dwar l-importanza li nagħtat lill-promozzjoni tas-saħħa u l-ħajja b’saħħitha  fil-Qafas Nazzjonali tal-Kurrikulu u dwar il-benefiċċju li l-għalliema jkollhom ir-riżorsi biex jintegraw kunċetti u ħiliet b’mod wiesa’ fil-kurrikulu. Saret ukoll preżentazzjoni minn Dr Suzanne Piscopo u mis-Sa Pamela Spiteri – għalliema tat-Tieni Klassi fil-Kulleġġ ta’ De La Salle. Dawn tkellmu dwar l-użu versatili tar-riżorsi u l-impatt potenzjali fuq is-saħħa tat-tfal u l-familji tagħhom.

Waqt is-seminar it-tfal tat-Tieni u l-Ħames Klassi tal-Kulleġġ ta' San Nikola Skola Primarja ta' Ħ'Attard kantaw u żifnu l-kanzunetta Ħaxix u Frott. Ittellgħet ukoll reċta qasira li ħadu sehem fiha Destiny Cauchi u Luigi Sghendo mill-Kulleġġ Santa Klara Skola Primarja B ta' San Ġwann. Tfaċċa wkoll il-maskott Fonzu!
L-iskejjel li kienu preżenti ingħataw kampjuni tal-pakketti tar-riżorsi. Fil-ġimgħat li ġejjin dawn il-pakketti ser ikomplu jitqassmu fl-iskejjel primarji kollha madwar Malta u Għawdex, kemm dawk tal-istat kif ukoll dawk tal-knisja u dawk indipendenti. Ser tibda wkoll skema ta' taħriġ u sapport għall-għalliema.

Dan is-seminar sar permezz ta’ kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Immaniġġjar tal-Kurrikulu u eLearning, il-Home Economics Seminar Centre, Dr Suzanne Piscopo u l-British Nutrition Foundation. Taw ukoll is-sapport tagħhom il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard, Quintano Foods (li pprovdew meraq tal-frott pur Tropicana), Maypole Bakery (li pprovdew il-qagħaq tal-ħmira friski) u Frott Artna (li pprovdew selezzjoni ta’ frott frisk). 

Għal  aktar informazzjoni tistgħu tiktbu lil Dr Suzanne Piscopo.

Fonzu Resource Packs   Fonzu Resource Packs

 


 

Jum Il-Fondazzjoni Tal-Fakultà Tal-Liġi

Il-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Malta twaqqfet fis-17 ta’ Diċembru 1838. Fid-19 ta’ Diċembru 2012, il-Fakultà ċċelebrat għat-tieni darba Jum il-Fondazzjoni tagħha.

Waqt il-kommemorazzjoni ta’ dan l-avveniment, ingħataw tliet premjijiet. Il-Premju għall-Eċċellenza Akkademika (The Academic Excellence Award) ingħata lill-Professur Emeritus Joseph M. Ganado mill-Kanċillier tal-Università l-Professur David J. Attard. Il-Professur Raymond Mangion għamel diskors  jenfasizza l-kisbiet matul ħajtu, il-mertu tiegħu fid-dinja tal-akkademiċi u l-kontributi tiegħu għall-iżvilupp tal-Liġi Maltija permezz tal-kitbiet influwenti tiegħu
Isem is-Sur David Joseph Borg ġie mniżżel fid-Dean’s List tal-Fakultà. Is-Sur Borg ġie l-ewwel fil-kors ta’ tliet snin li jwassal għall-Baċellerat fil-Liġi (LL.B.).

Ġew ippreżentati żewġ premjijiet oħra mill-Onorevoli Dr Chris Said, Ministru għall-Ġustizzja, id-Djalogu u l-Familja, lil żewġ studenti li ġew l-ewwel fl-ewwel sena fil-kors għal grad ta’ Baċellerat fil-Liġi (LL.B.). Ms Louise Ann Sammut u Ms Elisa Grech ingħataw il-Premju Professur David J. Attard għall-Aħjar Prestazzjoni fl-ewwel sena ta’ studji tagħhom fil-Faklutà tal-Liġi.
Ir-ritratt juri mix-xellug lil: Ministru Chris Said, il-Prof. J.M. Ganado u  l-Kanċillier tal-Università l-Professur David J. Attard.

Il-Fakultà tal-Liġi toffri dawn il-korsijiet:
Bachelor of Laws (LL.B.)
Doctor of Laws (LL.D.)
Master of Arts in Law

Master of Arts in Human Rights and Democratization
Master of Arts in Financial Services
Master of Laws (LL.M.) in European and Comparative Law
Master of Laws (LL.M.) in International Law
Masters of Arts in Law

Korsijiet ta’ filgħaxija:
Diploma in the Laws of Procedure
Master of Arts in Mediation

Għal aktar informazzjoni żur is-sit tal-Fakultà.

Ikklikkja hawn għar-ritratti.

 


 

Iċ-Ċertifikat Prestiġjuż tas-Suppliment għad-Diploma

Il-Kummissjoni Ewropea tagħti Ċertifikat Prestiġjuż lill-Università ta’ Malta

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura tal-Kummissjoni Ewropea tat lill-Università ta’ Malta ċ-Ċertifikat prestiġjuż tas-Suppliment għad-Diploma.

Dan iċ-Ċertifikat twaqqaf sabiex jinkoraġġixxi istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla biex jipprovdu lill-gradwati tagħhom b’dokument, supplimentari għaċ-ċertifikat tagħhom, li jipprovdi informazzjoni ddettaljata u aġġornata dwar il-kors ta’ studji li segwew.  L-Università ilha tagħti s-Suppliment għad-Diploma lill-gradwati kollha tagħha sa mill-2010, u matul l-aħħar ċerimonji ta’ gradwazzjoni ’l fuq minn 3000 gradwat ingħata s-Suppliment għad-Diploma.

Is-Suppliment għad-Diploma Europass huwa dokument żviluppat minn grupp ta’ esperti mill-Kummissjoni Ewropea, il-UNESCO u l-Kunsill tal-Ewropa, u jorbot sew mal-għan tal-Proċess ta’ Bologna biex joħloq sistema ta’ dokumenti li jistgħu jinqraw u jiġu mqabbla faċilment.
L-għanijiet tas-Suppliment għad-Diploma huma li jtejjeb it-trasparenza internazzjonali, jiffaċilita l-għarfien akkademiku u professjonali tal-kwalifiki, itejjeb u jgħin il-mobilità tal-gradwati kemm fil-pajjiż fejn ingħatat il-kwalifika kif ukoll barra l-pajjiż, u b’hekk jitneħħew l-ostakoli għax-xogħol, studju u taħriġ fl-Ewropa.  Dan jiffaċilita wkoll l-aċċess ta’ studenti jew gradwati għal aktar studju akkademiku jew aktar taħriġ u jipprovdi tranżizzjoni bla xkiel minn kors għal ieħor filwaqt li jqiegħed il-kwalifiki fil-kuntest tal-qasam tal-Edukazzjoni Ogħla Ewropea.  Is-Suppliment għad-Diploma jgħin ukoll lill-gradwati jsibu impjieg xieraq, billi dan jista’ jiġi mqabbel faċilment ma’ ta’ persuni minn pajjiżi differenti li qed ifittxu impjieg, u b’hekk jipprovdi opportunità aħjar biex il-kwalifiki tagħhom ikunu jinftiehmu u assessjati b’mod ġust.

Aktar tagħrif jinsab fuq is-sit elettroniku.

Diploma Supplement

 


 

Aktar Qarrejja tal-Provi tal-Malti Kkwalifikati

Il-kors li jmiss offrut f'Għawdex ukoll

Dan l-aħħar, 44 student kisbu ċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti mill-Università ta’ Malta u x-Xhieda ta’ Għarfien tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, wara li temmew b’suċċess il-kors universitarju fil-Qari tal-Provi bil-Malti. B’kollox, mill-2006 meta fetaħ il-kors, ikkwalifikaw 217-il qarrej tal-provi.

It-tmien kors se jiftaħ fi Frar 2013 fl-Università ta’ Malta, kif ukoll fiċ-Ċentru Universitarju ta’ Għawdex, ix-Xewkija. Jekk inti wkoll tixtieq ittejjeb il-kitba tiegħek bil-Malti, l-applikazzjonijiet għaż-żewġ korsijiet miftuħa diġà u jibqgħu jintlaqgħu sat-18 ta’ Jannar. Għal tagħrif ieħor ara l-paġna: http://www.um.edu.mt/arts/malti/avvizi/cqp jew ikteb fl-indirizz: email

Qari tal-Provi

Qari tal-Provi

 


 

Malta 20,000 Sena Ilu

Studju mmexxi mill-Università ta’ Malta jiskopri l-pajsaġġ moħbi ta’ Malta

Xjenzati tal-baħar skoprew pajsaġġ terrestri fi stat ta’ preservazzjoni eċċezzjonali mgħarraq fl-ilmijiet mal-kosta tal-Gżejjer Maltin, li juri d-dehra tal-arċipelagu 20,000 sena ilu.

F’dak iż-żmien, l-Ewropa kienet għaddejja mill-Aħħar Era Glaċjali u l-livell tal-baħar fil-Baħar Mediterran kien 130 metru aktar baxx milli fil-preżent.  Malta, Għawdex u Kemmuna kienu magħqudin u l-arċipelagu kien darbtejn u nofs akbar milli hu llum.  L-Irdum ta’ Ħad-Dingli kien 380m ’l fuq mil-livell tal-baħar waqt li l-Belt Valletta kienet tinsab 10 km ’l ġewwa mill-kosta.  Il-kosta minn Marsalforn sa Pembroke kienet tikkonsisti f’irdum wieqaf mal-kosta li kien mnaqqax b’aktar minn 20 wied.  Għadd ta’ meded ta’ art tal-franka ogħla mil-livell tal-baħar kellhom għerien imġarrfa u kienu jinkludu uqigħ ta’art imżerżqa (landslides) mat-trufijiet tagħhom.  Biċċa art wiesgħa 40 km kienet tgħaqqad it-tul kollu mix-Xlokk ta’ Malta san-Nofsinhar ta’ Sqallija.

Il-livell tal-baħar li għola matul dawn l-aħħar 20,000 sena għarraq 450 km² ta’ dan il-pajsaġġ, li jfisser li l-parti l-kbira tal-Gżejjer Maltin illum tinsab taħt l-ilma.

Tim internazzjonali ta’ ġeoloġisti għamel rikostruzzjoni bl-akbar dettall tal-maġġoranza ta’ dan il-pajsaġġ mgħarraq
permezz ta’ stħarriġ ta’ qiegħ il-baħar madwar il-Gżejjer Maltin b’teknoloġija avvanzata li tipproduċi mapep.  Ir-riżultati se jiġu ppubblikati fil-‘Marine Geology’, ġurnal internazzjonali ewlieni li jirrapporta żviluppi fil-ġeoloġija tal-baħar u l-ġeofiżika.

Ir-riżultati ta’ dan l-istudju huma importanti għal numru ta’ raġunijiet.  L-ewwel nett, diversi partijiet ta’ dan il-pajsaġġ taħt l-ilma, bħal għerien u widien, setgħu pprovdew siti ideali biex tiġi ppreservata evidenza tal-attività preistorika umana jew tal-annimali. Aktar investigazzjonijiet jistgħu jitfgħu dawl fuq l-oriġini tas-soċjetà megalitika Maltija u r-rotot ta’ migrazzjoni tal-annimali għal siti bħal dak ta’ Għar Dalam.

It-tieni raġuni hija li pajsaġġi taħt l-ilma huma wkoll arkivji ta’ bidliet fil-klima u l-livell tal-baħar fil-passat, u l-istudju tagħhom ikun kruċjali għall-previżjoni ta’ tibdil fil-klima fil-futur u l-impatt ta’ dan fuq il-Gżejjer Maltin.

It-tielet raġuni hija li l-istudju wkoll jidentifika liema żoni tal-ilmijiet kostali ta’ Malta huma ta’ riskju għall-infrastruttura ta’ qiegħ il-baħar, jixirqilhom protezzjoni minn attivitajiet umani, jew jipprovdu attrazzjoni għall-għaddasa, u b’hekk jikkontribwixxi informazzjoni prezzjuża għal min jippjana l-ispazju tal-baħar.

Dan l-istudju kien immexxi minn Dr Aaron Micallef mill-Università ta’ Malta u jagħmel parti minn MAPSCAPE, proġett li jinvolvi lil CNR-ISMAR, iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Oċeanografija, lil CNR-IRPI u l-Università ta’ Modena u Reggio Emilia.

Kuntatt: Dr Aaron Micallef

Malta's Hidden Landscape
Stampi rikostruwiti ta’ għar wiesa’ 270 metru li jinsab ’il barra mix-xatt tal-Marfa u wied fil- lvant ta’ Kemmuna

Malta's Hidden Landscape
Mapep tal-Gżejjer Maltin illum u 20,000 sena ilu

 


 

 

< Previous 1 Next >

 
 

Log In