L-Università ta' Malta
 

Aħbarijiet 2016
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

L-Universitajiet ta’ Malta u Palermo Jikkollaboraw f’Riċerka għall-Prevenzjoni tat-Tfartis u Kura għal Tumuri fl-Annimali Domestiċi

L-Università ta’ Malta ħabbret li għaddejja riċerka b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Palermo, fl-oqsma tat-tfartis u l-immunoterapija tal-kanċer għall-annimali domestiċi. Riċerkaturi, immexxija mill-Prof. Pierre Schembri-Wismayer, qegħdin jiżviluppaw għażla ta’ immunoterapija terapewtika għal annimali domestiċi li l-kanċer tagħhom ikun xtered.  Dan qed jiġi ppjanat mal-veterinarju lokali Trevor Zammit, iżda jeħtieġ li jiġi estiż aktar biex jinkisbu riżultati aktar sinifikattivi.  Tumur f’ġurdien miżmum bħala annimal domestiku li ġie kkurat b’dan il-mod, irriżulta f’diżintegrazzjoni tal-biċċa l-kbira tat-tumur. Analiżi istoloġika fil-laboratorju tal-Prof. Francesco Cappello mill-Università ta’ Palermo, ikkonfermat tnaqqis fit-tessut tat-tumur, żieda fil-provista tad-demm fit-tumur u żieda fit-tessut taċ-ċikatriċi (fejqan).  Ir-riċerkaturi li qegħdin jgħinu f’dan l-istudju kienu jinkludu numru ta’ studenti gradwati u undergraduates li ppreparaw it-tilqima kontra t-tumuri minn tumuri fl-annimali domestiċi.
Il-kollaborazzjoni tal-Università ta’ Malta rċeviet l-appoġġ finanzjarju pprovdut mill- Internationalisation Partnership Awards Scheme tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.  Bl-użu ta’ dawn il-fondi, ir-riċerkaturi miż-żewġ universitajiet żaru l-laboratorji ta’ xulxin u għamlu xi esperimenti ġodda.  Fi żjara f’Palermo, Roberta Camilleri, waħda mill-istudenti fil-kors ta’ Master’s fil-laboratorju tal-Prof. Schembri-Wismayer, ġiet imħarrġa fl-immunoistokimika u l-istokimika tal-follikuli tax-xagħar.  Il-fondi tal-MCST għenu wkoll biex jinxtara numru ta’ oġġetti tal-konsum għaljin meħtieġa għal dawn it-testijiet.  Minbarra hekk qegħdin jiġu analizzati kampjuni permezz tat-teknoloġija sofistikata ORBI-TRAP mill-Prof. Giampiero La Rocca f’Palermo biex jiġu identifikati d-differenzi bejn ġilda f’każijiet ta’ tfartis u f’każijiet fejn m’hemmx tfartis.

Ir-riċerka fit-tfartis maskil (alopecia) u fl-immunoterapija tat-tumuri bbenefikat mill-kompetenza istopatoloġika sinifikattiva tal-laboratorju ta’ Palermo.  Is-sinerġija u l-fużjoni ta’ ħiliet jagħmluha possibbli għall-pubblikazzjonijiet ta’ kwalità aħjar u ogħla fl-oqsma ta’ interess komuni.

Din iż-żjara f’Malta mill-Prof. Cappello u l-Prof. La Rocca ġġib fi tmiemha dil-kollaborazzjoni sponsorjata mill-MCST.  Matul iż-żjara, il-Prof. Cappello se jkun qiegħed jaġġorna lir-riċerkaturi lokali dwar ix-xogħol l-aktar reċenti tiegħu fuq il-heat shock proteins.  Madankollu, il-parti prinċipali ta’ din iż-żjara se tkun magħmulha mill-assessjar ta’ riżultati ġodda u diskussjoni dwar kif se jipproċedi l-istadju li jmiss ta’ dawn iż-żewġ proġetti ta’ riċerka.

Kollaborazzjonijiet preċedenti, bejn il-laboratorju Malti u l-Prof. Francesco Cappello u t-tim tiegħu fis-Sezione di Anatomia Umana, Dipartimento di Biomedicina Sperimentale e Neuroscienze Cliniche fl-Università degli Studi di Palermo wasslu għall-pubblikazzjonijiet fl-oqsma tal-bijomaterjali dentali u l-heat shock proteins.

 


 

Ħarġa nru 18 tar-rivista THINK

think18

L-evoluzzjoni ma tieqaf qatt.  Il-komunitajiet tagħna lanqas mhuma differenti.  Ir-riċerka tipprovdi l-innovazzjoni meħtieġa biex dan l-avvanz iseħħ.  L-aħħar ħarġa tar-rivista THINK tesplora firxa ta’ proġetti fl-Università ta’ Malta li qegħdin jikkontribwixxu għal soċjetà aħjar.

Dr Franco Curmi u t-tim tiegħu ddisinjaw injama tat-tlielaq relay (baton) li permezz tagħha, atleta jkun jista’ jinvolvi  ġemgħa ta’ segwaċi fuq il-midja soċjali biex jinġabru fondi għal kawżi ġusti.  Komunità ta’ sostenituri fuq l-internet tkun tista’ tikkontribwixxi billi taċċessa l-pjattaforma Heartlink u tagħmel donazzjoni biex tinkoraġġixxi lill-atleta. 

Fi storja oħra, il-Prof. Carmel Cefai u t-tim tiegħu qegħdin jaħdmu fuq programm innovattiv li jiżviluppa r-reżiljenza fit-tfal.  Huma ħolqu manwali apposta li jistgħu jintużaw kemm fil-klassi kif ukoll id-dar minn tfal, għalliema u ġenituri biex din il-ħila importanti ħafna li hija ta’ għajnuna fi żminijiet diffiċli tiġi mgħallma.
  
Is-soċjetà teħtieġ enerġija nadifa għal pajjiż aktar b’saħħtu.  Il-Gvern Malti ilu snin jitqabad ma’ din il-kwistjoni li tibqa’ kontroversjali fost ħafna gruppi.  Ix-xogħol li qed isir fl-Università joffri soluzzjoni.  Fil-Fakultà tal-Inġinerija, ir-riħ u l-mewġ jingħaqdu f’sistema li tkun tistà tkessaħ kif ukoll tipprovdi l-enerġija lill-bini.

Fuq nota ambjentali relatata, ix-xogħol tal-Prof. Shirley Ann Micallef jiffoka fuq il-provista ta’ ikel aktar nadif.

B’ħarsa introspettiva, din l-edizzjoni terġa’ tindirizza wkoll l-istorja u, permezz t’hekk, l-identità Maltija.  Il-Prof. Nicholas Vella u t-tim tiegħu qed jikxfu stejjer mitlufa mis-sit neolitiku Kordin III, filwaqt li l-Prof. Mallia Milanes ixejjen xi miti marbuta mal-Assedju l-Kbir ta’ Malta li huwa magħruf mad-dinja kollha.

Iżda forsi l-aktar parti importanti fl-esperjenza umana hija li tħalli din id-dinja bħala post aħjar.  U hawn jidħol ir-RIDT.  Dan il-Fond għadu kif nieda inizjattiva ġdida li tinkoraġġixxi lin-nies iħallu rigali b’wirt għar-riċerka – okkażjoni biex titħalla marka pożittiva fuq il-futur ta’ Malta.

Think, ir-rivista ta’ riċerka tal-Università ta’ Malta tinsab b’xejn mingħand il-librara madwar Malta u Għawdex u mill-ħwienet tal-kotba tal-Agenda. Tinsab onlajn, fuq Issuu jew tista’ tiġi segwita fuq Facebook.

 


 

Il-Fondazzjoni ALS Malta tagħti fondi għal riċerka ta’ dottorat permezz tal-RIDT

Il-Fondazzjoni ALS Malta tagħti fondi għal riċerka ta’ dottorat permezz tal-RIDT

ALS Malta Foundation qed tagħti fondi għal borża ta’ studju lill-Università ta’ Malta, permezz tal-Fond tar-Riċerka tal-Università (RIDT). Bjorn Formosa u Prof Alfred J. Vella jiffirmaw il-ftehim fil-preżenza ta’ Dr Ruben J. Cauchi u l-Kap Eżekuttiv tal-RIDT Wilfred Kenely. Fir-ritratt tidher ukoll is-sinjura Maria Formosa

Il-ġbir u l-identifikar tal-ġene amyotrophic lateral sclerosis (ALS) kollettiv ta’ Malta mistennija li jwasslu biex jintgħarfu b’mod speċifiku dawk il-ġeni abnormali l-ġodda li jikkawżaw jew li jipprovdu protezzjoni kważi sħiħa kontra din il-kundizzjoni.

Dan intqal minn Dr Ruben J. Cauchi, Senior Lecturer fid-Dipartiment tal-Fiżjoloġija u Biokimika, waqt l-iffirmar ta’ ftehim ta’ tliet snin bejn il-Fondazzjoni ALS Malta u l-Università ta’ Malta. 

Il-Fondazzjoni ALS Malta, li twaqqfet minn Bjorn Formosa, ser tkun qed tagħti fondi għal borża ta’ studju ta’ tliet snin f’livell ta’ Ph.D lill-Università ta’ Malta, permezz tal-Fond tar-Riċerka tal-Università (RIDT). L-għotja ta’ €90,000 se tiffinanzja programm ta’ studju postgraduate fl-ALS, magħrufa wkoll bħala motor neuron disease (MND).

Il-borża ta’ studju ser tissejjaħ “Bjorn Formosa Advanced Scholarship for Research into ALS/MND”, imsemmija wara l-fundatur u ċ-chairman tal-Fondazzjoni ALS Malta. Formosa ddistingwa ruħu billi kien minn ta’ quddiem fit-tkabbir tal-għarfien ta’ ALS u fil-ġbir ta’ fondi biex issir riċerka fuq din il-marda. 

Ir-rettur tal-Università ta’ Malta u ċ-chairman ta’ RIDT il-Prof. Alfred J. Vella u Bjorn Formosa ffirmaw il-ftehim ta’ tliet snin, u wara saret il-preżentazzjoni uffiċjali tal-għotja fil-Valletta Campus.

“Dejjem emmint li l-aħjar metodu biex nidentifikaw il-ġeni l-ġodda u nsibu l-aħjar mod ta’ kif inwaqqfu din il-marda hu billi nagħtu lir-riċerkaturi tagħna l-aqwa riżorsi biex jaħdmu,” qal Formosa. “Sfortunatament għad m’hemmx kura għal ALS u, għal din ir-raġuni, irridu nikkonċentraw l-isforzi tagħna biex nagħtu spinta lir-riċerka bit-tama li tinstab soluzzjoni. Nemmen li permezz ta’ kollaborazzjoni mal-komunità xjentifika globali, ix-xjentisti ser isibu mod kif tal-inqas jwaqqfu milli din il-kundizzjoni terribbli tkompli tmur għall-agħar.”  

Filwaqt li rringrazzja lil Bjorn Formosa għall-inizjattiva nobbli u d-determinazzjoni tiegħu, il-Prof. Vella, qal: “Din l-għotja lil-Laboratorju ta’ MND fl-Università ser issaħħaħ u tespandi l-għan tiegħu ħalli jkompli jkabbar l-għarfien tiegħu dwar il-mekkaniżmi marbuta mal-motor neuron disorders. Għarfien bħal dan jippermetti lir-riċerkaturi li jiżviluppaw trattamenti ħalli jtejbu l-ħajja tal-pazjenti li qed isofru minn din il-kundizzjoni inkurabbli.”

Il-borża ta’ studju twaqqfet bil-għan li tattira u tiffinanzja xjentisti żgħażagħ biex jiżviluppaw il-karrieri tagħhom fir-riċerka ta’ ALS/MND. Il-programm ta’ riċerka ser ikun qed jitmexxa minn Dr Ruben J. Cauchi. Dalwaqt ser titnieda s-sejħa għall-applikanti biex jintgħażel kandidat li għandu tal-inqas livell undergraduate fix-xjenza biomedika jew f’suġġett rilevanti. Aktar dettalji ser jingħataw fil-bidu tal-2017.

Il-fondi li nġabru mill-Ice Bucket Challenge, li kisbet poplarità kbira fl-2014, wasslu biex ikun identifikat il-ġene NEK1 li hu kontributur ewlieni tal-ALS. L-istudju jipprovdi mira potenzjali għall-iżvilupp ta’ terapija, u għalhekk qed iressaq lix-xjentisti eqreb għall-iżvilupp ta’ trattament għal din id-diżordni newroloġika. Din l-iskoperta importanti ma kinitx tkun possibbli li kieku l-Assoċjazzjoni ALS ibbażata fl-Istati Uniti ma investietx ammont sostanzjali ta’ fondi li nġabru, biex jinħolqu ALS BioBanks kbar maħsuba biex jinstab il-ġene. 

“L-identifikar tal-ġenoma tal-ALS/MND ta’ Malta hi sfida ambizzjuża imma ċertament pass fid-direzzjoni t-tajba. Il-progress li għamilna fir-riċerka tal-ALS/MND tista’ ma tidhirx ħafna, imma fir-realtà qed inwittu t-triq biex finalment nifhmu, u b’tama nittrattaw din id-diżordni. Id-dedikazzjoni ta’ Bjorn għal din il-kawża u l-konvinzjoni b’saħħitha tiegħu li r-riċerka hi ċ-ċavetta biex tinqered l-ALS kienu fatturi ewlenin,” qal Dr Cauchi.

Il-Fondazzjoni ALS Malta hi l-unika organizzazzjoni nazzjonali tal-karità ffukata fuq il-kura, riċerka u għarfien ta’ MND. Il-fondazzjoni hi netwerk b’saħħtu li jipprovdi tagħrif u appoġġ, u fl-istess waqt iwettaq kampanji biex jitjiebu s-servizzi. Aktar tagħrif jinsab fuq is-sit www.alsmalta.org/donate. Wieħed jista’ wkoll jagħmel għotja fuq l-istess sit. 

Il-Fond tar-Riċerka (RIDT) twaqqaf fl-2011 bħala inizjattiva konġunta bejn l-Università ta’ Malta u l-Gvern ta’ Malta. L-għan ewlieni tal-Fond tar-Riċerka hu li jiġbor fondi biex isostni u jixpruna r-riċerka f’għadd ta’ dipartimenti fl-Università. 

 


 

Għoti ta’ Gradi Onorarji mill-Università ta’ Malta

honorismalti

L-Università ta’ Malta tat il-Grad ta’ Dottorat fil-Letteratura (Honoris Causa) lill-Professur Richard E. Rubenstein, il-Grad ta’ Dottorat fl-Inġinerija (Honoris Causa) lill-Professur Richard England, u l-Grad ta’ Dottorat fil-Letteratura (Honoris Causa) lil Dr Joseph Borg, f’ċerimonja ppreseduta mill-Pro Kanċillier, Dr Michael Sciriha, li saret fil-Knisja tal-Università, il-Belt Valletta, nhar il-Ġimgħa, 2 ta’ Diċembru 2016. 

 

RICHARD E. RUBENSTEIN

L-Università ta’ Malta faħħret l-isforzi bla qjies tal-Professur Richard E. Rubenstein biex jippromwovi r-riżoluzzjoni paċifika u dejjiema ta’ kunflitti madwar id-dinja billi javvanza d-djalogu bejn reliġjonijiet differenti, il-komprensjoni interkulturali u l-paċi pożittiva b’ “passjoni bbażata fuq il-prinċipju, benevolenza eċċezzjonali u intelliġenza inċisiva.”


Fl-orazzjoni tiegħu dwar il-Professur Richard E. Rubenstein, Dr Omar Grech, mill-Akkademja Mediterranja għall-Istudji Diplomatiċi, stqarr li fi żmien fejn l-isfera pubblika kienet qiegħda titbiegħed mill-politika tal-persważjoni, tad-djalogu u ta’ tjubija u tersaq lejn politika ta’ mibegħda, diviżjoni u malizzja, id-deċiżjoni tal-Università ta’ Malta li tagħti dottorat onorarju lill-Professur Richard Rubenstein kienet partikolarment xierqa.

Dr Grech fakkar li l-Professur Rubenstein iggradwa minn tnejn mill-universitajiet l-aktar distinti fid-dinja: l-Università ta’ Harvard (darbtejn) u l-Università ta’ Oxford – żewġ istituzzjonijiet rinomati fost l-eqdem fid-dinja.  Dr Grech irrimarka li għalkemm l-Università ta’ Malta kienet inqas antika minn Oxford, hija kienet eqdem minn Harvard, billi kienet twaqqfet bħala l-Collegium Melitensis fl-1592. Dr Grech lissen bit-tbissima “Dan huwa fatt li, ċertament, il-Professur Rubenstein se jieħu gost jirrimarka dwaru ma’ sħabu ta’ Harvard.” Dr Grech qal li x-xogħol ta’ Rubenstein “jikseb rilevanza speċjali fi żmien meta jinħtieġu aktar minn qatt qabel sforzi biex jerġgħu jiġu skoperti l-affarijiet komuni bejn l-ikbar reliġjonijiet li twieldu fil-Mediterran”. Fil-kitbiet opinjonistiċi numerużi tiegħu fl-istampa Maltija, il-Professur Rubenstein jesprimi b’mod qawwi l-imħabba għal Malta u l-poplu tagħha, fidi fil-vokazzjoni ta’ Malta bħala paċifikatur u ottimiżmu dwar il-kapaċitajiet varji ta’ Malta.  Il-fidi sħiħa tiegħu fil-vokazzjoni ta’ Malta biex toħloq il-paċi, abbinata mal-viżjoni tal-Università ta’ Malta bħala post ideali għall-prattika ta’ riżoluzzjoni ta’ kunflitti, wasslet lill-Professur Rubenstein li jipproponi sħubija bejn The School for Conflict Analysis and Resolution – S-CAR, (l-Iskola għall-Analiżi tal-Kunflitt u tar-Riżoluzzjoni) George Mason University, u l-Università ta’ Malta.  Din il-proposta wasslet għall-ħolqien ta’ grad konġunt, M.A. in Conflict Resolution and Mediterranean Security, li jgħaqqad il-fakultà ta’ S-CAR mal-fakultà tal-Akkademja Mediterranja għall-Istudji tad-Diplomazija.  Il-programm, li wasal fis-seba’ sena tiegħu, diġà kellu ’l fuq minn 80 alumnus li temmew b’suċċess programm intensiv iżda ta’ sodisfazzjon, li poġġa lill-Università ta’ Malta fuq il-mappa tar riżoluzzjoni ta’ kunflitti.


RICHARD ENGLAND

L-Università faħħret il-kontribut tal-Professur Richard England lejn l-arti u d-dixxiplina tal-arkitettura, f’Malta kif ukoll internazzjonalment, permezz tal-kreazzjonijiet arkitettoniċi tiegħu, iżda wkoll bil-kitba u l-pubblikazzjonijiet prolifiċi tiegħu, il-lekċers, il-poeżija u l-fotografija tiegħu, permezz tal-irwol tiegħu bħala l-ambaxxatur arkitettoniku ewlieni ta’ Malta, lejn kull rokna tad-dinja u, mhux l-inqas, permezz tal-impenn kontinwu tiegħu ma’ periti żgħażagħ li għandhom talent.

Il-Professur Alex Torpiano, Dekan tal-Fakultà għall-Ambjent Mibni fl-orazzjoni tiegħu dwar il-Professur England, fakkar fl-istatura tiegħu kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali.  Il-Professur England ilu ħafna żmien jaħdem ma’ periti magħrufin mad-dinja kollha.  Bejn l-1987 u l-1989 kien maħtur bħala Dekan tal-Fakultà tal-Arkitettura u l-Inġinerija Ċivili.  Il-Professur Torpiano qal li matul is-snin, huwa tgħallem numru ta’ lezzjonijiet importanti minn Richard England.  L-ewwel waħda kienet l-importanza tal-kwalità u l-attenzjoni għad-dettall, li kienet tidher f’kull ma għamel.  It-tieni lezzjoni kienet il-ħtieġa għall-kuraġġ, billi x-xogħol ta’ perit qatt ma seta’ jkun moħbi.  It-tielet lezzjoni importanti kienet dik ta’ mentorship u ħbiberija, li biha tagħti lill-istudenti żgħażagħ id-direzzjoni biex ikunu ggwidati fl-aspirazzjonijiet tagħhom. 

Il-Professur Torpiano enfasizza li Richard England kien ukoll l-uniku perit lokali li x-xogħlijiet  tiegħu ġew “skedati”, fiż-żmien li għadu attiv professjonalment.

Din is-sena tirrappreżenta l-mitt sena mill-ewwel kors ta’ studju fl-arkitettura fl-Università ta’ Malta li jwassal għal-lawrja. Il-Professur Torpiano kkonkluda, “Kif nistgħu nikkommemoraw dan iċ-ċentinarju bl-aħjar mod, jekk mhux b’din iċ-ċelebrazzjoni? Illum huwa mument speċjali ħafna għall-Fakultà, b’mod speċjali ħafna ta’ kif niċċelebrawh.”


JOSEPH BORG

Hekk kif Malta qiegħda tipprepara li tippresiedi l-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea, l-Università ta’ Malta faħħret il-kontribut sinifikattiv ta’ Dr Joseph Borg għat-tmexxija effettiva tiegħu waqt in-negozjati li wasslu għall-adeżjoni ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea.  Barra minn hekk, bħala Kap tal-Kumitat għat-Tmexxija u l-Azzjoni Malta - UE u bħala l-mexxej Malti tat-tim tan-negozjati, Dr Borg iddirieġa l-vjaġġ ta’ Malta biex jiġu assigurati aktar minn sebgħin arranġament u derogi mill-acquis communautaire, u wara serva bħala l-ewwel Kummissarju Ewropew ta’ Malta, fejn kellu l-portafoll Tas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi.

Dr Mark Harwood, Direttur tal-Istitut tal-Istudji Ewropej fl-Università ta’ Malta, fl-orazzjoni tiegħu dwar Dr Borg, fakkar li fis-snin 50 meta twieled Dr Joseph Borg, Malta kienet għadha kolonja Brittanika u kienet għadha taħt l-effett tat-Tieni Gwerra Dinjija.  Dr Harwood qal, “F’inqas minn xahar, Malta ser tieħu l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE fuq bażi ta’ rotazzjoni. Aħna ser inkunu assenjati bir-responsabbiltà li ninnegozzjaw il-kompromess fost it-28 pajjiż, pajjiżi li fil-passat sikwit ikkontrollaw id-destin tagħna jew id-destin tal-Mediterran fejn ngħixu.  Permezz tal-isħubija fl-UE issa qegħdin naqsmu r-responsabbiltà li nħarsu l-interessi tal-500 miljun persuna li jgħixu fl-Unjoni tagħna.  Is-sħubija fl-UE hija l-avveniment l-aktar sinifikattiv fl-istorja reċenti ta’ Malta u huwa xieraq li nonoraw lil Dr Borg f’dan il-kuntest, bħala attur ċentrali fi triqitna għas-sħubija fl-UE u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħna fl-istituzzjonijiet wara s-sħubija.”

Bir-riattivazzjoni tal-applikazzjoni ta’ Malta fl-1998, Dr Borg reġa’ lura fil-qalba tar-relazzjonijiet bejn Malta u l-UE, l-ewwel bħala Segretarju Parlamentari tal-Affarijiet Barranin u wara bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin fl-1999.  Ma kienx hemm qbil ċar fost il-Maltin favur is-sħubija fl-UE, iżda taħt Dr Borg, il-proċess irrappreżenta l-aktar eżerċizzju ta’ konsultazzjoni komprensiv u ambizzjuż fl-istorja politika ta’ Malta. 

Dr Harwood sostna li kisba aktar kbira kienet l-irwol ta’ Dr Borg wara s-sħubija, il-kontribut importanti tiegħu għar-relazzjonijiet ta’ Malta mal-Kummissjoni, u l-kontribut partikolari tiegħu fil-politika marittima u tas-sajd tal-Unjoni.  Il-ħatra ta’ Dr Borg bħala l-ewwel Kummissarju Malti tista’ titqies bħala li saħħet ir-reputazzjoni ta’ Malta fil-parteċipazzjoni fl-istituzzjoni, u ta’ kif il-Kummissjoni tħares lejn Malta bħala Stat Membru. 

Dr Harwood enfasizza wkoll li dawk li l-aktar ħadmu mill-qrib ma’ Dr Borg, kemm fl-isfera akkademika kif ukoll fiż-żmien li għamel fil-Gvern Malti u fil-Kummissjoni, irrimarkaw b’mod konsistenti li huwa bniedem ta’ djalogu, bniedem li ‘jħobb joħloq flimkien ma’ dawk ta’ madwaru’.

 


 

Malta tiżviluppa kompjuters jaħdmu bid-dawl

HOTter than Electricity

Samsung tilfet billjuni ta’ euro minħabba diversi splużjonijiet tal-batteriji tagħha. Fil-futur, apparat elettroniku ser jevita din il-problema permezz tal-użu tad-dawl flok l-elettriku. Iżda għalfejn jisħnu l-mowbajls u l-kompjuters? Bħal meta tkaxkar sieqek fuq xi tapit, l-elettriku li għaddej fil-mowbajl li għandek fil-but kapaci jsaħħnu. Difett zgħir ikun biżżejjed biex il-mowbajl jisplodi.

Xjenzjati minn Malta u ħdax-il pajjiż ieħor ser isolvu din il-problema. Il-konsorzju HOT (Hybrid Optomechanical Technologies) ingħata għaxar miljun ewro mill-Kummissjoni Ewropea biex joħloq teknoloġiji ġodda li jaħdmu bid-dawl.

Dan hu rikonoxximent tar-riċerka ewlenija li ssir fid-Dipartiment tal-Fiżika fi ħdan l-Università ta’ Malta. Il-parteċipazzjoni lokali hi mmexxija minn Dr André Xuereb.

Biex nifhmu kif jaħdmu dawn it-teknoloġiji, irridu nimmaġinaw id-dawl bħal ilma ħiereġ minn vit. Persuna jew mera tiġi mbuttata meta tintlaqat mid-dawl. Il-mera li għandek fil-kamra tal-banju tiegħek kemm kemm titħarrek meta tixgħel bozza. Madankollu, mera tant ċkejkna li tkun irqaq minn xagħra tħossha ferm is-saħħa tad-dawl.

Bin-nanoteknoloġija sar possibli li jinbnew oġġetti tant zgħar li ftit dawl kapaċi jċaqlaqhom minn naħa għal oħra. Permezz ta’ dan l-effett, tkun tista’ tixgħel jew titfi swiċċ billi tuża d-dawl biss.

Dawn is-swiċċijiet li jaħdmu bid-dawl ser jgħinu biex jitneħħa l-elettriku mill-kompjuters. Kejl hekk imsejjah ottomekkaniku jirnexxielu jkejjel movimenti ċkejkna. Dan il-kejl jista’ ukoll jaħdem taħt l-art, fejn il-GPS jintilef. Teknoloġiji HOT jistgħu ukoll ikejlu sinjali debboli, u b’hekk isibu użu f’apparat (MRI) li sptarijiet jużaw biex jistudjaw il-ġisem.

Dan il-proġett ser jibni numru ta’ dawn it-teknoloġiji ottomekkaniċi u saħansitra anke jinkorporhom fil-kompjuters tal-futur. Tistagħġeb xejn jekk il-mowbajl li jmiss tiegħek ikun jaħdem bid-dawl.

 


 

Studja l-Università bil-pass tiegħek: Jiftħu l-Applikazzjonijiet tal-PLAS

plas16-17

Il-Programm għall-Arti u x-Xjenzi Liberali (PLAS) tal-Università ta’ Malta joffri opportunità eċċellenti għal żvilupp personali u professjonali. Studenti prospettivi jistgħu japplikaw għal liema u kemm-il taqsima-studju jixtiequ, minn fost għażla wiesgħa ta’ korsijiet qosra li qed jiġu offruti. Kull taqsima-studju tal-PLAS tikkonsisti f’lezzjoni darba fil-ġimgħa bejn is-6pm u t-8pm, normalment għal erbatax-il ġimgħa.   

Dsatax-il taqsima-studju se jkunu qed jiġu offruti fit-tieni semestru tas-sena akkademika 2016/7, li jibda fi Frar 2017. Is-suġġetti jinkludu l-Marketing, il-Ġografija Umana, il-Kostitutzzjoni ta’ Malta, l-Astronomija, il-Miti Klassiċi, id-Dinosawri u l-Evoluzzjoni tal-Ħajja fid-Dinja, l-Istorja tal-Ilsien Malti, l-Arti Dekorattiva f’Malta, l-Ekonomija, il-Filosofija, il-Kriminoloġija, il-Fantaxjenza u l-Kultura tas-Sanskrit.  

Apparti dawn il-korsijiet, qed jiġu offruti wkoll tliet PLAS Tech Units. Dawn huma mmirati l-iktar biex joffru opportunità lill-professjonisti fil-qasam tal-ICT biex isaħħu l-formazzjoni akkademika tagħhom b’emfażi partikolari fuq għażla ta’ teknoloġiji u għodda ta’ software kurrenti u emerġenti. Fis-semestru li ġej se jiġu offruti korsijiet qosra fuq Single Page Applications, Network Penetration Testing, u Spring Framework. Il-PLAS Tech Units huma inklużi fl-iskema Get Qualified. 

L-applikazzjonijiet għal dawn il-korsijiet bħalissa qed jintlaqgħu permezz tas-sit taċ-Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali (CLAS) www.um.edu.mt/clas. Iktar tagħrif dwar taqsimiet-studju individwali u miżati jisabu fuq l-istess sit. L-applikazzjonijiet jagħlqu fis-16 ta’ Jannar 2017.

 


 

Id-Damma—ħolma li saret realtà

Damma

Kienet ħolma tad-Dipartiment tal-Malti, li wara ż-żewġ kotba ddedikati lil Agius de Soldanis, jiġi ppubblikat id-dizzjunarju tiegħu li kien għadu manuskritt. Ix-xogħol inbeda mill-istudenti tad-Dipartiment, Rosabelle Carabott u Joanne Trevisan, li ħadmu taħt is-superviżjoni ta’ Dr Olvin Vella u bl-għajnuna ġeneruża tal-Bibljoteka Nazzjonali. 

Meta d-Dipartiment wasal għall-istadju tal-pubblikazzjoni, bi ftehim mal-Università, inġabru l-fondi mingħand l-Akkademja tal-Malti, il-Kunsill Nazzjonali tal-Malti, Heritage Malta, il-Ministeru ta’ Għawdex, u l-RIDT, li ddedikaw somma sabiħa mogħtija minn BPC International apposta għal dan il-proġett ambizzjuż. Fl-istadju tal-produzzjoni, id-disinjatur, Daniel Cilia, ħa ħsieb iwassal il-proġett sat-tmiem.

Għad-Dipartiment tal-Malti, l-akbar sodisfazzjon mhuwiex biss li wassal d-Damma f’idejn il-qarrejja, imma wkoll li kien kapaċi għal darb’oħra jaħdem ma’ grupp kbir ta’ nies ġejjin minn oqsma differenti. 

 


 

L-Università ta’ Malta takkredita kors qasir ta’ TradeMalta fuq l-Esportazzjoni u l-Internazzjonalizzazzjoni għal Intrapriżi Żgħar u Medji

L-Università ta’ Malta takkredita kors qasir ta’ TradeMalta fuq l-Esportazzjoni u l-Internazzjonalizzazzjoni għal Intrapriżi Żgħar u Medji

Kors ta’ taħriġ ta’ 10 ġimgħat li TradeMalta torganizza għal esportaturi ġodda qed jiġi akkreditat bħala parti mill-Programm għall-Arti u x-Xjenzi Liberali (PLAS) tal-Università ta’ Malta. Il-kors huwa maħsub għal dawk l-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs) interessati fl-esportazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni tal-prodotti jew is-servizzi tagħhom. It-taħriġ se jibda f’Jannar 2017 u jikkonsisti fi tmien sessjonijiet mmexxijin minn akkademiċi u professjonisti fl-industrija, kif ukoll żewġ sessjonijiet oħra li matulhom esportaturi b’esperjenza se jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom mal-parteċipanti.

Wara proċess t’assigurazzjoni tal-kwalità, l-Università akkreditat il-kors qasir bil-valur ta’ erba’ kredti ECTS, li jkunu jiswew bħala parti minn ċertifikat, diploma, diploma għolja jew Baċellerat fl-Istudji Liberali. L-akkreditazzjoni tipprovdi lill-parteċipanti bl-opportunità t’aċċess għar-riżorsi diġitali u faċilitajiet oħra tal-Università. Il-kors dwar l-internazzjonalizzazzjoni u l-immaniġjar tal-esportazzjoni għall-SMEs ikopri suġġetti bħat-tħejjija għall-esportazzjoni, finanzjament u riskju, strateġiji ta’ marketing internazzjonali, tbassir finanzjarju, għarfien tas-suq, analiżi tal-industrija u l-użu tas-social media fl-esportazzjoni.

Il-kors huwa parti mill-programm Go Global ta’ TradeMalta, li hu mmirat lejn esportaturi ġodda. Apparti l-kors ta’ taħriġ, il-programme Go Global jipprovdi lill-intrapriżi żgħar u medji b’analiżi b’xejn tat-tħejjija għall-esportazzjoni kif ukoll b’assistenza finanzjarja għall-implementazzjoni tal-pjanijiet t’esportazzjoni. Il-programm huwa appoġġjat minn HSBC Commercial banking.

Il-kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta u TradeMalta ġiet ifformalizzata fi ftehim li ġie ffirmat fil-15 ta’ Novembru. Ir-Rettur, il-Professur Alfred J. Vella, u d-Direttur taċ-Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali, Dr Jean-Paul De Lucca, iffirmaw f’isem l-Università. Is-Sur David G. Curmi, Chairman, u s-Sur Anton Buttigieg, CEO, iffirmaw f’isem TradeMalta.

Waqt l-iffirmar tal-ftehim, is-Sur Curmi qal “Il-programm ta’ taħriġ Go Global ingħata nifs ġdid u ġew ingaġġati għalliema li għandhom esperjenza kemm akkademika kif ukoll fl-industrija. Inkludejna wkoll materjal ġdid għat-taħriġ u sessjonijiet ma’ esportaturi stabbiliti. L-akkreditazzjoni tal-Università huwa pass importanti għax jipprovdi siġill ta’ kwalità minn istituzzjoni mill-aktar rispettabbli.” 

Ir-Rettur, il-Professur Alfred Vella, qal “L-Università ta’ Malta u TradeMalta għandhom għanijiet komuni fil-kuntest tal-importanza dejjem tiżdied għat-tagħlim tul il-ħajja. Jien kuntent li permezz tal-Programm għall-Arti u x-Xjenzi Liberali nistgħu naħdmu flimkien fuq din l-inizjattiva mmirata lejn settur importanti fl-ekonomija tagħna.”

--- 

Dwar TradeMalta: TradeMalta hija inizzjattiva bi sħab bejn il-Gvern u l-Kamra tal-Kummerċ, li twaqqfet biex toffri għajnuna lill-kumpaniji bbażati f’Malta li jixtiequ jagħmlu success fis-swieq internazzjonali. Aktar tagħrif dwar TradeMalta jista’ jinkiseb mis-sit www.trademalta.org 

Dwar il-Programm fl-Arti u x-Xjenzi Liberali (PLAS) tal-Università ta’ Malta: Il-Programm fl-Arti u x-Xjenzi Liberali (PLAS) huwa maħsub biex joffri opportunità t’edukazzjoni terzjarja kontinwa f’firxa wiesgħa ta’ suġġetti u l-għanijiet tiegħu jinkludu t-tisħiħ tal-kollaborazzjoni interdixxiplinarja fl-Università stess u permezz ta’ rabtiet ma’ speċjalisti barra minnha. Aktar tagħrif: www.um.edu.mt/clas 

 


 

Problema ta’ skart skoperta fil-baħar fond madwar il-Gżejjer Maltin

Skart fil-baħar fond
Xibka tas-sajd imdawra madwar qroll ġebli fil-fond

Bħala parti mill-proġett LIFE BaĦAR for N2K, f’żewġ spedizzjonijiet li tnehdew fl-2015 u l-2016, ġew mistħarrġa 420,000m² ta’ qiegħ il-baħar fond li jinsab fiż-Żona ta’ Konservazzjoni tas-Sajd (Fisheries Management Zone) ta’ 25 mil nawtiku madwar il-Gżejjer Maltin. Robot ta’ taħt l-ilma, mgħammar b’video camera, intuża biex ġie rrekordjat il-qiegħ sa fond ta’ 1,040m.

Xjenzjati mid-Dipartiment tal-Bijoloġija tal-Università ta’ Malta, li huma responsabbli li janalizzaw ir-riżultati, kienu sorpriżi bl-ammont ta’ skart li nnotaw f’qiegħ il-baħar. Tagħmir tas-sajd mormi kif ukoll plastik, fliexken tal-ħġieġ u oġġetti tal-metall li jinkludu vireg, cables, partijiet tal-karozzi mormija u tankijiet taż-żejt, akkumulaw fil-baħar fond. B’mod partikulari, komuni f’postijiet madwar l-ixtut sabu xbieki tat-tkarkir, konzijiet tan-nylon u ċangaturi tal-franka bi ħbula sintetiċi li jintużaw fis-sajd għal-lampuki.

Il-kannizzati tal-lampuki huma ankrati ma’ qiegħ il-baħar biċ-ċangaturi tal-franka, u l-ħbula tal-irmiġġ jitqaċċtu u jintremew meta jispiċċa l-istaġun tas-sajd. Iċ-ċangaturi tal-franka, meta jkunu depożitati fil-qiegħ, jistgħu jagħmlu ħsara diretta lill-ispeċi li jgħixu fis-sikek, filwaqt li l-ħbula twal mormija jistgħu jitgħaqqdu ma’ ħlejjaq bħall-ispeċi vulnerabbli ta’ qroll, bħall-qroll ġebli u l-qroll gorgonju li jinsabu fil-fond. Xlief tan-nylon li jintuża għas-sajd tal-qiegħ bil-konzijiet, biex jistadu  għal speci bħall-marlozz, il-lipp abjad, u l-mazzola, sikwit instabu mgħaqqda fuq is-sikek fil-fond.

Għalkemm l-iskart madwar l-ixtut huwa problema magħrufa, l-ammont li ġie żvelat minn dan l-istħarriġ komprensiv bil-vidjow ta’ żoni li ma kinux ġew esplorati qabel, kien sorprendenti; ġie osservat l-iskart f’kull waħda mill-mitejn għadsa bir-robot ta’ taħt l-ilma, li kien imħaddem mill-organizazzjoni Oceana. 

Il-proġett LIFE BaĦAR for N2K għandu bħala għan finali li jiżgura li l-ambjenti naturali vulnerabbli tal-baħar, li jinkludu s-sikek tal-qroll fil-fond, jiksbu protezzjoni permezz li jiġu mwaqqfa siti protetti tal-baħar taħt il-kappa ta’ Natura 2000, in-netwerk tal-Unjoni Ewropea li b’mod kollettiv jissalvagwardja l-inħawi naturali l-iżjed prezzjużi tal-UE. L-informazzjoni miġbura waqt l-istħarriġ se jippermetti l-formulazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni sabiex jiġu ndirizzati l-isfidi identifikati, li jinkludu l-iskart fil-baħar u l-effetti ta’ tagħmir tas-sajd mormi. Pjan ta’ konservazzjoni After-LIFE (After-LIFE Conservation Plan) li jagħti fid-dettall attivitajiet ta’ immaniġġjar u konservazzjoni għal wara li jispiċċa dan il-proġett, se jiġi fformulat permezz tal-proġett LIFE BaĦAR for N2K biex jipprovdi gwida għall-partijiet kollha involuti.

Il-proġett LIFE BaĦAR for N2K huwa kofinanzjat mill-Programm ta’ Finanzjament UE LIFE+, u huwa mmexxi mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), flimkien mal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima (MSDEC), id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura (DFA), id-Dipartiment tal-Bijoloġija tal-Università ta’ Malta (DoB-UOM) u Oceana bħala msieħba.

Kuntatt:
Dr Leyla Knittweis-Mifsud; Research Support Officer II; L-Università ta' Malta
Tel: +356 2340 3092
Email

Il-proġett LIFE BaĦAR for N2K jimmira li jestendi Siti ta’ Importanza Komunitarja (SIK) marittimi eżistenti u jidentifika SIK ġodda fl-ibħra Maltin biex jiġu inklużi fin-netwerk Natura 2000. Il-proġett huwa kkoordinat mill-ERA b’assoċjazzjoni mal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, id-Dipartiment għas-Sajd u l-Akkwakultura, l-Università ta’ Malta u Fundación Oceana. Il-Proġett LIFE BaĦAR for N2K (LIFE12 NAT/MT/000845) huwa kkofinanzjat 50 % mill-Programm ta’ Finanzjament UE LIFE+.

Għal iktar informazzjoni żur www.lifebahar.org.mt

 


 

L-Università ta’ Malta u Aġenzija Żgħażagħ jifformalizzaw il-kollaborazzjoni tagħhom

L-Università ta’ Malta, permezz tad-Dipartiment tal-Istudju taż-Żgħażagħ u l-Komunità, fil-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, iffirmat Memorandum ta’ Ftehim (Memorandum of Understanding – MoU) mal-Aġenzija Żgħażagħ. Ir-Rettur, il-Prof. Alfred J. Vella, iffirma l-Memorandum f’isem l-Università, filwaqt li l-Kap Eżekuttiv, is-Sa Miriam Teuma, iffirmat f’isem l-Aġenzija Żgħażagħ. Is-Sur Joseph Caruana, Segretarju Permanenti, fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, u Dr Andrew Azzopardi, Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà u Kap tad-Dipartiment tal-Istudju taż-Żgħażagħ u l-Komunità, kienu xhieda għall-iffirmar tal-Memorandum, fil-preżenza tal-Ministru Evarist Bartolo.

Iż-żewġ Partijiet qablu li l-inizzjattivi kollaborattivi kollha li jitwettqu minnhom fil-kuntest ta’ dan il-Memorandum ikunu ggwidati mill-għanijiet u strateġiji tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ Lejn l-2020. Il-Ftehim li hu validu għal tliet snin jifformalizza r-relazzjoni diġà b’saħħitha bejn iż-żewġ Partijiet. L-Aġenzija Żgħażagħ tipprovdi l-impetu prinċipali fejn jidħol il-provediment tas-servizz u din ir-rabta mas-settur taż-żgħażagh hija importanti għall-Università. Il-Ftehim huwa maħsub li jikkonsolida din ir-relazzjoni, ikabbar il-kollaborazzjoni fir-riċerka, jiżviluppa taħrig ta’ superviżjoni, u jtejjeb il-kooperazzjoni mal-Erasmus.

Il-Memorandum huwa pass ieħor f’lista ta’ kisbiet li wettaq din is-sena d-Dipartiment tal-Istudju taż-Żgħażagħ u l-Komunità fl-Università. Fost dawn, id-Dipartiment beda kors ġdid li jwassal għall-M.A. in Youth Justice, u introduċa kors ta’ matul il-jum li jwassal għall-B.A. in Youth & Community Studies. Is-settur taż-żgħażagħ jevolvi b’mod rapidu u d-Dipartiment jagħmel mill-aħjar sabiex jiżgura li l-korsijiet tiegħu qegħdin verament jirrispondu għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ. Il-missjoni tiegħu hija li ssir riċerka fl-oqsma tal-istudju taż-żgħażagħ u l-komunità u, flimkien ma’ korpi oħra interessati, iwaqqaf u jagħti korsijiet fl-istudju taż-żgħażagħ u l-komunità li jwasslu għal kwalifiki akkademiċi/vokazzjonali. Id-Dipartiment jipprova wkoll jieħu sehem f’dibattiti pubbliċi dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw liż-żgħażagħ permezz tal-organizzazzjoni ta’ konferenzi u fora bl-għan li jikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta’ nuqqasijiet u lakuni fil-leġiżlazzjoni u fis-servizzi għaż-żgħażagħ, kif ukoll biex jisfida d-diskors dominanti dwar iż-żgħażagħ.

Mill-banda l-oħra, il-missjoni tal-Aġenzija, hija li timmaniġġja, timplimenta u tirregola l-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ sabiex tippromwovi u tissalvagwardja l-interessi taż-żgħażagħ.

 


 

Studenti tal-Ekonomija jistaqsu Mistoqsijiet Pertinenti

Mit-traffiku għall-prezzijiet tal-proprjetà, mill-obesità għar-rati negattivi ta’ imgħax, mill-pagi għall-benesseri

Studenti mid-Dipartiment tal-Ekonomija fl-Università ta’ Malta ppreżentaw il-proġetti ta’ riċerka li għandhom ħsieb jaħdmu fuqhom matul is-sena akkademika 2016-7.  F’seminar li sar fil-Kampus tal-Belt Valletta, il-bieraħ, l-istudenti ppreżentaw posters u spjegaw il-bażi loġika u l-mod tar-riċerka tagħhom.

Dr Marie Briguglio, li ppresediet is-seminar, osservat li l-istudenti kienu fehmu sew li r-riċerka fl-ekonomija jeħtieġ li tkun oriġinali, xjentifika u rilevanti, u li l-għażla tas-suġġetti tkopri wħud mill-prijoritajiet ewlenin għall-interventi ta’ politika fil-gżejjer Maltin.  L-istudenti kellhom mistoqsijiet pertinenti x’jistaqsu fl-oqsma tal-Ekonomija tat-Trasport, is-Saħħa, il-Kultura, ix-Xogħol, dak Monetarju u dak Finanzjarju, il-qasam tal-Proprjetà Immobbli u dak Industrijali, kif ukoll dwar l-ekonomija tat-Tkabbir u l-Benesseri.

L-istudenti sostnew li kien hemm il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-effetti tal-prezzijiet fuq ix-xejriet fit-trasport, li jinkludu dawk tas-sussidju fuq it-trasport pubbliku, u l-introduzzjoni ta’ meters tal-parkeġġ.  Oħrajn bdew jeżaminaw l-effett tal-istil ta’ ħajja fuq il-produttività, il-fatturi determinanti tal-obesità u t-talba għas-servizzi tas-saħħa.  Suġġetti oħra li għandhom jiġu eżaminati mill-istudenti din is-sena huma l-effett tal-governanza fuq il-benesseri, l-effett tal-kriżi finanzjarja fuq it-tkabbir, il-fenomenu tar-rati negattivi ta’ imgħax u x-xiri tal-assi mill-banek.  Xi wħud mill-istudenti eżaminaw swieq speċifiċi, bħal dawk għall-prodotti magħmulin Malta, għall-ivvjaġġar bl-ajru u għal prodotti u servizzi kulturali.  L-istudenti saqsew ukoll għaliex il-pagi Maltin huma baxxi, u jekk teżistix xi ‘bubble’ fil-proprjetà.

Il-Kap tad-Dipartiment, Dr Philip Von Brockdorff, qal li l-istandard tat-teżijiet fl-ekonomija kien meqjus b’mod pożittiv ħafna minn eżaminaturi esterni f’dawn l-aħħar snin.  Huwa awgura li x-xogħol li se jsir mill-istudenti kien se jikkontribwixxi b’mod sinifikattiv mhux biss għall-formazzjoni tal-istudenti iżda wkoll għall-korp tax-xogħol tad-dipartiment sa issa.

Wieħed jista’ jifli l-posters tal-istudenti matul il-ħinijiet tal-uffiċċju fid-Dipartiment tal-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy, Tal-Qroqq.

Għal aktar dettalji/intervisti jekk jogħġobkom ikkuntattjaw lil Dr Marie Briguglio.

 


 

Gżira Żgħira. Kontribuzzjonijiet kbar.

think17a 

Il-kurżità hija l-katalist tal-evoluzzjoni umana.  Din it-tfittxija bla heda għar-risposti hija l-forza komuni tar-riċerkaturi. L-Esperiment ALICE tas-CERN, li fih hemm 1500 xjenzjat li qed jikkollaboraw, huwa l-eżempju perfett.  L-aħħar ħarġa tar-rivista THINK  tidħol fil-fond ta’ din il-kollaborazzjoni unika, hekk kif tfittex biex tikxef l-elementi l-aktar bikrin li jsawru l-materja, permezz ta’ intervisti mal-kontributuri ta’ ALICE mill-Università ta’ Malta.  


Iżjed qrib tagħna, ninvestigaw il-prevalenza tad-dijabete fost il-poplu Malti u n-nies li qegħdin jippruvaw inaqqsuha.  Qed jitwettaq xogħol essenzjali fl-Università ta’ Malta bis-saħħa tad-Diabetes Foot Research Group li qed jipprova jiżviluppa detector ġdid li jkun jista’ jgħin lill-professjonisti jidentifikaw il-marda aktar kmieni fl-iżvilupp tagħha, u hekk ikunu jistgħu jirreaġixxu b’mod ħafna aktar mgħaġġel u jtejbu l-ħajja tan-nies.

Tkompli d-diskussjoni dwar it-titjib tal-ħajja, f’ċertu sens, mal-Prof. Pierre Mallia hekk kif janalizza l-mewt u l-kura fi tmiem il-ħajja.  Fi żmien li l-Gvern ta’ Malta qed jiffaċċja sejħiet biex l-ewtanasja tkun aċċessibbli għal min jeħtieġha, dan l-artiklu joffri perspettiva ta’ min jesploraha.

Riċerka oħra mill-Università ta’ Malta hija, bħas-soltu, varjata. Il-Prof. Noellie Brockdorff titkellem dwar ir-riskji u r-raġuni l-għala n-nies huma daqshekk inkapaċi jagħrfu t-theddid għall-benesseri tagħhom. Storja oħra tiffoka dwar kif il-pannelli solari jistgħu jsiru aktar effiċjenti, li żgur ikun ta’ benefiċċju f’pajjiż fejn ix-xemx tiddi għall-maġġoranza tas-sena.

Ir-rivista Think hija wkoll mimlija reċensjonijiet, stejjer mill-istudenti u ħafna aktar.  Hemm firxa ta’ suġġetti, minn kif jaħsbuha in-nies dwar il-pornografija, sal-mapep, il-wirja tal-Arti Diġitali tal-MFA L-Għ, ir-radju-teleskopju ġdid tal-Università ta’ Malta u l-ewwel pjattaforma indiġena f’Malta għall-ġbir ta’ fondi, Zaar. 


Ir-rivista ta’ riċerka Think tal-Università ta’ Malta tista’ tinġabar b’xejn mingħand il-librara madwar Malta u Għawdex u mill-ħwienet tal-kotba tal-Agenda. Tinsab onlajn, fuq Issuu jew ‘liked’ fuq Facebook.

 think17b 


 


 

Sejħa għall-Kitbiet

sejhakitbiet 

Jekk tikteb u inti żagħżugħ jew żagħżugħa, għandek opportunità sabiex tieħu sehem f’serata li se tittella’ f’Jannar 2017. It-tema ewlenija, jiġifieri l-martirju, tista’ tiġi interpretata b’mod wiesa’ u l-kitbiet għandhom ikunu qosra biżżejjed sabiex jinqraw f’4 minuti jew inqas. Fil-każ ta’ stejjer qosra, nissuġġerixxu tul ta’ bejn 300 u 500 kelma, filwaqt li l-poeżiji għandhom ikunu ta’ madwar 30 vers. Il-kitbiet għandhom ikunu bil-Malti.

Is-sottomissjonijiet huma miftuħa għal żgħażagħ taħt il-35 sena, u għandhom jintbagħtu fuq wieħed minn dawn l-indirizzi sa nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Novembru: 

info@sanpawl.com jew għaqdatalmalti@gmail.com

Wara li ssir l-għażla, għandha ssir laqgħa u jista’ jkun li ssir talba għal xi bidliet ta’ natura editorjali. Din is-serata qed tittella’ mill-Akkademja Kulturali Pawlina b’kollaborazzjoni mal-Għaqda tal-Malti – Università. Għal aktar tagħrif tistgħu żżuru l-paġni tal-Facebook taż-żewġ għaqdiet u l-attività nnifisha:

www.facebook.com/Akkademja-Kulturali-Pawlina

www.facebook.com/ghaqdamalti

www.facebook.com/events/702637639911902/ 

 


 

Stqarrija mill-Università ta’ Malta (19 Ott 2016)

Wara l-inċident li seħħ fil-jiem li għaddew bejn part-time visiting lecturer fl-Università ta’ Malta u student, is-Sur Stephen Florian informa lill-Università li kien qed jissottometti r-riżenja tiegħu b’effett immedjat. 

Ir-riżenja tas-Sur Florian ġiet wara li fi tmiem il-ġimgħa għamel apoloġija pubblika dwar kummenti li kien għamel fir-rigward tal-istudent. L-Università ħadet nota tal-iżviluppi u laqgħet ir-riżenja tas-Sur Florian.  

L-Università għal darba oħra ttenni li tħaddan id-diversità u tipprovdi ambjent akkoljenti għat-tagħlim lil aktar minn 12,000 student, li jinkludu ’l fuq minn elf student undergraduate u postgraduate minn 92 pajjiż. Il-komunità akkademika hija minnha nnifisha internazzjonali u diversa.

 


 

Stqarrija mill-Università ta’ Malta (17 Ott 2016)

Fid-dawl tal-avvenimenti riċenti fejn issemma student transgender, l-Università ta’ Malta tenfasizza l-impenn tagħha li tappoġġa u tipproteġi d-diversità u d-drittijiet tal-individwi kollha. L-Università tiddisassoċja ruħha mingħajr riżervi mill-azzjonijiet kollha, kemm verbali jew f’forma ohra, kif ukoll dawk li jinkoraġġixxu d-diskriminazzjoni u / jew il-mibegħda razzjali kontra kwalunkwe grupp ta’ nies.

Filwaqt li tiddikjara li temmen bis-sħiħ fid-dritt għal-libertà tal-espressjoni u l-assoċjazzjoni, l-Università ta' Malta tikkundanna l-azzjonijiet kollha li huma mmotivati, totalment jew parzjalment, minn kwalunkwe forma ta' ostilità lejn gruppi diversi.

L-Università hija kburija li tħaddan id-diversità u tipprovdi ambjent akkoljenti għat-tagħlim lil aktar minn 12,000 student, li jinkludu ’l fuq minn elf student undergraduate u postgraduate minn 92 pajjiż. Il-komunità akkademika hija minnha nnifisha internazzjonali u diversa.

L-Università tikkjarifika li kuntrarju għal xi rapporti fil-media, l-individwu in kwistjoni, is-Sur Stephen Florian, m’huwiex akkademiku full-time, iżda part-time visiting lecturer.

L-Università qed tinvestiga minnufih din il-kwistjoni.

 


 

L-Għoti tal-Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borgese 2016 tal-IOI

bursary2016

L-preżentazzjoni tar-riżultati tal-Borża ta’ Studju li ngħatat fl-2015

Il-Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borgese tal-International Ocean Institute (IOI) twaqqfet  sabiex jintwera rikonoxximent lil Malta bħala l-pajjiż li jospita lill-IOI. Malta tilqa’ l-Kwartieri Ġenerali tal-IOI u tipprovdi l-uffiċċji u l-faċilitajiet għall-istaff fuq il-Kampus tal-Imsida tal-Università ta’ Malta.  Il-Borża ta’ Studju hija ffinanzjata mill-IOI u tikkostitwixxi għarfien u apprezzament ulterjuri għall-irwol tal-Prof. E. Mann Borgese, fundatriċi tal-IOI, u għall-kisbiet konsiderevoli tagħha.

Il-Borża ta’ Studju EMB 2016 qed tingħata lil Dr Stefano Moncada biex jagħmel riċerka bl-isem “Climate Coping Strategies, Economic Wellbeing and Sustainability in Vulnerable Coastal Communities” ("Strateġji tal-Immaniġġjar tal-Klima, Prosperita' Ekonomika u Sostenibilita' f'Komunitajiet Kostali Vulnerabbli"). Ir-riċerka, li se titmexxa minn Dr Stefano Moncada taħt il-Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borgese 2016/2017, għandha l-għan li tidentifika l-istrateġiji tal-immaniġġjar li jiġu adottati b’reazzjoni għall-varjabilità u tibdil fil-klima, u biex jiġu diskussi l-implikazzjonijiet ta’ dawn l-istrateġiji għall-prosperità ekonomika u għall-sostenibilità fit-tul.  Ir-riċerka hija maħsuba li tinvestiga dan fil-kuntest ta’ komunitajiet kostali vulnerabbli fi gżejjer żgħar, b’hekk tappoġġja r-riċerka u attivitajiet ta’ tagħlim bejn iċ-ċentri nazzjonali u reġjonali li jaħdmu fil-qasam tal-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-Oċean.

Il-Borża ta’ Studju EMB 2015 li ngħatat lil Ms Kristina Edwards biex tagħmel riċerka dwar l-effetti tal-kuntatt mal-mikroplastiċi fuq il-ħajja marina b’referenza partikulari għaż-żona Ċentrali tal-Mediterran ukoll waslet għall-konklużjoni f’Ottubru bil-kisba b’suċċess tal-għanijiet tar-riċerka li għaliha ngħatat il-Borża ta’ Studju EMB.

Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Borża ta’ Studju għal din is-sena saret fit-13 ta’ Ottubru fl-uffiċċji tal-Kwartieri Ġenerali tal-IOI fuq il-Kampus.  Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm il-Pro-Rettur il-Professur Joseph Cacciottolo, il-Professur Louis Cassar, Dr Stefano Moncada, Ms Antonella Vassallo (Direttur Maniġerjali tal-IOI) u r-rebbieħa tal-Borża ta’ Studju EMB ta’ qabel, Ms Kristina Edwards.

Għal aktar informazzjoni dwar l-IOI u l-programmi tiegħu jekk jogħġobkom ikkuntattjaw lil ioihq@ioihq.org.mt  jew żuru s-sit elettroniku tal-IOI.


Elisabeth Mann Borgese (24 t’April, 1918 – 8 ta’ Frar, 2002), waqqfet l-IOI fl-1972 bħala organizzazzjoni internazzjonali mhux governattiva u li ma taħdimx għall-profitt, ibbażata fuq l-għerf, u li hija ddedikata għall-iżvilupp sostenibbli tal-oċeani. L-IOI jaħdem biex iwettaq u jespandi l-prinċipji miġbura fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar għall-benefiċċju tal-umanità kollha, b’konsiderazzjoni partikulari għall-foqra.  Il-missjoni tal-International Ocean Institute hija li jippromwovi edukazzjoni, taħriġ u riċerka biex itejjeb l-użu paċifiku tal-ispazju tal-oċean u r-riżorsi tiegħu, l-immaniġġjar u r-regolamentazzjoni tagħhom kif ukoll il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar, immexxija mill-prinċipju tal-Wirt Komuni tal-Umanità.

Malta hija l-pajjiż li jospita l-Kwartieri Ġenerali tal-International Ocean Institute.  Bħala stat gżira fiċ-ċentru tal-Baħar Mediterran hija għandha storja twila ta’ dipendenza fuq il-baħar kif ukoll tradizzjoni qawwija ta’ xogħol marittimu, tas-sajd u tat-tbaħħir.  Is-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea tobbligaha li żżomm mal-politiki marittimi u tas-sajd kif ukoll ma’ konvenzjonijiet u regolamenti li għandhom skop globali. 

 


 

Rekord dinji ġdid: Popolazzjonijiet ta' qroll aħmar prezzjuż instabu f'fond rekord f'Malta

lifebahar1

Research vessel and underwater robot

 

Ġie mwaqqaf rekord ġdid ta’ fond li fih jinstab il-qroll aħmar prezzjuz fil-baħar, u dan ir-rekord jappartjeni lil Malta. Il-baħar fond madwar il-Gżejjer Maltin kien mistħarreġ matul żewġ spedizzjonijiet differenti, fl-2015 u l-2016, bħala parti mill-proġett ‘LIFE BaĦAR for N2K’. Matul dan l-istħarriġ, intużat vettura li togħdos taħt l-ilma li kienet mgħammra b’kamera awdjo-viżwali biex jigi mistħarreg qiegħ il-baħar sa fond ta’ madwar kilometru. Ix-xjenzati tal-proġett kienu sorpriżi li sabu numru ta’ kolonji ta’ qroll aħmar (Corallium rubrum) li kien qed jikber sa fond ta’ 1,016 metru – xi 200 metru aktar fond mir-rekord ta’ qabel, ukoll fl-ibħra Maltin.

Ix-xjenzati mill-NGO Oceana, li ħadu ħsieb jagħmlu l-istħarriġ taħt il-baħar, u mid-Dipartiment tal-Bioloġija fl-Università ta’ Malta, li kienu responsabbli għall-analiżi tal-informazzjoni miġbura, dan l-aħħar ippreżentaw is-sejbiet tagħhom waqt il-41 Kungress tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Esplorazzjoni Xjentifika tal-Mediterrann (CIESM) li sar f’Kiel, il-Ġermanja, mit-12 sas-16 ta’ Settembru 2016.

Il-professur Patrick J. Schembri, mid-Dipartiment tal-Bioloġija tal-Università ta’ Malta, spjega li ‘kolonji tal-qroll aħmar huma normalment irrapportati minn fond li jvarja bejn 15-il metru u 300 metru, u qatt qabel ma ġew irreġistrati f’fond ta’ aktar minn 800 metru. Il-kolonji kienu parti minn komunità ta’ qroll differenti li jgħixu f’fond ta’ minn 300 sa 1,000 metru. Dan ir-rekord kien sorpriża u juri kemm nafu ftit dwar il-baħar li jdawwar il-gżejjer tagħna stess.’

 

lifebahar2 

Living red coral at 1010 m depth 

 

Diversi sejbiet interessanti oħra magħmula waqt l-istħarriġ tal-LIFE BaĦAR for N2K kienu ppreżentati wkoll fl-istess kungress tas-CIESM. Dawn jinkludu l-iskoperta ta’ sikka magħmula minn sponoż iffossilizzati f’fond  ta’ madwar 300 metru, għerien tal-baħar f’fond ta’ 450 metru, kif ukoll meded kbar ta’ ramel u ħama li fuqhom jgħixu għadd differenti ta’speċi, inkluż xi wħud rari u anki mhedda. 

Ricardo Aguilar, mexxej tal-ispedizzjoni u direttur tar-riċerka tal-Oceana fl-Ewropa, irrimarka li ‘Ħafna mis-siti fejn iltqajna ma’ diversi sikek tal-qroll qatt ma kienu riċerkati qabel, u s-sejbiet mill-proġett tal-LIFE Baħar for N2K jindikaw li l-baħar fond madwar Malta jirrappreżenta hotspot ta’ biodiversità importanti.’

Il-proġett LIFE BaĦAR for N2K, li permezz tiegħu ġew iffinanzjati dawn l-ispedizzjonijiet, għandu l-għan finali li jkun żgurat li l-ambjenti naturali mhedda tal-baħar, inklużi sikek tal-baħar fond, jiġu mħarsa billi jiġu mwaqqfa siti marittimi protetti taħt in-Natura 2000 netwerk tal-Unjoni Ewropea, li kollettivament jissalvagwardja ħafna żoni naturali ta’ valur fl-UE. L-informazzjoni miġbura matul l-istħarriġ ser tippermetti t-tnidija ta’ miżuri iktar effettivi ta’ ħarsien u mmaniġġjar tal-ambjent sabiex jiġu indirizzati dawk l-affarijiet li jagħmlu ħsara, inkluż skart tal-baħar u l-irkaptu tas-sajd mormi.

 

 lifebahar3

Deep-water coral reef with red coral 

 

Il-proġett LIFE BaĦAR for N2K hu ko-finanzjat mill-programm ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea EU LIFE+, u huwa mmexxi mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), mal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima (MSDEC), id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura (DFA), id-Dipartiment tal-Bioloġija fl-Università ta’ Malta (DoB-UoM) u Oceana bħala msieħba.

Il-proġett LIFE BaĦAR for N2K jimmira li jestendi Siti ta’ Importanza Komunitarja (SIK) marittimi eżistenti u jidentifika SIK ġodda fl-ibħra Maltin biex jiġu inklużi fin-netwerk Natura 2000. Il-proġett huwa kkoordinat mill-ERA b’assoċjazzjoni mal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, id-Dipartiment għas-Sajd u l-Akkwakultura, l-Università ta’ Malta u Fundación Oceana. Il-Proġett LIFE BaĦAR for N2K (LIFE12 NAT/MT/000845) huwa kkofinanzjat 50 % mill-Programm ta’ Finanzjament UE LIFE+.

Għal iktar informazzjoni żur www.lifebahar.org.mt

 


 

Madwar 25,000 kienu l-Belt għall-Science in the City

Eluf ta’ familji u persuni ta’ kull età daħlu l-belt Valletta l-Ġimgħa filgħaxija biex jesperjenzaw għadd ta’ attivitajiet dwar ix-xjenza tal-European Researchers’ Night, Science in the City 2016. It-tema matul din il-ħames edizzjoni kienet il-moħħ uman.

Hu stmat li madwar 25,000 persuna żaru dan il-festival annwali tax-xjenza li inkluda minn taħdidiet xjentifiċi, esperimenti interattivi, wirjiet u esperjenzi hands-on għal faċilità li bil-moħħ tikkontrolla mużika u ritratti, mind games u riċerka ġdida fin-newroxjenza. Il-festival kien mżewwaq ukoll b’mużika, żfin u teatru esperimentali, kollha ispirati mill-moħħ u l-intellett. 

Iktar minn 60 riċerkatur u 200 student ħadu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Science in the City. Il-festival attira wkoll iktar minn 50 msieħba, inkluż numru ta’ NGOs, fosthom mis-settur tas-saħħa mentali. 

Il-Prim Ministru u s-Sinjura Muscat żaru ż-żona tar-Riċerka dwar is-Saħħa u l-Mard Rari fejn in-National Alliance on Rare Disease u l-Malta Bio-Bank tellgħu l-wirjiet tagħhom. Huma ġew wiċċ imb’wiċċ mar-realtà ta’ mard tal-moħħ rari fit-tfal.

Wirja li tesponi r-riċerka tal-Malta Neuroscience Network u ta’ xjentisti oħra fin-newroloġija fl-Università ta’ Malta ser tibqa’ miftuħa fil-bini tal-Parlament sas-6 ta’ Ottubru. Il-wirja tiċċelebra wkoll il-kontribut fix-xjenza newroloġika ta’ erba’ personalitajiet Maltin, fosthom il-Professur Louis Vassallo, il-Professur George P. Xuereb, Dr Ludvic Zrinzo u l-Professur Edward de Bono għax-xogħol pijunier li wettqu fix-xjenza tal-moħħ u fil-mard newroloġiku. 

TVM xandar produzzjoni dwar ir-riċerka tax-xjenza newroloġika f’Malta waqt li kienet qed issir l-attività fil-belt Valletta. 

Il-festival European Researchers’ Night, Science in the City hu ffinanzjat mill-Proġett Horizon 2020, (H2020, 2014-2020) ta’ Marie Skłodowska-Curie Actions tal-Kumissjoni Ewropea u hu organizzat minn konsorzju mmexxi mill-Università ta’ Malta, il-Malta Chamber of Scientists, il-Fond tar-Riċerka tal-Università (RIDT) u msieħba oħra. Il-festival hu rikonoxxut bħala festival mill-Europe for Festivals and Festivals for Europe (EFFE). 

 


 

Ftuħ tas-Sena Akkademika 2016-2017

Id-diskors tar-Rettur [PDF]

Dalgħodu, il-Purċissjoni tal-Akkademiċi lejn is-Sala Sir Temi Zammit tat il-bidu għall-ftuħ tas-sena akkademika l-ġdida fl-Università ta’ Malta.  Kemm ir-Rettur, il-Professur Alfred J. Vella, kif ukoll il-President tal-KSU, Steph Dalli, li indirizzaw lill-udjenza tagħhom għall-ewwel darba fl-irwol ġdid tagħhom, taw merħba lill-Freshers għas-Sena Akkademika 2016-2017.

Il-University Wind Ensemble taħt id-direzzjoni ta’ Dr Philip Ciantar daqqet intervalli mużikali, filwaqt li l-Quddiesa tal-Inawgurazzjoni kienet iċċelebrata fil-Kappella tal-Università miċ-Chaplain Fr Michael Bugeja.

Il-Prof. Vella introduċa lit-tim tiegħu ta’ pro-Retturi lill-istudenti l-ġodda. Dawn huma: il-Prof. Joseph Cacciottolo (Academic Affairs); Dr Carmen Sammut (Student and Staff Affairs and Outreach); il-Prof. Saviour Zammit (Research and Knowledge Transfer); il-Prof. Tanya Sammut Bonnici (Strategy and Enterprise) u l-Prof. Godfrey Baldacchino (International Development).

Ir-Rettur beda d-diskors tiegħu billi enfasizza l-fehma tiegħu li ż-żmien fl-Università għandu jitqies bħala ħin ta’ kwalità, li jgħin lill-istudent jikber fuq livell personali, bħala studjuż, u bħala persuna realizzata.

Meta rrefera għat-tema ta’ din is-sena “Studja għal-lawrja; studja għall-ħajja”, il-Prof. Vella qal “il-kampus għandu jkun post, fost oħrajn, fejn l-espressjoni intelliġenti u inċiżiva tista’ tiġi pprattikata sakemm issir konswetudini u parti min-norma għal persuni b’edukazzjoni universitarja.” Żied jgħid li għal dan il-għan ser ikun qed jippromwovi kultura ta’ dibattitu formali u xieraq, u b’hekk tiġi nkoraġġuta dik li tissejjaħ debating society fuq il-Kampus. 

Il-Prof. Vella kkwota artiklu reċenti f’Academe (Sullivan, P., vol. 102(3), Mejju/Ġunju 2016), li jgħid li l-għalliema jista’ jkun li kkontribwixxew għall-qirda tal-imħabba għall-qari fl-istudenti minħabba li  wasslu l-edukazzjoni bħala mezz li permezz tiegħu wieħed jgħaddi mit-testijiet u l-eżamijiet, aktar milli bħala attività li tarrikkixxi u tagħti sodisfazzjon, u li hija maħsuba biex tifforma persuni f’individwi infurmati u kunfidenti, ippreparati b’ħiliet u kompetenzi li jservu lil dak li jkun matul il-karriera tiegħu.  Il-Prof. Vella qal li biex wieħed jikseb is-suċċess, huwa importanti li l-istudent ikun qarrej impenjat li jkompli jaqra tul il-ħajja, mhux biss għall-bżonn iżda wkoll għaliex il-qari huwa parti mit-tfittxija għall-kuntentizza.

Ir-Rettur tenna li r-riċerka wriet li aktar ma naqraw, aktar moħħna jsir newroplastiku b’hekk jiġu promossi aktar proċessi konjittivi.  Huwa qal li r-riċerka turi li l-intelliġenza u l-IQ jistgħu jissaħħu permezz tal-isforz u l-attività, inkluż permezz tal-qari impenjattiv u analitiku, kif ukoll il-qari għall-gost.

Waqt li rrefera għall-importanza ta’ ħiliet tajbin ta’ kitba u l-użu profiċjenti tal-lingwa Ingliża – il-lingwa universali tal-kisba akkademika – ir-Rettur qal li l-Università se toħloq skema li tipprovdi assistenza esperta addizzjonali lil dawk l-istudenti tal-ewwel grad li jeħtiġuha.

Ir-Rettur ikkonkluda d-diskors tiegħu billi xtaq lill-Freshers sena produttiva fl-Università u li jittama li l-edukazzjoni tagħhom tgħinhom jirrealizzaw l-aspirazzjonijiet ta’ ħajjithom.

 


 

Il-Ħames Laqgħa Annwali ta’ Science in the House mal-Membri Parlamentari

scienceinthehous16a 

Xjentisti riċerkaturi qed jispjegaw ir-riċerka tagħhom lil (mix-xellug) Prof Giuseppe Di Giovanni, u l-Onor. Dr Anġlu Farrugia 

 

L-Onor. Anġlu Farrugia, il-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti, laqa’ lix-xjentisti riċerkaturi u lill-Membri Parlamentari għall-ħames laqgħa annwali tax-Xjenza fil-Kamra tar-Rappreżentanti (Science in the House) - fil-Bini tal-Parlament, il-Belt Valletta. Dan l-avveniment inawgura Lejlet ir-Riċerkaturi Ewropej, ix-Xjenza fil-Belt li ser issir għada l-Ġimgħa mis-18:00 ‘l quddiem.

Il-wirja tinkludi boards u screens awjdoviżivi li jiffukaw fuq ir-riċerka f’Malta. Is-suġġetti ewlenin tax-xjenza jinkludu l-oqsma elettromanjetiċi fil-mediċina, l-evalwazzjoni tar-riskju mit-terremoti fil-gżejjer Maltin, l-ekonomija u l-politika tar-riċiklar fid-djar, il-ħut irrigat (zebrafish) bħala mudell ta’ annimal għall-istudju tal-mard tal-għadam, il-mediċini l-ġodda għall-mard tal-Alzheimer u l-Parkinson, u t-teknoloġiji ottomekkaniċi hybrid ġodda, fost l-oħrajn. 

Bħala parti mit-tema ta’ din is-sena, taqsima mill-wirja tiffoka fuq in-newroxjenza u r-riċerka dwar il-moħħ. Se jitfakkru wkoll studjużi Maltin, tal-imgħoddi u l-preżent, li r-riċerka tagħhom kellha kontribut siewi fil-qasam tax-xjenza konjittiva u tan-newroxjenza, fosthom il-Prof. Louis Vassallo (Mediċina), il-Prof. George Xuereb (Patoloġija, Rettur), il-Prof. Edward de Bono (Ħsieb Laterali) u Dr Ludvic Zrinzo (Newrokirurġija).

 

scienceinthehous16b 

Ir-Rettur tal-Universita’ ta’ Malta Prof Alfred Vella juri r-rivista ġdida  Xjenza lil Ministru Evarest Bartolo u l-Ministru Helena Dalli  

 

Permezz ta’ mezzi awdjoviżivi, il-wirja Ix-Xjenza fil-Kamra tar-Rappreżentanti turi r-riċerka li saret fl-Università ta’ Malta, u f’postijiet oħra f’Malta. Se jkun hemm ukoll diskussjonijiet informali mal-Membri Parlamentari Maltin u tal-Parlament Ewropew. Il-wirja hi organizzata mill-Malta Chamber of Scientists, il-Fond tal-Università għar-Riċerka (RIDT) u l-konsorzju European Researchers’ Night, Science in the City. L-avveniment jipprovdi opportunità ta’ skambju ta’ ideat u diskussjoni dwar il-politika tax-xjenza bejn xjentisti riċerkaturi, akkademiċi u l-Membri Parlamentari għall-benefiċċju taċ-ċittadini Maltin u Ewropej.

Il-wirja Ix-Xjenza fil-Kamra tar-Rappreżentanti se tiftaħ għall-pubbliku għada l-Ġimgħa, (30 ta’ Settembru), waqt l-avveniment Lejlet ir-Riċerkaturi Ewropej, il-Festival Ix-Xjenza fil-Belt mis-6 pm sal-11 pm, fid-daħla ta’ quddiem il-Bini tal-Parlament il-Belt u l-għada s-Sibt l-1 ta’ Ottubru matul Notte Bianca mis-18:00sa nofs il-lejl. Matul il-gimgħa il-wirja se tkun miftuħa sas-6 ta’ Ottubru mid-09:00 sal-17:00 u l-Ħadd mid-09:00 san-12:30.

Aktar tagħrif dwar il-programm jista’ jinkiseb mis-sit elettroniku jew mill-paġna tal-Facebook.

Lejlet ir-Riċerkaturi Ewropej, il-Festival Ix-Xjenza fil-Belt hu ffinanzjat mill-Azzjoni Marie Skłodowska-Curie mill-Programm Horizon 2020 (H2020) u hu rikonoxxut mill-Europe for Festivals, Festivals for Europe (EFFE).

L-avveniment għandu l-appoġġ tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, mill-Fond tal-Università għar-Riċerka (RIDT), Jugs Malta, Studio 7, MEUSAC, MCST, il-Kunsill Lokali tal-Belt, MCAST, PBS, Notte Bianca, Spazju Kreattiv, Pjazza Teatru Rjal, u mill-General Soft Drinks bil-prodott Coca Cola. 

 


 

Ir-riżultati tal-eżamijiet tal-MATSEC ġew ippubblikati fil-ħin anke din is-sena

Il-Bord tal-Eżamijiet tal-MATSEC ħabbar li r-riżultati taċ-Ċertifikat tal-Matrikola nħarġu l-bieraħ, mentri r-riżultati taċ-ĊES inħarġu l-jum ta’ qabel. B’hekk id-data ppjanata (li hija l-aħħar ġimgħa ta’ Settembru) giet milħuqa għal darb’oħra b’mod konsistenti mis-sena 1994. 

F'Malta, l-eżami riparatorju ta’ Settembru għaċ-ĊES jagħti lill-istudenti opportunità oħra sabiex jiksbu riżultati mixtieqa. Filwaqt li l-applikanti għall-Eżami tal-Matrikola jkollhom l-opportunità ukoll li jtejbu r-riżultati tagħhom u jikkwalifikaw għaċ-Ċertifikat tal-Matrikola. Dawn l-opportunitajiet huma offruti biss sitt ġimgħat wara l-pubblikazzjoni tar-riżultati tas-sessjoni ta’ Mejju / Ġunju li joħorġu f’nofs Lulju.

L-Applikanti li għadhom kemm irċevew ir-riżultati tal-eżamijiet tal-Matrikola issa, huma magħrfa, li f’każ ta’ riżultati mixtieqa li jikkwalifikawhom għall-kors tal-għażla tagħhom, jistgħu jattendu kemm għal-lekċers kif ukoll għaċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-Università li ser issir nhar it-3 ta’ Ottubru, anke qabel ma jirċievu l-ittra ta’ aċċettazzjoni.

Matul is-snin, iż-żieda sinifikanti fil-kandidati u l-bidliet fir-regolamenti poġġew id-dipartiment tal-MATSEC taħt skadenzi stretti ħafna.

Qrib 5000 student applika għall-eżamijiet tal-Matrikola f’Settembru ta’ din is-sena f'total ta’ 60 suġġett. Minħabba l-bidla fir-regolamenti fl-2012, in-numru ta’ kandidati tal-Matrikola kiber bi tliet darbiet, minn madwar 1000 għal kważi 3000 fl-2016.

L-aħħar eżamijiet bil-kitba saru fil-5 ta’ Settembru, filwaqt li l-eżamijiet orali kienu skedati sat-13 ta’ Settembru. Din is-sitwazzjoni ħalliet biss 14 –il ġurnata ċans għall-immarkar, iċċekkjar u l-ipproċessar li fl-aħħar iwassal għall-pubblikazzjoni tar-riżultati.

Informazzjoni dwar iċ-ċerimonja tal-ftuħ jinsabu fuq: www.um.edu.mt/freshersweek2016.

 


 

Laqgħa għall-ġenituri/guardians tal-istudenti tal-Ewwel Sena tal-Junior College

Il-Prinċipal u l-Viċi Prinċipal tal-Junior College tal-Università se jiltaqgħu mal-ġenituri/guardians tal-istudenti tal-Ewwel Sena. Ser tingħata informazzjoni importanti dwar ir-regolamenti, servizzi u faċilitajiet tal-Kulleġġ, bil-għan li ngħinu l-istudenti fl-istadji kollha tal-ħajja tal-Kulleġġ.

Il-laqgħa ser issir fis-Sala Sir Temi Zammit, l-Università ta’ Malta, l-Imsida fil-ġranet kif imsemmija hawn taħt:

It-Tnejn, 26 ta’ Settembru 2016 fis-7:00 ta’ filgħaxija – Kunjomijiet li jibdew A – F
It-Tlieta, 27 ta’ Settembru 2016 fis-7:00 ta’ filgħaxija – Kunjomijiet li  jibdew G – Z

 


 

Iffirmat Ftehim bejn l-Università ta’ Malta u l-Aġenzija Identity Malta

Ftehim bejn PLAS u Identity Malta

L-Università ta’ Malta u l-Aġenzija Identity Malta daħlu fi Ftehim ta’ Kollaborazzjoni li permezz tiegħu l-Università se tkun qed tassisti lill-Aġenzija fl-organizzazzjoni ta’ taħriġ apposta għall-impjegati tagħha. Il-kors, imsejjaħ ‘Aspects of Civil Law and Practice’, se jkun qed jiġi akkreditat bħala taqsima-studju fi ħdan il-Programm tal-Arti u x-Xjenzi Liberali (PLAS) tal-Università. 

Is-suġġetti ttrattati f’dan il-kors jinkludu r-reġistrazzjoni ta’ twelid, żwiġijiet u mwiet, passaporti, ċittadinanza u immigrazzjoni, u proċessi oħra marbuta mar-reġistrazzjoni u l-permessi. Din it-taqsima-studju għandha valur ta’ 4 kredti ECTS, li jistgħu jintużaw biex jinkisbu kwalifiċi fi ħdan il-Programm jekk kemm-il darba l-parteċipanti jkunu jixtiequ jirreġistraw għal taqsimiet-studju oħra tal-PLAS.

Il-Ftehim ta’ Kollaborazzjoni ġie iffirmat fl-Università nhar it-28 ta’ Lulju. Ir-Rettur, il-Professur Alfred J. Vella, u d-Direttur taċ-Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali, Dr Jean-Paul De Lucca, iffirmaw f’isem l-Università. F’isem l-Aġenzija Identity Malta, iffirmaw is-Sur Joe Vella Bonnici, Chairman Eżekuttiv, u s-Sa Gertrude Spiteri, Kap Uffiċjal għar-Riżorsi Umani. 

Dsatax-il impjegat minn Identity Malta għadhom kif bdew isegwu dan il-kors ta’ taħriġ f’aspetti tad-Dritt Ċivili u t-tħaddim prattiku tiegħu.

Ir-Rettur laqa' dan il-Ftehim ta' Kollaborazzjoni bħala mod ta' kif jitkompla l-impenn tal-Università li tilħaq entitajiet tal-istat, organizzazzjonijiet non-governattivi, u msieħba oħra bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-iżvillup professjonali tagħhom. Waqt li nnota li ċ-Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali diġa' għamel ftehimiet simili, ir-Rettur qal li l-Università hija dejjem miftuħa biex tesplora possibilitajiet ta' kollaborazzjoni. Hu rringrazzja wkoll lid-Dipartiment tad-Dritt Ċivili għall-assistenza li ta.

Is-Sur Vella Bonnici rringrazzja lill-Università tal-opportunità li dan il-kors ta' taħriġ ikun akkreditat. “Dan se jikkontribwixxi għall-iżvilupp professjonali tal-impjegati ta' Identity Malta. Permezz ta' dan il-ftehmin mal-Università, l-Agenzija qed tassigura li l-kors ta' taħriġ li qed tipprovdi huwa ta' livell akkademiku għoli. L-għarfien li se jingħata f'dan il-kors se jgħin lill-impjegati billi jipprovdi kuntest usa’ għax-xogħol tagħhom."

 


 

Il-Prospectus tal-Junior College tal-Università ta’ Malta 2016

jcprospectus2016

Il-Junior College tal-Università ta’ Malta, għadu kemm ippubblika l-prospectus għas-sena 2016. Dan jinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja li wieħed għandu bżonn biex jistudja fil-Kulleġġ. L-istudenti għandhom il-possibiltà jagħżlu numru ta’ suġġetti li jridu, imqiegħda flimkien skont ir-regolamenti tal-MATSEC.

Il-Junior College joffri esperjenza unika ta’ tagħlim mifruxa fuq sentejn, liema sentejn iservu bħala pont bejn l-iskola sekondarja u l-edukazzjoni terzjarja. 

Fil-Junior College l-istudenti huma mgħallma minn letturi b’kwalifiki għolja u ta’ esperjenza. Il-faċilitajiet u s-servizzi offruta huma tal-aqwa livell u l-istudenti jingħataw opportunitajiet varji għal attivitajiet ko-kurrikulari li jgħinuhom jikbru akkademikament. 

Biex wieħed jibda jistudja l-Junior College, irid ikun għadda minn sitt suġġetti fil-livell SEC jew ekwivalenti. Dawn is-suġġetti jridu jinkludu: il-Malti, l-Ingliż (lingwa), il-Matematika u wieħed minn dawn it-tlieta – Physics, Chemistry u Biology.

L-istudenti li għandhom il-kwalifiki meħtieġa kif ukoll dawk li għadhom qed jistennew riżultati oħra, inklużi tas-SEC ta’ Settembru, jistgħu japplikaw hawn: www.jc.um.edu.mt/apply bejn it-Tnejn l-1 ta’ Awwissu u t-Tnejn 8 ta’ Awwissu 2016.

Tista’ ssib il-prospectus hawn.

 


 

L-Università ta’ Malta se Tikkummerċjalizza Apparat Vidjografiku Avvanzat

memento 

Wara żewġ sensiliet ta’ riċerka f’apparat vidjografiku ta’ kwalità mill-aqwa, wasal iż-żmien li d-Dipartiment tal-Inġinerija tas-Sistemi Elettroniċi tal-Università ta’ Malta jipprepara parti mit-teknoloġija tiegħu għas-suq professjonali.  Il-prodotti se jindirizzaw il-problema tas-sinkronizzazzjoni bi preċiżjoni għolja li tirriżulta bejn cameras jaħdmu flimkien (coupled cameras) li jiġbdu eluf, jew anke miljuni ta’ frames kull sekonda.  Dawn il-cameras jagħmluha possibbli li jinqabadu ritratti rapidi minn angoli diversi.

MEMENTO (Multi camEra high fraMeratEsyNchronisaTiOn) (www.mementosystems.com) hija fil-fatt l-ewwel inizjattiva tal-Università biex tikkummerċjalizza teknoloġija elettronika li ġiet żviluppata fid-Dipartiment innifsu. Din qiegħda ssir b’kollaborazzjoni ma’ kumpanija lokali tat-teknoloġija – MST Audio Visual Limited (www.mst.com.mt), li stabbiliet ruħha bħala kumpanija ewlenija ta’ konsulenza fil-qasam tal-inġinerija tal-midja.

Kollox beda bħala żewġ proġetti għall-grad ta’ Master li wasslu għal diversi prototipi u proprjetà intellettwali, li għamluha possibbli li l-Università tikseb fondi għal aktar żvilupp.  Studji preliminarji dettaljati dwar il-fattibbiltà kummerċjali wittew it-triq għal żvilupp ta’ firxa ta’ cameras li se jimlew il-vojt li jeżisti fis-suq esklussiv tal-elettronika viżiva, bi preparazzjoni tax-xogħol bażiku għal kumpanija spin-off  tat-teknoloġija. 

Dr Ing. Marc Anthony Azzopardi, li hu stess kien wieħed mill-istudenti u bħalissa qed jmexxi l-proġett għan-nom tal-Università, qal:  “Inizjattivi bħal dawn juru kif l-istudenti jistgħu jużaw l-istudji tagħhom biex jibnu n-negozju tagħhom stess, u b’hekk l-istudji tagħhom jsarrfu f’aktar minn gwadann wieħed.”  L-istudent l-ieħor, Andrè Micallef, bħalissa huwa d-direttur maniġerjali ta’ MST Audio Visual Ltd, u huwa l-iżviluppatur ewlieni tal-proġett.  Il-proġett kiber biex jinvolvi total ta’ madwar 15-il persuna, li jinkludi numru ta’ apprendisti u gradwati reċenti tal-inġinerija li qed jaħdmu flimkien biex jattwalizzaw il-prodott.

Applikazzjonijiet ta’ din it-teknoloġija jinkludu l-istudju xjentifiku tal ksur tal-materjali (fracture propagation), il-formazzjoni tal-ink jet droplets (ink jet droplet formation), il-wave fronts tal-kombustjoni (combustion wave fronts) jew impatti b’veloċità għolja li huma kollha idealment osservati u analizzati minn angoli differenti biex tinkiseb l-informazzjoni massima.  It-teknoloġija għandha wkoll applikazzjonijiet fil-ħolqien ta’ immaġni ta’ kwalità superjuri (super-resolution imaging) fejn l-apertura effettiva ta’ grupp ta’ cameras li jaħdmu flimkien tista’ titwessa’ aktar minn dik li tista’ tinkiseb minn kwalunkwe camera weħidha.

Andrè Micallef ikkonkluda: “Jeħtieġ li tagħmir elettroniku bħal dan ikun jista’ jiġi adattat għal varjetà wiesgħa ta’ applikazzjonijet u dan jirrekjedi d-disinn b’reqqa bl-użu ta’ teknoloġija mill-aktar avvanzata biex tibqa’ quddiem nett f’suq li dejjem qiegħed jevolvi.  Biex isir dan, jeħtieġ tim dinamiku ta’ inġiniera b’ħiliet kumplimentari, li għandhom imħabba komuni lejn it-tagħlim u b’viżjoni determinata għall-eċċellenza.”

MEMENTO kiseb mal-€200,000 bħala fondi, li jkopru perjodu ta’ tliet snin ta’ żvilupp intensiv, mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija permezz tal-Programm tar-Riċerka u Innovazzjoni għall-Iżvilupp Teknoloġiku 2015 – FUSION.

Ritratt:Prototip bikri bl-użu ta’ hardware elettroniku modern (ħajr:Andrè Micallef)

 


 

Studja l-Università bil-pass tiegħek: Jiftħu l-Applikazzjonijiet tal-PLAS

Il-Programm għall-Arti u x-Xjenzi Liberali (PLAS) tal-Università ta’ Malta joffri opportunità eċċellenti għal żvilupp personali u professjonali. Studenti prospettivi jistgħu japplikaw għal kwalunkwe taqsima-studju u għal kemm-il waħda jixtiequ, minn fost għażla wiesgħa ta’ korsijiet qosra li qed jiġu offruti. Kull taqsima-studju tal-PLAS tikkonsisti f’lezzjoni darba fil-ġimgħa bejn is-6pm u t-8pm, normalment għal erbatax-il ġimgħa.  

Dsatax-il taqsima-studju se jkunu qed jiġu offruti fl-ewwel semestru tas-sena akkademika 2016/7, li tibda f’Ottubru 2016. Is-suġġetti jinkludu l-Arkeoloġija ta’ Malta, l-Istorja Moderna, il-Ġeografija Umana, is-Sistema Legali, id-Divina Commedia ta’ Dante, il-Fotografija tan-Natura, Materji Ambjentali u Marittimi, il-Produzzjoni tal-Inbid u l-Kosmoloġija. 

Apparti dawn il-korsijiet, qed jiġu offruti wkoll tliet PLAS Tech Units. Dawn huma mmirati l-iktar biex joffru opportunità lill-professjonisti fil-qasam tal-ICT li jsaħħu l-formazzjoni akkademika tagħhom, b’emfasi partikolari għall-għażla tat-teknoloġiji u għodod ta’ software li qed jintużaw issa kif ukoll żviluppi li se jitfaċċaw. Fis-semestru li ġej se jiġu offruti korsijiet qosra fuq Data Science, Enterprise Architecturei, u Modern Java Il-PLAS Tech Units huma inklużi fl-iskema Get Qualified.

L-applikazzjonijiet għal dawn il-korsijiet bħalissa qed jintlaqgħu permezz tas-sit taċ-Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali (CLAS). Iktar tagħrif dwar taqsimiet-studju individwali u miżati jinsabu fuq l-istess sit. L-applikazzjonijiet jagħlqu fil-15 ta’ Settembru 2016.

 


 

Iċ-Ċerimonja tat-Trasferiment u l-Installazzjoni tar-Rettur il-Ġdid tal-Università ta’ Malta

Mazza ċerimonjali


Il-Professur Juanito Camilleri għadda r-Rettorat tal-Università ta’ Malta lill-Professur Alfred J. Vella waqt ċerimonja speċjali li saret nhar it-30 ta’ Ġunju 2016, fil-preżenza tal-President ta’ Malta, fil-Knisja tal-Università fil-Belt Valletta.

Iċ-Ċerimonja tat-Trasferiment u l-Installazzjoni tar-Rettur il-Ġdid, li qegħda ssir għall-ewwel darba, kienet preseduta mill-Kanċillier, il-Professur David Attard. Din bdiet b’Purċissjoni tal-Korp Akkademiku mill-Kampus tal-Belt Valletta għall-Knisja.  Għal din l-okkażjoni, il-Mazzier kien is-Sur Anthony Mangion, ex-Librar tal- Università ta’ Malta.

Il-mazza ċerimonjali tal-Università ġiet introdotta mill-ġdid waqt din iċ-ċerimonja, u fil-futur se tintuża fil-ftuħ uffiċjali tas-sena akkademika u fiċ-ċerimonji tal-għoti ta’ lawrji dottorali u dawk honoris causa.

L-Università ta’ Malta, bħal ħafna mill-universitajiet li ilhom stabbiliti barra l-pajjiż, oriġinarjament kienet tgawdi l-privileġġ li jkollha l-mazza tagħha. Hu magħruf li din kienet tintuża f’okkażjonijiet ċerimonjali lejn l-aħħar tas-seklu tmintax.

Il-mazza tirrappreżenta l-awtorità interna u l-awtonomija ta’ università, il-prerogattiva tagħha li tagħti l-lawrji, l-integrità akkademika tagħha bħala sede ta’ studji ogħla u l-kustodja ta’ tradizzjoni dejjiema ta’ tagħlim. Il-mazza tirrappreżenta wkoll l-awtorità tal-ogħla uffiċjali ta’ università, bħall-Kanċillier u r-Rettur, u l-kostituzzjoni tal-istituzzjoni bħala konfederazzjoni ta’ fakultajiet.  Fuq kollox, il-mazza ċerimonjali tikkostitwixxi rabta simbolika u tanġibbli mal-passat ta’ università, jiġifieri l-kontinwità fil-prestiġju u fiż-żamma ta’ standards għoljin.  Bħala artefatti simboliċi u prestiġjużi ħafna, il-mazez jibqgħu karatteristika prominenti f’okkażjonijiet solenni tal-universitajiet.

Il-President tal-Kunsill, Dr Michael Sciriha, qara d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill. Din tgħid li l-Professur Juanito Camilleri kien qiegħed itemm il-perjodi tal-kariga tiegħu bħala Rettur tal-Università ta’ Malta nhar it-30 ta’ Ġunju 2016. Din tafferma wkoll li waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Università, li ltaqa’ fit-18 ta’ Marzu 2016, saret elezzjoni għall-ħatra tar-Rettur il-ġdid.  Il-Professur Alfred J. Vella kien elett biex jieħu l-Kariga nhar l-1 ta’ Lulju 2016.

Sussegwentament, ir-Rettur il-Professur Juanito Camilleri neħħa t-toga u l-Professur Alfred J. Vella ġie mlibbes it-toga bħala r-Rettur il-ġdid.  Il-Kanċillier tal-Università ta l-parċmina lir-Rettur Elett, li mbagħad qara l-affermazzjoni tiegħu.

 


 

Jinfetaħ Ċentru Importanti tal-Mediċina Molekulari u l-Biobanking fl-Università ta’ Malta

Jinfetaħ Ċentru Importanti tal-Mediċina Molekulari u l-Biobanking fl-Università ta’ Malta
Investiment ta’ 6.5 Miljun Euro 

Iċ-Ċentru tal-Mediċina Molekulari u tal-Biobanking kien inawgurat illum mir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Juanito Camilleri, u mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-Onorevoli Evarist Bartolo.  L-Università ta’ Malta flimkien mal-Ministeru investiet madwar 6.5 Miljun Euro sabiex jitlesta ċ-Ċentru.

Iċ-Ċentru qiegħed jiġi inawgurat fi żmien kritiku fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta’ Malta.  L-edukazzjoni avvanzata u t-taħriġ joħolqu postijiet tax-xogħol b’valur miżjud ferm ogħla.  L-Isptar Mater Dei u l-Life Sciences Park li jinsabu tefgħa ta’ ġebla milll-Università għandhom jikkumplimentaw lil xulxin fit-tkattir tal-iżvilupp tar-Riċerka fil-Life Science u fil-Bijoteknoloġija Medika.  Huwa antiċipat li wħud mir-riżultati taċ-Ċentru jissarrfu fi żvilupp kummerċjali ġdid minn kumpaniji indiġeni Maltin li jistgħu jsibu posthom fil-Life Sciences Park. Kulħadd se jibbenefika, kemm mill-perspettiva tas-saħħa kif ukoll dik ekonomika, u se tkun imwittijja t-triq għal għodda ġodda għall-investiment. 

Fl-Università ilha ssir riċerka dwar il-Ġenomika tal-Bniedem u l-Mediċina Ġenetika għal ħafna snin, imma aktar u aktar f’dawn l-aħħar 30 sena, bir-riżultat li numru ta’ studenti fil-livell ta’ Master, Ph.D. u post-dottorali jimpenjaw ruħhom f’dan il-qasam.  Billi l-programmi ta’ riċerka tkattru, il-ħtieġa għal dan iċ-Ċentru saret iżjed akuta.  Illum, se jkun hemm madwar 25 laboratorju ġdid mill-aktar moderni li se jkunu qed joperaw biex jilqgħu lil dawn ir-riċerkaturi.  Għalhekk għall-ewwel darba l-Università se jkollha massa kritika biex ittejjeb avvanzi ġodda f’dan il-qasam speċifiku tas-saħħa li miexi dejjem aktar lejn dak li qed isir magħruf bħala mediċina personalizzata jew preċiża, jiġifieri 'it-trattament tiegħek stess għall-mard tiegħek'.

F’dan il-każ ir-riċerkaturi jippruvaw jifhmu l-irwol ta’ molekuli partikulari li jiffurmaw parti mill-passaġġi kumplessi fil-ġisem li jagħtu lok għal, ngħidu aħna, il-formazzjoni ta’ ċelluli ġodda u mbagħad fil-mewt ta’ ċelluli fiż-żmien mistenni.  L-iżbalji jagħtu lok għal Mard Konġenitali jew saħansitra l-Kanċer, u xi mard rari.  Dawn il-molekuli mbagħad jiġu sintetizzati miċ-ċelluli tagħna li fihom id-DNA tagħna u l-blue-print li dan iżomm ġo fih. Il-ġenom uman jikkodifika madwar 30,000 ġene u l-kodiċi per se huwa miktub fi 3 biljun ittra. Is-sekwenzar tal-ġenom, u, b’mod aktar speċifiku dak tal-Ġenom Malti, twettaq minn riċerkaturi tal-Università li jiffurmaw parti ewlenija taċ-Ċentru.  Sadattant, huma stabbilew il-Malta Biobank li pprovda l-kampjuni essenzjali b’konformità ma’ standards ta’ kwalità għoljin permezz tas-sħubija ta’ dan il-Bank fil-Euro BioBank u fil-BioBanking and BioMolecular Resources Research Infrastructure tal-Kummissjoni Ewropea, fejn il-Gvern Malti huwa rappreżentat.  Bħala riżultat ta’ dan, issa huwa possibbli li jiġi studjat l-irwol ta’ ġeni partikulari u l-molekuli riżultanti minnhom, fis-saħħa u l-mard, għall-iskoperta ta’ mediċini personalizzati ġodda.

Bħala eżempju, mill-perspettiva tal-mard, riċerkaturi akkademiċi mill-Università ta’ Malta skoprew il-ġene responsabbli għall-bidla tal-kostitwenti taċ-ċelluli ħomor tad-demm tagħna minn tip tal-fetu għal tip adult ftit wara t-twelid.  F’xi mard fid-demm, kultant din ma ssirx fil-mod korrett minħabba bidliet ta’ ċerti ġeni.  Din l-iskoperta u oħrajn li għad iridu jsiru jistgħu jkunu deċisivi biex tinsab kura għal dawn it-tipi ta’ mard rari fid-demm.  Dan l-aħħar, it-triq li wasslet għal dan il-mument ‘ewreka’ ntweriet fi programm tax-xjenza fuq TVM bl-isem 'Lab to Life' ppreparat mill-PBS b’kooperazzjoni mar-Research Trust tal-Università. 

Sal-ġurnata ta’ llum, saru wkoll żviluppi maġġuri f’dak li għandu x’jaqsam mad-dijabete, l-osteoporosi, ċerti tip tal-kanċer, mard tal-qalb u diversi oħrajn. 

L-inawgurazzjoni taċ-Ċentru l-ġdid illum toħloq ħafna opportunitajiet ġodda għal ħafna riċerkaturi mill-fakultajiet kollha li jinkludu l-Istudji Umanistiċi, l-Arti, l-IT u l-Liġi li issa jkunu jistgħu japprofittaw bis-sħiħ minn din ir-riżorsa ġdida.

 


 

Kumpless Residenzjali u Komunitarju Ġdid għall-Università ta’ Malta

Investiment ta’ aktar minn 25m Euro 

L-Università ta’ Malta ffinalizzat ftehim ma’ Vassallo Builders Group Limited għall-bini u l-operat ta’ kumpless ġdid residenzjali u komunitarju, il-University Residence & Community Complex, wara sejħa għal proposti li ħarġet is-sena li għaddiet.

Il-Ftehim għall-bini u l-operat tar-residenza u l-kumpless il-ġdid kien iffirmat mill-Professur Juanito Camilleri, Rettur, u s-Sur Pio Vassallo, CEO ta’ Vassallo Builders Group.

Vassallo Builders Group taw preżentazzjoni dwar il-proġett il-ġdid, fil-preżenza tal-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-Onor. Evarist Bartolo, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Juanito Camilleri, u l-President tal-Vassallo Builders Group, is-Sur Nazzareno Vassallo.

newresidencecomplex 

Il-kumpless li se jiswa 25 miljun Euro se jinbena fuq sit ta’ 11,000 metru kwadru u se jkun simili għal kumplessi universitarji li jinsabu madwar l-Ewropa kollha.  Dan se jkun jikkonsisti fi tmien blokok ta’ villaġġ tal-istudenti, li joffru ’l fuq minn 600 sodda f’tipi differenti ta’ akkomodazzjoni, u numru ta’ ħwienet u faċilitajiet, kollha madwar pjazza ċentrali.  Triq bis-siġar se tgħaqqad il-bini tal-Università mal-pjazza.  Il-kumpless se jilqa’ wkoll iċ-child care centre u l-iskola tal-lingwi tal-Università ta’ Malta.  Il-faċilitajiet għal benesseri se jkunu fuq medda ta’ 1400 metru kwadru u se jinkludu pixxina (lap pool), gym u squash court, kmamar għall-prattika tal-mużika, kmamar għall-istudju u sala li taqdi l-bżonnijiet ta’ persuni bi twemmin differenti.  Ser ikun hemm ukoll post kummerċjali ta’ divertiment li se jkun fih żona għall-istabbilimenti tal-ikel.  Il-kumpless se jinkludi żewġ ġibjuni, filwaqt li parkeġġ taħt l-art fuq tliet livelli se joffri ’l fuq minn 450 spazju ġdid.

Il-kumpless se jitħaddem mill-Campus Residence Malta Limited, sussidjarju ġdid ta’ Vassallo Builders Group.  Huwa skedat li dan il-kumpless ikun qed jopera sa Settembru 2018.

Iktar ritratti fuq il-paġna ta' Facebook.

 


 

ALIVE Cycling Challenge b’għotja rekord oħra ta’ €100,000 b’risq ir-riċerka tal-kanċer fit-tfal

L-ALIVE Charity Foundation ippreżentat somma oħra rekord ta’ 100,000 ewro lill-Fond ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta (RIDT) biex tkompli tagħti spinta ’l quddiem lill-programm speċjalizzat tal-Università fir-riċerka tal-kanċer fit-tfal. Is-somma ġeneruża nġabret miċ-ċiklisti ta’ ALIVE waqt l-isfida iebsa fejn iċ-ċiklisti qadfu kważi 160 kilometru kuljum għal sebat ijiem f’seba’ pajjiżi mill-Alpi sa Sutton fl-Ingilterra. 

Il-preżentazzjoni minn ALIVE2015 Cycling Challenge saret fil-Palazz ta’ San Anton u kienet preseduta mill-President ta’ Malta, l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca. 

Iċ-Chairperson ta’ ALIVE Charity Foundation Nicky Camilleri, f’isem il-kumitat u l-membri ta’ ALIVE, iċ-ċiklisti parteċipanti, l-isponsor ewlieni Daikin, l-isponsors kollha li taw appoġġ, u ħbieb, ippreżenta d-donazzjoni lir-Rettur tal-Università u Chairperson ta’ RIDT il-Professur Juanito Camilleri. Preżenti għall-okkażjoni kien hemm is-Segretarju Parlamentarji għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sports l-Onor. Chris Agius, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Gvern Lokali, Żgħażagħ u Sports l-Onor. David Agius, Dr Pierre Schembri Wismayer mill-Fakultà tal-Mediċina u Kirurġija, kif ukoll il-Konsulent Paediatric Oncologist u President tal-Grupp ta’ Appoġġ għat-Tfal morda bil-Kanċer Puttinu Cares, Dr Victor Calvagna. ALIVE2015 saret bil-kollaborazzjoni ta’ Puttinu Cares. 

Fl-introduzzjoni tiegħu Nicky Camilleri qal li bħala NGO stabbilita li tifforma parti mill-Pjattaforma Nazzjonali tal-Kanċer, l-ALIVE Charity Foundation dejjem kellha viżjoni ċara, li tiffinanzja l-ġlieda biex tipprevjeni l-kanċer f’Malta permezz tar-riċerka medika.  

'Permezz tal-isfidi annwali taċ-ċiklisti, diġa’ nġabru fondi sostanzjali b’risq ir-riċerka tal-Kanċer tas-Sider u l-Kanċer fit-Tfal, b’mod partikolari dawk morda bil-lewkimja u tumuri fil-moħħ. Illum, pajjiżna tant għaraf l-importanza li niġbru fondi biex nipprevenu l-kanċer li, permezz tal-komunità, qed niġbru fondi biex insostnu gradwati mill-Università ta’ Malta biex jaslu sal-livell ta’ Ph.D. speċjalizzat fir-riċerka mediċinali tal-kanċer. Nemmnu li l-aktar mod effettiv biex niġġieldu l-kanċer hu billi nwettqu riċerka strateġika bl-għan li nħaffu d-dijanjożi, nidentifikaw il-kawżi u eventwalment insibu l-kura,' qal Camilleri. 

'Nixtiequ niċċelebraw din il-ġurnata speċjali b’għotja ta’ 100,000 ewro lill-Fond tar-Riċerka, Innovazzjoni u Żvilupp fi ħdan l-Università ta’ Malta biex tkompli bil-ħidma tagħha ta’ riċerka medika fuq il-kanċer tat-tfal. Din tfisser ħafna għalina għaliex fi żmien tliet snin investejna qrib kwart ta’ miljun ewro fir-riċerka medika tal-kanċer permezz tal-isport taċ-ċikliżmu.'

Filwaqt li rringrazzja lil ALIVE Charity Foundation għall-għotja ġeneruża u għall-appoġġ tagħhom, il-Professur Camilleri qal: 'L-Università ta’ Malta qed tara l-frott tal-kontribut tal-komunità fil-ħidma tagħna dwar ir-riċerka tal-kanċer. Kontribuzzjonijiet bħal din tal-lum jipprovdu appoġġ kbir lill-akkademiċi ta’ talent tagħna kif ukoll jipprovdu opportunitajiet għall-istudenti li jridu jkomplu bl-istudji tagħhom.'

Fi żmien tliet ġimgħat ir-RE/MAX - ALIVE2016 Cycling Challenge for Cancer ser tieħu liċ-ċiklisti mill-Kroazja sas-Slovenja, it-tramuntana tal-Italja u l-Vatikan. Total ta’ 1,100km ser jinqadfu fi żmien sebat ijiem biss. Għal din il-maratona, il-parteċipanti qegħdin jitħarġu għal sigħat twal b’mod regolari.  

Ir-RE/MAX - ALIVE2016 Cycling Challenge for Cancer mill-ġdid ser tkun qed tappoġġja r-riċerka tal-kanċer fit-tfal. Bl-għajnuna ta’ RE/MAX and Friends Foundation, ALIVE ser tkun qed tikkonverti bitħa kbira f’outdoor play area u tforni indoor play area speċifikament għat-tfal li jkunu qed jirċievu kura fil-Paediatric Unit taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.

Dr Schembri Wismayer spjega kif din is-sena l-fondi ser imorru b’risq proġett tal-Ph.D. li ser jibni fuq is-suċċess inizjali fid-differenzjazzjoni tal-lewkimja, u jistudja l-possibbilitajiet li tkun applikata fir-riċerka tal-kanċer fil-moħħ. Hu qal: 'Wieħed jista’ jiġbor it-tipi ta’ kanċer f’żewġ gruppi, l-ewwel wieħed jinkludi fih il-kanċer li jiżviluppa fl-adulti biss bħalma huma l-kanċer tal-pulmun, il-kanċer tal-istonku u l-melanoma, filwaqt li l-grupp l-ieħor jinkludi t-tipi ta’ kanċer differenti li  jaffettwaw kemm lill-adulti kif ukoll lit-tfal bħal lewkimja u t-tumuri fil-moħħ.   

'Il-laboratorju tagħna jaħdem fuq l-immunotherapy bħala metodu biex jiffoka fuq l-ewwel grupp ta’ pazjenti tal-kanċer, u terapija differenzjata bħala metodu biex niffukaw fuq il-kanċer li jfeġġ fit-tfal. L-idea ta’ dawn l-istudji differenzjati hi li niżviluppaw mediċina li ġġiegħel liċ-ċelloli affetwati mill-kanċer jixjieħu u jmutu b’mod naturali (differentiate). 

'Prodotti naturali kif ukoll kemikali sintetiċi minn laboratorji ta’ kollegi madwar l-Ewropa (permezz tal-konsorzju STEMCHEM) kienu ttestjati u numru ta’ kandidati qed ikunu studjati iktar fil-fond. Għandna evidenza li wħud minn dawn il-mediċini potenzjali għal lewkimja jistgħu jaħdmu fuq tipi ta’ kanċer fit-tfal bħalma hu l-kanċer fl-għadam. Permezz ta’ dawn il-fondi, nixtiequ niftħu din ir-riċerka wkoll fuq tumuri fil-moħħ jew gliomas,' qal Dr Schembri Wismayer.

Ir-RE/MAX - ALIVE2016 Cycling Challenge for Cancer qed tkun sponsorjata minn RE/MAX and Friends Foundation, bl-għajnuna ta’ Garmin, Wurth, Tum Invest, Pro Action u bl-appoġġ ta’ Impressions Ltd, SIS, Wheelwizard, Danusan, Airmalta u l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta. 

Jekk jogħġbok għin biex inżomm din il-kawża tajba ALIVE! 
Agħti donazzjoni permezz tal-sms: 50618081 - €4.66, telefon: 50618913 - €6.99, telefon: 50619208 - €11.65

Il-preżentazzjoni ta’ €100,000 minn ALIVE2015 Cycling Challenge
Ir-Rettur tal-Università u Chairperson ta’ RIDT il-Professur Juanito Camilleri qed jirċevi l-għotja ta’ €100,000 mingħand ALIVE Charity Foundation. Is-somma nġabret minn ALIVE2015 Cycling Challenge biex ikompli jissaħħaħ il-programm speċjalizzat tal-Università fir-riċerka tal-kanċer fit-tfal 

Il-preżentazzjoni ta’ €100,000 minn ALIVE2015 Cycling Challenge
Il-preżentazzjoni ta’ €100,000 minn ALIVE2015 Cycling Challenge lill-Fond ta’ Riċerka tal-Universita’ kienet preseduta mill-President ta’ Malta, l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca

 


 

Iffirmat ftehim bejn l-Università ta’ Malta u l-Istitut għall-Istudji Turstiċi

itsagreement 

L-Istitut għat-Turiżmu, Vjaġġar u Kultura (l-ITTC) tal-Università ta’ Malta u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) iffirmaw Memorandum of Understanding. Il-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis, u l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, kienu preżenti għall-iffirmar.

Ir-Rettur-Elett tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella, qal li l-Università tilqa’ bil-pjaċir din il-kollaborazzjoni mal-Istitut għall-Istudji Turistiċi, “Dan il-Ftehim għandu jservi sabiex frott is-sinerġija li tinħoloq, ir-riżultati miksuba jtejbu il-prodott turistiku li Malta toffri”.

Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis qal li din il-kollaborazzjoni se twassal għal tisħiħ fil-ħidma bejn iż-żewg entitajiet. It-tkabbir sostanzjali li qed jiġi reġistrat bħalissa fis-settur tat-turiżmu, kemm fil-wasliet ta’ turisti kif ukoll fl-infiq għandu jkun ta’ inċentiv sabiex isir aktar investiment fil-kapital uman, hekk l-industrija tkun mgħonija bi professjonisti kkwalifikati u esperti f’dan il-qasam.  

Fi kliem il-Ministru għat-Turiżmu l-Università ta’ Malta u l-ITS iridu jġeddu, jsaħħu u jippromovu l-kollaborazzjoni akkademika bejniethom b’mod li dan il-ftehim iwassal biex dawn iż-żewġ entitatijiet jaqsmu miżuri u riżorsi biex din il-kollaborazzjoni tkompli tikber. 

Fost oħrajn, iż-żewġ organizzazzjonijiet se jaħdmu biex iħeġġu komunikazzjoni diretta u kollaborazzjoni bejn il-membri akkademiċi rispettivi tagħhom. Fl-istess waqt iż-żewġ entitatijiet se jkunu qed jaħdmu id f’id fuq attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp, filwaqt li jingħaqdu f’ħidma sabiex ikomplu jippromovu u jħeġġu lill-istudenti Maltin jagħżlu karriera fis-setturi tat-turiżmu u l-ospitalità.

Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis kompla jispjega kif se jkun hemm ħidma sabiex ikomplu jiġu żviluppati l-kurrikula tal-korsijiet tal-ITS biex, skont il-bżonn, l-istudenti jkunu dejjem qed jingħataw l-aħjar u l-aktar tagħrif relevanti għad-dinja u l-industrija tal-lum u jkollhom dejjem aktar opportunitajiet li javvanzaw mhux biss mil-lat ta’ esperjenza imma ukoll akkademikament. 

Miżura importanti f’dan il-ftehim tenna l-Ministru għat-Turiżmu, se twassal sabiex l-istudenti li jiggradjaw l-ITS se jkollhom aċċess dirett għall-programmi f’livell ta’ degree offruti mill-Istitut għat-Turiżmu, Vjaġġar u Kultura fl-Università ta’ Malta. Min-naħa l-oħra, il-Memorandum of Understanding iħares ukoll lejn l-avvanz tal-membri akkademiċi tal-ITS biex dawn ikollhom l-opportunità li jkomplu javvanzaw il-kwalifiki  tagħhom.

Fl-aħħar nett il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis u l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo tennew li dan il-Gvern ifittex li joħloq sinerġiji bejn l-entitajiet sabiex jiġi żgurat aktar suċċess li jsarraf f’aktar investiment, dħul dirett, impjiegi ta’ kwalità u tkabbir fil-ġid nazzjonali. 

Iċ-Ċermen tal-Bord tal-Gvernaturi tal-ITS, is- Sur Paulino Schembri,  qal li l-iffirmar ta’ dan l-MOU bejn l-ITS u l-ITTC jfisser li l-ħidma kbira li saret mill-ITS sabiex jilħaq standards ogħla u livell ta’ eċċellenza qiegħda tiġi rikonoxxuta mill-Università ta’ Malta. L-opportunitajiet ġodda ta’ tagħlim li ġejjin minn dan il-ftehim se jiftħu t-triq għall-istudenti kollha tal-ITS li jiksbu degrees mill-Università ta’ Malta. Dan huwa frott il-fehma riċiproka bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet li l-istudenti li jilħqu l-livell 5 fl-edukazzjoni mill-ITS huma akkademikament lesti biex jingħaqdu mal-istudenti tat-tieni sena fl-ITTC. 

 


 

L-Università ta’ Malta tingħata apparat sofistikat permezz tal-Fond RIDT

L-Università ta’ Malta ngħatat għotja ta’ apparat mill-aktar sofistikat li ser jgħin l-istudju li għaddej bħalissa mill-Grupp tar-Riċerka dwar il-Puplesija fid-Dipartiment tal-Fiżjoloġija u l-Biokimika. L-apparat il-ġdid, msejjaħ EVOS®FL Auto Imaging System awtomatizzat, ingħata minn E.J. Busuttil Limited ta’ B’Kara, wieħed mid-distributuri ewlenin ta’ prodotti relatati mal-kura tas-saħħa u laboratorji. L-għotja kienet iffaċilitata permezz tal-Fond tar-Riċerka tal-Università (RIDT). 

Il-EVOS®FL Auto Imaging System kienet żviluppata għall-applikazzjoni avvanzata ta’ imaging awtomatizzat, bħal time-lapse imaging, multiwell plate scanning, image stitching u tiling, u cell counting. L-apparat il-ġdid hu magħmul minn kompjuter, sors ta’ dawl LED, filters u lista ta’ prerekwiżiti elenkati mill-Grupp ta’ Riċerkaturi stess li ser juża dan l-apparat. 

Il-Professur Mario Valentino, il-Kap tal-Grupp tar-Riċerka dwar il-Puplesija fl-Università ta’ Malta, qal li din l-għodda importanti ser tippermetti lir-riċerkaturi jeliminaw fatturi kumplessi li jinsabu f’microscopy avvanżata, filwaqt li jinżammu l-ogħla livelli ta’ prestazzjoni. Hu qal: 'Din hi għotja sinifikanti u ninsabu grati ħafna għall-kollaborazzjoni li għandna ma’ E.J. Busuttil Ltd. Din l-għodda ser tipprovdina b’imaging ta’ kwalita’ għolja, b’mod iktar faċli minn qatt qabel. Id-disinn innovattiv għall-aħħar tiegħu b’ hardware/software integrati, mingħajr bżonn ta’ bozoz, mingħajr allinjament, u mingħajr spejjeż jew manutenzjoni, ser ikun ta’ benefiċċju kbir għat-tim ta’ riċerkaturi tagħna li qed jaħdmu fuq baġit ristrett ħafna.'

Is-sur Edwin Busuttil, Direttur Maniġerjali ta’ E.J. Busuttil Ltd, qal: 'Bħala wieħed mid-distributuri ewlenin ta’ tagħmir relatat mal-kura tas-saħħa u laboratorji, għandna l-impenn li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunità tagħna. Li nkunu ta’ assistenza kbira għall-Università tà  Malta fil-ħidma tagħha għal riċerka dwar il-puplesija, hu mod prattiku ieħor ta’ kif nistgħu ngħinu.'

It-tagħmir kien mibgħut direttament mill-manifatturi u installat minn inġinier tal-kumpannija. 

Wilfred Kenely, il-Kap Eżekuttiv ta’ RIDT, qal: 'Rigal, bħalma dan, hu ta’ importanza kbira biex jgħin lill-Università tkun minn ta’ quddiemnett. Ninsabu grati għall-E.J. Busuttil Ltd għal din l-għotja tagħhom tal-apparat u talli ssieħbu mal-Fond tar-Riċerka tal-Università.'

Il-Fond RIDT twaqqaf biex isaħħaħ l-investiment fir-riċerka u żvilupp ta’ kwalità għolja fil-fakultajiet kollha u biex jattira l-fondi neċċessarji. Aktar tagħrif jinkiseb mis-sit www.ridt.eu.

 


 

Borża ta’ Studju tal-IOI għal M.A. in Ocean Governance

L-International Ocean Institute, IOI, qiegħed għal darb’oħra joffri borża ta’ studju għal persuna waħda għall-grad ta’ M.A. in Ocean Governance, li hija offruta b’mod konġunt mill-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Malta u l-IOI, sa mill-2013. Din il-borża ta’ studju qed tiġi offruta għall-kors li jibda f’Ottubru tal-2016 u għandha valur ta’ €9,500. L-applikazzjonijiet għandhom jaslu fil-Kampus tal-Università ta’ Malta tal-Belt Valletta sas-27 ta’ Ġunju 2016.

Il-Governanza tal-Oċeani huwa suġġett li kull ma jmur fis-seklu wieħed u għoxrin qed isir aktar sinifikattiv u ta’ tħassib. Il-Liġi tal-Konvenzjoni tal-Baħar tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 u strumenti tal-liġi internazzjonali oħra huma għodda utli li jissalvagwardjaw ir-regola tal-Liġi Marittima Internazzjonali. Minkejja l-kontribut prezzjuż tagħhom, tħassib internazzjonali emerġenti, ibbażat essenzjalment fuq il-kriżi li qed tiskala dwar in-nuqqas ta’ sostenibilità, qed jinstiga bżonn urġenti li jiġu esplorati modi trans-dixxiplinarji ġodda dwar il-governanza tal-oċeani. Huwa evidenti li jinħtieġ qafas legali aktar komprensiv biex jitjieb il-mod li bih l-Istati u ċ-ċittadini tagħhom iżommu l-istat tad-dritt f’inħawi tal-baħar fil-ġurisdizzjoni nazzjonali u lil hinn minnha u r-regolarizzazzjoni ta’ attivitajiet antropoġeniċi li jaffettwaw l-oċean u r-riżorsi tiegħu. Kwistjonijiet u theddid emerġenti, bħal sigurtà marittima globali, l-użu sostenibbli tal-oċeani u r-riżorsi tagħhom, kif ukoll rabtiet bejn ix-xjenzi naturali, il-bżonnijiet soċjo-ekonomiċi u l-liġi, jirrikjedu metodu multidixxiplinarju għall-promozzjoni ta’ tagħlim u riċerka dwar il-governanza tal-oċeani.

Dan il-programm ta’ M.A. in Ocean Governance huwa uniku fil-metodu tiegħu – dan għandu l-għan li jsawwar bażi ta’ għarfien li hija essenzjalment legali imma li wkoll tinvestiga b’mod intensiv ix-xjenzi naturali u soċjali biex jiġi stabbilit kif għandu jopera qafas regolatorju effettiv. L-M.A. in Ocean Governance iservi biex jitjieb aktar l-iżvilupp tat-tagħlim u r-riċerka fil-qasam tal-immaniġġjar tar-riżorsi tal-baħar u s-sigurtà marittima minn perspettiva multidixxiplinarja. F’din l-era ta’ globalizzazzjoni u integrazzjoni settorali, il-bini tal-kapaċità fir-regolarizzazzjoni tal-governanza tal-oċeani għandha rwol ċentrali biex ikunu żgurati oċeani sikuri u sani għall-benefiċċju tal-umanità u l-pjaneta.
 
L-informazzjoni dwar l-M.A. in Ocean Governance u l-borża ta’ studju tinsab fuq:

Tista’ titniżżel formola tal-applikazzjoni minn:

 


 

Il-Premjijiet tad-Dekan tax-Xjenza tal-Università ta’ Malta

Science Dean's Award 2016

Il-Premjijiet tad-Dekan tax-Xjenza għal studenti eċċezzjonali fil-Fakultà tax-Xjenza tal-Università ta’ Malta (Dean of Science Awards) ngħataw nhar is-6 ta’ Mejju 2016, skont tradizzjoni stabbilita sa mill-1995. Il-qraba u l-isponsors tal-istudenti ppremjati kienu mistiedna għaċ-ċerimonja li saret fl-Awditorju tal-ICT, fuq il-Kampus tal-Imsida. Iċ-ċerimonja bdiet b’diskors ta’ merħba mid-Dekan, il-Professur Charles V. Sammut, li ġie segwit minn diskors mis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, l-On. Chris Agius. Kien hemm ukoll preżentazzjoni mużikali minn Keltika Keoltoiri.

Il-Professur Sammut feraħ lill-istudenti li rċevew l-għotjiet. Kemm l-On. Agius kif ukoll id-Dekan enfasizzaw il-bżonn għal aktar xjenzjati, billi hawn firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet ta’ impjieg disponibbli. It-talba attwali għal xjenzjati mid-dixxiplini kollha offruti mill-Fakultà tax-Xjenza, li ilha mwaqqfa 101 sena, taqbeż bil-bosta n-numru li tipproduċi l-Fakultà kull sena. Huma appellaw għal għarfien akbar tax-xjenza fil-komunità u l-importanza li aktar studenti jiġu mħeġġa jagħżlu karriera fix-xjenza. Bħalissa, il-ħtieġa ta’ riżorsi umani mill-industrija u awtoritajiet pubbliċi fis-setturi tal-farmaċewtika, manifattura, gaming u dak finanzjarju f’dan iż-żmien qed tintlaħaq biss billi jiġu impjegati persuni kwalifikati minn barra, filwaqt li studenti fl-iskejjel sekondarji probabilment mhumiex jiġu mgħarrfa bl-opportunitajiet eċċellenti disponibbli f’Malta.

Fl-aħħar taċ-ċerimonja, il-Professur Sammut irringrazzja lill-istaff amministrattiv tal-Fakultà għall-organizzazzjoni u lill-isponsors: il-MEPA, Technoline Limited,  Awtorità ta’ Malta Dwar il-Komunikazzjoni (MCA), Methode, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), Is-Soċjetà Entomoloġika (ESM) u Agenda Bookshop.

Ir-rebbieħa tal-Premju tad-Dean’s List għal din is-sena kienu: 

L-Ewwel Sena
Fayek Steve (Mathematics & Statistics & Operations Research)
Sigal Jesse (Computing Science & Mathematics)
Xerri Julia (Mathematics & Statistics & Operations Research)

It-Tieni Sena
Barbara Abigail (Mathematics & Statistics & Operations Research)
Curmi Jeremy (Mathematics & Statistics & Operations Research)
Grech Wayne (Mathematics & Physics)

It-Tielet Sena
Abdilla Roderick (Chemistry)
Sant Jaromir (Mathematics & Statistics & Operations Research)
Sciortino Monique (Mathematics & Statistics & Operations Research)
Ir-Raba’ Sena
Chetcuti Janet (Mathematics & Statistics & Operations Research)
Farrugia Gabriel (Mathematics & Physics)
Sultana Maria (Mathematics & Physics)

Il-Premju Speċjali għax-Xjenza minn Technoline ngħata lis-Sa Maria Sultana, li rringrazzjat lill-Fakultà għall-esperjenza siewja ħafna matul l-erba’ snin tal-kors tagħha ta’ B.Sc. (Hons)

Il-Premju għall-Aħjar Proġett tal-Aħħar tas-Sena dwar l-Ambjent, sponsorjat mill-MEPA, ingħata lis-Sur Andrè Brincat. 

Il-Premju għall-Aħjar Proġett tal-Aħħar tas-Sena fin-Numerate Sciences, sponsorjat mill-MCA, ingħata lis-Sa Janet Chetcuti u s-Sur Luca Sacco.

Is-Sur Roderick Abdilla ngħata l-Premju għall-Kisbiet fil-Kimika 2015 tal-Oxford University Press 

Ġew mogħtija wkoll Ċertifikati ta’ Mertu għal standards għoljin milħuqa fit-teżi tal-aħħar tas-sena lill-istudenti li ġejjin: Attard Malcolm, Azzopardi Analise, Baldacchino Jeremy C, Bartolo Dana, Bartolo Luke, Borg Cappello Stephanie A, Chetcuti Janet, Cilia Lara Anne, Demanuele Therese, Farrugia Glen, Farrugia Lucas, Muscat Rebecca, Pellicano Melanie, Sacco Luca, Saliba Chantelle, Saliba Rita, Scerri Dale, Sheikh Imran, Tua Jeremy u Vassallo Annabelle.

 


 

Grupp mużikali tal-Junior College jirbaħ premju prestiġjuż

Il-grupp mużikali tal-Junior College, Gingerline, għadu kif ġie lura minn Istanbul fit-Turkija wara li ħa sehem  fit-tieni edizzjoni tal-Vodafone Freezone International High School Music Contest fid-29 t’April fil-Volkswagen Arena. Il-kuntest ittella’ mill-End Productions u tmexxa mill-fundatur u president is-Sur Serhat Hacipasalioglu, kantant veteran u popolari fit-Turkija li se jkun qed jirrappreżenta lil San Marino fil-Eurovision Song Contest. 

Il-grupp Gingerline huwa magħmul minn Adel Montanaro, Melchior Giordimaina, Ian Ellul, Nicholas Camilleri u Mark Vella. L-istudenti kienu akkumpanjati mil-letturi Mro. Manoel Pirotta u s-Sur Ronald Grech Santucci. Il-grupp ikkompeta bil-cover version tal-kanzunetta ta’ Led Zeppelin’, Whole Lotta Love. 

Il-Ġurija Internazzjonali li kienet tinkludi l-kompożitur u kantant Malti Mro. Philip Vella, ippremjat lill-grupp Malti bil-Premju Speċjali tal-Ġurija.  

Il-parteċipazzjoni tal-grupp mużikali Malti kienet possibbli bl-għajnuna tal-Junior College, is-Sur Robert Cefai, il-kuntatt f’Malta,  u l-World Association of Festivals and Artists (WAFA).

 


 

Imniedi l-Postgraduate Prospectus 2016/7 tal-Università ta’ Malta

PG Prospectus 2016-7

L-Università ta’ Malta għadha kif ippubblikat il-Postgraduate Prospectus għas-sena akkademika li jmiss. Dan jinkludi d-dettalji kollha tal-korsijiet postgraduate li se jkunu offruti minn Ottubru li ġej.

Għall-pubblikazzjoni ta’ din is-sena nżammu t-taqsimiet li kienu ntlaqgħu tajjeb fis-snin li għaddew, bħalma huma d-dettalji u l-kwalifiki meħtieġa għad-dħul f’kull kors, sezzjoni dwar l-areas ta’ riċerka li kull Fakultà/Istitut/Ċentru/Skola toffri f’livell ta’ Dottorat, kif ukoll il-ħarsa lejn is-servizzi disponibbli għall-istudenti kollha – kemm dawk attwali kif ukoll dawk prospettivi. Il-Prospectus jindika wkoll il-korsijiet/areas ta’ studju li huma eliġibbli taħt il-Malta Enterprise Get Qualified Scheme.

Barra minn hekk, l-edizzjoni ta’ din is-sena tinkludi sezzjoni fuq l-iStudents’ Charter li tiddeskrivi r-relazzjoni bejn l-Università u l-istudenti tagħha bħala stakeholders ugwali f’edukazzjoni ta’ livell għoli. Tindika wkoll ir-responsabbiltajiet kemm tal-Università kif ukoll tal-istudenti u tipprovdi qafas lill-Università biex tiżviluppa u ttejjeb is-servizzi tagħha fejn meħtieġ. 

Il-Prospectus jinsab online fuq www.um.edu.mt/admissions u www.issuu.com. Kopji stampati jistgħu jinġabru mill-Uffiċċju tal-Admissions and Records, Kampus tal-Imsida, u mill-Kampus tal-Belt Valletta u t’ Għawdex. 

Il-pubblikazzjoni hija kkordinata u editjata mill-Uffiċċju tar-Reġistratur bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet u r-Relazzjonijiet mal-Alumni.

L-applikazzjonijiet għall-korsijiet li se jibdew f’Ottubru li ġej jinsabu f’din il-ħolqa: www.um.edu.mt/apply u jagħlqu fil-21 ta’ Lulju 2016.

 


 

Il-Marijuana, il-Ġenom Malti, u Dawk li Jitilqu mill-Iskola f’Età Bikrija

THINK 16

Minn fejn ġej il-poplu Malti? Ġenetisti mill-Università ta’ Malta qegħdin jipprovdu r-risposta. Il-proġett dwar il-Ġenom Uman ta’ Malta (Malta Human Genome project – MHGP) bħalissa qiegħed jissekwenza l-Ġenom Malti biex jikxef l-oriġini u s-saħħa tal-poplu Malti b’sejbiet imprezzabbli – l-aħħar ħarġa tar-rivista THINK tiffoka fuq dan.

F’artiklu ieħor, il-Prof. Giuseppe Di Giovanni jikteb dwar l-effett tal-marijuana fuq nies li għandhom ċerti tipi ta’ epilessija – u dan l-effett żgur mhux negattiv. L-ingredjent attiv fil-marijuana huwa simili ħafna għall-kimiċi li jipproduċi l-moħħ stess sabiex jiġu kkontrollati l-aċċessjonijiet. THINK tagħti ħarsa ddettaljata lejn il-benefiċċji, l-effetti sekondarji u l-applikazzjonijiet possibbli tal-marijuana medika.

Malta għandha numru ta’ persuni li jitilqu mill-iskola f’età bikrija li jilħaq id-doppju tal-medja tal-UE. Is-sistema skolastika f’Malta hija antikwata; dawk li jitilqu mill-iskola ta’ età bikrija huma ħafna u għal ħafna dan iwassal għal ġlieda kontinwa tul ħajjithom. Il-Prof. Carmel Borg jitkellem ma’ Cassi Camilleri dwar dak li hemm bżonn biex jitnaqqas dan in-numru inkwetanti u tingħata forma għal futur aħjar.

U ladarba semmejna l-futur, it-tjur tal-baħar f’Malta jista’ ma jkollhomx ġejjieni. Is-sajd żejjed, it-tniġġiż u l-iżvilupp żejjed ilhom jheddu l-popolazzjonijiet tagħhom għal għexieren ta’ snin. Peress li Malta hija waħda mill-postijiet l-aktar attivi fejn ibejtu fil-Mediterran, Ben Metzger u Marie Claire Gatt jitkellmu dwar proġett kbir tal-UE biex jipproteġi t-tjur tal-baħar li jivvjaġġaw fit-tul.

Think hija mimlija wkoll b’reċensjonijiet, stejjer mill-istudenti, disinn u ħafna aktar. Is-suġġetti jvarjaw mill-arti antika tat-Taiġikwan sal-iżvilupp tal-logħob u l-aħħar żviluppi fix-xjenza tal-missilistika (rocket science) – THINK għal kulħadd.

Ir-rivista THINK tal-Università ta’ Malta tista’ tinġabar b’xejn mingħand il-librara madwar Malta u Għawdex u mill-ħwienet tal-kotba tal-Agenda. Tinsab onlajn, fuq Issuu jew ‘liked’ fuq Facebook.

 


 

Il-Ministru Bartolo Jżur iċ-Ċentru għall-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża tal-Università ta’ Malta

zjaratcm

Iċ-Ċentru għall-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża (Traditional Chinese Medicine - TCM) fuq il-kampus tal-Università ta’ Malta fl-Imsida llum laqa’ lill-Ministru Evarist Bartolo. Ir-Rettur il-Prof. Juanito Camilleri u r-Rettur-elett, u President tal-Bord taċ-Ċentru għall-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża, il-Prof. Alfred J. Vella, taw merħba lill-Ministru u dawruh maċ-Ċentru, li jinkludi klinika kif ukoll swali għal-lekċers.

Iċ-Ċentru huwa mmexxi b’mod konġunt bejn l-Università ta’ Malta u l-Università tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża ta’ Shanghai (Shanghai University of Traditional Chinese Medicine - SHUTCM). SHUTCM hija fuq quddiem fil-qasam tagħha u kburija bil-grupp ta’ esperti rinomati fost l-istaff tagħha.  Akkademiċi mill-Università ta’ Malta flimkien mal-kontraparti tagħhom minn SHUTCM kienu responsabbli biex fasslu l-programm Master in Traditional Chinese Medicine and Culture, li beda f’Ottubru tas-sena l-oħra.  Hemm il-ħsieb li programm ieħor ta’ studju jibda f’Ottubru tal-2016.  Il-programm ta’ studju jinkludi prattika klinika tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża biex tikkumplimenta l-istudji teoretiċi.

Il-Klinika fiċ-Ċentru toffri servizzi lill-pubbliku waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju.  Din hija mmexxija mill-professjonisti kliniċi Ċiniżi residenti, li ġejjin mill-Isptar Longhua, SHUTCM, li huwa wieħed mill-eqdem u l-aħjar sptarijiet fiċ-Ċina.

L-Agupuntura hija parti importanti tat-TCM, li għandha l-oriġini tagħha fil-filosofija antika u tmur lura għal aktar minn 3000 sena.  L-agupuntura hija l-istimulazzjoni ta’ agupunti speċifiċi fuq il-ġilda u tinvolvi metodi diversi bħall-użu ta’ labar irqaq, l-applikazzjoni tas-sħana, il-ħruq tal-moksa (moxibustion), cupping, elettro-agupuntura u aktar.  L-indikazzjonijiet għall-agupuntura jinkludu diversi mard fis-sistema fejn l-uġigħ kroniku huwa l-aktar sintomu komuni. Il-kundizzjonijiet ta’ uġigħ komuni li jiġu ttrattati bl-agupuntura huma mard newroloġiċi, respiratorji u dawk diġestivi.

Il-Prof. Charles Savona Ventura, Direttur taċ-Ċentru, u s-Sur Reno Calleja, Rappreżentant tal-Kunsill tal-Università ta’ Malta, l-akkademiċi Dr Fu u Dr Wang, kif ukoll studenti fil-kors ta’ Master kienu preżenti biex jilqgħu lill-Ministru Bartolo.

Għal aktar informazzjoni dwar iċ-Ċentru għall-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża idħlu fuq www.um.edu.mt/tcm, ċemplu fuq 2340 3988 jew ibagħtu email lil tcm@um.edu.mt

 


 

Tnieda t-TAKEOFF Seed Fund Award 2016

tosfa16 

Għat-tielet sena konsekuttiva, ġew allokati €100,000 bħala appoġġ għall-intrapriżi start-up fl-istadju inizjali tagħhom u l-kummerċjalizzazzjoni tar-riċerka tal-Università 

Il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar (MEIB) u l-Università ta’ Malta nedew l-edizzjoni tat-TAKEOFF Seed Fund Award (TOSFA) għas-sena 2016 fl-Inkubatur tan-Negozju TAKEOFF fl-Università.  Is-somma ta’ €100,000 ser tkun allokata permezz tal-Għotja lil intraprendituri u riċerkaturi biex tgħinhom imexxu ’l quddiem l-ideat innovattivi u t-teknoloġiji tagħhom pass eqreb lejn prodotti u servizzi kummerċjali. 

Dan ġie mħabbar waqt ċerimonja nhar is-27 ta’ April, li għaliha attendew il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, l-On. Christian Cardona, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-On. Evarist Bartolo, u r-Rettur-elett, il-Prof. Alfred J. Vella.

Bħal fl-edizzjonijiet preċedenti, it-TOSFA 2016 se tiffinanzja żewġ tipi ta’ inizjattivi.  Intraprendituri ser japplikaw għall-Fondi Inizjali (Seed Funds) li jippermettu qabża fil-livell fit-twassil tat-teknoloġija indipendenti jew l-intrapriżi start-up ibbażati fuq l-għarfien tagħhom eqreb lejn l-ewwel klijent jew investiment.  L-istaff akkademiku tal-Università ser japplika għall-fondi tat-tip Proof of Concept li jippermettu qabża fil-livell biex titwassal innovazzjoni żviluppata permezz ta’ riċerka fl-Università sabiex tiġi kkummerċjalizzata.  Ir-rebbieħa tal-Għotja ser jaħdmu mill-qrib mal-University Knowldege Transfer Office u t-tim ta’ TAKEOFF biex javvanzaw il-kummerċjalizzazzjoni tat-teknoloġija u l-pjanijiet għall-iżvilupp tan-negozju start-up tagħhom.

Go Beyond Biz se jkun qed joffri wkoll lill-applikanti tat-TOSFA l-opportunità li jirbħu premju għall-proġett bl-iżjed potenzjal transkonfinali. It-tim rebbieħ ser jibbenefika minn sigħat ta’ konsultazzjoni ma’ Mathieu Fivaz, l-intraprenditur serjali tal-midja soċjali u riklamar diġitali.

It-TOSFA 2016 għandha l-għan li tibni fuq is-suċċessi tal-edizzjonijiet preċedenti, li l-aħħar waħda ġibdet lejha 50 applikazzjoni u rriżultat fi tmien għotjiet li jvarjaw bejn is-€6,000 u l-€20,000.  Rebbieħa tat-TOSFA fil-passat waslu biex ikollhom diversi suċċessi: Thought3D rebħu l-kategorija tat-Teknoloġija fil-Malta Innovation Award bis-saħħa tal-prodott tagħhom, Magigoo; l-app għal-lift-sharing ta’ Bum-a-Lift issa qed taħdem u tintuża f’sitt skejjel u qed isir progress biex iżidu l-portfolio tagħhom fil-ġimgħat li ġejjin; kif ukoll DiscountIF komplew iżidu £202,642 oħra permezz ta’ kampanja b’suċċess ta’ finanzjament mill-pubbliku (crowdfunding) fuq Seedrs.  Fost il-benefiċjarji tal-Proof of Concept, il-grupp li qed jaħdem fuq Għodda għall-Ottimizzazzjoni tat-Titjiriet (Flight Optimisation Tool) qed jagħmel progress biex jibda jittestja bi prova s-software  tagħhom fuq it-titjiriet, filwaqt li l-grupp wara l-Micro-CHP qed jiffinalizza prototip avvanzat biex jesibixxi t-teknoloġija.

TAKEOFF se jkun qed jorganizza workshop maħsub għal applikanti interessati nhar l-Erbgħa 4 ta’ Mejju fl-Inkubatur tan-Negozju TAKEOFF fl-Università ta’ Malta fl-16:30.  Biex tirreġistraw jekk jogħġobkom ibagħtu email lil info@takeoff.org.mt

Id-data biex jiġu sottomessi applikazzjonijiet bil-miktub tagħlaq nhar it-Tnejn, 30 ta’ Mejju f’nofsinhar, filwaqt li aktar dettalji dwar perijodi ta’ żmien għall-għotja ta’ din is-sena u aktar informazzjoni dwar TAKEOFF tista’ tinsab fuq: www.takeoff.org.mt

Dwar TAKEOFF

L-inkubatur tan-negozju TAKEOFF fl-Università ta’ Malta jappoġġja teknoloġiji u intrapriżi start-up ibbażati fuq l-għarfien biex jittrasformaw l-ideat tagħhom f’negozji miftuħin għall-investitur u għas-suq.  It-tim ta’ veterani fl-industrija jrawwem intraprendituri billi jagħmel riċerka dwar in-negozju u jipproteġi l-idea tagħhom, jgħin fl-iżvilupp tal-pjan tan-negozju u jipperswadi lill-investituri, kif ukoll jippreżenta l-idea biex jattira utenti u klijenti prospettivi, lokalment u internazzjonalment.  Utenti tal-inkubatur isiru membri ta’ TAKEOFF u jibbenefikaw minn rati baxxi għal spazju biex jaħdmu flimkien u aċċess għal network ta’ mentors eċċ.  TAKEOFF jiċċarġja billi juża diversi modi li jinkludu l-għażla ta’ persentaġġ baxx li jista’ jinbidel f’shares jew miżata fissa, ladarba jingħata l-finanzjament.

Biex tkun taf iżjed, żur www.takeoff.org.mt jew għal intervisti ma’ rebbieħa tat-TOSFA, ikkuntattjaw info@takeoff.org.mt

Għal aktar ritratti żur il-paġna fuq Facebook. 

 


 

Gradwat mill-Università ta’ Malta Jiżviluppa Proġett Eċċellenti f’Intrapriża Kummerċjali

L-Università ta’ Malta qiegħda tiċċelebra wieħed mill-aqwa gradwati tagħha fl-inġinerija li żviluppa l-proġett tal-aħħar sena tiegħu f’intrapriża kummerċjali – www.eeroots.com. Bi ftit inkoraġġiment mill-Fakultà tal-Inġinerija u l-Inkubartur tan-Negozju TAKEOFF tal-Università, Reuben Ferrante għamilha l-missjoni tiegħu li f’inqas minn sena jiżviluppa l-proġett tal-mikrorobotika, f’għodda edukattiva eleganti għat-tfal tal-iskola. Dan wassal ukoll għal prodott tassew kompetittiv għall-użu mill-inġiniera, produtturi u riċerkaturi!

Filwaqt li rrikonoxxa li l-intrapriża hija l-mod ’il quddiem, Reuben iddisinja pjattaforma li tintegra s-sensers, għodda u regolaturi favoriti tiegħu … u dan kollu bla wires u connections. Il-Pjattaforma Integrata ta’ Żvilupp tinkludi Bluetooth 4.0, Wi-Fi, Infrared Sensors, Muturi Ikkontrollati, Sensers tad-Dawl, Senser tal-Kulur, Boxxla, Ġiroskopju, Aċċelerometru, Slott għall-SD Card u USB fuq pjattaforma waħda d-daqs ta’ ponn.


Reuben ħadem kważi kollox waħdu, mid-disinn, sal-loġistika għall-manifattura, l-immaġini tal-kumpanija, u kif ukoll kampanja effiċjenti ta’ ffinanzjar mill-pubbliku (crowdfunding), li dehret dan l-aħħar fuq www.zaar.com.mt u www.indiegogo.com u diġà rnexxielha tikseb diversi ordnijiet.  

Reuben qagħad attent ħafna li jaħseb f’utenti diversi. Hu għandu l-ħsieb li jippromwovi din l-inizjattiva mal-iskejjel sekondarji, sixth-forms u akkademiċi barranin, billi hu jaħseb li kull klassi tal-fiżika u kull klassi tat-teknoloġija tal-inġinerija għandha tagħmel użu minn dan l-apparat. Hija għodda konvenjenti ħafna li jkollok biex titgħallem u toħloq prodotti b’mod faċli, iżda tista’ tintuża wkoll għal-logħob. L-istudenti jistgħu b’mod tipiku jużawha għal debugging u t-tagħlim ta’ embedded programming kif ukoll bħala prototip għal proġett finali li jkun jinkludi sensers bħal dawn.

L-eeMod ta’ Reuben jista’ jintuża wkoll għar-riċerka fl-inġinerija. Grupp ta’ dawn ir-robots jistgħu jikkomunikaw flimkien biex jagħmlu biċċa xogħol b’mod konness – qasam ta’ riċerka magħruf bħala swarm robotics. Dan għandu applikazzjonijiet li jvarjaw minn sorveljanza awtonoma sa trasportazzjoni. Ir-riċerka dwar swarm robotics tista’ turi imġiba ta’ swarm intelligence b’applikazzjonijiet fl-immaniġġjar tat-traffiku, mingħajr ma jkollu jinbena apparat bħal dan mix-xejn kull darba li xi riċerkatur jibda proġett ġdid.

Ir-robots tiegħu jistgħu jikkomunikaw mingħajr wires u verament jieħdu l-ħajja meta jaħdmu flimkien. Madankollu, alternattivi fis-suq b’karatteristiċi komparabbli jiswew ħafna drabi aktar, li ma tagħmilhomx prattiċi. 

Għalhekk dawn ir-robots qed isiru disponibbli bi prezz aċċessibbli għal studenti u skejjel u jistgħu jiġu ordnati minn qabel permezz tal-paġna elettronika dwar il-crowd funding

 


 

Il-Professur Alfred Vella fuq CampusFM

Campus FM se jxandar programm speċjali fejn ir-Rev Dr Joe Borg, jitkellem mal-Professur Alfred Vella, li ftit ilu gie elett rettur tal-Università ta' Malta. Jitkellmu dwar il-vizjoni li l-Professur Vella għandu għall-Università; sfidi li l-Università qed tiltaqa' maghhom; kif ukoll il-ħatra kif tolqot lilu personalment.

Il-programm jixxandar nhar l-Erbgha 13 t'April 2016 fl-10:30am b'ripetizzjoni s-Sibt 16 t'April fil-11:30am.

Il-programm ikun accessibli wkoll bħala webcast fuq is-sit ta' CampusFM.

 


 

Borża ta’ Studju tal-IOI għal M.A. in Ocean Governance

L-International Ocean Institute, IOI, qiegħed għal darb’oħra joffri borża ta’ studju għal persuna waħda għall-grad ta’ M.A. in Ocean Governance, li hija offruta b’mod konġunt mill-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Malta u l-IOI, sa mill-2013.  Din il-borża ta’ studju qed tiġi offruta għall-kors li jibda f’Ottubru tal-2016 u għandha valur ta’ €9,500.

Il-Governanza tal-Oċeani huwa suġġett li kull ma jmur fis-seklu wieħed u għoxrin qed isir aktar sinifikattiv u ta’ tħassib.  Il-Liġi tal-Konvenzjoni tal-Baħar tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 u strumenti tal-liġi internazzjonali oħra huma għodda utli li jissalvagwardjaw ir-regola tal-Liġi Marittima Internazzjonali.  Minkejja l-kontribut prezzjuż tagħhom, tħassib internazzjonali emerġenti, ibbażat essenzjalment fuq il-kriżi li qed tiskala dwar in-nuqqas ta’ sostenibilità, qed jinstiga bżonn urġenti li jiġu esplorati modi trans-dixxiplinarji ġodda dwar il-governanza tal-oċeani.  Huwa evidenti li jinħtieġ qafas legali aktar komprensiv biex jitjieb il-mod li bih l-Istati u ċ-ċittadini tagħhom iżommu l-istat tad-dritt f’inħawi tal-baħar fil-ġurisdizzjoni nazzjonali u lil hinn minnha u r-regolarizzazzjoni ta’ attivitajiet antropoġeniċi li jaffettwaw l-oċean u r-riżorsi tiegħu.  Kwistjonijiet u theddid emerġenti, bħal sigurtà marittima globali, l-użu sostenibbli tal-oċeani u r-riżorsi tagħhom, kif ukoll rabtiet bejn ix-xjenzi naturali, il-bżonnijiet soċjo-ekonomiċi u l-liġi, jirrikjedu metodu multidixxiplinarju għall-promozzjoni ta’ tagħlim u riċerka dwar il-governanza tal-oċeani.

Dan il-programm ta’ M.A. in Ocean Governance huwa uniku fil-metodu tiegħu – dan għandu l-għan li jsawwar bażi ta’ għarfien li hija essenzjalment legali imma li wkoll tinvestiga b’mod intensiv ix-xjenzi naturali u soċjali biex jiġi stabbilit kif għandu jopera qafas regolatorju effettiv.  L-M.A. in Ocean Governance iservi biex jitjieb aktar l-iżvilupp tat-tagħlim u r-riċerka fil-qasam tal-immaniġġjar tar-riżorsi tal-baħar u s-sigurtà marittima minn perspettiva multidixxiplinarja.  F’din l-era ta’ globalizzazzjoni u integrazzjoni settorali, il-bini tal-kapaċità fir-regolarizzazzjoni tal-governanza tal-oċeani għandha rwol ċentrali biex ikunu żgurati oċeani sikuri u sani għall-benefiċċju tal-umanità u l-pjaneta.

Informazzjoni dwar l-M.A. in Ocean Governance u l-borża ta’ studju

Tista’ titniżżel formola tal-applikazzjoni

 


 

Tnedija ta’ dizzjunarju ġdid diġitali bil-lingwa Maltija

dizzjunarju1

Waqt konferenza stampa li saret il-bieraħ ġewwa l-uffiċini tal-Awtorità dwar il-Komunikazzjoni (MCA), flimkien mal-Fondazzjoni Vodafone Malta, l-Istitut tal-Lingwistika fl-Università ta’ Malta u l-Kunsill Nazzjonali għall-Ilsien Malti, ġie mniedi uffiċjalment dizzjunarju diġitali ġdid bil-lingwa Maltija. 

Bħala rikonoxximent għan-nuqqas ta'  riżorsi diġitali li jappoġġjaw l-ilsien Malti, l-Avukat Edward Woods, Ċermen tal-MCA iddikjara li l-Awtorità mill-ewwel għarfet il-potenzjal li ġġib magħha l-għaqda ta’ numru ta’ partijiet interessati li jaħdmu favur l-istess proġett. ‘F'din l-era ta’ globalizzazzjoni, huwa dejjem iktar importanti għalina li nieħdu kull miżura disponibbli biex insostnu l-identità nazzjonali tagħna, il-kultura tagħna, il-lingwa tagħna ", qal l-Av. Woods. "L-iżvilupp ta’ riżorsi, b'mod partikolari għodod diġitali bħal dan il-dizzjunarju għandu jiffaċilita l-użu tal-lingwa Maltija, mhux biss f'Malta iżda wkoll għal dawk il-komunitajiet tal-individwi li jitkellmu bil-Malti iżda jgħixu barra l-pajjiż, " kompla jispjega Woods.

Dan id-dizzjunarju se jkompli jiġi aġġornat b’mod regolari, liema żvilupp se jirrifletti il-kummenti li se jwasslu l-utenti stess. Għaldaqstant, il-pubbliku huwa mħeġġeġ juża dan id-dizzjunarju, filwaqt li hu mistieden iwassal is-suġġerimenti u l-kummenti b’żidiet ġodda jew aġġornamenti oħra li jħallu impatt pożittiv fejn jidħol il-volum ta’ materjal aċċessibli minn dan ir-riżors ta’ informazzjoni. 

dizzjunarju2 

Sostanzjalment iffinanzjat mill-Fondazzjoni Vodafone Malta taħt il-kampanja Mobile for Good, kif ukoll bl-appoġġ ta’ Infusion, dan il-dizzjunarju ġie żviluppat biex iservi bħala riżors mibni fuq diversi livelli, li jagħmluh għodda essenzjali għat-tipi kollha ta' utenti, mill-istudent żagħżugħ, jew akkademiku aktar avvanzat, professjonist jew utent ġenerali. Il-dizzjunarju bħalissa joffri lill-utenti l-possibilità ta' tfittix għal kliem Malti u d-definizzjonijiet korrispondenti tagħhom bl-Ingliż, kif ukoll jipprovdi informazzjoni grammatikali bħal kliem li jagħmlu parti minn diskors u l-oriġini tagħhom. Karatteristiċi aktar avvanzati jinkludu traskrizzjonijiet u l-ħoss fonetiku tagħhom, kif ukoll il-forom tal-kliem bħal, per eżempju, hux fil-maskil jew femminil, fil-plural jew singular, u fil-każ tal-verbi, fil-perfett u l-imperfett. L-għan aħħari hu li dan id-dizzjunarju jkompli jiżviluppa konformi max-xejriet attwali u l-aspettattivi tal-utenti. Il-fatt li huwa onlajn jagħmilha ferm iktar faċli u iktar effiċjenti biex jinżamm aġġornat regolarment. In-natura interattiva tal-għodda diġitali tippermetti lill-utenti jissuġġerixxu modifiki u/jew l-inklużjoni ta' kliem ieħor.  

Il-link tad-dizzjunarju hi www.maltesedictionary.org.mt u jista’ jitniżżel ukoll bħala app kompatibbli mall-pjattaforma Android.

Il-kontenut tad-dizzjunarju fil-bidu kien miġbur b’mod li jgħaqqad flimkien sorsi varji onlajn u l-użu tar-riċerka akkademika mwettqa mill-lingwisti varji u riċerkaturi indipendenti. Dan  biex jgħaqqdu r-registrazzjoni ta’ kliem u t-tifsir flimkien u jidentifikaw l-informazzjoni grammatikali tagħhom. L-inizjattiva l-ewwel ittieħdet mis-Sur John J. Camilleri bħala parti mid-dissertazzjoni tiegħu, li kienet tinkludi wkoll komponent awtomatiku fil-format ta’ wordform. Ir-riżultati kienu jagħmlu parti mill- ‘University of Malta’s Maltese Language Resource Server’. Il-proġett attwali, immexxi minn Dr Albert Gatt, b'kollaborazzjoni mas-sotto-kumitat tal-ICT tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ilsien Malti, għamel tibdil sostanzjali sabiex jiżviluppa u jtejjeb iktar dan ir-riżors. It-tim kien jinkludi wkoll is-Sinjura Maria Theresa Abdilla u s-Sur John Paul Grima, it-tnejn li huma studenti postgraduate fl-Università ta' Malta. F'kumment dwar dan ir-riżors ġdid onlajn, ir-Rettur tal-Università Prof. Juanito Camilleri qal li kien ta' pjaċir għalih li jara li l-Università ta' Malta qed tamministra dan il-proġett. "Din l-għodda se ssir indispensabbli għal kull min juża l-lingwa Maltija, kemm jekk huma residenti f'Malta jew kemm jekk jgħixu barra minn xtutna. Dawn l-iżviluppi jiżguraw ukoll li l-ilsien Malti jiffjorixxi mhux biss fost il-kelliema tagħha, iżda wkoll fil-qasam diġitali. "

Jitkellem dwar il-kampanja  ‘Mobile for Good’, is-Sur Jason Pavia, Membru tal-Fondazzjoni Vodafone Malta spjega li dan il-programm għandu l-għan speċifiku li jħares l-użu tat-teknoloġija ċellulari sabiex twassal għall-bidla pożittiva fil-komunità fuq numru ta’ oqsma differenti. "L-utenti issa għandhom aċċess sħiħ, irrispettivament mit-teknoloġija, għal dizzjunarju bil-Malti diġitali ta’ livell għoli, hekk meqjus bħala state-of-the-art, li se jippreżenta l-lingwa nazzjonali tagħna bir-rikkezza kollha tagħha lill-komunità kollha, kif ukoll lil kulħadd madwar id-dinja li jkollu u juri interess fil-lingwa tagħna" qal is-Sur Pavia. "Aħna nemmnu li waħda mill-aktar karatteristiċi importanti tal-proġett huwa li dan ir-riżors se jkun disponibbli liberament għal kulħadd - din l-aċċessibilità hija waħda mill-aspetti l-aktar pożittivi ta' proġetti diġitali bħal dan," huwa ikkonkluda.

Żur il-paġna fuq Facebook għal aktar ritratti. 

 


 

Il-Professur Alfred J. Vella elett il-81 Rettur tal-Università ta’ Malta

Il-Professur Alfred J.Vella ġie elett mill-Kunsill bħala il-81 Rettur tal-Università ta’ Malta. Laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Università bdiet illum fit-3.30pm. Kull wieħed mill-Kandidati għamel il-preżentazzjoni tiegħu għall-elezzjoni. Wara ttieħed vot sigriet minn 31 Membru tal-Kunsill li eleġġew lil Professur Vella.

Il-Professur Vella twieled f’Bormla f’Novembru 1950. Iggradwa B.Sc. fl-1971 u M.Sc. fl-1975 mill-Università ta’ Malta u ngħata Ph.D. fil-ġeokimika organika fl-1984 mill-Colorado School of Mines. Huwa daħal jaħdem fl-Università ta’ Malta fl-1987 u llum jgħallem u jirriċerka l-iktar fil-qasam tal-kimika ambjentali. Ippublika fost l-oħrajn papers fuq il-kimika ambjentali u xjenza tat-tniġġiż u l-ġeokimika tal-petroleum f’ġurnali xjentifiċi internazzjonali. Il-Professur Vella serva għal ħafna snin bħala Kap tad-Dipartiment tal-Kimika u bejn l-1997 u 2007 kien ukoll id-Dekan tal-Fakultà tax-Xjenza. F’Lulju tal-2006 inħatar bħala Pro-Rettur għall-Affarijiet Akkademiċi.  Apparti x-xogħol tiegħu fl-Università, il-Professur Vella ta’ spiss jagħti servizz bħala espert forensiku lill-Qrati Maltin f’inkjesti, u jitqabbad bħala konsulent fuq materji xjentifiċi minn korpi statali u mill-privat. Il-Professur Vella jservi ukoll fuq il-bord tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija u l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi u jidderiġi l-Awtorità Nazzjonali tal-Organization for the Prohibition of Chemical Weapons.

Il-Professur Vella jieħu l-ħatra fl-1 ta’ Lulju 2016.

 


 

L-Iffirmar ta’ Ftehim bejn l-Università ta’ Malta u Heritage Malta

Ġie ffirmat Memorandum ta’ Ftehim bejn l-Università ta’ Malta u Heritage Malta mill-Prof. Joe Friggieri, Pro-Rettur, u Dr Joseph Buttigieg, President ta’ Heritage Malta, fil-preżenza tal-On. Owen Bonnici, Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

Il-Ftehim għandu l-għan li jikkonsolida r-relazzjoni li ilha teżisti bejn iż-żewġ Partijiet u jippermetti l-użu reċiproku ta’ tagħmir tekniku u xjentifiku li jinsab fid-Diviżjoni tal-Konservazzjoni ta’ Heritage Malta, u fil-laboratorji tal-Fakultà tal-Ambjent Mibni, fid-Dipartiment tal-Inġinerija tal-Metallurġija u l-Materjali, u fid-Dipartiment tal-Kimika tal-Università ta’ Malta. Il-Memorandum ta’ Ftehim jaħseb ukoll biex jiġu pprovduti t-tagħlim u servizzi ta’ Żvilupp Professjonali Kontinwu skont il-bżonn, kif ukoll li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet għal aċċess għal-libreriji ta’ Heritage Malta u l-Università ta’ Malta minn persuni fiż-żewġ entitajiet.

Il-Prof. Friggieri kkummenta li dan il-Memorandum ta’ Ftehim għandu jwassal biex jiġi żgurat li l-kollaborazzjoni mill-qrib li dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet esperjenzaw fis-snin li għaddew tkun aktar soda, għall-benefiċċju tal-istaff u l-istudenti. Huwa qal: “L-Università ta’ Malta qed tmexxi korsijiet fil-konservazzjoni u fl-immaniġġjar tal-wirt kulturali li jistgħu jibbenefikaw mill-kompetenza u t-tagħmir li l-Aġenzija Nazzjonali bniet matul is-snin, u l-Università tista’ tipprovdi wkoll l-appoġġ tekniku u akkademiku meħtieġ lil Heritage Malta f’dawn l-oqsma speċifiċi”.

Il-Ministru Bonnici qal li r-responsabbiltajiet ta’ Heritage Malta żdiedu matul is-snin, u l-irwol tagħha fis-settur tal-wirt kulturali kiber b’mod konsiderevoli. Huwa qal: “Sabiex tkompli twettaq il-missjoni tagħha li tipproteġi u tinterpreta l-beni tal-wirt kulturali fdati lilha mill-Gvern, u biex tipprovdi għall-istennija akbar tal-pubbliku lokali u barrani, Heritage Malta trid tilħaq ftehim ma’ partijiet interessati strateġiċi. Dan il-Memorandum ta’ Ftehim huwa, għalhekk, fuq kollox, investiment fil-persunal tagħhom biex jagħtihom il-ħila li jagħmlu aktar u b’mod aħjar.”

Rappreżentanti mid-Dipartimenti kollha u l-Fakultà tal-Università ta’ Malta kkonċernati, kif ukoll minn Heritage Malta kienu preżenti għall-iffirmar.

L-Iffirmar ta’ Ftehim bejn l-Università ta’ Malta u Heritage Malta

Mix-xellug: il-Prof. JoAnn Cassar (Fakultà tal-Ambjent Mibni u Membru tal-Bord ta’ Heritage Malta), Dr Joseph Buttigieg (Chairman Heritage Malta) il-Prof. Joe Friggieri (Pro-Rettur) il-Ministru Owen Bonnici, is-sur Kenneth Gambin (CEO Heritage Malta).

 


 

L-Università ta’ Malta tiżvela l-ewwel missjoni spazjali tan-Nazzjon

uomsat1

Mudell 3D tal-UoMSat1 – l-ewwel Pico-Satellite tal-Università ta’ Malta 

 

Kważi 50 sena wara li l-Ambaxxatur Malti għan-Nazzjonijiet Uniti Arvid Pardo stabbilixxa l-prinċipju tal-liġi internazzjonali li tiggverna l-ġurisdizzjonijiet sopranazzjonali, Malta finalment lesta li tieħu inizzjattiva lil hinn mill-fruntiera aħħarija tal-“wirt komuni tal-bniedem” – l-Ispazju.

B’konformità mal-missjoni tagħha li tressaq lin-nazzjon ’il quddiem nett fid-dinja teknoloġika, l-Università ta’ Malta, b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Birmingham fir-Renju Unit, il-Malta Amateur Radio League (MARL), u l-kumpanija Taljana tal-Astrodinamika, GAUSS Srl f’Ruma, qed tippjana l-ewwel missjoni spazjali ta’ Malta.

Apparat minjatura 5x5x5 ċm, 250 gramm, magħruf bħala PocketQube pico-satellite, se jiġi llanċjat xi żmien fl-2018 fl-orbita terrestri baxxa sinkronizzata max-xemx (sun-synchronous low earth orbit – LEO) u se jkun użat biex jagħti prova tal-validità ta’ apparat li jittella’ abbord (magħruf l-aktar bħala l-payload). Dan se jistudja l-proprjetajiet ta’ reġjun ionizzat fl-atmosfera ta’ fuq tad-Dinja (magħruf bħala l-jonosfera).  It-tnaqqis tal-qies u l-piż tas-satelliti li qed iseħħ dan l-aħħar għandu l-għan li tiġi minimizzata l-ispiża tal-illanċjar ta’ oġġetti fl-ispazju, li minbarra spejjeż fissi, tista’ tilħaq ’l fuq minn €10,000 kull kilogramm f’xi sitwazzjonijiet.

Il-kollaborazzjoni ġabet flimkien żewġ studenti Maltin post graduate fl-inġinerija – Darren Cachia f’Malta u Jonathan Camilleri, student għall-Ph.D. fl-Università ta’ Birmingham – li għaqqdu l-isforzi tagħhom u qegħdin jiżviluppaw il-pjattaforma satellitari u l-payload xjentifika rispettivament.

 

 uomsat2

Eżempju bikri li juri l-qies tipiku tal-Pico-Satellite 


Is-Sur Cachia, li l-proġett tiegħu ngħata l-Borża ta’ Studju Endeavour u li huwa parzjalment iffinanzjat milll-Fond Soċjali Ewropew (ESF) tal-Unjoni Ewropea, qal: “L-isfida hija li jkun iddisinjat apparat affidabbli li huwa tajjeb biżżejjed biex jittella’ fl-ispazju bl-użu ta’ komponenti li għandhom prezz baxx, disponibbli kummerċjalment, bħal dawk li jinsabu fi smart phones moderni.  Tekniki speċjali ta’ software u hardware qed jiġu żviluppati biex jaraw l-punti ta’ saħħa u ta’ dgħjufija ta’ komponenti individwali, u jtejbu l-affidabilità tal-komputazzjoni, fl-ambjent tal-ispazju, li hu aħrax u mimli radjazzjoni.  Permezz ta’ dan l-iżvilupp relativament reċenti, it-teknoloġija tal-ispazju ssir aktar aċċessibbli għall-istudenti Universitarji, u ssir possibbli r-riċerka dwar l-ispazju minn persuni ċivili.” 

Dan l-ewwel lanċjar se jwitti t-triq għal għadd ikbar ta’ tmien satelliti bħal dawn, li se jkunu mifruxa fuq qasam ġeografiku kbir, u hekk ikopru aħjar il-kundizzjonijiet jonosferiċi varjabbli, li jaffettwaw il-komunikazzjonijiet bir-radju.  Il-missjoni mistennija ddum madwar 18-il xahar u tibgħat informazzjoni lura lejn id-Dinja li tkun aċċessibbli għal kull min għandu sett tar-radju amatorjali (ham radio). Biż-żmien, l-informazzjoni se tkun disponibbli biex tippermetti li skejjel u individwi interessati biex jkunu jistgħu jipparteċipaw bl-użu ta’ apparat mhux għali.

L-inizzjattiva tar-riċerka pico-satellite mifruxa fuq numru ta’ snin u mmexxija minn Dr Ing. Marc Anthony Azzopardi u Dr Ing. Andrew Sammut, hija l-proġett ewlieni tal-grupp ta’ riċerka fl-Astrionika (Astrionics Research group – ASTREA) mid-Dipartiment tal-Inġinerija tas-Sistemi Elettroniċi (ESE) tal-Università ta’ Malta li se jutilizza  investiment Ewropew ERDF ta’ miljun euro (€1,000,000) għal tagħmir avvanzat għall-bini ta’ prototipi sabiex tiġi żviluppata, manifatturata u ttestjata l-pjattaforma satellitari.  L-iżvilupp tal-payload huwa mmexxi mill-Prof. Mathew Angling li jmexxi l-grupp Space Environment and Radio Engineering (SERENE) fl-Università ta’ Birmingham.  L-illanċjar x’aktarx se jkun provdut minn Gauss Team Srl. fl-Italja, li ġeneralment jillanċjaw mill-Baikonur cosmodrome fil-Kazakhstan.

Dr Azzopardi jispjega li “it-teknoloġija ta’ satelliti minjatura għandha ġġib diversi vantaġġi uniċi għal Malta billi tittratta problema li ilna niffaċċjaw fejn jidħlu satelliti konvenzjonali li josservaw id-dinja.”  Hu żied jgħid: “Sa llum kellna nagħżlu bejn xbihat mhux frekwenti ta’ kwalità għolja tal-pjaneta, u vidjos f’ħin attwali b’riżoluzzjoni ferm iżjed baxxa.  Kostellazzjonijiet ta’ dawn is-satelliti żgħar ġodda jagħmluha kummerċjalment possibbli li tagħmel it-tnejn, b’mod partikulari fuq territorju żgħir bħal Malta.   Din it-teknoloġija għandha applikazzjonijiet importanti fl-immaniġġjar tat-traffiku, sorveljanza tal-fruntieri, monitoraġġ ambjentali, għajnuna f’diżastri u applikazzjonijiet ġodda li qegħdin jitfaċċaw kuljum.”

Id-Dekan tal-Fakultà tal-Inġinerija Dr Sammut ikkonkluda: “Hemm ħafna x’wieħed jista’ jikseb minn proġetti ta’ riċerka avvanzata bħal dawn.  Minbarra l-benefiċċju dirett li nżommu l-aħjar imħuħ f’Malta, ħafna mit-teknoloġija li qed tiġi żviluppata tista’ tiġi mill-ewwel applikata biex ittejjeb l-affidabilità ta’ sistemi kritiċi għall-ħajja, bħal l-elettronika biomedika jew dik awtomativa – dan huwa partikolarment rilevanti meta ż-żewġ setturi qed jikbru sew f’Malta.  Dan l-għerf iħalli riżultati li jtejbu u jespandu l-bażi industrijali tagħna.”

Matul is-sena li għaddiet il-Fakultà tal-Inġinerija, permezz tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, stabbiliet kuntatt ukoll mal-European Space Agency biex toffri lill-istudenti tagħha firxa aktar wiesgħa ta’ taħriġ, riċerka u għażliet ta’ karrieri fl-oqsma l-aktar avvanzati tal-Inġinerija.  Minbarra hekk, bdew diskussjonijiet mal-Istitut tax-Xjenzi Spazjali u l-Astronomija (ISSA) tal-Università ta’ Malta li eventwalment se tara lill-Università tiżviluppa l-missjonijiet spazjali xjentifiċi tagħha stess.

Għal aktar informazzjoni ibagħtu email lil Dr Ing. Marc Anthony Azzopardi.

L-IllanċjarPreċedenti tal-UniSat-6 Nano-Satellite Cluster minn GAUSS Srl. f’Ġunju 2014.

 


 

KAPTAN abbord

kaptanabbord

Baħħara li jkunu qegħdin jinnavigaw fil-viċinanza tal-Gżejjer Maltin u n-nofsinhar ta’ Sqallija issa għandhom għajnuna ġdida biex jippjanaw il-vjaġġi tagħhom u jkollhom safar aktar sikur.  Kull m’hemm bżonn hu ftit klikkjar fuq app tat-telefon biex wieħed jaċċessa għadd kbir ta’ data dwar il-baħar u t-temp f’forma ta’ mapep interattivi li jipprovdu aċċess immedjat u faċli għal kundizzjonijiet prevalenti tal-baħar. Dan ikun stabbilit mill-utent innifsu, li jkollu wkoll informazzjoni dwar il-passat u tbassir fuq perijodu qasir.

KAPTAN hija applikazzjoni tal-ismartphone żviluppata fil-proġett CALYPSO li hu mmexxi mill-Prof. Aldo Drago mill-Grupp ta’ Riċerka dwar l-Oċeanografija Fiżika fid-Dipartiment tal-Ġeoxjenzi fl-Università ta’ Malta.

Id-data għal dan is-servizz integrat għall-baħhara toħroġ prinċipalment mis-sistema ta’ osservazzjoni permezz tar-radar Calypso HF, li tikkonsisti f’installazzjonijiet ta’ radar HF CODAR SaaSonde fuq ix-xtut tat-tramuntana ta’ Malta u dawk tan-nofsinhar ta’ Sqallija f’erba’ siti magħzula.  Osservazzjonijiet bis-satellita flimkien ma’ mudelli numeriċi tat-temp u tal-baħar b’riżoluzzjoni għolja, imħaddma fl-Università ta’ Malta b’mod speċifiku għall-Kanal bejn Malta u Sqallija, jipprovdu sett sħiħ ta’ rapportaġġ, u jikkumplimentaw tbassir tat-temp ieħor derivat minn mudelli GFS/WRF u stazzjonijiet tat-temp lokali.

L-app tat-telefon tista’ tiġi mniżżla b’xejn kemm għall-Android kif ukoll għall-apparat iOS (Google Play u App Store on iTunes rispettivament).

L-istess servizzi jinsabu wkoll online.

Fl-aħħar għandna app tat-telefon maħluqa għas-servizz ta’ baħħara, għaddasa, u windsurfers lokali. 

Niżżel din l-app issa!! Vidjo gwida jinsab fuq dan is-sit.

Minbarra l-Grupp ta’ Riċerka dwar l-Oċeanografija Fiżika mill-Università ta’ Malta, il-proġett CALYPSO huwa magħmul minn erba’ msieħba Sqallin: l-Università ta’ Palermo (Polo Territoriale Universitario della Provincia di Trapani) bħala l-Punt Fokali Sqalli, L’Istituto per l’Ambiente Marino Costiero del Consiglio Nazionale delle Ricerche (IAMC-CNR), l-Università ta’ Catania (CUTGANA) u ARPA SICILIA (Agenzia Regionale per la Protezione dell’Ambiente), u tliet imsieħba oħra Maltin: Transport Malta, il-Forzi Armati ta’ Malta u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Il-proġett huwa parzjalment iffinanzjat mill-ERDF Programm Italia – Malta, Politika ta’ Koeżjoni 2007-2013.   

Għal aktar informazzjoni ibagħtu email lil Prof. Aldo Drago.

 


 

Wirja ta’ Ġurnali Maltin

Id-Dipartiment tal-Melitensia b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Periodicals, ġewwa l-Librerija tal-Università ta’ Malta tella’ wirja ta’ ġurnali Maltin. Il-ġurnali esebiti ġew magħżula bir-reqqa biex juru kemm ftit mill-ħajja tal-passat f’Malta kif ukoll biex jagħtu vizibilità lill-kollezzjoni kontinwa li tinstab fil-Librerija. L-eqdem ġurnal li għandna f’din il-wirja, li jġib l-isem ta’ Uard u Zahar, imur lura għas-sena 1865 u waqaf jiġi ppubblikat fis-sena 1870.

Din il-wirja, bl-isem ta’ Wirja ta’ Ġurnali Maltin, tkopri bosta oqsma tas-soċjetà tagħna, bħar-reliġjon, divertiment, liġi, kummerċ, storja, l-ilsien Malti, natura, arkitettura u inġinerija. L-intenzjoni wara din il-wirja kienet li tkun il-mezz li tagħti lill-pubbliku idea tal-materjal vast relatat ma’ ġurnali Maltin li jinsab fid-Dipartiment tal-Melitensia.

Din il-wirja tinstab fil-Librerija tal-Università ta’ Malta, fil-pjan terran u hija mmirata għal kull min għandu għal qalbu materjal relatat ma’ Melitensia. Ser tkun miftuħa għall-pubbliku mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8.30am u t-8.00pm u s-Sibt bejn id-9.00am u l-12.15pm.

 


 

Wirja ta’ Fotografija tan-Natura

Iċ-Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali (CLAS), b'kollaborazzjoni mal-Librerija tal-Università, qed jorganizza wirja ta’ ritratti li nġibdu minn seba’ studenti li ħadu sehem fin-‘Nature Photography Study Tour’ (LAS3003) bħala parti mill-Programm fl-Arti u x-Xjenzi Liberali (PLAS) tal-Università ta’ Malta. Il-wirja qed tittella’ fid-daħla tal-Librerija. 

Ir-ritratti ttieħdu fi Sqallija f’Ġunju 2015 waqt mawra ta’ studju mmexxija mis-Sur Guido Bonett, li huwa l-kuratur tal-wirja. Il-parteċipanti żaru Bosco di Malabotta, riżerva naturali f’Messina meqjus bħala wieħed mill-aħħar boski naturali fi Sqallija, Rocche Dell’Argimusco, Riserva Naturale Pantalica – Valle dell’Anapo, sit tal-UNESCO biswit Siracusa, u l-Park Naturali tal-Etna fil-provinċja ta’ Catania. L-istudenti kellhom l-opportunità jiġbdu ritratti ta’ xenarji ta’ widien, kaskati, xmajjar u nixxigħat, fawna li kienet tinkludi friefet, mazzarelli, damiġelli u gremxul, kif ukoll varjetà kbira ta’ flora. Saru wkoll lezzjonijiet fuq il-post bħala parti mill-programm.  

Ir-ritratti nġibdu minn Alex Bugeja, Johan Debono, Celine Farrugia, Kimberly Gauci, Gloriane Mifsud, Jonathan Pullicino and Alison Zammit Endrich.

Il-wirja tnediet uffiċjalment fit-8 ta’ Frar mir-Rettur tal-Università, il-Professur Juanito Camilleri, u se tibqa’ miftuħa sat-18 ta’ Marzu.

Ir-ritratti tat-tnedija tal-wirja.

 


 

L-Università u l-PBS iniedu dokumentarju dwar ir-riċerka

 Talassemija

Ritratt: Edward Duca

TalassemijaDan l-aħħar saret skoperta xjentifika hawn Malta. It-tim ta’ riċerka, immexxi mill-Professur Alex Felice, identifika l-ġene li jikkawża l-bdil mill-emoglobina tal-fetu għall-emoglobina tal-adulti waqt l-istadji bikrin tal-ħajja. Din l-iskoperta kienet ġrajja importanti fil-proċess biex tiġi żviluppata kura għat-Talassemija, marda fid-demm li taffettwa l-ħajja ta’ ħafna persuni Maltin u popolazzjonijiet oħra fil-Mediterran.

Din ir-riċerka sinifikattiva issa ġiet żviluppata f’dokumentarju, l-ewwel minn serje, Lab to Life, li se tkun prodotta b’mod konġunt bejn l-Università ta’ Malta u l-Public Broadcasting Services Ltd bl-għan li tingħata attenzjoni lill-proġetti ta’ riċerka mill-aqwa li bħalissa qegħdin isiru fid-diversi dipartimenti tal-Università. Din is-serje, l-ewwel waħda tal-għamla tagħha f’Malta, hija r-riżultat ta’ ftehim li ntlaħaq bejn il-Public Broadcasting Services Ltd u l-Università ta’ Malta aktar kmieni din is-sena, li magħhom se jkunu qed jikkollaboraw l-organizzazzjonijiet biex juru r-riċerka li qed issir fl-Università, permezz tal-midja tax-xandir nazzjonali.

L-ewwel dokumentarju fis-serje, li jiffoka fuq it-Talassemija, kien imniedi nhar il-Ħamis fl-Aula Magna tal-Kampus tal-Belt Valletta. Il-Kav. Dr Tonio Portugese, Chairman tal-PBS, li tkellem waqt it-tnedija, spjega li x-xandir pubbliku huwa kburi li qiegħed iservi bħala mezz ta’ informazzjoni biex iwassal din l-eċċellenza lokali lill-pubbliku. Huwa spjega li l-PBS Ltd, permezz tal-kuntatti internazzjonali tiegħu, għandu l-ħsieb li jippromwovi d-dokumentarji fost kumpaniji barranin tax-xandir, xi ħaġa li ser tkompli tagħti dimensjoni internazzjonali lill-proġetti ta’ riċerka Maltin.

Il-Professur Richard Muscat, Pro-Rettur għar-Riċerka u l-Innovazzjoni wera permezz ta’ preżentazzjoni qasira li din is-serje tipprovdi kampjun ta’ numru kbir ta’ proġetti ta’ riċerka eċċellenti li għaddejjin fl-Università ta’ Malta. Huwa tkellem dwar il-kollaborazzjoni qawwija ma’ istituzzjonijiet ta’ riċerka mill-aqwa madwar l-Ewropa u postijiet oħra, u kif riċerkaturi Maltin jippubblikaw ix-xogħol tagħhom b’mod regolari fl-aqwa ġurnali akkademiċi, xi ħaġa li għandha tkun kontinwament appoġġjata mill-istat u mill-komunità. Huwa qal ukoll li din il-kollaborazzjoni kienet parti mill-istrateġija tal-Università biex twassal ir-riċerka tagħha, kemm dik xjentifika kif ukoll dik umanistika, biex is-soċjetà f’Malta u barra tista’ tkun aktar konxja tax-xogħol importanti tar-riċerkaturi tagħha. Huwa qal li r-rivista THINK għamlet suċċess kbir kemm bħala rivista stampata kif ukoll fuq l-internet u din il-kollaborazzjoni hija estensjoni ta’ din l-istrateġija għall-midja viżiva, ħaġa li hija tassew meħtieġa.

Oqsma oħra ta’ studju maħsuba għal din is-serje ivarjaw minn riċerka dwar il-kanċer għall-arkeologija tal baħar, riċerka dwar kif jaħdem il-moħħ, studji dwar id-dijabete, l-avjonika, il-lingwistika u s-supermaterjali, fost oħrajn.

 


 

Il-Politika fil-Films

Il-Politika fil-films

 


 

Kollezzjoni ta’ reel tapes qodma għal-Librerija

reeltapes 

Nhar il-21 ta’ Ottubru 2015, fil-Librerija tal-Università, id-Dipartiment tal-Malti għadda kollezzjoni ta’ reel tapes qodma li kienu ġew irrekordjati mill-Prof. Ġużè Aquilina u l-folklorista Ġużè Cassar Pullicino.

L-eqdem tejp imur lura għas-sena 1951 u l-aktar qrib ġew irrekordjati fl-1977. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn ir-reel tapes kienu saru bosta snin ilu mill-Professur Ġużè Aquilina, li kien il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università.  Huwa kollu mertu tal-Prof. Ġużè Aquilina li ħa ħsieb iħalli tifkira ħajja tal-leħen ta’ ħafna awturi li llum m’għadhomx magħna, billi ħa ħsieb jirrekordja ħafna mill-kittieba ta’ żmienu għall-posterità. Bis-saħħa tiegħu llum għandna l-ilħna rrekordjati ta’ ħafna mill-poeti u r-rumanziera ta’ żmienu, fosthom Dun Karm, Karmenu Vassallo, Rużar Briffa, Anton Buttigieg, George Zammit, Ġorġ Pisani, Ninu Cremona u Pietru Pawl Saydon.

Numru ta’ reels ħa ħsieb jirrekordjahom Ġużè Cassar Pullicino b’rabta mal-folkor Malti. Fost oħrajn insibu intervisti rari ma’ għannejja magħrufa, bħal Karmenu Cardona li jitkellem fuq il-kitarra, Ġużeppi Xuereb “Ix-Xhudi” li jispjega t-taqbil fl-għana, kif ukoll Ġużeppi Grech “Ix-Xlukkajr”. Insibu wkoll intervisti ma’ Paul Degabriele “Il-Bies,” u Anġlu Zammit “Il-Ħaħaj” li jitkellem fuq il-flejguta.

Il-kollezzjoni għaddiet fi ħsieb il-Prof. Oliver Friggieri meta sar Kap tad-Dipartiment tal-Malti u kienet miżmuma fl-uffiċċju tiegħu. Fil-bidu ir-reels bdew jinqalbu għal fuq cassettes. Imbagħad b’intervent f’waqtu tal-Prof. Manwel Mifsud bdiet id-diġitalizzazzjoni tagħhom fuq diski kompatti (CDs). Fis-sajf tal-2004, bis-saħħa ta’ apparat (audio CD writer) misluf ġentilment minn Campus FM, ir-reels ġew diġitalizzati mis-Sur Joe Borg u sar katalgu sħiħ tagħhom biex ikunu jistgħu jintużaw b’mod aktar faċli u komdu, u biex ikunu salvati mill-ħsara li s-soltu ssir liż-żigarella tat-tejps manjetiċi. Il-proġett beda fit-22 ta’ Lulju u ntemm fit-8 ta’ Settembru 2004.

Textix u difetti żgħar oħra tal-ħoss mhux dejjem setgħu jiġu evitati. Meta l-Prof. Ġużè Aquilina kien jintervista lill-mistiedna tiegħu ma kienx fi studjow speċjalizzat bħal tal-lum u wħud mit-tejps huma kommemorazzjonijiet fil-miftuħ u/jew taħditiet quddiem udjenza.

Bl-inizjattiva tal-Prof. Manwel Mifsud ixxandar il-programm Ilħna mill-Imgħoddi minn fuq Campus FM bejn Marzu u Mejju 2005, imsejjes fuq l-intervisti ta’ Ġużè Aquilina li kienu ġew maqluba għal fuq CDs.

Waqt il-preżentazzjoni ntwera powerpoint li permezz tiegħu s-Sur Joe Borg fisser fid-dettal il-proċess kollu ta’ kif saret id-diġitalizzazzjoni tar-reel tapes, li b’kollox jgħoddu 128, għal fuq CDs. F’diskors li għamel Dr Bernard Micallef, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti preżenti, fisser li minbarra l-importanza tal-vuċijiet ippreservati bħala wirt nazzjonali,f’dawn it-tejps hemm dimensjoni ta’ żmien u spazju li l-ġenerazzjonijiet ta’ warajna jistgħu jiskopru u jimirħu fihom aktar 'il quddiem. Min-naħa tiegħu, il-Bibljotekarju tal-Università fisser li din l-għotja lil-librerija se tinżamm b’għożża kbira u bis-saħħa tal-kopji diġitalizzati ’l quddiem dawn l-ilħna mill-imgħoddi jistgħu jittellgħu bħala metadata u jkunu aċċessibbli madwar id-dinja kollha permezz tal-internet.

Id-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti
Il-Librerija tal-Università

 


 

Tiftaħ il-Bibien Tagħha l-Klinika tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża tal-Università

tcmopening 

L-agupuntura hija waħda mill-metodi użati għas-serħan mill-uġigħ.  Din tista’ tintuża waħidha jew flimkien ma’ metodi oħra ta’ trattament, għalkemm din ġiet użata wkoll biex tfejjaq għażla wiesgħa ta’ kundizzjonijiet oħra bħal dardir/rimettar imqanqal mill-kemjoterapija, dardir/rimettar wara operazzjoni, kif ukoll uġigħ ta’ ras idjopatiku.  B’mod ġenerali, l-agupuntura hija bla periklu u m’għandhiex effetti sekondarji meta ssir minn professjonist mħarreġ apposta.

L-Università ta’ Malta bdiet kors ta’ studju biex tħarreġ professjonisti tas-saħħa fit-teknika b’mod professjonali u tgħinhom biex jiksbu l-istandards ta’ prattika għoljin rikjesti mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.  Il-kors tal-Università ta’ Malta qed jiġi mmexxi u mgħallem b’kollaborazzjoni mal-Università tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża ta’ Shanghai (Shanghai University of Traditional Chinese Medicine), li hija ċentru ta’ eċċellenza fiċ-Ċina u waħda mill-ewwel erba’ kulleġġi li jgħallmu t-TCM fiċ-Ċina. 

Flimkien mal-kors teoretiku, l-Università waqqfet Klinika tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża mgħammra b’tobba ta’ professjonalità għolja mill-Università ta’ Shanghai.  Dawn qegħdin Malta biex b’mod speċifiku jimmaniġġjaw il-Klinika dedikata fl-Università, li tinsab Triq l-Imħallef Paolo Debono, l-Imsida (ħdejn l-entratura l-qadima tal-Università).

Għażliet ta’ trattamenti jiġu diskussi mal-pazjent wara konsulta ddettaljata mogħtija għal ħlas nominali.  L-appuntamenti jistgħu jsiru direttament mal-Klinika, Tel: 2340 3988 jew email: tcm@um.edu.mt wara referenza formali.  Għal aktar informazzjoni ara http://www.um.edu.mt/tcm/tcmclinic.  Is-servizzi huma skedati kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-0900-1200 u s-1300-1600 [kull sessjoni mal-pazjent iddum bejn wieħed u ieħor xi siegħa] 

 


 

Nibnu lil Malta bl-għajnuna tar-riċerka

THINK 15

Terz tal-Gżejjer Maltin huwa miksi bil-bini, u ftit li xejn tingħata konsiderazzjoni għall-ispazju aħdar u d-disinn urban. Il-Fakultà għall-Ambjent Mibni qed tiċċelebra 100 sena minn meta twaqqfet, u gradwati reċenti qed jiġu wiċċ imb wiċċ mal-isfida li jsolvu żbalji li saru qabel.

Riċerkaturi mill-Fakultà qed jiddisinjaw bini li jkun jista’ jiġi wżat b’faċilità minn persuni  bid-dimenzja u bini reżistenti għat-terremoti. Qegħdin joħolqu simulazzjonijiet numeriċi ta’ bini Malti kontemporanju biex jaraw kif jirreaġixxi għat-terremoti. Dr Daniel Micallef, li jispeċjalizza fil-Computational Fluid Dynamics u l-inġinerija tar-riħ, qiegħed jibni mudelli li jistgħu jwasslu għal ambjenti urbani aktar sikuri, aktar komdi u li jużaw l-enerġija b’mod effiċjenti.

L-ambjent mibni huwa aktar minn strutturi mibnijin biss. L-Università ta’ Malta għandha proġett ta’ Master Plan li għandu l-għan li jsib soluzzjonijiet innovattivi għat-traffiku f’Malta u l-problemi tal-ilma. Ladarba jiġu ttestjati s-soluzzjonijiet fl-Università dawn ikunu jistgħu jiġu implimentati ma’ Malta kollha. Madankollu, l-akbar sfida hija li jittejjeb it-trasport pubbliku u li tinbidel il-mentalità tan-nies sabiex ikun hemm aktar użu kondiviż tal-karozzi (car pooling). 

Minbarra s-sitwazzjoni traġika tat-traffiku, Dr David Vella jikteb dwar kif it-traġedja fil-letteratura tista’ tkun forma ta’ terapija.  Il-letteratura tista’ tgħin lill-qarrejja jaraw id-dinja b’perspettiva aktar imdawla biex jitgħallmu jiffaċċjaw l-istinti naturali tagħhom meta jkunu mhedda fid-dinja reali.

Think tirrakkonta l-istorja tal-Professur Rena Balzan, li tgħaqqad ħajja xjentifika ma’ dik letterarja. Il-Prof. Balzan kienet waħda mill-ewwel nisa f’Malta li bniet karriera fir-riċerka xjentifika, waqt li kitbet numru kbir ta’ poeżiji u rumanzi. Flimkien mat-tim tagħha, hija tittama li r-riċerka tagħha dwar l-aspirina fil-ħmira tgħin biex timpedixxi l-kanċer fil-bniedem.

Li tiddisinja logħba ma jidhirx li huwa mod ovvju biex tonqos mill-piż, iżda studju pilota fl-Istitut tal-Logħob Diġitali wera li grupp ta’ studenti li ħadmu fuq logħob relatati mal-atteġġjament lejn l-ikel naqsu mill-piż kollettivament, filwaqt li l-grupp li ddisinja logħob ieħor żdied fil-piż.

Think toffri wkoll għażla wiesgħa ta’ stejjer oħrajn. Il-Malta BioBank jiftaħ il-bibien tal-friża  tiegħu, studenti jiktbu dwar in-nikotina, il-mard tal-moħħ, it-trasport tal-futur u l-għarfien tal-uċuħ, filwaqt li s-sezzjoni tar-reċensjonijiet tista’ tkun perfetta għal xi rigali tal-Milied tal-aħħar minuta u li mhux tas-soltu.

Think, ir-rivista ta’ riċerka tal-Università ta’ Malta tista’ tinġabar b’xejn mingħand il-librara madwar Malta u Għawdex u mill-ħwienet tal-kotba tal-Agenda. Issa tista’ tinsab online fuq www.um.edu.mt/think, tinqara fuq Issuu u tiġi wkoll segwita fuq Twitter@ThinkUoM jew ‘liked’ fuq Facebook.

 


 

Il-Gradwati tal-Inġinerija mill-Università huma ħafna iżjed Impjegabbli

Gradwati tal-Inġinerija kif ukoll dawk tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) mill-Università ta’ Malta għandhom kważi id-doppju ta’ prospetti li jsibu impjieg b’paga tajba f’qasam li jilħaq l-aspirazzjonijiet tagħhom dwar il-karriera - dan ħareġ minn paragun ma’  istituzzjonijiet oħra ffinanzjati mill-istat li joffru edukazzjoni fl-Inġinerija u l-ICT, ippubblikat fir-Rapport Nazzjonali tal-Indiċi tal-Impjegabbiltà (paġni 30, 31, 38, 39) maħruġ mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, f’Ottubru li għadda.  L-Università qiegħda b’ mod ċar issaħħaħ l-istatistika nazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjegabbiltà ġenerali tal-gradwati tal-edukazzjoni terzjarja.

Id-Dekan tal-Fakultà tal-Inġinerija, Dr Ing. Andrew Sammut, qal li matul iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni tax-xahar li għadda huwa kellu l-opportunità li jisma’ l-pjan immedjat ta’ kull gradwat, “Kont kuntent ħafna nisma’ li lanqas student wieħed ma semma’ li kien jew kienet għadha tfittex impjieg.  Bejn wieħed u ieħor nofshom sabu impjieg minnufih f’qasam tal-inġinerija, u l-kumplament għażlu li jkomplu jistudjaw, uħud f’Malta, iżda ħafna minnhom barra l-pajjiż – prinċipalment fl-aqwa universitajiet fir-Renju Unit.”

Id-dijagramma turi l-persentaġġ ta’ gradwati mill-gruppi tal-2012 u l-2013 li mill-ewwel sabu impjieg li jaqbel mal-qasam tal-istudju tagħhom, u li mbagħad żammewh fis-snin ta’ wara li ggradwaw.  F’xi każijiet, dan il-persentaġġ jidher li biż-żmien żdied.

Id-Dekan qal “Dak li hu tassew importanti huwa l-fatt li l-istudenti tagħna setgħu jsibu impjieg fl-oqsma li ġew imħarrġa fihom, jew f’oqsma relatati, li fl-aħħar mill-aħħar, jieħdu gost jaħdmu fihom.  Kienet tkun ħasra kbira li kieku wara li nkunu investejna bil-kbir fl-istudenti tagħna, kienu jkunu llimitati għal impjieg fejn iħossuhom kwalifikati żżejjed għalih.  Madankollu, huwa ċar li dan mhux qed iseħħ.  Huma qegħdin tassew jużaw il-ħiliet tagħhom, u hija ħaġa evidenti li l-prodott tagħna qed ikun apprezzat mill-industrija u minn universitajiet internazzjonali.”  

impjegati
Persentaġġ tal-gradwati li sabu u żammew l-impjieg relatat mal-qasam tal-istudju tagħhom
[Sors: “Employability Index 2015” rapport ippubblikat mill-ETC, Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol]

L-element prattiku fil-korsijiet tal-Inġinerija issa laħaq l-ogħla livell li qatt kellu, bl-istudenti jgħaddu aktar minn nofs il-ħin tat-tagħlim tagħhom f’laboratorji mill-aktar moderni, fejn jiksbu ħiliet fl-analiżi u d-disinn f’għażla wiesgħa ta’ suġġetti koperti minn sitt dipartimenti: Sistemi u Kontroll, Sistemi Elettroniċi, Il-Konverżjoni Industrijali tal-Enerġija Elettrika, Metallurġija u l-Materjali, l-Inġinerija tal-Industrija u l-Manifattura.  Il-metidoloġiji ta’ assessjar adottati fl-oqsma tal-Inġinerija reġgħu ġew addattati biex ikejlu l-kapaċità tal-istudenti li jagħtu prestazzjoni tajba fuq il-post tax-xogħol.   Hemm fokus ferm ogħla fuq il-kapaċità li wieħed isolvi l-problemi, il-ħidma f’tim, il-kapaċità li wieħed jimmotiva lilu nnifsu u l-kapaċità tal-istudenti li jkabbru l-għerf u l-kapaċità intellettwali tagħhom biex jilqgħu sfidi mhux mistennija li jiffaċċjaw lill-industrija issa u fil-futur.

L-Inġinier Alexander Galea huwa l-Maniġer Anzjan (Senior Manager) tal-Inġinerija tal-Methode Electronics Malta Ltd.  Bħala sussidjarja tal-Methode Electronics Inc., din hija kumpanija ewlenija f’Malta li tiżviluppa, timmanifattura u tipproduċi swiċċijiet, sensors u controls għal diversi industriji, b’mod predominanti għas-settur awtomotiv.  L-Ing. Galea stqarr li “il-fatt li bqajna kompetittivi kien possibbli permezz tal-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ prodotti u proċessi teknoloġiċi avvanzati ġodda, li dawn sussegwentament ġew żviluppati u ssuktaw permezz tal-ħaddiema tagħna li għandhom ħiliet tekniċi għoljin.  L-Università ta’ Malta, l-aktar permezz tal-Fakultajiet tal-Inġinerija u x-Xjenzi, kienet strumentali, permezz tal-kooperazzjoni tagħha mal-industrija, li tħarreġ inġiniera u tipprovdi riżorsi tekniċi li huma ta’ livell għoli, impjegabbli b’mod immedjat, u li jkollhom il-kapaċità li jiżviluppaw aktar u malajr mal-Methode Electronics biex fil-futur isiru inventuri u mexxejja.”

Hemm ukoll indikazzjonijiet ċari li livelli ogħla ta’ edukazzjoni qed iwasslu għal impjegabbiltà aħjar għall-impjegati b’mod ġenerali.  Bejn l-2008 u l-2014 Malta kienet irreġistrat tnaqqis ta’  10% (95.9% għal 86.8%) fl-impjegabbiltà ta’ żgħażagħ li ma kellhomx edukazzjoni terzjarja (ISCED 3-4).  Dan ġie rrapurtat fir-rapport reċenti tal-UE, l-EU Education and Training Monitor Report (paġna 84) li kien ippubblikat dan l-aħħar mill-Kummissjoni Ewropea.  Madankollu, is-sitwazzjoni tidher ċara li hi aħjar fil-każ ta’ dawk b’edukazzjoni terzjarja ta’ kwalità għolja (ISCED 5-8) fejn l-impjegabbiltà kienet aktar pożittiva (95.5% to 94.6%) matul l-istess medda ta’ żmien.

L-Università ta’ Malta hija rikonoxxuta bħala waħda mill-assi kruċjali tal-pajjiż, li tikkontribwixxi b’mod tanġibbli għall-iżvilupp ekonomiku ta’ Malta.  L-Università kisbet għaliha reputazzjoni solida għall-edukazzjoni ta’ kwalità kif jixhed il-mod kif gradwati tal-Inġinerija, tal-ICT u ta’ fakultajiet oħra qed jiġu milqugħin mill-industrija.  Dawn il-gradwati huma ċċertifikati biex jilqgħu l-ogħla standards meħtieġa biex jibqgħu kompetittivi f’dinja li qiegħda tinbidel b’mod mgħaġġel.

 


 

Konferiment ta’ Gradi Onorarji mill-Università ta’ Malta

L-Università ta’ Malta tat il-Gradi (Honoris Causa) lil erba’ persuni li ddistingwew ruħhom fil-qasam tagħhom u li kkontribwixxew b’mod sinifikattiv għall-ġid tan-nazzjon Malti u l-komunità globali.

Il-Grad ta’ M.Phil ingħata lis-Sur Guido Lanfranco, id-Dottorat fil-Letteratura  ngħata lil Dr Desmond Morris (in absentia), id-Dottorat fil-Letteratura ngħata lil Dr David H. Trump, filwaqt li d-Dottorat fix-Xjenza ngħata lill-Professur Michael Camilleri.

Il-Kanċillier tal-Università ppresieda ċ-ċerimonja li saret fil-Knisja tal-Università, fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta.

L-orazzjonijiet saru minn Dr Joseph A. Borg, Kap tad-Dipartiment tal-Bijoloġija (għas-Sur Guido Lanfranco), mill-Professur Mark-Anthony Falzon, Kap tad-Dipartiment tas-Soċjoloġija (għal Dr Desmond Morris), minn Dr Nicholas Vella, mid-Dipartiment tal-Istudji Klassiċi u l-Arkeoloġija (għal Dr David H. Trump) u mill-Professur Richard Muscat, Pro Rettur (għall-Professur Michael Camilleri).

Fl-orazzjoni tiegħu dwar is-Sur Lanfranco, Dr Joseph A. Borg qal ‘Kultant, niltaqgħu ma’ persuna li għaddiet ħajjitha taħdem għall-benefiċċju tas-soċjetà.  L-impatt li jħalli dan l-individwu fuq nies minn kull qasam tal-ħajja huwa konsiderevoli - jispira lil ħaddieħor biex irawwem interess partikulari, jew aktar importanti, biex iħaddan professjoni tul il-ħajja. Guido Lanfranco huwa eżempju straordinarju ta’ dan it-tip ta’ individwu.’

Fl-orazzjoni tiegħu dwar Desmond Morris u b’referenza għall-ktieb ċelebri tiegħu The Naked Ape, il-Professur Mark-Anthony Falzon stqarr li ‘l-Università ta’ Malta għażlet li tonora “xadina” ta’ distinzjoni kbira’. ‘Desmond Morris huwa bniedem ta’ għerf enċiklopediku li jisfidana u jispirana biex nosservaw u nerġgħu naħsbu, u jagħmel dan bi stil u intelliġenza impekkabbli.’

Dr Nicholas Vella tkellem dwar Dr Trump u l-impenn tiegħu għat-tagħlim tul il-ħajja u l-valuri tal-komunikazzjoni mad-dinja, b’passjoni u mingħajr preġudizzju u prekonċetti.  Huwa qal ‘li tkun taf li f’Dr David Trump għandna difensur ta’ dawn il-valuri, kif ukoll arkeologu li kiteb l-aktar biċċiet sinifikattivi tal-preistorja tal-Gżejjer Maltin, hija raġuni tajba għalfejn għandna nifirħu.’

Il-Pro-Rettur il-Professur Richard Muscat qal ‘Huwa tassew unur u privileġġ li ninsab hawn quddiemkom illum biex nirrikonoxxu persuna straordinarja mill-Alma Mater tagħna, il-Professur Michael Camilleri, li llum għandu statura mill-ogħla fost il-ġganti fil-qasam mediku.’

 


 

 

< Previous 1 Next >

 
 

Log In