L-Università ta' Malta
 

Aħbarijiet
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

Żoni Protetti fil-Baħar – Alternattiva għall-Immaniġġjar Tradizzjonali tal-Industriji tas-Sajd?

Sajjied Malti li juża xbieki tat-tkarkir jagħżel il-qabda tiegħu

Sajjied Malti li juża xbieki tat-tkarkir jagħżel il-qabda tiegħu. Leyla Knittweis-Mifsud © DFA - MSDEC

   
Il-biċċa l-kbira tal-industriji tas-sajd fil-Mediterran jiffukaw fuq riservi ta’ ħut li jsofru minn sajd eċċessiv. Minbarra l-impatti bijoloġiċi ta’ din l-attività, għaliex din il-prattika mhux sostenibbli, is-sajjieda ma jistgħux jimmassimizzaw kemm jistgħu d-dħul tagħhom.  Biex tiżdied il-produttività tal-ispeċi maqbuda, il-ħtieġa prinċipali hija bidla tad-daqs tal-ewwel qabda għal daqsijiet akbar. Mhuwiex dejjem possibbli li jitkabbru l-qisien tal-ħoloq tax-xbieki użati mis-sajjieda biex jiġi evitat il-qbid ta’ eżemplari li għadhom qed jikbru ta’ ċerti speċi, ngħidu aħna l-Merluzz u t-Trilja fil-każ ta’ xbieki tat-tkarkir, dan għaliex jista’ jirriżulta wkoll f’inqas qabdiet ta’ speċi kummerċjali ta’ daqs żgħir li huma ta’ valur, bħall-Gamblu Aħmar prezzjuż, il-Gamblu Abjad tal-ilma fond u l-Langostini.  Strateġija alternattiva ta’ immaniġġjar hija li jitnaqqsu l-qabdiet ta’ ħut li għadu qed jikber billi jiġu protetti l-ambjenti naturali fejn il-ħut jinġabar biex irabbi l-frieħ tiegħhu, permezz tat-twaqqif u l-implimentazzjoni ta’ Żoni Protetti fil-Baħar.  Ir-restrizzjoni tas-sajd f’żoni bħal dawn tassigura li l-ambjenti naturali li huma bżonnjużi għall-ispeċi biex ikomplu ċ-ċiklu tal-ħajja huma protetti, li l-ammont ta’ ħut individwali żgħar li jinqabdu jonqsu, u li aktar ħut u gambli jgħixu biex jirriproduċu. Fl-aħħar nett, dan iwassal għal qabdiet akbar u aktar sajd sostenibbli.

Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura (DFA) u d-Dipartiment tal-Bijoloġija fl-Università ta’ Malta (UM), għadhom kif ingħaqdu fuq proġett ta’ riċerka internazzjonali bl-isem ta’ 'Marine Protected Areas Network Towards Sustainable Fisheries in the Central Mediterranean (MANTIS) (Network għal Żoni Protetti tal-Baħar għal Sajd Sostenibbli fiż-Żona Ċentrali tal-Mediterran (MANTIS). Il-Proġett MANTIS għandu l-għan li jipproteġi l-ambjenti naturali li huma kritiċi għal speċi kummerċjali u jidentifika miżuri biex inaqqas impatti avversi tas-sajd f’żoni fejn ħut, ta’ speċi kummerċjali, li għadu qed jikber jinġabar.

Il-proġett MANTIS huwa ffinanzjat mid-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u tas-Sajd (DG MARE) tal-Kummissjoni Ewropea, u kkoordinat mill-Kunsill Nazzjonali Taljan għar-Riċerka (CNR). Minbarra ż-żewġ parteċipanti Maltin, il-konsorzju tal-proġett MANTIS jinkludi l-Konsorzju Nazzjonali tal-Università Taljana għax-Xjenzi tal-Baħar (CoNISMA), l-Istitut Nazzjonali Taljan tal-Oċeanografija u l-Ġeofiżika Esperimentali (OGS), l-Istitut Kroat tal-Oċeanografija u s-Sajd (IOF), il-kooperativa tar-Riċerka Ekonomika dwar is-Sajd u l-Akkwakultura (Nisea), il-Għaqda Dinjija għall-Ħarsien ta’ Ħlejjaq li Jgħixu fis-Selvaġġ (World-Wildlife-Fund - WWF) u Oceana.

Dan l-aħħar il-parteċipanti ltaqgħu Ruma għall-ewwel Laqgħa Ġenerali tal-proġett MANTIS biex jiddiskutu attivitajiet marbuta mal-proġett. Fix-xhur li ġejjin, il-kollaborazzjoni xjentifika bejn id-DFA (irrappreżentat minn Ms Roberta Mifsud u Ms Marie Louise Pace) u d-Dipartiment tal-Bijoloġija (irrappreżentat minn Dr Leyla Knittweis-Mifsud u l-Prof. Joseph A Borg), ser tiffoka fuq l-evalwazzjoni  u l-integrazzjoni tal-għarfien kollu disponibbli dwar id-dinamika tal-ispazju-żmien tar-riżorsi Maltin tal-industriji tas-sajd. It-timijiet lokali ser jiġbru d-data kollha disponibbli dwar il-postijiet tal-qbid, u, ħafna aktar importanti, dwar id-daqs ta’ individwi tal-ispeċi tal-ħut maqbuda minn postijiet tas-sajd differenti. Din it-tip ta’ informazzjoni hija disponibbli minn osservazzjonijiet li jsiru abbord b’mod regolari mid-DFA, minn proġetti ta’ riċerka xjentifika preċedenti, u sondaġġi xjentifiċi li qed jitwettqu.  Wara li tkun analizzata, din l-informazzjoni ser tagħmel possibbli l-investigazzjoni tal-mod ta’ kif network ta’ Żoni Protetti tal-Baħar jistgħu jikkontribwixxu biex titjieb l-industrija tas-sajd sostenibbli fiż-Żona Ċentrali tal-Mediterran, u fl-aħħar nett tgħin sajjieda lokali biex ikabbru d-dħul finanzjarju tagħhom.

Għal aktar informazzjoni żuru s-sit elettroniku jew ibagħtu email lil marie-louise.pace@gov.mt u leyla.knittweis@um.edu.mt.

 


 

L-Università ta’ Malta u l-MCAST jiffirmaw Memorandum ta’ Ftehim (MOU) dwar l-Edukazzjoni u l-Kura fit-Tfulija Bikrija

UM - MCAST MoU
   
L-Università ta’ Malta (UM) u l-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) iffirmaw Ftehim fil-qasam l-Edukazzjoni u l-Kura fit-Tfulija Bikrija. Dan il-MoU ser iservi biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet f’dan il-qasam ta’ speċjalizzazzjoni kif ukoll jippermetti il-progressjoni tal-istudent mill-Istitut tas-Servizzi fil-Komunità fl-MCAST għad-Dipartiment tal-Edukazzjoni fit-Tfulija Bikrija u dik Primarja fil-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università. 

Il-Ftehim ikompli x-xogħol li sar fil-passat, li minnu, diversi studenti tal-MCAST komplew l-istudji tagħhom fl-Edukazzjoni.  Issa dan jippermetti lil dawk l-istudenti tal-MCAST li jiggradwaw b’Diploma Ogħla fl-Istudji Avvanzati fis-Snin Bikrin, biex jirreġistraw fit-tielet u l-aħħar sena tal-kors il-ġdid għall-B.A.(Hons) mill-Università, fl-Edukazzjoni u l-Kura fit-Tfulija Bikrija.  Min jiggradwa minn dan il-kors ikun eliġibbli għal impjieg fis-settur tal-Kindergarten u hemm ukoll il-possibbiltà li jkun jista’ jipproċedi għall-Master fit-Tagħlim (Edukazzjoni Bikrija u Primarja) biex jikkwalifika bħala għalliem fil-Primarja.

Il-Ftehim intlaħaq wara diskussjonijiet estensivi bejn iż-żewġ istituzzjonijiet, li fihom il-perspettivi differenti u l-opportunitajiet għal edukazzjoni terzjarja offruti mill-Università u l-MCAST tjiebu.  Il-Ftehim jestendi wkoll għal oqsma oħra ta’ kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Kura fit-Tfulija Bikrija u l-Istitut tas-Servizzi fil-Komunità, u jinkludi inizjattivi bħal sessjonijiet konġunti ta’ żvilupp professjonali kontinwu u l-iskambju ta’ proċeduri ta’ assigurazzjoni tal-kwalità li jippromwovu fiduċja reċiproka.  Dan huwa wkoll xhieda tal-kollaborazzjoni produttiva bejn il-Fakultà tal-Edukazzjoni u l-MCAST, li qiegħda wkoll tiġi utilizzata fil-qasam tal-Edukazzjoni Vokazzjonali u t-Taħriġ.

L-MoU kien iffirmat mir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred J. Vella, u Dr Silvio De Bono, President tal-Bord tal-Gvernaturi, il-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija, fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-Onor. Evarist Bartolo.

 


 

L-Istatus Ambjentali tal-baħar madwar il-Gżejjer Maltin immonitorjat minn gliders tal-baħar

seminar ta’ nofstanhar; l-użu ta’ glider tal-baħar
   

Il-Grupp ta’ Riċerka dwar l-Oċeanografija Fiżika tal-Università ta’ Malta (Physical Oceanography Research Group) organizza seminar ta’ nofstanhar biex jippreżenta l-esperjenza tiegħu fl-użu ta’ glider tal-baħar, għall-ewwel darba, fil-medda ta’ baħar fin-nofsinhar ta’ Malta lejn il-blata tal-Afrika ta’ Fuq kif ukoll fl-inħawi ’l barra mix-xatt madwar il-Gżejjer Maltin. Għas-seminar attendew partijiet interessati varji. Fis-seminar intwera kif il-ġenerazzjoni ġdida ta’ gliders tal-baħar li għandhom diversi użi joffru għajnuna innovattiva biex issir osservazzjoni u monitoraġġ tal-oqsma tal-baħar taħt ġurisdizzjoni lokali. Is-seminar kellu l-għan li jispjega l-versatilità tal-gliders tal-baħar bħala mezz ta’ ġbir ta’ profili ta’ data tal-baħar minn apparat awtonomu li jista’ jimmonitorja firxiet kbar ta’ baħar, f’reżoluzzjoni għolja u f’kull kundizzjoni tal-istat tal-baħar, mingħajr l-għajnuna ta’ vapuri kbar ta’ sorveljanza.

Il-kap tal-Grupp u koordinatur ta’ dan il-proġett, il-Prof. Aldo Drago, enfasizza l-impenji ta’ Malta bħala pajjiż fl-UE biex sal-2020 titwaqqaf sistema nazzjonali komprensiva li tirrapporta b’mod regolari dwar l-istat ta’ saħħa tal-ilmijiet kostali. Fis-seminar intwera kif l-użu tal-gliders tal-baħar joffri soluzzjoni effettiva fl-ispiża biex tinkiseb sistema mill-aqwa ta’ monitoraġġ ambjentali tal-baħar, li kapaċi tiġbor data għal linja ta’ bażi, u tevalwa b’mod regolari l-Istatus Ambjentali Tajjeb tal-baħar li jdawwar il-Gżejjer Maltin. B’investiment ta’ 0.5 miljun Euro huwa possibbli li titwaqqaf flotta lokali ta’ tliet gliders li jsiru parti integrali mis-sistema lokali ta’ osservazzjoni tal-baħar, u tipprovdi monitoraġġ regolari kif ukoll id-data ta’ bażi meħtieġa biex jiġu stabbiliti limiti għall-Istatus Ambjentali Tajjeb tal-ilmijiet kostali tagħna. B’żewġ gliders fil-baħar f’kull ħin, li jsegwu rotta madwar il-Gżejjer Maltin b’distanza fin-nofs minn xulxin, huwa possibbli li jinġabar ritratt 3D tad-data fiżika, kimika u bijoloġika dwar l-istat tal-baħar madwar il-gżejjer kull ħamest ijiem. Din hija strateġija ta’ monitoraġġ ideali għal gżira mdawra bil-baħar 360⁰, magħmula minn l-aħjar sistema li għandha sservi ta’ ezempju lil pajjiżi oħrajn biex jimplimentaw obbligi ta’ monitoraġġ tal-EU Marine Strategy Framework Directive.       

Esperti barranin dwar it-teknoloġija tal-gliders tal-baħar, tkellmu dwar il-kapaċitajiet ta’ dawn il-gliders u applikazzjonijiet possibbli. Dr Anthony Galea ddeskriva kif il-glider tal-baħar użat f’dan il-proġett, CAMPE, għamel żewġ sondaġġi. Dawn saru matul linja bejn il-Gżejjer Maltin u l-blata tan-nofsinhar tal-Mediterran. Il-glider tal-baħar intuża ukoll viċin il-Gżejjer Maltin, biex jintwera kif bl-użu ta’ apparat mhux operat minn persuni u kkontrollat mill-bogħod, jipprovdu metodi bi spiża effettiva biex jiġbru data bażika tal-baħar  b’mod regolari. Analiżi preliminarja tad-data miġbura u ppreżentata minn Adam Gauci wriet li din id-data hija utli biex tivvalida mudelli oċeanografiċi tal-inħawi. Aktar minn hekk, data bħal din hija strumentali biex timmonitorja l-baħar u biex tiżgura li dan jinżamm fi stat ambjentali tajjeb.  Miraine Rizzo, mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, elaborat fuq dan, billi ddeskriviet il-livell ta’ monitoraġġ li l-Awtorità twettaq biex tiżgura li Malta żżomm l-obbligi tagħha. Hija tat ħarsa qasira komprensiva tal-miri ta’ monitoraġġ, u pprovdiet l-okkażjoni għal sessjoni ta’ brainstorming waqt is-seminar biex jiġu identifikati ostakoli u t-triq ’il quddiem.

Is-seminar infetaħ mill-Onor. José Herrera, Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, u r-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof. Alfred J. Vella. Qabel il-ftuħ, il-Prof. Vella rringrazzja uffiċjalment lill-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Brig. Jeffrey Curmi, għall-appoġġ kontinwu li l-AFM offrew matul l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett. 

Il-Ministru Herrera esprima l-apprezzament tiegħu lejn il-Grupp ta’ Riċerka dwar l-Oċeanografija Fiżika tal-Università ta’ Malta u lejn il-kollaboraturi kollha tal-proġett għal inizjattiva ta’ riċerka oħra. Huwa qal, 'Dawn l-isforzi tassew għandhom irwol importanti mhux biss biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-monitoraġġ għall-ambjent tal-baħar tagħna, imma wkoll biex juru li l-aħjar riżultati jistgħu jinkisbu permezz tal-kooperazzjoni”  Hu żied jgħid li “jeħtieġ li nimmassimizzaw il-momentum li nħoloq s’issa u niffokaw l-enerġiji tagħna biex nikkoordinaw il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar tagħna'.
 
Dan il-proġett huwa mgħejjun mill-Kummissjoni Ewropea – il-Programm ta’ Qafas H2020, permezz tal-JERICO NEXT (ftehim tal-għotja Nru 654410) Attività Trans-Nazzjonali.

 


 

Il-Fondazzjoni LifeCycle Malta tagħmel Donazzjoni lill-Università ta’ Malta

Group photo

Għal darb’oħra l-Fondazzjoni LifeCycle Malta għamlet donazzjoni ta’ €25,000 lill-Research Trust tal-Università ta’ Malta (RIDT) biex tintuża fil-Programm ta’ Riċerka dwar il-Kliwi, (LifeCycle Kidney Research). Il-flus inġabru waqt il-preparazzjoni għall-Foster Clark’s Lifecycle Challenge 'On the Tribal Trail' li ser tieħu liċ-ċiklisti mill-Kenja sat-Tanzanija.

Il-Head of Secretariat mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Zgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat, is-Sur Ryan Borg, kien preżenti għaċ-ċerimonja tad-donazzjoni li saret fl-Uffiċċju tar-Rettur, fl-Università ta’ Malta, il-Kampus tal-Imsida. Fid-diskors tiegħu, is-Sur Borg, saħaq li dan hu eżempju ċar ta’ solidarjetà li tiġi mill-isport, filwaqt li rringrazzja lil Lifecycle għax-xogħol siewi li jagħmlu u qal li jinsab ħerqan li jaħdmu id f’id flimkien mas-Segretarjat.

Ir-Rettur, il-Professur Alfred J. Vella, laqa’ d-donazzjoni bħala Chairman tal-RIDT. Huwa radd ħajr lill-Fondazzjoni LifeCycle Malta għall-ġenerożità tagħhom u qal li dan huwa eżempju ċar tal-parteċipazzjoni sħiħa tal-komunità, b’appoġġ għar-riċerka medika.

Il-Programm tal-LifeCycle Kidney Research twaqqaf bis-saħħa ta’ donazzjoni ta’ €70,000 mill-Fondazzjoni LifeCycle Malta lill-RIDT fl-2014. Minn dakinhar, sar ħafna progress. Ġie stabbilit bijobank għall-mard tal-kliwi u tnieda l-pjan għal riċerka dwar il-ġenetika tal-mard konġenitali tal-kliwi fit-tfal Maltin bl-għan li titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti.  Qed issir ukoll riċerka dwar nefropatija kkawżata mid-diabete fl-adulti, li tirreferi għal mard tal-kliwi li huwa sekondarju għad-diabete tat-Tip 2, marda komuni u komplikazzjoni komuni.

Il-flus mogħtija mill-Fondazzjoni LifeCycle Malta ser jintużaw biex titkompla din ir-riċerka bl-iskop speċifiku biex tiġi stabbilita DNA ta’ kwalità għolja tal-mard tal-kliwi u kampjuni oħra biex iservu ta’ għodda għal investigazzjoni; tiġi kkaratterizzata l-ġenetika li tikkawża l-mard konġenitali tal-kliwi fit-tfal u l-iżvilupp ta’ għodda għad-dijanjosi fil-familji; u tinstab il-ġenetika u l-iżvilupp tan-nefropatija kkawżata mid-diabete fl-adulti.

L-Organizzazzjoni LifeCycle twaqqfet fl-1999 biex toħloq kuxjenza u tiġġenera appoġġ għal pazjenti li jbatu mill-aħħar stadju tal-mard tal-kliwi. Biex isir dan tiġi organizzata l-LifeCycle Challenge, li hija waħda mill-aktar avvenimenti impenjattivi u diffiċli fl-Ewropa, u li tpoġġi tim dedikat ta’ ċiklisti Maltin fi prova kontra l-elementi, fi triq twila ħafna, fejn jgħaddu minn pajjiżi differenti mad-dinja kollha. Fl-2011 LifeCycle saret uffiċjalment LifeCycle (Malta) Foundation.

Il-fundatur Alan Curry qal li l-Organizzazzjoni kienet grata lejn dawk kollha li jappoġġjaw u jisponsorjaw il-Fondazzjoni, b’mod partikulari l-isponsor prinċipali Foster Clark’s Ltd. li kien ta’ appoġġ kbir, permezz ta’ sponsorship u kollaborazzjoni kif ukoll loġistikament.

 


 

Ix-Xjenzjati Żgħażagħ Maltin imorru Ispra

Group photo


L-għarfien u l-progress huma riżultat dirett tar-riċerka.  Li wieħed jissottovaluta l-importanza tagħha hija daqslikieku qed jinnega l-irwol tax-xemx fis-sistema solari tagħna.  Fiċ-Ċentru għar-Riċerka Konġunta (Joint Research Centre – JRC) f’Ispra, l-Italja, l-aqwa mħuħ tal-Ewropa qegħdin jaħdmu bla heda biex jipprovdu evidenza indipendenti biex jagħtu appoġġ lil politiki li qegħdin jiġu żviluppati mill-Unjoni Ewropea – politiki li għandhom impatt dirett fuq il-ħajja tan-nies.

Ħames xjenzjati Maltin mill-Università ta’ Malta (UM) marru f’dan il-hub ta’ riċerka Ewropea wara li rebħu l-Premju JRC’s Young Scientist Award. Dan sar bl-appoġġ taċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), Dr Jeffrey Pullicino Orlando.

Dr James Carlo, Sephora Sammut, Joanna Vella, Dr Shawn Baldacchino u Dr Vanessa Petroni li ġew ippremjati, ġejjin minn oqsma diversi: l-arja u l-klima, l-ilma u r-riżorsi tal-baħar, u s-saħħa fis-soċjetà, rispettivament. Meta kienu hemm, huma osservaw xjenzjati ewlenin fl-oqsma tagħhom li tawhom ħarsa esklussiva mill-qrib dwar ix-xogħol li jsir f’JRC u l-mod kif jistgħu jsiru jafu aktar dwar kif potenzjalment jistgħu jagħtu kontribut huma stess liċ-Ċentru.

Il-qofol taż-żjara kienet preżentazzjoni bil-posters, li fiha l-ħames xjenzjati pproponew il-proġetti tagħhom ta’ riċerka lil ġemgħa ta’ professjonisti tal-ogħla livell, li kienet tinkludi l-bord ta’ gvernaturi tal-JRC u d-Direttur Ġenerali Vladimir Šucha.  

Il-Prof. Emmanuel Sinagra, il-membru Malti tal-Bord tal-Gvernaturi, kien preżenti waqt l-avveniment.  Huwa qal li ‘Malta issa fetħet it-triq għal dan l-avveniment li jsir fil-pajjiż tal-UE li tkun qed tilqa’ l-Presidenza, u tagħmilha possibbli għall-introduzzjoni ta’ xjenzjati żgħażagħ għax-xogħol tal-JRC.’  Il-Prof. Sinagra wkoll feraħ lin-National Contact Point tal-JRC, Dr Melchior Cini mill-MCST, li kien ukoll preżenti waqt l-avveniment, u li pproduċa proċess ta’ selezzjoni li issa ser iservi bħala mudell għal avvenimenti bħal dawn fil-futur.

Il-Premju għal Xjenzjat Żagħżugħ huwa opportunità kbira għar-riċerkaturi promettenti fl-Università ta’ Malta biex iqajmu kuxjenza dwar ix-xogħol importanti li qed isir fl-Università, jaqsmu ma’ ħaddieħor l-ideat tagħhom, u joħolqu għaqda ma’ sħabhom fil-kumplament tal-Ewropa.

Ir-riżultat finali jkun li riċerkaturi żgħażagħ Maltin jingħaqdu mat-tim ta’ JRC, u jirrappreżentaw lil Malta billi dawn jikkontribwixxu direttament biex tissawwar il-politika f’livell Ewropew.

Iż-żjara tal-JRC Malta Young Scientist Award kienet iffinanzjata mill-JRC għall-pajjiż tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE.

 


 

Imniedi l-Undergraduate Prospectus 2017/8 tal-Università ta’ Malta

Undergraduate Propsectus

L-Università ta’ Malta għadha kif ippubblikat il-Undergraduate Prospectus għas-sena akkademika li jmiss. Dan jinkludi d-dettalji kollha tal-korsijiet undergraduate li se jkunu offruti minn Ottubru li ġej.

Għall-pubblikazzjoni ta’ din is-sena nżammu sezzjonijiet li kienu ntlaqgħu tajjeb fis-snin li għaddew, bħalma huma d-dettalji u l-kwalifiki meħtieġa għad-dħul f’kull kors, kif ukoll il-ħarsa lejn is-servizzi disponibbli għall-istudenti kollha – kemm dawk attwali kif ukoll dawk prospettivi. Il-Prospectus jindika wkoll il-korsijiet/areas ta’ studju li huma eliġibbli taħt il-Malta Enterprise Get Qualified Scheme.

Barra minn hekk, jinkludi wkoll sezzjoni fuq l-iStudents’ Charter li tiddeskrivi r-relazzjoni bejn l-Università u l-istudenti tagħha bħala stakeholders ugwali f’edukazzjoni ta’ livell għoli. Tindika wkoll ir-responsabbiltajiet kemm tal-Università kif ukoll tal-istudenti u tipprovdi qafas lill-Università biex tiżviluppa u ttejjeb is-servizzi tagħha fejn meħtieġ.

Il-Prospectus jinsab online fuq: www.um.edu.mt/admissions u www.issuu.com. Kopji stampati jistgħu jinġabru mill-Uffiċċju tal-Admissions and Records, Kampus tal-Imsida, u mill-Kampus t’Għawdex.

Il-pubblikazzjoni hija ikkordinata u editjata mill-Uffiċċju tar-Reġistratur bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju għall-Uffiċċju tal-Marketing, il-Komunikazzjonijiet, u l-Alumni.

L-applikazzjonijiet għall-korsijiet li se jibdew f’Ottubru li ġej jinsabu f’din il-ħolqa: www.um.edu.mt/apply u jagħlqu fil-20 ta’ Lulju 2017.

 


 

Nappreżentaw l-esperjenza bi glider tal-baħar f'Malta

Ġbir ta’ data għal żoni fil-Baħar Mediterran li qatt ma ġew  esplorati qabel


Glider

GLIDER SOUTH hija inizjattiva maġġuri oħra ta’ riċerka dwar l-oċeanografija fiżika li tagħmel użu ta’ pjattaformi mill-aktar moderni biex tinġabar data għall-istudju dwar il-baħar.  L-inizjattiva hija mmexxija mill-Grupp ta’ Riċerka dwar l-Oċeanografija Fiżika tal-Università ta’ Malta (Physical Oceanography Research Group – PO-Res. Grp) b’kollaborazzjoni ma’ CNRS-INSU (Centre National de la Recherche Scientifique – Institut National des Sciences de l’Univers). Dan il-proġett huwa kkoordinat, mill-Prof. Aldo Drago (aldo.drago@um.edu.mt).

Il-Gliders ta’ taħt il-baħar huma vetturi awtonomi li jixbhu torpedo, li għandhom il-kapaċità li jgħoddsu repetutament ’l fuq u ’l isfel fl-ilma sa fond ta’ 1000m, u jitmexxew fuq rotot permezz ta’ remote control imħaddma minn stazzjon fuq l-art. Dawn jistgħu jintużaw biex tinġabar data bijoġeokimika fiżika rilevanti għall-istat ta’ saħħa tal-baħar, f’riżoluzzjoni spazjali għolja, għal perijodi twal ta’ ħin, saħansitra taħt kondizzjonijiet meteoroloġiċi diffiċli.  Il-glider jikkomunika ma’ stazzjon fuq l-art permezz ta’ links satellitari kull darba li jitla’ fil-wiċċ, jibgħat id-data miġbura u jirċievi istruzzjonijiet għall-għadsa li jkun imiss. 

Il-glider tal-baħar ġie ppożizzjonat viċin Malta xahrejn ilu. Minn dakinhar qasam bejn il-Gżejjer Maltin u l-pjattaforma tan-nofsinhar tal-Mediterran. Din iż-żona tal-Baħar Mediterran mhux esplorata sew u d-data idrografika f’dan ir-reġjun hija skarsa ħafna. Il-proġett jipprovdi data ġdida, li ser tgħin biex nifhmu l-fenomeni dinamiċi osservati fil-medda ta’ baħar bejn Malta u l-Libja. Aktar minn hekk, id-data miġbura ser tintuża biex tikkonferma mudelli oċeanografiċi ta’ din iż-żona. Il-PO-Res. Grp qed imexxi dan il-proġett, u se jkompli jpoġġi l-kapaċità tagħna fir-riċerka dwar il-baħar  fuq il-mappa bħala l-kontributur ewlieni fl-oċeanografija operattiva u fiżika fiż-żona taċ-Centru tal-Mediterran.

Il-Forzi Armati ta’ Malta għenu matul il-missjoni kollha tal-GLIDER South permezz ta’ dgħajjes u ekwipaġġ. Waqt l-operazzjoni ġie varat RHIB mil-patrol boat biex iżerżqu l-glider ’l isfel għal ġol-baħar. Il-Forzi Armati ta’ Malta għenu wkoll biex ivaraw numru ta’ dgħajjes li kienu fl-istess waqt qed jintużaw biex isegwu l-kurrenti tal-baħar fiż-żona.

Dan il-proġett għandu l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea – H2020 Framework Programme, JERICO NEXT taħt il-ftehim ta’ għotja Nru 654410.

Il-Glider tal-baħar ġie wkoll użat fuq rotta viċin il-Gżejjer Maltin biex juri kif strateġiji ta’ monitoraġġ adattiv, bl-użu ta’ apparat ikkontrollat mill-bogħod u mhux imħaddem mill-bniedem, jipprovdi metodi li jagħtu riżultat xieraq paragun għan-nefqa biex tinġabar data bażika tal-baħar b’mod regolari u jitkejjel l-istat ta’ saħħa tal-ilma kostali tagħna.

Ser jiġi organizzat seminar ta’ nofstanhar fis-7 ta’ Lulju 2017, fid-8:45 ta' filgħodu, fid-Dolmen Resort Hotel, il-Qawra, li se  jippreżenta l-esperjenza bi glider tal-baħar f’Malta lil kull min hu interessat, u ser  juri kif il-ġenerazzjoni ġdida ta’ gliders tal-baħar toffri għajnuna innovattiva biex tosserva u timmonitorja l-inħawi tal-baħar taħt il-ġurisdizzjoni lokali. Permezz tal-parteċipazzjoni ta’ xjenzjati lokali u żewġ esperti barranin, is-seminar jipprovdi mezz għal brainstorming għal kif tista’ tissawwar sistema operattiva ta’ osservazzjoni tal-baħar għall-Gżejjer Maltin.

 


 

Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borgese 2017

L-International Ocean Institute joffri l-Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borgese 2017

L-International Ocean Institute (IOI) qiegħed għal darb’oħra joffri l-Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borgese (EMB Bursary) li tikkonsisti f’somma ta’ 3,500 Eur (Tlett elef u ħames mitt euro) li jistgħu jintużaw biex jitkomplew studji ta’ riċerka fuq perijodu ta’ sena.

Il-Borża ta’ Studju għas-sena 2017-2018 ser tingħata lil persuna waħda/tim ta’ riċerka li qed tagħmel/jagħmel studji/riċerka postgraduate fl-Università ta’ Malta fi studji li għandhom x’jaqsmu mal-oċean/mal-baħar/mal-qasam marittimu.  L-istaff jew studenti għandhom ikunu rreġistrati mal-Università ta’ Malta fejn ser issir ir-riċerka fl-oqsma rilevanti.

Il-Borża ta’ Studju EMB twaqqfet mill-International Ocean Institute bħala mezz biex jintwera rikonoxximent lil Malta bħala l-pajjiż li jospita lill-IOI, u talli jilqa’ l-Kwartieri Ġenerali tal-IOI u jipprovdi l-faċilitajiet għall-istaff u l-uffiċċji.  Il-Borża ta’ Studju tikkostitwixxi wkoll għarfien u rikonoxximent ieħor għall-irwol tal-Prof. E Mann Borgese, fundatriċi tal-IOI, u għall-kisbiet konsiderevoli tagħha.  Il-Borża ta’ Studju hija ffinanzjata mill-IOI.  Aktar informazzjoni u l-formoli tal-applikazzjoni jistgħu jinkisbu billi tintbagħat emejl lill-Kwartieri Ġenerali tal-IOI fuq ioihq@ioihq.org.mt jew info@ioihq.org.mt. Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija l-Ġimgħa 28 ta’ Lulju 2017.

Rebbieħa preċedenti tal-Borża ta’ Studju EMB mill-2010 ħadmu fuq diversi oqsma ta’ riċerka fil-ġeografija, il-ġenetika tal-konservazzjoni, il-liġi marittima, l-inġinerija, u studji dwar fatturi li joħolqu stress fuq l-ambjent f’dak li għandu x’jaqsam mal-istudji tal-baħar u dawk marittimi fl-Università ta’ Malta.  Xogħol li sar qabel iffoka fuq Żoni Protetti tal-Baħar f’Malta li dwarhom saru proposti sabiex dawn jiġu mmaniġġjati minn partijiet interessati; il-ġbir ta’ dejta ġenetika dwar il-murruna b’sitt garġi (bluntnose sixgill shark) għall-preservazzjoni tal-ispeċi; il-kunċett tal-Istat tal-Iżbark (State of Disembarkation) fil-kuntest tal-liġi ta’ migrazzjoni u r-rabta tagħha mal-prinċipji tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar; studju dwar enerġija minn sorsi li jiġġeddu bl-użu tal-estrazzjoni tal-enerġija mit-thermocline tal-oċean; riċerka dwar l-influwenza ta’ attivitajiet marbuta mat-trobbija tat-tonn fil-gaġeġ fuq il-ġbir ta’ makrofawna; u l-mikroplastiċi fil-Baħar Mediterran.  L-aktar għotja reċenti ffinanzjat riċerka dwar strateġiji ta’ ġestjoni dwar il-klima, il-benesseri ekonomiku u s-sostenibbiltà f’komunitajiet kostali vulnerabbli.


---

L-International Ocean Institute twaqqaf fl-1972 minn Elisabeth Mann Borgese bħala istituzzjoni internazzjonali bbażata fuq l-għerf, iddedikata għalll-governanza sostenibbli tal-oċeani.  L-istitut jopera mad-dinja kollha permezz ta’ netwerk kbir ta’ Ċentri Operattivi u Punti Fokali, bil-Gvern ta’ Malta jilqa’ l-Kwartieri Ġenerali tiegħu fil-bini tal-Università ta’ Malta.  Il-missjoni tal-International Ocean Institute hija li jippromwovi l-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka biex jitjieb l-użu paċifiku tal-ispazju tal-oċean u r-riżorsi tiegħu, l-immaniġġjar u r-regolamentazzjoni tagħhom kif ukoll il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar, immexxija mill-prinċipju tal-Wirt Komuni tal-Umanità kif miġbura fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar għall-benefiċċju tal-umanità kollha b’konsiderazzjoni partikulari għall-foqra.

Matul is-snin, L-Università ta’ Malta tat importanza kbira lill-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-baħar.  Xogħol akkademiku jinkludi l-oqsma tal-governanza, il-liġi u x-xjenza kif ukoll is-sostenibbiltà u l-edukazzjoni.  Barra minn hekk, l-Università tilqa’ l-IMO International Maritime Law Institute, li twaqqaf taħt l-awspiċi tal-International Maritime Organisation, aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti.

Elisabeth Mann Borgese (24 ta’ April, 1918 – 8 ta’ Frar, 2002), waqqfet l-IOI fl-1972.  Arvid Pardo (12 ta’ Frar, 1914 – 19 ta’ Ġunju, 1999) – kollaboratur mill-qrib ta’ Elisabeth Mann Borgese – kien diplomatiku, studjuż, u professur universitarju Malti u magħruf internazzjonalment għax-xogħol tiegħu biex jirriforma l-liġi tal-baħar.  Huwa ppropona li l-qiegħ tal-baħar ikun parti mill-wirt komuni tal-umanità, frażi li tidher f’Artikolu 136 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar.  

MALTA hija l-pajjiż li jospita l-Kwartieri Ġenerali tal-International Ocean Institute.   Bħala stat gżira fiċ-centru tal-Baħar Mediterran hija ghandha storja twila ta’ dipendenza fuq il-baħar kif ukoll tradizzjoni qawwija ta’ xogħol marittimu, tas-sajd u tat-tbaħħir.  Is-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea tobbligaha li żżomm mal-politiki Ewropej marittimi u tas-sajd kif ukoll ma’ konvenzjonijiet u regolamenti applikabbli mad-dinja kollha.

 


 

Riċerka Abbundanti

THINK 20

Dari kien maħsub li l-ilma kien il-bażi oriġinali ta’ kull materja. Filwaqt li l-kunċett jista’ jkun li ma kienx korrett, dan kien jirrifletti l-irwol integrali tal-ilma biex isostni l-ħajja. L-20 ħarġa tar-rivista THINK hija dwar kull ħaġa li għandha x’taqsam mal-ilma u għandha tiġbed l-attenzjoni tan-nies dwar dan is-suġġett.

Il-qagħda ta’ Malta bħala stat gżira hija riflessa fir-riċerka li ssir fl-Università ta’ Malta. Il-kultura u l-ekonomija tagħha bilfors tissawwar mill-baħar. It-temi ta’ riċerka huma varji bħall-bijoloġija, il-liġi, l-inġinerija u l-istorja, prova ta’ kemm l-ilma huwa parti intrinsika mill-Università ta’ Malta.

Nibdew billi nesploraw kif inkejlu l-ilmijiet tagħna. Dan l-isforz huwa mmexxi mill-Prof. Aldo Drago u t-tim tiegħu. Tibdil fil-Mediterran, kemm fuq perjodu qasir kif ukoll fuq tul ta’ żmien qed jiġi rrekordjat u kondiviż mal-industrija tat-trasport marittimu, riċerkaturi u l-pubbliku—il-baħar huwa aktar sikur permezz ta’ din ir-riċerka.

Is-saħħa f’Malta qed tiffaċċja theddida oħra. Il-Prof. Raymond Ellul u t-tim tiegħu fil-Fanal tal-Ġordan f’Għawdex stabbilixxew it-tniġġis enormi li jitfgħu l-vapuri li jkunu qed ibaħħru fil-Mediterran.  Ellul jagħtina l-fatti dwar is-sitwazzjoni diffiċli, it-tbassir, il-kejl u s-soluzzjonijiet bit-tama li jitrażżnu problemi potenzjalment gravi għall-Gżejjer Maltin.

Dr Timmy Gambin jinżel taħt l-ilma biex jiddiskuti l-wirt kulturali moħbi tagħna. Il-pjan tiegħu hu li jagħmel pjanta tal-qiegħ rikk tal-baħar ta’ Malta u jimmaniġġja kemm jista’ jkun mis-siti storiċi taħt l-ilma.

Aktar riċerka mill-Università ta’ Malta hija varjata bħal dejjem. Fl-Istitut tal-Logħob Diġitali, riċerkaturi qegħdin jesploraw it-taħbil il-moħħ filosofiku permezz tal-logħob. Tafu x’inhi soppa?  It-tweġiba mhix daqshekk sempliċi.  Dr Sarah Grech tistaqsi jekk il-multilingwiżmu f’Malta jfixkilx il-komunikazzjoni ċara u sħiħa, jew jekk din il-ħila lingwistika tiffaċilitax espressjoni aktar ħielsa.

Apparti dan kollu, il-ħarġa Numru 20 tar-rivista THINK fiha artikli dwar vetturi mħaddma mix-xemx, ir-realtà virtwali, il-kultura, l-arti u t-tagħmir, u tinkludi żewġ intervisti—waħda ma’ gurus Maltin tal-istampar 3D—Thought3D, u l-oħra mal-guru tal-kultura Lisa Gwen Baldacchino.

Ir-rivista ta’ riċerka THINK tal-Università ta’ Malta, tista’ tinġabar b’xejn mil-librara madwar Malta u Għawdex u mill-ħwienet tal-kotba tal-Aġenda. Tinsab onlajn fl-indirizz elettroniku www.um.edu.mt/think, fuq Issuu jew tagħmlu ‘like’ fuq Facebook.

 


 

L-Università ta’ Malta tniedi l-Postgraduate Prospectus 2017/8

L-Università ta’ Malta għadha kif ippubblikat il-Postgraduate Prospectus għas-sena akkademika li jmiss. Dan jinkludi d-dettalji kollha tal-korsijiet postgraduate li se jkunu offruti minn Ottubru li ġej.

Għall-pubblikazzjoni ta’ din is-sena nżammu sezzjonijiet li kienu ntlaqgħu tajjeb fis-snin li għaddew, bħalma huma d-dettalji u l-kwalifiki meħtieġa għad-dħul f’kull kors, sezzjoni dwar l-areas ta’ riċerka li kull Fakultà/Istitut/Ċentru/Skola toffri f’livell ta’ Dottorat, kif ukoll il-ħarsa lejn is-servizzi disponibbli għall-istudenti kollha – kemm dawk attwali kif ukoll dawk prospettivi. Il-Prospectus jindika wkoll il-korsijiet/areas ta’ studju li huma eliġibbli taħt il-Malta Enterprise Get Qualified Scheme.

Barra minn hekk, l-edizzjoni ta’ din is-sena tinkludi wkoll sezzjoni fuq l-iStudents’ Charter li tiddeskrivi r-relazzjoni bejn l-Università u l-istudenti tagħha bħala stakeholders ugwali f’edukazzjoni ta’ livell għoli. Tindika wkoll ir-responsabbiltajiet kemm tal-Università kif ukoll tal-istudenti u tipprovdi qafas lill-Università biex tiżviluppa u ttejjeb is-servizzi tagħha fejn meħtieġ. 

Il-Prospectus jinsab online fuq: www.um.edu.mt/admissions u www.issuu.com. Kopji stampati jistgħu jinġabru mill-Uffiċċju tal-Admissions and Records, Kampus tal-Imsida, u mill-Kampus tal-Belt Valletta u t’Għawdex. 

Il-pubblikazzjoni hija ikkordinata u editjata mill-Uffiċċju tar-Reġistratur bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju għall-Uffiċċju tal-Marketing, il-Komunikazzjonijiet, u l-Alumni.

L-applikazzjonijiet għall-korsijiet li se jibdew f’Ottubru li ġej jinsabu f’din il-ħolqa: www.um.edu.mt/apply u jagħlqu fil-20 ta’ Lulju 2017.

 


 

 

< Ta' qabel 1 2 3 4 Li jmiss >

 
 

Log In