L-Università ta' Malta
 

Aħbarijiet
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

L-ebda tibdil fl-iskeda tal-eżamijiet fl-Università ta’ Malta

Mhu se jkun hemm l-ebda ċaqlieq fl-iskeda tal-eżamijiet fl-Università ta’ Malta minħabba l-Elezzjoni Ġenerali. Wara laqgħa li saret ma’ rappreżentanti tal-KSU, l-Università kienet infurmata li minn stħarriġ li sar minn numru ta’ għaqdiet tal-istudenti, ħareġ biċ-ċar li l-maġġoranza tal-istudenti ma jaqblux li għandu jkun hemm ċaqlieq ta’ dati tal-eżamijiet.

Għalhekk ġie deċiż li l-eżamijiet kollha fl-Università ta’ Malta, fil-Junior College u dawk tal-MATSEC fil-livelli kollha jsiru kif kien ippjanat skont l-iskeda oriġinali.

L-Università għamlet l-arranġamenti neċessarji mal-Kummissjoni Elettorali sabiex dawk l-iskejjel li se jintużaw bħala ċentri tal-eżamijiet tal-MATSEC ma jintużawx bħala postijiet ta’ votazzjoni.

Intant, nhar it-Tnejn 5 ta’ Ġunju, se jkun hemm kontrolli sabiex studenti u ħaddiema tal-Università biss jidħlu bil-karozzi fl-Università. B’hekk it-traffiku jimxi aħjar u ma jkunx hemm dewmien bla bżonn.

Barra minn hekk l-Università ħasbet sabiex il-Librerija u faċilitajiet oħra ewlenin jinfetħu fis-7.00am sabiex dawk l-istudenti li jaslu kmieni fuq il-Kampus ikunu moqdija sew.

L-Università ħasbet ukoll biex dawk l-istudenti universitarji li se jkunu impenjati b’mod dirett fil-kampanja elettorali u li għalhekk ma jkunux jistgħu jagħmlu xi eżami li jsir fit-3, 5 u 6 ta’ Ġunju, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dawk l-eżamijiet fis-sessjoni ta’ Settembru. 

 


 

Taħdita dwar il-bjut imħaddra

Wara tlett snin ta’ riċerka mill-Università ta’ Malta fuq il-bjut imħaddra, l-evidenza turi li din it-teknoloġija tista’ ttejjeb il-kwalità tal-ħajja fiż-żoni urbani tagħna. Huwa magħruf li fl-ibliet u fl-irħula hemm problemi li jaffettwaw kemm is-saħħa mentali u dik fiżika tar-residenti, l-aktar it-tfal u l-anzjani.  Għalhekk, il-membri tal-proġett LifeMedGreenRoof fasslu dokument li tqassam lil numru tà Membri Parlamentari u kapijiet ta’ dipartimenti. Id-dokument jenfasizza l-benefiċċji tal-bjut imħaddra u jressaq miżuri sabiex dawn il-bjut jiġu integrati fis-qasam tal-ippjanar u l-ambjent mibni.

Għal dan il-għan, il-proġett LifeMedGreenRoof  stieden numru ta’ Ministri u Membri tal-Oppożizzjoni għal taħdita fil-Fakultà tal-Ambjent Mibni.  Id-Dekan tal-Fakultà, il-Prof. Alex Torpiano, mexxa d-diskussjoni, filwaqt li l-arkitetti tal-pajsaġġ is-sur Antoine Gatt u s-sur Vince Morris, li jmexxu il-proġett, ippreżentaw l-għan u l-benefiċji tal-bjut imħaddra u d-dokument dwar il-politika proposta.
Għal-laqgħa attenda l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima, l-Onor. Josè Herrera li fil-jum ta’ qabel żar il-bejt mħaddar li hemm fl-Università, fuq stedina tal-mexxejja tal-proġett.  Kien hemm preżenti wkoll rapreżentanti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u membri mill-uffiċċju nazzjonali għall-proġetti LIFE. L-Onor. Dr Theresa Comodini Cachia rrappreżentat l-Oppożizzjoni.

Kemm il-Ministru kif ukoll Dr Comodini Cachia għarfu li hemm bżonn jiġu indirizzati mill-aktar fis il-problemi li jaħkmu ż-żoni urbani. Huma qablu li l-bjut imħaddra huma importanti sabiex itaffu l-problemi relatati mal-użu tal-enerġija u l-qirda tal-ambjent naturali.  Il-Kummissjoni Ewropea  titlob li sal-2030 il-pajjiżi Ewropej inaqqsu t-tniġġis tal-arja b’40%, u l-bjut imħaddra huma għodda importanti sabiex jintlaħaq dan it-tir.

Ir-riċerka li qed issir fl-Università, marbuta ma’ dan il-proġett, turi li l-bjut mħaddra jżidu l-effiċjenza tal-bini. Il-bjut imħaddra jistgħu jbaxxu t-temperatura interna tal-bini fis-sajf u b’hekk jonqos l-użu ta’ l-arja kkondizzjonata u l-ispejjes tal-konsum tal-elettriku. Il-bini tagħna huwa ideali għall-bjut imħaddra minħabba li l-bjut huma ċatti u ġeneralment b’saħħithom biżżejjed biex jerfgħu l-piż. Għalhekk, bil-bjut imħaddra jonqos sew l-użu tal-elettriku biex jitkessaħ il-bini fis-sajf. Dan huwa ta’ ġid kemm għall-ekonomija nazzjonali kif ukoll għas-saħħa tal-bniedem. Il-bjut imħaddra joffru wkoll aktar benefiċċji lil sid il-bejt, lis-soċjetà ġenerali, kif ukoll lill-ambjent naturali.

Il-proġett LifeMedGreenRoof qed juri biċ-ċar li l-bjut imħaddra huma kruċjali sabiex jinħolqu bliet u rħula sostenibbli. Dan jidher min-numru ta’ pajjiżi u muniċipji madwar id-dinja li jagħtu inċentivi u daħlu liġijiet favur it-tkattir tal-bjut imħaddra fl-urban, l-aktar fl-ibliet u ż-żoni industijali. Il-mexxejja tal-proġett jittamaw li min iwettaq l-politika lokali jagħmel mezz sabiex jiddaħħlu l-bjut imħaddra fiż-żoni urbani għal ġid tagħna lkoll.

Il-proġett LifeMedGreenRoof huwa parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea bil-fondi tal-LIFE+. Għal aktar informazzjoni żur is-sit elettroniku www.lifemedgreenroof.org jew sibna fuq Facebook.

lifemedgreenroof@um.edu.mt

 


 

It-TAKEOFF Seed Fund Award biex Tingħata Għajnuna lil Intraprendituri u Riċerkaturi

 tosfa17launchmalti1

Għar-raba’ sena konsekuttiva qed tiġi allokata s-somma ta’ €100,000 permezz tat-TAKEOFF Seed Fund Award (TOSFA) tal-Università ta’ Malta biex tgħin lil intraprendituri u riċerkaturi jressqu l-ideat u t-teknoloġiji innovattivi tagħhom eqreb lejn is-suq. 

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar (MEIB) u l-Università ta’ Malta nedew l-edizzjoni ta’ TOSFA għas-sena 2017 bl-appoġġ tal-Uffiċċju għar-Riċerka Korporattiva u t-Trasferiment ta’ Tagħrif (KTO), l-Inkubatur tan-Negozju TAKEOFF, u ċ-Ċentru għall-Intraprenditorija u għall-Inkubazzjoni tan-Negozju (CEBI) tal-Università. 

Din tħabbret waqt ċerimonja fit-12 ta’ April li għaliha attendew il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, l-Onor. Christian Cardona, il-Pro Rettur Prof. Saviour Zammit, l-Inġ. Joseph Bartolo, Manager ta’ TAKEOFF, u Dr Ing. Anton Bartolo, Direttur tal-KTO. 

Intraprendituri u start-ups li qegħdin jaħdmu fuq ideat għal prodotti u servizzi innovattivi huma mħeġġa japplikaw għal Seed funds li jlaħħqu sa €20,000, li huma intenzjonati li jwassluhom pass eqreb lejn l-ewwel klijent jew investiment tagħhom.  Riċerkaturi li qegħdin jaħdmu fuq innovazzjonijiet żviluppati permezz ta’ riċerka fl-Università jistgħu japplikaw għall-fondi Proof of Concept li jgħinuhom iqarrbu t-teknoloġija  tagħhom lejn il-kummerċjalizzazzjoni.  Ir-rebbieħa tat-TOSFA jirċievu wkoll mentoring u appoġġ għall-isforzi tagħhom mit-TAKEOFF u mill-KTO. 

 

tosfa17launchmalti2 

 

Il-fondi għal din is-sena għandhom l-għan li jkomplu jibnu fuq is-suċċessi ta’ edizzjonijiet preċedenti, li attiraw ’il fuq minn 100 applikant u ffinanzjaw ’l fuq minn 25 proġett.  Tlett timijiet li rċivew fondi fil-passat ippreżentaw il-progress tagħhom waqt iċ-ċeremonja. Il-Prof. Tonio Sant, riċerkatur li qiegħed jaħdem fuq teknoloġija għall-ħażna ta’ enerġija rinnovabbli fuq il-baħar, spjega li l-għotja li ngħatatilhom ippermettitilhom li jikkollaboraw mal-MedServ Plc u li jiksbu aktar fondi permezz tal-Programm Fusion tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.  Dan is-sajf se jkunu qegħdin iħaddmu verżjoni tal-impjant tagħhom fuq skala żgħira fil-Port il-Kbir, sabiex din tiġi ttestjata u esibita, bl-għan li jattiraw aktar investiment privat. 

Il-kumpanija Incredible Web, li rċivew fondi għall-proġett tagħhom BumALift, irnexxilhom jibnu l-akbar pjattaforma ta’ carpooling f’Malta, b’eluf ta’ utenti attivi u kważi mitt carpool kuljum.  Bis-saħħa t’hekk it-tim ta’ Incredible Web issa kiber għal sitt impjegati full-time impenjati fl-iżvilupp ta’ software ta’ kwalità għolja għal klijenti mad-dinja kollha.  Bil-fondi tat-TOSFA l-kumpanija Freshy irnexxilhom iqabbdu wahda mill-aqwa design studios internazzjonali biex jaħdmulhom fuq il-Mobile & Web User Interface.  Huma pparteċipaw ukoll b’suċċess f’numru ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali għall-istart-ups u kienu kklassifikati bħala waħda mill-aqwa għaxar start-ups minn CNBC, waħda mill-kumpaniji tal-media l-aktar rinomati fid-dinja. 

Id-data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet ta’ applikazzjonijiet bil-miktub għal TOSFA hija nhar it-Tlieta 23 ta’ Mejju f’nofsinhar. TAKEOFF se jkun qed jorganizza workshop għal min hu interessat li japplika, nhar is-Sibt, 29 ta’ April 2017. Għal aktar dettalji żuru is-sit www.takeoff.org.mt.

 


 

Arja ta’ Riċerka

Fl-2017 THINK qed jerġa’ lura għall-elementi fundamentali tiegħu. Bħalma kulturi tal-qedem iddistillaw il-kumplessità tan-natura u kull materja oħra f’erba’ elementi bażiċi—l-arja, in-nar, l-art, u l-ilma—it-tim qed juża dawn l-elementi bħala lenti li minnhom jiġi eżaminat il-katalogu vast ta’ riċerka li qed titwettaq fl-Università ta’ Malta.

Il-ħarġa Nru 19 tiffoka fuq l-ARJA
Il-futur tal-avjazzjoni qed isir aktar sikur u ambjentalist. Sabiex tiżdied il-kuxjenza sitwazzjonali tal-piloti u jitnaqqas l-ammont ta’ xogħol tal-ekwipaġġ, Dr Jason Gauci qed juża t-teknoloġija tat-touch-screen biex itejjeb l-interface fil-kabina tal-pilota. Sadattant, bi spunt mill-ammont kbir ħafna ta’ gass b’effett ta’ serra u emissjonijiet ta’ karburanti fossili minn titjiriet kummerċjali, il-Prof. Ing. David Zammit Mangion qiegħed jiżviluppa software biex jidentifika modi ta’ vjaġġar bl-ajru aktar favur l-ambjent. 

’Il fuq u ’l barra mill-atmosfera tagħna, l-istudenti qegħdin jippruvaw isolvu l-misteri dwar Titan, l-akbar qamar ta’ Saturnu, kif ukoll janalizzaw stilel distanti, mijiet u eluf ta’ snin tad-dawl barra mis-sistema solari tagħna. Fuq tema relatata, Iman Omar tikteb dwarha nnifisha u l-kontribut tar-radju-teleskopju tal-Istitut tax-Xjenza Spazjali u l-Astronomija għall-proġett impressjonanti Square Kilometer Array. Dan il-proġett, li jirrifletti n-natura mingħajr fruntieri tal-univers, qed isir permezz ta’ kollaborazzjoni internazzjonali. 

Is-suġġetti elevati jkomplu bix-xogħol sfiq ta’ Dr Jackson Said, Filippos Nachmias u Mark Pace dwar l-istudji tagħhom dwar il-gravità u l-istilel newtroni, riċerka li għandha l-potenzjal tħarbat it-teoriji ta’ Einstein. Il-Prof. Giuseppe Di Giovanni u Dr Andrew Agius iqanqlu l-ilmijiet (jew jikkalmawhom skont kif taħsibha) billi jixħtu dawl fuq il-potenzjal tal-kannabis bħala trattament għall-uġigħ kroniku. 

Hekk kif ir-relazzjoni bejn il-pubbliku u l-politiċi tagħhom issir aktar turbulenti, jeħtieġ il-ħsieb trasparenti u mgħejjun b’evidenza. Dr George Zammit janalizza l-politika tan-nuqqas ta’ qbil fil-kuntest ta’ avvenimenti bħall-Brexit u Trump. Aktar qrib lejna, Dr Joel Azzopardi u Dr Charlie Abela qegħdin jiżviluppaw app li tippermetti li data parlamentari tkun aktar aċċessibbli.

Apparti dan kollu, ir-Rivista THINK Nru 19 fiha artikli dwar it-turiżmu sostenibbli, ekonomija tal-imġiba, il-kultura, l-arti, u tagħmir, inkluża sezzjoni ġdida, Startup, li tippreżenta l-istudio tal-logħob Malti Mighty Box.

X’qed tistenna? Aħtaf l-opportunità biex taħseb.

Ir-rivista ta’ riċerka THINK tal-Università ta’ Malta, tista’ tinġabar b’xejn mil-librara madwar Malta u Għawdex u mill-ħwienet tal-kotba tal-Aġenda. Tinsab onlajn fl-indirizz elettroniku www.um.edu.mt/think, fuq Issuu jew tagħmlu ‘like’ fuq Facebook.

 


 

Id-Dipartiment tal-Malti ppreżenta kopja tal-pubblikazzjoni d-Damma lir-Rettur

Damma presented to Rector

Il-pubblikazzjoni tad-dizzjunarju ta’ Agius de Soldanis, li jismu d-Damma, hija kisba kbira fil-qasam tal-kultura Maltija. Id-Damma kienet ilha tistenna l-pubblikazzjoni mill-1767 u għal dawn l-aħħar 250 snin kienet ikkustodita fost il-manuskritti tal-Biblijoteka Nazzjonali. It-tagħrif uniku li fiha, u li jinteressa lil-lingwisti, l-istoriċi, u l-etnografi issa huwa aċċessibbli bis-saħħa tat-traskrizzjoni ta’ żewġ studenti tal-Malti, Rosabelle Carabott u Joanne Trevisan. Carabott għandha l-mertu li ħadet ukoll f’idejha r-reviżjoni u l-editjar ta’ dan ix-xogħol li fih madwar elf paġna. 

Id-Damma ġiet ippubblikata bil-kollaborazzjoni tal-RIDT, BPC International, Heritage Malta, il-Ministeru ta’ Għawdex, il-Biblijoteka Nazzjonali, l-Akkademja tal-Malti, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università. 

Ilbieraħ id-Dipartiment tal-Malti ppreżenta kopja tad-Damma lir-Rettur tal- Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella. Il-preżentazzjoni saret minn Rosabelle Carabott, l-aktar waħda li waqa’ xogħol fuqha f’dan il-proġett. Hija semmiet kif hi u seħbitha tħabbew ma’ dan ix-xogħol waqt l-istudju tad-dokumenti l-qodma li jsir fid-Dipartiment tal-Malti fl-Università.

F’kelmtejn f’isem id-Dipartiment tal-Malti, Dr Olvin Vella radd il-ħajr lill-entitajiet kollha li daħlu fi sħab f’dan il-proġett u rringrazzja lill-individwi li ħadmu fuq dan il-proġett tas-sehem ġeneruż tagħhom. Irringrazzjahom talli lkoll ħadmu bil-qalb u talli lkoll emmnu li qed jagħmlu ħaġa kbira.

Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għad-Dipartiment tal-Malti li b’din il-pubblikazzjoni qed irodd ir-rispett lil Agius de Soldanis li matul ħajtu ppubblika kemm felaħ fuq l-ilsien Malti biex jivvalorizzah f’għajnejn il-letterati kontemporanji, Maltin u barranin. 

Ir-Rettur radd ħajr lil kull minn ħadem biex dan il-proġett jitwettaq. Huwa qal li din kienet kisba importanti fi żmienna. 'Irnexxielna nippubblikaw id-dizzjunarju ta’ De Soldanis. Elf paġna miktubin 250 sena ilu, elf paġna xi minn daqqiet diffiċli biex taqrahom u ssegwihom. Elf paġna ta’ valur kbir. Valur qabelxejn għall-Malti. Fihom Malti qadim, espressjonijiet li maż-żmien mietu u Agius de Soldanis irrekordjahom qabilna. Fil-fatt, dan id-dizzjunarju kitbu għax hu kien jibża’ li tant kien qed jintilef kliem fi żmienu li ta’ warajh mhuma se jsibu xejn,' tenn jgħid il-Professur Vella.

L-Università hija impenjata li tkompli ġġib ’il quddiem l-istudju tal-Malti. Bħalissa, barra l-kors tradizzjonali tal-Baċellerat, toffri Ċertifikat fil-kors tal-Qari tal-Provi bil-Malti u wkoll Diploma fil-Letteratura Maltija.

 


 

L-Università ta’ Malta u STMicroelectronics Jiffirmaw Ftehim ta’ Kollaborazzjoni

stmoumalit1

 

L-Università ta’ Malta u l-Impjant ta’ STMicroelectronics f’Malta ffirmaw Ftehim ta’ Kollaborazzjoni ta’ sentejn biex iwettqu flimkien xogħol fuq proġetti, bl-għan li jimmassimizzaw l-effiċjenza tal-manifattura bbażata fuq tagħrif xjentifiku.

L-Università ser tipprovdi l-għarfien u l-kompetenza lill-STMicroelectronics u tagħmel użu minn għodda u apparat għall-benefiċċju u s-suċċess tal-proġetti permezz tat-tim tagħha ta’ professjonisti bl-ogħla kwalifiki; STMicroelectronics ser tipprovdi u taqsam data tal-manifattura dwar produzzjoni, effiċjenza u proċessi u ser tagħmel użu mill-ambjent tal-manifattura tagħha għall-kisba tal-fehim xjentifiku.  Dan l-interess komuni ta’ kollaborazzjoni jista’ jinkludi informazzjoni xjentifika fl-oqsma tal-kimika, il-fiżika, l-inġinerija mekkanika, l-inġinerija elettrika u informazzjoni teknoloġika.  Wieħed mill-iskopijiet fundamentali huwa l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ proġett globali ta’ analiżi ta’Big Data dwar l-operazzjonijiet interni tal-manifattura biex jittejbu l-produzzjoni, il-kost u l-kwalità u biex jiġi stabbilit tim għall-analiżi ta’ Big Data.  Big Data huwa proġett ta’ prijorità dwar l-operazzjonijiet interni tal-manifattura u t-teknoloġija ta’ ST li qed isir b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali fil-Fakultà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT).  Dan il-proġett għandu jwassal għall-ħolqien ta’ Ċentru relatat ta’ Eċċellenza u jservi l-impjanti kollha tal-ST għal servizzi interni.

 

stmoumalti2 


Dan il-Ftehim ta’ Qafas kien iffirmat mir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella, u mis-Sur Fabio Gualandris, Viċi-President Eżekuttiv tas-Servizzi Interni tal-Manifattura u t-Teknoloġija, u Chairman tal-Impjant tal-ST Malta, għan-nom ta’ STMicroelectronics.

 


 

L-Iżvilupp Integrat tal-Prodott huwa l-futur

Dr Ing. Philip Farrugia

Il-kors tal-M.Sc. fl-Iżvilupp Integrat tal-Prodott, (Integrated Product Development – IPD), qed jiċċelebra it-tnax-il sena tiegħu minn meta dan il-kors beda f’Ottubru 2005. L-44 persuna li ggradwaw minn dan il-kors illum huma impjegati prinċipalment f’irwoli importanti f’kumpaniji tal-manifattura ewlenin kemm lokali kif ukoll multi-nazzjonali.

L-Iżvilupp Integrat tal-Prodott huwa l-mod modern fl-industrija. Dan juri li l-aspetti kollha tal-funzjoni u d-disinn tal-prodott, materjali u manifattura, l-użu tal-prodott u l-impatt ambjentali, il-marketing, il-costing, l-intraprenditorija u l-business management huma maqgħudin f’dixxiplina waħda li għandha l-għan ittejjeb il-prestazzjoni globali tal-prodott u l-livell ta’ suċċess.

Il-programm ta’ studju M.Sc. IPD tal-Università ta’ Malta jgħin lill-gradwati jiksbu l-ħiliet u l-għerf biex jimmassimizzaw il-prestazzjoni u s-suċċess fl-industrija. Dan il-kors huwa mibni fuq żewġ pilastri fundamentali: L-Inġinerija tal-Prodott u l-Proċess, u l-Kummerċ u l-Management. B’dan il-mod, il-kors jgħaqqad flimkien dawn is-suġġetti tal-IPD, u jfittex li jsaħħaħ il-ħiliet tal-inġiniera, xjenzjati, managers tekniċi, kemm dawk bl-esperjenza kif ukoll gradwati ġodda, kif ukoll dawk li jaspiraw li jkunu intraprendituri u dawk diġà bl-esperjenza. 

Il-prinċipji li huma s-sies tal-IPD kif ukoll l-integrazzjoni tagħhom jiġu mgħallma fil-klassi, fejn it-teorija tiġi kkumplimentata b’diskussjonijiet fil-klassi, bl-użu ta’ case studies f’firxa ta’ setturi tal-iżvilupp tal-prodott.  Ma’ dawn, it-teorija min-naħa tal-produzzjoni tal-IPD hija msaħħa b’sessjonijiet prattiċi fil-laboratorju bl-użu ta’ apparat l-aktar modern. Il-parteċipanti jibbenefikaw mill-kompetenza ta’ membri tal-istaff akkademiku tal-Fakultà tal-Inġinerija, u tal-Fakultà tal-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy, kif jidher fil-kontenut tal-kors. Il-kors jinkludi wkoll l-opportunità mhix obbligatorja ta’ żjara prattika barra minn Malta, li matulha l-istudenti jitgħallmu l-aħjar prattiki tal-IPD f’kumpaniji rinomati, bħall-BMW, l-Airbus Helicopters u l-M.A.N.

Il-kors huwa mifrux fuq perijodu ta’ tliet snin akkademiċi ta’ studju part-time, li jippermetti li l-parteċipanti jkomplu bil-karriera tagħhom waqt li qegħdin jistudjaw. Il-lekċers ta’ tliet sigħat isiru darbtejn fil-ġimgħa filgħaxija. L-istudenti għandhom tliet taqsimiet ta’ studju kull semester fl-ewwel sentejn, u proġett fl-aħħar sena. Il-kors li jmiss ser jibda f’Ottubru 2017.

Il-kandidati jistgħu jibbenefikaw mill-iskema GetQualified, li tikkonsisti fi kreditu fiskali għal persuni li jsegwu kors ta’ studju approvat.

Fil-bini tal-Malta Enterprise sar riċeviment biex ifakkar it-tnax-il anniversarju tal-kors. Numru ta’ kelliema indirizzaw l-aspetti differenti tal-kors fl-IPD. Dr Ing. Philip Farrugia, il- koordinatur tal-kors, tkellem dwar l-istorja u l-isfond tal-kors. Is-Sur Joe Caruana, Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, iffoka fuq il-miżuri li qed jieħu l-Gvern biex iqarreb l-edukazzjoni u l-impjegabiltà. Il-Prof. Godfrey Baldacchino, Pro-Rettur għall-Iżvilupp Internazzjonali u l-Assigurazzjoni tal-Kwalità, spjega kif l-Università ta’ Malta qed tassigura t-trasferiment tal-għarfien ta’ kwalità għolja f’livell postgraduate. L-Inġ. James Attard Kingswell, Inġinier fl-Innovazzjoni ma’ Toly Products Ltd, kien mistieden jagħti l-istorja tiegħu u tkellem dwar ir-rilevanza tal-IPD għall-industrija. Wara, Dr Farrugia tkellem dwar il-qafas tal-kors, inkluż il-kontenut u kif dan jiġi mgħallem. 

Il-mistednin kienu jinkludu Alumni (2008 – 2016), studenti tal-IPD li hemm bħalissa, studenti prospettivi, l-akkademiċi involuti fil-kors tal-IPD, u persuni interessati mill-industrija, li kienu jinkludu CEOs, diretturi u Managers fir-Riżorsi Umani.

 


 

L-attitudni tal-pubbliku ġenerali lejn ix-xenofobija u l-omofobija

L-Institut tal-Lingwistika u d-Dipartiment tal-Inklużjoni u l-Aċċessibilità għat-Tagħlim jixtiequ jistiednu lil dawk kollha interessati biex jipparteċipaw fi studju li jifforma parti minn C.O.N.T.A.C.T, proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, (li jkopri fih lil Ċipru, id-Danimarka, il-Greċja, l-Italja, il-Litwanja, lil Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, lil Spanja u r-Renju Unit; www.reportinghate.eu) li l-għanijiet tiegħu hu li janalizza l-attitudni tal-pubbliku ġenerali lejn ix-xenofobija u l-omofobija. Fl-ewwel istanza  kulma wieħed irid jagħmel  hu li  jimla kwestjonarju u jagħti l-opinjoni tiegħu dwar kummenti partikolari li dehru onlajn. Dan m’għandux jieħu aktar minn 20 minuta . 
 
Jekk wieħed jixtieq jieħu sehem, jagħfas hawn taħt:
 
La darba wieħed ikun lesta mill-kwestjonarju, ser jingħata wkoll l-opportunità li jieħu sehem f’intervista qasira li ssegwi l-kwestjonarju, li għal darba oħra din m’għandhiex tieħu aktar minn 30 minuta . Dan il-kompitu huwa kompletament volontarju u wieħed jagħmlu biss jekk espliċitament  jesprimi r-rieda  tiegħu li jipparteċipa fih. Matul l-intervista  wieħed mhux ser  ikun mitlub li  jiġġustifika t-tweġibiet  tiegħu stess tal-kwestjonarju, iżda pjuttost jikkummenta dwar ir-riżultati kollettivi ġenerali miksuba permezz tiegħu.
 
Jekk wieħed jagħżel li jieħu sehem fl-istħarriġ jew inkella fl-istħarriġ u fl-intervista, l-anonimità u l-kunfidezjalità huma garantiti skont ir-regolamenti tal-Etika tal-Università. F’dan ir-rigward, l-informazzjoni kollha miġbura se tiġi trattata bl-ikbar kunfidenzjalità u l-anonimità se tkun assigurata fil-ġbir, fil-ħażna u fil-pubblikazzjoni tal-materjal tar-riċerka. F’każ li wieħed ikun irid jirtira minn dan l-istudju fi kwalunkwe stadju wieħed jista’ jagħmel dan mingħajr ma jipprovdi l-ebda raġuni jew spjegazzjoni.
 
Jekk wieħed jixtieq jikseb aktar informazzjoni dwar dan l-istudju, għandu jikkuntattja lir-riċerkattriċi  fuq rebecca.vella@um.edu.mt jew lill-koordinatur tal-proġett fuq stavros.assimakopoulos@um.edu.mt.
 
 
Il-parteċipazzjoni tiegħek hija apprezzata ħafna. Grazzi bil-quddiem.

Ikklikkja hawn biex tara l-verżjoni bil-malti.

 


 

Maritime Seed Award biex jgħin riċerkaturi u intraprendituri jibdew il-vjaġġ tagħhom

MarSA

mix-xellug: Il-Prof. Inġ. Claire De Marco, Dr Daniel Aquilina, l-Onor. Emmanuel Mallia, il-Professur Alfred J. Vella, il-Professur Russell Smith, Direttur CEBI

Inti xi intraprenditur li għadek tibda u li għandek teknoloġija ġdida jew idea kummerċjali innovattiva iżda m’għandekx il-finanzi inizjali biex tressaqha eqreb lejn is-suq? Jew inkella inti xi akkademiku tal-Università ta’ Malta interessat li twassal teknoloġija fi stadju bikri mil-laboratorju għall-użu?
L-Aġenzija Malta Marittima (Malta Marittima Agency – MMA), b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, nediet il-Maritime Seed Award (MarSA) bl-appoġġ tal-Uffiċċju għar-Riċerka Korporattiva u t-Trasferiment ta’ Tagħrif tal-Università (KTO), TAKEOFF Business Incubator, u ċ-Ċentru għall-Intraprenditorija u għall-Inkubazzjoni tan-Negozju (CEBI). B’kollox se jiġu allokati €100,000 permezz ta’ sejħa kompettittiva lill-innovaturi u intraprendituri interessati li jqarrbu l-ideat tagħhom lejn il-kommerċjalizzazzjoni. 

Dan tħabbar f’ċerimonja li saret fl-20 ta’ Marzu u li għaliha attendew l-Ministru għall-Kompetittività  u Ekonomija Diġitali, Marittima u tas-Servizzi, l-Onor. Emmanuel Mallia, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella, il-Pro Rettur il-Professur Saviour Zammit, il-Professur Russell Smith, Direttur CEBI, Dr Inġ. Anton Bartolo, Direttur KTO, u ċ-Chairman tal-Aġenzija Malta Marittima, Dr Daniel Aquilina.

L-Onor. Emmanuel Mallia stqarr li hija l-politika ta’ din l-amministrazzjoni li tgħin u tappoġġja individwi innovattivi u kreattivi biex jirnexxu. Qegħdin nesploraw u niffokaw l-isforzi tagħna fuq dan is-settur dinamiku, li bla dubju huwa qasam ta’ prijorità għal Malta. Li tipprovdi għajnuna finanzjarja f’dan l-istadju huwa ta’ importanza fondamentali biex tgħin lil individwi jbiddlu l-ideat kreattivi tagħhom f’kunċetti li jwasslu għall-kumerċjalizzazzjoni.'

Riċerkaturi akkademiċi tal-Università ta’ Malta jistgħu japplikaw għall-fondi ‘Proof of concept’ tal-MarSA li jgħinuhom iqarrbu l-innovazzjoni tagħhom lejn il-kummerċjalizzazzjoni.  Intraprendituri jistgħu japplikaw għall-MarSA Seed Funds li jippermettulhom li jressqu l-istart-up tagħhom, ibbażat fuq it-teknoloġija jew fuq l-għerf, eqreb lejn l-ewwel klijent tagħhom jew għal aktar investiment. Impjegati mill-Uffiċċju għat-Trasferiment tal-Għarfien u minn TAKEOFF se jagħtu pariri lir-rebbieħa tal-għotja sabiex javvanzaw it-teknoloġija jew l-iżvilupp kummerċjali tagħhom.

Waqt iċ-ċerimonja tnediet ukoll Il-Pjattaforma Marittima tal-Università ta’ Malta miċ-Chairperson, il-Prof. Inġ. Claire De Marco. Hija qalet 'Il-Pjattaforma Marittima tal-Università inħolqot biex tilqa’ l-isfidi u l-bżonnijiet tal-industriji u servizzi relatati mal-baħar, u biex tpoġġi lill-Università quddiem nett għal irwol aktar effettiv f’inizjattivi marittimi fuq livelli lokali u internazzjonali. Il-pjattaforma se sservi bħala punt ta’ referenza, tinfluwenza l-politika tal-baħar u l-implimentazzjoni tagħha, u tappoġġja l-kollaborazzjoni ma’ gruppi, ċentri, programmi, networks u individwi. Akkademiċi universitarji b’interess marittimu li lesti jikkontribwixxu lejn il-pjattaforma huma mistiedna li jissieħbu.'

Id-data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet ta’ applikazzjonijiet bil-miktub għal MarSA hija nhar it-Tlieta 25 ta’ April f’nofsinhar. TAKEOFF se jkun qed jorganizza workshop għal applikanti interessati, nhar is-Sibt, 8 ta’ April 2017. Għal aktar dettalji żuru www.takeoff.org.mt

 


 

Il-Ministru Bartolo jżur il-proġett LifeMedGreenRoof

Sabiex tikber il-kuxjenza dwar l-importanza tal-bjut imħaddra, il-proġett LifeMedGreenRoof stieden lill-Ministru tal-Edukazzjoni, l-Onorevoli Evarist Bartolo, sabiex iżur is-sit tal-proġett. Id-Dekan tal-Fakultà tal-Ambjent Mibni, il-Professur Alex Torpiano, l-arkitett tal-pajsaġġ Antoine Gatt li jimmaniġġa l-proġett u l-kollega tiegħu l-arkitett tal-pajsaġġ Vinċe Morris laqgħu lill-Ministru, li kien akkumpanjat minn membri tal-FTS u tal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti. Waqt l-attività, ingħatat preżentazzjoni dwar il-proġett u wara  ġew diskussi l-importanza u l-benefiċċji tal-bjut imħaddra fl-ambitu tal-iskejjel u l-edukazzjoni.

Illum il-ġurnata t-tfal iqattgħu ħinijiet twal quddiem it-televiżjoni u l-kompjuter. Ftit huma t-tfal li għandhom ix-xorti li jilagħbu fi ġnien id-dar jew li joħorġu fil-kampanja ta’ spiss. Huma ddokumentati sew il-konsegwenzi negattivi ta’ dan minn studjużi fil-kamp tal-iżvilupp tat-tfal. Hemm argument ieħor li t-tfal jikbru mingħajr ma japprezzaw il-benefiċċji tan-natura, tant li ħafna huma dawk li jibżgħu minn elementi naturali bħalma huma l-insetti u annimali inokwi oħra. Huwa importanti li l-edukazzjoni tħajjar it-tagħlim ambjentali. Huwa ta’ importanza wkoll li t-tfal jitgħallmu jirrispettaw l-ambjent naturali minn eta’ żgħira għaliex dan ikattar etika ambjentali fl-individwu ‘l quddiem fil-ħajja.  Kuntatt man-natura jgħin fl-iżvilupp tat-tfal, bħal ngħidu aħna l-kunfidenza personali, il-motivazzjoni, il-konċentrazzjoni u l-immaġinazzjoni. L-infrastruttura ħadra (sigar u pjanti, ġonna, eċċ) hija magħrufa ukoll li tnaqqas l-istress fit-tfal u fl-adulti. 

Il-bjut imħaddra għandhom rwol fl-iskejjel ukoll. Dawn mhux talli jipprovdu benefiċċji ambjentali u enerġetiċi, bħal per eżempju t-tnaqqis tal-għargħar, l-insulazzjoni u t-tnaqqis tat-temperatura tal-arja; iżda jipprovdu ukoll postijiet li jistgħu jintużaw bħala klassi fl-apert u jipprommwovu tagħlim u esperjenzi prattiċi bħat-tkabbir ta’ ħxejjex u pjanti u l-osservazzjoni ta’ fenomini naturali. Dawn l-esperjenzi huma partikolarment importanti llum il-ġurnata minħabba n-nuqqas ta’ ġonna li għandna fl-ibliet u l-irħula Maltin. Dawn il-bjut joffru opportunità unika sabiex it-tfal jitgħallmu f’ambjent stimulanti u sabiħ.

Meta wieħed jikkonsidra li ħafna mill-iskejjel tagħna huma neqsin minn xi tip ta’ veġitazzjoni u ġonna, u li dawn ma jistgħux jiġu inkorporati minħabba nuqqas ta’ spazju fil-proprjetà tal-iskola, allura l-użu tal-bjut huwa loġiku u raġonevoli. Il-bejt huwa ġeneralment meqjus bħala spazju moħli. Ġeneralment dawn il-bjut jistgħu jinbiddlu fi spazji sbiħ u utli bħala estenzjoni tal-klassijiet, bil-vantaġġ li t-temperaturi tas-sulari ta’ taħt il-bejt ikunu aktar komdi waqt li jonqsu l-ispiżi ta’ manutenzjoni.

Meta l-Ministru żar il-bejt imħaddar fl-Università ta’ Malta, wera li kien kuntent bir-riżultati tal-proġett u interessat bil-potenzjal li l-bjut imħaddra jista’ jkollhom fil-qasam edukattiv.  Huwn qal li llum il-ġurnata it-tfal (b’mod partikolari) ma jesperjenzawx in-natura kif huwa xieraq minħabba l-mod ta’ kif ngħixu ħajjitna.  Dan jista jkollu effett negattiv fuq l-iżvilupp tat-tfal u l-apprezzament tagħhom lejn in-natura.  Huwa żied jgħid li l-bjut imħaddra huma għodda importanti sabiex jittaffew dawn il-problemi u sabiex inkebbsu l-imħabba u r-rispett lejn in-natura.

Dan il-proġett huwa parzjalment iffinanzjat mill-UE taħt l-iskema Life+. Ilu għaddej mill-2013 bil-għan li joħloq kuxjenza dwar l-importanza tal-bjut imħaddra sabiex jitnaqqsu il-problemi relatati maż-żoni urbani. Dawn il-bjut huma imporanti biex nilħqu s-sostenibbiltà fl-ibliet u l-rħula tagħna u sabiex tiżdied il-kuxjenza ambjentali fis-soċjetà. 

Il-bejt imħaddar jinsab fuq il-Fakultà tal-Ambjent mibni u huwa miftuħ għal pubbliku fil-ħin tal-uffiċċju. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.lifemedgreenroofprojeċt.org u l-paġna tal-Faċebook 'LifeMedGreenRoof Project'. Membri tal-proġett jistgħu jiġu kkuntatjati bil-posta elettronika bl-indirizz lifemedgreenroof@um.edu.mt

Il-proġett huwa mmexxi mill-Fakultà tal-Ambjent Mibni bil-kollaborazzjoni tal-Malta Competition and Consumer Affairs Authority, Fondazione Mnoprio u Minoprio Analizi e Certificazioni. 

 


 

 

< Ta' qabel 1 2 3 4 Li jmiss >

 
 

Log In