L-Università ta' Malta
 

Aħbarijiet
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

Il-Malta Insurance Association tisponsorja l-Istudji tal-Assigurazzjoni tal-Università ta' Malta

MoU - UM u MIA

Id-Dipartiment tal-Assigurazzjoni tal-Università ta' Malta (UM)—li jagħmel parti mill-Fakultà tal-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy (FEMA)—u l-Malta Insurance Association (MIA) għadhom kif iffirmaw ftehim li jgħid li l-MIA se tkun qed issostni finanzjarjament l-attivitajiet kurrikulari tad-Dipartiment. Dan se jsir fuq sentejn. Il-ftehim iffirmawh ir-Rettur, il-Professur Alfred Vella (f'isem l-Università) u s-Sur Adrian J. Galea, id-Direttur Ġenerali tal-Malta Insurance Association (f'isem l-MIA). L-MIA tirrappreżenta l-interessi ta' kumpaniji u aġenziji tal-assigurazzjoni indiġeni bi prinċipali barranin. L-isponsorship se jippermetti lid-Dipartiment ikompli jipprovdi korsijiet fl-assigurazzjoni, jinvolvi akkademiċi minn barra l-pajjiż u anki jorganizza seminars. 

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-Onor. Evarist Bartolo, li kien preżenti għall-okkażjoni, qal li l-iffirmar ta' ftehim bħal dan jirrifletti l-istandards għoljin tas-Servizzi Finanzjarji, u b'mod partikulari tas-Servizzi tal-Assigurazzjoni, li Malta rnexxielha tilħaq tul is-snin. Bħala wieħed mill-pilastri, is-Servizzi tal-Assigurazzjoni f'Malta kibru b'mod tal-għaġeb u d-domanda għal speċjalisti u prattikanti kkwalifikati fil-qasam tal-assigurazzjoni qiegħda dejjem tkun akbar mill-provvista. Apparti mill-prospetti ta' karriera li qed joffru l-membri tal-MIA, Malta esperjenzat ukoll tkabbir importanti fil-mod kif tattira atturi barranin li jagħżlu lil gżiritna bħala l-fulkru tal-operat tagħhom. 

Huwa u jitkellem f'isem l-MIA, is-Sur Julian Mamo, il-President, irrimarka li l-industrija tista' tirnexxi u tkompli tikber biss jekk din issostni l-isforzi tad-Dipartiment u jekk jiġu investiti l-flus bil-għan li jiġu żviluppati l-ħiliet li tant huma meħtieġa. Apparti mill-karrieri tradizzjonali li wieħed normalment jassoċja mal-korsijiet dwar l-istudji tal-assigurazzjoni, kwalifika speċjalizzata tiftaħ ukoll bibien ġodda, li wieħed ma jkunx ħaseb fihom qabel. Il-firxa wiesgħa ta' kwalifiki li jeżistu tippermetti lill-istudenti jikkunsidraw karriera fl-assigurazzjoni, tagħtihom l-opportunità li jispeċjalizzaw, u jkomplu javvanzaw f'industrija dinamika u dejjem tikber.

Il-Professur Vella rringrazzja lill-MIA u lill-membri tagħha għas-sostenn kontinwu li din tagħti lid-Dipartiment tal-Assigurazzjoni. Qal li l-eżistenza ta' dan is-sostenn finanzjarju kien fundamentali għas-suċċess ta' dan id-Dipartiment u tal-istudenti li xtaqu jaqbdu karriera fil-qasam tal-Assigurazzjoni, tal-Immaniġjar tar-Riskji u ta' dixxiplini relatati oħrajn. B'mod partikulari, is-suċċess tal-industrija tas-Servizzi Finanzjarji u tal-Assigurazzjoni jiddependi ħafna fuq il-ħiliet u l-għarfien speċjalizzat li jinkisbu mill-istituzzjonijiet, bħalma hi l-Università ta' Malta. Il-Professur Vella għalaq billi qal li kien grazzi għal dan is-sostenn finanzjarju li kemm l-istudenti tal-Università u kemm l-industrija jistgħu jibbenefikaw mill-għarfien speċjalizzat u mill-iżvilupp professjonali kontinwu li huma tant importanti biex wieħed itejjeb il-karriera tiegħu. 


Fir-ritratt jidhru, mix-xellug: Is-Sur Andre Farrugia, Assistent Lettur, Is-Sur Lawrence Pavia, Assistent Lettur, Dr Simon Grima, Il-Kap tad-Dipartiment, Il-Prof. Frank Bezzina Dekan FEMA, L-On. Evarist Bartolo, Il-Prof. Alfred Vella, Rettur, Is-Sur Adrian Galea, Direttur Ġenerali, Is-Sur Julian Mamo, President MIA, Catherine Calleja, Viċi President MIA u Lettur

 


 

Transport Malta toffri esperjenzi prezzjużi lill-istudenti tal-Università

Transport Malta toffri Esperjenzi Prezzjużi lill-Istudenti tal-Università

Fir-ritratt jidhru mix-xellug: Angele Patiniott (KTO), il-Prof. J. Grima (DegreePlus) Ir-Rettur tal-Università ta' Malta il-Prof. Alfred Vella, iċ-Chairman ta' Transport Malta s-Sur James Piscopo, is-Sa Jeannette Axisa (TM Chief Officer Strategy and Corporate Services). 


Transport Malta u l-Università ta’ Malta, permezz tad-DegreePlus u tal-Uffiċċju tagħha għat-Trasferiment ta’ Tagħrif (Knowledge Transfer Office - KTO), nedew formalment numru ta’ esperjenzi ta’ xogħol u apprentistati li jippermettu li studenti universitarji minn dixxiplini u korsijiet varji jieħdu esperjenza diretta tax-xogħol professjonali u tekniku ta’ livell għoli li jsir fi Transport Malta.

Dawn l-esperjenzi ta’ xogħol ivarjaw minn dawk maħsubin għal studenti b’bażi ta’ xjenza li għandhom il-ħsieb isiru professjonisti fl-ippjanar tat-trasport, inġiniera u speċjalisti tal-GIS għal postijiet oħra maħsubin għal studenti tal-liġi li jixtiequ jsegwu karriera f’waħda mill-awtoritajiet pubbliċi ewlenin ta’ Malta. Permezz ta’ dawn l-esperjenzi ta’ xogħol u apprentistati, Transport Malta qed jiffaċilitaw l-isforz tal-Università ta’ Malta biex ittejjeb l-impjegabilità tal-istudenti, billi tagħtihom esperjenza prezzjuża ta’ xogħol u l-opportunità li jiżviluppaw ħiliet kritiċi, filwaqt li tattira impjegati prospettivi ta’ valur. L-esperjenza ta’ apprentistat se tkun rikonoxxuta mill-programm DegreePlus tal-Università u ser tkun ikkunsidrata b’mod pożittiv fuq is-CVs meta jkun hemm opportunitajiet ta’ xogħol ma’ Transport Malta.

Kemm l-Uffiċċju tal-Università għat-Trasferiment ta’ Tagħrif kif ukoll id-DegreePlus kienu strumentali li jwaqqfu din il-kooperazzjoni ma’ Transport Malta. Il-KTO jaħdem biex joħloq kollaborazzjoni bejn l-industrija u l-komunità akkademika, sabiex l-studenti t’issa jistgħu jieħdu sehem f’apprentistati li jgħinu t-transizzjoni tagħhom mill-istudju għax-xogħol. Id-DegreePlus hija l-entità tal-Università li toffri għażla eċitanti u diversa ta’ opportunitajiet li jgħinu lill-istudenti jwessgħu l-orizzonti tagħhom, kemm dawk akkademiċi u kemm dawk li mhumiex. Minbarra esperjenzi ta’ xogħol, l-oqsma li toffri d-DegreePlus jinkludu x-Xogħol Volontarju, l-Intraprenditorija, l-Isport, Il-Kultura u l-Wirt Storiku, il-Lingwi, il-Mużika, u l-Arti Performattiva u Kreattiva. Dan kollu jassigura li l-gradwati tal-Università jirċievu edukazzjoni terzjarja sħiħa li tippermettilhom li jaħdmu aħjar fis-soċjetà.

L-istudenti jistgħu jsibu l-informazzjoni kollha u japplikaw għall-esperjenzi ta’ xogħol permezz tas-sit elettroniku tal-Università ta’ Malta (www.um.edu.mt/placements) jew l-app tal-mobile TM Careers.  Din l-app, li hi disponibbli kemm għall-apparat Android jew IOS, tnediet dan l-aħħar minn Transport Malta bħala parti mill-isforzi tagħha ta’ reklutaġġ, u tagħti informazzjoni dwar karrieri, esperjenzi ta’ xogħol, u opportunitajiet ta’ xogħol ma’ TM. Dan is-sit huwa partikolarment utli għall-istudenti għax jistgħu jistaqsu dwar karrieri, u jiġu infurmati meta xi post tax-xogħol ikun disponibbli. Transport Malta ser ikunu wkoll qed jippreżentaw opportunitajiet ta’ karrieri u esperjenzi ta’ xogħol matul it-tlett ijiem tal-Careers Expo tal-KSU, li tibda għada fl-Università. Impjegati ta’ TM ser jitkellmu ma’ studenti u jagħtu tagħrif fuq il-possibbiltà ta’ karrieri li ta’ spiss ikunu injorati.

Iċ-Chairman u CEO ta’ Transport Malta, is-Sur James Piscopo qal, 'Transport Malta hija impenjata li kontinwament issaħħaħ ir-riżorsi umani tagħha, tinvesti f’talent ġdid u tiżviluppa l-kapaċità li tilħaq l-għanijiet tagħha. Impjegati mħarrġin sew huma imprezzabbli għal kull organizzazzjoni, aktar u aktar għal entità bħal Transport Malta li tiffaċċja sfidi ġodda kuljum.  Il-kollaborazzjoni tagħna mal-Università ta’ Malta tgħinna nilqgħu talenti, enerġija u ideat ġodda.'

Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella qal li dawn l-apprentistati jagħtu esperjenza sħiħa u ta’ siwi għall-istudenti, li tikkumplimenta l-istudji tagħhom meta fid-dinja tax-xogħol ikunu jridu jsolvu kwistjonijiet prattiċi ta’ kuljum. Permezz tal-ħidma tagħhom flimkien, l-Università u TM setgħu jfasslu numru ta’ esperjenzi ta’ xogħol maħsuba speċifikament għall-bżonnijiet u fl-aħjar interess tal-istudent u li fl-istess ħin jgħinu lil TM jsibu nies imħarrġa li għandhom bżonn. Din hija sitwazzjoni li jiggwadanja minnha kulħadd, TM, l-Università u l-istudenti tagħha. Huwa ttamat li entitajiet oħra u min iħaddem jipproponu esperjenzi ta’ xogħol ġodda bħal dawn.

 


 

Tnedija ta’ CloudIsle

Cloudisle press conference

L-Università ta’ Malta u l-Awtorità tal-Ippjanar illum nedew serje ta’ mapep 3D bażiċi ta’ Malta li saru permezz tal-laser (LiDAR). Dan is-servizz se jservi ta’ bażi għal riċerka f’diversi oqsma li jittrattaw temi marbuta. Il-Professur Formosa mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà nieda r-riżultati tal-ħidma tiegħu li damet sentejn biex jaqleb id-data u joħloq mappa ta’ bażi li fuqha tista’ tiġi magħquda informazzjoni ġdida li toħroġ  minn proġetti dwar l-ispazju f’ambjent 3D. It-tnedija saret fiż-żmien li ż-żewġ entitajiet irnexxielhom jgħaqqdu flimkien b’suċċess  entitajiet governattivi sabiex joħolqu sistemi integrati ta’ informazzjoni dwar l-ispazju, permezz tal-proġett SIntegraM.

Il-Professur Formosa wera l-għodod tal-mappa 3D li tkopri ż-żona tal-art tal-Gżejjer Maltin u ż-żona batimetrika tal-baħar sa mil nawtiku.

Ir-riżultati wrew pajsaġġi interattivi tal-art kif ukoll tal-baħar b’mod 3D realistiku bbażat fuq koordinati li setgħu jsiru permezz ta’ proġett tal-FEŻR 2007-2014. Id-data permezz tal-laser ġiet integrata ma’ xbihat mill-ajru li taw stampa realistika tal-Gżejjer Maltin.

Cloudisle tressqet bħala l-għodda bażika għal analiżi tal-perspettiva fejn min jagħmel użu tas-sistema  jista’ jesplora d-data u jara ż-żona ta’ interess għalih b’modi ġodda, b’mod partikulari ż-żoni bbażati fuq il-baħar li għadhom kemm ġew ippubblikati.  Il-konferenza wriet ukoll oġġetti taħt il-baħar, kif persuni li qed jagħmlu użu mis-sistema jistgħu josservaw kemm jogħla l-livell tal-baħar u mill-banda l-oħra jistgħu jaraw ukoll xtajtiet antiki. Minbarra hekk, il-faċilità tal-għodda biex tkejjel u tikkalkula għoli, distanzi u meded, se tgħin ħafna lil min juża dawn l-għodod biex jikseb aktar għerf ibbażat fuq informazzjoni.

L-aktar parti interessanti tal-konferenza kellha x’taqsam mal-produzzjoni ta’ 4 biljun punt ta’ data li wkoll tat xi skoperti ġodda, li ġew ippreżentati waqt il-konferenza, b’mod partikulari l-kavità tal-Għariebel.

Ir-Rettur, il-Professur Alfred Vella qal li l-prodott finali huwa għodda essenzjali minħabba l-bixra speċjalizzata u multi-dixxiplinarja tiegħu li jippermettu lil xjenzjati u prattikanti li jaħdmu flimkien u jaslu għal  politika bbażata fuq l-għerf kif ukoll jagħmlu skoperti ta’ riżultati ġodda mir-riċerka.  Il-Professur Vella semma r-riżultat potenzjali tal-użu ta’ dawn is-settijiet ta’ data ta’ bażi minħabba l-importanza kruċjali  tagħha għal xjenzjati ambjentali, it-trasport, l-input mill-NGOs, l-esperti forensiċi, it-turiżmu virtwali, mużewijiet virtwali, il-preparazzjoni tal-protezzjoni ċivili u l-kontrolli ta’ wara d-diżastri kif ukoll għall-mogħdija taż-żmien u rekreazzjoni, entużjasti tal-għadis, entużjasti tal-logħob u benefiċjarji oħra.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, is-Sur Johann Buttigieg iddeskriva l-impatti li prodott bħal dan ikollu fuq l-ippjanar dwar l-ispazju u kif il-kollaborazzjoni bejn l-akkademiċi u l-fergħat operattivi tal-ippjanar tal-ispazju ltaqgħu permezz ta’ legat ta’ servizzi online dwar l-ispazju, fosthom il-mapserver tal-Awtorità tal-Ippjanar li ġiet imtejba dan l-aħħar.  Is-Sur Buttigieg informa lill-ġurnalisti li l-saffi  tad-data tal-Cloudisle se jkunu wkoll disponibbli permezz ta’ għażla ġdida fuq il-mapserver tal-Awtorità tal-Ippjanar.  Huwa semma wkoll il-proġett SIntegraM li se jkun il-pedament għall-kisba ta’ għodda u metodi li jkomplu jibnu fuq il-prodott Cloudisle u jtejbuh, u jwiegħed aktar kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet.

Dr Andrew Azzopardi, Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà ta analiżi kritika tal-ktieb il-ġdid tal-Prof. Formosa dwar Emergent Realities (Realtajiet Ġodda) li jittratta studji li għandhom x’jaqsmu mal-użu tad-data LiDAR u kif data 3D li tintwera fi Cloudisle tintuża għat-tisħiħ tas-soċjetà.

 


 

L-Uffiċċju tal-MATSEC jirriċerka t-tipa ppreferuta

L-Uffiċċju tal-MATSEC għamel riċerka biex ikollu informazzjoni dwar jekk id-diversi tipi użati jinqrawx aħjar minn kandidati fl-eżamijiet, u jekk kandidati b’dislessja għandhomx preferenzi differenti. L-għan ta’ dan l-artiklu qasir huwa li jipprovdi fil-qosor ir-riżultati tar-riċerka filwaqt li jħeġġeġ lill-pubbliku biex jipprovdi risposti infurmati lill-Uffiċċju tal-MATSEC.

L-eżamijiet tal-MATSEC bħalissa huma miktuba bl-użu tat-Times New Roman għax din it-tipa, minbarra l-fatt li kienet it-tipa standard fil-Microsoft Word, tippermetti lill-qarrejja jagħmlu differenza bejn in-numru ‘1’, l-ittra kapitali ‘i’, u l-ittra ‘l’. Iżda, korpi differenti ssuġġerew l-użu ta’ tipografiji oħra bħall-Arial, Georgia, Verdana, u Helvetica fost oħrajn. Tipi oħra, bħall-Comic Sans, ġew issuġġeriti b’mod speċifiku għal kandidati bid-dislessja.

L-Uffiċċju tal-MATSEC ħolqot żewġ sondaġġi sabiex jiskopri liema tipa minn għażla ta’ disa’ tipi jippreferu dawk li jirrispondu. Mill-ewwel sondaġġ ħarġu r-riżultati li ġejjin:
(i) ma ġietx meqjusa d-differenza fil-kobor tat-tipa, (ii) intbagħat lil 3,000 persuna li kienu kandidati fl-eżami tal-MATSEC fil-passat, (iii) irrispondew 458 persuna, u (iv) issuġġerew li Verdana hija t-tipa ppreferuta.  
 
Sadattant, it-tieni sondaġġ wassal għal riżultati kemxejn differenti: (i) kien jinkludi tweġibiet minn 314-il parteċipant, (ii) intbagħat lill-iskejjel sekondarji u post-sekondarji kollha, (iii) ġiet meqjusa d-differenza fil-kobor tat-tipa, (iv) is-sondaġġ issuġġerixxa wkoll il-Verdana bħala t-tipa ppreferuta.

Iżda ta’ min jinnota li, meta l-kobor tat-tipa ġiet meqjusa, il-pożizzjoni tat-tipa fil-klassifika inbidlet. Ngħidu aħna, kien hemm ammont konsiderevoli li ppreferew l-Arial u d-differenza bejn din it-tipa u l-Verdana hija żgħira. Mill-banda l-oħra, il-Comic Sans ikklassifikat bħala t-tipa l-anqas ippreferuta meta ġie meqjus l-qies akbar tagħha.

Jeżistu xi differenzi bejn kandidati bid-dislessja u dawk mingħajr il-kundizzjoni.  Jeżistu wkoll differenzi żgħar bejn irġiel u nisa. Kandidati b’kundizzjoni (kemm jekk din hija dislessja kif ukoll jekk le) u kandidati rġiel għażlu t-tipa Arial aktar milli l- Verdana. Iżda, wara aktar investigazzjoni instab li fl-Arial m'hemmx distinzjoni bejn l-ittra ‘l’ u l-ittra kapitali ‘i’. Għalhekk l-Arial mhix meqjusa bħala tipa adattata biex tintuża fil-karti tal-eżamijiet.
   
B’riżultat ta’ din l-informazzjoni kollha, jidher li t-tipa Verdana hija t-tipa magħżula biex jinqara t-test. Madanakollu, l-Uffiċċju tal-MATSEC jilqa’ risposti infurmati sal-31 ta’ Marzu 2017. Ir-rapport sħiħ jinsab fis-sezzjoni Research Reports fuq is-sit elettroniku tal-MATSEC: www.um.edu.mt/matsec/reports/researchreports. Ir-risposti jiġu aċċettati fuq matsec@um.edu.mt

 


 

Il-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli u l-Università ta’ Malta jiffirmaw Memorandum ta’ Ftehim

Iffirmar ta' ftehim

Il-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli (The Responsible Gaming Foundation – RGF) irrappreżentata mill-Onor. Silvio Schembri u l-Università ta’ Malta (UM) irrappreżentata mir-Rettur, il-Professur Alfred J. Vella, iffirmaw Ftehim li jispeċifika l-oqsma ta’ kooperazzjoni reċiproka.  Saret konferenza stampa fl-Università ta’ Malta, li kienet indirizzata mill-Onor. Emmanuel Mallia, Ministru għall-Kompetittività u Ekonomija Diġitali, Marittima u tas-Servizzi, l-Onor. Schembri, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli, is-CEO ta’ Maltco, is-Sur Vasileios Kasiotakis, u r-Rettur tal-Università, il-Professur Vella, fil-preżenza ta' Dr Andrew Azzopardi, Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, u tal-Onor. Kristy Debono.

Il-missjoni tal-RGF tinkludi l-ħolqien ta’ għarfien aktar wiesa’ tal-kobor tal-problemi assoċjati mal-logħob f’Malta, kif ukoll il-kawżi possibbli u l-konsegwenzi tagħhom, bil-ħsieb li tipprevenihom, u li tipprovdi l-appoġġ u l-pariri meħtieġa għal lagħâba tal-azzard bi problema u d-dipendenti tagħhom, fl-isforzi tagħhom biex jirpiljaw. Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli huwa li tappoġġja u tippromwovi aktar riċerka dwar il-problemi tal-logħob tal-azzard. L-Università, mill-banda l-oħra, għandha l-għerf u l-kompetenza meħtieġa, u lesta li tappoġġja lill-RGF fil-missjoni tagħha u l-għanijiet speċifiċi tagħha, primarjament permezz tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà.

Għal dan il-għan, l-RGF qed toffri numru ta’ boroż ta’ studju kull sena għal studenti biex isegwu grad ta’ Master f’oqsma relatati mal-Logħob Responsabbli. Il-Memorandum jaħseb għal kondiviżjoni ta’ data, (bil-miżuri meħtieġa sabiex iħarsu d-drittijiet etiċi, legali u tal-privatezza tal-parteċipanti), l-aċċess għal-Librerija tal-Università għall-istudenti universitarji kollha li jirċievu l-borża ta’ studju u għall-istaff tal-RGF, u l-kollaborazzjoni fir-riċerka – inkluż ħidma flimkien sabiex jinkisbu fondi għal din ir-riċerka mill-Gvern, l-industrija u partijiet interessati oħra.  Iż-żewġ entitajiet għandhom jaħdmu flimkien ukoll sabiex ikabbru kemm jistgħu t-tixrid tal-għerf u l-informazzjoni ġġenerata minn din ir-riċerka u jassiguraw li r-riżultati mir-riċerka jkunu disponibbli għal dawk li b’mod dirett ifasslu l-politika/jieħdu deċiżjonijiet, u għal riċerkaturi prospettivi.  L-RGF tara wkoll li tesplora l-possibilitajiet ta’ apprentistat fl-industrija, filwaqt li l-Università tkun tista’ tanalizza dawn l-esperjenzi.

Il-Ministru Emmanuel Mallia qal li din l-inizjattiva se tkun ta’ benefiċċju kbir għaż-żewġ entitajiet biex jifhmu u jħarsu lill-pubbliku minn problemi soċjali li għandhom x’jaqsmu mal-abbuż tal-logħob u mal-logħob irresponsabbli.  Il-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli teħtieġ l-għajnuna ta’ entitajiet edukattivi bħall-Università ta’ Malta fir-riċerka u fehim aħjar fil-qasam tal-logħob biex tiżdied il-kuxjenza dwar id-dipendenza fuq il-logħob u biex jitfasslu politiki effettivi.  Il-Ministru Emmanuel Mallia saħaq li dan l-għan jista’ jintlaħaq permezz ta’ studju profond u t-tkabbir tal-għarfien dwar dan is-settur.

L-Onor. Silvio Schembri saħaq dwar l-importanza tar-riċerka fis-settur tal-logħob.  Huwa sostna li r-riċerka ttejjeb it-trattament mogħti lill-vittmi ta’ dipendenza fuq il-logħob tal-azzard u tibbenefika l-prattika tax-xogħol soċjali b’mod ġenerali.  Il-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli, permezz tal-kampanji differenti tagħha, li jinkludu l-Outreach and Educational Campaign, qed tistinka biex tilħaq vittmi tal-logħob u tipprovdilhom l-appoġġ meħtieġ.

Is-Sur Kasiotakis qal li l-progress jista’ jsir biss permezz tar-riċerka, u l-Maltco Lotteries għażlet li tkun parti minn din l-ewwel inizjattiva għal riċerka - investiment li l-ġenerazzjoni li ġejja u dik ta’ warajha jibqgħu jibnu fuqha.  Għalhekk is-Sur Kasiotakis esprima s-sodisfazzjon u s-sens ta’ kburija tiegħu dwar l-isponsorship billi dan huwa meħtieġ għall-Operatur Nazzjonali, għall-industrija lokali tal-logħob, iżda l-aktar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella, laqa’ l-kollaborazzjoni mal-RGF u l-iskema offruta ta’ boroż ta’ studju.  Huwa qal li l-benefiċjarji ser jiksbu għarfien speċjalizzat f’aspetti tal-logħob bħal Logħob Responsabbli, l-Infrastruttura tal-Logħob tal-Azzard, Iż-Żgħazagħ u l-Logħob tal-Azzard, It-toroq li jwassal għalihom il-Logħob tal-Azzard u l-Familja.  Huwa kkummenta li dawn huma oqsma fejn hemm nuqqas ta’ studju u għalhekk, ir-riċerka tal-istudeni se tikkontribwixxi għal kisba akkademika f’din l-isfera u sservi wkoll bħala bażi għall-iżvilupp ta’ politika u prattika fis-settur.

 


 

L-Arċisqof Charles Scicluna jżur il-proġett LifeMedGreenRoof

arcisqofgreenroof 

 

L–Eċċellenza Tiegħu l-Arċisqof Charles Scicluna żar il-proġett LifeMedGreenRoof li huwa inizzjattiva tal-Fakultà tal-Ambjent Mibni fl-Università ta’ Malta. L-għan ta’ dan il-proġett hu li jsir studju inizjali dwar il-bjut imħaddra sabiex tiġi ntrodotta din it-teknoloġija fl-ibliet u rħula lokali. Il-bjut imħaddra għandhom il-kapaċità li jrendu ż-żoni urbani aktar sostenibbli billi jnaqqsu il-problemi assoċjati mal-urban sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja  tar-residenti. 

Għall-Knisja l-kwalità  tal-ħajja hija ta’ importanza kbira.  Bosta huma l-istudji li juru li l-benessere tan-nies hija riflessa fil-kwalità tal-ambjent naturali.  L-iżvilupp eċċessiv u d-degradazzjoni tal-ambjent għandu impatt negattiv fuq il-ħajja tal-bniedem.  Ġeneralment dan l-impatt jew nintebħu bih tard wisq, jew ma jingħatax l-importanza li jistħoqqlu kemm mill-pubbliku kif ukoll mill-awtoritajiet.   Il-konsumiżmu u l-materjaliżmu jistgħu joħolqu soċjetà egoista li la tikkonsidra l-konsegwenzi tal-għaġir tagħha, wisq anqas terfa’ r-responsabilità meħtieġa. Dan l-għaġir ma jikkonsidrax lill dawk l-aktar fil-bżonn.

Fl-enċiklika tiegħu Laudato si’, il-Papa Franġisku talab għal azzjoni magħquda globali u bla dewmien rigward il-protezzjoni tal-ambjent naturali. Huwa ta’ tħassib għall-Knisja l-ħsara ambjentali minħabba l-iżvilupp bla qies u attivita’ umana oħra li ma tikkalkulax l-impatt fuq l-ambjent.  In-natura hija ħolqien t’Alla u wirt li l-bniedem għandu jipproteġi.  Hija ta’ sfortuna li ħafna minn dawk li jgħixu fl-ibliet jinsew li l-bniedem huwa parti min-natura (mill-2014, aktar minn nofs il-popolazzjoni dinjija qed tgħix f’żoni urbani).  Tant jitbiegħdu mill-kuntatt dirett man-natura li jaslu biex jemmnu li l-bniedem huwa entità separata min-natura u li kapaċi jeżisti mingħajrha.  Dan mhux il-każ għax mingħajr in-natura, il-bniedem jispiċċa.  In-natura tipprovdi dawk li jissejħu servizzi tal-ekosistema bħal per eżempju l-ikel u l-ilma,  d-dakkir tal-pjanti, il-provvediment ta’ materiali prima u ħafna iktar bżonnijiet essenzjali għall-bniedem.  Dawn jagħtu lill-ħajjitna aktar valur, paċi u serħan il-moħħ. 

L-ambjent naturali għandna nipproteġuh mhux biss sabiex il-bniedem ikun jista’ jgħix b’saħħtu, iżda għandna l-obbligu morali li nipproteġuh ukoll minħabba l-valur intrinsiku tiegħu.  Il-bjut imħaddra huma mezz kif nistgħu nagħtu lura lill-ambjent parti minn dak li ttieħed minħabba l-urbaniżmu, fl-istess ħin inkunu qed noħolqu
ambjenti attraenti u pjaċevoli għalina l-bnedmin sabiex ngħixu fihom.  Dan m’għandux ifisser li bil-bjut imħaddra nistgħu nibqgħu nibnu kif ġieb u laħaq.  Il-bjut imħaddra qegħdin hemm sabiex itaffu mill-problemi li qed jinħolqu minħabba kwistonijiet relatati ma’ urbaniżmu fosthom it-tibdil fil-klima.  

Il-benefiċċji tal-bjut imħaddra huma ddokumentati sewwa lil hinn minn xtutna, u dan jixhduh dawk il-ħafna pajjiżi avvanzati li jipprovdu inċentivi u direttivi sabiex iħajjru l-bini ta’ dawn il-ġonna fuq il-bjut.  Is-sistemi tal-bjut imħaddra joffru ħafna benefiċji bħal insulazzjoni kontra l-qilla tax-xemx, inaqqsu l-għargħar u jnaddfu l-arja mit-tniġġis filwaqt li joffru kenn u ikel lil numru kbir ta’ ħlejjaq bħalma huma n-naħal li qed isofru minħabba l-użu tal-bexx u kimiċi oħra.

Sal-lum il-ġurnata, il-Proġett LifeMedGreenRoof, wera li l-bjut imħaddra jistgħu jinbnew bil-kunfidenza kollha f’pajjiżna mingħajr ma ssir ħsara lill-bini u mingħajr il-biża’ li jidħol ilma minn ġos-saqaf għal  kmamar ta’ taħt.  It-tip ta’ pjanti li jitkabbru jiddettaw it-tip u l-kwantità ta’ manteniment u ilma li  wieħed juża.  Pjanti indiġini jew ta’ tip Mediterranju jesieġu ftit manutenzjoni u ftit ilma.   Jidher ċar ukoll li bil-bjut imħaddra jintefa’ inqas ilma tax-xita fit-toroq u jonqos l-użu tal-arja kkondizzjonata minħabba l-insulazzjoni effettiva tas-sistema.  

Il-proġett LifeMedGreenRoof huwa parzjalment iffinanzjat mill-LIFE+ li huwa l-istrument finanzjarju tal-UE li jappoġġa proġetti ambjentali u ta’ konservazzjoni.  Għal aktar informazzjoni żur is-sit jew ibagħad emejl lil lifemedgreenroof@um.edu.mt

Għal aktar ritratt żur Facebook.

 


 

Il-Politika fil-letteratura

Il-politika fil-letteratura

 


 

Opportunità biex tistudja bil-pass tiegħek fl-Università ta’ Malta

plas16-17


L-Università ta’ Malta bħalissa qed tilqa’ applikazzjonijiet għal korsijiet qosra fil-Programm għall-Arti u x-Xjenzi Liberali (PLAS) bejn Frar u Mejju. Dan il-Programm jagħti l-opportunità lil studenti prospettivi biex jistudjaw b’mod flessibbli u bil-pass tagħhom billi jirreġistraw għal kemm-il kors qasir (taqsima) jixtiequ. Kull taqsima tikkonsisti f’madwar 28 siegħa ta’ lezzjonijiet li normalment isiru bejn is-6 u t-8 ta' filgħaxija, mifruxin fuq 14-il ġimgħa.

Il-korsijiet qosra offruti fis-semestru li ġej jinkludu suġġetti bħall-Ekonomija, il-Filosofija, il-Kriminoloġija, il-Fantaxjenza, il-Kultura tas-Sanskrit, il-Marketing, il-Ġeografija Umana, il-Kostituzzjoni ta’ Malta, l-Astronomija, il-Miti Klassiċi, id-Dinosawri u l-Evoluzzjoni tal-Ħajja fid-Dinja, l-Istorja tal-Ilsien Malti u l-Arti Dekorattiva. Qed jiġu offruti wkoll numru ta’ PLAS Tech Units speċjalizzati fil-qasam tal-ICT, kif ukoll kors intensiv dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-previżjoni strateġika.       

Persuni li jixtiequ li jistudjaw l-Università għall-ewwel darba kif ukoll gradwati li qed ifittxu opportunitajiet ta’ żvilupp personali u professjonali jistgħu japplikaw għall-PLAS. Tagħrif dwar korsijiet qosra individwali u miżati jinsabu fuq is-sit taċ-Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali www.um.edu.mt/clas. L-applikazzjonijiet online jagħlqu nhar it-Tnejn 16 ta’ Jannar 2017. 


 


 

Pubblikazzjoni ġdida 'Island Studies' f’erba’ volumi ppreżentata lil-Librerija tal-Università ta’ Malta

islandstatesmalti

Il-pubblikazzjonijiet jixhdu l-ksib skolastiku u huma s-sies tal-ħajja akkademika. L-istudenti ‘jaqraw’ għad-degree tagħhom, li jimplika li l-mod ta’ ħajjet student universitarju huwa mogħdija b’varjetà ta’ ‘pubblikazzjonijiet’ imxerrda fiha, illum il-ġurnata kemm dawk li huma kopji iebsa/konvenzjonali u kemm dawk li huma kopji soft/diġitali.

L-istaff akkademiku tal-Università ta’ Malta (UM) mhux biss joffri l-appoġġ tiegħu fl-iżvilupp akkademiku tal-istudenti tiegħu billi jissuġġerixxi u jevalwa b’mod analitiku u ddettaljat il-pubblikazzjonijiet, imma wkoll billi jirrakkomanda dawk tiegħu. Ix-xejra ta’ profil akkademiku sserraħ fuq tliet ‘saqajn’ – tagħlim, taħriġ, u mentoring fil-klassi, uffiċċju, jew laboratorju; l-outreach u l-appoġġ għall-amministrazzjoni tal-Università kif ukoll fis-soċjetà aktar wiesgħa; u r-riċerka rrappreżentata minn dak kollu li wieħed f’ismu jipproduċi akkademikament.

Din tal-aħħar hija xhieda ta’ rigorożità akkademika u fowkus ta’ riċerka, li jwessgħu l-fruntieri tal-għerf; hija wkoll għelm ta’ eċċellenza akkademika, assessjata permezz tal-kwantità u l-kwalità ta’ xogħol akkademiku.

L-Open Access Repository (OAR@UoM) fil-Librerija tal-Università ta’ Malta hija s-sit li żżomm il-produzzjoni akkademika tal-komunità tal-Università ta’ Malta (u tinkludi t-teżijiet tal-istudenti). Ktieb, paper, jew artiklu f’journal ikun aktar magħruf jekk ikun inkluż f’post depożitarju bħal OAR@UoM, mnejn wieħed ikun jista’ jġibu b’mod ħafif bħala sors. 

Barra minn hekk, tiftix ta’ malajr bl-użu tas-search engines fuq l-internet juri l-‘kalibru’ tal-pubblikazzjonijiet ta’ dak li jkun permezz tar-rekord tar-referenzi. Scopus, Mendeley, Google Scholar... kull wieħed minnhom jippermetti aċċess miftuħ għal xi profili ta’ akkademiċi, u jindika l-kwantità u l-kwalità tal-kisbiet skolastiċi tagħhom – dan tal-aħħar permezz tal-għadd ta’ referenzi (mhux magħmulin minnhom stess). Pereżempju, Goggle Scholar jirrankja lir-riċerkaturi minn istituzzjonijiet partikulari, inkluża l-Università ta’ Malta, fuq il-bażi tan-numru tar-referenzi tagħhom (in-numru tar-referenzi huwa indikattiv tal-kwantità u l-kwalità tal-pubblikazzjonijiet). Ara hawn.

Dan kollu ntwera nhar il-Ġimgħa filgħodu (06.01.2017) meta l-Pro-Rettur tal-UM, il-Professur Godfrey Baldacchino, ippreżenta kopja tal-pubblikazzjoni reċenti tiegħu, l-erba’ volumi bl-isem Island Studies lil-Librerija tal-Università.

Il-Professur Baldacchino nqeda b’din l-opportunità sabiex iħeġġeġ lill-akkademiċi tal-UM biex japplowdjaw il-produzzjoni tar-riċerka tagħhom fuq ir-Repożitorju Istituzzjonali tal-Università OAR@UoM. Matul l-avveniment Godfrey Baldacchino ta demonstrazzjoni live ta’ dak li Google Scholar kellu x’jgħid fuq ir-riċerkaturi tal-UM.

 


 

 

< Ta' qabel 1 2 3 4 Li jmiss >

 
 

Log In