L-Università ta' Malta
 

Ix-Xjenza fil-Belt mhix biss għat-tfal
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

Adulti

Science in the City mhix biss għat-tfal


Il-festival Malti ta’ xjenza u arti, Science in the City, li se jsir fil-belt Valletta l-Ġimgħa 29 ta’ Settembru bejn is-6 filgħaxija u nofsillejl, hu magħruf bħala festival għall-familja kollha b’attivitajiet interattivi, xows tax-xjenza u logħob. Imma hemm ħafna aktar. Il-festival ta’ din is-sena ser ikun qed jiffoka fuq firxa ta’ attivatjiet maħsuba għall-adulti li jvarjaw minn taħdidiet sa wiri tas-serje Sci-Fi, Black Mirror.   

Wieħed jista’ jibda b’mixja rilassanti f’Triq ir-Repubblika u jħares lejn l-imwejjed mixgħulin. Ma’ dawn l-imwejjed ser ikun hemm uħud mill-aqwa riċerkaturi ta’ Malta libsin flokk ikkulurit. Kun żġur li ma titlifx l-opportunità li titkellem magħhom u tistaqsihom mistoqsijiet li jista’ jkollok fuq suġġetti li jvarjaw mill-univers li dejjem qed jespandi sa kif jintużaw id-drowns fl-Arkeoloġija.   

Wara, fil-kamra taċ-ċinema tal-Kavallier ta' San Ġakbu u isma l-aqwa taħdidiet ta’ Malta Cafe’ Sci fl-edizzjoni tal-2017. Dr Stefano Gualeni se jindirizza d-dilemma tat-Tiġieġa u l-Bajda billi jiggwidak fuq esperiment tal-ħsieb li ġġagħlek tiddefinixxi mill-ġdid xi tfisser il-kelma ‘soppa’. Dr Sebastiano D’Amico se jkun qed jitħadded dwar il-ġeoloġija tad-dinja. Filwaqt li Dr Alessio Magro u Dr Andre’ De Macro se jkunu qed jitkellmu dwar l-ikbar esperiment tad-dinja li għadu se jibda fl-Afrika t'Isfel u l-Awstralja. Dan l-esperiment, li jinvolvi anki lil Malta, se jgħin biex jinkixxfu s-sigrieti tal-galassji tagħna.

Fil-Ġonna ta’ Hasting se jkun hemm THINKtalks, inizjattiva ġdida mill-magazin Think biex min jattendi l-Festival jiltaqa’ mal-kittieba tal-artikli ta’ Think. Hu sehem f’diskussjonijiet dwar il-provvista ta’ ilma ħelu f’Malta, skopri kif Malta għandha rwol ewlieni fl-iżvilupp ta’ teknoloġija użata minn manifattur globali tal-isports, jew kif green roofs jistgħu jħaddru dawn il-ġżejjer. L-organizzazzjonijiet tal-istudenti Insite, GHSL, Hybrid u MHSA qed jorganizzaw taħdidiet xjentifiċi dwar suġġetti bħal cybercrime, donazzjonijiet tal-organi, marijuana, surrogacy u robots. 

Ħdejn Bieb il-Belt, fuq it-taraġ maġenb il-Parlament, CineXjenza se tkun qed turi ftit episodji mis-serje popolari tas-Sci-Fi, Black Mirror. Wara li jintwerew dan l-espisodji se jkun hemm diskussjoni dwar augmented reality, magni li jikkupjaw l-imġieba tal-bniedem, u mod ta’ kif tista’ tibblokka persuna. Dawn id-diskussjonijiet se jitmexxew mill-Prof. Alexiei Dingli u Prof. Georgios Yannakakis li r-riċerka tagħhom ispirat wieħed mill-episodji tas-serje.

Ix-Xjenza fil-Belt – il-festival ta’ Lejlet ir-Riċerkaturi Ewropej, hu organizzat mill-Università ta’ Malta, il-Fond tar-Riċerka (RIDT), il-Kamra Maltija tax-Xjentisti, flimkien ma’ għadd kbir ta’ msieħba. Dan hu ffinanzjata mill-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Horizon 2020 (H2020, 2014-2020) tal-Kummissjoni Ewropea mill-Marie Skłodowska-Curie Actions, u hu rikonoxxut bħala festival mill-Europe for Festivals and Festivals for Europe (EFFE). Il-festival għandu l-appoġġ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, l-aġenzija BPC International u għadd ta’ sponsors korporattivi.

Il-programm sħiħ jinsab fuq: www.scienceinthecity.org.mt Jista’ jkun segwit ukoll fuq Facebook għall-aktar aġġornamenti: www.facebook.com/ScienceInTheCityMalta


 
 
Aġġornata l-aħħar: 25/9/2017

Log In