L-Università ta' Malta
 

Ix-xjenza u l-arti jiltaqgħu fil-festival Xjenza fil-Belt
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

Blood Wedding

Iż-żeffiena Emma Louise Walker u Kostas Papamatthaisakis f’att minn Blood Wedding ta’ Lucía Piquero (photo credit: John Ambrogio)

Fit-toroq tal-belt Valletta se jittellgħu numru ta’ attivitajiet artistiċi, fosthom drammi, skulturi, żfin u band tal-jazz biex jiċċelebraw ir-riċerka f’Malta b’diversi modi waqt il-festival Xjenza fil-Belt, il-Ġimgħa 29 ta’ Settembru mis-6 ta' filgħaxija ’l quddiem.

Iż-żifna interattiva Science of Dance, ikkoordinata minn Lucia Picquero, se toħloq mudell ta’ moħħ ta’ bniedem fuq il-palk. Iż-żeffiena se jirrappreżentaw il-konessjonijiet newronali ġewwa l-moħħ u, permezz tal-movimenti, juru kif jaħdem il-moħħ, u d-differenzi bejn moħħ b’saħħtu u wieħed marid. L-udjenza tkun mistiedna  tosserva sew x’ikun qed jiġri fl-imħuħ.  

Is-sessjonijiet ta’ Jazz for the Brain (il-kunċert se jittella’ fit-28 ta’ Settembru fid-9 ta' filgħaxija filwaqt li fid-29 ta’ Settembru se jsiru serje ta’ kunċerti qosra mis-7 filgħaxija ‘l quddiem) se jinvolvi lill-mużiċisti tal-jazz jimprovizzaw il-mużika tagħhom skont l-istampa tal-moħħ li qed jaraw. Il-kunċerti se jsiru fil-Knisja ta’ Santa Barbara fi Triq ir-Repubblika. 

Id-dramm Get Your Act Together, imtellgħa minn More or Less Theatre, se ssir fi Spazju Kreattiv (St James Cavalier) fis-7.30 ta' filgħaxija. Il-proġett qed juża d-dramm biex iqajjem diskussjonijiet dwar kwistjonijiet tas-soċjetà, fosthom il-kanċer u s-suwiċidju. Id-dramm jolqot ukoll ir-riċerka xjentifika f'dawn is-suġġetti. Dan il-proġett li ilu għaddej sentejn qed isir l-ewwel darba, b’qari esklussiv għat-teatru.

Fi Spazju Kreattiv se jkun hemm ukoll għall-wiri skultura, bl-isem “Transmission Interrupted”, minn Martina Camilleri mill-MCAST. Din l-iskultura tirrappreżenta l-ħsara li t-teknoloġija tas-sonar għamlet fuq kif il-ħlejjaq tal-baħar jikkomunikaw. L-istruttura tikkombina flimkien materjali magħmulin mill-bniedem ma’ ħsejjes partikolari ta’ taħt il-baħar. L-iskultura se tkun għall-wiri fl-Atrium ġimgħa qabel Xjenza fil-Belt, u fid-9pm dakinhar tal-festival. 

L-ologramma Light Pushes Stuff, (hologram) magħmula mid-dawl, flimkien ma’ attivitajiet oħra kreattivi se jseħħu f’għadd ta’ postijiet madwar il-Belt. L-għan hu li l-festival ta’ din is-sena jkun l-isbaħ wieħed li qatt sar s’issa.  

Ix-Xjenza fil-Belt – il-festival ta’ Lejlet ir-Riċerkaturi Ewropej, hu organizzat mill-Università ta’ Malta, il-Fond tar-Riċerka (RIDT), il-Kamra Maltija tax-Xjentisti, flimkien ma’ għadd kbir ta’ msieħba. Dan hu ffinanzjata mill-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Horizon 2020 (H2020, 2014-2020) tal-Kummissjoni Ewropea mill-Marie Skłodowska-Curie Actions, u hu rikonoxxut bħala festival mill-Europe for Festivals and Festivals for Europe (EFFE). Il-festival għandu l-appoġġ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, l-aġenzija BPC International u għadd ta’ sponsors korporattivi.

Il-programm sħiħ jinsab fuq: www.scienceinthecity.org.mt Jista’ jkun segwit ukoll fuq Facebook għall-aktar aġġornamenti: www.facebook.com/ScienceInTheCityMalta

 
 
Aġġornata l-aħħar: 25/9/2017

Log In