Daqqa t’Għajn
L-Università hija l-ogħla istituzzjoni edukattiva tal-Istat iffinanzjata minnu, u hija miftuħa għal kull min ikollu l-kwalifiki meħtieġa. F’dawn l-aħħar snin, l-Università għamlet il-bidliet meħtieġa fl-istrutturi tagħha biex tiġi taqbel mal-proċess ta’ Bologna u ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja. Billi hija konxja mir-rwol pubbliku tagħha, l-Università tagħmel ħilitha biex toħloq korsijiet li jkunu relevanti u li dlonk iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-pajjiż. L-ogħla korpi ta’ tmexxija fl-Università huma l-Kunsill u s-Senat.
Bħalissa studenti hemm madwar 10,000, u aktar minn 600 minnhom huma studenti barranin/fuq skambju minn kważi 60 pajjiż differenti. Dawn kollha qed isegwu korsijiet full-time jew part-time għal Grad jew diploma, li ħafna minnhom jimxu bis-sistema tal-moduli jew kredti. Hemm ukoll Kors ta’ Studji Bażiċi (Foundation Studies Course) li permezz tiegħu studenti internazzjonali mill-high school li jkunu temmew l-istudji sekondarji jew post-sekondarji barra minn Malta iżda ma jkollhomx il-kwalifiki meħtieġa biex jidħlu l-Università, ikunu jistgħu jikkwalifikaw biex jibdew kors ta’ qabel il-lawrja fl-Università ta’ Malta.
L-Università qed tindirizza l-ħtiġijiet infrastrutturali u industrijali tal-pajjiż biex tipprovdi l-ħila f’oqsma kruċjali. Kull sena jiggradwaw kważi 3,000 student f’diversi dixxiplini. Il-korsijiet li jwasslu għal Grad huma mfassla b’mod li jipproduċu professjonisti kkwalifikati ħafna, b’esperjenza fir-riċerka, li jistgħu jokkupaw karigi ewlenin fl-industrija, fil-kummerċ u fis-settur pubbliku in ġenerali. Hemm ukoll 2,800 student ieħor fil-qasam pre-universitarju fil-Junior College li huwa mmexxi mill-Università wkoll.
Il-Kampusijiet
Il-kampus prinċipali jinsab l-Imsida. Hemm żewġ kampusijiet oħra. Wieħed minn dawn huwa l-Kampus tal-Belt Valletta li qiegħed fil-Bini tal-Università l-Qadima li jmur lura għat-twaqqif tal-Collegium Melitense u jinkorpora l-Aula Magna. Il-Kampus tal-Belt Valletta jservi wkoll bħala ambjent prestiġġjuz biex jilqa’ konferenzi internazzjonali, seminars, korsijiet qosra u skejjel tas-sajf. Huwa wkoll il-post fejn isiru l-korsijiet tal-International Masters Programme u fejn tinsab il-Malta University Holding Company.
L-ieħor huwa l-Kampus t’Għawdex, fil-gżira oħt Malta, Għawdex, fejn jiġu offruti korsijiet part-time filgħaxija għal lawrja u diploma f’oqsma ta’ studju varji. Dan il-kampus jipprovdi wkoll post għal korsijiet qosra u seminars u fih hemm il-Guesten Atmospheric Research Centre, fi ħdan id-Dipartiment tal-Fiżika.
Il-Fakultajiet, l-Istituti u ċ-Ċentri
Illum l-Università għandha tlettax-il Fakultà: l-Ambjent Mibni; l-Arti; l-Ekonomija, il-Ġestjoni u l-Kontabbiltà; l-Edukazzjoni; l-Inġinerija; il-Kirurġija Dentali; il-Liġi; il-Mediċina u l-Kirurġija; il-Midja u x-Xjenzi tal-Għarfien; it-Teknoloġija tal-Informatika u l-Komunikazzjoni; it-Teoloġija; ix-Xjenza u x-Xjenzi tas-Saħħa.
Twaqqfu għadd ta’ Ċentri u Istituti interdixxiplinarji f’diversi oqsma. Fost dawn insibu l-Amministrazzjoni Pubblika u l-Management; l-Edukazzjoni Fiżika u l-Isport; l-Enerġija Sostenibbli; il-Gżejjer u l-Istati ż-Żgħar; l-Istudji Anglo-Taljani; l-Istudji tal-Barokk; l-Istudji Ewropej; l-Istudji Maltin; l-Istitut Konfuċju; l-Kriminoloġija; il-Lingwistika; is-Sistemi Ambjentali; l-Iżvilupp Sostenibbli; it-Turiżmu, l-Ivvjaġġar u l-Kultura; l-Istitut Edward De Bono għat-Tifsil u l-Iżvilupp tal-Ħsieb; l-Istitut tal-Mediterran u l-Akkademja Mediterranja għall-Istudji Diplomatiċi.
Iċ-Ċentri jinkludu: iċ-Ċentru għall-Edukazzjoni u r-Riċerka Ambjentali; iċ-Ċentru Ewro-Mediterranju għar-Riċerka Edukattiva; iċ-Ċentru Ewropew tal-Ġerontoloġija; iċ-Ċentru Ewropew għar-Reżiljenza fl-Edukazzjoni u s-Saħħa Emozzjonali u Soċjali; iċ-Ċentru għall-Istudji tal-Familja; iċ-Ċentru għall-Istudji tax-Xogħol; iċ-Ċentru tal-Litteriżmu; u iċ-Ċentru Operattiv Malti tal-Istitut Internazzjonali għall-Oċeani (IOI-MOC).
Fil-kampus hemm ukoll l-Istitut Internazzjonali għal-Liġi Marittima (IMLI) tal-IMO. Il-konkorrenza tal-pubbliku għall-Università tat-Tielet Età kienet inkoraġġanti ħafna, u s-sħubija fiha dejjem tiżdied u l-attendenza hija tajba għall-attivitajiet kollha.
L-Oqsma tar-Riċerka
Hemm numru ta’ oqsma li l-Università identifikathom bħala oqsma ta’ prijorità. Dawn jinkludu t-Teknoloġija tal-Informatika u l-Komunikazzjoni, l-Inġinerija, il-Kriminoloġija u s-Sostenibbiltà tal-Ġestjoni tar-Riżorsi Ambjentali. Oqsma oħra ta' prijorità huma l-kontribut tal-Università għat-titjib fl-edukazzjoni primarja u sekondarja u l-ħolqien ta’ rabtiet ma’ universitajiet oħra biex tistimula l-iskambji edukattivi fuq bażi internazzjonali.
L-Università ta’ Malta f’Ruma
Fl-aħħar snin, f’Ruma nfetaħ Link Campus. Għall-ewwel, qed jiġu offruti erba’ korsijiet ta’ qabel il-lawrja għall-Grad ta’ Baċċellerat fl-Arti fl-oqsma tal-Istudji Internazzjonali, il-Management Internazzjonali, l-Affarijiet Legali Internazzjonali u l-Management tal-Komunikazzjoni; kif ukoll korsijiet għall-Masters fl-aħħar żewġ oqsma u anke fl-Amministrazzjoni tal-Kummerċ (MBA) u fil-qasam tas-Servizz Sigriet u s-Sigurtà.
L-Università bħala Membru
L-Università ta’ Malta hija membru tal-Assoċjazzjoni tal-Universitajiet Ewropej, il-European Access Network, l-Assoċjazzjoni tal-Universitajiet tal-Commonwealth, il-Utrecht Network, is-Santander Network, il-Grupp ta’ Compostela, il-Europen Association for University Lifelong Learning (EUCEN) u l-Programm Internazzjonali ta’ Skambju tal-Istudenti (ISEP). Matul is-snin, l-Università ħadet sehem f’għadd ta’ programmi tal-UE u rebħet diversi proġetti b’kollaborazzjoni ma’ diversi universitajiet imseħbin oħra. Il-membri tal-istaff u l-istudenti tal-Università ta’ Malta jieħdu sehem regolarment ukoll fi programmi bħalma huma l-Erasmus u l-Leonardo.
Ir-Rabtiet mal-Industrija
Inħolqu rabtiet mal-Kamra tal-Kummerċ, il-Federazzjoni tal-Industrija u l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ biex jiġi stabbilit mod li bih l-Università, l-industrija, is-settur kummerċjali u s-settur pubbliku jkunu jistgħu jiżviluppaw djalogu bejniethom li jkun ta’ ġid għal kulħadd. Filwaqt li żżomm l-impjegaturi potenzjali mgħarrfin dwar l-għerf u l-ħiliet li qed jiksbu l-istudenti fl-università, l-Università tfittex li tassessja l-ħtiġijiet tad-diversi aspetti tas-suq tax-xogħol sabiex tkun tista’ toffri tagħlim relevanti u f’waqtu.
Il-Malta University Holding Company Ltd (MUHC)
Il-Malta University Holding Company Ltd (MUHC) tħaddan l-interessi kummerċjali tal-Università ta’ Malta. Il-kumpaniji fi ħdan il-Holding Company jservu bħala interface kummerċjali bejn l-Università ta’ Malta u l-komunità tan-negozju, jagħmluha ta’ sensara għar-riżorsi u l-assi tal-Università biex jipprovdu valur addizzjonali permezz ta’ attività kummerċjali.
Il-Malta University Holding Company Ltd tipprovdi direzzjoni strateġika u assistenza lill-kumpaniji tal-Grupp.
- Malta University Branded Merchandise
- Malta University Brodcasting
- Malta University Consulting
- Malta University Hospitality, Leisure & Sports
- Malta University Laboratory Services
- Malta University Language School (fil-Kampus tal-Imsida)
- Malta University Publishing
- Malta University Residence
- Professional Development
- The Kappara Hotel