II. Ir-riċerka u t-trasferiment tal-għarfien

II. Ir-riċerka u t-trasferiment tal-għarfien

Malta's flagGreat Britian's flag

 

Tema Strateġika II. Ir-Riċerka u t-Trasferiment tal-Għarfien

Inrawmu Riċerka b’Sinifikat Lokali, Reġjonali u Globali

“Ir-Riċerka u t-Trasferiment tal-Għarfien” hija waħda mit-Temi Strateġiċi tal-Pjan Strateġiku 2020-2025, li testabilixxi l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Università, il-fakultajiet, id-dipartimenti, iċ-ċentri, l-istituzzjonijiet u l-iskejjel tagħha.

F’konformità mal-viżjoni u l-missjoni tagħha, l-Università ta’ Malta tistinka biex tipparteċipa f’riċerka ta’ klassi dinjija li jkollha sinifikat lokali, reġjonali, Ewropew u globali. Sabiex jintlaħaq dan, l-Università tagħmel ħilitha biex issaħħaħ il-kwalità tar-riżultati tar-riċerka b’akkademiċi ta’ kalibru għoli u permezz ta’ infrastruttura ta’ riċerka distinta.

Impenji Strateġiċi II 2020-2025  

Ir-Riċerka u t-Trasferiment tal-Għarfien
Impenji Strateġiċi II għall-2020-2025 

   L-Istrateġiji Ewlenin

   L-Istrateġiji Biex Nilħqu l-Għanijiet

  • Nattiraw u nżommu magħna riċerkaturi ta’ livell għoli
  • Nippremjaw ir-riċerkaturi ta’ klassi dinjija
  • Ninvestu fl-aħjar ambjent possibbli għar-riċerkaturi
  • Niżviluppaw il-funzjonijiet tal-Iskola għad-Dottorat
  • Inrawmu kollaborazzjoni internazzjonali u ta’ koperazzjoni
  • Nirreaġixxu għall-ħtiġijiet lokali, reġjonali u globali u għal oqsma ġodda
  • Insaħħu l-ispeċjalizzazzjonijiet intelliġenti u l-kompetittività Ewropea
  • Nidentifikaw oqsma speċjalizzati li l-Università tista’ tadottahom għaliha
  • Inkejlu l-attivitajiet tar-riċerka mal-aqwa esponenti korrispondenti
  • Inżidu l-pubblikazzjonijiet riveduti minn kollegi akkademiċi u r-referenzi għalihom
  • Intejbu l-proporzjon bejn ir-riċerkaturi dottorali u l-istaff
  • Nappoġġjaw żieda fil-fondi għar-riċerka f’konformità mal-mira tan-Nefqiet Grossi fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp (GERD)
  • Intejbu l-aċċess għal infrastruttura internazzjonali tar-riċerka u l-informazzjoni
  • Nestendu l-verifika fi tmiem il-proġett għall-użu effettiv tar-riżorsi
  • Insaħħu u niddiversifikaw il-fondi mogħtija mir-RIDT
  • Issaħħu l-RSSD u l-PSO ħalli nżidu l-kompetittività għall-fondi
  • Inħaffu l-proċessi tal-akkwist u tar-reklutaġġ
  • Nakkwistaw u naġġornaw l-infrastruttura, inkluż il-laboratorji u l-ispazji għall-uffiċċji
  • Nespandu l-potenzjal tal-Propjetà Intellettwali
  • Insaħħu l-provvista tal-konsulenza għar-riċerka
  • Nistabbilixxu proċeduri standard tal-operat għall-konsulenza
  • Nirrikonoxxu l-akkademiċi involuti fil-Perjodu tal-Investigazzjoni (IP) u fit-trasferiment tal-għarfien
  • Insaħħu t-taqsima tas-CR&KTO
  • Nippromwovu sħubiji tat-trasferiment tal-għarfien u l-kollaborazzjoni mal-industrija
  • Inżidu l-kunċett tal-prova u l-fondi għal impriżi ġodda ta’ riċerkaturi
  • Intejbu l-istrateġiji tal-midja soċjali u tradizzjonali
  • Nikkunsidraw li noħorġu pubblikazzjoni ġdida fuq ir-riċerka li ssir f’Malta
  • Nagħmlu r-riċerka bħala pilastru fl-iżvilupp ekonomiku ta’ Malta 
  • Inħeġġu iżjed studenti biex ikomplu bir-riċerka postgradwatorja
  • Ninvolvu numru ta’ komunikaturi għall-oqsma STEAHM
  • Inżidu l-komunikazzjoni interna u esterna 
  • Inwaqqfu Kumitat għall-Involviment fir-Riċerka u Uffiċċju għall-Integrità fir-Riċerka
  • Insaħħu u nissimplifikaw il-Kumitat UREC
  • Nintroduċu numru ta’ boroż ta’ studju
  • Nadottaw il-prinċipji tad-Dokument u l-Kodiċi HRS4R
  • Nintroduċu skema sabiex inħarrġu u niggwidaw lir-riċerkaturi li għadhom fi stadji bikrija
  • Inħeġġu l-ksib tal-benefiċċji tal-Kategorija tar-Riċerkaturi biex inżidu l-flessibbiltà
  • Intejbu l-istatus tar-riċerkaturi u nestendu r-riżorsi
  • Insaħħu l-għajnuna teknika u ntejbu l-kundizzjonijiet tal-istaff ta’ għajnuna
  • Nindirizzaw il-bilanċ tal-ġeneru fir-riċerka u l-amministrazzjoni
  • Niffaċilitaw il-mobilità tal-istaff tar-riċerka kemm lokalment kif ukoll barra l-pajjiż
  • Nippromwovu t-taħriġ għar-riċerkaturi f’teknoloġiji xjentifiċi li ħerġin
  • Ngħollu l-livell ta’ aġilità biex immorru tajjeb fir-riċerka multidixxiplinarja
  • Nappoġġjaw l-isforzi għall-fondi minn sorsi nazzjonali u internazzjonali
  • Niżviluppaw pjanijiet ta’ negozju li jinkludu d-dettalji tar-riżultati mistennija f’diversi oqsma tar-riċerka

 

Nippromwovu r-Riċerka ta’ Klassi Dinjija  

Filwaqt li nkomplu nirrikonoxxu r-riċerka li ssir fejn għandu x’jaqsam mal-avvanz fil-karriera u nibqgħu niffukaw fuq l-aċċess għar-riżorsi, se naraw li ninvestu fl-iżvilupp ta’ riċerkaturi tal-fażi bikrija.

L-Università tagħraf l-irwol fundamentali li għandhom ir-riċerkaturi ta’ livell dottorali fl-ekosistema tar-riċerka. Se nkomplu nsaħħu l-Iskola għad-Dottorat li għadha kemm fetħet billi noffru l-aqwa għajnuna lir-riċerkaturi u s-superviżuri tagħhom.

Biex nattiraw u nżommu magħna riċerkaturi dottorali u postdottorali ta’ livell għoli, se nkomplu ninvestu f’infrastruttura sostenibbli li tipprovdi ambjent li jwassal għall-kreattività u l-innovazzjoni.

L-istrateġiji intelliġenti ta’ speċjalizzazzjoni għandhom irwol fundamentali biex intejbu l-kompetittività Ewropea b’investiment strutturali fir-riċerka u l-innovazzjoni. Se nkomplu nipparteċipaw fl-iżvilupp tal-Istrateġija Intelliġenti ta’ Speċjalizzazzjoni ta’ Malta biex niżguraw li tkun konformi mal-abbiltajiet tal-ekosistema tar-riċerka tal-Università.

Biex inwieġbu aħjar għall-ħtiġijiet lokali, reġjonali, Ewropej u globali, se naħdmu biex nagħrfu x’inhuma l-oqsma ta’ interess emerġenti u nirreaġixxu għalihom. Il-vantaġġ taċ-ċokon tan-nazzjon jagħtina l-possibbiltà li nkunu flessibbli u li jkollna l-ħila nidentifikaw oqsma li jistgħu jiġu adottati għall-kuntest lokali.

Se noffru lir-riċerkaturi s-sapport neċessarju biex ikunu jistgħu jaċċessaw infrastrutturi ta’ riċerka ta’ livell għoli u informazzjoni marbuta mar-riċerka. Se nfittxu li nkunu parti min-networks ta’ riċerka globali ħalli nrawmu kollaborazzjoni internazzjonali u koperazzjoni bil-ħsieb li nżidu l-parteċipazzjoni u s-suċċess tagħna fir-riċerka li ssir bil-fondi Ewropej.

Ir-Riċerka li Ssaħħaħ l-Ikklassifikar tal-Università  

Sabiex intejbu l-klassifikar globali tal-Università, jeħtieġ li ntejbu l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tagħna, li huma kruċjali għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Aħna u ntejbu l-pożizzjoni tagħna fil-klassifika globali, se tibda ssirilna ħafna eħfef biex nattiraw l-aħjar talent, ħaġa li twassal għal rispons pożittiv fuq il-prestazzjoni u r-riżultati tagħna. Għalhekk, se naħdmu qatigħ biex inżidu n-numru ta’:

● riċerkaturi;

● riċerkaturi dottorali u l-proporzjon bejn l-istudenti u l-istaff;

● pubblikazzjonijiet ta’ reviżjonijiet minn kollegi akkademiċi f’rivisti akkademiċi internazzjonali;

● referenzi minn ktibiet ta’ awturi;

● ktibiet b’indiċi organizzat skont ir-referenzi ewlenin tax-xjenzi, ix-xjenzi soċjali, l-arti u l-istudji umansitiċi;

● l-‘h-index’ tal-istaff akkademiku bbażat fuq il-pubblikazzjonijiet tagħhom u r-referenzi li jsiru għalihom.

Sadattant, l-Università se tibqa’ tkejjel l-attivitajiet tar-riċerka tagħha mal-aqwa esponenti biex tidentifika l-oqsma li jeħtieġu titjib li jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fil-klassifiki.

Il-Fondi ta’ Riċerka u s-Sostenibbiltà  

L-Università se tkompli ssus wara l-awtoritajiet lokali biex sal-2020 jilħqu l-mira ta’ 2% tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) fl-investiment li għandha Malta fir-Riċerka u l-Iżvilupp. Skont l-Osservatorju Ewropew tar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-2017 iċ-ċifra kienet madwar 0.54% tal-PDG,. Se nkomplu nistinkaw għal żieda fil-fondi allokati għar-Riċerka u l-Iżvilupp fis-Settur tal-Edukazzjoni Ogħla. Nimmiraw li nilħqu kollaborazzjoni mal-gvern u n-negozji biex il-fondi ta’ riċerka jintużaw fl-aħjar interess għal Malta u l-UE, kemm mill-perspettiva ekonomika kif ukoll mil-lat soċjali.

Se nkomplu nsaħħu d-Direttorat tas-Servizzi ta’ Għajnuna fir-Riċerka (RSSD) u l-Uffiċċju tal-Għajnuna għall-Proġetti (PSO) ħalli jassistu lill-istaff biex jikkompeti għall-fondi u se naraw x’possibbiltà hemm li niftħu uffiċċju tal-UE biex intejbu l-opportunitajiet tal-fondi. Dan id-Direttorat (RSSD) se jibqa’ jiffoka u jimmira għall-eċċellenza fir-riċerka għax dan huwa l-uniku mod kif niggarantixxu l-fondi għar-riċerka minn sorsi internazzjonali. Se nibqgħu nfittxu li ngħollu l-livell tal-fondi għar-riċerka lokali u l-iżvilupp billi naħtfu l-opportunitajiet ta’ kofinanzjament li jeżistu fl-Ewropa.

Il-Fond għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Iżvilupp (RIDT) irnexxielu jattira fondi minn negozji u organizzazzjonijiet mhux governattivi, tant li kiseb aktar minn tliet miljun ewro minn mindu twaqqaf. L-akbar sehem ta’ fondi, sal-lum il-ġurnata, ġie investit fir-riċerka medika. Ir-RIDT se jimplimenta strateġija li biha jiddiversifika s-sorsi tradizzjonali tiegħu u l-oqsma li fihom jistgħu jiġu investiti d-donazzjonijiet.

Konxji li l-Università jeħtieġ li ssostni u tagħmel investimenti kapitali fl-infrastruttura tar-riċerka, inkluż fil-laboratorji, b’baġit raġonevoli ta’ operat, u għalhekk se naraw li niddedikaw biżżejjed fondi f’dan ir-rigward. L-Università se tagħmel l-infrastruttura tar-riċerka disponibbli għall-industrija bir-rati tas-suq ħalli tilħaq aħjar ir-rekwiżiti tal-operat.  

It-Trasferiment tal-Għarfien  

L-Uffiċċju għar-Riċerka Korporattiva u t-Trasferiment tal-Għarfien (CR&KTO) jiffoka fuq l-iskoperta, il-protezzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-propjetà intellettwali, il-kolloborazzjoni ta’ bejn l-industrija u l-akkademja, u r-riċerka b’kuntratt. Din tal-aħħar hi kkordinata mill-Malta University Consulting Limited, b’mod speċjali meta r-riċerka b’kuntratt tkun multidixxiplinarja u tinvolvi l-kordinazzjoni ta’ diversi taqsimiet ta’ riċerka. Se nkomplu nagħmlu l-proċessi interni konformi ma’ xulxin biex nagħmluha eħfef għall-partijiet interessati esterni li jingħataw kuntratti għal servizzi ta’ riċerka, u b’hekk jipprovdu servizz aħjar għall-industrija. 

L-Università se ssaħħaħ il-funzjonijiet tat-Trasferiment tal-Għarfien u tipprovdi fondi li: jistimulaw attivitajiet b’risq l-innovazzjoni; jidentifikaw, jipproteġu u jikkummerċjalizzaw il-propjetà intellettwali; itejbu l-kollaborazzjoni ta’ bejn l-industrija u l-akkademja; u li jipprovdu prova tal-kunċett u fondi għal impriżi ġodda ħalli jiġbdu iżjed imsieħba kummerċjali. It-twaqqif tal-Malta University Investment Portfolio Limited huwa pass fid-direzzjoni t-tajba għax iħalli lill-Università tinvesti f’kumpaniji li joffru pjattaforma ġdida għan-negozju (spinouts).

Sabiex inħeġġu lill-akkademiċi jiddikjaraw u jikkummerċjalizzaw il-propjetà intellettwali, l-Università se tagħraf lil dawk l-akkademiċi li jieħdu sehem f’attivitajiet bħal dawn, pereżempju bi premjijiet annwali għall-aqwa innovatur u b’rikonoxximenti għall-avvanz tal-karriera.

Id-Disseminazzjoni tar-Riċerka  

L-Università se tinvolvi komunikaturi edukattivi professjonali fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti, l-istudji umanistiċi u l-matematika (STEAHM) biex ixxerred ir-riċerka li ssir u r-riżultati miksuba minnha u żżid l-għarfien tal-pubbliku dwarha. Huwa essenzjali għalina li nikkomunikaw l-importanza tar-riċerka ħalli nappoġġjaw ekonomija bbażata fuq l-għarfien f’Malta. Għalhekk, se nsaħħu l-pożizzjoni tal-Università bħala pilastru proattiv fl-iżvilupp ekonomiku ta’ Malta u fil-provvista tal-għarfien għall-partijiet interessati tagħha fir-riċerka, li jinkludu l-gvern, l-industrija u s-soċjetà. Kuxjenza akbar f’dan l-aspett tinkoraġġixxi iżjed studenti biex ikomplu bl-istudji postgradwatorji u r-riċerka tagħhom.

F’tentattiv biex insaħħu l-espożizzjoni pubblika fil-midja tradizzjonali, se naraw li ntejbu l-programmi tal-istazzjon tar-radju tagħna u nżidu l-parteċipazzjoni tal-akkademiċi fi programmi tar-radju u t-televiżjoni. Din il-parteċipazzjoni pubblika tal-akkademiċi tista’ tintlaħaq aħjar b’inċentivi bħal premjijiet annwali għall-aqwa komunikatur u b’rikonoxximenti ta’ avvanz fil-karriera.

Jistgħu jintużaw ukoll stazzjonijiet ġodda tax-xandir, ngħidu aħna, podcasts u filmati fil-YouTube, li jtejbu l-Istrateġija tal-Midja Soċjali tal-Università u jxerrdu l-isforzi tar-riċerka lil udjenza akbar. Is-servizzi mtejba tat-tixrid tal-informazzjoni għandhom iservu biex itejbu l-komunikazzjoni ta’ bejn ir-riċerkaturi għal aktar riċerka inter, multi u transdixxiplinari.

Se nagħmlu ħilitna biex nerġgħu norganizzaw rivisti ta’ riċerka tematika f’sensiela universitarja, u se nqisu wkoll il-possibbiltà li nipproduċu rivista bil-Malti, li toħroġ kull tliet xhur, bi spettru wiesa’ ta’ suġġetti. Din tqanqal l-interazzjoni bejn l-Università u l-partijiet interessati li jkunu għaddejjin bir-riċerka. Fl-istess waqt, l-Università se tkompli tħaddan inizjattivi b’Aċċess Miftuħ għax-Xjenza u l-Informazzjoni, kif hemm diġà fir-Repożitorju Miftuħ.

Ir-Riċerka Responsabbli, l-Integrità u l-Etika  

L-Università waqqfet Kumitat għall-Impenn fir-Riċerka biex tistudja kif l-aħjar torbot flimkien il-prinċipji tar-Riċerka Responsabbli u l-Innovazzjoni (RRI) fl-operat tagħha ta’ kuljum. L-RSSD se jgħin lill-akkademiċi billi jħejji lill-RRI b’pakketti ta’ ħidma fuq l-applikazzjonijiet tal-għotjiet għar-riċerka għax dawn, eventwalment, jistgħu jsiru obbligatorji fil-proċessi tal-finanzjament tal-UE.

L-Uffiċċju għall-Integrità fir-Riċerka (RIO) se jiġi stabbilit biex jiżgura li l-interazzjoni ta’ bejn ir-riċerkaturi avvanzati u dawk ta’ stadju bikri, li tinkludi wkoll ir-riċerkaturi fil-livell tad-dottorat u s-superviżuri tagħhom, issir b’integrità sħiħa, kif stipulat fil-Ftehim Kollettiv tal-Università u fil-Manwal tal-Imġiba u l-Proċeduri għall-Istaff Akkademiku.

Se nsaħħu l-Kumitat tal-Università għall-Etika fir-Riċerka (UREC) billi nfornuh bit-Teknoloġija tal-Informazzjoni neċessarja u b’riżorsi oħra li jissimplifikaw il-funzjonijiet u l-interazzjonijiet tiegħu mar-riċerkaturi kollha.

L-Istrateġija tar-Riżorsi Umani għar-Riċerkaturi  

Minbarra s-sapport ta’ qabel u ta’ wara r-riċerka li jingħataw mill-RSSD u l-PSO, l-Università se tkompli ttejjeb l-għajnuna li tagħti lill-akkademiċi u lir-riċerkaturi dottorali u postdottorali. Il-benefiċċji tal-Kategorija tar-Riċerkaturi (Research Stream) li ġew inklużi fl-aħħar Ftehim Kollettiv se jiġu offruti iżjed lir-riċerkaturi li jkollhom bżonn jikkonċentraw fuq il-proġetti ta’ riċerka tagħhom billi ‘jinħelsu’ mill-obbligi tal-istruzzjoni tagħhom għal perjodu ta’ żmien. Ir-riżorsi akkademiċi jistgħu jiġu estiżi lill-uffiċjali li jassistu fir-riċerka, li jinkludu wkoll ir-riċerkaturi postdottorali. L-Università tħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali biex joffru boroż ta’ studju lir-riċerkaturi dottorali u jiffinanzjaw pożizzjonijiet postdottorali. 

Tista’ tinħoloq skema li tippermetti lir-riċerkaturi avvanzati jassistu lir-riċerkaturi żgħar. L-Università se tippromwovi t-taħriġ għar-riċerkaturi dwar it-teknoloġiji xjentifiċi li ħerġin u se tiffaċilita l-mobilità tal-istaff tar-riċerkaturi kemm lokalment kif ukoll barra l-pajjiż. L-Università se tfittex ukoll li tattira iżjed nisa biex jidħlu għar-riċerka u għal pożizzjonijiet fl-immaniġġjar tar-riċerka, u se tippromwovi opportunitajiet indaqs f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġeneru. 

Se nintroduċu aktar prinċipji mill-40 wieħed stipulati fid-Dokument u l-Kodiċi tal-Istrateġija tar-Riżorsi Umani għar-Riċerkaturi (HRS4R), bil-ħsieb li niksbu l-Premju ta’ Eċċellenza mir-Riżorsi Umani fir-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kunċett tal-Gruppi ta’ Riċerka  

L-Università qed taħdem biex tintroduċi Gruppi ta’ Riċerka multidixxiplinarji li jkunu jistgħu jgawdu minn fondi nazzjonali u oħrajn allokati apposta. Dawn il-gruppi jagħmlu riċerka bażika u applikata ta’ relevanza nazzjonali u internazzjonali. Il-fondi jiġu pprovduti wara li jitfassal pjan tan-negozju li jispjega dak li jkun mistenni f’medda minima ta’ tliet snin, ngħidu aħna n-numru ta’ boroż ta’ studju ffinanzjati għal riċerkaturi dottorali u postdottorali, il-pubblikazzjonijiet tar-riċerka, il-propjetà intellettwali ġġenerata, protetta u użata, u l-fondi addizzjonali esterni ġġenerati bil-kisba ta’ fondi nazzjonali u tal-UE għar-riċerka. Jistgħu jiġu ffinanzjati għoxrin Grupp ta’ Riċerka b’medja ta’ nofs miljun ewro kull grupp kull sena. Dan jista’ jwassal għal żieda ta’ 200 riċerkatur dottorali u postdottorali fost id-dixxiplini kollha tar-riċerka.

 


https://www.um.edu.mt/about/pjanstrategiku/impenjistrategici2-ricerkautrasferimenttalgharfien/