L-infrastruttura fiżika

L-infrastruttura fiżika

Malta's flagGreat Britian's flag

 

Inwasslu Infrastruttura Fiżika

 

Din it-taqsima tappartjeni għall-Pjan Strateġiku 2020-2025, li jestabilixxi l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Università, il-fakultajiet, id-dipartimenti, iċ-ċentri, l-istituzzjonijiet u l-iskejjel tagħha. 

 

   L-Istrateġiji Biex Nilħqu l-Għanijiet

   L-Impenji          

  • Inwasslu infrastruttura fiżika
  • Nimmaniġġjaw it-tkabbir mgħaġġel tal-infrastruttura tal-kapital fuq il-kampus
  • Niżviluppaw spazji kollaborattivi għat-tagħlim u r-riċerka
  • Infasslu spazji fiżiċi modulari li jistgħu jintużaw u jiġu adattati għall-ħtiġijiet differenti tal-Università
  • Nipprovdu u nimplimentaw sett ta’ linji gwida għall-provvista tas-servizzi tal-bini 
  • Nintroduċu sistemi awtomatizzati għat-talba, it-twassil u l-kontroll tas-servizzi
  • Nimmaniġġjaw il-manutenzjoni reattiva u preventiva ta’ fuq il-kampus
  • Norganizzaw u naġġornaw l-irwoli u d-dmirijiet tal-immaniġġjar tal-fakultajiet
  • Intaffu l-effetti tal-proġetti ta’ kostruzzjoni fil-ħajja ta’ fuq il-kampus

 

Il-Pjan Strateġiku jeħtieġ strateġija effettiva li tinvesti fit-tagħlim fiżiku u fl-ispazji tax-xogħol li jnaqqsu d-distakk bejn il-faċilitajiet eżistenti tagħha u oħrajn ġodda biex jaqdu l-ħtiġijiet futuri kif identifikati u determinati fil-viżjoni strateġika. L-investiment ġejjieni fl-iżvilupp tal-kapital se jkollu bżonn jindirizza dawn l-aspetti. Il-propjetajiet tal-Università jiffurmaw grupp ta’ assi li jwasslu għall-eċċellenza fl-operat tagħha.

L-Ispazji Kollaborattivi għat-Tagħlim u r-Riċerka

L-Università teħtieġ spazji oħra għat-tagħlim u l-istudju, laboratorji, żoni ta’ inkubazzjoni, studios għat-tagħlim mill-bogħod, u spazji għad-diskussjonijiet u l-laqgħat. Il-komunità tal-Università se tibbenefika minn faċilitajiet għall-konferenzi u spazji għal laqgħat disponibbli għall-intrapriża u l-industrija biex tiltaqa’ mal-akkademiċi u r-riċerkaturi għal proġetti kollaborattivi.

Għan kritiku hu li noħolqu firxa ta’ spazji tax-xogħol li l-akkademiċi u l-istudenti jkunu jistgħu jużaw biex jikkollaboraw, u li jkunu jistgħu jintużaw għall-kiri ta’ impriżi ġodda biex ngħinuhom jiżviluppaw u jimmaturaw qabel imorru fil-binjiet permanenti tagħhom. Dan jista’ jkun utli wkoll għall-proġetti ta’ riċerka.

It-Tqassim tar-Riżorsi Fiżiċi bi Flessibbiltà Modulari

L-Università se tiżviluppa u timplimenta ekosistema għas-servizzi ta’ għajnuna u spazji flessibbli tranżitorji, li jistgħu jerġgħu jiġu rranġati biex isostnu l-edukazzjoni u r-riċerka huma u jinbidlu matul iż-żmien. Il-qafas ta’ għajnuna jinfirex mal-Università kollha u jinkludi l-faċilitajiet u l-għarfien espert xieraq għal tipi varji ta’ inizjattivi u f’fażijiet differenti ta’ tkabbir. Se nagħmlu minn kollox biex inkunu effiċjenti, effettivi u nwieġbu għall-ħtiġijiet tal-komunità Universitarja li qed tevolvi b’rata mgħaġġla.

Linji Gwida dwar Proċessi u Servizzi

Numru ta’ prattiċi li jkopru l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-bini tal-Università spiss jitmexxew b’regoli mhux miktuba u prattiċi li ilhom snin fis-seħħ bi ftehim taċitu. Wasal il-waqt li nirrevedu dawn il-prattiċi u nistrutturawhom f’politika permezz ta’ proċeduri tal-operat standard jew b’modi oħra biex insaħħu u nirregolaw l-implimentazzjoni tal-istrateġija tat-tkabbir tal-Università. Regoli u proċeduri li jingħarfu u ċari għandhom isaħħu d-diviżjonijiet biex jużaw il-kapaċitajiet tagħhom u jaħdmu fi ħdan konfini aċċettati, kif ukoll biex jipprovdu servizz ta’ għajnuna teknoloġika effettiva u effiċjenti lill-entitajiet varji fi ħdan l-istrutturi tal-Università.

Il-Manutenzjoni Reattiva u Preventiva

L-Università tirċievi bosta talbiet kuljum għall-manutenzjoni u għal xogħol żgħir li jkun hemm bżonn li jsir. Jekk ikollna sistema awtomatizzata tkun għodda utli biex talbiet bħal dawn jiġu indirizzati mill-ewwel u direttament lit-taqsimiet varji fuq bażi ta’ prijorità ħalli niżguraw li tittieħed azzjoni xierqa u fil-ħin.

L-Immaniġġjar tal-Faċilitajiet

Ħafna mill-prattiċi li jirregolaw l-użu tal-ispazju, il-preċinti, l-enerġija, il-parkeġġ, it-traffiku, it-trasport, it-tindif, is-sigurtà, l-iskart u l-immaniġġjar taż-żamma tal-bini ġew żviluppati mas-snin b’reazzjoni għall-ħtiġijiet u ċ-ċirkustanzi tal-Università u t-tkabbir organiku tagħha. Madankollu, biex inkunu effettivi u effiċjenti, il-politika u l-proċeduri li jmexxu lill-partijiet interessati kollha f’dan ir-rigward jeħtieġ li jitniżżlu f’politika miktuba ħalli niżguraw li kull aspett jiffunzjona kif jixraq u li s-servizzi operattivi ta’ għajnuna tal-Università jimxu ħarir. L-immaniġġjar taż-żamma tal-post qed tingħata importanza partikolari minħabba n-numru ta’ persunal involut u l-irwol li jista’ jkollhom biex jiżguraw is-sapport fl-operat.

Il-Proġetti Kapitali

Iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġetti kapitali ta’ skala kbira spiss joffri diversi sfidi f’kull stadju biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti tar-riżorsi filwaqt li jiġu ssodisfati d-domandi u l-ħtiġijiet attwali u tal-ġejjieni. Definizzjoni ċara tal-irwoli u r-responsabbiltajiet tkun ta’ gwida għall-partijiet interessati kollha meta jiġu biex jieħdu deċiżjonijiet korretti u fil-ħin. F’dan ir-rigward, iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ proġett jeħtieġ li jkun spjegat u ddokumentat bl-approvazzjonijiet miktuba, bir-responsabbiltajiet u bil-jeddijiet tal-awtorità.  

Minħabba l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni li jeħtieġ li jsiru fuq il-kampus matul l-operat regolari tal-Università, importanti li jkun hemm komunikazzjoni xierqa bejn l-entitajiet amministrattivi u l-bqija tal-Università. L-attività tal-kostruzzjoni fuq il-kampus spiss iġġib magħha sfidi u kwistjonijiet loġistiċi, tniġġis, storbju u limitazzjonijiet ta’ parkeġġ u aċċessibbiltà. Huwa kruċjali għall-Università li tikkomunika l-isfidi, is-soluzzjonijiet u l-miżuri ta’ mitigazzjoni lill-partijiet interessati kollha.

 


https://www.um.edu.mt/about/pjanstrategiku/impenjistrategici8-servizziusapportamministrattiv/infrastrutturafizika/