Kelmtejn mir-Rettur

MLTFlagGBFlag 

L-Università hija grata ħafna lejn l-istudenti, l-akkademiċi, l-istaff amministrattiv, tekniku u industrijali, kif ukoll lejn l-isħab soċjali tagħna li ddedikaw ħinhom u l-għarfien espert tagħhom sabiex joħolqu l-Pjan Strateġiku 2020-2025 tal-Università ta’ Malta. Il-pjan ġie approvat mis-Senat fit-30 ta’ Mejju 2019 u mill-Kunsill fil-21 ta’ Ġunju 2019. Ir-rispons kollettiv għen fl-iżvilupp tal-ħsieb, l-għarfien u l-viżjoni tagħna għall-Università.

Matul is-sena akkademika 2018-19, bejn Settembru 2018 u Mejju 2019, stedinna lill-membri kollha tal-komunità tal-Università ta’ Malta biex jipparteċipaw bis-sħiħ fil-Proċess tal-Pjan Strateġiku, bħala parti mill-isforz kontinwu tagħna għall-iżvilupp. L-Università kienet lesta tisma’ bi ħġarha opinjonijiet differenti biex tiżgura li l-Pjan Strateġiku aġġornat ikun jistagħna bil-fehmiet tal-membri tal-komunità kollha tal-Università. 

L-iżvilupp tal-Pjan Strateġiku attwali jirrifletti l-evoluzzjoni tal-edukazzjoni ogħla, l-ekonomija, l-industrija u s-soċjetà. Kull pjan jisħaq fuq il-konsistenza fil-missjoni, il-viżjoni u l-valuri tagħna, minkejja li kull pjan ġdid ivarja xi ftit mill-pjanijiet preċedenti. Dan il-pjan jiffoka aktar fuq dawk l-aspetti li huma fil-qalba tal-ħidma tagħna, jiġifieri, l-esperjenza tal-istudenti, il-ħtiġijiet u l-kontributi tal-komunità akkademika, u l-impatt tagħna fuq is-soċjetà. Huwa importanti għall-Università li timpenja ruħha fl-ippjanar strateġiku, b’mod speċjali f’dan iż-żmien meta l-bidla ekonomika mgħaġġla, il-forzi kompetittivi, il-bidliet fid-domanda pubblika u l-avvanzi fit-teknoloġija qed joffru sfidi f’kull aspett tal-edukazzjoni ogħla.

Inħeġġu lill-istudenti, l-istaff u l-alumni biex jappoġġjaw dan il-Pjan Strateġiku li għandu jservi ta’ mudell għall-komunità pedagoġika li rridu nrawmu u għall-impatt li nixtiequ li jkollna fuq in-nazzjon u s-soċjetà tagħna. Aħna impenjati biex il-Pjan Strateġiku jevolvi fi pjan ta’ azzjoni.  

Għal dan il-għan, ir-Rettorat, is-Senat u l-Kunsill jimmiraw li jkollhom aġenda fattibbli b’seba’ temi strateġiċi ewlenin ta’ prijorità: it-tagħlim u l-istruzzjoni, ir-riċerka u t-trasferiment tal-għarfien, l-Impatt u l-Fatturi Soċjali, l-impatt fuq l-Intrapriża u l-industrija, l-impatt nazzjonali, il-viżjoni internazzjonali u s-sostenibbiltà. Dawn l-oqsma ta’ prijorità se jservu ta’ gwida għall-istaff akkademiku, amministrattiv, tekniku u industrijali biex jorbtu l-ħidma tagħhom ta’ kuljum mat-teħid tad-deċiżjonijiet u mat-tqassim tar-riżorsi. L-Università qed tavvanza u tirnexxi u għalhekk se nimpenjaw lill-komunità tal-kampus biex tirfina dawn il-prijoritajiet u tintroduċi komponenti importanti oħra ta’ dan il-Pjan Strateġiku.

Dan il-Pjan Strateġiku, bla dubju, huwa biss il-bidu. Bħala membri tal-komunità universitarja, għandna nagħmlu ħilitna biex intejbu fejn meħtieġ u nimplimentaw inizjattivi ġodda, nerfgħu r-responsabbiltà tal-parti rispettiva tagħna fil-pjan, u nimpenjaw ruħna għall-iżvilupp tal-istituzzjoni kollha. Jeħtieġ inpoġġu l-kisba u l-avvanz kontinwu bħala partijiet integrali tal-ħidma tagħna ta’ kuljum ħalli lkoll nilħqu l-miri li ressquna flimkien fl-Università ta’ Malta.

Aħna ħerqana għal perjodu ta' implimentazzjoni intensiv sabiex niżguraw li l-pjan ikompli jindirizza t-tħassib u l-għarfien tal-komunità usa' tal-Università.



Prof Alfred J Vella
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta

 

 

 


Il-Proċess ta’ Żvilupp Strateġiku għall-Università ta’ Malta huwa organizzat mit-tim iddedikat għall-Ippjanar Strateġiku u l-Intrapriża. Aħna kontinwament infittxu li nirċievu rispons sabiex intejbu u nevolvu l-proċess tal-ippjanar strateġiku tagħna, filwaqt li nidentifikaw opportunitajiet biex ngħinu lill-istudenti u lill-istaff ħalli jilħqu l-għanijiet tal-Università.  

https://www.um.edu.mt/about/pjanstrategiku/kelmtejnmir-rettur