Diskors tal-Professur Keith Sciberras

Diskors tal-Professur Keith Sciberras

Diskors tal-Professur Keith Sciberras fl-okkażjoni tal-għeluq taċ-ċelebrazzjonijiet tal-250 Anniversarju tal-Università ta’ Malta – 20 ta’ Novembru 2020


Meta fl-1592 l-Isqof Tommaso Gargallo kien lest biex jibda jibni f’dan il-post, fuq propjetà personali, il-Palazz tiegħu bħala l-Isqof ta’ Malta, għaddieh, fuq insistenza tal-Papa u tal-GranGranmastru lil Ġiżwiti biex fih jibnu u jiftħu l-ewwel Kulleġġ tagħhom.  Kien dan il-mument fl-aħħar tas-seklu sittax li kien pass ewlieni fil-bidu tal-Istorja ta’ din l-Università. Inbena kulleġġ fuq il-parametri mfassla mill-perit universali tal-Ġiżwiti Giuseppe Valeriano; pjanta li nbidlet darba darbtejn għall-ħtiġijiet tal-kulleġġ Malti.  Lejn l-1650, forsi anke (imma mhux biss) minħabba splużżjoni li għamlet ħsara kbira warajna, il-binja reġgħet inbidlet fuq disinn tal-arkitett Francesco Buonamici li taha l-karattru u l-grammatika barokka li għandha llum.  F’dawn is-swali għallmu ħafna nies, fosthom Athanasius Kircher. Fihom irriċerkaw u studjaw il-Maltin.

Kien ironikament fuq insistenza tal-Papa li fl-1769 meta l-Granmastru Pinto keċċa lill-Ġiżwiti, ġabar istituzzjonijiet oħra li kellu (fosthom l-iskejjel tal-Mediċina u Anatomija, Matematika u Navigazzjoni)  u f’dan il-kulleġġ stabilixxa l-Università li qed niccelebraw illum u li għadha tfakkar fl-emblema tagħha lil Pinto bħala fundatur.  L-Università ta’ Malta, għax fiha studjaw il-Maltin, nisġet il-ħsieb u tat il-formazzjoni lil dawk li nisġu l-identità tan-Nazzjon Malti. Kibret u ddiversifikat, saħħet il-pedamenti tagħha. Malta mingħajr l-Università tagħha ma kinitx tkun il-Malta li għandna llum.

Fl-1942, proprju f’din is-sala waqgħet bomba li għamlet ħerba f’din il-parti tal- kulleġġ.  Farket kull m’hemm. Nota qasira kważi mbikkma fl-Acta Accademiae Melitensis, fi żmien ir-Rettur Robert Galea, tgħid: “At 1.45pm an enemy bomb hit the University when the Aula Magna was completely demolished.”  Pero l-Università ma tfarrkitx u ma għalqitx.

Huwa pertinenti li ntgħażlet l-Aula Magna biex jingħalqu ċ-ċelebrazzjonijiet tal-250 anniversarju mit-twaqqif tal-Università kif refondata minn Pinto. Huwa pertinenti wkoll li f’din l-okkażjoni qed niċċelebraw ix-xogħlijiet kbar ta’ restawr li saru f’dan il post.  Kif tafu, it-tliet faċċati l-kbar tal-kulleġġ ġew restawrati u tlestew fuq proġett estensiv imfassal u mmexxi mir-Restoration Unit, il-bitħa tlestiet ukoll. Il-Valletta Campus – u hawnhekk ta’ min nagħtu l-apprezzament tagħna lit-team kollu li jaħdem f’dan il-post (taħt id-direzzjoni ta’ Lucuenne Bugeja) - ingħata lura d-dinjità storika li jixraqlu. Il-faċċata nistgħu nerġgħu ngawduha; hija waħda mill-iktar monumentali u impressjonanti li hawn fil-Belt Valletta. L-Aula Magna nqalgħet kollha u nbidlet, ġiet remodellata fuq proġett tad-Direttorat tal-Estates and Works u qed tiġi inawgurata uffiċjalment illum.  Qed nirristawraw l-opri tal-Arti u lestejna r-restawr u kuratela kompletament ġdida tal-Gibsoteka prestiġjuża tagħna – waħda mill-eqdem li jeżistu f’kuntest Universitarju - li se ninawguraw illum.  L-apprezzament tagħna imur lejn dawk kollha li ħadmu fuqha, speċjalment lil Chiara Galea.

Kien tliet snin ilu meta r-Rettur stedinna –fil-verità stieden lil Dominic – biex jinkiteb ktieb għall-okkażjoni taċ-ċelebrazzjonijiet li qed jingħalqu llum.  Inġbarna l-ħamsa li aħna (Dominic Fenech, Mark Anthony Falzon, Emmanuel Buttigieg, Gillian u jien) biex naraw x’forma għandu jieħu.  Striħajna fuq żewġ pilastri prinċipali; wieħed tal-Legacies, l-ieħor ta’ Bearings.

Id-direzzjoni tal-ktieb li qed inqasmu llum u l-karattru tiegħu intisġu b’mod awtonomu, biex ngħidu hekk – kif wieħed jistenna f’kuntest akkademiku - mingħajr indħil.  Huwa frott ta’ xogħol l-awturi, li għandu l-identità u l-karattru tiegħu, m’huwiex enċiklopedija, ma jolqotx kollox.  Għalhekk, tfittxux dettalji jew bilanċ bejn fakultà u oħra, għax wisq probabbli – jew ċertament - ma ssibuhiex. Dan il-ktieb jipprova jifhem l-Università, l-istorja u l-patrimonju tagħha, l-ispazji li ghandha, in-nisġa u l-kuntest soċjali, id-diffikultajiet, kif ukoll dak li għandna biex niftaħru bih, il-karattru intelletwali, fejn qiegħda l-Università llum u d-direzzjoni li ħadet. Tiddentifika l-barra minn dawn ix-xtajtiet u tpoġġiha f’dimensjoni internazzjonali.

Qaluli biex ma nitkellmux wisq. Għalhekk, nirringrazzja f’isem l-edituri,  speċjalment lill-awturi (lil Conrad Thake, Ivan Callus, Simone Azzopardi u Patricia Camilleri, barra minn Mark, Gillian, u Manuel), u lil dawk li taw l-assistenza tagħhom waqt il-ġbir tal-materjal, lil Dominic Fenech prinċipalment u lin-numru ta’ reviewers li qraw id-drafts tagħna u taw pariri, lil erba’ fotografi (Charles Azzopardi, Joe P. Borg, Lisa Attard, Eliza Brochdorff) li tqabbdu biex speċifikament jieħdu ritratti oriġinali għal dan ix-xogħol. Lil Patrick Fenech għad-disinn tal-qoxra.  Lil-Librar għax-xogħol li sar fl-arkivju; lid-dekanijiet, diretturi u kapijiet ta’ dipartimenti varji li għinuna biex jinġibed il-materjal visiv. Ovvjament nirringrazzjaw lil Malta University Press, lil Midsea books – speċjalment lil Joseph Mizzi, li bir-restrizzjonijiet waqt l-eqqel tal-pandemija kellna naħdmu fuq dan ix-xogħol, u lill-Bestprint. Lid-diretturi fl-Ammistrazzjoni tal-Università (Finanzi u Communications), u speċjalment b’mod personali nirringrazzjaw lir-Rettur u lit-tim tiegħu tal-inkarigu li fdalna u li ħallina naħdmuh għax fdana wera fiduċja kbira fina.


https://www.um.edu.mt/about/theuniversityofmaltalegaciesandbearings/diskorsprofessurkeithsciberras