L-Università ta' Malta

Attivitajiet
UOM Main Page
 
 
 
Applika
Newspoint

ATTIVITAJIET PASSATI

 

27 ta' April 2017

Is-Seminar tal-M.A. 2017

 ‘Ir-Riċerka Tiegħi fl-MA’ huwa seminar li jlaqqagħna ma’ studenti li jkunu qed jaħdmu fuq teżi tal-MA jew li jkunu għadhom kemm lestewha. L-għanijiet ewlenija tas-seminar huma li nsiru nafu aktar dwar ir-riċerka li għaddejja bħalissa fil-qasam tal-Malti, u fl-istess ħin l-istudenti jidraw jirċievu kritika kostruttiva li ssirilhom fuq xogħolhom. Dawk li jattendu din l-attività jsiru jafu x’riċerka għaddejja bħalissa fil-Malti, fl-oqsma tal-letteratura u l-lingwistika filwaqt li l-istudenti li għadhom qed jistudjaw għall-ewwel grad jitgħallmu x’jinvolvi l-proċess tal-kitba tat-teżi f’dan il-livell. 

Din is-sena s-seminar se jsir il-Ħamis 27 ta’ April fl-ICT Auditorium mill-11.00am sa 12.00pm. 

Il-kelliema u s-suġġetti magħżula se jkunu:


Marita Cassar - Xejriet tal-Proża bil-Malti ta’ Dun Karm. 

Għalkemm Dun Karm huwa magħruf l-aktar bħala poeta, huwa esprima ruħu wkoll fil-forma tal-proża. Ix-xogħol letterarju tiegħu jinkludi kemm il-poeżija, bil-Malti u bit-Taljan, u kemm il-proża li hi wkoll bil-

Malti u bit-Taljan li parti minnha hi miktuba bl-iskop letterarju u parti oħra bi skop komunikattiv biss. Madankollu fiż-żewġ tipi ta’ proża hemm dejjem ħassieb ċar u kittieb mirqum li  jħaddem  il-kelma  bir-reqqa.


Minkejja li huwa sab xorti kbira fil-qasam tal-kritika, kemm matul ħajtu, kif ukoll wisq aktar wara mewtu, il-proża tiegħu bil-Malti baqgħet ma nġabritx. Fl-isfond tal-ġabriet li saru sa issa, jiġifieri tal-poeżiji bil-Malti u bit-Taljan, kif ukoll ta’ parti kbira mill-ittri, kien jonqos li tinġabar il-proża tiegħu, fost l-oħrajn bil-Malti. Din id-deċiżjoni ttieħdet qabelxejn bil-għan li jkun komplut il-kwadru kollu tal-kitba ta’ awtur li d-dedikazzjoni tiegħu għall-kelma miktuba hija mifruxa tul ħajtu kollha, jiġifieri minn madwar is-snin għoxrin tas-seklu 19 sal-bidu tas-sittinijiet tas-seklu 20. 


Il-ġbir tal-proża bil-Malti kellu jinvolvi tiftix f'għadd ta' oqsma differenti. Quddiem din il-ġabra ta' xogħlijiet, kien meħtieġ li dawn jitqiegħdu f'xi forma ta' ordni li tirrifletti l-għażliet tal-awtur. Wara li dawn ġew ikklassifikati, setgħu jingħażlu l-kapitli li fuqhom kellha tinbena din it-teżi. L-analiżi ta' wħud mill-aktar testi essenzjali f'kull kapitlu tixħet dawl fuq ix-xebh li hemm bejn it-temi ewlenin tiegħu bħala awtur, kemm tal-poeżija u kif ukoll tal-proża. 


Dwayne Ellul -  Il-kompilazzjoni ta’ teżawru tematiku Malti dwar in-natura tal-bniedem u r-relazzjonijiet soċjali tiegħu

Fl-ewwel parti tat-teżi tingħata ħarsa lejn il-letteratura ta’ xeħta metalessikografika li tirrigwarda jew kunċetti lessikografiċi jew kritika ta’ xogħlijiet lessikografiċi eżistenti. B’mod partikolari tingħata ħarsa lejn letteratura li tanalizza l-preġji u d-difetti taż-żewġ fergħat ewlenin ta’ xogħlijiet lessikografiċi: dawk imsawra f’ordni alfabetika u dawk mibnija tematikament. Imbagħad, abbażi tal-letteratura, jiġu identifikati sett ta kriterji li fuqhom jista’ jiġi evalwat xogħol lessikografiku, u minn hemm tingħata ħarsa kritika lejn xogħlijiet lokali ewlenin kemm ta’ manuskritt, kif ukoll oħrajn mitbugħa u online.

Madankollu, il-qofol tat-teżi huwa l-kompilazzjoni ta’ teżawru tematiku li jiġbor firxa komprensiva ta’ vokabolarju marbut ma’ numru limitat ta’ temi, sitta b’kollox: 1. il-familja u l-ħbieb; 2. il-ġisem u l-kura tiegħu; 3. id-deskrizzjoni fiżika; 4. id-deskrizzjoni karatterjali; 5. is-sentimenti u l-emozzjonijiet; u 6. il-fażijiet fil-ħajja. Kull tema hija mqassma f’sottotemi. Kull headword tidher użata f’kuntest b’eżempju li jokkorri fl-MLRS, kif ukoll, kif inhu mistenni minn kull teżawru, hija segwita minn għadd ta’ sinonimi li jistgħu jintużaw f’kuntesti differenti dejjem marbutin mat-tema rispettiva.

Dan is-seminar huwa organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università, bl-għajnuna tal-Għaqda tal-Malti (Università) u Sinteżi.

Poster tal-attività

Ritratti 

 

 

 17 ta' Marzu 2016

Konferenza Karmen Micallef Buħagar 

Taħdita Pubblika fl-Università dwar "Terħa kaħla s-sema"

 

Nhar il-Ħamis, 17 ta' Marzu 2016, fis-6.30pm, se ssir taħdita pubblika dwar Dun Karm Psaila fl-Università ta' Malta, Tal-Qroqq, bl-isem ta' "Terħa kaħla s-sema. Bliet Dun Karm u bnadi oħra." Il-kelliem se jkun Kit Azzopardi. Din l-attività organizzata mid-Dipartiment tal-Malti se ssir fil-binja tal-Fakultà tal-ICT, f'Sala 9 (Binja A, Livell -1). Kulħadd huwa mistieden u d-dħul huwa b’xejn. Fl-aħħar tat-taħdita jkun hemm ħin għall-mistoqsijiet u wara jkun hemm bibita biex tkompli d-diskussjoni b'mod informali. 

 

Kit Azzopardi kiseb BA (Unuri) fil-Malti u mbagħad studja t-tagħlim tal-Malti fl-Università ta' Malta. Fl-ewwel teżi tiegħu kiteb dwar il-poeżija Passaport ta' Antoine Cassar. Fl-2015 kiseb MA fil-Letteratura Maltija b'teżi dwar "Rappreżentazzjonijiet Kulturali u Letterarji tal-Belt: Bliet ta' Norbert Bugeja."

 

Mill-istudji li saru dwar il-poeżija tiegħu nafu li Dun Karm jixħet ħarstu fuq l-ambjent naturali u rurali. Kit Azzopardi se jistaqsi x'nafu dwar l-ispazji urbani li jippreżenta. "Liema huma l-bliet ewlenin li jippreżenta bħala bliet-mudell? U liema huma l-bliet Maltin li jsibu ruħhom fi vrusu? Teżisti dikotomija jew kontinwità bejn l-ambjent tal-belt u l-ambjent tar-raħal?" Il-kelliem se jħares lejn id-diskors liriku ta' Dun Karm dwar il-kunċett tal-belt, u juri x'jgħid dan id-diskors dwar il-poeta nazzjonali tagħna. 

 

Id-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti stieden lil Kit Azzopardi biex jagħmel din it-taħdita pubblika bħala parti minn sensiela ta' taħditiet imnedija mill-Fondazzjoni Karmen Mikallef Buħaġar li jsiru kull sentejn bil-għan li jiġġeddu l-istudji dwar il-kitbiet u l-personalità letterarja tal-poeta nazzjonali. "Terħa kaħla s-sema. Bliet Dun Karm u bnadi oħra" se tkun it-18-il taħdita f'din is-sensiela.

 

Il-Konferenza Karmen Mikallef Buħaġar għandha wkoll l-għan li tikkultiva tradizzjoni ta' kitbiet kritiċi li jservu ta' spunt għal aktar riċerka f'dan il-qasam u f'oqsma relatati. Uħud minn dawn it-taħditiet li saru matul is-snin inġabru fil-pubblikazzjoni Studji Dunkarmjani (ed. Carmel Azzopardi, 2011). Hemm tagħrif dwar Karmen Mikallef Buħaġar, il-benefattriċi li waqqfet din is-sensiela ta' Konferenzi, fis-sit tal-Akkademja tal-Malti. Dwar din it-taħdita ta' Kit Azzopardi hemm tagħrif fuq il-paġna tal-Facebook tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università. Il-poster għal din it-taħdita ġie ddisinjat minn Leanne Ellul.

 

Aktar tagħrif jista' jinkiseb b'ittra elettronika lil malti.arts@um.edu.mt jew b'telefonata lin-numru 2340 3387.


Poster tal-attivita'

 

10 t'Ottubru 2013

Tnedija ta' ktieb:

Il-German-Maltese Circle u d-Dipartiment tal-Malti għandhom il-pjaċir jistednuk għat-tnedija tal-ktieb:


The German Memoirs of a Maltese Intellectual – Giovan Francesco Buonamico (1639-1680)

L-E.T. l-Ambaxxatur tal-Ġermanja Klaus-Peter Brandes, l-Imħallef Giovanni Bonello, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti Dr Bernard Micallef, u l-awtur tal-ktieb Arnold Cassola.

Nhar il-Ħamis, 10 ta’ Ottubru, fis-7pm
fil-German-Maltese Circle, il-Palazz Messina, 141, Triq San Kristofru, il-Belt

Avviżi
Il-Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti
Jerġa' jiftaħ fi Frar 2018
Diploma fil-Letteratura Maltija
Il-kors jiftaħ f'Ottubru 2016
Basic Medical Maltese for the Healthcare Professions 1
For applicants employed in the healthcare profession
Basic Medical Maltese for the Healthcare Professions 2
This course is aimed at persons employed in the healthcare profession.
Medical Maltese Proficiency Certificate
For applicants with overseas qualifications
Midalja tad-Deheb għall-Prof. Oliver Friggieri
Oliver Friggieri onorat b'midalja tad-Deheb mill-Akkademja tal-Malti
300 sena mit-twelid ta' de Soldanis
Intervisti u ktejjeb għall-istudenti
Il-Kantilena
Sensiela ta' intervisti
 
 
Aġġornata l-aħħar: 9/10/2017

Log In Dħul