L-Università ta' Malta

Il-Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti
UOM Main Page
 
 
 
Applika
Newspoint

reklam2018

 

Kors imfittex...

Tikteb bil-Malti f'xogħlok?

Tieħu ħsieb xi rivista jew sit elettroniku bil-Malti?

Tixtieq ittejjeb il-kitba tiegħek bil-Malti?

Dan il-kors maqtugħ għalik! (Livell 5 - MQF)

 

qoxra2018

 

Fi Frar 2018 se jiftaħ it-13-il kors li jwassal għaċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti, organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. L-istess kors hu offrut mill-ġdid f'Għawdex u jekk jintlaħaq in-numru ta' applikanti eliġibbli jiftaħ għall-ħames darba hemm ukoll.

Il-kors huwa tal-Livell 5 fil-Qafas Malti tal-Kwalifiki (MQF). Għal tagħrif dettaljat fuqu, tista' tara dan il-ktejjeb, b'mod partikolari, paġna 7. Il-kontenut akkademiku tal-kors issibu hawn.

 

L-applikazzjonijiet tard għall-kors miftuħin sad-19 ta' Jannar 2018, u jsiru elettronikament mis-sit tal-Università:

Għall-kors f'Malta, agħżel: Undergraduate/Postgraduate > 1. Undergraduate > 2. February 2018 > 3. Faculty of Arts > 4. Certificate in Proof Reading: Maltese (Part-time Evening)

Għall-kors f'Għawdex, agħżel: Undergraduate/Postgraduate > 1. Undergraduate > 2. February 2017 > 3. Faculty of Arts > 4. Certificate in Proof Reading: Maltese (Gozo) (Part-time Evening).

Imbagħad segwi l-istruzzjonijiet li tingħata mis-sit stess, billi tirreġistra bħala student/a ġdid/a tal-università inkella billi tuża d-dettalji tiegħek jekk diġà segwejt jew qed issegwi xi kors universitarju ieħor. Għal tagħrif amministrattiv ieħor fuq l-applikazzjoni, ara din. Għall-prezzijiet tal-korsijiet tal-università, iftaħ din. Inħeġġuk tapplika qabel it-3 ta' Jannar 2018.

Noti importanti għall-applikazzjoni:

1. Għall-kors mhumiex meħtieġa kwalifiki barranin. Għalhekk, fl-applikazzjoni tiegħek iżżidx referenzi għal ċertifikati li jista' jkollok minn universitajiet barranin.

2. Jekk għandek il-Malti fil-Livell Avvanzat, jekk jogħġbok inkludi l-grad tiegħu fl-applikazzjoni. Jekk m'għandekx il-Malti fil-Livell Avvanzat, tista' tapplika għall-kors xorta waħda.

3. Jekk tixtieq tattendi għall-kors f'Għawdex imma tista' ssegwih ukoll f'Malta, jekk jogħġbok applika għall-kors ta' Għawdex fl-ewwel preferenza u wkoll għall-kors ta' Malta fit-tieni preferenza. Iż-żewġ korsijiet huma l-istess, bl-istess għalliema u kontenut, imma jekk ma jiftaħx il-kors ta' Għawdex, l-applikazzjoni tiegħek tinqaleb awtomatikament għall-kors ta' Malta.

4. Fl-applikazzjoni qis li tinkludi l-indirizz elettroniku (email address) li tuża l-aktar u li tiċċekkja ta’ spiss. Se nkunu qed nikkuntattjawk elettronikament u għalhekk għandna bżonn dan il-kuntatt.

 

Għal sena oħra, l-Awtorità tax-Xandir qiegħda ġentilment tissussidja l-ħlas tal-kors għal 4 xandara/ġurnalisti jew impjegati li jieħdu ħsieb il-grafika bil-Malti fuq it-televiżjoni u r-radju. Kull min hu interessat għandu jikteb lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, Dr Joanna Spiteri, fl-indirizz joanna.spiteri@ba.org.mt. L-għażla ta’ min jieħu s-sussidju ssir mill-Awtorità tax-Xandir stess.

Dawn il-parteċipanti ssussidjati mill-qasam tax-xandir/ġurnaliżmu li jkunu temmew il-kors b'suċċess jistgħu jintalbu jikkontribwixxu f’xi eżerċizzju li, minn żmien għal żmien, l-Awtorità tax-Xandir jista' jkollha bl-għan li t-tagħrif u t-tagħlim miksub mill-kors ikompli jinfirex fost il-kollegi tagħhom.

 

Ingħaqad mal-432 qarrej tal-provi kkwalifikati biċ-Ċertifikat u idħol għal dan il-kors universitarju fuq il-kitba bil-Malti. Min itemmu b'suċċess, minbarra li jikseb iċ-Ċertifikat Universitarju (Cert. PRM(Melit.)) jingħata wkoll ix-Xhieda ta' Għarfien (warrant) mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti biex jagħmel xogħol ta' qari tal-provi bil-Malti.

Dan huwa kors professjonali li jħarrġek u jtik iċ-ċans tiddiskuti u tifhem aħjar ir-regoli tal-ortografija tal-Malti. Mhux biss, fil-kors tipprattika u tieħu gost... bil-provi!

Jekk għandek xi mistoqsija, iktbilna.


Fil-qosor...

Tul tal-kors: Kors universitarju part-time ta' sena (Frar 2018 - Jannar 2019) f'Livell 5 (MQF).

Jiem u Ħin: Il-lezzjonijiet, b'mod ġenerali, isiru darbtejn fil-ġimgħa:

MALTA - it-Tnejn u l-Ħamis, mill-5:30pm sat-8:30pm;

GĦAWDEX (jerġa' jiftaħ jekk jintlaħaq in-numru minimu ta' applikanti eliġibbli) - il-Ġimgħa mill-5pm sad-9pm, u s-Sibt mit-8am sa 12pm.

Deskrizzjoni: Il-kors hu maħsub għal kull min juża l-Malti miktub fil-post tax-xogħol u għal kull min jinteressah li jtejjeb il-kitba tiegħu bil-Malti. L-istudenti tal-kors jiġu mis-settur pubbliku u privat, ilkoll minn oqsma differenti tal-ħajja, u dan il-fatt jagħmel il-kors aktar interessanti.

Kwalifiki biex tapplika:

- Jekk sal-1 ta' Frar 2018 ma tkunx għalaqt 23 sena jrid ikollok iċ-Ċertifikat tal-Matrikola (il-kwalifiki ġenerali biex tidħol l-Università) u l-Malti fil-Livell Avvanzat sa grad Ċ.

- Jekk għandek aktar minn 23 sena u m'għandekx dawn il-kwalifiki, tista' tapplika xorta waħda u ssirlek intervista qasira minn bord tal-għażla apposta qabel jibda l-kors.

grupp2017
Il-ħdax-il grupp ta' qarrejja tal-provi mill-kors ta' Malta mat-tielet grupp li segwa l-kors f'Għawdex
ikkwalifikati biċ-Ċertifikat Universitarju u bix-Xhieda ta' Għarfien fil-Qari tal-Provi bil-Malti

Avviżi
Il-Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti
L-applikazzjonijiet miftuħin
Id-Diploma fil-Letteratura Maltija
Il-kors jerġa' jiftaħ f'Ottubru 2018
Basic Medical Maltese for the Healthcare Professions 1
For applicants employed in the healthcare profession
Basic Medical Maltese for the Healthcare Professions 2
This course is aimed at persons employed in the healthcare profession.
Medical Maltese Proficiency Certificate
For applicants with overseas qualifications
Midalja tad-Deheb għall-Prof. Oliver Friggieri
Oliver Friggieri onorat b'midalja tad-Deheb mill-Akkademja tal-Malti
300 sena mit-twelid ta' de Soldanis
Intervisti u ktejjeb għall-istudenti
Il-Kantilena
Sensiela ta' intervisti
 
 
Aġġornata l-aħħar: 15/1/2018

Log In Dħul