Study-Unit Description

Study-Unit Description


CODE MAL1368

 
TITLE Tipi ta' Realiżmu fin-Narrattiva Maltija

 
LEVEL 01 - Year 1 in Modular Undergraduate Course

 
ECTS CREDITS 4

 
DEPARTMENT Maltese

 
DESCRIPTION In-Narrattiva Soċjorealista: Mis-Soċjetà sal-Psikoloġija

Fit-tletinijiet tas-seklu għoxrin, żmien meta n-narrattiva Romantika Maltija, irrappreżentata l-aktar mix-xogħol ta’ Ġużè Muscat Azzopardi, kienet qiegħda toħloq narrattiva nazzjonali li tagħti omoġeneità storika, kulturali, reliġjuża, u lingwistika lill-Maltin, awturi bħal Juann Mamo, l-aktar bir-rumanz tiegħu Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka (1930-31), u Ġużè Ellul Mercer, bir-rumanz tiegħu Leli ta’ Ħaż-Żgħir (1938), irrakkontaw soċjetà profondament differenti. Dawn l-awturi mhux biss sfidaw konxjament, speċjalment Mamo, in-narrattiva dominanti tal-istorja u l-qagħda tal-poplu Malti fi żmienhom, imma kitbu bi stil li tbiegħed mil-lingwaġġ letterarju Romantiku dominanti, u f’waqtiet għamel parodija tiegħu. Ħarsa lejn ix-xogħol ta’ Mamo u Ellul Mercer, kif ukoll lejn l-effett li ħallew fuq il-kittieba ta’ wara l-Indipendenza (fil-każ ta’ Ellul Mercer) u tas-seklu 21 (fil-każ ta’ Mamo) titlob analiżi b’għodod teoriċi kontemporanji tal-istrateġiji narrattivi tagħhom.

In-Narrattiva dwar is-Snin Tmenin tas-Seklu Għoxrin

Din it-taqsima-studju tirrifletti fuq il-ħila tal-letteratura li tirrakkonta l-istorja, kemm permezz tal-ġeneru prevedibbli tar-realiżmu kif ukoll permezz ta’ strateġiji narrattivi inqas prevedibbli bħall-esaġerazzjoni, il-karikatura u l-ironija li kultant jinħassu iktar “realistiċi” mir-realiżmu. Dan jgħodd għal-letteratura tal-kbar u l-letteratura tat-tfal li tirrakkonta s-snin tmenin.

Għanijiet tal-Kors:

L-għan tal-ewwel parti ta’ dan il-kors huwa li jiġu mistħarrġa l-istrateġiji letterarji li jiddistingwu n-narrattiva soċjorealista minn ġeneri narrattivi oħrajn, b’enfasi speċjali fuq iż-żewġ awturi li jispikkaw f’dan il-ġeneru.

L-għan tat-tieni parti tal-kors huwa li jkun hemm għarfien dwar narrattiva li titkellem fuq epoka tat-tmeninijiet tas-seklu għoxrin, kif ukoll li jkun hemm iktar perspettivi fil-mod kif inħarsu lejn l-istorja ta’ epoka u lejn ir-rakkontar ta’ ġrajja li seħħet matul il-perjodu. Din it-taqsima għandha wkoll l-għan li tqajjem iktar id-diskussjoni dwar kif għandha tkun kritika kostruttiva fuq in-narrattiva u fuq kif qed jaħdmu l-għodod letterarji, biex iżżid l-għarfien tat-tipi differenti tal-ironija, tal-vuċijiet u tat-tonalità.

Kisbiet mit-Tagħlim:

1. Tagħlim:

Fi tmiem il-kors l-istudenti se jkunu:
- kisbu għarfien tal-patrimonju ta’ perspettivi u strateġiji narrattivi li bihom iż-żewġ kittieb soċjorealisti ttrattati fil-kors nebbħu lill-kittieba ta’ warajhom;
- kisbu perspettivi differenti mingħand awturi diversi li kitbu fi żminijiet varji dwar il-perjodu tat-tmeninijiet tas-seklu għoxrin;
- ingħataw għarfien tal-modi tal-ġeneri li jirrakkontaw epoka minn lenti li l-istudenti mhux bilfors ikunu familjari magħha jew mal-viżjoni li toffri;
- ingħataw elementi ġodda ta’ narrazzjoni skoperti fir-rakkonti letterarji magħżulin.


2. Ħiliet:

Fi tmiem il-kors l-istudenti se jkunu kapaċi:
- jevalwaw perjodu letterarju skont il-komponenti narrattivi ewlenin tiegħu;
- jifhmu iktar l-istrateġiji tan-narrattiva, b’għarfien aktar profond tas-sehem tal-istil, it-ton, il-karattri u l-figuri tat-taħdit li jużaw l-awturi;
- jagħżlu awtur minn ieħor fi ħdan l-istess ġeneru minkejja x-xebh ideoloġiku u stilistiku;
- jidentifikaw il-kumplessità tal-personalità letterarja ta’ kull awtur individwali;
- jagħrfu għalfejn awturi differenti jsemmu episodju storiku aktar minn ieħor;
- jiddistingwu bejn użi differenti tal-istess għodda letterarja bejn kittieba differenti jew mill-istess kittieb.

Biblijografija:

In-Narrattiva Soċjorealista: Mis-Soċjetà sal-Psikoloġija

Qari Bażiku:

- Ellul Mercer, Ġ. (2010) Leli ta’ Ħaż-Żgħir. Malta: Klabb Kotba Maltin.
- Ellul Mercer, Ġ. (1985) Il-Kitbiet Miġbura. I. Ed. kritika ta’ Ġużè Cassar Pullicino. Malta: Klabb Kotba Maltin.
- Mamo, Juann. (2013) Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka. Ir-4 ed. Ed. Adrian Grima. Malta: SKS.
- Mamo, Juann. (2010) Ġrajja Maltija. Ġabra ta’ Novelli. Ed. kritika ta’ Mark Vella. Malta: Klabb Kotba Maltin.

Qari Supplimentari:

- Bertoni, F. (2007) Realismo e letteratura. Una storia possibile. Torino: Einaudi.
- Brooks, P. (2005) Realist Vision. New Haven: Yale University Press.
- Cassar, A., Borg, O., Grima, A. (2013) Personaġġi f’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka. Malta: SKS.
- Friggieri, O. (1983) Ellul Mercer f''Leli ta' Ħaż-Żgħir' - Mir-Realtà għall-Kuxjenza. Malta: Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni.
- Friggieri, O. (1984) Ġwann Mamo. Il-Kittieb tar-Riforma Soċjali. Malta: Mid-Med Bank.
- Galea, F. (2007) Juan Mamo. Ħajtu u Ħilietu. Malta: SKS.
- Grima, A. (2010-11) L-Amerka ta’ Mamo. Sensiela ta’ programmi fuq Campus FM. http://campusfm.um.edu.mt/
- Mifsud, I. (2014) L-Antieroj. Malta: Klabb Kotba Maltin.

In-Narrattiva dwar is-Snin Tmenin tas-Seklu Għoxrin

Qari Bażiku:

- Friggieri, O. (2003) Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri. Malta: Mireva.
- Żahra, T. (1985) Qrempuċu f’Belt il-Ġobon. Malta: Kotba Luna Park.
- Vella Gera, A. (2012) Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi. Malta: Merlin.

Qari Supplimentari:

- Orwell, G. (1946) Why I Write. Online: http://www.orwell.ru/library/essays/wiw/english/e_wiw
- Gill, J. & S. Barker. Ed. (2011) Literature as History: Essays in Honour of Peter Widdowson. London: Continuum International Publishing Group.
- Mitchell, K., N Parsons, ed. (2012) Reading Historical Fiction: The Revenant and Remembered Past. Basingstoke: Palgrave Macmillan.

 
ADDITIONAL NOTES L-applikant irid ikollu r-rekwiżiti mitlubin mill-Kors sħiħ tad-Diploma, jiġifieri r-rekwiżiti mitlubin mir-Regolamenti għad-dħul fl-Università ta' Malta, kif ukoll il-grad C jew ogħla fil-Matrikola Avvanzata tal-Malti.

 
STUDY-UNIT TYPE Lecture

 
METHOD OF ASSESSMENT
Assessment Component/s Assessment Due Resit Availability Weighting
Examination (1 Hour) SEM1 Yes 50%
Assignment SEM1 Yes 50%

 
LECTURER/S Adrian Grima
Emanuel Psaila

 
The University makes every effort to ensure that the published Courses Plans, Programmes of Study and Study-Unit information are complete and up-to-date at the time of publication. The University reserves the right to make changes in case errors are detected after publication.
The availability of optional units may be subject to timetabling constraints.
Units not attracting a sufficient number of registrations may be withdrawn without notice.
It should be noted that all the information in the study-unit description above applies to the academic year 2019/0, if study-unit is available during this academic year, and may be subject to change in subsequent years.

https://www.um.edu.mt/course/studyunit