Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/6336
Title: L-erotiżmu femminili fil-poeżija ta’ Maria Grech Ganado
Authors: Agius, Celine
Keywords: Grech Ganado, Maria, 1943- -- Criticism and interpretation
Women in literature
Feminism in literature
Issue Date: 2015
Abstract: L-erotiżmu femminili fil-letteratura huwa fergħa ta’ studju li għadha ma tantx ġiet irriċerkata fil-letteratura Maltija. Żmien ilu kont diġà konvinta li rrid nirriċerka dan il-qasam minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni u kritika fuq il-poeżija erotika fil-Letteratura Maltija u speċjalment għax analiżi profonda tal-poeżija erotika femminili kienet għadha ma saritx. Ħafna drabi, il-poeżija erotika ġiet analizzata minn għajn maskilista. Għalhekk naħseb li hu interessanti ħafna li, din id-darba, tiġi eżaminata l-poeżija erotika minn perspettiva femminili. B’hekk l-għan ewlieni ta’ din it-teżina kien li nistħarreġ id-differenza bejn l-erotiżmu maskili u dak femminili. Għall-fini ta’ din ir-riċerka għażilt Iżda Mhux Biss, Fil-Ħofra Bejn Spallejha u Skont Eva li fihom hemm għadd ta’ metafori, leitmotifs u xbihat erotiċi femminili fil-poeżija ta’ Maria Grech Ganado. Ġew magħżula tliet teoristi femministi partikulari: Simone De Beauvoir, Hélène Cixous u Luce Irigaray. Huma ppruvaw jitfgħu dawl differenti mill-bqija tas-soċjetà fuq il-mara. De Beauvoir xeħtet dawl differenti fuq il-kumplessitajiet u d-dinamiċità tal-mara. Sostniet li l-erotiżmu femminili huwa differenti minn dak maskili, ipproġettat l-iktar f’kitbiet letterarji bħal Marquis De Sade u Georges Battaille. De Beauvoir għamlet l-almu tagħha biex turi li l-mara mhix biss ġuf, u l-funzjoni tagħha mhix biss il-maternità u l-abilità riproduttiva tagħha. “One is not born a woman but rather becomes one” (De Beauvoir 293). Il-mara tissawwar u mhux titwieled hekk. Hélène Cixous temmen li l-kitba għandha l-kapaċità li tillibera l-mara mill-ktajjen ta’ din id-dinja patrijarkali u b’hekk tħeġġeġ lin-nisa sabiex jiktbu lilhom infushom (889). Permezz tal-kitba, il-mara tkun qed tagħti l-ħajja lil ġisimha li ġie kkonfiskat u misruq mis-soċjetà. Cixous tħeġġeg lin-nisa sabiex iħallu lil ġisimhom, ix-xewqat u l-fantasiji jmexxu l-pinna tagħhom. Permezz tal-kitba, l-mara tilħaq livell kbir ta’superjorità u b’hekk tisfida lis-soċjetà konvenzjonali. Woman must write herself: must write about women and bring women to writing, from which they have been driven away as violently as from their bodies-for the same reasons, by the same law, with the same fatal goal. Woman must put herself into the text-as into the world and into history-by her own movement (Cixous 875-893). Luce Irigaray, bħal Cixous tisħaq li l-erotiżmu femminili m’għandu qatt jitkejjel bil-parametri maskili (879). Irigaray, tisħaq li l-erotiżmu femminili hu ferm iktar kumpless u mhux iffokat biss fuq il-fallu, iżda fuq diversi partijiet li mhumiex eroġeniċi. Il-mara għandha organi sesswali “multipli” ma’ ġisimha kollu. Woman's autoeroticism is very different from man's. He needs an instrument in order to touch himself: his hand, woman's genitals, language. . . . But a woman touches herself by and within herself directly, without mediation (Irigaray 100).
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/6336
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2015

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
15BAMAL003.pdf
  Restricted Access
1.36 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.