Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/1052
Title: Il Veru Mannarinu u l-kontribut tiegħu lejn il-kultura u l-letteratura f’Malta
Authors: Attard, Allison Marie
Keywords: Newspapers -- Maltese -- 19th century
Maltese literature -- 19th century
Malta -- Social life and customs
Issue Date: 2014
Abstract: Mad-dħul tal-liġi tal-istampa fl-1839 Malta bdiet ta' kull sena tara gazzetti ġodda jitwieldu, għalkemm ħafna minnhom ma kellhomx ħajja twila. Kien hemm min esperimenta b'dan il-ġurnal ġdid proprju għaliex kien xi ħaġa ġdida u kien hemm min inqeda bil-gazzetta biex jagħti l-opinjoni tiegħu. Kienet x'kienet ir-raġuni, dawn huma sorsi primarji li ma nistgħux ma nagħtux kashom. L-ewwel ħarġa tal-Mannarinu, ġurnal 'politicu, letterariu u variu', dehret il-Ħamis 14 ta' Novembru 1895 taħt id-direzzjoni ta' Antonio Dalli (1864–1948), ġurnalist u politiku (Schiavone, Dictionary of Maltese Biographies 1: 654). Il-ġurnal kien joħroġ darba fil-ġimgħa u kien jinbiegħ fit-toroq għal sold. Min kien jissieħeb fih ried iħallas xelin u nofs bil-quddiem għal sitt xhur u jekk wieħed kien jirnexxilu jsieħeb tnax oħra miegħu kien ikollu l-ġurnal b'xejn. Dawk li kienu joqogħdu barra minn Malta kellhom iħallsu ftit aktar għall-postaġġ. Mannarinu kien jiġi stampat fi Stamperija Mifsud, 62, Triq Sant' Ursula, Il-Belt (Mannarinu 14 ta' Novembru 1895: 1). Fl-1896, il-ġurnal biddel ismu għal Il Veru Mannarinu u sar ġurnal 'politicu, letterariu, religius u variu' (Il Veru Mannarinu 2 ta' Mejju 1896: 1) u beda joħroġ kull nhar ta' Sibt. L-abbonament kien ta' erba' xelini fis-sena imma wieħed seta' jħallas xelin kull tliet xhur. Minflok fit-toroq issa l-gazzetta bdiet tinbiegħ fl-uffiċċju tal-ġurnal għal sold u min kien jixtieq xi kopja ta' xi ħarġa minn qabel kellu jħallas żewġ soldi (Il Veru Mannarinu 2 ta' Mejju 1896: 1). Minn Lulju 1898, Il Veru Mannarinu beda jiġi stampat f'Tipografia Sociale, 26D, Triq Sant' Ursula, Il-Belt quddiem il-British Hotel (Il Veru Mannarinu 2 ta' Lulju 1898: 1). F'Settembru 1898, kemm id-direzzjoni kif ukoll listamperija imxew għal Strada San Paolo, Nru. 330, Il-Belt (Il Veru Mannarinu 24 ta' Settembru 1898: 3). Dalli kien jikteb ukoll f'numru ta' gazzetti oħra fosthom Malta Tagħna u Popolo di Malta. Minbarra hekk, fl-1891 waqqaf il-gazzetta Melita, li kienet toħroġ kull ġimgħa u fl-1896 waqqaf il-gazzetta Il Patriota li kienet toħroġ kuljum (Schiavone, Dictionary of Maltese Biographies 1: 654). Taħt id-direzzjoni tiegħu, Dalli kellu wkoll Li Stilla Levantina, gazzetta favur il-libertà tal-poplu. Meta imbagħad bdiet toħroġ Il Veru Mannarinu, dawn ingħaqdu f'Mejju tal-1896 u saru gazzetta waħda, “taħt l' isem ta dac il kalbieni Sacerdot li chien jismu DUN GHEIT MANNARINU” (Il Veru Mannarinu 2 ta' Mejju 1896: 1). Dalli kien jittama li s-soċji ta' Li Stilla Levantina jifirħu b'din l-unjoni “ghax taghmel il forza contra min jobghod il Libertà” (Il Veru Mannarinu 2 ta' Mejju 1896: 1). Il-ġurnal kien imqassam f'żewġ sezzjonijiet, l-ewwel żewġ paġni kienu jkunu ffukati laktar fuq il-ħajja politika tal-perjodu, eżempju meta kienet issir xi seduta tal-Kunsill matul il-ġimgħa, kont issibha fil-ġurnal is-Sibt ta' wara u numru ta' artikli oħra li kienu jargumentaw u jikkummentaw dwar dan l-aspett politiku. Fl-aħħar żewġ paġni ġeneralment kont issib xi poeżija, xarada, xi artiklu dwar xi festa li tkun għadha kif saret, aħbarijiet lokali u anke internazzjonali, avviżi dwar xi attività teatrali jew mużikali u informazzjoni għall-qarrejja. Il-ġurnal kien jagħlaq b'kapitlu minn xi biċċa xogħol narrattiva. Fl-ewwel ħarġa l-editur isostni li bħala Malti, hu u sħabu dejjem qabżu għad-drittijiet tal-Maltin kontra l-Gvern kolonjali li kien ħsiebu biss biex jagħsar u jaħqar lill-poplu. Hu jkompli jgħid li sachmm jibkghelna katra minn dac id demm pur ta veri Maltin, aħna nibkghu niddefendu id drittijiet sacrosanti tal Patria ghaziza taghna, accost li nieħdu il meut seu bħal dauc l'Eroi immortali li jibkghu stampati f'kalbna, irridu ngheidu bħal Matteu Callus, li miet imghallaq ghax tant ħada contra il Cavalieri billi chienu jisirku id drittijiet taghna (Mannarinu 14 ta‟ Novembru 1895: 1). L-għażla tal-isem tal-gazzetta jirrifletti din il-filosofija. Dun Gejtan Mannarinu, patrijott kuraġġuż u ekkleżjastiku, għex bejn l-1722 u l-1814. Kien saċerdot eżemplari li spiċċa jaqbeż għad-drittijiet tal-poplu u l-kjeriċi minħabba l-istat ħażin li kienet tinsab fih Malta (Schiavone, Dictionary of Maltese Biographies 2: 1100). Ximenes, li kien għadu kif ħa post Pinto bħala Granmastru, naqas milli jżomm mal-wegħdi li kien għamel biex inaqqas l-għoli tal-ħajja u pprova jsib alternattiva oħra minflok il-ħobż peress li kien skars ħafna (Callus 16-17). Fl-età ta‟ ħamsin sena, Mannarinu, flimkien ma' erbgħa u għoxrin ruħ oħra fosthom qassisin u kjeriċi, ftiehem li jqajjem rewwixta kontra l-Ordni fil-lejl tat-8 ta' Settembru 1775. Ħafna minn dawk tal-konfoffa ma marrux jew inkella ħarbu waqt ir-rewwixta. Għalkemm kienu ftit wisq, inqasmu f‟żewġ gruppi u xorta rnexxielhom jaħtfu Sant'Iermu u San Ġakbu. Għall-ewwel il- Kavallieri nħasdu, imma meta raw li l-Maltin baqgħu ma ħarġux mar-ribelli ħadu rruħ. Bl-ordni ta' Ximenes attakkaw liż-żewġ fortizzi u arrestaw lil Dun Gejtan u lil sħabu li kienu baqgħu hemm (Callus 22-23). Fl- 20 t'Ottubru 1775 tressqu l-Qorti u Dun Gejtan, bħala l-mexxej tar-rewwixta, spiċċa kkundannat għomru l-ħabs. Baqa' maqful ġo Sant'Iermu taħt l-art sakemm ġie meħlus minn Napuljun fl-1798 (Callus 48-52). Il-gazzetta hija mnebbħa mill-valuri u l-ideali għall-ħelsien u l-libertà ta' Dun Gejtan Mannarinu. Bħala ġurnal indipendenti, l-idea ċentrali kienet li jagħti lil kulħadd dak li kien ħaqqu bla ma jkun partiġjan. Waqt li kien jilqa' lil kull Malti indipendenti kien jaċċetta li jippubblika biss artikli verament indipendenti (Mannarinu 14 ta' Novembru 1895: 1). Però, jekk wieħed jifli sew l-artikli politiċi, jinduna li l-maġġoranza jxaqilbu lejn innaħa Savonjana u l-Partit Popolari. Il-kritika u t-tgħajjir lejn Mizzi u sħabu ma kien jieqaf xejn. Il-ġurnal huwa ritratt tal-aħħar ħames snin tas-seklu dsatax. Permezz tal-kummenti, il-kritika u l-argumenti ttrattati, jixirfu aħjar il-problemi u l-kunflitti li kienu ilhom ġejjin minn snin qabel.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/1052
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2014

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
14BAMAL002.pdf
  Restricted Access
B.A.(HONS)MALT.1.44 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.