Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/1099
Title: Il-kunċett tal-letteratura fil-kitbiet estetiċi ta’ xi awturi Maltin
Authors: Borg, Matthew
Keywords: Maltese literature -- History and criticism
Aesthetics -- Maltese authors
Aestheticism (Literature)
Literature -- Aesthetics
Issue Date: 2014
Abstract: Dax-xogħol se jiffoka fuq tliet suġġetti ewlenin preżenti fid-diskussjonijiet estetiċi Maltin, jiġifieri l-identifikazzjoni tal-letteratura, ir-relazzjoni bejn il-letteratura u s-soċjetà u s-suġġett tal-Veru, rispettivament. Din l-għażla saret wara konsultazzjoni mat-tutriċi u wara li ġie deċiż fuq parir tagħha li kien hemm biżżejjed materjal għal kull taqsima biex isir approfondiment fuqu f’dan il-livell ta’ teżi fl-ewwel grad. L-għażla ta’ dawn is-suġġetti saret ukoll skont l-argumentazzjonijiet li aktarx setgħu jixirfu l-aktar fil-maġġoranza tal-kitbiet estetiċi ewlenin, kitbiet li jinsabu miġburin f’ L-Estetika Maltija: antoloġija kritika tal-istess tutriċi. L-għażla tat-taqsimiet fi ħdan kull kapitlu tħalliet f’idejn l-awtur li mbagħad ġiet diskussa mat-tutriċi, u b’hekk tfassal il-qafas ġenerali ta’ dan ix-xogħol. L-ewwel kapitlu nqasam f’żewġ oqsma ewlenin li huma l-ġudizzju estetiku u r-relazzjoni bejn il-kontenut u l-forma. L-ewwel taqsima, li tikkonċerna mill-qrib in-natura ontoloġika tal-letteratura, trattat is-suġġetti tas-Sabiħ, l-espressjoni tal-emozzjonijiet u finalment l-element għarriefi fil-letteratura. It-tieni taqsima ħarset lejn xogħol artistiku maqsum teorikament fi tnejn u kif dawn iż-żewġ komponenti jinteraġixxu flimkien biex isiru wieħed. Wara dan l-ewwel pass li stabbilixxa x’inhuma l-karatteristiċi li l-ħsieb estetiku Malti jara bħala fundamentali fl-arti letterarja, issa kien imiss li jiġi analizzat kif dawn il-karatteristiċi mifhumin f’għaqda bħala ġisem wieħed, jirrelataw m’oqsma oħra tal-ħajja. Intgħażel l-aspett soċjali tal-letteratura u x’post jew funzjoni għandu fis-soċjetà, dejjem biswit oqsma oħra f’interazzjoni dinamika, li f’waqtiet twassal għal sitwazzjoni armonjuża bejn iż-żewġ oqsma daqskemm ukoll f’kunflitt. Id-diskussjoni inkludiet l-impenn soċjali tal-artist, u sussegwentament il-qrubija tal-letteratura ma’ żewġ oqsma oħra ċentrali fl-iżvolġiment soċjali, jiġifieri s-soċjoloġija u l-politika. Hi qrubija f’termini soċjali, filwaqt li f’termini artistiċi l-letteratura titbiegħed mill-mezzi tal-oħrajn. Dan jirriżulta f’tensjoni li tista’ tinħoloq u għalhekk il-problematika tal-komunikazzjoni soċjali kienet tema oħra diskussa. L-aħħar parti tal-kapitlu kienet immotivata minn polemika żgħira bejn żewġ kontributuri Maltin li l-prinċipji ewlenin li ħarġu minnha fetħu diskussjoni akbar dwar ir-realiżmu kemm bħala teknika kif ukoll bħala attitudni, dejjem fi ħdan diskors soċjali. It-tielet u l-aħħar kapitlu djieq aktar fit-tip ta’ argumentazzjonijiet għax iffoka fuq il-Veru fil-letteratura. Minkejja l-partikularità tiegħu, is-suġġett hu diskuss ferm fl-estetika Maltija u l-idea ġenerali li tingħata hi li l-letteratura tajba dejjem se żżomm il-verità bħala l-wasla artistika tagħha, u l-aktar għax tgħix f’rabta sfiqa mal-ħajja. L-ewwel taqsima indagat x’jinftiehem b’verità artistika, jiġifieri t-tlaqqigħa tal-Veru f’termini filosofiċi mal-arti bħala teknika. It-tieni taqsima marret pass qabel, biex jingħad hekk, għax tat ħarsa ħafifa lejn il-Veru bħala kunċett filosofiku qabel kollox. Minn din id-diskussjoni l-attenzjoni mxiet għal fuq l-utilità tal-Veru letterarju. L-aħħar taqsima trattat il-lat tekniku jew artistiku kif il-verità titlaħħam fil-kitba. Deher kif l-immaġinazzjoni hi l-mutur tal-arti, fost muturi oħra, u għalhekk, waqt li l-libsa tal-finzjoni tidher bħala gidba, il-letteratura bil-Veru bħala għan tħaddem il-mekkaniżmi speċifikament tagħha biex turina dak li hemm taħt il-livell tal-affarijiet li nġarrbu bis-sensi. Fi kliem ieħor l-arti tistieden il-vjaġġ mir-realtà li tidher għall-essenza spiritwali ta’ dak li hu dejjem u kullimkien. Għaldaqstant, imqegħdin wara xulxin f’din l-ordni, dawn it-tliet kapitli jixhdu kontinwazzjoni u żvilupp tal-kunċett tal-letteratura skont qisien estetiċi Maltin, u għalkemm jistgħu jinqraw individwalment skont is-suġġett partikulari, wieħed jifhem li bejniethom jidħlu f’xulxin u jsawru xogħol organiku wieħed.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/1099
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2014

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
14BAMAL010.pdf
  Restricted Access
14BAMAL0101.23 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.