Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/37604
Title: Bibljografija kritika dwar is-snajja’ Maltin
Authors: Buhagiar, Michela
Keywords: Malta -- Social life and customs
Artisans -- Malta
Issue Date: 2018
Citation: Buhagiar, M. (2018). Bibljografija kritika dwar is-snajja’ Maltin (Bachelor's dissertation).
Abstract: It-teżi tiegħi hija mqassma f’erba’ kapitli. L-ewwel kapitlu jagħti ħarsa storika lejn il-qasam tas-snajja’. Dan il-kapitlu huwa mqassam fi tliet partijiet. L-ewwel parti tinvolvi l-idea bażika ta’ dan il-qasam, jiġifieri s-sengħa bħala qadi tal-ħtiġijiet primarji tal-bniedem, bħall-ilbies, l-ikel u l-kenn. Dawn huma ħtiġijiet dejjem marbutin mal-kultura, mal-livell ta’ għejxien u mal-mezzi finanzjarji tal-bniedem. Din il-parti tinvolvi wkoll il-qadi ta’ dawn il-ħtiġijiet mill-individwu stess, eż: s-snajja’ tal-ħjata, tal-iskarpan, tal-biedja u sajd, tal-bini, eċċ. It-tieni parti mbagħad tinvolvi l-artiġjan: intraprendituri żgħar, min jaħdem għalih jew/u bil-ġurnata mal-partikular, u min jaħdem bħala xogħol barrani jew anki bħala passatemp sabiex jaqla’ xi lira żejda. Hawnhekk, ħaddiem wieħed jagħmel prodott wieħed filwaqt li għall-bqija tal-ħtiġijiet tiegħu u tal-familja tiegħu jiddependi fuq l-oħrajn. F’din il-parti wkoll nitkellem dwar il-“guilds”: xirkiet tas-snajja’ li jmorru lura s-snin. Fit-tielet u l-aħħar parti ta’ dan il-kapitlu, insemmi d-dħul u l-indħil tal-fabbriki u l-magni, meta l-ħila tal-idejn tibda tonqos u l-preżenza tal-magni f’ħajjet il-bniedem tieħu post is-sengħa. Xieraq li f’din il-parti jissemma ż-żmien tar-Rivoluzzjoni Industrijali bejn l-1760 u l-1840 għaliex kien f’dan iż-żmien li seħħew diversi avvenimenti importanti li ġabu bidla kbira magħhom, fosthom bidliet soċjali, ekonomiċi u politiċi. It-tieni kapitlu jittratta s-snajja’ f’Malta fi żmien missirijietna u llum. Dan il-kapitlu huwa maqsum fi tliet partijiet. Fl-ewwel parti tingħata ħarsa fil-qosor lejn is-snajja’ f’Malta fl-imgħoddi, liema snajja’ kienu l-iktar importanti u meħtieġa dak iż-żmien. It-tieni parti mbagħad tinvolvi s-snajja’ f’Malta llum; it-tibdil tas-snajja’ f’ħajjet il-bniedem illum il-ġurnata, u jiġu ppreżentati xi vantaġġi u żvantaġġi ta’ dan. Fit-tielet parti, imbagħad, imsemmijin għandna l-awturi ewlenin li ttrattaw l-aktar is-snajja’, mhux dawk li kemm kemm semmewhom, u ssir valutazzjoni tax-xogħlijiet ewlenin, jiġifieri x’fihom dawn ix-xogħlijiet, kif jittrattawhom dawn l-awturi u jekk fihomx lista ta’ kliem tas-sengħa, eċċ. Din il-parti wkoll tista’ tiswa ħafna lir-riċerkaturi futuri, billi jkunu jistgħu jieħdu idea ġenerali tax-xogħlijiet importanti dwar is-snajja’ u ta’ x’fihom, qabel ma jidħlu għar-riċerka tagħhom. Il-qofol ta’ din it-teżi nsibuh f’kapitlu tlieta. Dan il-kapitlu jittratta bibljografija tas- snajja’ tradizzjonali Maltin. Hawn se jiġi spjegat kif inħadmet din il-bibljografija tat-teżi tiegħi. Fl-ewwel parti nispjega l-kriterji li bihom ġbart u qassamt din il-lista ta’ bibljografija, u tingħata lista ta’ taqsiriet li jinsabu f’din il-ġabra. Fit-tieni parti, insemmi d- diffikultajiet li għaddejt minnhom jiena u nagħmel din il-lista, u kif jirnexxili negħleb dawn id-diffikultajiet. Fit-tielet parti l-qarrej isib il-ġabra bibljografika. Din il-lista tinvolvi ħafna snajja’ differenti u mat-tletin riżorsa fejn tista’ ssib informazzjoni fuq dawn is-snajja’. Fir-raba’ u l-aħħar kapitlu nasal għall-valutazzjoni tar-riżultati tax-xogħol tiegħi, jiġifieri tal-bibljografija. Dan il-kapitlu fih ħarsa lejn dak kollu li ħareġ mix-xogħol tat-teżi, jiġifieri mil-lista ta’ kitbiet li sibt fuq kull sengħa. Nagħżel u nsemmi s-snajja’ li ġew ittrattati l-aktar u mbagħad is-snajja’ li ġew ittrattati inqas, jew l-inqas, u nagħti xi raġunijiet possibbli għal dawn id-differenzi. B’hekk ir-riċerkaturi tal-futur jista’ jkollhom dehra komplessiva tal-oqsma li għadhom joffru u jitolbu lok għar-riċerka, u liema huma dawk li fihom diġà saret riċerka abbundanti. Fl-aħħar ta’ dan il-kapitlu nagħti xi suġġerimenti għal xogħol ieħor li jista’ jkompli ma’ dak li diġà sar u anke max-xogħol tiegħi.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/37604
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2018
Dissertations - FacArtMal - 2018

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
18BAMAL005.pdf
  Restricted Access
1.17 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.