L-Università ta' Malta
 

Aħbarijiet
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

Il-Fondazzjoni Vodafone Malta tagħti €100,000 lil RIDT

Għal teknoloġija ġdida li tiffaċilita r-riċerka dwar mard prevalenti fost il-Maltin 

Il-Fondazzjoni Vodafone Malta u l-Università ta’ Malta iffirmaw ftehim biex tiġi ffaċilitata teknoloġija avvanzata li tesplora kawżi u trattamenti għal mard bħad-dijabete, ażma, talessimja u l-ALS.  

Il-proġett, li jiswa €100,000, ser iwassal għall-iżvilupp ta’ portal tal-internet speċjalizzat, kif ukoll mobile app, bl-għan li jħeġġu u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-Biobank u b’hekk tinħoloq konnessjoni bejn il-pubbliku, ir-riċerkaturi u l-pazjenti.  

 

vodafonedonation_1 

 

Il-finanzjament ser jiġi ġestit mir-Research Trust (RIDT) tal-Università ta’ Malta, filwaqt lir-riċerka sejra tiġi mwettqa miċ-Ċentru għall-Mediċina Molekulari u Biobanking tal-Università. 

Il-Biobank jirċievi u jaħzen kampjuni ta’ kwalità għolja li jintużaw biex id-DNA jiġi estratt biex jiġi nvestigat mard importanti. Ċertu tipi ta’ kundizzjonijiet, bħad-dijabete u l-kundizzjoni rari fid-demm magħrufa bħala talessimja, għandhom għal xi raġuni inċidenza għolja fost il-Maltin meta wieħed iqabbel mal-Ewropej. 

Riċerka dwar kif il-popolazzjoni lokali hija mfassla ġenetikament tista’ tgħin tixħet dawl fuq ir-raġuni għala l-Maltin huma predisposti għal ċertu mard. Tista’ wkoll tgħin tiffaċilita kura effettiva.  

Però dan kollu huwa dependenti fuq ġabra attiva u kollaborattiva ta’ nies li jagħtu l-kampjuni tad-demm. Dawn huma miżmuma fil-Biobank u magħmula disponibbli għall-komunità ta’ riċerkaturi għal programmi varji ta’ riċerka.

Matul l-iffirmar tal-ftehim, il-Prof. Alfred J. Vella, Rettur tal-Università ta’ Malta, faħħar din il-kollaborazzjoni ta’ bejn l-industrija u l-akkademja.   

“L-industrija għandha ħafna x’toffri lill-università u, bl-istess mod, università moderna għandha tkun hemm għall-industrija. Dan il-proġett ser iġib l-aħjar taż-żewġ atturi flimkien, u l-benefiċjarju finali hija s-soċjetà nnifisha.”

 

vodafonedonation_2 

 

Is-Sur Michel Macelli, chairman tal-Fondazzjoni Vodafone Malta, qal li l-proġett, li huwa stmat li ser jieħu sentejn biex jitlesta, ġie magħzul bħala l-‘Hero Project’, jew il-proġett ewwlieni, tal-Fondazzjoni.  

“L-għan ewlieni tal-Fondazzjoni Vodafone Malta huwa li tidħol fi sħubija, u li tappoġġja u tiffinanzja proġetti li jaqaw taħt il-programm Connecting for Good. L-iskop ta’ dan il-programm huwa l-użu tat-teknoloġija tal-mobile biex ġġib bidla soċjali permezz t’innovazzjoni teknoloġika biex jitwasslu proġetti b’saħħithom u t’impatt li jbiddlu l-ħajja tal-komunità għall-aħjar.  

“Ninsabu kburin li qiegħdin nissiebħu mal-Università ta’ Malta għal proġett li nemmnu li jista’ jgħin ibiddel il-futur tal-kura tas-saħħa f’Malta.”  

L-online portal sejra ttejjeb ir-relazzjoni ta’ bejn ir-riċerkaturi u l-parteċipanti tar-riċerka billi tipprovdi interface tal-IT fejn jistgħu jikkomunikaw online. Permezz tagħha, sejrin jintwrew video clips informattivi li jispjegaw fid-dettall il-modi ta’ kif individwi jistgħu jikkontribwixxu b’ mod attiv lejn ir-riċerka innovattiva taċ-Ċentru. Il-videos ser ikunu qed jispjegaw ukoll x’inhuma l-miri tal-Biobank u x’għandhom jistennew dawk li jiddeċiedu jipparteċipaw u x’inhuma d-drittijiet tagħhom.  

Permezz tal-portal, ser ikun possibbli li wieħed juża mezzi sofistikati u flessibbli ta’ kif jagħti l-kunsens tiegħu rigward l-użu tal-kampjuni, fejn il-parteċipant jibqa’ f’kuntatt mar-riċerkaturi tal-Biobank. Il-portal jagħti wkoll il-faċilita li wieħed isegwi l-użu tal-kampjuni tiegħu u li jirċievi informazzjoni u updates rigward il-proġetti ta’ riċerka li fihom qed jintużaw il-kampjuni tad-demm ta’ dak li jkun.  

Ir-riżultati eventwali ta’ dawn il-programmi tar-riċerka jkunu jistgħu jiġu kkomunikati permezz tal-portal, li ser ikun qed jipprovdi wkoll testimonjanzi ta’ pazjenti. 

Wieħed mill-karatteristiċi ta’ dan l-IT platform huwa mobile app verament innovattiv li jiġbor il-metadata li għandu x’jaqsam ma’ health data sensors (bħal fitness apps fuq smartphones, Applewatch u Fitbit wrist bands) biex, bil-permess tal-parteċipant, informazzjoni rigward il-kundizzjoni fiżika tiegħu bħar-rata tal-qalb u l-forma t’eżerċizzju li jagħmel ikun jista’ jiġi pproċessat u użat mir-riċerkaturi. 

Sa ’il fuq minn 20,000 ruħ f’Malta waħedha ser ikunu jistgħu jibbenefikaw mix-xogħol imwettaq miċ-Ċentru, filwaqt li dan il-mudell jista jintuża bħala xempju ta’ best practice fejn jidħlu l-governanza ta’ biobanks u ta’ riċerka ġenetika madwar id-dinja.

 


 

Tnedija #StopStigma: Kampanja Nazzjonali ta’ Għarfien Dwar is-Saħħa Mentali

Il-problemi ta’ saħħa mentali u l-mard mentali jistgħu jfiġġu fi kwalunkwe etàu jeffettwaw lil kulħadd, irrispettivament mill-ġeneru, razza, kulur jew status soċjali

Fis-seklu 21, l-era tas-soċjetàtal-għarfien, tal-iskoperti ġodda u tal-midjasoċjali, ir-realta` tal-problemi ta’ saħħa mentali għadha mhix mifhuma kif jixraq u ħafna drabi hija mdawra bi stigma. Filwaqt li l-emozzjonijiet jagħtu kulur lil ħajjitna, l-emozzjonijiet qawwija ħafna li joħorġu fil-kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali jmorru lil hinn mill-effetti ta’ “inħossni tajjeb” u “nħossni ħażin” iżda għandhom it-tendenza li jkarkru aktar fit-tul. Dan bil-konsegwenza li jfixklu l-ħajja tal-persuna li jkun għaddej minn problema ta’ saħħa mentali, u l-ħajja ta’ madwaru. Bħall-isfidi l-oħra tas-saħħa, il-problemi ta’ saħħa mentali jistgħu jkunu diversi u l-manifestazzjoni tagħhom hi unika għal kull persuna li tkun qed tbati, u tvarja skont it-tip, it-trattament, il-personalità, is-sapport li jirċievi, eċċ. Filwaqt li l-informazzjoni normalment tieqaf sal-livell li tagħti stampa negattiva, huwa nkoraġġanti illi teżisti għażla wiesgħa ta’ trattamenti li jindirizzaw is-sintomi tal-mard mentali u b’hekk jagħtu l-possibilitàlil min ikun qed ibati li jtejjeb il-kwalita` tal-ħajja tiegħu, minkejja l-problemi li jkun qed iħabbat wiċċu magħhom. Li tifhem u taqsam l-esperjenza mal-persuna li tkun għaddejja minn diffikultà,ħafna drabi jista’ jkun fattur determinanti sabiex tgħinha fil-proċess ta’ kura u tagħtiha kuraġġ li tiffaċċja l-isfidi.  

‘Għalkemm matul l-aħħar għaxar snin żdied l-għarfien u l-kuxjenza dwar materji ta’ saħħa mentali, l-istigma u d-diskriminazzjoni li jiffaċċjaw persuni bi problemi ta’ saħħa mentali baqgħu għoljin ħafna. Dan hu dovut għall-perċezzjonijiet soċjali tal-problemi ta’ saħħa mentali li huma miżgħuda b’ideat żbaljati u negattivi. L-ideat żbaljati dwar persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali għadhom komuni mhux biss fil-midja  u  fuq it-televiżjoni, imma anke fl-ambjenti professjonali u fl-iskejjel kif ukoll fis-settur tas-saħħa nnifsu, u dan bħala riżultat ta’ nuqqas ta’ għarfien u kuxjenza dwar dan is-suġġett.’ (ref. Mental Health Europe)
Sfortunatament in-nuqqas ta’ għarfien ħafna drabi jwassal għall-ispekulazzjonijiet u t-twemmin żbaljat li għandu ħabta jinstiga aktar stigma. Għal dan il-għan, l-Uffiċċju tal-Kummissarju dwar is-Saħħa Mentali u d-Dipartiment tas-Saħħa Mentali, fil-Fakulta` tax-Xjenzi tas-Saħħa fl-Universita` ta’ Malta, qed iniehdu kampanja sabiex jikber l-għarfien u sabiex il-pubbliku jkun informat aħjar u b’hekk tingħeleb l-istigma marbuta mas-saħħa mentali.

Il-ħsieb wara din il-kampanja oriġina minn proġett tal-istudenti tal-Università ta’ Malta bħala parti mill-kors ta’ Baċellerat tal-Mental Health Nursing fejn l-istudenti ddisinjaw numru ta’ posters maħsuba sabiex iqajmu kuxjenza dwar is-Saħħa Mentali. 
Waqt it-tnedija tal-kampanja #STOPSTIGMA se jkunu preżentati numru minn dawn il-posters. Fuljett bil-Malti li jismu ‘10 Ideat żbaljati dwar is-saħħa mentali li int tista’ tgħinna nwarrbu!’ se jagħti aktar informazzjoni dwar l-ideat żbaljati fuq is-saħħa mentali li jkomplu jkabbru l-istigma . Dan il-fuljett kien adattat mill-materjal maħruġ għall-kampanja internazzjonali dwar is-saħħa mentali "Each Of Us" mibdija mill-Mental Health Europe. 

Aktar ‘il quddiem, numru ta’ personalitajiet Maltin se jkunu mistiedna jingħaqdu ma’ din il-kampanja u jagħmluha ta’ ambaxxaturi sabiex jippromwovu s-saħħa mentali permezz ta’ dehriet u diskorsi fil-pubbliku. 

Fl-istess waqt, kumpaniji lokali u entitajiet oħra se jkunu mistiedna sabiex ikunu sieħba strateġiċi u jippromwovu l-għanijiet ta’ din il-kampanja: fost l-impjegati / klienti/ residenti / dawk li jagħmlu użu mis-servizzi tagħhom u permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni tagħhom u l-midja soċjali; billi jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ politika dwar is-saħħa mentali fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom;billi joħorġu huma stess b’metodi innovattivi u kreattivi ta’ kif jippromwovu din il-kampanja u/jew is-saħħa mentali tal-ħaddiema tagħhom u tas-soċjeta` in ġenerali. 

Dawk il-personalitajiet u l-entitajiet li jagħżlu li jikkollaboraw u jippromwovu din il-kampnja #STOPSTIGMA se jkunu qed jingħataw ċertifikat ta’ parteċipazzjoni waqt attivita` apposta li se tittella’ lejn l-aħħar tal-2018.
www.facebook.com/mentalhealthisimportantmalta/

 


 

Tingħata l-Medalja Elisabeth Mann Borgese tal-IOI lill-Professur Alfred J. Vella

Tingħata l-Medalja Elisabeth Mann Borgese tal-International Ocean Institute lill-Professur Alfred J Vella
Is- Sa Antonella Vassallo, il-Professur Alfred J. Vella, u Dr Awni Behnam

Tingħata l-Medalja Elisabeth Mann Borgese tal-International Ocean Institute 
lill-Professur Alfred J Vella – Rettur, tal-Università ta’ Malta

L-International Ocean Institute (IOI), imwaqqaf fl-1972 bil-kwartieri ġenerali fis-sede tal-Università ta’ Malta, iddeċieda, permezz ta’ deċiżjoni unanima tal-Bord tal-Gvernaturi, li jgħati l-Medalja Elisabeth Mann Borgese lill-Professur Alfred J Vella – Rettur tal-Università ta’ Malta - bħala rikonoxximent tal-appoġġ imprezzabbli tiegħu lill-IOI u l-programmi ta’ dan l-Istitut għall-iżvilupp tal-kapaċità, l-edukazzjoni u t-taħriġ, offruti f’Malta. 

Iċ-ċerimonja tal-għotja saret fil-Kampus tal-Belt Valletta tal-Università ta’ Malta. Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm Dr Awni Behnam, President Onorarju tal-IOI; il-Kanċillier, ir-Reġistrar u l-Pro-Retturi tal-Università ta’ Malta; il-Viċi Dekan tal-Fakultà tal-Liġi, (sħab mal-IOI fil-kors ta’ Master of Art Degree in Ocean Governance); l-Ambaxxatriċi Simone Borg u l-Professur Louis F. Cassar, Gvernaturi tal-IOI; Ms Antonella Vassallo, Direttur Maniġerjali tal-Kwartieri tal-IOI; u l-Professur Alan Deidun, Direttur taċ-Ċentru għat-Taħriġ tal-IOI f’Malta.  Iċ-ċelebrazzjoni, li attendew ukoll għaliha benefiċjarji attwali tat-taħriġ fil-governanza tal-oċean f’Malta, li qegħdin isegwu l-Programm ta’ Taħriġ tal-IOI dwar il-Governanza Reġjonali tal-Oċean għall-Mediterran, il-Baħar l-Iswed, il-Baħar Baltiku u l-Baħar Kaspju, u l-istudenti li qegħdin isegwu kors ta’ M.A. in Ocean Governance, offrut flimkien mal-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Malta u l-IOI.

Ċitazzjoni: B’tifkira ta’ Elisabeth Mann Borgese, il-Bord tat-Tmexxija tal-IOI ddeċieda li jagħti l-medalja Elisabeth Mann Borgese lill-Professur Alfred J Vella – Rettur tal-Università ta’ Malta għall-appoġġ tiegħu lill-IOI u l-programmi ta’ dan l-Istitut għall-iżvilupp tal-kapaċità tiegħu, l-edukazzjoni u t-taħriġ, matul it-terminu tal-kariga tiegħu bħala Pro-Rettur għall-Affarijiet Akkademiċi tal-Università ta’ Malta, u bħala membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-IOI.  Il-premju jirrikonoxxi b’mod speċifiku d-dedikazzjoni tiegħu u l-ħila li jara l-bżonnijiet tal-futur fl-appoġġ tiegħu għall-kors ta’ Master of Arts Degree in Ocean Governance, implimentat b’mod konġunt mal-Fakultà tal-Ligi u l-IOI fl-Università ta’ Malta, u l-kontribut u l-gwida tiegħu fi kwistjonijiet akkademiċi għall-pjan strateġiku ta’ azzjoni tal-IOI għas-sena 2014 u lil hinn.

Dr Awni Behnam, għan-nom tal-IOI, wassal kliem ta’ merħba, u tkellem dwar l-apprezzament tal-IOI għall-appoġġ tal-Professur Vella matul is-snin tal-assoċjazzjoni tiegħu mal-programmi tal-edukazzjoni u taħriġ tal-IOI.  
Bħala sinjal ta’ gratitudni, il-Bord tat-Tmexxija tal-IOI, irrikonoxxa l-kontribut importanti tal-appoġġ u l-inkoraġġiment tiegħek  għat-twettiq tal-missjoni tal-fundatriċi tagħna u għat-tisħiħ tal-istituzzjoni li ħolqot u ospitat f’din l-Università illustri, u b’hekk sar  impatt permezz tal-edukazzjoni u l-bini tal-kapaċità għall-preservazzjoni tal-Wirt Komuni tal-Oċean Tagħna u għas-Sostenibbiltà Tiegħu.

Sar diskors ieħor ta’ apprezzament mill-Professur Simone Borg, Ambaxxatriċi għal Malta dwar l-azzjoni fuq il-klima u l-governanza tal-oċean u r-Rappreżentanta tal-Gvern ta’ Malta għall-Bord tat-Tmexxija tal-IOI. Is-Sur Cosmin Chivu tkellem f’isem il-kollegi tiegħu, l-alumni tal-IOI u l-parteċipanti fil-programmi ta’ taħriġ.

---
     
Elisabeth Mann Borgese (24 t’April, 1918 – 8 ta’ Frar, 2002), waqqfet l-International Ocean Institute (IOI) fl-1972 bħala organizzazzjoni internazzjonali mhux governattiva u li ma taħdimx għall-profitt, ibbażata fuq l-għerf, u li hija ddedikata għall-iżvilupp sostenibbli tal-oċeani. L-IOI jaħdem biex iwettaq u jespandi l-prinċipji miġbura fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ligi tal-Baħar għall-benefiċċju tal-umanità kollha, b’konsiderazzjoni partikulari għall-foqra.  Il-missjoni tal-International Ocean Institute hija li jippromwovi edukazzjoni, taħriġ u riċerka għat-titjib tal-użu paċifiku tal-oċean u r-riżorsi tiegħu, l-immaniġġjar u r-regolamentazzjoni tagħhom kif ukoll il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar, immexxija mill-prinċipju tal-Wirt Komuni tal-Bniedem. 

B’tifkira tagħha l-Bord ta’ Governanza tal-IOI ddeċieda li jagħti l-medalja Elisabeth Mann Borgese sabiex jirrikonoxxi azzjonijiet eċċezzjonali favur l-oċeani globali tagħna. Fil-passat persuni distinti li rċevew il-medalja EMB kienu:
Il-Maestà Tagħha l-Prinċipessa Maha Chakri Sirindorn tat-Tajlandja
L-Eċċ. Tiegħu Kofi A Annan, Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti
L-Eċċ. Tiegħu Ban Ki-Moon Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti
Il-President Emeritus tal-Portugall, il-Prof. Mario Soares
Il-President Emeritus ta’ Malta, il-Prof. Guido De Marco
L-Onor. is-Sur Geoff Regan, Ministru tas-Sajd u l-Oċeani tal-Kanada
Dr Joseph Borg, ex Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.

Il-Programm ta’ Taħriġ u l-Iżvilupp tal-Kapaċità tal-IOI, Ir-rispett għall-ġid komuni, l-użu paċifiku u sostenibbli tas-servizzi u riżorsi tal-oċean, il-wirt komuni tal-ibħra u l-ħtieġa li n-nies u l-pajjiżi jkunu appoġġjati u jingħataw is-setgħa li jimmaniġġjaw ir-relazzjonijiet tagħhom mal-oċean b’mod sostenibbli, jibqgħu l-bażi etika u morali tal-IOI.  Sa mill-fondazzjoni tiegħu, l-IOI ħarreġ professjonisti żgħażagħ, b’mod partikulari minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u pajjiżi fi transizzjoni, u jikkontribwixxi lejn network globali li qed jikber ta’ mexxejja mħarrġa u li għandhom is-setgħa li jkunu aġġornati sew dwar l-aħħar żviluppi fil-Governanza tal-Oċean.

Programmi f’Malta
Lawrja ta’ Wara l-Ewwel Grad: Master of Arts in Ocean Governance; mal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta
 

Ikkuntattjaw lil
Antonella Vassallo, Managing Director 
International Ocean Institute Headquarters
P.O. Box 3, Tal-Qroqq, Msida MSD 2080, MALTA, EUROPE
Tel:+356 21 346 528/9
E: ioihq@ioihq.org.mt

 


 

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Università ta’ Malta jiffirmaw ftehim għal aktar kollaborazzjoni

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Università ta’ Malta jiffirmaw ftehim għal aktar kollaborazzjoni
   
Ġie ffirmat Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (KDPD) u l-Università ta’ Malta (UM) mis-Sur Oliver Scicluna, Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, u l-Professur Alfred J. Vella, Rettur tal-Università, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva, is-Sur Anthony Agius Decelis, id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Prof. Andrew Azzopardi u Dr Anne Marie Callus, persuna ewlenija b’interess fis-settur, u l-Kap, Dipartiment tal-Istudju tad-Diżabilità.

Permezz ta’ dan il-Ftehim iż-żewġ Partijiet qegħdin juru x-xewqa tagħhom li jaħdmu flimkien biex jiksbu l-għan komuni għal aktar integrazzjoni ta’ drittijiet ta’ persuni b’diżabilitajiet u t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà.

L-Università, permezz tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, u notevolment permezz tad-Dipartiment tal-Istudju tad-Diżabilità, ser tfittex li tagħti pariri lill-KDPD dwar l-iżvilupp tal-Materjal għat-Taħriġ dwar l-Ugwaljanza għal persuni b’Diżabilità maħluq mill-KDPD u li tikkolabora mal-KDPD biex twassal is-sessjonijiet ta’ tagħrif lill-Gvern, Entitajiet Privati u Organizzazzjonijiet mhux Governattivi.  L-UM u l-KDPD ser jorganizzaw ukoll konferenza annwali b’mod konġunt fuq qasam relatat mas-settur tad-diżabilità.  Kull sena sejrin iwettqu sondaġġ flimkien li jkejjel kif is-settur tad-diżabilità qiegħed jibbenefika jew le minn servizzi li bħalissa qed jiġu pprovduti.  L-istħarriġ jinġieb għall-attenzjoni ta’ awtoritajiet kompetenti, u ser ikun hemm sforz koordinat biex jirrakkomandaw ir-rettifika ta’ kwalunkwe nuqqas u l-implimentazzjoni tal-aħjar prattika.

Il-Partijiet jistgħu jidħlu fi ftehimiet aktar speċifiċi għall-implimentazzjoni aħjar ta’ kwalunkwe inizjattiva kollaborattiva.

 


 

L-Università ta’ Malta u l-MITA jilħqu ftehim dwar il-Kondizzjonijiet għal Aktar Kollaborazzjoni

Dr Ing. Nicholas Sammut u l-Onor. Silvio Schembri

Dr Ing. Nicholas Sammut u l-Onor. Silvio Schembri
   
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella, u ċ-Chairman Eżekkuttiv tal-Aġenzija tat-Teknoloġija tal-Informatika ta’ Malta (MITA), is-Sur Tony Sultana, iffirmaw żewġ dokumenti ta’ ftehim dwar kollaborazzjoni fil-preżenza tal-Onor. Silvio Schembri, Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, l-Ekonomija Diġitali u l-Innovazzjoni, is-Sur Emanuel Darmanin, Kap tad-Dipartiment tal-Istrateġija u l-Kummerċ tal-MITA, il-Professur Frank Bezzina, Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy (FEMA) fl-Università ta’ Malta u Dr Ing. Nicholas Sammut, Viċi Dekan tal-Fakultà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT).

L-iskop tal-Ftehim ta’ Qafas ta’ sentejn bejn l-UM u l-MITA huwa li tiġi stabbilita kollaborazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku sabiex jissawru numru ta’ inizjattivi skont ftehimiet separati bejn iż-żewġ Partijiet.  Dan għandu l-iskop li jagħti flessibbiltà liż-żewġ organizzazzjonijiet li jridu jimpenjaw ruħhom f’kollaborazzjoni mifruxa f’fakultajiet differenti fl-Università kif ukoll f’timijiet differenti fil-MITA.  Il-Ftehim formali jipprovdi struttura għall-kollaborazzjoni, u jgħin ukoll biex jipprovdi kuxjenza fiż-żewġ Partijiet dwar id-diversi inizjattivi maħsuba, u b’hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ enerġija.
 
Billi l-MITA hija l-entità ċentrali li tmexxi l-politika, programmi u inizjattivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) tal-Gvern f’Malta, din tista’ toffri opportunitajiet aħjar biex studenti mid-diversi fakultajiet fl-Università jkollhom esperjenza tal-industrija tal-ICT.  Flimkien ma’ dan il-Ftehim ta’ Qafas, il-Ftehim ta’ Kollaborazzjoni u Sponsorizzazzjoni jenfasizza d-diversi inizjattivi  stabbiliti minn atturi differenti miż-żewġ naħat bħala mezz ta’ kollaborazzjoni.  Tal-ewwel, li ġie  diskuss u ntlaħaq qbil fuqu mill-Fakultà tal-ICT, jinkludi numru ta’ inizjattivi li l-MITA qed tippjana, għal din is-sena akkademika.

 


 

Inawgurat il-Laboratorju għar-Riċerka Solari fl-Università ta’ Malta

Solar Lab
   
Il-Laboratorju għar-Riċerka Solari fl-Istitut tal-Enerġija Sostenibbli tal-Università ta’ Malta ġie inawgurat b’mod uffiċjali llum mir-Rettur, il-Professur Alfred J. Vella, fil-prezenza tal-Professur Luciano Mulè Stagno, Direttur tal-Istitut u l-persuna wara l-ħolqien tal-Laboratorju għar-Riċerka Solari.

Il-Laboratorju għar-Riċerka Solari kien iddisinjat biex jiffoka b’mod ewlieni fuq riċerka dwar materjali li jintużaw għal ċelluli solari, u biex itejjeb u jiddisinja soluzzjonijiet għal difetti f’dawn l-istess materjali.  Titjib reċenti fis-sistemi fotovoltajċi qed iwessa’ l-limiti tal-materjali użati għal ċelluli solari u dan l-aħħar ħarġu materjali ġodda li huma promettenti ħafna iżda għad iridu jilħqu l-ogħla potenzjal tagħhom.  L-għan ta’ dan il-laboratorju huwa li jirriċerka metodi biex jagħmilhom aktar effiċjenti.

Fl-istadju tad-disinn, ingħatat attenzjoni biex ikun assigurat li l-faċilità hija utli għar-riċerka fuq diversi materjali li jintużaw fiċ-ċelluli solari – bħal films inorganiċi rqaq (CdTe u CIGs), ċelluli solari organiċi, perovskiti u possibilment il-grafina.  Ħafna mill-għodda huma utli wkoll għal riċerka dwar materjali semikondutturi għall-industrija tal-mikroċippi u riċerka oħra dwar ix-xjenza tal-materjali.

Il-proġett, li jinsab f’bini li diġà kien jeżisti f’Marsaxlokk, jikkonsisti f’żewġ żoni għal-laboratorji u bini ieħor żgħir biex jintuża bħala sala tal-lekċers.  Dawn saritilhom bidla radikali, u strutturi ġodda pre-fabbrikati jservu bħala uffiċċji.  Żona ta’ xi 7000m2 mal-madwar ġiet rinnovata għal kollox.
L-ewwel laboratorju jikkonsisti fi kmamar separati li jinkludu mikroskopji għall-preparazzjoni ta’ kampjuni, l-ittestjar taċ-ċelluli solari, furnace room u wet chemistry area.

It-tieni laboratorju huwa laboratorju open plan fejn jinsabu l-biċċa l-kbira tal-għodod kbar.  Dawn ivarjaw minn għodda ddisinjata speċifikament għall-karatterizzazzjoni ta’ materjal semikonduttur, għodda għall-karatterizzazzjoni ta’ films irqaq jew ta’ uċuh, u għodda li għandha varjetà wiesgħa ta’ użu fil-karatterizzazzjoni ta’ materjali.

Hemm ukoll firxa sħiħa ta’ għodda għall-preparazzjoni ta’ kampjuni ta’ transmission electron microscopy (TEM) – kapaċità ġdida fl-Università ta’ Malta.  Huwa mistenni li fil-futur din tista’ tiġi kkumplimentata minn transmission electron microscope bħala faċilità biex tintuza minn diversi Fakultajiet/Istituti, filwaqt li fl-istess ħin kampjuni ppreparati jkunu jistgħu jintbagħtu barra minn Malta lill-universitajiet li jkunu qed jikkollaboraw.

Membri ġodda tal-istaff fil-laboratorju jinkludu akkademiku ġdid, Inġinier tas-Sistemi tal-Materjali, Inġinier tas-Sistemi Elettriċi, u Uffiċjal tal-Laboratorju, li bħalissa qed jispeċjalizzaw fuq diversi għodod.  Matul is-sena li għaddiet, l-Istitut laqa’ ’l fuq minn 20 student tal-Erasmus u studenti exchange graduate li għamlu użu mill-faċilitajiet ta’ riċerka.  Diversi studenti tal-Università ta’ Malta wkoll bdew studji fil-livell ta’ M.Sc. u Ph.D. mal-Istitut matul is-sena li għaddiet.  L-Istitut qiegħed ukoll ifittex kollaborazzjoni ma’ diversi kuntatti fl-Industrija u Akkademiċi f’Malta u madwar id-dinja, u jħares lejn opportunitajiet ta’ finanzjament fuq tul ta’ żmien.

 


 

Ir-rapport tal-feedback tal-kandidati tal-MATSEC 2017 joħroġ tmien punti ewlenin

Il-MATSEC jagħti lill-kandidati kollha tiegħu l-opportunità li jieħdu sehem f’sondaġġ li jsir wara l-eżamijiet permezz ta’ e-mail lill-kandidati kollha. B’dan il-mod il-MATSEC jiġbor feedback fuq numru ta’ kwistjonijiet u jara kif itejjeb l-esperjenza tal-istudenti.
  1. Il-MATSEC jiġbor feedback mill-kandidati wara l-eżamijiet.  
    Il-kandidati kollha tal-2017 ġew mitluba jieħdu sehem permezz ta’ e-mail u nġabru total ta’ 1,549 risposta.  Għalkemm din hija t-tielet sena li din l-informazzjoni nġabret u ġiet analizzata, ir-rapport ta’ riċerka tal-2017 huwa l-ewwel wieħed li l-pubbliku se jkun jista’ jaċċessa.

  2. Fl-2017 ittieħdu diversi miżuri mill-MATSEC biex titjieb it-tmexxija taċ-ċentri tal-eżamijiet.  
    Il-feedback dwar iċ-ċentri tal-eżamijiet u l-inviġilazzjoni, li huma organizzati u mmexxija mid-Dipartiment tal-Eżamijiet, Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, huwa fil-biċċa l-kbira pożittiv, għalkemm dan huwa l-iktar qasam li wera li jista’ jitjieb. Il-MATSEC ħa diversi miżuri, wara l-feedback tal-2016, li żguraw li l-istruzzjonijiet jinqraw lill-kandidati qabel kull eżami u li prattiki ħżiena (fejn jidħlu ċentri, staff, u kandidati) jistgħu jiġu rrapurtati iżjed faċilment.  Madankollu, din is-sena, dawk li wieġbu lmentaw dwar il-livell ta’ storbju u konġestjoni tat-traffiku.

  3. Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-kandidati ma kinux jafu li l-MATSEC ippubblika ktieb ġdid ta’ linji gwida għall-kandidati, dawk li fil-fatt użaw dan il-ktejjeb ta’ linji gwida rrapurtaw li kien pożittiv.
    Għalkemm il-MATSEC u l-Uffiċċju tal-Marketing, il-Komunikazzjonijiet u l-Alumni fl-Università ta’ Malta ħarġu informazzjoni għall-pubbliku permezz ta’ diversi midja, il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu (79.3%) baqgħu ma jafux li fl-2017 il-MATSEC ippubblika ktieb ta’ linji gwida għall-kandidati. Mis-sessjoni li jmiss tal-eżamijiet, ser tingħata wkoll l-informazzjoni dwar l-aċċess għall-ktejjeb ta’ linji gwida mat-timetable tal-eżamijiet.  Il-biċċa l-kbira tal-oħrajn li wieġbu ġew infurmati jew mill-iskola jew billi segwew is-sit elettroniku tal-MATSEC jew il-midja soċjali.  Madwar nofs dawk li kienu infurmati (48.2%) użaw il-ktieb ta’ linji gwida u, minn dawn, kważi kollha (96.3%) jemmnu li kien ta’ għajnuna.  Il-ktieb ta’ linji gwida għall-kandidati tal-MATSEC jibqa’ jinsab b’xejn fuq is-sit elettroniku tal-MATSEC (www.um.edu.mt/matsec).

  4. Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu (81.7%) u li fittxew l-għajnuna mill-MATSEC qalu li din kienet effettiva. 
    Bħal fl-2016, għalkemm ħafna minn dawk li wieġbu (73.8%) ma kellhomx bżonn l-għajnuna mill-MATSEC, dawk li kellhom bżonn kienu sodisfatti bit-tweġiba (81.7%).  Din turi żieda żgħira fuq it-80.4% rrapurtati fl-istudju tal-2016. L-uniku grupp ta’ dawk li wieġbu li ma kinux sodisfatti bir-risposta kien il-grupp li uża mezzi li mhumiex uffiċjalment tal-MATSEC (ez. organizzazzjonijiet tal-istudenti, konsulenti fl-iskejjel, petizzjonijiet).

  5. Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li rrispondew għas-sondaġġ jippreferu li l-eżamijiet tas-smigħ isiru permezz ta’ kelliema live. 
    Wara l-implimentazzjoni ta’ awdjo rrekordjat għas-SEC fl-Għarbi, il-Ġermaniż, u l-Ispanjol, din is-sena din is-sistema ġiet estiża għas-suġġetti tal-lingwi barranin bl-akbar numru ta’ reġistrazzjonijiet: it-Taljan u l-Franċiż. Dawk li wieġbu, inklużi dawk li ma qagħdux għall-eżamijiet tas-SEC din is-sena, irrapurtaw problemi bl-awdjo bħala r-raġuni għaliex l-eżamijiet tas-smigħ għandhom jitmexxew minn kelliema live.  Dan jagħti x’jifhem li l-opinjonijiet ta’ dawk li wieġbu kienu influwenzati minn rapporti fil-midja dwar in-nuqqas ta’ ċarezza waqt wieħed mill-eżamijiet.  Oħrajn jaħsbu li kelliem live jagħti lok għal vantaġġi preferenzjali, bħal li jirrikorru għall-qari tax-xufftejn jew jitolbu lill-eżaminatur/eżaminatriċi inaqqas/tnaqqas il-veloċità tal-qari jew ibiddel/tbiddel l-aċċent. Mill-banda l-oħra, l-awdjo rrekordjat jipprovdi kundizzjonijiet ugwali għall-kandidati kollha. 

  6. Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu kellhom opinjoni pożittiva dwar intervisti li saru l-MATSEC dwar xogħol li sar matul il-kors tal-istudju.
    Isiru diversi intervisti dwar xogħol li sar matul il-kors tal-istudju bħala parti minn kull sessjoni ta’ eżami. Ir-reazzjonijiet miġbura minn dawk li attendew għal intervista ta’ dan it-tip kienu fil-biċċa l-kbira pożittivi. 

  7. Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu jaqblu mal-istruttura taċ-Ċertifikat tal-Matrikola, b’mod speċjali l-importanza li tingħata lill-interdixxiplinarità, filwaqt li ma jaqblux man-natura obbligatorja tal-IM Systems of Knowledge. 
    L-opinjonijiet ta’ dawk li wieġbu dwar l-istruttura taċ-Ċertifikat tal-Matrikola kienu simili għal dawk li nkisbu fis-sondaġġ tas-sena l-oħra, bil-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu jaqblu li għandha tingħata importanza lil suġġetti minn oqsma differenti iżda ma jaqblux man-natura obbligatorja tal-IM Systems of Knowledge.  Kandidati ikbar fl-età kellhom aktar it-tendenza li jaraw il-valur tas-Systems of Knowledge. Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu ssuġġerew ukoll li għandu jkun meħtieġ li kandidati jiksbu grad li permezz tiegħu jkunu għaddew f’dawn is-sitt suġġetti.

  8. Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu jemmnu li l-Arranġamenti ta’ Aċċess għall-Eżami kienu ġusti.
    Wieħed minn kull għaxra ta’ dawk li wieġbu ddikkjaraw li kkwalifikaw għall-Arranġamenti ta’ Aċċess għall-Eżami offruti mill-MATSEC bil-maġġoranza ta’ dawn (82.5%) jgħidu li l-arranġamenti pprovduti kienu ġusti.  L-ilmenti minn dawk li ma jaqblux ma’ dan jinkludu dawk il-kandidati li ma ngħatawx l-arranġament/i li ħasbu li kienu jikkwalifikaw għalihom.  Kull sena, jiġu riveduti ħafna applikazzjonijiet, waħda waħda, mill-ACCESS-Disability Support Committee (ADSC). Aktar milli sistema l-istess għal kulħadd, l-arranġamenti ta’ aċċess għall-eżami jsiru b’diversità ta’ modi, adattati għal kull applikant li jikkwalifika. Numru ta’ dawk li wieġbu qalu li persuni differenti li għenuhom ipprovdew livelli differenti ta’ aċċess, u din l-istqarrija ser tiġi analizzata aktar mill-MATSEC.

Ir-rapport sħiħ jinsab fuq um.edu.mt/matsec/reports/researchreports

 


 

Id-Dinja Darna

THINK 21


Id-Dinja hija l-uniku element tanġibbli fl-univers tagħna li jgħaqqadna.  L-umanità għandha jkollha interess personali li tassigura li d-dinja tagħna tibqa’ sikura u prosperuża, iżda sfortunatament avvenimenti kurrenti wrew li ninsabu ’l bogħod minn dan l-ideal.  Madanakollu, numru kbir ta’ riċerkaturi fl-Università ta’ Malta qed jaħdmu bis-sħiħ biex jagħmlu tajjeb għal dan in-nuqqas.

F’Malta, spazji mħaddra huma rari.  Ħafna jwaħħlu fl-iżvilupp eċċessiv u l-urbanizzazzjoni bla rażan, oħrajn fis-sħana, għax jgħidu ‘xejn ma jikber f’Malta’. Il-proġett LifeMedPlantRoof jindirizza dan kollu b’azzjoni deċiżiva - il-bjut imħaddra.  It-tim ħadem ħafna u identifika l-materjali u l-pjanti li jkunu l-aktar adattati għal pajjiżna u d-djar tagħna, dan kollu biex innaqqsu l-għargħar fix-xhur tax-xitwa, l-ispejjeż tal-manutenzjoni tal-bini u l-kontijiet tad-dawl.

La qed nitkellmu dwar l-elettriku, Dr Alexander Micallef u l-Prof. Ing. Cyril Spiteri Staines mexjin ’il quddiem fit-teknoloġija microgrid.  Il-microgrid hija sistema ta’ enerġija li tista’ taħdem b’mod parallel ma’, jew b’mod indipendenti, mill-grid prinċipali tal-enerġija.  Dan ifisser li nistgħu ninkorporaw aktar ġenerazzjoni ta’ enerġija nadifa fis-sistema tagħna filwaqt li l-provvista tal-elettriku għall-konsumaturi tibqa’ affidabbli.  Micallef u Spiteri Staines huma konvinti li bl-implimentazzjoni tat-teknoloġija microgrid, Malta tista’ tkun ta’ eżempju għall-pajjiżi tal-UE billi ssir l-ewwel gżira mħaddra fil-Mediterran b’100% enerġija minn sorsi li jiġġeddu!

Inkomplu napprofandixxu t-tema tas-sostenibbiltà bir-riċerka ta’ Dr Ruben Paul Borg, bix-xogħol tiegħu dwar wieħed mill-materjali l-aktar ikkritikati madwar id-dinja – il-konkrit.  Bl-użu ta’ materjali tal-iskart bħall-plastik u l-ġebel tal-franka qadim, bit-tiġdid u l-applikazzjoni tagħhom f’modi ġodda, issa għandna l-għażla li nużaw konkrit aħjar u aktar b’saħħtu li jikkontribwixxi għall-kisba ta’ ekonomija ċirkolari.

Riċerka oħra li qed issir fl-Università ta’ Malta hija naturalment varjata. Dr Aaron Micallef jgħidilna dwar ħażniet ta’ ilma ħelu li nstabu taħt il-Mediterran.  Nagħtu ħarsa lejn l-interazzjoni tat-tfal mat-teknoloġija, u kif il-logħob jista’ jiġi inkorporat aħjar fl-iskejjel biex iżommuhom impenjati. Fuq kollox, ir-rivista numru 21 ta’ THINK fiha wkoll artikli dwar il-kontribuzzjoni ta’ Malta għall-użu min-NIKE tal-awksetiċi, app li tridek ‘Tgawdi’, u ż-żjara ta’ THINK fiċ-Ċentru ta’ Riċerka Konġunta (Joint Research Centre) tal-Kummissjoni Ewropea.

Fid-29 ta’ Settembru THINKtalks jagħmel suċċess kbir bil-preżenza tiegħu f’Science in the City. Ċertament, ser ikun hemm aktar diskussjonijiet divertenti bl-aqwa u l-aħjar li toffri l-Università ta’ Malta fil-futur.

Think, ir-rivista ta’ riċerka tal-Università ta’ Malta tinsab b’xejn mingħand il-librara madwar Malta u Għawdex u mill-ħwienet tal-kotba tal-Agenda. Tinsab onlajn fuq: www.um.edu.mt/think fuq Issuu www.issuu.com/thinkuni jew tagħmlu like fuq Facebook

 


 

Il-Fondazzjoni HSBC Malta tappoġġja riċerka fil-kanċer b’għotja ta’ €84,000 lill-Università ta’ Malta

Il-Fondazzjoni HSBC Malta tappoġġja riċerka fil-kanċer b’għotja ta’ €84,000 lill-Università ta’ Malta
   
Riċerka ġdida dwar il-kimoterapija li qed issir bħalissa fl-Università ta’ Malta ngħatat spinta ’l quddiem b’għotja ta’ €84,000 mill-Fondazzjoni HSBC Malta permezz tal-Fond tar-Riċerka tal-Università (RIDT).

L-istudju qed jitmexxa minn xjenzat awtorevoli fil-qasam tal-micro-ribonucleic acid (miRNA), Dr Duncan Ayers, li qed jinvestiga metodi biex itaffi l-effetti sekondarji tal-kimoterapija li ħafna drabi jikkaġunaw ħsara lill-pazjenti tal-kanċer billi jisfrutta l-potenzjal tal-miRNAs. L-RNA hi molekula vitali għall-bnedmin u tista’ tkun ikkontrollata mill-miRNAs. Fl-Università ta’ Malta, Dr Ayers hu akkreditat li skopra t-taħlita ta’ miRNA li taffettwa b’mod speċifiku r-reżistenza għall-kimoterapija.

Jekk tirnexxi, ir-riċerka kollaborattiva għandha l-potenzjal li ssir prekursur għall-provi farmaċewtiċi. Il-proġett qed ikun ikkordinat bejn iċ-Ċentru tal-Mediċina Molekulari u l-Biobanking tal-Università ta’ Malta u l-Grupp tal-Functional Cancer Genomics and Applied Bioinformatics tal-Università ta’ Ghent, fil-Belġju.

“Pazjenti li jkunu għaddejjin minn ċikli ripetuti ta’ kimoterapija tal-kanċer spiss jingħataw dożi għoljin ta’ mediċini ta’ kimoterapija, b’effetti sekondarji severi fuq is-saħħa. It-tumur tal-kanċer jista’ ukoll jiżviluppa reżistenza għal din it-terapija, b’konsegwenza li jagħmel il-kimoterapija inqas effettiva u eventwalment iwassal biex jingħataw dożi akbar lill-pazjent tal-kanċer,” spjega Dr Ayers.

 “Il-proġett jipproponi pass addizzjonali għall-proċedura tat-trattament tal-kimoterapija li tintuża b’mod regolari, permezz tal-użu ta’ antagonisti ġodda ta’ miRNA fejn dawn iġiegħlu ċ-ċelluli tal-kanċer ikunu aktar riċettivi għall-kimoterapija.”

Riżultati preliminari urew li l-metodoloġija l-ġdida tat-trattament għandha tkun ta’ benefiċċju għall-pazjenti, b’mod partikolari ma dawk li l-kanċer tagħhom infirex. Il-benefiċċji jinqasmu fit-tnejn: żieda pożittiva fl-effett tad-doża tal-kimoterapija, u li jinkiseb l-istess livell ta’ trattament b’dożaġġ imnaqqas. Dan għandu jwassal biex jitnaqqsu l-effetti sekondarji f’pazjenti li għandhom tolleranza baxxa għal mediċini ta’ kimoterapija konvenzjonali.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta Andrew Beane qal: “L-HSBC irid jappoġġja l-ħeġġa u d-determinazzjoni tax-xjentisti Maltin biex jiktbu l-kapitlu li jmiss ta’ innovazzjoni fir-riċerka medika u akkademika. Id-dedikazzjoni tagħhom f’riċerka innovattiva għandha tħalli impatt pożittiv u sinifikanti fil-ħajja tal-pazjenti, il-familji tagħhom u l-membri kollha tas-soċjetà.”

Filwaqt li rringrazzja lill-HSBC Malta Foundation f’isem RIDT u l-Università, ir-Rettur Prof. Alfred Vella qal: “Minkejja l-fatt li aħna università relattivament żgħira u ta’ spiss naħdmu f’netwerks u kollaborazzjonijiet akbar, ir-riċerkaturi tal-Università ta’ Malta spiss ikunu fuq quddiem nett fl-innovazzjoni u t-teknoloġija. Dan l-istudju hu eżempju ieħor ta’ kif il-kollaborazzjoni tagħna ma’ waħda mill-aqwa 100 università fid-dinja - l-Università ta’ Ghent - qed tavvanza fl-oqsma tar-riċerka fil-kanċer u terapija.”

Il-kontroparti ta’ Dr Ayers f’Ghent hu l-Prof. Jo Vandesompele u għandu għadd ta’ unuri u pubblikazzjonijiet xjentifiċi ta’ riċerka dwar il-kanċer ta’ miRNA, b’mod partikolari fil-qasam tan-neuroblastoma, fosthom pubblikazzjoni riċenti fil-ġurnal xjentifiku Nature. 

Premezz ta’ din l-għotja lill-Università ta’ Malta, il-Fondazzjoni HSBC Malta bdiet tappoġġja ukoll ir-riċerka medika. Dan minbarra l-appoġġ li l-Fondazzjoni ilha toffri għall-benefiċċju tal-edukazzjoni, l-ambjent u l-patrimonju.

 


 

Lejla ta’ riċerka, arti u l-aħħar teknoloġiji, fil-Belt Valletta

Science in the City Press Conference
   

Skopri esperjenzi ġodda fit-teknoloġija avvanzata fil-belt Valletta    


Il-festival ta’ din is-sena huwa aktar eċċitanti minn qatt qabel.  B’format ġdid u ħafna attivitajiet innovattivi, is-sitt edizzjoni ta’ Science in the City – European Researchers’ Night (Lejl Ewropew tar-Riċerkaturi), żgur ser tkun serata li ma tintesiex.  Nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Settembru 2017 mis-6 ta' filgħaxija sa nofsillejl, ix-xjenza u l-arti se jittrasformaw Triq ir-Repubblika, u viżitaturi ta’ kull età ser ikunu jistgħu jesploraw l-attivitajiet li għandhom livell għoli ta’ interattività.  Ser ikun hemm is-soltu kontrolli dentali u tas-saħħa, esperimenti intiżi għat-tfal, wirjiet u logħob, kif ukoll attivitajiet oħrajn ġodda għal kollox li huma ispirati minn proġetti ta’ riċerka li għaddejjin bħalissa f’Malta, Light Pushes Stuff -wirja dwar kif id-dawl jista’ jċaqlaq l-oġġetti - Arti AR, Ologrammi u ħafna iżjed.

Iċ-Chairman tal-Konsorzju, il-Professur Alex Felice qal (Università ta’ Malta): “Din is-sena, ridna niffokaw fuq dak li qed jagħmlu llum ir-riċerkaturi f’Malta u qed nistaqsu kif ix-xogħol tagħhom ser ikollu effett dirett fuq kif is-soċjetà ta’ għada tgħix ħajjitha.  It-tema Futures tinkludi metodi ġodda kif affarijiet tal-ikel jiġu prodotti u mnaddfa, il-benefiċċji tal-big data, mezzi ġodda innovattivi tat-trasport u l-komunikazzjoni, u l-impatt tar-riċerka fuq saħħitna.  Kull xjenzat għandu rwol fit-tiswir tad-dinja ta’ għada u nixtiequ li kulħadd jara kemm hu tassew affaxinanti x-xogħol li jagħmlu.”

Il-Manager tal-Proġett, Dr Edward Duca (Università ta’ Malta): qal: “Science in the City sar avveniment nazzjonali ta’ kull sena, li ngħata l-premju EFFE (Europe for Festivals, Festivals for Europe). L-għan tagħna mill-bidu nett, lura fl-2012, kien li nwasslu x-xjenza u r-riċerka lin-nies ta’ kull età. Il-festival huwa ħidma kollaborattiva bejn riċerkaturi, akkademiċi, numru ta’ studenti voluntiera li dejjem qed jiżdied, għaqdiet mhux governattivi (NGOs), aġenziji tal-gvern u artisti, li flimkien jipprovdu taħlita interessanti ħafna ta’ attivitajiet li jagħmlu lil Science in the City avveniment daqshekk uniku kull sena.”

L-Onor. Silvio Schembri, Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjari, l-Ekonomija Diġitali u l-Innovazzjoni, qal: ‘din l-attività hija eżempju tal-bżonn li x-xjenza tilħaq u tkun esperjenzata minn kulħadd. Il-Belt Valletta hija l-post ideali biex nilħqu persuni minn sferi differenti tas-socjetà.  Fuq kollox nenfasizzaw l-importanza li sa minn età żgħira t-tfal jitgħallmu dwar ix-xjenza madwarna li jiltaqgħu magħha u minn hemm japprezzaw u jifhmu aħjar x’inhi u kif taħdem ix-xjenza. B’dan il-mod nkunu qed ninkoraġixxu iżjed tfal u żgħażagħ biex jieħdu interess li jagħżlu u jistudjaw  ix-xjenza bħala l-karriera tagħhom. Pass li jwassalna biex inkomplu nsaħħu l-qasam tal-innovazzjoni f’pajjiżna.’

Bħal snin oħra, dan l-avveniment jiftaħ jum qabel b’wirja ta’ proġetti ta’ riċerka ferm eċitanti mmexxijja minn grupp żagħżugħ ta’ riċerkaturi ewlenin. Dan huwa magħruf bħala “Science in the House” peress li l-iSpeaker tal-Kamra tar-Rapprezentanti jkun qed jilqa’ għandu din l-attività. L-avveniment joħloq opportunità biex il-Membri tal-Parlament jiltaqgħu max-xjentisti u r-riċerka tagħhom. Dr David Magri huwa l-koordinatur.

Organizzazzjonijiet veterani kif ukoll oħrajn li qatt ma pparteċipaw f’SitC se jarmaw l-imwejjed tagħhom fil-Fiera tax-Xjenza: laboratorji fit-triq f’Bieb il-Belt, kwistjonijiet ambjentali, monitoraġġ tal-arja, ix-xjenza tat-trasport, logħob - il-lista ma tispiċċa qatt.

Light Pushes Stuff hija attrazzjoni ewlenija – skultura interattiva ta’ dawl jiċċaqlaq – għall-ewwel darba f’Malta!  U, smajtu?  Ix-xjenzati skoprew li d-dawl tassew jista’ jagħmel hekk.  Dan jista’ jwassal għal għadd bla tarf ta’ applikazzjonijiet ġodda li jistgħu jibdlu l-mod kif nikkomunikaw, nivvjaġġaw eċċ.  Iltaqgħu mar-riċerkatur u l-artisti li biddlu din l-iskoperta eċċitanti f’installazzjoni unika ta’ dawl ħdejn Pjazza Ħelsien.

Spazju Kreattiv ser jorganizza Kids Dig Science (It-Tfal Togħġobhom ix-Xjenza), il-wirja Transmission Interrupted (Trasmissjoni Interrotta) minn Martina Camilleri, studenta tal-MCAST, u Get Your Act Together (minn More or Less Theatre u appoġġjat mill-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-Malta Arts Fund ġewwa Arts Council Malta).  Fis-sala taċ-ċinema ser isiru serje ta’ taħditiet kull siegħa minn Malta Café Scientifique.

Fuq it-taraġ li jwassal għal Spazju Kreattiv minn Bieb il-Belt, il-viżitaturi se jkunu jistgħu jaraw ĊineXjenza, serje ta’ films qosra segwiti b’diskussjonijiet.

Għat-tielet sena konsekuttiva, fil-bini l-ġdid tal-Parlament ser issir wirja ta’ proġetti eċċitanti ta’ riċerka mill-Università ta’ Malta, bl-isem Science in the House.

Żona għal għaqdiet mhux governattivi fi Pjazza De Valette ser tinkludi organizzazzjonijiet interessanti involuti fi kwistjonijiet soċjali, ambjentali, xjentifiċi, artistiċi u storiċi.

Din is-sena, STEAM se jittella’ fi Pjazza San Ġorġ – l-idea hi li jingħata aċċess aħjar għall-istands.  STEAM Squared twaqqaf biex jilqa’ numru kbir ta’ organizzazzjonijiet ta’ studenti tal-Università ta’ Malta.

L-għaqda mhux governattiva Greenhouse li tieħu bis-serjetà ħafna t-theddida għas-sopravivenza tan-naħal, ser ittella’ sensiela ta’ attivitajiet biex tenfasizza l-importanza enormi li dan l-insett għandu fuq il-futur tal-provvista tal-ikel tagħna u l-ħajja tal-pjanti b’mod ġenerali.

Jazz for the Brain huwa r-riżultat ta’ kollaborazzjoni mhix tas-soltu bejn mużiċisti tal-jazz u newroxjenzat Malti.  Dan l-avveniment se jsir fil-Knisja ta’ Santa Barbara, fejn id-dwal u l-mużika ser juru l-komplessità ta’ puplesija, u t-teknoloġija li qed tintuża biex tindirizza l-problema.

Din is-sena r-riċerkaturi se jkunu qed juru u jispjegaw ix-xogħol tagħhom matul Triq ir-Repubblika. Żommu għajnejkom miftuħin għall-kubi tad-dawl.  Matul it-triq se jkun hemm ukoll palkijiet żgħar b’jugglers tan-nar u esperimenti, palk kbir ħafna komplut bi splużjonijiet, u wirja dwar il-ħsara li jagħmel l-iskart tal-plastik fuq il-ħajja tal-baħar.  Ir-realtà artifiċjali tagħti l-ħajja lill-arti, filwaqt li r-realtà virtwali tgħin lil parteċipanti jissimpatizzaw ma’ persuni bi bżonnijiet speċjali.  Ser ikun hemm reċti ta’ krimini matul it-triq, għal attività fejn irid jinqabad min wettaq reat kriminali.  Niżżlu l-app u żommu l-mobile tagħkom ghal-lest biex tirrapurtaw dawn ir-reati lill-awtoritajiet.  Stazzjonijiet għall-għarfien tal-uċuħ jgħassulek kull pass li tagħmel, fuq l-istil ta’ big brother.

Fir-Rokna tal-UE barra l-bini tal-MEUSAC tistgħu tiltaqgħu mar-riċerkaturi li bbenefikaw mill-fondi tal-UE biex imexxu l-karriera tagħhom ’l quddiem.  Idħlu fil-bini biex issiru tafu dwar il-politika tal-UE rigward l-ispazju u itilgħu sal-bejt biex tingħaqdu mal-Istitut għax-Xjenzi Spazjali u l-Astronomija (ISSA) fl-attività Kids in Orbit.

Din is-sena Science in the City se jisplodi bl-attivitajiet u mistenni li jkun l-akbar festival tax-Xjenza u l-Arti li qatt sar f’Malta.

Science in the City huwa parti minn ċelebrazzjoni fl-UE kollha – European Researchers’ Night (Il-Lejl Ewropew tar-Riċerkaturi).  Dan huwa ffinanzjat mill-Maie Sklodowska-Curie Actions tal-Programm Horizon 2020 tal-UE, u numru ta’ sponsors korporattivi.  Huwa rikonoxxut bħala Festival mill-Europe for Festivals and Festivals for Europe (EFFE)

L-avveniment huwa organizzat minn konsorzju mmexxi mill-Università ta’ Malta, Il-Kamra Maltija tax-Xjenzati u r-Research Trust tal-Università ta’ Malta, bis-sħubija mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, l-Ekonomija Diġitali u l-Innovazzjoni, Jugs Malta, Studio 7, il-MEUSAC, l-MCST, Esplora, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST), il-PBS, Notte Bianca, Spazju Kreattiv, Pjazza Teatru Rjal, il-Grupp AquaBioTech, il-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Wasteserv u numru ta’ msieħba oħra.

Il-programm sħih jinsab fuq www.scienceinthecity.org.mt jew segwu l-festival fuq Facebook għal aġġornamenti regolari.

 


 

 

< Ta' qabel 1 2 3 4 5 Li jmiss >

 
 

Log In