L-Università ta' Malta
 

Aħbarijiet 2014
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

Riċerka dwar pannelli solari li jżommu f’wiċċ il-baħar

L-għan tal-proġett SolAqua huwa li jistudja u jittestja kemm huma fattibbli teknikament u finanzjarjament pannelli solari li jżommu f’wiċċ l-ilma.  Dan il-proġett innovattiv huwa mmexxi mill-Prof. Luciano Mulè Stagno tal-Istitut għall-Enerġija Sostenibbli fl-Università ta’ Malta, filwaqt li l-imsieħba industrijali huma Pandia Energy Ltd u General Membrane Ltd.  Il-proġett ta’ €200,000 huwa proġett ta’ riċerka ta’ tliet snin iffinanzjat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (l-MCST) li beda fl-2013.

F’pajjiżi bħal Malta, l-iskarsezza tal-art tagħmilha diffiċli ħafna biex jinstabu rqajja’ adattati ta’ art biex jinbnew farms solari kbar.  Aktar minn hekk il-prezz tal-art f’Malta huwa għoli.  B’hekk il-prospettiva li tali farms solari jitqiegħdu fil-baħar issir waħda attraenti.  Jekk is-sistema tibqa’ tiflaħ fit-tul u tkun reżistenti għal kull tip ta’ temp u l-ispiża tas-sistema hija paragonabbli ma’ kemm ikun jiswa biex tinbena sistema fuq l-art, farm solari li jżomm f’wiċċ l-ilma jista’ jkun vijabbli.  Apparti fi gżejjer żgħar b’popolazzjoni numeruża, din is-sitwazzjoni teżisti wkoll fi bliet kbar ta’ fejn il-kosta, fejn huwa wkoll sikwit diffiċli ssib żoni kbar ta’ art fil-belt, u li jinbena farm solari ’l bogħod fil-periferija jżid l-ispejjeż b’mod sostanzjali minħabba t-trasmissjoni tal-enerġija.

Barra minn dan, jista’ jkun hemm xi vantaġġi li jitpoġġew il-fotovoltajċi fuq l-ilma.  Ir-rifless tal-wiċċ tal-ilma u l-effett li l-baħar għandu li jkessaħ jistgħu jżidu l-produzzjoni.  Sistema ddisinjata tajjeb tista’ wkoll tnaqqas xi ftit mill-ispejjeż ta’ sistemi ekwivalenti bbażati fuq l-art billi jiġi ssimplifikat l-armar tal-pannelli.

SolAqua huwa proġett maqsum fi tliet fażijiet.  Fl-ewwel fażi, li tnediet fis-17 ta’ Diċembru 2014, il-proġett se jkun qed jittestja prototip li jikkonsisti f’ċattri b’pannelli flessibbli fuqhom.  Din is-sistema kienet il-biċċa l-kbira ddisinjata minn wieħed mill-imsieħba industrijali (General Membrane) u tagħmel użu mit-teknoloġija bbrevettata tagħhom fil-mod li l-pannelli huma marbuta maċ-ċattra.  Fit-tieni u t-tielet fażi l-proġett se jkun qed jittestja disinni ta’ proprjetajiet proposti mill-Università ta’ Malta.  Uħud minn dawn l-ideat bħalissa għaddejjin mill-proċess li jkunu bbrevettati u fl-2015 se jiġu mnedija prototipi.  Filwaqt li fil-preżent hemm diversi sistemi fotovoltajċi f’wiċċ l-ilma madwar id-dinja, din li ġiet imnedija hija possibbilment l-ewwel waħda f’baħar miftuħ li tpoġġi lil Malta quddiem nett f’dan il-qasam ta’ riċerka.

L-enerġija ġġenerata mis-sistemi bbażati fuq il-baħar se tkun imqabbla ma’ sistema simili fuq l-art.  Il-fatturi li qed jiġu studjati jinkludu kemm dawn huma tajbin għat-tbaħħir, l-effett li għandu fuq il-produzzjoni l-inxif tal-melħ fuq il-pannelli, l-effetti tat-tkessiħ u tar-rifless u l-korrużjoni.  Aktar minn hekk il-proġett qed jagħmel mudellar estensiv dwar l-aħjar disinn u l-inqas spiża għal sistema li żżomm f’wiċċ l-ilma.  Jekk ir-riżultati jkunu promettenti, issir tfittxija għal fondi u sħubija biex l-idea tiġi kkummerċjalizzata.

Dan il-proġett huwa wieħed fost diversi proġetti ta’ riċerka li bħalissa qed jagħmel l-Istitut għall-Enerġija Sostenibbli li huwa wkoll fil-proċess li jibni laboratorju modern ħafna għar-riċerka Art Solar permezz tal-użu ta’ fondi FEŻR.  L-Istitut qiegħed ukoll joffri kors ta’ filgħaxija għal MSc fl-Enerġija Sostenibbli u korsijiet ta’ taħriġ għal installaturi tal-PV u Solar Water heaters.

floatingsolarpanels1 

floatingsolarpanels2 

 


 

Titneda l-Iskema ta’ Kontribuzzjoni mill-Impejgati tal-Università għal Proġetti ta’ Riċerka

Ir-riċerka hija waħda mill-prioritajiet ewlenin tal-Università ta’ Malta. L-Università qed iżżid fil-ħidma tagħha biex tattira fondi u ssaħħaħ l-investiment għal riċerka ta’ kalibru għoli u żvilupp permezz tal-fond independenti RIDT (Research, Innovation and Development Trust).

L-iskema ġdida ta’ kontribuzzjoni mill-impejgati (Staff Contribution Scheme) tal-Università ta’ Malta u l-Junior College, li tnediet mill-RIDT, se tibda minn Jannar 2015. Il-membri tal-istaff qed ikunu mħeġġa biex, fuq bażi volontarja, jagħtu donazzjoni regolari ta’ ammont żgħir ta’ flus li jkun imnaqqas awtomatikament mis-salarji tagħhom qabel it-taxxa. Dawn id-donazzjonijiet ta’ kull xahar ser imorru għal aktar studji ta’ riċerka fost il-fakultajiet u d-dipartimenti kollha.

Din l-iskema l-ġdida ta’ kontribuzzjoni għandha l-appoġġ mit-tliet unjins li jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-impjegati tal-Università u l-Junior College. L-Assoċjazzjoni UMASA (University of Malta Academic Staff Association), l-MUT u l-UHM kollha wrew l-appoġġ tagħhom għal din l-iskema l-ġdida u ser ikunu qed iħeġġu lill-membri tagħhom biex jipparteċipaw. L-UMASA qed tkun tal-ewwel li tappoġġja din l-iskema b’mod konkret b’donazzjoni ta’ elf ewro lill-RIDT.

L-Università għandha l-impenn li tibqa’ minn ta’ quddiem fir-riċerka, lil hinn jekk hux studji esplorattivi, immexxija b’riżultat, jew riċerka applikata, b’tali mod li l-iżvilupp u l-innovazzjoni jitkomplu. Madankollu, ir-riċerka tiswa l-flus.

'L-Università tagħna qed issir ċentru importanti għal proġetti ta’ riċerka ta’ klassi dinjija, f’għadd ta’ dixxiplini, bħalma hi x-xjenza, il-mediċina kif ukoll l-istudji umanitarji u l-arti. L-Università tikkollabora ma’ universitajiet internazzjonali oħra, u ċentri u istituzzjonijiet edukattivi fuq numru sostanzjali ta’ proġetti ta’ riċerka,' qal il-Kap Eżekuttiv tal-RIDT, Wilfred Kenely.  

'Qegħdin nibdew nesperjenzaw l-appoġġ minn diversi setturi tas-soċjetà, imma l-università għandha bżonn kontinwament tal-fondi. Qed nitolbu l-għajnuna tal-kollegi u l-membri tal-istaff tagħna biex ikunu parti minn din l-iskema ta’ kontribuzzjoni biex issostnu din il-kawża ġusta,' qal Kenely.

Matul dawn l-aħħar sentejn l-Università ta’ Malta permezz tal-RIDT irċiviet kontribuzzjonijiet sostanzjali minn NGOs, bħalma huma l-Fondazzjoni ALIVE, LifeCycle Malta, Fondazzjoni Action for Breast Cancer, Europa Donna, kif ukoll minn kumpaniji korporattivi bħalma huma l-Fondazzjoni Alfred Mizzi, Malta Freeport Terminal, Evolve Limited, FIMBank, Bit8 u oħrajn. 

L-applikazzjoni għall-iskema ta’ kontribuzzjoni mill-impjegati tal-Università tista’ titniżżel minn fuq is-sit tal-RIDT jew direttament minn hawn [PDF].

 


 

Fejn Seħħ in-Nawfraġju ta’ San Pawl?

L-istorja tgħid li waqt li San Pawl kien fi triqtu għal Ruma biex jiffaċċja akkużi, il-ġifen li kien fuqu ġġarraf  ’l barra minn Malta fuq il-Gżejjer ta’ San Pawl f’San Pawl il-Baħar. Il-verità hi li m’hemm l-ebda evidenza konkreta li tikkonferma dan ir-rakkont. Skont l-aħħar ħarġa tar-rivista Think riċerka u sejbiet arkeoloġiċi reċenti jillimitaw il-possibilitajiet għal żewġ bajjiet: waħda fin-Nofsinhar u l-oħra fit-Tramuntana ta’ Malta. 

Artiklu ieħor jitkellem dwar ix-xjenza tal-inbid Malti - il-proġett ViEnergy {Programm FEŻR (2007-2013) Italja-Malta} qed ilaqqa’ riċerkaturi Maltin, li jvarjaw minn inġiniera għal xjenzjati tal-ikel, f’kollaborazzjoni ma’ enologi Taljani u esperti dwar l-enerġija.

Xi soluzzjonijiet kreattivi qed ibiddlu l-inbid u l-iskart tiegħu f’alka, prodotti farmaċewtiċi u elettriku – apparti milli jagħtu togħma itjeb lil dik it-tazza nbid u jagħtu lill-inbid Malti l-identità tiegħu. 

Malta hija wkoll qrib inħawi suġġetti għat-terremoti – Esibit A: Etna; esibit B: l-Ark Elleniku li jinsab taħt il-Greċja. Sismologi jiktbu dwar il-perikli għall-bini lokali u x’għandu jsir biex il-ħsara tkun minima.

L-erożjoni hija periklu ieħor għall-bini lokali. Riċerkaturi qed joħolqu materjali ġodda biex jirrestawraw il-ġebla, iżommuha sħiħa, u jevitaw aktar deterjorazzjoni.

Fuq nota aktar ferreħija, riċerkaturi qed jistudjaw Star Trek filwaqt li oħrajn qegħdin jerġgħu jivvintaw modi ta’ kif nirrakkuntaw l-istejjer permezz tal-użu ta’ medja diversi (Transmedia storytelling) – teknika li għad trid taqbad lokalment.

Studenti universitarji jiktbu dwar l-isterjotipi tal-ġeneru li l-kultura toħloq b’mod artifiċjali, filwaqt li studenti oħrajn qegħdin jirriċerkaw kif it-tniġġis tal-baħar jinfirex madwar il-baħar ta’ Malta, kif jiġu kkontrollati s-settijiet tat-televiżjoni permezz ta’ movimenti bl-idejn, u kif isiru implants aħjar għall-għadma tal-ġenbejn.

Alumni jitkellmu dwar kif tirnexxi billi tfalli, u dwar ir-riċerka tagħhom biex jifhmu l-marda tal-Alzheimer billi jużaw id-dubbien tal-frott.

Din il-ħarġa tinkludi lista ta’ gadgets li wieħed ma jistax jgħaddi mingħajrhom fil-Milied tal-2014, kif ukoll reċensjonijiet ta’ film, logħba, u ktieb, u comic – Think kollox. 

Ir-rivista Think tal-Università ta’ Malta tista’ tinġabar b’xejn mingħand il-librara madwar Malta u Għawdex u mill-ħwienet tal-kotba tal-Agenda. Issa tinsab onlajn fuq www.um.edu.mt/think, tinqara fuq Issuu, tiġi segwita fuq Twitter @ThinkUoM jew ‘liked’ fuq Facebook.
Think 11

 


 

L-Anzjani fis-Soċjetà

L-anzjani fis-soċjetà
Prof. Joseph Troisi, Direttur - Università tat-Tielet Età

 
Fil-passat, ħafna gvernijiet u agenziji volontarji kienu aktar jagħtu kas kif se jipproteġu u jieħdu ħsieb lill-membri anzjani tas-soċjetà.  Ftit kien isir enfasi fuq il-parteċipazzjoni u l-kontribuzzjoni tal-anzjani fil-proċess tal-iżvilupp tal-pajjiż stess.  Dan irriżulta biex l-anzjani kienu aktar jiddependu fuq ħaddieħor u anke jiġu mwarrba.

Biex dan ma jibqax iseħħ, trid issir bidla radikali billi nimxu minn perspettiva ta’ segregazzjoni għal strateġija ta’ parteċipazzjoni.  Il-Pjan Internazzjonali ta’ Azzjoni fuq l-Anzjanità ta’ Madrid tal-2002 jenfasizza li waqt li kull soċjetà għandha d-dmir li tgħin lill-persuni anzjani, trid ukoll tara li tibbenefika mir-riżorsi varji li huma jistgħu joffru.

Fil-fatt, l-ewwel tliet Direzzjonijiet ta’ Priorità tal-Pjan Internazzjonali ta’ Azzjoni ta’ Madrid huma dwar l-anzjani u l-iżvilupp.  Artiklu 16 juri biċ-ċar li “l-anzjani għandhom jipparteċipaw fil-proċess ta’ żvilupp u anke jkollhom sehem mill-benefiċċji li dan jista’ jkollu”.  Artiklu 19 jgħid “L-għan ta’ soċjetà għal kulħadd huwa li l-anzjani jkollhom l-opportunità jkomplu jagħtu l-kontribut tagħhom fis-soċjetà”. Peress li l-edukazzjoni hija bażi kruċjali għall-ħajja attiva u sodisfaċenti, Argument 4 ta’ l-ewwel Direzzjoni ta’ Priorità jittratta dwar l-AĊĊESS GĦALL-GĦARFIEN, EDUKAZZJONI U TAĦRIĠ.  L-ewwel Objettiv f’dan l-argument jittratta dwar Ugwaljanza ta’ opportunitajiet matul il-ħajja rigward edukazzjoni kontinwa, taħriġ u taħriġ mill-ġdid kif ukoll gwida vokazzjonali u servizzi ta’ tfittxija għax-xogħol.

L-istess ideat kienu enfasizzati fl-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Reġjonali  li ħareġ f’Settembru tal-2002 mill-Konferenza Ministerjali tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa.  Impenn 6 jittratta dwar il-Promozzjoni ta’ tagħlim kontinwu matul il-ħajja u adattament tas-sistema edukattiva sabiex jintlaħqu l-kundizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u demografiċi li qegħdin jinbidlu.

L-edukazzjoni hija l-bażi kruċjali għall-ħajja attiva u sodisfaċenti.  Fis-summit tal-Millennju ġie deċiż li għandu jiġi żgurat l-aċċess għal tagħlim kontinwu  matul il-ħajja.

Wieħed mill-aktar metodi effettivi ta’ parteċipazzjoni tal-anzjani fil-proċess ta’ żvilupp huwa t-twaqqif tal-università tat-tielet età (U3E). Artiklu 47 tal-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Reġjonali tal-UNECE tgħid li “il-promozzjoni tal-edukazzjoni tal-adulti u l-anzjani għandha tkun rikonoxxuta bħala investiment produttiv, għax ... ittejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-iżvilupp soċjali tal-anzjani”.  “F’dan ir-rigward, l-irwol ta’ istituzzjonijiet edukattivi għall-anzjani, bħall-università tat-tielet età, għandu jkun rikonoxxut u appoġġjat aktar.  F’numru ta’ pajjiżi, dawn kienu mezz importanti ta’ parteċipazzjoni u involviment tal-anzjani fis-soċjetà”.

Ħafna drabi nassoċċjaw l-edukazzjoni ma’ edukazzjoni formali.  Bl-istess mod, meta nirreferu għall-edukazzjoni u t-taħriġ fl-aspetti differenti tal-anzjanità, hemm riskju li nillimitawhom għal livelli għoljin ta’ speċjalizzazzjoni bħal ma huma l-ġerjatrija u l-ġerontoloġija.  L-għanijiet tal-U3E huma differenti minn dawk ta’ istituzzjonijiet ta’ tagħlim oħra li jippreparaw liż-żgħażagħ għall-ħajja u x-xogħol, jew li jerġgħu jħarġu persuna ta’ mezza età f’nofs il-karriera.  Dawn joffru impjieg b’salarju.  L-għan tal-U3E huwa li jingħata għarfien fejn m’hemmx bżonn ta’ kwalifiki speċjali biex wieħed jingħaqad bħala membru u lanqas jiġu mogħtija ċertifikati.  Għalhekk nirreferu għal min jattendi bħala membru u mhux bħala student.  Persuni li għandhom ‘l fuq minn 60 sena jistgħu jkunu membri.  Dawn jiġu minn diversi oqsma tal-ħajja, bħal nies professjonali, għalliema, infermieri, nisa tad-dar, eċċ.

Il-metodu użat huwa dak fejn il-parteċipanti jinvolvu ruħhom kompletament.  Il-programmi tal-U3E huma eżempji ċari tal-frażi “mill-anzjani għall-anzjani”.

L-ewwel U3E ġiet imwaqqfa fl-1972 fl-Università tax-Xjenzi Soċjali f’Toulouse fi Franza, fuq l-inizjattiva tal-Professur Pierre Vellas.  L-għan tagħha kien biex titjieb il-kwalità ta’ ħajja tal-anzjani permezz ta’ edukazzjoni għall-adulti u riċerka f’kuntest ta’ università bil-potenzjal ta’ nies intelletwali u administrattivi.

Il-proġett kien wieħed ta’ suċċess.  Numru ta’ universitajiet oħra fi Franza, l-Belġju, l-Isvizzera, il-Polonja, l-Italja u l-Kanada għamlu l-istess.  L-ewwel Universitajiet tat-Tielet Età ħadmu flimkien biex bnew relazzjoni ta’ ħbiberija kollaborattiva li wasslet biex fl-1975 inħolqot l-Assoċċjazzjoni Internazzjonali tal-Universitajiet tat-Tielet Età.

Filwaqt li l-U3E Franċiża kienet aktar fuq orjentazzjoni edukattiva, fir-Renju Unit, numru ta’ U3E kienu aktar fuq orjentazzjoni soċjali.  Dawn ippermettew biex l-anzjani jiltaqgħu flimkien u jagħmlu ħbieb ġodda.

Għan ieħor tal-U3E huwa li tgħallem kif wieħed għandu jgħix f’età avvanzata biex jibqa’ b’saħħtu, jaqdi lil ħaddieħor, jiżviluppa lilu nnifsu u jibqa’ attiv.

Fit-23 ta’ Jannar 1993, l-Istitut tal-Ġerontoloġija, kif kien magħruf dak iż-żmien, waqqaf l-Università tat-Tielet Età f’Malta.  L-ewwel ko-ordinatur kien il-mibki s-Sur Anthony M. Schembri, li flimkien ma’ grupp ta’ voluntiera ddedikati, ħadmu ħafna biex għelbu l-problemi li sabu biex titwaqqaf organizzazzjoni bħal din.  Kienu appoġġjati mill-Professur John Rizzo Naudi, l-ewwel Segretarju Parlamentari għall-Kura tal-Anzjani.  Ir-rispons tal-pubbliku kien ta’ kuraġġ kbir b’numru sabiħ ta’ 190 membru.

L-U3E f’Malta hija taħlita tal-mudelli Franċiżi u Ingliżi.  B’hekk, l-U3E ta’ Malta rnexxielha toħloq l-aspett soċjali bis-saħħa tal-edukazzjoni, kif ukoll, l-aspett edukattiv bis-saħħa tal-attivitajiet kulturali u soċjali. Il-programmi tal-U3E huma ppjanati mhux biex jgħaddu l-informazzjoni biss imma wkoll biex ikunu ta’ sfida intellettwali u biex jippromwovu l-għarfien.

Matul dawn l-aħħar wieħed u għoxrin sena, in-numru ta’ parteċipanti jammonta għal 14,200 membru.  Kif mistenni, peress li l-anzjanità hija iktar fenomenu femminili, hemm iktar membri nisa milli rġiel.  Barra minn hekk, l-akbar numru ta’ membri komplew ikunu rrapreżentati mill-gruppi ta’ bejn il-65-69 sena u s-70-74 sena.

Iċ-ċentru prinċipali tal-U3E qiegħed l-Istitut Kattoliku fil-Furjana.  Dan għandu 3 fergħat oħra, tnejn f’Malta u oħra f’Għawdex.  Iż-żewġ fergħat f’Malta jinsabu fl-iskola Sależjana ta’ St. Patrick f’Tas-Sliema u fiċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Kottonera, fil-Birgu.  Dik t’Għawdex tinsab fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum f’Għajnsielem.  It-tielet fergħa f’Malta hija mistennija li tinfetaħ f’Ottubru fil-Mosta biex tkopri l-inħawi ta’ Burmarrad, il-Għargħur, il-Mosta u n-Naxxar.

L-attendenza kbira għal-lezzjonijiet matul is-sena kollha tagħti indikazzjoni ċara tal-kwalità tal-programmi offruti kif ukoll tal-ħeġġa tal-membri li jipparteċipaw.

Il-pjan tal-U3E huwa biex il-membri jinvolvu ruħhom f’kull qasam.  B’hekk l-aspett soċjali huwa ta’ importanza daqs l-aspett akkademiku.  Il-membri tal-U3E għandhom l-Assoċċjazzjoni tagħhom.  Huma jħejju programm soċjali li jinvolvi żewġ ħarġiet kull xahar.  Kull erba’ xhur joħorġu ġurnal li huwa editjat u organizzat mill-membri stess.  L-U3E tinkoraġixxi gruppi ta’ interessi speċjali biex jitkomplew il-passatempi.  Tmintax-il sena ilu, il-membri ffurmaw kor.  Dan kien ta’ suċċess enormi.  Il-kor tal-U3E ta numru ta’ kunċerti f’okkażjonijiet differenti f’diversi lokalitajiet.  Grupp ta’ interess speċjali ieħor huwa l-Edukazzjoni Fiżika u l-Line Dancing.

L-Università tat-Tielet Età hija miftuħa għal kull min għandu ‘l fuq minn sittin sena.  M’hemm bżonn ta’ l-ebda kwalifika akkademika jew livell ta’ edukazzjoni partikulari.  Hemm bżonn biss tax-xewqa li tiltaqa’ ma’ ħaddieħor u li tagħmel l-aħjar li tista’ f’ħajtek.  Dawn l-universitajiet tat-tielet età għandhom irwol importanti biex ikun hemm bidla fl-isterjotipi tal-anzjanità li huma ta’ ħsara mhux biss għall-anzjani nfushom imma wkoll għas-soċjetà stess.

Matul dawn il-wieħed u għoxrin sena, l-U3E f’Malta u Għawdex għenet lil ħafna membri biex jiskopru għan ġdid f’ħajjithom. L-U3E uriet li hija eżempju ħaj tal-frażi “mill-anzjani għall-anzjani”.

KONKLUŻJONI

L-anzjanità la hija problema u lanqas iġġib xi kriżi.  Jarawha hekk dawk il-persuni li jħarsu lejn l-anzjani bħala sempliċi riċevituri.  Il-proċess tal-iżvilupp, kif spjegat min-Nazzjonijiet Uniti, għandu jsaħħaħ id-dinjità umana u jassigura li jkun hemm ugwaljanza fit-tqassim tar-riżorsi tas-soċjetà, id-dmirijiet u d-drittijiet bejn il-gruppi ta’ etajiet differenti.  L-anzjanità tkun ta’ suċċess meta tingħata importanza kbira lid-dinjità personali tal-anzjan, li l-anzjan huwa parti mis-soċjetà u r-rispett lejn l-anzjan innifsu.

Wieħed jista jirreġistra billi jinkiteb fl-ufficju tal-Furjana ġewwa l-Istitut Kattoliku bejn id-0900-1100hrs. Il-ħlas tar-reġistrazzjoni huwa ta` 12 il-Ewro. Ikun hemm lectures bejn nhar ta’ Tnejn u l-Ħamis.

Prof. Joseph Troisi

 


 

Studja bil-pass tiegħek – Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-PLAS

Wara s-suċċess tat-tnedija tal-Programm fl-Arti u x-Xjenzi Liberali (PLAS), l-Università ta’ Malta issa qed tilqa’ l-applikazzjonijiet għall-korsijiet qosra fi ħdan dan il-programm ġdid li se jkunu offruti fit-tieni semestru (minn Frar 2015). PLAS huwa programm mifrux fuq diversi dixxiplini li permezz tiegħu studenti ta’ kull età jistgħu jistudjaw bil-pass tagħhom billi japplikaw għal kemm u liema korsijiet jixtiequ. 

Bejn Frar u Mejju 2015 se jiġi offrut għoxrin kors qasir f’firxa wiesgħa ta’ suġġetti, fosthom l-astronomija, l-ekonomija, il-marketing, il-filosofija, il-kriminoloġija, il-psikoloġija tal-aġġustament u tar-relazzjonijiet tal-koppji, il-Kostituzzjoni ta’ Malta, l-iżvilupp tan-negozju, l-arti dekorattiva f’Malta, il-kultura tal-ikel fil-Mediterran, il-mediċina u l-arti, il-kultura Spanjola u Latino-Amerikana, u x-xjenza tal-pjanti u l-mard tagħhom. 

Kull kors jiġi akkreditat individwalment u l-flessibiltà tal-Programm tħalli lill-parteċipanti jużaw il-krediti ECTS li jkunu akkumulaw biex jiksbu Ċertifikat, Diploma, Diploma Ogħla jew Baċellerat, mingħajr limiti ta’ żmien. Il-lezzjonijiet isiru bejn is-6.00 u t-8.00 ta’ filgħaxija fil-kampus ewlieni (Tal-Qroqq) jew f’dak tal-Belt Valletta. Xi korsijiet se jkunu offruti fil-kampus t’Għawdex permezz ta’ videoconferencing.  

PLAS joffri opportunità mill-aqwa għall-iżvilupp personali u professjonali: biex dak li jkun iwessa’ l-għarfien tiegħu, itejjeb il-kwalifiċi, iżid il-flessibiltà fis-suq tax-xogħol, u jibda jew ikompli jistudja fl-Università.

Iċ-Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali issa qed joffri wkoll l-għażla ta’ vawċer li jista’ jintuża minn qraba, ħbieb u kollegi meta japplikaw għall-korsijiet fil-PLAS. Id-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet hija nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Jannar 2015. Għal aktar tagħrif: www.um.edu.mt/clas.

 


 

Programm fil-Kitba Kreattiva - Kittieb Residenti: Jim Crace

Il-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta llum nediet il-Programm tagħha fil-Kitba Kreattiva u ħabbret lill-awtur magħruf Jim Crace bħala l-ewwel Kittieb Residenti għal dan il-Programm.  Iż-żjara ta’ Jim Crace f’Malta hija bejn l-10 ta’ Novembru u d-19 ta’ Diċembru.  Il-Programm huwa maħsub biex jagħmilha ta’ forum biex jippromwovi l-eċċellenza fil-Kitba Kreattiva fl-espressjonijiet differenti tagħha, f’inizjattiva li, dwar it-twaqqif u l-iżvilupp aktar fit-tul tagħha, Jim Crace se jkun qed jagħti konsulenza matul ir-residenza tiegħu.  Għalhekk huwa ttamat li permezz tal-Programm, il-Fakultà tista’ tagħti kontribut sinifikattiv għall-capacity building fil-kitba kreattiva f’Malta b’mod aktar ġenerali, u għat-trawwim u l-promozzjoni ta’ potenzjal f’dan il-qasam.

Kittieba lokali u l-pubbliku ġenerali, kif ukoll studenti u staff fil-Fakultà tal-Arti u fl-Università ta’ Malta, se jkunu jistgħu jattendu għal attivitajiet ta’ qari u avvenimenti oħra li se jkun qed jipparteċipa fihom Jim Crace.  Tnejn minn dawn ser isiru din il-ġimgħa, u t-tielet wieħed – qari pubbliku – huwa avveniment li qed jiġi mħabbar illum.  Nhar il-Ġimgħa, 14 ta’ Novembru, mill-1215hrs sas-1330hrs, fl-Arts Lecture Theatre, se jkun hemm Konversazzjoni ma’ Jim Crace dwar il-Kitba Kreattiva.  L-avveniment se jinkludi Qari.  Dan huwa miftuħ għall-istaff u l-istudenti kollha tal-Università ta’ Malta.  Nhar il-Ġimgħa, 14 ta’ Novembru, fit-2030hrs, Jim Crace se jieħu sehem ukoll f’‘Abbozz’, fil-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.  Dan l-avveniment huwa miftuħ għall-pubbliku ġenerali, bħal ma hu dak ta’ nhar il-Ħamis, 4 ta’ Diċembru bejn is-7.00pm u d-9.00pm fl-Aula Magna, il-Kampus tal-Belt Valletta fejn Jim Crace se jaqra u jiffirma l-kotba.  Avviżi dwar avvenimenti oħra joħorġu fuq bażi regolari.

Jim Crace huwa wieħed mill-kittieba ta’ rumanzi l-iżjed onorati fil-Gran Brittanja llum.  Huwa rebaħ, fost premjijiet oħra, il-James Tait Black Memorial Prize (darbtejn), il-Whitbread Award, il-Guardian Fiction Prize u n-National Book Critics’ Award.  Huwa kien ukoll nominat għall-Booker Prize għar-rumanz l-aktar reċenti tiegħu Harvest (2013), li għalih kiseb il-premju prestiġjuż il-Windham-Campbell Prize for Fiction, mogħti mill-Università ta’ Yale, fl-2014.  Fost ir-rumanzi l-aktar ċelebri tiegħu hemm Continent (1986), The Gift of Stones (1988), Quarantine (1997), Being Dead (1999), The Pesthouse (2007) u Harvest (2013).

Jim Crace kien Professur Mistieden tal-Kitba Kreattiva f’numru ta’ istituzzjonijiet għall-edukazzjoni ogħla fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti, fosthom fl-Università ta’ Iowa (magħrufa sew għall-korsijiet ta’ livell għoli tagħha fil-Kitba Kreattiva), fil-University of Central England u, bħalissa, fl-Università ta’ Austin, f’Texas.  Ix-xogħol tiegħu ġie mfaħħar b’mod regolari minn kritiċi letterarji u reċensuri, imma huwa rikonoxxut ukoll bħala ‘kittieb għall-kittieba’ (a writer’s writer), li jgawdi rispett estensiv minn awturi oħra li japprezzaw is-safa, il-preċiżjoni u l-poeżija tal-kitba tiegħu.  Ix-xogħol tiegħu għandu qarrejja leali miġbuda lejn il-kwalità partikulari tal-fizzjoni tiegħu, fejn id-deżolazzjoni u l-fidwa, il-pajsaġġ u l-karattru jitħalltu fi stejjer memorabbli li jgħixu b’mod dejjiem fl-immaġinazzjoni.

Jim Crace Press Conference 

Jim Crace Press Conference 

 


 

Evolve Ltd tagħti tagħmir avvanzat lill-Università ta’ Malta

Evolve Ltd, kumpannija sussidjarja ta’ Attard & Co, għamlet donazzjoni ta’ tliet strumenti lill-Università ta’ Malta permezz tal-Fond tar-Riċerka tal-Università (RIDT). Dan it-tagħmir, li jiswa b’kollox €90,000, ser itejjeb u jiffaċilita l-programmi akkademiċi u l-istudji tar-riċerka fil-Fakultà tax-Xjenza u l-Fakultà tal-Mediċina u Kirurġija. It-tagħmir jikkonsisti f’mikroskopju kirurġiku Leica M620 F20, Gas Chromatograph u Polarimeter.

Evolve Ltd diġa’ bniet relazzjoni mal-Università ta’ Malta billi, permezz tal-RIDT, provdiet tliet strumenti oħra fl-2012 b’valur ta’ €70,500 lid-Dipartiment tal-Kimika. 

Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta l-Professur Juanito Camilleri rringrazzja lill-Evolve Ltd għal din il-kontribuzzjoni ġeneruża. Hu qal: 'Napprezzaw ħafna id-donazzjoni mogħtija minn Evolve Ltd. Dan it-tagħmir ser jagħtina l-opportunità li nkomplu ntejbu l-għarfien u x-xogħol tar-riċerka li qed isir fid-Dipartiment tal-Fiżjoloġija u Bijokimika, u fid-Dipartiment tal-Kimika.'
  
Id-Direttur Maniġerjali ta’ Evolve, Christopher Busuttil, qal: 'Bħala kumpanija ewlenija fl-industrija tax-xjenza u l-kura tas-saħħa, inħossu l-impenn li nwasslu valur u assitenza lin-nies li qed ifittxu li jeċċellaw f’dan il-qasam. Id-donazzjoni tagħna ssaħħaħ l-impenn li għandna biex nappoġġjaw il-fakultajiet tax-xjenza tal-Università fix-xogħol ta’ riċerka u fil-programmi tat-tagħlim u kif ukoll ngħinu lir-riċerkaturi żgħażagħ fil-karriera tagħhom.'

Il-mikroskopju kirurġiku Leica M620 F20 il-ġdid, bl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għolja ser ikollu użu konsiderevoli fid-Dipartiment tal-Fiżjoloġija u Bijokimika kemm għat-tagħlim kif ukoll għal fini ta’ riċerka. Il-mikroskopju hu tagħmir avvanzat u ser jieħu post il-mikroskopju l-antik li qed jintuża bħalissa fl-isuite annessa fil-faċilità ta’ neuro-imaging. 

Il-Gas Chromatograph u l-Polarimeter ser jintużaw fid-Dipartiment tal-Kimika fi ħdan il-Fakultà tax-Xjenza. 

'Hu ta’ kuraġġ li nissieħbu u nikkollaboraw ma’ kumpanniji bħal Evolve li jemmnu bis-sħiħ f’din il-kważa. Rigali ta’ tagħmir bħal dawn jiżguraw li l-istudenti għandhom aċċess għall-għodda li qed tintuża bħalissa mill-industrija. Hu ta’ importanza kbira li l-ħiliet tal-Universita jkunu fl-ogħla livelli possibbli. Nittamaw li l-appoġġ mill-industrija għal Fond tar-Riċerka tal-Università jkompli jikber biex tkun tista’ trawwem aktar xjentisti u riċerkaturi,' qal Wilfred Kenely il-Kap Eżekuttiv ta’ RIDT. 

RIDT twaqqfet mill-Università ta’ Malta biex issaħħaħ l-investiment fir-riċerka u tiżviluppha fuq livell nazzjonali. Għal aktar tagħrif dwar l-RIDT wieħed jista’ jżur is-sit www.ridt.org.mt.

Evolve Ltd makes advanced equipment donation to University of Malta

L-Associate Prof fin-Neuroscience Mario Valentino jispjega dwar l-użu tal-mikroskopju kirurġiku Leica M620 F20 il-ġdid, mogħti minn Evolve Ltd u li kien installat fil-laboratorju tad-Dipartiment tal-Fiżjoloġija u Bijokimika. Fir-ritratt jidhru wkoll ir-Rettur tal-Università l-Professur Juanito Camilleri (it-tielet mix-xellug), id-diretturi ta’ Evolve Ltd Gaby Holland, Hugh Arrigo (it-tieni mil-lemin), u d-Direttur Maniġerjali Christopher Busuttil. 

Evolve Ltd makes advanced equipment donation to University of Malta

Id-Direttur Maniġerjali ta’ Evolve Ltd Christopher Busuttil mal-Professur Mario Valentino, waqt il-preżentazzjoni tal-mikroskopju kirurġiku Leica M620 F20 il-ġdid, fil-preżenza tar-Rettur tal-Università l-Prof Juanito Camilleri u d-Diretturi ta’ Evolve Ltd Hugh Arrigo u Gaby Holland.

 


 

Il-Ministru Brincat iżur il-Proġett LifeMedGreenRoof tal-Università

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, is-Sur Leo Brincat, żar il-Fakultà għall-Ambjent Mibni fl-Università ta’ Malta sabiex jara l-progress li sar fuq il-Proġett LifeMedGreenRoof. Dan huwa proġett iffinanzjat mill-UE taħt l-iskema LIFE+.  Il-proġett għandu l-għan li jittestja l-potenzjal li bjut imħaddra għandhom biex iżidu l-effiċċjenza enerġetika tal-bini u biex itaffu l-għargħar lokali.

Il-proġett ilu għaddej għal din l-aħħar sena bl-ewwel fażi tiegħu miexja ġmielha.  Minn meta twaqqaf il-proġett, saru studji dwar l-għażla ta’ pjanti li għandhom jiġu kkultivati u ttestjati biex ikun magħruf kemm huma adattati biex jikbru f’ambjent ta’ bejt  imħaddar.  Il-bjut għandhom limitazzjonijiet partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mat-tkabbir tal-pjanti b’mod speċjali minħabba li huma esposti għall-elementi klimatiċi.  Għal din ir-raġuni, ma tintużax ħamrija. Minflok tintuża taħlita ta’ materjal inorganiku (engineered growing medium) biex jelimina problemi ta’ densità u piż.  Inħolqu żewġ materjali għat-tkabbir specifikament għall-klima ta’ Malta minn wieħed mis-sieħba Taljani tal-proġett, MinoprioAnalisi e Certificazioni.

Sa issa t-testijiet li qegħdin isiru qed jirnexxu.  Il-pjanti, li kollha huma endemiċi ħlief għal speċi waħda, qegħdin b’mod ġenerali jagħtu riżultati promettenti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kemm qed jikbru u kemm qabdu b’irrigazzjoni minima anke matul is-sajf.  Dawn it-testijiet se jkomplu għal perjodu ta’ sena bi preparazzjoni għall-kostruzzjoni ta’ bejt imħaddar għal skopijiet dimostrattivi li se jittella’ fuq wieħed mill-bjut tal-Fakultà għall-Ambjent Mibni.  Il-bejt imħaddar se jkun miftuħ għall-pubbliku u mistenni jkun komplut fis-sajf tal-2015.  L-iskop ta’ dan il-ġnien huwa biex jintwerew lill-pubbliku u lill-partijiet interessati l-benefiċċji tat-teknoloġija ta’ bejt imħaddar.  Il-bejt se jintuża wkoll biex jiġu ttestjati l-proprjetajiet tal-bjut imħaddra, bħala iżolant u l-mitigazzjoni tal-għargħar fil-kuntest lokali.  Proġett bħal dan qed isir ukoll fit-Tramuntana tal-Italja bħala parti mill-proġett LifeMedGreenRoof.  Dan se jgħin lir-riċerkaturi jifhmu kif il-prestazzjoni ta’ bejt imħaddar tiġi affettwata minn differenzi fil-klima.

Qed jiġu rreġistrati wkoll riżultati pożittivi f’dik li hija bijodiversità.  Minn meta tħawlu l-kaxex sperimentali (test trays) lejn l-aħħar tar-rebbiegħa ġie osservat ammont konsiderevoli ta’ insetti li huma ta’ benefiċċju, bħan-naħal li huma importanti għad-dakra tal-uċuh.  Insetti oħra li ġew osservati jinkludu friefet – ta’ min jinnota farfett partikulari li huwa l-farfett tal-fejġel Malti li huwa endemiku. 

Il-Ministru ġie muri l-kaxex esperimentali u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-proġett, “Illum qegħdin naraw l-ewwel anniversarju ta’ proġett b’saħħtu u dinamiku ta’ riċerka iffinanzjat mill-UE, u li kelli l-unur nattendi għall-attività ta’ inawgurazzjoni tiegħu sena ilu f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.  Diversi provi li saru s’issa qegħdin juru li l-kunċett tal-bjut imħaddra huwa ta’ siwi kbir f’Malta.  La darba jitwettaq, il-proġett ser jgħolli l-kwalità tal-ambjent mibni u jrendiha aktar sostenibbli.Mhix xi ħaġa ta’ kuljum li wieħed jiltaqa’ ma’ dan it-tip ta’ proġett li għandu diversi skopijiet, li minbarra li jippreserva l-bijodiversità, jista’ wkoll jassorbi l-ilma tax-xita, jipprovdi l-iżolament, u joffri ambjent sabiħ waqt li jgħin ukoll bil-mod tiegħu biex inaqqas it-temperaturi tal-arja f’postijiet urbani u jtaffi l-effetti tas-sħana.  Fuq bażi reġjonali żgur hu l-ewwel tal-għamla tiegħu.Billi dan jimlina b’entużjażmu u ammirazzjoni, tistgħu tiddependu fuq l-appoġġ tagħna.”

 

lifemedgreenroofvisit1

lifemedgreenroofvisit2 


Ir-ritratti huma mehudin minn Marvin Sultana

Aktar informazzjoni dwar il-proġett LifeMedGreenRoof tista’ tinstab fuq Facebook: www.facebook.com/lifemedgreenroofproject

Kull min jixtieq aktar informazzjoni jista’ jibgħat e-mail lil: lifemedgreenroof@um.edu.mt or on 23403621.

 


 

Il-President ta’ Malta fil-Fakultà tal-Mediċina

 


 

Qasir il-Għomor

Sentejn wara li Dun René Cilia ħalliena f’inċident nhar l-4 ta’ Novembru, il-qraba ta’ Dun René, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Malti fl-Università, se jkunu qed jippubblikaw Qasir il-Għomor, ġabra ta’ madwar 50 poeżija ta’ Dun René. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-poeżiji nkitbu fl-aħħar tliet snin ta’ ħajtu, jiġifieri bejn l-etajiet ta’ 24 u 27 sena. Żewġ poeżiji miktuba f’età ħafna iżgħar, meta l-poeta żagħżugħ kien għadu tifel fil-primarja, ġew inklużi fil-ġabra. Hemm ukoll għadd ta’ tpinġijiet u tħażżiżiet bil-kulur ta’ Dun René, li l-ispirtu tagħhom jikkumplimenta l-poeżiji stess.  

Dun René, minn Ħal Qormi iżda li kien qed jaqdi dmirijietu ta’ saċerdot ġewwa ż-Żejtun, jibqa’ magħruf għall-entużjażmu tiegħu fil-ħidma pastorali mal-qraba, mal-ħbieb, u ma’ persuni oħra li ma kenux jafuh iżda ħtieġu l-għajnuna spiritwali u materjali. Minbarra l-ħidma tiegħu fl-oqsma taż-żgħażagħ u l-volontarjat, Dun René ħadem ħafna mal-persuni neqsin mis-smigħ, u kien attiv fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni diġitali. Kien ukoll attiv fi ċrieki kulturali. Wara l-ewwel esperjenza tiegħu ta’ volontarjat ġewwa l-Etjopja mat-tfal morda bl-AIDS, kien qed jikkunsidra li jkollu esperjenzi oħra simili. L-impatt ta’ din l-esperjenza fuqu tidher anki fil-kitbiet tiegħu.  

L-antoloġija fiha żewġ daħliet, waħda ta’ Dr Bernard Micallef, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, u oħra ta’ Sr Bernadette Gafà, iz-zija ta’ Dun René. L-ewwel daħla tippreżenta lil René bħala kittieb emerġenti, filwaqt li t-tieni tagħti ħjiel ġdid fuq il-ħajja personali tal-awtur. Fl-aħħar tal-ġabra hemm ukoll għadd ta’ kitbiet ta’ natura kritika dwar il-poeżiji, imħejjija mill-Professuri Arnold Cassola u Oliver Friggieri, Dr Adrian Grima, u Dr Immanuel Mifsud, ilkoll letturi tad-Dipartiment tal-Malti. Magħhom qed jidher ukoll artiklu tas-Sur Kit Azzopardi, student tal-istess Dipartiment. L-edituri huma Dr Bernard Micallef u s-Sur Kit Azzopardi. 

 Il-ktieb jinsab għall-bejgħ il-Librerija Preca, il-Blata l-Bajda (2122 2626), u St Joseph School, il-Blata l-Bajda (2123 7936).

dunreneciliabookcover 

 


 

L-Għotja tal-Borża ta’ Studju tal-IOI

L-Għotja tal-Borża ta’ Studju tal-IOI Elisabeth Mann Borgese, 2014 u l-preżentazzjoni tar-riżultati tal-Borża ta’ Studju mogħtija fl-2013

Il-Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borgesei (EMB) tal-International Ocean Institute (IOI) twaqqfet bħala mezz biex jintwera rikonoxximent lil Malta bħala l-pajjiż li jospita lill-IOI, u talli jilqa’ l-Kwartieri Ġenerali tal-IOI u jipprovdi l-uffiċċji u l-faċilitajiet għall-istaff fuq il-Kampus tal-Imsida tal-Università ta’ Malta. Il-Borża ta’ Studju hija ffinanzjata mill-IOI u tikkostitwixxi għarfien u apprezzament addizzjonali għall-irwol tal-Prof. E. Mann Borgese, fundatriċi tal-IOI, u għall-kisbiet konsiderevoli tagħha.

Il-Borża ta’ Studju EMB 2014 qed tingħata lil Ms Marija Mangion biex tagħmel riċerka dwar
Influence of tuna penning activities on soft substratum macrofaunal assemblages. Ix-xogħol propost jirrekjedi assessjar tal-impatt taż-żamma tat-tonn fil-gaġeġ (tuna penning) fuq l-ambjent artab ta’ qiegħ il-baħar permezz ta’ assessjar tal-flora u l-fawna ta’ taħt l-ilma (benthic assemblages) preżenti fil-viċinanza tal-farms tat-tonn; u l-applikazzjoni tal-indiċi tal-qiegħ tal-baħar żviluppati barra l-pajjiż biex jiġi assessjat l-istatus ekoloġiku tal-ilmijiet tal-kosta, sabiex jiġi evalwat kemm dawn huma applikabbli madwar il-Gżejjer Maltin. Ir-riċerka ser issir taħt is-superviżjoni tad-Dipartiment tal-Bijoloġija, il-Fakultà tax-Xjenza, fl-Università ta’ Malta. Ms Mangion ingħatat is-somma ta’ €3,500 biex tintuża ħalli tkompli r-riċerka tagħha fuq perijodu ta’ sena.

Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Borża ta’ Studju għal din is-sena saret fit-13 ta’ Ottubru fl-uffiċċji tal-Kwartieri Ġenerali tal-IOI fuq il-Kampus u saret ukoll żjara lil-Laboratorju tal-Fluwidi Dinamiċi (Fluid Dynamics Laboratory) fil-Fakultà tal-Inġinerija biex jiġi esebit it-test workbench li nħoloq bħala riżultat tal-Borża ta’ Studju mogħtija fl-2013.

Il-Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borgese tal-IOI għas-sena 2013 (EMB Bursary) kienet ingħatat lis-Sur Daniel Buhagiar biex jagħmel riċerka dwar Ocean Thermocline Energy Extraction using Wind Energy. Ir-riċerka fid-Dipartiment tal-Inġinerija Mekkanika, taħt is-superviżjoni tal-Prof. Ing. Tonio Sant, kienet qed tagħmel evalwazzjoni dwar il-possibbiltà li pompi ta’ kapaċità kbira jieħdu post il-generator elettriku u l-gearbox fit-turbini tar-riħ konvenzjonali ’l barra mill-kosta. Sistema bħal din tkun tista’ tipprovdi sors ta’ enerġija hybrid u żżid il-vijabilità ta’ turbini konvenzjonali ’l barra mill-kosta. Permezz tal-provvista ta’ elettriku konvenzjonali flimkien ma’ sistema ta’ tkessiħ diretta (direct cooling), it-turbina tar-riħ tkun tista’ tnaqqas il-konsum tal-elettriku li jirriżulta minn sistemi ta’ arja kkondizzjonata.   

Bil-fondi tal-Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borgese 2013 setgħet issir il-kostruzzjoni ta’ test-bench esperimentali li jirreplika l-istadju ta’ konverżjoni idroelettrika. Dan huwa l-parti tas-sistema li tbiddel l-ilma baħar taħt pressa għolja f’enerġija mekkanika biex iddawwar il-generator elettriku.  It-test-bench huwa ddisinjat biex jinteraġixxi ma’ sistema avvanzata ta’ kontroll u kisba ta’ data, li tuża sensors speċjalizzati li wkoll inkisbu permezz tal-fondi tal-borża ta’ studju. Pompa ta’ pressa għolja temula s-sistema tat-turbini tar-riħ u tiġġenera l-enerġija fluwida meħtieġa biex iddawwar it-turbina idroelettrika. It-tħaddim tal-pompa b’veloċità varjabbli temula varjazzjonijiet fl-operazzjoni tat-turbina minħabba tibdil fir-riħ. L-għan tal-esperiment hu li jinkisbu kurvi tal-prestazzjoni preċiżi għal dan it-tip ta’ turbina u jiġġustifika għodda tal-komputazzjoni li qed tiġi żviluppata bħala parti minn riċerka tal-Ph.D.  Meta jitqabblu r-riżultati ta’ simulazzjoni ma’ data esperimentali mit-test-bench dan jippermetti l-użu b’mod kunfidenti tal-għodda tal-komputazzjoni.  Id-dipartiment għandu wkoll il-ħsieb li jkompli juża t-test-bench għal esperimenti addizzjonali fi proġetti ta’ riċerka fil-futur kemm fil-livell tal-ewwel grad kif ukoll ta’ wara l-ewwel grad. Huwa żgur li din hija żieda utli ħafna mar-riżorsi tal-laboratorju tal-fluwidi dinamiċi. It-test-bench intwera lill-uffiċjali mill-IOI u l-Università ta’ Malta li jamministraw il-Borża ta’ Studju EMB u plakka kommemorattiva fuq it-test-bench tirreferi għas-sors ta’ finanzjament. 

Għal aktar informazzjoni dwar l-IOI u l-programmi tiegħu jekk jogħġobkom jew ikkuntattjaw lil ioihq@ioihq.org.mt jew żuru s-sit elettroniku: www.ioinst.org.

 ioigroupembbursary14

mix-xellug għal-lemin: IOI Intern Gonzalo Garcia de Arboleya de la Quintana; ir-rebbieħ tal-Borża ta’ Studju tas-sena Daniel Buhagiar; ir-rebbieħa tal-Borża ta’ Studju EMB ta’ din is-sena, Marija Mangion; Dr Joseph Borg, Kap tad-Dipartiment tal-Bijoloġija, Università ta’ Malta – (is-supervisor tal-Ph.D. għal Marija); Dr Awni Behnam, President Onorarju tal-IOI; il-Pro-Rettur Alfred Vella (ukoll membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-IOI) u Antonella Vassallo, Maniger Ġenerali (Interim) tal-IOI u Koordinatriċi ta’ OceanLearn

 embbursary14workbench

Il-work bench li juri l-plakka fil-Laboratorju tat-Termodinamika u l-Fluwidi fil-Binja tal-Inġinerija.

 

ioigroupembbursary14lab

Fil-Laboratorju tat-Termodinamika u l-Fluwidi fil-Binja tal-Inġinerija; mix-xellug għal-lemin: Gonzalo Garcia de Arboleya de La Quintana, Dr Joe Borg, Antonella Vassallo, il-Pro-Rettur Alfred Vella, Dr Awni Behnam, President Onorarju tal-IOI, Id-Dekan tal-Fakultà tal-Inġinerija, Dr John Betts, u l-Prof. Ing. Tonio Sant (supervisor tal-Ph.D ta; Daniel Buhagiar) u Daniel Buhagiar.

 _____________________

Elisabeth Mann Borgese (24 t’April, 1918 – 8 ta’ Frar, 2002), waqqfet l-IOI fl-1972 bħala organizzazzjoni internazzjonali mhux governattiva u li ma taħdimx għall-profitt, ibbażata fuq l-għerf, u li hija ddedikata għall-iżvilupp sostenibbli tal-oċeani. L-IOI jaħdem biex iwettaq u jespandi l-prinċipji miġbura fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar għall-benefiċċju tal-umanità kollha, b’konsiderazzjoni partikulari għall-foqra.  Il-missjoni tal-International Ocean Institute hija li jippromwovi edukazzjoni, taħriġ u riċerka biex itejjeb l-użu paċifiku tal-ispazju tal-oċean u r-riżorsi tiegħu, l-immaniġġjar u r-regolamentazzjoni tagħhom kif ukoll il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar, immexxija mill-prinċipju tal-Wirt Komuni tal-Umanità.

Malta hija l-pajjiż li jospita l-Kwartieri Ġenerali tal-International Ocean Institute. Bħala stat gżira fiċ-ċentru tal-Baħar Mediterran hija għandha storja twila ta’ dipendenza fuq il-baħar kif ukoll tradizzjoni qawwija ta’ xogħol marittimu, tas-sajd u tat-tbaħħir. Is-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea tobbligaha li żżomm mal-politiki marittimi u tas-sajd kif ukoll ma’ konvenzjonijiet u regolamenti li għandhom skop globali.

 


 

L-Università ta’ Malta f’xogħol kollaborattiv ma’ żewġ Universitajiet Ċiniżi

Delegazzjoni ta’ livell għoli mill-Università tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża ta’ Shanghai (Shanghai University of Traditional Chinese Medicine – SUTCM) immexxija mill-President il-ġdid, il-Professur Jiangjan Xu, iltaqgħet mas-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Mr Chris Fearne, u r-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof. Juanito Camilleri.  Il-partijiet iddiskutew il-ftehim li diġà kien intlaħaq bejn l-SUTCM u l-Università ta’ Malta fl-2013 biex jittnieda kors għall-grad ta’ Master fil-Mediċina Tradizzjonali u l-Kultura Ċiniża. 

Fid-diskors tiegħu ta’ merħba, ir-Rettur tal-Università rringrazzja lill-Professur Jiangjan Xu u d-delegazzjoni tiegħu għaż-żjara tagħhom fl-Università ta’ Malta.  Il-Professur Camilleri rringrazzja wkoll lis-Sur Reno Calleja, il-President tal-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina u membru tal-Kunsill tal-Università, għall-assistenza kontinwa tiegħu biex jgħin ħalli dan il-proġett jimxi ’l quddiem.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Mr Chris Fearne, fakkar li Malta diġà kellha ċ-Ċentru Mediterran tal-Agupuntura f’Kordin, li kien twaqqaf bejn l-Università ta’ Nanjing u l-Gvern Malti fl-1980, u li kellu suċċess kbir ħafna.  Mr Fearne qal li l-kors għall-grad ta’ Master huuwa pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba biex jistabbilixxi lil Malta bħala ċentru għat-turiżmu mediku.

Huwa maħsub li l-kors jibda f’Ottubru 2015. Il-Professuri Alfred Vella, Joseph Cacciottolo u Charles Savona Ventura qegħdin jaħdmu flimkien mal-SUTCM biex jiżviluppaw il-kurrikulu u jfasslu l-programm akkademiku.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, akkumpanjat mir-Rettur tal-Università ta’ Malta u s-Sur Reno Calleja, kien żar l-SUTCM biex jiġġedded l-impenn dwar il-kors għall-grad ta’ Master li għandu l-għan li jattira lil tobba u professjonisti fil-kura tas-saħħa minn Malta kif ukoll minn barra.

Matul iż-żjara fiċ-Ċina kien ġie ffirmat Ftehim mal-Ministru Ċiniż għall-Edukazzjoni biex jiġu rikonoxxuti l-lawrji mogħtija mill-Università ta’ Malta.  Il-Ministru Bartolo kien żar ukoll l-Università tal-Istudji Barranin ta’ Beijing fejn ippromwova t-tagħlim tal-lingwa u l-Kultura Maltija.  Tletin student Ċiniż issa rreġistraw għal dan il-kors.

 
chineseuniversitiesagreement

 


 

Għaliex Sparixxew in-Nies tat-Tempji?

Madwar l-2500 sena qabel Kristu sparixxiet ċiviltà sħiħa.  Dan kien minħabba estremiżmu reliġjuż? Żvilupp żejjed?  Qerda ekoloġika? Taqbid tal-gwerra? Mard? Il-fatt hu li ma nafux.  L-aħħar ħarġa tar-rivista Think tkopri proġett bl-isem ta’ FRAGSUS li qiegħed jipprova jsolvi dan il-misteru.

Riċerkaturi minn ħames istituzzjonijiet (inkluża l-Università ta’ Malta), seba’ pajjiżi, li jinvolvu ’l fuq minn 80 persuna, qegħdin jiskavaw siti antiki u jħaffru fil-ħamrija sas-sodda tal-blat (cores) madwar Malta u Għawdex biex jiġbru l-evidenza.  Huma qegħdin ifittxu tagħrif billi jużaw tekniki xjentifiċi biex jerġgħu joħolqu l-ambjent antik.  Meta jkollhom informazzjoni biżżejjed biex imorru lura fil-passat, huma jkunu jistgħu jaraw x’ġara.  Ir-risposta tikkonsolida l-identità ta’ Malta ma’ dawn it-tempji antiki.

Lura lejn il-futur, Malta qed tiffaċċja problema li se tikber: id-Dimenzja.  Fl-2010 n-numru ta’ persuni bid-dimenzja f’Malta kien ta’ 5,000.  Sal-2030, dan in-numru se jirdoppja għal 10,000.  Fl-2015 Malta ser tniedi l-Istrateġija Nazzjonali tad-Dimenzja f’Malta biex tingħeleb il-problema.

Storja oħra titkellem dwar pool party li se jibda mal-ewwel xita f’Malta u Għawdex.  Dr Sandro Lanfranco u t-tim tiegħu ta’ studenti jiktbu dwar għadajjar żgħar bejn il-blat fix-xtajta.  L-ispeċi li jinsabu fihom jgħixu avventura kontinwa u jiffaċċjaw riskji kbar sabiex jibqgħu ħajjin f’dan l-ambjent estrem.

Din il-ħarġa hija mimlija stejjer.  Molekuli kkuluriti jistgħu jġibu ondata ġdida ta’ sensors għal apparat, qed jinħolqu forom ġodda ta’ konkrit li jkunu jistgħu jipprovdu iżolament aħjar lid-djar tagħna, u l-Prof. Frances Camilleri-Cassar tikteb artiklu f’waqtu dwar il-fehma tagħha ta’ kif l-Università ta’ Malta għandha tadotta politika ta’ benesseri soċjali biex tagħmel tajjeb għall-ħajja universitarja stressanti. 

Ir-rivista Think hija ppakkjata b’sezzjoni ta’ divertiment minn comics sa reċensjonijiet tekniċi u ittri ta’ mħabba.  Studenti wkoll jgħidu stejjer dwar id-DNA taż-żebbuġa Maltija, video streaming aħjar, u logħob aktar intelliġenti.  Alumni jitkellmu dwar il-karrieri tagħhom fir-riċerka medika u l-inġinerija tas-softwer.  Hemm xi ħaġa għal kulħadd f’dawn il-paġni.

Ir-rivista Think tal-Università ta’ Malta tista’ tinġabar b’xejn mingħand il-librara madwar Malta u Għawdex u mill-ħwienet tal-kotba tal-Agenda. Issa tinsab onlajn fuq: www.um.edu.mt/think, tinqara fu Issuu tiġi segwita fuq Twitter@ThinkUoM jew ‘liked’ fuq  Facebook.
Think 10

 


 

Iktar minn 200 applikazzjoni għal Programm ġdid tal-Università ta’ Malta

Il-Programm il-ġdid fl-Arti u x-Xjenzi Liberali (PLAS) tal-Università ta’ Malta attira iktar minn 200 applikazzjoni għall-ewwel dħul fi 17-il kors qasir li se jkunu qed isiru bejn Ottubru u Jannar. Kapijiet Uffiċċjali Eżekuttivi, suldati, tobba, għalliema u oħrajn ġejjin minn oqsma differenti rreġistraw għal korsijiet fl-arkeoloġija, l-istorja tal-arti, il-psikoloġija, it-tmexxija tar-riżorsi umani, il-bioloġija tal-baħar, id-Divina Commedia ta’ Dante u korsijiet oħra tal-PLAS. Studenti jistgħu jagħżlu liema u kemm-il kors qasir jixtiequ, bil-possibiltà li jiksbu ċertifikat, diploma, diploma ogħla u baċellerat fl-Istudji Liberali. 

Waqt li kien qiegħed jindirizza Laqgħa t’Introduzzjoni fil-Kampus tal-Belt Valletta fl-1 t’Ottubru, ir-Rettur tal-Università, il-Professur Juanito Camilleri, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li din l-opportunità ġdida ntlaqgħet b’tant interess. “Ridna nimlew dak li rajna bħala vojt billi noffru rotta flessibbli biex wieħed jibda jew ikompli l-edukazzjoni terzjarja. Jidher li d-deċiżjoni tal-Università li twaqqaf iċ-Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali (CLAS) bl-għan speċifiku li jiżviluppa u jikkoordina dan il-Programm kien pass fid-direzzjoni t-tajba,” qal il-Professur Camilleri.

L-istudenti l-ġodda ngħataw merħba mid-Direttur taċ-Ċentru Dr Jean-Paul De Lucca, li fisser il-ħsieb wara l-Programm u l-istruttura tiegħu. Dr De Lucca qal li PLAS huwa “programm mfassal fuq min qed jitgħallem, li jgħaqqad il-kwalità mal-flessibiltà, u li permezz tiegħu l-istudenti jistgħu jiżviluppaw il-programm tal-istudju tagħhom skont l-interess, il-ħin u l-ħtiġijiet tagħhom.”

Matul il-Laqgħa t’Introduzzjoni l-istudenti ingħataw tagħrif dwar il-Librerija, is-servizzi tal-informatika u servizzi amministrattivi oħra minn uffiċċjali tal-Università.

Taqsimiet tal-PLAS jiġu offruti f’kull semestru u l-lezzjoniijiet normalment isiru filgħaxija. Kull kors jiġi ċċertifikat u akkreditat mill-Università. L-applikazzjonijiet għal Frar 2015 jiftħu lejn l-aħħar ta’ Novembru. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mis-sit: Centre for the Liberal Arts & Sciences

plasintroductorymeetingspeakers 

plasintroductorymeetingaudience 

plasintroductorymeetingrector 

 


 

Ftuħ tas-Sena Akkademika 2014-5

Tema: ĦABREK, ŻBALJA, TGĦALLEM... IRNEXXI, IKBER... GĦIX!

Id-Diskors tar-Rettur

Il-Professur Juanito Camilleri, Rettur tal-Università ta’ Malta, u s-Sur Gayle Lynn Callus, President tal-Kunsill Studenti Universitarji KSU, illum taw merħba lil studenti ġodda waqt ċerimonja li tikkaratterizza l-bidu tas-Sena Akkademika 2014-2015. Din kienet segwita mill-Ftuħ ta’ Freshers’ Week fl-Atriju Vassalli. Wara, il-Quddiesa ta’ Inawgurazzjoni kienet iċċelebrata minn Fr Michael Bugeja SJ, Chaplain tal-Università.

It-tema magħżula għal din is-sena hija: ĦABREK, ŻBALJA, TGĦALLEM... IRNEXXI, IKBER ...GĦIX! Ir-rettur spjega li dawn is-sitt kelmiet kienu ta’ siwi kbir għalih f’ħajtu, kif jaħseb li jkunu għal ħajjet l-istudenti wkoll.

Il-Professur Camilleri nkoraġġixxa lill-istudenti biex IĦABIRKU, jkunu biżlin, u jfittxu lil hinn minn dak li jħossukom komdi bih.  Huwa fakkar li m’hemmx għalfejn tistħi meta tiżbalja.  Tkun tal-mistħija biss jekk wieħed ma jagħmilx l-almu tiegħu.  Ir-Rettur qal li TIŻBALJA jew li ma tirnexxix hija parti naturali u essenzjali ta’ ħajja bieżla u impenjata.  Naturalment wieħed għandu JITGĦALLEM mill-iżbalji tiegħu u jħaddan l-għerf miksub bħala riżultat.  Il-Professur Camilleri b’umiltà fakkar ukoll lill-kollegi akkademiċi li l-metodi biex tgħallem u teżamina kors ta’ studju m’għandhomx ikunu bbażati fuq il-kapaċità li wieħed jimmemorizza jew jirrepeti l-fatti iżda fuq kif student jirnexxilu jassimila s-suġġett, u kif dan it-tagħlim imbagħad jintwera b’mod naturali fil-mod ta’ ħsieb kreattiv u individwali tal-istudent.  Fi kliem ieħor, qal ir-Rettur, hu xtaq li l-istudenti jifhmu li t-tagħlim huwa esperjenza intima u mhux mistier kosmetiku u artifiċjali.

Il-Professur Camilleri qal li TIRNEXXI u tilħaq l-għanijiet tiegħek jibqa’ dak li jixprunana ’l quddiem.  Għalkemm kif semma qabel, mhux diżunur li ma tirnexxix, is-suċċess huwa ħelu ħafna, b’mod partikulari jekk l-isfida ma tkunx faċli.  Huwa awgura li l-istudenti jduqu t-togħma tas-suċċess u jżidu l-aptit għal aktar.

Fl-istedina tiegħu lill-istudenti biex JIKBRU waqt li jkunu l-Università, ir-Rettur qal li ma kienx qiegħed jirreferi biss għal tkabbir intellettwali jew professjonali – din hija parti waħda minn formazzjoni sħiħa.  Huwa stieden lill-istudenti jikbru bħala bnedmin impenjati, sensittivi għall-bżonnijiet tal-oħrajn, konxji minn dak li kien qed jiġri fid-dinja – dinja ta’ faqar, gwerer, dinja b’kilba bla xaba għar-riżorsi.  Ir-Rettur qal li għal dan il-għan huwa kien qiegħed jistieden lill-komunità universitarja kollha biex tipprova tagħmel lid-dinja post aħjar, għax huwa b’dan il-mod li kollha nsiru gradwati... gradwati tal-ħajja.

Ir-Rettur inkoraġġixxa lill-istudenti JGĦIXU ħajja mimlija u jaħtfu opportunitajiet barra l-pajjiż.  Hawnhekk huwa fakkar lil kulħadd preżenti li din kienet università internazzjonali, u laqa’ lill- istudenti minn 84 pajjiż.  Huwa qal li d-diversità kulturali hija ċċelebrata fl-Università, u hija essenzjali, għal ħafna raġunijiet, li din tattira studenti minn kull rokna tad-dinja.  Filwaqt li għaraf li l-maġġoranza assoluta tilqa’ bil-qalb studenti, akkademiċi u membri oħra tal-istaff minn kulturi u pajjiżi differenti, huwa fakkar lil kulħadd li s-Senat tal-Università ddikkjara b’mod l-aktar ċar li ma kellu jkun hemm l-ebda tolleranza għal xi mġiba razzista.

Wara l-ewwel parti tad-diskors tiegħu bil-Malti, il-Professur Camilleri imbagħad indirizza lill-freshers internazzjonali.  Huwa tkellem dwar l-investimenti varji fi proġetti u fl-iżvilupp tal-faċilitajiet fl-Università.  Huwa semma siti oħra fejn hemm kampus – dawn huma l-faċilitajiet tal-Iskola Medika fl-Isptar Mater Dei, il-Junior College, il-Kampus tal-Belt Valletta, il-Kampus ta’ Għawdex, iċ-Ċentru tar-Riżorsi fil-Kottonera, il-Ġnien tal-Argotti l-Furjana, u Ċentru tar-Riżorsi ieħor li se jinfetaħ dalwaqt f’Marsaxlokk, iddedikat għall-Enerġija Sostenibbli.

Ir-Rettur qal li x-xogħol fuq Master Plan għall-Kampus tal-Imsida jaħseb għal ħames proġetti kbar, li l-kostruzzjoni tal-anqas tnejn minnhom hija skedata li tibda fis-sena jew sentejn li ġejjin meta jiġu żgurati l-fondi ta’ Żvilupp Reġjonali Ewropew.

Il-Professur Camilleri tkellem dwar viżjonijiet ambizzjużi għall-kostruzzjoni ta’ Kumpless għal Ħajja Sostenibbli modern ħafna li jeħtieġlu investiment ta’ madwar €36 miljun biex jiġbor fih il-Fakultà għall-Ambjent Mibni, il-Fakultà tal-Edukazzjoni, l-Istitut għall-Enerġija Sostenibbli, l-Istitut tas-Sistemi Ambjentali, u Skola għall-Arti Viżiva; il-bini ta’ Kumpless ta’ Laboratorji Post-doc, Kreattivi, u  tal-Inġinerija – magħruf bħala l-“Inkubatur għar-Riċerka” trans-dixxiplinarju tal-Università.  Dan se jkun qed iġib l-istudios tal-Iskola tal-Performing Arts tal-Università fil-qalba tal-Kampus, u jkun qed joħloq, għall-ewwel darba, post għall-faċilitajiet għal gruppi ta’ riċerka tematika trans-dixxiplinarja minn riċerkaturi post-dottorali. Ir-Rettur stqarr li aktar minn hekk, dan se jkun qiegħed jipprovdi l-ispazju addizzjonali meħtieġ ħafna għal-laboratorji tal-inġinerija, għall-Istitut għat-Tifsil u l-Iżvilupp tal-Ħsieb, iċ-Ċentru għall-Intraprenditoija u għall-inkubatur tan-negozju.  Ir-Rettur stqarr li dan il-proġett ukoll ikun jeħtieġ investiment addizzjonali ta’ mhux inqas minn €39 miljun.

Il-Professur Camilleri tkellem ukoll dwar pjanijiet aktar fit-tul li jinkludu: il-kostruzzjoni ta’ Kumpless Residenzjali u tal-Komunità tal-Università fuq l-art li nxtrat dan l-aħħar maġenb l-entratura prinċipali fuq il-Kampus.  Dan ikun jipprovdi akkomodazzjoni għall-istudenti u varjetà ta’ servizzi u kumditajiet oħra għal kulħadd.  Huwa tkellem dwar pjanijiet għal Kumpless għax-Xjenzi Kliniċi u tas-Saħħa b’parkeġġ estensiv taħt l-art u faċilitajiet ta’ trasport pubbliku fuq is-sit preżenti tal-parkeġġ prinċipali għall-istudenti.  Dan ikun jippermetti li l-Iskola Medika tiċċaqlaq minn Mater Dei biex jiżdiedu s-sodod.  Ir-Rettur qal ukoll li ġew iddraftjati pjanti għall-Kumpless tal-Università għall-Isports u l-Benessri biex terġa’ tingħata l-ħajja lill-isports fuq il-Kampus.  Il-Professur Camilleri ammetta li għadu ma jafx minn fejn se jiġu l-fondi għal dan iżda kien ċert li kollox jista’ jinkiseb jekk kulħadd jaħdem flimkien. Huwa qal, ‘Sakemm ma nkomplux bis-serjetà ngħollu l-livell tal-infrastruttura fuq il-Kampus biex jaqbel mal-ħtiġijiet ta’ dinja moderna, tkun ħasra li fi żmien għaxra jew għoxrin sena, din l-Alma Mater li għandha 420 sena tkun tista’ biss tħares lura, mhux ’il quddiem!’

Ir-Rettur kompla jagħti dettalji dwar kisbiet reċenti, bħax-xogħol fuq l-estensjoni tal-Fakultà tal-Midja u x-Xjenzi tal-Għarfien, iċ-Ċentru għall-Intraprenditorija u għall-Inkubazzjoni tan-Negozju, l-Uffiċċju għat-Trasferiment ta’ Tagħrif, u l-Inkubatur tan-Negozju nnifsu li qal li issa kien mimli attività.  Ir-Rettur tkellem dwar l-estensjoni ta’ żewġ sulari fuq l-ispazju okkupat mill-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija u d-Dipartiment tal-Bijoloġija fuq il-Kampus, li ladarba jitlestew iġibu flimkien numru sinifikattiv ta’ riċerkaturi stabbiliti minn għadd ta’ fakultajiet taħt il-kappa taċ-Ċentru għall-Mediċina Molekulari u l-Bio-banking li għadu kif twaqqaf.

Hawnhekk, ir-Rettur irringrazzja lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għall-appoġġ kontinwu tiegħu, u l-Ministeru tal-Finanzi li qal issa kienu draw l-appelli minn Oliver tal-Università dejjem jitlob għal aktar.

Lil hinn mill-Kampus tal-Imsida, ir-Rettur tkellem dwar it-tisbiħ tal-Kampus tal-Belt Valletta f’ċentru għall-gradwati u għall-konferenzi internazzjonali, dwar pjanijiet biex jiġu estiżi l-faċilitajiet fuq il-Kampus ta’ Għawdex, u l-preparazzjoni ta’ lista estensiva ta’ xogħlijiet li kienu jeħtieġu jsiru fil-Junior College. 

Il-Professur Camilleri rringrazzja lil Pro-Retturi tiegħu għall-għajnuna bla qjies tagħhom u talli qasmu miegħu il-viżjoni, ferħ u frustrazzjonijiet, imma aktar importanti huwa qal ‘talli jibqgħu għaddejjin, ħafna drabi, minkejja t-tfixkil’.  Huwa rringrazzja lill-Kulleġġ tad-Dekani li dejjem ipprovdew feedback kostruttiv u pariri kull meta kien hemm bżonn.

Fit-tmiem id-diskors tiegħu, ir-Rettur appella għal darb’oħra lill-komunità tal-istaff u l-istudenti biex jimpenjaw ruħhom, b’kull mod li jistgħu,  qabel u waqt l-iżvolġiment taż-żewġ avvenimenti ta’ importanza nazzjonali – il-Presidenza Maltija tal-UE fl-2017, u Valletta l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018.  Il-Professur Camilleri xtaq lil kulħadd sena produttiva u b’riżultati tajbin.


Opening of Academic Year 2014-15

Opening of Academic Year 2014-15
Ir-Rettur, il-Professur Juanito Camilleri jindirizza lill-komunità tal-istaff u l-istudenti

Opening of Academic Year 2014-15
Il-President tal-KSU, Gayle Lynn Callus, jindirizza lill-komunità tal-istaff u l-istudenti

Opening of Academic Year 2014-15
Il-University Wind Ensemble, taħt id-direzzjoni ta' Dr Philip Ciantar, waqt iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ

 


 

Borża ta' Studju M.A. fl-istudji tal-Mediterran

Il-Fakultà tal-Arti fi ħdan l-Università ta’ Malta għandha l-pjaċir tħabbar li l-Fondazzjoni Alfred Mizzi se toffri borża ta’ studju li tkopri l-ispejjeż ta’ student/a wieħed li jkun qed isegwi l-kors ta’ Master fl-Istudji tal-Mediterran li se jibda f’Ottubru li ġej. Din il-borża ta’ studju ta’ €1,000 tkopri l-miżati tal-Università, l-ispejjeż ta’ vjaġġar relatat mal-kors u x-xiri ta’ kotba.

Din il-borża ta’ studju jista’ japplika għaliha kull student/a reġistrat għall-M.A. fl-Istudji tal-Mediterran sakemm l-istudent/a ma jkunx qed jibbenefika minn xi borża ta’ studju oħra. Il-borża ta’ studju se tingħata fuq il-bażi ta’ kompetizzjoni ta’ kitba ta’ esej, li jrid ikun bl-Ingliż. Kull minn huwa interessat għandu jikkuntattja lill-ko-ordiantur tal-M.A. bl-indirizz elettroniku:  Dr. Emanuel Buttigieg

Il-Fakultà tal-Arti tieħu din l-okkażjoni sabiex tirringrazzja pubblikament lill-Fondazzjoni Alfred Mizzi tas-sostenn u l-ġenerożità tagħha. 

 

 

readytodiveinlogo 

 


 

Ffirmat ftehim li jappoġġja lill-Ispiżjara

Ftehim li jappoġġja lill-Ispiżjara għad-Dottorat Professjonali Postgraduate fil-Farmaċija

        • L-Università ta’ Malta u l-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija

L-Università ta’ Malta ffirmat Memorandum ta’ Ftehim mal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija biex tiffaċilita l-isponsorship ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ għal spiżjara li qegħdin ikomplu l-istudji tagħhom postgraduate għad-Dottorat fil-Farmaċija fl-Università ta’ Malta. Ir-Rettur, il- Professur Juanito Camilleri, iffirma f’isem l-Università ta’ Malta filwaqt li l-President tal-Kamra tal-Kummerċ, is-Sur David Curmi, u s-Sur Reginald Fava, Chairman tas-Sezzjoni Spiżjara Sidien ta l-Ispiżeriji ffirmaw f’isem il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija.

Il-lawrja postgraduate tad-Dottorat fil-Farmaċija qed tiġi offruta mill-Università ta’ Malta b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Illinois f’Chicago l-Istati Uniti. Il-Kulleġġ tal-Farmaċija tal-Università ta’ Illinois f’Chicago huwa fost l-aqwa għaxar skejjel tal-farmaċija fl-Istati Uniti u r-raba’ fost il-kulleġġi tal-Farmaċija fl-Istati Uniti li jattira fondi mill-Istitut Nazzjonali għar-Riċerka dwar is-Saħħa (National Institute of Health Research Funding).

Id-Dottorat fil-Farmaċija huwa programm postgraduate fil-Livell 8 li jipprovdi l-opportunità għall-ispiżjara li jiżviluppaw aktar il-karriera tagħhom u jagħmlu prattika avvanzata u riċerka applikata fil-farmaċija. Il-kors se jkun mgħallem minn membri mill-Università ta’ Illinois f’Chicago flimkien ma’ membri mill-Università ta’ Malta.

Il-kors jikkonsisti f’kurrikulu mfassal madwar il-pazjent biex jgħin jiżviluppa mexxejja fil-farmaċija li filwaqt li huma kunfidenti fi prattika avvanzata li jgawdu minnha l-pazjenti, jieħdu ħsieb jiżvillupaw servizzi farmaċewtici li jilqgħu l-isfidi tal-bżonnijiet tal-pazjenti, tas-soċjetà, u l-progress fl-iżvilupp tal-mediċini. Il-kors se jipprepara spiżjara liċenzjati biex isiru professjonisti avvanzati, li jiffokaw biex jilqgħu l-bżonnijiet tal-pazjenti f’kull aspett ta’ proċessi farmaċewtiċi li jinkludu l-immaniġġjar tal-provvista tal-mediċini (medicine supply chain) u kwistjonijiet farmakoekonomiċi li huma ċentrali għall-aċċess għal mediċini, li jinkludu problemi ta’ mediċini nieqsa (out of stock). Il-gradwati fid-Dottorat tal-Farmaċija se jkunu jistgħu jwasslu għall-aħjar użu tal-farmaċija klinika permezz tal-monitoraġġ ta’ mediċina terapewtika u l-kura tal-pazjent.

Il-PharmD huwa kors ġdid oriġinali internazzjonali u l-ewwel wieħed għal Malta, billi dan jagħti tkabbir immirat ta’ ħiliet lil gradwati f’oqsma essenzjali tekniċi u kliniċi. Dawn jipprovdu ħaddiema ppreparati sew li jistgħu jiġu utilizzati minn entitajiet kemm privati kif ukoll pubbliċi biex jespandu u jwettqu l-funzjonijiet kummerċjali prinċipali tagħhom permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni. Bl-iffirmar ta’ dan il-Memorandum ta’ Ftehim, il-Kamra tal-Kummerċ qed tistieden spiżjara għall-programm biex jidħlu għal taħriġ bi ħlas f’oqsma farmaċewtiċi differenti li jinkludu affarijiet regolatorji farmaċewtiċi, industrija farmaċewtika, farmaċija fil-komunità u rappreżentazzjoni medika kif ukoll f’pożizzjonijiet għolja maniġerjali fil-farmaċewtika.

Signing of Agreement Supporting Pharmacists Conference 

mix-xellug għall-lemin: Mr Fava, Mr Curmi, Prof. Camilleri, Prof. Azzopardi

 Signing of Agreement Supporting Pharmacists

mix-xellug għall-lemin: Mr Fava, Mr Curmi, Prof. Camilleri, Prof. Azzopardi


 


 

Xjenza fil-Belt 2014 Konferenza

Il-Festival tax-Xjenza u l-Arti f’Malta

Tixtieq issir taf fuq xi prattiċi mediċi mhux tas-soltu jew anki saħansitra strambi? Tixtieq tkun taf liema teknoloġiji fantastiċi li qabel kienu biss ħolm tal-kittieba u tax-xjenza fittizja, issa saru realtà? Tixtieq tipprova tagħmel xi ftit esperimenti? Trid tiltaqa’ mar-riċerkaturi, tara teknoloġiji ġodda u tgawdihom flimkien mal-arti waqt il-festival ‘Science in the City’.

Dan il-festival tax-xjenza u l-arti se jsir il-Ġimgħa, 26 ta’ Settembru, mis-6pm sa nofsillejl. L-attivitajiet se jsiru fil-parti l-kbira tagħhom tul Triq ir-Repubblika – mid-daħla tal-Belt sa Pjazza San Ġorġ – u f’postijiet ċentrali oħra. Hu ffinanzjat mill-Marie Skłodowska-Curie Actions tal-Programm Horizon 2020 tal-UE, u minn numru ta’ sussidjarji korporattivi.

Il-programm interessanti tal-festival, organizzat mill-Università ta’ Malta, mill-Fond tar-Riċerka tal-istess Università (RIDT) u mill-Kamra Maltija tax-Xjenzati, flimkien ma’ konsorzju ta’ konsulenti, benefiċjarji u parteċipanti, kien ippreżentat illum (3 ta’ Settembru) lill-mezzi tax-xandir fil-Kampus tal-Belt.

Il-Professur Alex Felice, il-Koordinatur tal-Proġett, qal: “se tkun organizzata firxa wiesgħa ta’ attivitajiet – kemm fuq ġewwa kif ukoll fuq barra – li tvarja minn wirjiet u installazzjonijiet tal-arti, għal wirjiet, reċtar, dibattiti, esperimenti u attivitajiet oħra interattivi li jħeġġu l-komunikazzjoni kreattiva tax-xjenza u li joffru opportunitajiet ta’ gost u tagħlim. Bi sforz kollettiv, nixtiequ nagħtu aktar viżibbiltà lill-attivitajiet tar-riċerka, lir-riċerkaturi nfushom, u kif il-ħidma tagħhom qed taffettwalna ħajjitna.” 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ RIDT, Wilfred Kenely, qal li “Il-Fond RIDT ilu involut b’mod attiv f’dan l-avveniment sa mill-ewwel edizzjoni tiegħu, tliet snin ilu. Il-festival juri l-isforz kollaborattiv ta’ bejn ir-riċerkaturi u dawk li jippreżentaw xogħolijiet kreattivi, li lkoll flimkien jippreżentaw xogħol mill-aqwa li jagħmel lil din is-serata - li m’hemmx ħlas għaliha - waħda ta’ gost, interattiva u memorabbli. Il-festival ‘Xjenza fil-Belt’ jixħet dawl fuq ir-riċerka f’Malta kif ukoll dik internazzjonali, u juri għaliex individwi u korporazzjonijiet privati għandhom bżonn jinvestu aktar fir-riċerka u fl-iżvilupp hawn Malta.” 

Attivitajiet ewlenin mill-Programm tal-Festival

Il-formati l-ġodda mħejjija għal din is-sena jinkludu silta teatrali mill-aqwa tal-attur veteran ta’ The Royal Shakespeare Company Tim Hardy, f’The Trials of Galileo, ippreżentata minn Icarus Theatre Collective. Wara s-suċċess tal-mawra tagħhom fl-Istati Uniti, fil-Brighton Fringe Festival li l-biljetti għaliha nbiegħu kollha, il-parteċipazzjoni tagħhom fit-Teatru Yvonne Arnaud, u s-sehem riċenti tagħhom fl-Edinburgh Fringe Festival, The Trials of Galileo se tittella’ fil-Bitħa tal-Palazz bl-appoġġ tal-British Council (Malta).

Attività oħra interessanti li se ssir fl-istess post minn Nuove Cosmogonie Teatro hi s-silta teatrali tal-2014 L’Uomo che pesò il mondo. Din hi parti minn serje ġdida ta’ atti bit-tema il fisico in teatro li torbot ir-riċerka storika ma’ dik xjentifika għal lingwa teatrali aktar divertenti.

Fil-Pjazza tal-Palazz se jkun hemm ajruplani u mazes interessanti. Il-Lufthansa Technik se tesebixxi diversi partijiet ta’ ajruplani kif ukoll mudell ta’ ajruplan. Idħol fl-Amaze2 esperjenza l-particle accelerator ta’ CERN u l-Kristallografija tal-X-Ray, doqq il-mużika li trid bil-pjanti, esperimenta bit-temp, u pprova ħafna aktar affarijiet. L-installazzjoni artistika hi ddisinjata minn Logix Creative u Daaa Haus għal Xjenza fil-Belt, Valletta 2018 Foundation u Notte Bianca.

Tul Triq ir-Repubblika se jkun hemm STEM unplugged bis-sehem tal-għaqdiet studenteski kollha tal-Università relatati max-xjenza, li se jkunu qed jagħmlu testijiet tas-saħħa, esperimenti u attivitajiet interattivi oħra. L-atturi tat-triq ta’ Creative Island se jtellgħu wirja tal-mediċina, b’divertiment fuq stil vintage, bl-għajnuna tal-Fond Malti tal-Arti (Malta Arts Fund). Se jkun hemm ukoll tiftixa għat-teżor li se tibda mill-Kavallier ta’ San Ġakbu u li dawk kollha li se jieħdu sehem fiha se jkunu qed ifittxu xjenzati magħrufa.

Attività interessanti oħra se ssir fil-Casino Maltese. Din mistennija tkun ta’ attrazzjoni kbira għax se tinkludi taħditiet dwar ix-xjenza fittizja u l-esplorazzjoni ta’ Mars. Dawn se jittellgħu fir-Rokna tal-UE u jkunu organizzati mil-Librerija tal-Università ta’ Malta. L-attivitajiet ewlenin minn Café Sci ta’ din is-sena se jsiru fil-ħanut 282 Coffee Garden, b’suġġetti li jvarjaw minn riċerka dwar l-aspirina sax-xjenza fil-kċina. F’Palazzo Ferreria se jsiru dibattiti dwar suġġetti kontroversjali relatati mal-aktar xjenza innovattiva. Il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija se jkollu parti interattiva u numru ta’ taħditiet qosra dwar kif ix-xjenza u t-teknoloġija huma importanti biex nitgħallmu dwar l-imgħoddi tagħna.

Ambjent ta’ tagħlim u divertiment għal kulħadd

Xjenza fil-Belt 2014 se tkompli tibni fuq is-suċċessi tal-edizzjonijiet li għaddew u għal darb’oħra se tinkludi wirjiet qosra teatrali u ta’ żfin, fosthom bil-parteċipazzjoni tal-Moveo Dance Company f’Mind Set fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, bl-għajnuna tal-Fond Malti tal-Arti. Żfin kontemporanju dwar Laws of Motion minn Doug Comley u Sandra Mifsud se jittella' fil-Bitħa tal-Palazz, filwaqt li quddiem il-Qorti se jkun hemm stand up comedy dwar ix-xjenza minn uħud mill-aqwa kummidjanti.

Speed Dating divertenti wiċċ imb wiċċ max-xjenzati se jsir f’Charles Grech Wine Bar. Din l-attività se toffri lin-nies ta’ kull età l-opportunità li jistaqsu mistoqijiet u għandhom biss seba’ minuti qabel ma ddoqq il-qanpiena, biex jersqu.

L-Istitut tal-Logħob Diġitali se jtella’ attività b’logħob diġitali innovattiv fil-Kmamar tal-Qari tal-Librerija Nazzjonali, u l-viżitaturi se jkunu jistgħu jilagħbu u jitkellmu mar-riċerkaturi ta’ dan il-logħob. 

L-ICT mhix se tkun nieqsa mill-festival ta’ din is-sena. Fil-każin tal-banda La Vallette, se tittella’ “Wirja dwar il-Kompjuter” li tagħti l-opportunità lill-pubbliku biex jesplora kif inbidlu l-kompjuters f’dawn l-aħħar deċenji.

Fil-Ministeru tas-Saħħa fi Triq Merkanti, numru ta’ xjenzati forensiċi, b’kollaborazzjoni mal-għannejja taħt id-direzzjoni ta’ Marlene Mifsud Chircop, se jippreżentaw Folk Forensics, serata ta’ ballati relatati ma’ stejjer kriminali li ġraw f’Malta.

Fost l-organizzazzjonijiet oħra li se jipparteċipaw hemm l-MCST, l-MCAST, l-NSTF, il-Birdlife, l-UoM Racing Car, il-Librerija tal-Università u l-General Soft Drinks.

L-isponsers korporattivi tal-festival tal-2014 huma l-Lufthansa Technik Malta, il-Coca-Cola, u Ta’ Mena wines.

Il-programm finali u d-dettalji tal-postijiet jistgħu jitniżżlu mill-ġimgħa d-dieħla minn www.scienceinthecity.org.mt

Il-festival ‘Science in the City’ sar avveniment importanti fil-kalendarju Malti u jiġbed lejh persuni ta’ kull età. Il-firxa wiesgħa ta’ attivitajiet u opportunitajiet ta’ tagħlim li se jkun hemm fl-edizzjoni tal-2014 mistennija tattira ħafna familji, studenti u adulti biex jieħdu sehem, jitgħallmu u jieħdu gost fl-istess ħin.

 

Science in the City 2014 

(mix-xellug) il-Maniġer tal-Proġett tax-Xjenza fil-Belt Dr Edward Duca qed iħabbar il-programm ta’ Xjenza fil-Belt flimkien mal-Prof Alex Felice, iċ-Ċermen ta’ V18 Foundation Jason Micallef, u l-Kap Eżekuttiv ta’ RIDT Wilfred Kenely

Science in the City 2014 

Prof Alex Felice, iċ-Ċermen ta’ V18 Foundation Jason Micallef, l-Kap Eżekuttiv ta’ RIDT Wilfred Kenely u l-Maniġer tal-Proġett tax-Xjenza fil-Belt Dr Edward Duca matul it-tnedija ta’ Xjenza fil-Belt 2014 


 


 

Il-Programm fl-Arti u x-Xjenzi Liberali

Data tal-Għeluq għall-Applikazzjonijiet: Il-Programm fl-Arti u x-Xjenzi Liberali

L-Università ta’ Malta tixtieq tfakkar lill-pubbliku li d-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet għall-korsijiet tal-ewwel semestru (Ottubru-Frar) fil-Programm fl-Arti u x-Xjenzi Liberali (PLAS) hija l-15 ta’ Settembru. S’issa ntlew aktar minn mitt post. 

PLAS joffri opportunità eċċellenti għal tkabbir personali, żvilupp professjonali u edukazzjoni kontinwa. L-applikanti għandhom l-opportunità li jistudjaw bil-pass tagħhom billi jagħżlu kemm u liema korsijiet individwali jixtiequ, skont il-ħin, l-interessi u l-bżonnijiet tagħhom. Din it-triq flessibbli għal edukazzjoni universitarja hija partikolarment addattata għal nies adulti, gradwati jew le. Kull Unità (kors) tal-PLAS hija ċċertifikata individwalment. Apparti minn hekk, Unitajiet li jinġemgħu matul iż¬-żmien jistgħu jwasslu għal Ċertifikat, Diploma, Diploma Ogħla u Baċellerat fl-Istudji Liberali. 

L-Unitajiet offruti f’Ottubru 2014 jinkludu suġġetti bħall-ħajja fil-baħar, l-istorja tal-univers mill-big bang sad-dinosawri, il-konservazzjoni ta’ teżori tad-dar, il-klassiċi u ċ-ċinema, il-metodi ta’ riċerka soċjali, l-arkeoloġija ta’ Malta, l-istorja tal-arti, il-psikoloġija tas-sesswalità u l-familja, l-arti ta’ kif isir l-inbid, it-tmexxija tar-riżorsi umani, il-ġografija tal-gżejjer Maltin u s-saħħa, l-ikel u l-istil tal-ħajja. 

M’hemm ebda rekwiżiti speċifiċi biex wieħed isegwi l-unitajiet tal-PLAS, li huma miftuħa għal kull min jista’ jsegwihom bi profitt. Kull Unità ġeneralment tinvolvi bejn 24 u 28 siegħa ta’ lezzjonijiet, mqassma fuq 14-il ġimgħa (sessjoni ta’ sagħtejn kull ġimgħa). Il-lezzjonijet isiru bejn is-6:00pm u t-8:00pm.

It-tagħrif kollu (inklużi d-deskrizzjonijiet ta’ kull kors, il-ġranet u l-ħinijiet) jinsabu fuq is-sit taċ-Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali: www.um.edu.mt/clas.

 


 

Spedizzjoni Tesplora Rdum Ġgantesk taħt l-Ilma

CUMECS
Spedizzjoni tal-Università ta’ Malta se tesplora rdum ġgantesk taħt l-ilma ’l barra mix-xtut Maltin

Min jixtieq jintervista lil Dr Aaron Micallef għandu jibgħat email lil Aaron Micallef jew iċempel +356 99051124
id-Dipartiment tal-Fiżika, l-Università ta’ Malta

Tim internazzjonali ta’ ġeoloġi se jibdew spedizzjoni fuq il-baħar imsejħa CUMECS-2 biex jesploraw l-Iskarpata ta’ Malta.

L-Iskarpata ta’ Malta hija rdum taħt l-ilma li jestendi 250 km lejn in-Nofsinhar mix-xatt tal-Lvant ta’ Sqallija sax-xatt tal-Lvant tal-Gżejjer Maltin. F’xi postijiet, dan l-irdum jilħaq għoli ta’ 3.5 km, li huwa ogħla mill-vulkan tal-Muntanja Etna li jinsab fil-qrib, li jagħmlu wieħed mill-ikbar karatteristiċi ta’ qiegħ l-oċean. L-irdum huwa maqtugħ b’serje ta’ widien fondi, li jirriżulta f’pajsaġġ kumpless li fil-passat kien diffiċli biex jiġi studjat.

It-tim ta’ CUMECS-2, immexxi minn Dr Aaron Micallef mid-Dipartiment tal-Fiżika, fl-Università ta’ Malta, ser juża teknoloġija avvanzata ħafna abbord il-bastiment ta’ riċerka Taljan l-OGS Explora biex jipproduċi mappa ddettaljata ta’ qiegħ il-baħar tal-irdum u jiġbor kampjuni minn fond ikbar minn 3000 m. Din l-informazzjoni se tgħin lix-xjenzjati jifhmu n-natura tal-irdum u kif ġie ffurmat. It-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet hija importanti għaliex l-Iskarpata ta’ Malta hi assoċjata ma’ perikli naturali bħal valangi ta’ taħt l-ilma (landslides) u tista’ tipprovdi rekord tajjeb ta’ terremoti li ġraw fl-imgħoddi fiċ-ċentru tal-Mediterran.

It-tim ta’ CUMECS-2 jikkonsisti fi xjenzjati u studenti mill-Università ta’ Malta, min-National Oceanography Centre (ir-Renju Unit), in-National Institute of Water and Atmospheric Research (New Zealand), University College Dublin (l-Irlanda) u l-Istituto Nazionale di Oceanografia e Geofisica (l-Italja).

L-ispedizzjoni CUMECS-2 ser titlaq minn Catania nhar il-31 ta’ Awwissu 2014 u hija parti minn SCARP, proġett iffinanzjat mill-UE FP 7 Marie Curie Career Integration Grant.

Min hu interessat f’din l-espedizzjoni jista’ jsegwi l-attivitajiet abbord il-bastiment fuq is-sit tal-vjaġġ u l-paġna ta’ Facebook.

CUMECS

 


 

It-Tim tat-Tlielaq tal-Università Sejjer l-Italja

It-Tim tat-Tlielaq tal-Università (UoM Racing team) Sejjer l-Italja

Lejn l-aħħar tal-2012, grupp ta’ studenti mill-Università, il-biċċa l-kbira mill-Fakultà tal-Inġinerija u l-Fakultà tal-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy, ingħaqdu biex jiddisinjaw, jibnu mill-bidu nett karozza stil formula bir-roti minn barra, u jtellquha.  Din kienet sfida ta’ qtigħ il-qalb li żammet lit-tim impenjat minn mindu beda.  Ix-xogħol fuq id-disinn u l-kostruzzjoni tal-karozza ħa l-biċċa l-kbira tal-ħin liberu tal-istudenti, bejn lekċer u ieħor, filgħaxijiet u fi tmiem il-ġimgħa.  L-isforzi tagħhom laħqu l-ogħla punt f’Lulju li għadda meta l-partijiet u l-komponenti varji kollha ġew immuntati flimkien biex jiffurmaw il-karozza lesta.

It-tim tat-tlielaq tal-Università ta’ Malta (UoM Racing team) għandu l-pjaċir iħabbar li l-karozza tlestiet b’suċċess u kollox lest għall-kompetizzjoni tal-Formula ATA 2014 li ser issir bejn id-29 ta’ Awwissu u l-1 ta’ Settembru fiċ-Ċirkwit Riccardo Paletti f’Varano de Melegari (Parma, l-Italja).  Madwar 80 università mid-dinja kollha jieħdu sehem fil-Formula ATA kull sena.  Din hija t-tieni darba li tim mill-Università ta’ Malta se jieħu sehem f’din il-kompetizzjoni. L-ewwel tim kien ħa sehem fl-edizzjoni tal-2007. Ara: uomracing.com

Wara li solva numru bla għadd ta’ sfidi loġistiċi matul it-triq, it-tim issa huwa okkupat jipprattika għall-avvenimenti varji tal-kompetizzjoni u jaġġusta xi rqaqat fejn hemm bżonn. Il-kompetizzjoni hija magħmula minn avvenimenti dinamiċi u statiċi. It-tim qiegħed jipprepara b’mod sikur għall-avvenimenti dinamiċi varji billi waqqaf replika tal-korsa fil-parkeġġ il-kbir tal-Kampus tal-Università ta’ Malta u joħloq simulazzjoni tal-kompetizzjoni reali sa fejn huwa raġonevolment possibbli. L-avvenimenti statiċi jikkonsistu fi preżentazzjonijiet tad-disinn u dak kummerċjali, li jiffokaw fuq aspetti tekniċi u tal-inġinerija ewlenin u l-preżentazzjoni ta’ proposta kummerċjali lill-panel ta’ arbitri li jkunu qed jaġixxu ta’ investituri prospettivi. L-idea kollha wara din il-preżentazzjoni kummerċjali hija li tinbena karozza b’nefqa raġonevoli li tippermetti profitti jekk il-karozza tiġi prodotta u mibjugħa b’mod kummerċjali.

Permezz ta’ dan il-proġett eċċitanti, it-tim tat-tlielaq tal-Università ta’ Malta jittama li jinkoraġġixxi aktar studenti jersqu ’l quddiem, jagħmlu titjib fuq il-karozza ta’ din is-sena u jibnu karozzi ġodda biex jieħdu sehem fil-Formula ATA u kompetizzjonijiet simili fis-snin li ġejjin.  Dan il-proġett jistimola r-riċerka fil-qasam tal-karozzi fl-Università ta’ Malta. Għal dan il-għan il-proġett huwa appoġġjat u assistit mill-Fond tal-Università għar-Riċerka, Innovazzjoni u Żvilupp (Research, Innovation and Development Trust – RIDT), flimkien mal-Fakultà tal-Inġinerija u l-Università ta’ Malta nnifisha.  It-tim jixtieq jirringrazzja lil Dr Ing. Maurizio Fenech li bħala konsulent tal-Fakultà iggwida lit-tim fl-aspetti kollha tal-proġett, grazzi speċjali wkoll lil Dr Ing. Mario Farrugia, lill-Ing. Noel Balzan u lill-istaff tekniku tal-Fakultà tal-Inġinerija li kien essenzjali biex it-tim jikseb il-mira tiegħu u jtemm il-proġett b’suċċess. 

It-tim tat-tlielaq tal-Università ta’ Malta jixtieq jirringrazzja lill-isponsers tiegħu, li għamlu dan il-proġett possibbli permezz tal-appoġġ tagħhom, kemm dak finanzjarju kif ukoll dak tekniku.

Sponsers Ewlenin: Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, okmalta.com, Trelleborg Sealing Solutions, Transport Malta, Alarm Tech, Tek-Moulds

Assoċjati u Sponsers Oħra: Logografix, Seifert, Reata, Cycle World, Adpro-Instruments Ltd, Attrans, Playmobil, Dunlop, SKF, Castrol, Scan Malta, Print it, G-Molton, L-Istituzzjoni tal-Inġinjiera Mekkaniċi, Storm Design, Continental Cars Ltd, Badger Raceway, Atlas Group, Sparco by KSL, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST).

UoMR - Racing Team

UoMR - Racing Team

 


 

Il-Malta Airport ALIVE2014 Cycling Challenge taqbeż il-mira tagħha

Alive
It-tieni edizzjoni tal-Malta Airport ALIVE2014 Cycling Challenge kienet suċċess hekk kif il-Fondazzjoni qabżet il-mira tagħha bis-somma ta’ €65,000. Il-fondi miġbura se jitħabbru fi żmien qasir u għal darb’oħra ser jingħataw bħala donazzjoni lill-Fond tar-Riċerka tal-Università (RIDT) għal programm speċjalizzat fir-riċerka tal-kanċer tas-sider f’Malta.

Din is-sena, ħamsa u erbgħin ċiklist għaddew minn sfida iebsa. Huma qadfu kważi 1,100 kilometru f’sebat ijiem f’ħames pajjiżi b’temperaturi sħan, xita qawwija, għoljiet weqfin u fuq art mhux maħduma.  

L-isfida bdiet minn Praga fl-10 ta’ Lulju. Il-grupp qadef b’medja ta’ 155 kilometru kuljum lejn Vjenna, għal Bratislava, Budapest, u Belgrade. Din is-sena r-rotta kienet notevolment bl-għoljiet u ferm aktar iebsa mis-sena li għaddiet, b’waħda mill-għoljiet partikolari kellha elevazzjoni ta’ 2,600 metru. 

'Matul l-isfida żammejna l-moral tagħna għoli,” qal Nicky Camilleri, Chairperson tal-Fondazzjoni ALIVE. “Għalkemm iltqajna ma’ kundizzjonijiet ta’ temp varjat u rotot b’għoljiet iebsin, dan ma waqqafniex milli nkomplu bl-isfida. Konna eżawriti bis-sħana li taqli jew imxarrbin għasra bix-xita, iżda konna lkoll determinati li ntemmu l-isfida. Il-fatt li konna nafu li kull kilometru li naqdfu u kull ewro miġbur kien se jmur biex jgħinu l-fondi għal iżjed riċerka fil-kanċer tas-sider.”    

Matul dawn l-aħħar snin l-Università b’kollaborazzjoni mal-Klinika tas-Sider fl-Isptar Mater Dei rreġistrat progress dwar ċerti biochemical pathways fil-kanċer tas-sider. Fost id-dipartimenti tal-Università li huma involuti f’din ir-riċerka hemm dawk tal-Fiżjoloġija u Bijokimika, tal-Anatomija u d-dipartiment tal-Farmakoloġija Klinika.

“Għandna bżonn inkomplu nsostnu din ir-riċerka kruċjali tul is-snin li ġejjin. Għalhekk nibqgħu niddependu mill-ġenerożità tal-Maltin,” qal Wilfred Kenely, il-Kap Eżekuttiv għall-Fondi tar-Riċerka tal-Università. 

ALIVE2014 kienet sponsorjata mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bl-appoġġ ta’ Sky Spirits Fitness Lounge, Impressions Print, Signs and Displays, Go & Fun, Debenhams, Gollcher Group, Pizza Petrus, Garmin, Express Group, u KPMG fost oħrajn. 

Alive
Uħud miċ-ciklisti matul il-maratona ta’ Malta Airport ALIVE2014 Challenge for Cancer.

Alive

 


 

Laboratorju Ġdid għar-Riċerka fuq l-Enerġija mix-Xemx

L-Istitut tal-Enerġija Sostenibbli (ISE) tal-Università ta’ Malta għandu jsir ċentru dinji tal-eċċellenza għar-ricerka fuq l-enerġija mix-xemx, permezz tal-istabbiliment ta’ laboratorju ġdid għar-riċerka fuq l-enerġija mix-xemx fis-sit ta’ Marsaxlokk. Dan il-laboratorju ser jiffoka fuq ir-riċerka fuq il-materjali tal-industrija solari.

Il-proġett immexxi mill-Professur Luciano Mule’ Stagno, li għandu iktar minn 20 sena esperjenza fil-qasam, ser isir permezz tat-3.98 miljun ewro allokati lilu mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF). Il-laboratorju l-ġdid għandu jtejjeb u jespandi l-infrastruttura tar-riċerka fi ħdan l-ISE. Għandu jippermetti wkoll li gruppi ta’ riċerka minn diversi dipartimenti universitarji kif ukoll mis-settur privat jagħmlu użu minn tagħmir speċjalizzat sabiex jiġu ġġenerati pubblikazzjonijiet, brevetti u possibbilment intrapriżi ġodda. Il-laboratorju l-ġdid ser jikkollabora wkoll ma’ universitajiet u kumpaniji barranin madwar id-dinja.

L-ISE joffri Master tax-Xjenza fl-Enerġija Sostenibbli li ġibed iktar minn 50 student fl-aħħar 4 snin.
Il-proġett huwa konsistenti mal-għanijiet tal-Istrateġija tal-UE għall-2020 kif ukoll mal-Qafas Nazzjonali li jipprevedi pjan ta’ azzjoni għall-enerġija rinnovabbli li jimmira għal tnaqqis fid-dipendenza tal-Gżejjer Maltin mill-enerġija fossili u għal promozzjoni ikbar tas-sorsi ta’ enerġija nadifa.

Il-potenzjal tal-enerġija fotovoltajka hawn Malta huwa sostanzjali, b’mod partikolari jekk wieħed iqis il-bjut tad-djar privati u ta’ binjiet bħall-iskejjel. Min-naħa l-oħra, l-ispazju disponibbli huwa żgħir u jillimita l-kwantità ta’ elettriku li tista’ tiġi prodotta.

Il-laboratorju l-ġdid huwa mistenni li jwettaq riċerka avvanzata ħafna fuq il-materjali solari u għandu jippermetti lir-riċerkaturi li jistudjaw l-aqwa materjali u l-aktar soluzzjonijiet adattati għall-kundizzjonijiet lokali bil-għan li jittejjeb ir-rendiment tas-sistemi fotovoltajċi u li tikber kemm jista’ jkun l-effiċjenza tagħhom f’termini ta’ produzzjoni tal-elettriku. Studju reċenti wera li s-sistemi industrijali attwali qegħdin jaħdmu b’effiċjenza mnaqqsa ta’ 5% sa 6% (Mule’ Stagno et al, 2011).

Iktar informazzjoni dwar il-proġett tista’ tinkiseb mill-Uffiċċju ERDF/ESF tal-Università ta’ Malta – 
30, Triq l-Esperanto, Msida – Tel. +356 2340 3327.

Programm Operattiv

 


 

L-Università toffri BSc (Hons) ġdid fil-Bijoloġija

Id-Dipartiment tal-Bijoloġija, Fakultà tax-Xjenzi, fl-Università ta’ Malta qed joffri BSc (Hons) ġdid fil-bijoloġija.  Il-kors ta’ tliet snin full time ġie ddisinjat biex jipprepara lill-istudenti bl-għarfien u t-taħriġ meħtieġ fl-oqsma varji tax-xjenzi bijoloġiċi, u jkopri għarfien reċenti u essenzjali fil-bijoloġija.  Il-kors ikopri suġġetti ewlenin, li jinkludu l-bijokimika, il-bijoloġija taċ-ċellula, l-ekoloġija, l-etoloġija u l-evoluzzjoni, il-bijoloġija tal-pjanti u l-annimali, id-diversità tal-pjanti u l-annimali, il-bijoloġija tal-konservazzjoni, u l-forom u l-funzjoni tal-annimali, kif ukoll suġġetti aktar speċjalizzati, li jinkludu field biology, metodi ta’ riċerka għax-xjenzi bijoloġiċi, il-bijoloġija tal-baħar, il-mikrobijoloġija, il-parassitoloġija u l-immunoloġija, il-bijoinformatika u l-ġenomika, il-bijoteknoloġija, u l-bijoloġija tal-akkwakultura u l-baħar fejn jinqabad il-ħut.

Il-kors huwa intenzjonat għall-istudenti li jridu jitgħallmu aktar dwar ix-xjenzi bijoloġiċi u jagħmlu karriera f’qasam ta’ suġġett li jeħtieġ għarfien tal-bijoloġija f’livell terzjarju.  Min ikollu din il-lawrja jkun jista’ jkompli l-istudji tiegħu lokalment jew barra l-pajjiż billi jsegwi lawrja postgraduate fil-livell ta’ M.Sc. u Ph.D.  F’dan ir-rigward, il-gradwati eventwalment ikollhom ukoll l-opportunità li jkomplu bl-istudji tagħhom f’livell postgraduate (M.Sc. u Ph.D,) fl-istess dipartiment (id-Dipartiment tal-Bijoloġija fl-Università ta’ Malta). Opportunitajiet ta’ karriera għal dawk li jkollhom il-lawrja jinkludu oqsma li jinvolvu: riċerka bijoloġika, il-konservazzjoni u l-monitoraġġ tar-riżorsi naturali, il-bijoteknoloġija, l-ortikultura, l-akkwakultura u l-baħar fejn jinqabad il-ħut, assessjar u monitoraġġ ambjentali, analiżi u studji fil-laboratorju li jinkludu dawk fl-oqsma tal-mikrobijoloġija, il-parassitoloġija u l-ġenetika.

Id-data tal-għeluq tal-applikazzjoni għall-kors hija l-24 ta’ Lulju 2014; l-applikazzjoni onlajn tinsab fis-sit: www.um.edu.mt/apply.  Għal aktar informazzjoni żuru s-sit: www.um.edu.mt/courses/list.php Course Code: UBSCHBIO jew ċemplu 23402272.


Biology

 


 

Taħriġ fil-Ġardinaġġ għal Grupp ta’ Refuġjati

Matul dawn l-aħħar xhur, is-sezzjoni tal-Università tal-Ġonna Botaniċi tal-Argotti għal darb’oħra offra taħriġ għar-refuġjati kif ukoll għal dawk kollha li qed ifittxu asil. Wara s-suċċess li kiseb is-sena l-oħra, il-proġett HORTES II, li uża fondi ERF, kellu l-għan li jgħin lil grupp ta’ refuġjati jiksbu t-taħriġ u l-ħiliet fil-qasam tal-ġardinaġġ u l-ortikoltura. Dan il-kors ġie mqassam fuq tliet livelli, minn dak bażiku sal-livell avvanzat b’kull livell jieħu madwar għaxar gimgħat biex jitlesta. Ir-refuġjati miċ-ċentri miftuħa kollha ġew mistiedna jieħdu sehem; l-akbar numru ta’ parteċipanti kien minn wieħed miċ-ċentri miftuħa ġewwa Ħal Far. 

Huma attendew il-lezzjonijiet ta’ teorija kif ukoll dwak tal-prattika darbtejn fil-ġimgħa. Ġew magħżula għal dan il-proġett residenti ġewwa ċentri miftuħa, minħabba li dawn ikunu qed jippreparaw biex joħorġu minn dawn iċ-ċentri u jibdew hajja ġdida. Grazzi għall-ħiliet ġodda li jkunu kisbu, tkun aktar faċli għalihom li jsibu xogħol u b’hekk jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ integrazzjoni. 

Dr Joseph Buhagiar, direttur tal-Ġonna Botaniċi tal-Argotti mexxa dan il-proġett, flimkien mat-tim tiegħu li kien involut b’mod attiv fit-taghlim. L-istudenti li rċevew tagħrif dwar il-bioloġija, l-identifikazzjoni u l-użu tal-pjanti, sew dawk ornamentali kif ukoll dawk indigeni. Tħarrġu ukoll fuq il-ħtiġijiet ta’ dawn il-pjanti, il-formazzjoni tal-kompost u kif ukoll it-tisqija fost affarijiet oħra. Il-qofol tal-lezzjonijiet kien jittratta il-kura tal-pjanti f’ambjent ta’ ġonna lokali, kif ukoll l-użu ta’ diversi metodi biex jiġu mkattra l-pjanti, iż-żbir, u l-identifikazzjoni u l-prevenzjoni ta’ mard differenti fil-pjanti. 

Il-grupp ipparteċipa f’numru ta’ eżerċizzji prattiċi u diversi xogħlijiet fil-ġnien. Ħafna drabi, dawn is-sessjonijiet prattiċi saru fuq bażi individwali ma’ membri tat-tim tal-Argotti u kienu jinkludu taħriġ dwar l-użu ta’ għodda, makkinarju tal-ġnien u bini ta’ strutturi bħal scaffolding għaż-żbir tas-siġar, kif ukoll tisqija u taħwil ta’ pjanti ornamentali. L-istudenti ġew imħarrġa wkoll fuq kif isir il-ġbir u l-preservazzjoni ta’ żrieragħ u kif tinżamm l-indafa ġewwa l-ġonna. Huma ngħataw l-opportunità li jżommu ġnien żgħir fiċ-ċentri tagħhom sabiex jieħdu ħsiebu fil-ġranet meta ma jkunux qed isegwu l-lezzjonijet. Għal dan l-għan ingħataw pjanti ornamentali,  żrieragħ, kif ukoll xtieli flimkien ma’ xi għodod. Il-kors spiċċa uffiċjalment fl-aħħar ta’ Ġunju 2014 li nzerta mat-tmiem tal-proġett ’HORTES’. 

Fiċ-ċeremonja tal-għeluq li ttellgħet ġewwa l-Argotti, l-istudenti rċevew ċertifikati ta’ attendenza għall-livelli ta’ korsijiet li kienu attendew għalihom. Rappreżentanti tat-tim tal-Argotti kif ukoll taċ-ċentri miftuħa kienu preżenti għal din iċ-ċeremonja. Grazzi għal din l-inizjattiva, dan il-grupp ta’ refuġjati ġie mgħammar b’ħiliet ġodda sabiex ikollu suċċess fit-tfittix għal xogħol fil-qasam tal-ġardinaġġ.

 


 

L-Użu tal-Logħob Diġitali u l-Logħob Elettroniku f’Malta

L-Università ta’ Malta tniedi Pubblikazzjoni dwar ‘L-Użu tal-Logħob Diġitali u l-Logħob Elettroniku f’Malta’ (‘Use of Digital and Video Games in Malta)

Ir-rapport ippubblikat ‘L-Użu tal-Logħob Diġitali u l-Logħob Elettroniku f’Malta’ (‘Use of Digital and Video Games in Malta’) huwa studju nazzjonali li sar minn grupp ta’ riċerkaturi fl-Università ta’ Malta dwar l-użu tal-logħob diġitali u dak elettroniku f’Malta.

It-tim ta’ riċerkaturi li għamel dan l-istudju kien kompost minn akkademiċi mill-Fakultajiet tal-Edukazzjoni, tal-ICT u tax-Xjenza.  Ir-riċerka kienet iffinanzjata mill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni u saret fl-2012.  L-għan ta’ dan l-istudju kien biex jiġu stabbiliti l-modi u t-tendenzi tal-logħob tal-popolazzjoni Maltija bejn l-etajiet ta’ 3-54.  Id-dejta nġabret permezz ta’ sondaġġi fuq l-internet kif ukoll sondaġġi wiċċ imb wiċċ.

Kampjun rappreżentattiv tal-popolazzjoni wera li 74% tal-Maltin jilagħbu logħob diġitali u logħob elettroniku. Minn dan il-kampjun, ħareġ ukoll li 62% ta’ dawk li jilagħbu huma rġiel u li tal-inqas 53% tal-popolazzjoni jilagħbu logħob diġitali u logħob elettroniku darba kuljum. Ħamsa u sittin fil-mija (65%) tat-tfal intervistati jilagħbu tal-inqas darba kuljum, filwaqt li l-istess persentaġġ tal-adolexxenti u adulti żgħażagħ jilagħbu sagħtejn jew iżjed kuljum.

Dan ir-rapport għandu diversi implikazzjonijiet għall-edukazzjoni u l-ekonomija. Dawn l-implikazzjonijiet fil-futur ser jaffettwaw politiċi fl-edukazzjoni, kif ukoll strateġiji għat-tkabbir tal-industrija tal-logħob diġitali. Hemm bżonn ta’ aktar studji biex ikunu stabbiliti t-tendenzi u l-modi tal-logħob fost nies akbar minn 54 sena u l-anzjani, kif ukoll tibdil fix-xejriet tal-logħob tal-popolazzjoni Maltija matul iż-żmien. Ir-rapport jinsab onlajn u jista’ jinkiseb minn: www.digitalgamesmalta.com/digital-games-report

Għal dan l-avveniment kien hemm preżenti l-On. José Herrera, Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku, il-Prof. Mary Anne Lauri, Pro-Rettur għall-Affarijiet Istituzzjonali u tal-Istudenti, il-Prof. Valerie Sollars, Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni, u l-Prof. Ernest Cachia, Dekan tal-Fakultà tal-ICT.

 


 

In-Nutrizzjoni, il-Familja u l-Konsumatur fis-Suq tal-Bdiewa

Studenti tal-Università ta’ Malta fl-Aħħar Sena tal-Kors fl-Istudji tan-Nutrizzjoni, il-Familja u l-Konsumatur fis-Suq tal-Bdiewa

'Jekk jogħġbok nista’ nieħu ftit ieħor?' Għal ħafna din it-talba mill-ewwel tfakkarhom fl-orfni ċkejken Oliver Twist u l-appell kuraġġuż klassiku tiegħu għal aktar ikel – 'Please, can I have some more?'. Din l-istess talba kienet fil-fatt irrepetuta aktar minn darba minn diversi viżitaturi fuq l-istand organizzat dan l-aħħar fis-Suq tal-Bdiewa f’Ta’ Qali mill-istudenti tal-aħħar sena fil-Kors tal-Istudji tan-Nutrizzjoni, il-Familja u l-Konsumatur (Nutrition, Family & Consumer Studies – NFCS) fl-Università ta’ Malta.
 
It-tema tal-istand kienet 'Kul Frisk u Lokali – Biddel il-Konvenzjonali' (Eat Fresh and Local – Change the Usual). L-idea, imfassla b’mod oriġinali minn dan il-grupp ta’ għalliema-studenti tal-Home Economics, kienet li jinkoraġġixxu lill-konsumaturi jużaw ikel lokali, frisk u tal-istaġun b’mod innovattiv. Dip tal-qaqoċċ u tadam imqadded, dip tal-brunġiel, wraps tal-kaboċċi, insalata tal-kosksu (mhux couscous), torta tal-bidwi (farmers’ pie), torta ħelwa tal-irkotta, kejk tal-karrotti u smoothies tal-frott kienu fost l-ikel li kien esebit, u li ntwera u ġie offrut biex in-nies iduquh. U ħafna minn dawk li jattendu s-Suq tal-Bdiewa – żgħar u kbar – riedu iżjed.

Tqassmu wkoll ktejjeb bir-riċetti kollha u fuljett li jispjega t-tema tal-istand u l-irwol tat-tagħlim tal-Home Economics biex jippromwovi l-preparazzjoni ta’ ikel sustanzjuż. Dawn jistgħu jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Home Economists in Action (HEiA). 

It-tfal li żaru l-istand kienu wkoll mistiedna jilagħbu logħob tradizzjonali divertenti, li kien jinkludi l-Passju, Bum Bum il-Bieb u l-Ħabel.

Avvenimenti fil-komunità bħal dawn huma organizzati b’mod regolari fil-kors tal-NFCS. Dawn jinkoraġġixxu lill-istudenti biex jissieħbu u jikkollaboraw ma' NGOs u entitajiet pubbliċi u kummerċjali biex jikkoltivaw ħajja sana u sostenibbli. Fl-istess waqt huma jipprattikaw u jirfinaw il-ħiliet komunikattivi u organizzattivi tagħhom, kif ukoll jitgħallmu dwar il-marketing bażiku. L-avveniment ta’ din is-sena kien ġentilment appoġġjat mill-istaff tal-Uffiċċju tas-Suq tal-Bdiewa u numru ta’ bdiewa, flimkien ma’ Printshop, Shalom Stationery, Redeemer Mini-Market, Devon u Home Economists in Action. Għal aktar informazzjoni, ikkuntattjaw lil Dr Suzanne Piscopo.  

Nutrition

Nutrition

 


 

Minn Logħob għal Soċjetà Aħjar sal-Ħajja Madwar il-Baħar ta’ Malta

Logħob, Bijoloġija, Mużika: huma biss Riċerka

Logħob diġitali, logħob serji, logħob indie, - il-logħob qiegħed jidħol f’kull parti ta’ ħajjitna.  L-aħħar ħarġa ta’ ‘Think’, ir-rivista ta’ riċerka tal-Università ta’ Malta, tesplora dan il-fatt u tiffoka fuq riċerka dwar il-logħob, b’rakkonti dwar l-istorja tal-logħob fuq bord, kif il-logħob jistgħu jgħinu biex isolvu kunflitti bħall-ibbuljar, u kif jistgħu jgħallmu lit-tfal.

Din il-ħarġa li tiffoka fuq il-logħob tiċċelebra t-tnedija tal-Istitut tal-Logħob Diġitali ġdid, storja ta’ suċċess kbir għall-Università. Dan irnexxielu jiġbed lejh uħud mill-aqwa riċerkaturi dwar il-logħob mid-dinja kollha u fondi barranin li jammontaw għal aktar minn miljun euro.  Dan ukoll ġabar flimkien ħafna fakultajiet u dipartimenti differenti mill-Università billi r-riċerka dwar il-logħob hija suġġett interdixxiplinarju straordinarju. Dan il-fokus jagħti biss togħma tad-dinja rikka tal-logħob li tmur ferm ’il bogħod mill-iGambling u qed tittrasforma lil Malta.

Storja oħra titkellem fuq il-karriera tal-Prof. P.J. Schembri li studja dwar il-ħajja madwar Malta.  Huwa ilu jistudja għal aktar minn 30 sena l-ħut, il-qroll, il-klieb il-baħar, l-imħar, il-granċijiet, u l-bebbux fost oħrajn. Il-vjaġġ tiegħu jgħidilna dwar ix-xtut u l-ibħra madwar Malta, u kif dawn inbidlu.

Din il-ħarġa żżerżilna wkoll artiklu dwar kif il-project management jista’ jintuża f’kull parti ta’ ħajjitna. Kull m’għandek tagħmel hu sempliċement tippjana li tgħix. Lydia Buttigieg titkellem dwar Maestro Carmelo Pace, wieħed mill-kompożituri ta’ Malta mhux magħrufa imma fost l-aktar li pproduċew xogħolijiet, billi kiteb ’l fuq minn 500 biċċa xogħol u għallem persuni bħall-Prof. Charles Camilleri u Maria Ghirlando.

Alumni u studenti wkoll jgħidu is-stejjer tagħhom fir-rivista Think. Studenti qegħdin jirriċerkaw kif il-batterji jistgħu jintużaw biex jippreservaw il-ġebla, kif ir-robots jiċċaqalqu b’mod intelliġenti u aktar, filwaqt li gradwati jiktbu dwar x’għamlu bil-lawrja tagħhom biex jilħqu s-suċċess. Ir-rivista wessgħet ukoll is-sezzjoni ta’ divertiment b’ideat f’mitt kelma biex inbiddlu lil Malta, diversi reċensjonijiet u comic strip. Tista’ wkoll tibgħat int stess mistoqsijiet ta’ Fatt jew Finzjoni biex jidhru fir-rivista.

Ir-rivista Think tal-Università ta’ Malta tista’ tinġabar b’xejn mingħand il-librara madwar Malta u Għawdex u mill-ħwienet tal-kotba tal-Agenda, issa tinsab online, tinqara fuq Issuu, titniżżel hawnhekk, tiġi segwita fuq Twitter @ThinkUoM jew ‘liked’ fuq Facebook.

Think 9

 


 

Tagħmel Differenza min jitkellem?

Does it matter who speaks?Does it matter who speaks?
Postmodern Papers on Politics, Ethics, and Education

Tagħmel Differenza min jitkellem?
Artikli Post-moderni dwar il-Politika, l-Etika, u l-Edukazzjoni


minn Kenneth Wain


ISBN:   978-99909-45-76-8


Ippubblikat mill-Istamperija tal-Università ta’ Malta (Malta University Press)



Dan huwa ktieb eċċellenti li jgħaqqad flimkien numru ta’ artikli dwar kwistjonijiet post-moderni fil-politika, l-etika u l-edukazzjoni. Dawn jirriflettu l-interess professjonali tal-awtur tul ħajtu kollha fl-oqsma msemmija fit-titlu tal-ktieb, kif ukoll l-involviment profond tiegħu ma’ kittieba li huma magħrufa b’mod kollettiv bħala post-modernisti.

L-artikli huma bbażati fuq abbozzi ta’ kitbiet jew noti ppreparati għal diskorsi waqt lekċers pubbliċi, seminars u konferenzi, u ma kinux maħsuba għall-pubblikazzjoni meta inkitbu oriġinarjament.  Għalkemm dawn kellhom  jinkitbu mill-ġdid, u għalhekk huma ferm aktar raffinati mill-verżjoni oriġinali, xorta waħda jirnexxilhom iżommu ħafna mill-freskezza ta’ meta saret il-preżentazzjoni live, u din hija waħda mill-attrazzjonijiet tagħhom.

Fost il-ħassieba diskussi nsibu lil Richard Rorty, John Dewey, Michel Foucault, Friedrich Nietzsche u Jean-Jacques Rousseau.

Does it Matter Who Speaks? huwa ppubblikat mill-Istamperija tal-Università ta’ Malta (Malta University Press) u jinsab għall-bejgħ mingħand il-librara ewlenin.

 


 

Imniedi l-Undergraduate Prospectus 2014/5 tal-Università ta’ Malta

Prospectus
L-Università ta’ Malta għadha kif ippubblikat il-Prospectus għas-sena akkademika li jmiss, li fih id-dettalji kollha tal-korsijiet undergraduate li se tkun qed toffri minn Ottubru li ġej.

Għall-pubblikazzjoni ta’ din is-sena nżammu sezzjonijiet li kienu ntlaqgħu tajjeb is-sena l-oħra, bħalma huma d-dettalji u l-kwalifiki meħtieġa għad-dħul f’kull kors, kif ukoll il-ħarsa li kienet ingħatat lejn is-servizzi disponibbli għall-istudenti kollha – kemm dawk attwali kif ukoll dawk prospettivi. 

Barra minn hekk, fuq suġġerimenti mingħand l-istudenti stess, għall-ewwel darba l-edizzjoni ta’ din is-sena tinkludi mappa fold-out dettaljata tal-Kampus tal-Università fl-Imsida. Dan sabiex l-istudenti l-ġodda jsibuha aktar faċli biex jorjentaw ruħhom f’ ambjent, li għall-ewwel ġimgħat, żgur li se jkun ġdid għalihom.

Il-Prospectus jinsab online: www.um.edu.mt/admissions. Kopji stampati jistgħu jinġabru wkoll matul il-Laqgħat ta’ Informazzjoni għall-istudenti prospettivi, li ser isiru fis-17 ta’ Lulju fis-Sala Sir Temi Zammit, il-Kampus tal-Imsida, u mill-Kampus t’Għawdex fix-Xewkija fejn fit-12 u t-13 ta’ Lulju se jkun hemm l-iStudent Advisors sabiex jagħtu l-pariri meħtieġa lil dawk kollha interessati jkomplu l-istudji tagħhom fl-Università ta’Malta.

Il-pubblikazzjoni hija kkordinata u editjata mill-Uffiċċju tar-Reġistratur, bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet u r-Relazzjonijiet mal-Alumni.

Għal aktar informazzjoni, żur il-websajt: www.um.edu.mt/admissions

Prospectus

 


 

Il-Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borgese 2014

L-International Ocean Institute joffri
l-Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borgese 2014

L-International Ocean Institute (IOI) qiegħed għal darb’oħra joffri l-Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borgese (EMB Bursary) li tikkonsisti f’somma ta’ 3,500 Euro (Tlett elef u ħames mitt euro) li jistgħu jintużaw biex jitkomplew studji ta’ riċerka fuq perijodu ta’ sena.

Il-Borża ta’ Studju 2014-2015 se tingħata lil persuna waħda jew tim ta’ riċerka wieħed li qed jagħmlu studji/riċerka postgraduate fl-Università ta’ Malta fi studji li għandhom x’jaqsmu mal-oċean, mal-baħar jew mal-qasam marittimu. L-istaff jew l-istudenti għandhom jkunu reġistrati mal-Università ta’ Malta fejn issir ir-riċerka fl-oqsma rilevanti.

Il-Borża ta’ Studju EMB twaqqfet mill-International Ocean Institute bħala mezz biex jintwera rikonoxximent lil Malta bħala l-pajjiż li jospita lill-IOI, u talli jilqa’ l-Kwartieri Ġenerali tal-IOI u jipprovdi l-faċilitajiet għall-istaff u uffiċċji. Il-Borża ta’ Studju tikkostitwixxi wkoll għarfien u rikonoxximent ieħor għall-irwol tal-Prof. E Mann Borgese, fundatriċi tal-IOI, u għall-kisbiet konsiderevoli tagħha; il-Borża ta’ Studju hija ffinanzjata permezz tal-IOI. Aktar informazzjoni u l-formoli tal-applikazzjoni jistgħu jinkisbu billi tintbagħat emejl lill-Kwartieri Ġenerali tal-IOI fuq ioihq@ioihq.org.mt  jew  info@ioihq.org.mt. Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija l-Ġimgħa 18 ta’ Lulju 2014.

Min ikun ingħata din il-Borża ta’ Studju għandu, meta jintemm il-perijodu, jippreżenta lill-IOI sommarju/diskors dwar il-kisbiet mir-riċerka ffinanzjata.  Dan jista’ jkun eliġibbli biex ikun ippubblikat fl-Ocean Yearbook tal-IOI u jista’ wkoll jifforma l-bażi għal preżentazzjoni pubblika li ssir bħala parti miċ-Ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji tal-Oċean (World Ocean Day Celebration) tal-IOI, fit-8 ta’ Ġunju ta’ wara, jew f’xi okkażjoni oħra meqjusa adattata mill-IOI.

Rebbieħa preċedenti tal-Borża ta’ Studju EMB mill-2010 ħadmu fuq diversi oqsma ta’ riċerka fil-ġeografija, il-ġenetika tal-konservazzjoni, il-liġi marittima u l-inġinerija f’dak li għandu x’jaqsam mal- istudji tal-baħar u dawk marittimi fl-Università ta’ Malta. Xogħol li sar qabel iffoka fuq Żoni Protetti tal-Baħar f’Malta li dwarhom saru proposti sabiex dawn jiġu mmaniġġjati mill-partijiet interessati; il-ġbir ta’ dejta ġenetika dwar il-murruna b’sitt garġi (bluntnose sixgill shark), Hexanchus griseus, bil-għan li jsir xogħol fuq il-preservazzjoni tal-ispeċi; l-istudju tal-kunċett tal-Istat tal-Iżbark fil-kuntest tal-liġi ta’ migrazzjoni u r-rabta tagħha ma’ prinċipji miġbura fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, u aktar reċenti, studju dwar enerġija minn sorsi li jiġġeddu, b’mod partikulari l-estrazzjoni tal-enerġija mit-thermocline tal-oċean permezz tal-enerġija mir-riħ.

L-International Ocean Institute twaqqaf fl-1972 minn Elisabeth Mann Borgese bħala istituzzjoni internazzjonali bbażata fuq l-għerf, iddedikata lejn il-governanza sostenibbli tal-oċeani.  L-istitut jopera mad-dinja kollha permezz ta’ netwerk kbir ta’ Ċentri Operattivi u Punti Fokali, bil-Gvern ta’ Malta jilqa’ l-Kwartieri Ġenerali tiegħu fil-bini tal-Università ta’ Malta. Il-missjoni tal-International Ocean Institute hija li jippromwovi l-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka biex jitjieb l-użu paċifiku tal-ispazju tal-oċean u r-riżorsi tiegħu, l-immaniġġjar u r-regolamentazzjoni tagħhom kif ukoll il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar, immexxija mill-prinċipju tal-Wirt Komuni tal-Umanità kif miġbura fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Bahar għall-benefiċċju tal-umanità kollha b’konsiderazzjoni partikulari għall-foqra.

Matul is-snin, L-Università ta’ Malta tat importanza kbira lill-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-baħar.  Xogħol akkademiku jinkludi l-oqsma ta’ governanza, liġi u xjenza kif ukoll is-sostenibbiltà u l-edukazzjoni. Barra minn hekk, l-Università tilqa’ l-IMO International Maritime Law Institute, li twaqqaf taħt l-awspiċi tal-International Maritime Organisation, aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti.

Elisabeth Mann Borgese (24 ta’ April, 1918 – 8 ta’ Frar, 2002), waqqfet l-IOI fl-1972. Arvid Pardo (12 ta’ Frar, 1914 – 19 ta’ Ġunju, 1999) – kollaboratur mill-qrib ta’ Elisabeth Mann Borgese – kien diplomatiku, studjuż, u professur universitarju Malti u magħruf internazzjonalment għax-xogħol tiegħu biex jirriforma l-liġi tal-baħar. Huwa ppropona li l-qiegħ tal-baħar ikun parti mill-wirt komuni tal-umanità, frażi li tidher f’Artikolu 136 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar.  

MALTA hija l-pajjiż li jospita l-Kwartieri Ġenerali tal-International Ocean Institute. Bħala stat gżira fiċ-centru tal-Baħar Mediterran hija ghandha storja twila ta’ dipendenza fuq il-baħar kif ukoll tradizzjoni qawwija ta’ xogħol marittimu, tas-sajd u tat-tbaħħir. Is-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea tobbligaha li żżomm mal-politiki Ewropej marittimi u tas-sajd kif ukoll ma’ konvenzjonijiet u regolamenti applikabbli mad-dinja kollha.

 


 

Lejlet ir-Riċerkaturi f’Malta

Il-Konsorzju tal-Università jirbaħ l-offerta biex jospita l-attività Ewropea ta’ Lejlet ir-Riċerkaturi f’Malta

L-Università ta’ Malta rebħet l-offerta tal-UE biex ittella’ Lejlet ir-Riċerkaturi Ewropea magħrufa aħjar bħala 'Science in the City' fil-Belt Valletta li ssir fl-aħħar Ġimgħa ta’ Settembru 2014 u tal-2015. Permezz tal-fondi Marie Skłodowska-Curie Actions mill-Kummissjoni Ewropea, l-attivitajiet mistennija jlaqqgħu flimkien lill-pubbliku u r-riċerkaturi tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Il-Fond tar-Riċerka (RIDT) tal-Università ta’ Malta u l-Malta Chamber of Scientists huma fost il-kollaboraturi ewlenin ta’ dan il-konsorzju mmexxi mill-Università. Din is-sena l-kompetizzjoni kienet iktar b’saħħitha minħabba l-fatt li kien hemm numru ikbar ta’ applikanti li sottomettew l-applikazzjoni tagħhom. 

'Il-fatt li rbaħna l-offerta għal fondi tal-UE biex nospitaw l-attività Ewropea ta’ Lejlet ir-Riċerkaturi għaż-żewġ edizzjonijiet li jmiss ser tgħinna ntejbu l-attività f’wirja ta’ riċerka' qal il-Professur Alex Felice, Direttur tal-Programmi għall-Konsorzju ta’ Lejlet ir-Riċerkaturi. 'Nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Settembru 2014, il-pubbliku ser ikollu l-opportunità li jinteraġixxi mar-riċerkaturi u xjentisti, u jipparteċipa f’ħafna attivitajiet divertenti tax-xjenza – attivitajiet mimlija ispirazzjoni, ilkoll se jsiru fil-Belt Valletta.' Il-programm ser jittella’ fi żmien qasir fuq is-sit www.scienceinthecity.org

'Wara s-suċċess tremend taż-żewġ edizzjonijiet ta’ ‘Science in the City’, qegħdin nikkonsolidaw l-enerġiji tagħna biex noffru prodott aħjar lill-eluf ta’ nies li jżuru l-Belt għal dan il-festival. Bħalissa qegħdin nitkellmu ma’ professjonisti li ser ikunu qed jieħdu ħsieb l-elementi artistiċi u loġistiċi tal-festival. B’dan il-mod, ir-riċerkaturi jistgħu jikkonċentraw fuq il-kontenut xjentifiku u teknoloġiku ta’ diversi attivitajiet,' żid il-Professur Felice.

Wieħed mill-kunċetti ewlenin ta’ ‘Science in the City’, kien li tgħaqqad xogħlijiet tal-arti ispirati mix-xjenza. Dan il-festival qed iservi wkoll bħala pjattaforma għall-Fond tar-Riċerka tal-Università biex iwassal il-messaġġ tal-bżonn kontinwu għal fondi mill-pubbliku, l-istat u l-intrapriżi privati. 
'Science in the City' tagħti lill-pubbliku ċ-ċans li jitgħallem dwar il-proġetti importanti tar-riċerka li jkunu qed isiru f’diversi fakultajiet fl-Università ta’ Malta, filwaqt li jieħdu gost f’ambjent rilassanti,' qal Wilfred Kenely, Associate Program Director u Kap Eżekuttiv tal-Fond RIDT. 'Fl-Università għaddejja riċerka eċċezzjonali però biex din titkompla għandna bżonn ta’ iktar fondi,' Il-Fond tar-Riċerka twaqqaf biex ikun jista’ jattira aktar fondi mill-entitajiet privati u pubbliċi kif ukoll mill-komunità.  

Lejlet ir-Riċerkaturi hi attività mifruxa mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li tlaqqa flimkien lill-pubbliku u riċerkaturi kull sena fir-raba Ġimgħa ta’ Settembru. Din l-attività, li qed issir waħda mill-iktar attivitajiet popolari tal-UE, li hi mmirata għall-pubbliku inġenerali, speċjalment familji, żgħażagħ u dawk kollha li forsi ma jqisux ruħhom bħala dilettanti tax-xjenza. 

Science in the City 2013

Science in the City 2013

Science in the City 2013
Uħud mill-attivitajiet waqt Science in the City tas-sena l-oħra.

 


 

Inawgurat l-Istitut tal-Logħob Diġitali fl-Università ta’ Malta

“Il-viżjoni tiegħi għall-Istitut hija li Malta titpoġġa fuq il-mappa tad-dinja fl-oqsma tad-disinn, riċerka u edukazzjoni tal-logħob”  Il-Prof. Calleja

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-Onor. Evarist Bartolo, illum nieda uffiċjalment l-Istitut tal-Logħob Diġitali fl-Università ta’ Malta, fil-preżenza tal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, l-Onor. Owen Bonnici, ir-Rettur tal-Università, il-Prof. Juanito Camilleri, u d-Direttur tal-Istitut, il-Prof. Gordon Calleja.  

Il-Ministru Bartolo tkellem dwar l-importanza tal-edukazzjoni fil-logħob fl-industrija tal-logħob diġitali li qed tikber f’Malta, filwaqt li l-Ministru Bonnici tkellem dwar l-irwol importanti li l-logħob diġitali għandhom fl-ekonomija Maltija u l-post ċentrali li jokkupaw fil-kultura kontemporanja.

L-Istitut twaqqaf fl-2013 biex jipprovdi tagħlim u riċerka ta’ livell mondjali fid-disinn, l-analiżi u t-teknoloġija tal-logħob diġitali.  Kull sena, il-Kors għall-M.Sc. in Digital Games li joffri l-Istitut jilqa’ 20 student gradwat li jixtiequ jitgħallmu l-arti u x-xjenza biex jipproduċu logħob diġitali.  L-istudenti ġejjin minn kuntesti akkademiċi differenti, li jinkludu t-teknoloġija tal-informazzjoni, l-inġinerija, il-komunikazzjoni u l-istudji umanistiċi u x-xjenzi soċjali.  Il-gradwati tal-programm jiġu ppreparati għall-irwoli ta’ disinn, riċerka u konsulenza biex jindirizzaw problemi kumplessi fl-iżvilupp tal-logħob.

Il-Prof. Calleja qal “Il-viżjoni tiegħi għall-Istitut hija li Malta titpoġġa fuq il-mappa tad-dinja fl-oqsma tad-disinn, riċerka u edukazzjoni tal-logħob”.  Hu qal “Biex dan iseħħ jeħtiġilna niffokaw fuq edukazzjoni għall-istudenti kemm biex jistimulaw it-tkabbir ta’ intrapriżi ġodda (start-ups) indiġeni, innovattivi, kif ukoll jagħtu servizz lil studios tal-logħob ġodda”

L-Istitut jiffoka wkoll bi sħiħ fuq ir-riċerka u bħalissa qed jieħu sehem fi proġetti ta’ riċerka internazzjonali importanti.  Il-Prof. Calleja qal “Għandna l-ħsieb ukoll nagħmlu l-aħjar użu mir-reputazzjoni internazzjonali eżistenti tagħna fil-komunità tar-riċerka biex nistabbilixxu programm dottorali ta’ suċċess magħmul minn riċerkaturi lokali u barranin.”

Għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti u aktar informazzjoni jekk jogħġobkom ikkuntattjaw lil Is-Sur Ashley Davis fuq 23403510.

Il-Professur Gordon Calleja huwa disponibbli wkoll biex ikun intervistat.

Digital Games Launch
 mix-xellug: L-Onor. Owen Bonnici, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-Onor. Evarist Bartolo, ir-Rettur tal-Università, il-Prof. Juanito Camilleri, u d-Direttur tal-Istitut, il-Prof. Gordon Calleja

 


 

Ċiklisti ta’ALIVE 2014 Jiltaqgħu ma’ Riċerkaturi fl-Universita’ ta’ Malta

Ċiklisti ta’ALIVE 2014 jiltaqgħu ma’ riċerkaturi fl-Università ta’ Malta

Waqt waqfa qasira mit-taħriġ tagħhom ta’ nhar ta’ Ħadd, iċ-ċiklisti ta’ Alive Charity Foundation marru l-Università ta’ Malta fejn żaru l-Laboratorju tal-Ġenetika Molikulari. 

Bħalissa ċ-ċiklisti għaddejjin b’taħriġ intensiv għall-isfida iebsa ta’ 1,000km imsemmija Malta Airport - ALIVE 2014 Cycling Challenge for Cancer. Din ser issir ix-xahar id-dieħel biex għat-tieni sena konsekuttiva jinġabru fondi għall-programm speċjalizzat li hu faċilitat mill-Fond għar-Riċerka (RIDT) tal-Università.

Is-sena l-oħra, il-Malta Airport ALIVE 2013 Cycling Challenge for Cancer ġabret €55,000 għall-Action for Breast Cancer Foundation (ABCF) li min-naħa tagħha, permezz tal-RIDT, għaddiet din is-somma għal riċerka tal-kanċer fis-sider biex b’hekk twettqet l-inizjattiva ta’ ALIVE Charity Foundation.

Iċ-ċiklisti, flimkien mal-kumitat tal-ALIVE, intlaqgħu mill-Pro Rettur tal-Università l-Professur Richard Muscat, mill-Kap tad-Dipartiment tal-Fiżjoloġija u Biokimika l-Professur Christian Scerri, mis-Senior Lecturer fid-Dipartiment tal-Patoloġija Dr Godfrey Grech, u mill-Kap Eżekuttiv tal-RIDT Wilfred Kenely. Huma ltaqgħu wkoll mar-riċerkatur Shawn Baldacchino, li qed jibbenefika mill-għotja ta’ ALIVE 2013, biex jestendi r-riċerka tal-kanċer fis-sider fl-Università.  

Huma ngħataw tagħrif dwar il-proġett tar-riċerka li l-għan tiegħu hu li jkun hemm għarfien aħjar dwar il-ġenetika tal-popolazzjoni Maltija biex tkun tista’ tittejjeb ir-rata ta’ sopravvivenza għall-pazjenti li jimirdu bil-kanċer fis-sider. Bil-flus miġbura miċ-ċiklisti tal-ALIVE Foundation, l-Universita’ ta’ Malta ser tkun qed tiffinanzja riċerka xjentifika kruċjali dwar il-kanċer fis-sider għas-snin li ġejjin.  

Filwaqt illi rringrazzja lill-ALIVE Charity Foundation għall-kontribut tagħhom, il- Professur Muscat qal: “Dan hu tassew ġest nobbli. Napprezzaw ħafna l-isforzi  kollha tagħkom għall-ġbir ta’ fondi. Permezz tal-ħidma intensiva tagħkom, l-Universita’ ser tkun qed tmexxi riċerka importanti fil-qasam tal-kanċer fis-sider għas-snin li ġejjin.” 

Meta tkellem dwar il-progress li qed issir dwar ir-riċerka tal-kanċer fis-sider, il-Professur Scerri qal: “It-tim ta’ riċerkaturi tal-Universita’ kien involut fl-iżvilupp ta’ għarfien aħjar dwar kif il-ġeni (genes) huma jaffettwaw l-iżvilupp u l-progress tal-kanċer. Dan it-tagħrif imbagħad jintuża biex ikun hemm prevenzjoni, dianjożi u kura. Għal dawn l-aħħar ħames snin, l-Universita’ f’kollaborazzjoni mad-Dipartimenti tal-Anatomija u l-Farmakoloġija Klinika tal-Fakulta’ tal-Mediċina, u l-Klinika tas-Sider tal-Isptar Mater Dei, irreġistraw progress estensiv dwar ċerti biochemical pathways tal-kanċer fis-sider. L-għan tagħna hu li niżguraw li dan l-istudju kruċjali jkun sostnut għal matul is-snin li ġejjin. Dan għandu jwassal għal benefiċċji għal perjodu medju u fit-tul għas-socjeta’ Maltija.”


Tkompli fuq paġna 2/...



08.06.2014

Ċiklisti ta’ALIVE 2014 jiltaqgħu ma’ riċerkaturi fl-Universita’ ta’ Malta
/ paġna 2

Iċ-Chairperson tal-ALIVE Charity Foundation Nicky Camilleri qal: “Il-Fondazzjoni tagħna qed taħdem flimkien ma’ ABCF u Ewropa Donna biex tqajjem iżjed kuxjenza u tgħin biex jinġabru flus għall-proġetti ta’ riċerka fil-kanċer tas-sider ħalli jiżdiedu s-survival rates għal dawn il-pazjenti f’Malta. Dan jagħtina kuraġġ biex inkomplu fil-missjoni tagħna. Bħalissa għaddejjin b’taħrig intensiv biex inkunu mħejjija tajjeb fiżikament u mentalment bl-aħjar mod għal din l-isfida. Irridu nirringrazzjaw lill-Maltin u lill-isponsors għall-fiduċja li għandhom fina.”

It-tieni edizzjoni tal-Malta Airport - ALIVE2014 Cycling Challenge for Cancer, li fiha ser jieħdu sehem 45 ċiklist, nisa u rġiel, ser tgħaddi minn ħamest ibliet ewlenin. Tibda fid-9 Lulju minn Praga għal Vjenna għal Bratislava u Budapest, u finalment tasal f’Belgrad, fit-18 ta’ Lulju 2014.  

ALIVE 2014 hi sponsorjata mill-Malta International Airport u appoġġjata minn Sky Spirits Fitness Lounge, Impressions Print, Signs and Displays, Go & Fun, Debenhams, Gollcher Group, Pizza Petrus, Garmin, Express Group, KPMG u bosta oħrajn.

Il-pubbliku jista’ jgħin lit-tim ta’ din is-sena jew billi jagħti donazzjoni, jew billi jattendi għal xi avveniment li qed ikun organizzat, inkella billi jappoġġja lil xi ċiklist billi jidħol fuq il-websajt www.alivecharity.com  Donazzjonijiet jistgħu jintbgħatu b’ SMS fuq 5061 7364 (€2.33); 5061 8081 (€4.66); 5061 8913 (€6.99); u 5061 9208 (€11.65), jew permezz ta’ trasferiment bankarju: Kont numru - BOV 4002149804-6 Alive Charity Foundation - Bank's Bic – VALLMTMT - IBAN- MT85 VALL 2201 3000 0000 4002 1498 046.

ALIVE meets Researchers
Prof Christian Scerri jindirizza ċ-ċiklisti ta’ ALIVE f’wieħed mill-laboratorji tal-Universita’ fil-preżenza ta’ Dr Godfrey Grech, ir-riċerkatur Shawn Baldacchino, u l-Kap Eżekuttiv tal-RIDT Wilfred Kenely. Fir-ritratt jidhru wkoll il-President ta’ Europa Donna (Malta) Gertrude Abela, il-President ta’ ABCF Esther Sant u ċc-chairperson ta’ ALIVE Nicky Camilleri.

 


 

Il-Programm fl-Arti u x-Xjenzi Liberali

L-Università ta’ Malta tintroduċi Programm fl-Arti u x-Xjenzi Liberali
Kwalità • Flessibilità • Opportunità 

Il-Programm ewlieni ġdid fl-Arti u x-Xjenzi Liberali (Programme in the Liberal Arts and Sciences – PLAS) tal-Università ta’ Malta joffri opportunità eċċellenti għall-iżvilupp personali u professjonali u jipprovdi metodu flessibbli għall-kisba ta’ Kwalifika Universitarja. PLAS huwa mmirat prinċipalment, għalkemm mhux esklussivament, għal studenti adulti u studenti li jerġgħu jibdew jistudjaw.

Korsijiet u programmi fl-arti u x-xjenzi liberali żdiedu matul dawn l-aħħar ftit snin fl-Ewropa, b’mod partikulari f’istituzzjonijiet tar-Renju Unit u tal-Ewropa ta’ Fuq. 'L-Edukazzjoni Liberali' żviluppat f’filosofija ta’ edukazzjoni li tagħti s-setgħa lil individwi li jkollhom wesgħa ta’ għarfien u ħiliet trasferibbli, kif ukoll sens aktar qawwi ta’ impenn ċiviku.

Il-Programm fl-Arti u x-Xjenzi Liberali tal-Università ta' Malta joffri għażla wiesgħa ta’ Taqsimiet Studju individwali f’oqsma varji bħall-arkeoloġija, l-ekonomija, l-arti tal-produzzjoni tal-inbid, l-istorja, il-letteratura, il-kultura, il-konservazzjoni, il-filosofija, il-politika pubblika, il-migrazzjoni, il-mużika, il-bijoloġija, il-mediċina, l-earth systems, il-marketing, l-arti, l-astronomija, is-soċjoloġija, il-politika, il-kimika, l-arkitettura, il-liġi, il-fotografija, u aktar.

L-istudenti għandhom l-opportunità li jistudjaw billi jimxu bil-pass tagħhom. PLAS huwa kors innovattiv għaliex l-istudenti jistgħu jagħżlu s-suġġetti ta’ studju tagħhom minn għażla ta’ taqsimiet offruti u l-metodu bite-size jipprovdi flessibilità massima f’dik li hi attendenza.

Il-kors jippermetti lill-parteċipanti jużaw taqsimiet miġbura biex jiksbu Ċertifikat, Diploma, Diploma Ogħla u grad ta’ Baċellerat fl-Istudji Liberali mingħajr limitu ta’ żmien. Dan jipprovdi l-possibilità li persuna tidħol għal aktar Taqsimiet Studju fi żmien aktar kwiet f’ħajjitha u li tnaqqas il-pass fi żmien aktar impenjattiv. Tletin kreditu ECTS iwasslu għal Ċertifikat fl-Istudji Liberali; 60 kreditu ECTS għal Diploma fl-Istudji Liberali; 120 kreditu ECTS iwasslu għal Diploma Ogħla fl-Istudji Liberali, filwaqt li 180 kreditu ECTS iwasslu għal Grad ta’ Baċellerat fl-Istudji Liberali.

It-Taqsimiet PLAS huma miftuħa għal kull min għandu l-kapaċità jsegwi Taqsimiet Studju bħal dawn b’benefiċċju. L-aċċettazzjoni tista’ tkun suġġetta għal intervista qasira, u ċerti kwalifiki u/jew esperjenza jistgħu jkunu speċifikati għal taqsimiet partikulari. Il-kors jista’ jkun ta’ interess għal studenti adulti li jixtiequ jibdew jew ikomplu l-edukazzjoni universitarja tagħhom, sew biex isegwu l-interessi personali tagħhom jew inkella bl-għan ta’ żvilupp professjonali. Ngħidu aħna, persuna rrealizzata fil-kummerċ tista’ sempliċement tixtieq issegwi Taqsima Studju fl-arkeoloġija jew il-fotografija, filwaqt li gradwat fix-xjenza jista’ jkun interessat jistudja l-ekonomija jew l-arti tal-produzzjoni tal-inbid, persuna tad-dar li qabel ma kellhiex opportunità tistudja f’livell terzjarju issa tista’ tagħżel minn għażla wiesgħa ta’ suġġetti u b’mod kumulattiv tikseb kwalifika formali – l-opportunitajiet huma ħafna.

L-istudenti jistgħu jirreġistraw għal kwalunkwe u għal kemm jixtiequ Taqsimiet PLAS individwali tal-għażla tagħhom, skont id-disponibilità, l-interessi u l-bżonnijiet tagħhom. Kull Taqsima PLAS tiswa 4 jew 8 kredti ECTS u tiġi assessjata prinċipalment permezz ta’ assignments, li jistgħu jinkludu seminars, preżentazzjonijiet, riċerka fuq il-post u żjarat. Taqsimiet ta’ 4 kredti ECTS normalment jinvolvu 24-28 siegħa ta’ tagħlim, is-soltu mifruxa fuq 14-il ġimgħa (sessjoni waħda ta’ sagħtejn kull ġimgħa). Taqsimiet ta’ 8 kredti ECTS normalment jinvolvu 48-56 siegħa ta’ tagħlim, is-soltu mifruxa fuq 14-il ġimgħa (żewġ sessjonijiet ta’ sagħtejn kull ġimgħa). Il-lekċers normalment isiru bejn is-6.00pm u t-8.00pm fuq il-Kampus Prinċipali (l-Imsida) jew il-Kampus tal-Belt Valletta, biex dawk l-applikanti li jaħdmu full-time jkunu jistgħu jsegwu t-Taqsimiet PLAS. L-assignments għandhom isiru biex jingħata akkreditament. Iżda, wieħed jista’ jattendi lekċers/seminars u jagħżel li ma jkunx assessjat, għalkemm l-istess proċeduri ta’ applikazzjoni u ħlas japplikaw f’dan il-każ.

Dawn ir-rati ta’ ħlas japplikaw: Taqsimiet ta’ 4 kredti ECTS - €180; Taqsimiet ta’ 8 kredti ECTS - €360.  L-istess rati japplikaw għall-Maltin, ċittadini tal-UE u dawk mhux ċittadini tal-UE. Il-ħlasijiet għandhom isiru permezz tal-proċess ta’ applikazzjoni online. Meta tiġi sottomessa b’suċċess il-formola tal-applikazzjoni, il-persuna tintbagħtilha email li tikkonferma li l-ħlas ikun wasal. Il-ħlas jingħata biss lura kollu jekk it-Taqsima ma tkunx offruta minħabba li ma jkunx hemm numru biżżejjed ta’ applikanti jew jekk l-applikant, wara intervista qasira, ma jkunx aċċettat li jsegwi t-Taqsima.

L-applikazzjonijiet online għal Taqsimiet li qed jiġu offruti f’Ottubru 2014 jintlaqgħu minn issa sa nofs Settembru.

Hemm sezzjoni ta’ FAQs fuq is-sit www.um.edu.mt/clas

Kelliema:
L-Onor. Evarist Bartolo, Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol
Il-Prof. Juanito Camilleri, Rettur, l-Università ta’ Malta
Dr Jean-Paul De Lucca, Direttur, Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali

Tistgħu tikkuntattjaw:
Iċ-Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali
30, Triq l-Esperanto
L-Imsida
MSD2012

Telefon: +356 2340 3772, +356 2340 3772

CLAS Launch
mix-xellug: L-On. Evarist Bartolo, Il-Professur Juanito Camilleri, Dr Jean Paul De Lucca u Dr Mifsud


Taqsimiet li se jkunu offruti f’Ottubru 2014
1. LAS 1001 Prehistory to the Byzantine Times: Malta’s Archaeology
2. LAS 1002 A Short History of the Universe: The Big Bang to the Dinosaurs
3. LAS 1003 Patterns of Human Geography: The Maltese Scenario
4. LAS 1004 Lighting up the Skies: The Chemistry of Fireworks
5. LAS 1005 Health, Food and Lifestyle
6. LAS 1006 Exploring Malta’s Mediascape 
7. LAS 1007 The Maltese Legal System: An Introduction
8. LAS 1008 Dante’s Divine Comedy
9. LAS 1009 Nature Photography
10. LAS 1010 Beekeeping and the Art of Honey Making 
11. LAS 1011 The Environment: Issues and Challenges 
12. LAS 1012 Preserving our Treasures 
13. LAS 1013 Social Research Methods 
14. LAS 1014 History of Art from Giotto to Cézanne
15. LAS 2001 Classics and the Cinema
16. LAS 2002 Under the Waves: Our Sea in Focus
17. LAS 2003 The Art of Winemaking
18. LAS 2004 Psychology of the Family and Sexuality
19. LAS 2005 Focusing on the Human in Human Resource Management
20. LAS 2006 Centre Stage: Celebrating Women in Music 

Deskrizzjoni sħiħa tinsab fuq is-sit: www.um.edu.mt/clas

 


 

L-Università ta’ Malta Tiftaħ it-Tieni Childcare Centre Tagħha

L-Università ta’ Malta Tiftaħ it-Tieni Childcare Centre Tagħha
- Issa fil-Junior College

L-Università ta’ Malta kienet pijuniera fl-introduzzjoni ta’ miżuri favur il-familja għall-istaff u l-istudenti tagħha u ġenituri oħra, meta fl-1996 fetħet It-Tajra Childcare Centre, fuq il-kampus prinċipali, u li minn dak iż-żmien ipprovda servizzi ta’ childcare ta’ kwalità. Fi sforz ieħor li għandu l-għan li jappoġġja lill-istaff u lill-istudenti tagħha, u lill-pubbliku, l-Università issa investiet €325,000 biex twaqqaf it-tieni childcare centre, din id-darba fil-Junior College l-Imsida.

Iċ-Ċentru ġdid bl-isem ta’ 'Ilwien' kien inawgurat uffiċjalment mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-Onor. Evarist Bartolo, fil-preżenza tar-Rettur tal-Università, il-Prof. Juanito Camilleri u l-Prinċipal tal-Junior College, is-Sur Paul Xuereb, Ms Jacqueline Sant. Il-Pro-Rettur, il-Prof. Mary Anne Lauri għamlet diskors ta’ merħba.

Iċ-ċentru l-ġdid għandu erja ta’ 915m² li tinkludi spazju kbir għal-logħob barra u ġie ddisinjat b’mod speċifiku biex joffri ambjent akkoljenti u sikur għat-tfal ta’ etajiet bejn it-tmintax-il xahar u t-tliet snin. Iċ-childcare centres jiffukaw prinċipalment fuq il-kwalità; dawn jikkonformaw ma’ kriterji speċifċi dwar il-proporzjon ta’ tfal u ħaddiema (child ratios), isirulhom verifiki regolari dwar saħħa u sigurtà, u l-istaff kollu għandu kwalifiki tajbin. B’dan il-mod, l-Università ta’ Malta qed tagħmel minn kollox biex tiżgura li żżomm postha fuq quddiem fil-qasam tas-servizzi taċ- childcare.

Dawn iċ-ċentri joperaw bi prezzijiet kompetittivi ħafna. Barra minn hekk, kemm It-Tajra kif ukoll Ilwien jipparteċipaw fil-Government Free Childcare Initiative, u għalhekk ġenituri ta’ tfal li għadhom mhumiex eliġibbli li jibdew Kindergarten 1, jistgħu japplikaw għaċ-childcare bla ħlas.

Din is-sena, l-Università qiegħda wkoll tħabbar titjib fil-ħinijiet tal-ftuħ taċ-childcare centres tagħha. Iċ-Childcare Centre Ilwien se jkun miftuħ bejn is-7.30am u l-5.30pm filwaqt li ċ-Childcare Centre It-Tajra se jkun miftuħ bejn is-7.30am u t-8.30pm. Iċ-Ċentri se jkunu wkoll qed joperaw is-sena kollha inklużi l-vaganzi tas-sajf, u dawk tal-Milied u l-Għid. 

Lwien
mix-xellug: l-On. Evarist Bartolo u l-Prof. Juanito Camilleri

Lwien
mix-xellug: Il-Prof. Mary Anne Lauri, l-On. Evarist Bartolo, il-Prof. Juanito Camilleri, is-Sur Paul Xuereb, u s-Sa Jacqueline Sant.

Lwien

 


 

Sapport mill-Fondazzjoni Alfred Mizzi għal Malta University Historical Society

Alfred Mizzi Logo           MUHS logo

Is-Sur Derek Vella, f’isem Il-Fondazzjoni Alfred Mizzi, dan l-aħħar ippreżenta għotja lill-MUHS fil-librerija tal-Fakultà tal-Arti, li ntużat għall-okkażjoni grazzi għall-għajnuna tad-Dekan, il-Professur Dominic Fenech. L-għotja ta’ flus ser tintuża għall-pubblikazjoni tar-rivista Storja li mistennija toħroġ fl-2015. Preżenti waqt ic-ċerimonja ta’ donazjoni kien hemm Dr Emanuel Buttigieg, Dr Mark Aloisio, is-Sur Franco Davies, is-Sinjorina Adriana Mintoff u is-Sur Jonathan Camilleri. Waqt din l-okkażjoni kien hemm preżenti ukoll il-Professur Henry Frendo li għal bosta snin kien viċi president tal-MUHS u editur ta’ Storja. 

Il-MUHS twaqqfet fl-1963 mill-Professur Andrew Vella filwaqt li l-ewwel edizzjoni ta’ Storja ħarġet fl-1978. S’issa ġew ippubblikati sitt volumi ta’ din ir-rivista. L-għan ewlieni ta’ Storja hu li toffri opportunità biex studenti tal-istorja u studjużi oħra jaqsmu r-riċerka tagħhom mal-pubbliku. Minħabba li s-sena 2015 taħbat l-450 anniversarju mill-attakk tal-imperu Ottoman fuq il-gżejjer Maltin tal-1565, Storja 2015 ser tinkludi numru ta’ artikli dwar l-Imperu Ottoman u l-Mediterran fis-seklu sittax, kif ukoll artikli dwar suġġetti oħra. Is-sena 2015 ser timmarka wkoll il-mitt sena mit-twaqqif ta’ Alf. Mizzi & Sons Ltd, il-kumpanija li taħtha taqa’ The Alfred Mizzi Foundation. Għal iktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-MUHS żur il-paġna tal-Malta University Historical Society fuq Facebook, filwaqt li min jixtieq jagħmel kuntatt hu mitlub li jibgħat email fuq muhs1963@gmail.com.

MUHS Presentation
Fir-ritratt jidhru (mix-xellug għal-lemin): Il-Prof. Henry Frendo, Is-Sur Derek Vella, Dr Emanuel Buttigieg, Is-Sur Jonathan Camilleri, Is-Sa Adriana Mintoff, is-Sur Franco Davies, Dr Mark Aloisio

 


 

Il-KSU u l-Fond tar-Riċerka tal-Università jħabbru inizjattiva ġdida

Il-KSU u l-Fond tar-Riċerka tal-Università jħabbru l-inizjattiva 'caution money' tal-istudenti

Għaxar studenti Universitarji mill-fakultajiet tal-Inġinerija, Xjenza u l-ICT ser ikunu qed jagħtu bidu għal inizjattiva ġdida u jagħmlu għotja permezz tal-‘caution money’ (depożitu ta’ flus għall-użu ta’ apparat) tagħhom. Dawn il-fondi ser imorru b’risq aktar riċerka fil-fakulta’ rispettiva tagħhom. 

L-iskema l-ġdida, li tnediet matul iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet tal-istudenti magħrufa bħala l-KSU Kokka Night, ser twassal biex l-istudenti fl-aħħar sena tagħhom iwegħdu li jagħtu dan id-depożitu fuq l-użu ta’ apparat fil-laboratorji lill-fakultà respettiva tagħhom. Din l-iskema se tkun iffaċilitata mir-Research, Innovation and Development Trust (RIDT) tal-Università ta’ Malta.  

Malcolm Zammit, Niki Brincat, Josmar Azzopardi, James Attard, Shaun Maniscalco, Jonathan Camilleri (mill-Fakultà tal-Inġinerija), Katrina Grech, Rachelle Zammit (mill-Fakultà tax-Xjenza), Tamara Caligari u Shaun Cassar (mill-Fakultà tal-ICT) huma l-istudenti pijonieri li se jagħtu bidu għal din l-inizjattiva. Fil-ġimgħat li ġejjin l-RIDT u l-KSU se jħeġġu  aktar studenti mill-fakultajiet tal-Inġinerija, Xjenza u ICT li qegħdin fl-aħħar sena biex joffru d-depożiti tagħhom għal aktar riċerka fi ħdan il-fakulta’ rispettiva tagħhom.  

'Bħalissa qed naraw xerja ġdida fl-iffinanzjar għar-riċerka li qed tiġi mill-istudenti stess tal-Università tagħna,' qal Wilfred Kenely, il-Kap Eżekuttiv tal-RIDT. 'L-isforzi tagħna biex nilħqu u saħħu r-relazzjonijiet tagħna mal-organizzazjonijet tal-istudenti b’mod partikolari l-KSU qed jibdew jagħtu l-ewwel riżultati. Din l-inizjattiva hi ta’ min jammira’. L-istudenti gradwati issa għandhom l-opportunità li jagħtu xi ħaġa lura lill-Università billi jagħmlu donazzjoni tal-‘caution money’ lill-fakultajiet tagħhom permezz tal-fond tar-riċerka. Nittamaw li jkollna iżjed proġetti ta’ kooperazzjoni fil-ġejjieni.'

'Permezz ta’ din l-inizjattiva, se nimmiraw li l-għaqda studenteska tikkontribwixxi ammont sostanzjali ta’ fondi kull sena għal proġetti ta’ riċerka,' qalet il-President il-ġdid tal-KSU Gayle Lynn Callus. 'Ninsabu fiduċjużi li ta’ kull sena l-istudenti tal-aħħar sena tal-fakultajiet tal-Inġinerija, Xjenza u ICT mhu ser isibu l-ebda oġġezzjoni li jagħmlu donazzjoni b’dan il-ħlas ta’ darba  lejn il-fond tar-riċerka. B’hekk dawn l-istudenti jkunu qed jinvestu fil-ġenerazzjoni li jmiss ta’ studenti u l-futur tal-istess fakultajiet.'

'Il-fatt li jien wieħed mill-ewwel studenti li qed noffri l-'caution money' għar-riċerka hu sinifikanti ħafna għalija, u nittama li d-donazzjoni żgħira tagħna timmotiva studenti oħra biex jissieħbu f’din l-inizjattiva,” qal Malcolm Zammit gradwat fl-inġinerija. 'Donazzjoni żgħira minn kull student tgħin biex issostni appoġġ għar-riċerkaturi motivati li jidħlu fix-xogħol tar- riċerka fil-fakultajiet rispettivi tagħhom għal benefiċċju tas-soċjetà Maltija.'

Il-fondi miġbura minn din l-inizjattiva ser imorru lejn proġetti speċifiċi ta’ riċerka fl-istess fakultajiet. Fil-ġimgħat li ġejjin, l-RIDT u l-KSU se jkunu qed iħabbru uffiċjalment skema fuq bażi volontarju li permezz tagħha kull student fl-aħħar sena tiegħu minn dawn il-fakultajiet ikollu l-opportunità li jagħmel donazzjoni tal-'caution money' tiegħu. Dawk l-istudenti li jixtiequ aktar tagħrif dwar din l-inizjattiva jew kif jagħtu l-'caution money' b’mod immedjat, għandhom jikkuntattjaw lill-RIDT jew KSU.

RIDT - KSU
L-istudenti li offrew donazzjoni tal-'caution money' tagħhom jieħdu ritratt 'selfie' flimkien ma’ Mario Cachia u Wilfred Kenely (fin-nofs), l-uffiċjal għall-kampanji u l-Kap Eżekuttiv rispettivament tal-RIDT matul is-serata ta’ KSU Kokka Night.

 


 

FameLab Malta tħabbar l-ismijiet tal-finalist

RIDT - LOGOS 

Manuele Biazzo, Norbert Bonnici, James Patrick Cook, Josef Grech, Reuben Ferrante, Ira Melkoyan, Michelle Muscat, Maria Stella Portelli u Rubeeya Soratroi huma d-disa’ finalisti ta’ FameLab Malta. Huma se jikkompetu quddiem udjenza waqt il-preżentazzjoni finali li se tinżamm fl-Auditorium, Valletta Campus (l-Universita l-Qadima), Triq San Pawl, Valletta, nhar il-Ħamis, 15 ta’ Mejju fis-7.30pm. Il-pubbliku, partikolarment studenti u dawk li jħobbu x-xjenza, huma mistiedna li jattendu. Id-dħul hu b’xejn.

Il-finalisti se jippreżentaw taħdidiet divertenti ta’ tlett minuti li ċertament kulħadd se jieħu pjaċir jarahom. L-aħjar kommunikatur tax-xjenza se jirrappreżenta lil Malta x-xahar id-dieħel fi Cheltenham Science Festival, l-Ingilterra.

Is-suġġetti magħżula għall-preżentazzjonijiet huma varji, mix-xjenza li hemm fi Sleeping Beauty u roti tal-kartun, għal sistemi integrati, pilloli maġiċi, u bnedmin bħala kolonji ta’ mikro-organiżmi.

Ir-rebbieħ se jintagħżel minn membri tal-ġurija li huma Dr Owen Falzon, ir-rebbieħ is-sena l-oħra ta’ FameLab Malta li jgħallem fis-Centre for Biomedical Cybernetics tal-Universita, Dr Kenneth Scerri, li jgħallem fid-Department Systems and Control Engineering tal-Universita, u Dr Sandro Lanfranco, għalliem ieħor fl-Universita, fid-Dipartiment tal-Bioloġija.

Il-finalisti kienu ppreparati minn Quentin Cooper, espert fil-midja u kommunikazzjoni, waqt workshop ta’ tmiem-il ġimgha f’Għawdex. Meqjuż bħala wieħed mill-vuċijiet popolari fil-qasam tax-xjenza fir-Renju Unit, Cooper jikteb u jippreżenta bosta programmi, li jinkludu x-xow tax-xjenza l-aktar segwita fl-Ingilterra matul dawn l-aħħar għaxar snin, msemmija l-‘Material World’ li hu ppreżenta ‘live’ kull ġimgħa fuq BBC Radio 4.  Hu l-preżentatur tas-serata ta’ FameLab u jagħti masterclasses lill-parteċipanti tal-Ingilterra u lill-finalisti internazzjonali.

It-tieni edizzjoni ta’ FameLab Malta qed tkun organizzata minn The British Council, in-National Student Travel Foundation (NSTF) u r-Research, Innovation and Development Trust (RIDT) tal-Universita ta’ Malta, li ngħaqdu ma’ FameLab, l-akbar organu internazzjonali li jfittex vuċijiet ġodda fix-xjenza u l-inġinerija, biex jagħtu xjentisti żgħażagħ u riċerkaturi f’Malta l-opportunita’ li juru l-abbiltajiet tagħhom f’din l-attivita.

Il-kompetizzjoni għandha l-appoġġ ukoll tas-Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Microsoft, APS Bank, Vodafone, u Stage Malta.

L-inizjattiva FameLab Malta hi fuq l-istess direzzjoni ta’ dik tar-RIDT tal-Universita’, għax tenfasizza l-valur u l-bżonn tax-xjenza u r-riċerka. RIDT qed jaħdem biex kull ma jmur jiżdied l-appoġġ għal attivitajiet ta’ riċerka u biex isib aktar fondi minn sorsi Maltin u internazzjonali ħalli jespandi l-istudji ta’ riċerka fl-Università.

Din hi t-tieni darba li Malta qed tieħu sehem fil-FameLab, kompetizzjoni internazzjonali mifruxa f’aktar minn 20 pajjiż fl-Ewropa, l-Asja, l-Afrika, u l-iStati Uniti tal-Amerka, fi tfittxija għall-aqwa kommunikatur li jmiss fix-xjenza.

Dawk li fil-passat rebħu l-kompetizzjoni FameLab żaru diversi pajjiżi madwar id-dinja, ħadu sehem f’festivals u fi programmi fuq it-TV u r-radju. Ħafna minnhom irnexxielhom ukoll jgħaqqdu dawn l-attivitajiet pubbliċi tagħhom mar-riċerka li jkunu qed jagħmlu.  Il-finalisti kollha jsiru parti minn firza globali ta’ komunikaturi tax-xjenza.

Is-serata ta’ FameLab Malta se tkun ippreżentata minn Nathan Brimmer  u d-divertiment ser ikun provdut minn Keith Anthony minn Follow Fish u Chasing Pandora. M’hemmx bżonn booking bil-quddiem. Għal aktar tagħrif dwar FameLab Malta min irid jista jibgħat email.

FameLab masterclass 2014 group photo
Fi tmiem il-workshop, il-finalisti ħadu ritratt tal-grupp mal-għalliem tagħhom, l-espert fil-midja u kommunikazzjoni Quentin Cooper (ċentru), Martha-Marie Gauci u Ingrid Eomois (ċentru) minn The British Council u Dr Owen Falzon (fuq il-lemin nett). 

FameLab master class 1
Uħud mill-finalisti waqt il-workshop ta’ taħriġ f’Għawdex.

Aktar tagħrif dwar FameLab Malta, tistgħu tikkuntattjaw lil Ms Ingrid Eomois fuq 21 22 63 77 jew tibagħtu email.

Għal aktar tagħrif għall-midja tistgħu tikkuntattjaw lil Mr Carmel Bonello fuq 21 24 32 11 jew tibagħtu email.

Dwar FameLab
FameLab twaqqfet fl-2005 minn Cheltenham Festivals bi sħubija ma’ NESTA biex issib u tgħin xjentisti u inġiniera li jafu jikkomunikaw ma’ udjenzi pubbliċi. Mill-2007, grazzi għal sħubija ma’ The British Council, FameLab sar globali, b’kompetizzjonijiet illum jinżammu f’20 pajjiż fl-Ewropa, l-Asja, l-Afrika, u l-iStati Uniti tal-Amerka. Globalment, aktar minn 4,500 riċerkaturi ħadu sehem. Ir-riżultat hu firxa ħajja ta’ xjentisti u inġiniera li jeċċitawk, li jikkomunikaw ma’ udjenzi internazzjonali u bejniethom stess, u jwessgħu l-veduti  ta’ bejniethom dwar xi tfisser li taħdem fix-xjenza f’dan iż-żmien.

Dwar The British Council
The British Council hi l-organizzazzjoni internazzjonali tar-Renju Unit għal relazzjonijiet kulturali u opportunitajiet ta’ edukazzjoni. Huma registered charity, 209131 (l-Ingilterra u Wales) SC037733 (l-iSkozja). Joħolqu opportunitajiet internazzjonali għan-nies tar-Renju Unit u pajjiżi oħra, u jiżviluppaw fiduċja bejniethom madwar id-dinja.

 


 

Il-Malta Digital Games Fund

Il-Malta Digital Games Fund – Tnedija ta’ sejħa ġdida għal proġetti 
30 ta’ April 2014
Takeoff Business Incubator, L-Università ta’ Malta

F’attività li seħħet nhar l-Erbgħa 30 ta' April fit-Takeoff Business Incubator tal-Università ta’ Malta, l-Onor. Dr Owen Bonnici ħabbar it-tnedija tas-sejħa l-ġdida għal proġetti taħt il-Malta Digital Games Fund. L-attività kienet ukoll indirizzata mir-Rettur tal-Università, il-Professur Juanito Camilleri, u mid-Direttur tat-Takeoff Business Incubator, Dr Anton Bartolo. 

Għall-ewwel darba din is-sena, il-Malta Digital Games Fund se jkun qed jikkollabora mat-Takeoff Business Incubator sabiex jipprovdi għajnuna iktar ħolistika lill-benefiċjarji tal-iskema. Il-Ministru Bonnici awgura li din il-kollaborazzjoni tkompli tiftaħ it-triq għal sinerġiji bejn l-entitajiet u l-partijiet kollha involuti fis-settur tal-logħob diġitali. Huwa stqarr ukoll li 'fi spazju ta’ ftit snin biss, il-qasam tal-logħob diġitali kiber u sar parti li tipprometti ħafna fis-settur tal-intrapriżi kreattivi, permezz tal-ħolqien ta’ impjiegi u ftuħ ta’ opportunitajiet ta’ internazzjonalizzazzjoni u innovazzjoni. Il-Gvern qiegħed hawnhekk jirrikonferma l-impenn tiegħu lejn dan is-settur permezz tat-tnedija ta’ dan il-Fond.'

Dan il-Fond, li huwa amministrat mid-Direttorat tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, jikkonsisti f’allokazzjoni mill-Gvern ta’ €100,000 bil-għan li jsostni l-iżvilupp ta’ logħob diġitali minn start-ups u kumpanija żgħar ibbażati f’Malta u li joperaw fil-qasam tal-logħob diġitali.Bħala inizjattiva li tindirizza intrapriżi fl-Ekonomija Kreattiva, l-għan aħħari huwa li l-qasam tal-logħob diġitali jissaħħaħ bħala prodott kulturali u kreattiv li jippromwovi lil Malta bħala hub ta’ kreattività diġitali. 

Il-proġetti magħżula se jkunu mgħejjuna b’sa massimu ta’ €40,000,liema somma tkun mhux iktar minn 75% tal-ispiża tal-proġett. L-għotja tista’ tingħata lil kumpanija tal-logħob diġitali sabiex tiżviluppa logħba diġitali, iġifieri logħba li tintlagħab fuq mobile, tablet, PC, console-downloadable, casual, Flash jew browser/onlajn. Din l-għajnuna hija mistennija ssaħħaħ l-aspetti artistiċi, finanzjarji u tekniċi tal-proġetti. 

Spejjeż eleġibbli għall-għajnuna taħt din l-iskema jinkludu d-disinn, kitba u storyboarding, ħolqien ta’ kontenut u programmar, definizzjoni tal-kunċett viżiv tal-logħba (karattri, sfond), mużika, ħolqien ta’ demo jew ta’ prototype tal-logħba, riċerka u marketing inizjali. Kumpaniji, partnerships u kooperattivi reġistrati f’Malta u li joperaw primarjament fil-qasam tal-logħob, intratteniment, media u ICT huma eleġibbli biex japplikaw.

Is-sejħa għall-proġetti se tkun miftuħa sas-27 ta’ Ġunju 2014, bit-tħabbir tal-proġetti magħżula mistenni li jsir lejn il-bidu ta’ Awwissu. Linji gwida għall-applikanti u applikazzjonijiet jistgħu jiġu iddawnlowdjati minn www.digitalgamesfund.gov.mt jew b’kuntatt mad-Direttorat tal-Kultura b’imejl lill-digitalgamesfund@gov.mt jew bit-telefown fuq 22915073.
 
Se ssir ukoll laqgħa ta’ informazzjoni dwar l-iskema għall-applikanti prospettivi fit-Takeoff Business Incubator fl-Università nhar it-Tnejn 19 ta’ Mejju fis-6pm. L-attendenza hija b’xejn u r-reġistrazzjonijiet huma miftuħa billi jiġi kkuntattjat id-Direttorat tal-Kultura fuq  digitalgamesfund@gov.mt

TakeOff Fund Launched
mix-xellug: Is-Sur Benjamin McClure, il-Manager tat-Takeoff Business Incubator, il-Prof. Juanito Camilleri, ir-Rettur tal-Universitàl-Onor. Dr Owen Bonnici, Is-Sur Caldon Mercieca, mid-Direttorat tal-KulturaDr Anton Bartolo, id-Direttur tat-Takeoff Business Incubator

 


 

L-Ewwel Edizzjoni tal-Postgraduate Prospectus 2014/2015

Introdott kors li jwassal għal Dottorat Professjonali

L-Università ta’ Malta qed toffri numru dejjem jikber ta’ korsijiet postgraduate. Sabiex tkompli ttejjeb il-mod kif tippromwovi dawn il-korsijiet li toffri, l-Università għadha kif niedet l-ewwel edizzjoni tal-Postgraduate Prospectus tagħha għas-sena akkademika 2014/5.

“Li wieħed jiddeċiedi li jibda kors postgraduate huwa pass ieħor importanti fil-vjaġġ tat-tagħlim matul il-ħajja,” qal ir-Rettur tal-Università, il-Professur Juanito Camilleri, fid-daħla ta’ dan il-ktejjeb. Hu kien qed jirreferi għall-mandat ċar li għandha l-Università sabiex kull sena akkademika, iżżid il-varjetà ta’ programmi postgraduate li toffri. Fil-fatt, għall-ewwel darba, l-Università se tibda toffri kors ta’ Dottorat Professjonali. Dan huwa għal studenti li jkunu qed isegwu karrieri professjonali jew dawk fl-industrija. 

Il-Postgraduate Prospectus jinkludi ħarsa ġenerali u l-kwalifiki meħtieġa għal kull kors li qed ikun offrut matul is-sena akkademika li ġejja, li jinkludu varjetà ta’ korsijiet, kemm dawk mgħallma u kif ukoll dawk ibbażati aktar fuq ir-riċerka. Hemm ukoll numru ta’ korsijiet oħra li se jitħabbru aktar 'il quddiem.

Il-programm varjat ta’ studji huwa maħsub sabiex mhux biss jattira 'l dawk li qed itemmu kors Universitarju u li jixtiequ jkomplu jkabbru l-għarfien fil-qasam tagħhom, iżda wkoll dawk li gradwaw numru ta’ snin ilu, u wara perjodu jaħdmu, jixtiequ jerġgħu jkomplu l-istudji tagħhom.Hemm ukoll dawk li jistgħu jagħżlu li jibdew jistudjaw sabiex isaħħu l-esperjenza professjonali tagħhom f’qafas akkademiku.

Il-pubblikazzjoni, li hija kkordinata mill-Uffiċċju tar-Reġistratur, bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet u r-Relazzjonijiet mal-Alumni, tagħti ħarsa wkoll lejn is-servizzi li jeżistu għall-istudenti kollha – kemm dawk attwali u kif ukoll dawk prospettivi. Barra minn hekk tingħata wkoll titwila lejn il-ħajja tal-istudenti meta jkunu fuq il-kampus tal-Università.

Il-Postgraduate Prospectus qiegħed onlajn. Kopji stampati jistgħu jinġabru jew mill-Uffiċċju tal-Admissions & Records, fil-binja tal-Amministrazzjoni, il-kampus fl-Imsida, mill-kampus tal-Belt Valletta, jew mill-kampus f’Għawdex. L-applikazzjonijiet bdew jintlaqgħu onlajn fuq www.um.edu.mt/apply

 


 

Introduzzjoni għal-Liġi dwar l-Edukazzjoni

Malta University Press


Law of Education
Il-panel ta’ dawk li ħadu sehem fid-diskussjoni waqt it-tnedija ta’ An Introduction to the Law of Education, mill-President Emeritus Ugo Mifsud Bonnici, ippubblikat mill-Malta University Press u li ġie mniedi fil-Palazz ta’ San Anton nhar l-1 ta’ April.

mix-xellug: Il-Professur Kevin Aquilina, il-Professur Henry Frendo li ppresieda, u Dr Paul Heywood.


Law of Education
Dr Mifsud Bonnici wara ppreżenta kopja tal-ktieb lill-President George Abela waqt, tista’ tgħid, l-aħħar impenn pubbliku tiegħu bħala Kap tal-Istat qabel ma laħqet warajh il-President Marie-Louise Coleiro Preca.

Dan kien it-tieni ktieb minn Ugo Mifsud Bonnici li ġie ppubblikat mill-Malta University Press. L-ewwel wieħed kien studju dwar il-Liġi Komparattiva fl-2004.

 


 

It-TAKEOFF Business Incubator u t-TAKEOFF Seed Fund Award

L-Onorevoli Evarist Bartolo, Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, illum inawgura it-TAKEOFF Business Incubator tal-Università ta’ Malta filwaqt li l-Onorevoli Christian Cardona, Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar nieda it-TAKEOFF Seed Fund Award. Is-Sur Ben McClure, Maniġer ta’ TAKEOFF u Jarek Bialek, Koordinatur Globali tal-organizzazzjoni intraprenditorjali internazzjonali Startup Weekend, tkellmu dwar il-ħolqien ta’ komunità ta’ start-ups innovattivi f’Malta.

TAKEOFF, li qiegħed f’Dar Ġużeppi Zahra fil-qalba tal-kampus, huwa spazju għall-iżvilupp ta’ start-ups, fejn tingħata għajnuna lill-intraprendituri ġodda biex joħolqu impriżi vijabbli bbażati fuq ideat innovattivi.  L-inkubatur jipprovdi spazji komuni kif ukoll uffiċċji privati għall-ħidma tal-intraprendituri. Fuq kollox dawn jingħataw appoġġ u pariri kummerċjali, kif ukoll għajnuna biex jistabbilixxu kuntatti ma’ persuni essenzjali għall-impriża tagħhom.  L-għan aħħari hu li jitnaqqsu l-ispejjeż u r-riskji għal dawn l-istart-ups ġodda u tiżdied il-probabbiltà li jirnexxu.

Ben McClure qal: “TAKEOFF jipprovdi pakkett ippersonalizzat ta’ benefiċċji u appoġġ lil intraprendituri minn ġewwa u minn barra l-Università. Dan jippermettilhom jittrasformaw l-ideat u l-innovazzjonijiet tagħhom f’impriżi vijabbli u lesti għall-investiment. Nixtieq nistieden lil persuni innovattivi, intraprendituri, mentors u investituri biex jikkuntattjaw lil TAKEOFF ħalli flimkien noħolqu f’Malta komunità attiva għat-tagħlim, kollaborazzjoni, kreattività u ħolqien ta’ imprizi li jirnexxu.”

It-TAKEOFF Seed Fund Award huwa l-ewwel programm ta’ finanzjament f’Malta maħsub biex jappoġġja teknoloġiji u start-ups innovattivi fi stadju inizzjali tal-iżvilupp.  Il-programm għandu l-għan li jwassal ideat innovattivi eqreb lejn il-kummerċjalizzazzjoni u, fuq kollox, li joħloq f’Malta start-ups ġodda b’rati għolja ta’ tkabbir.  L-ammont allokat għall-programm pilota tal-2014, hu ta’ €100,000. Dan se jitqassam lil riċerkaturi u intraprendituri f’għotjiet ta’ bejn €2,500 u €20,000, bl-għan li jgħin il-proċess tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġiji u l-iżvilupp ta’ start-ups innovattivi fi stadju inizzjali, meta huwa l-aktar kritiku u meħtieġ.

It-TAKEOFF Seed Fund Award hija inizjattiva konġunta bejn il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Industrija u Intrapriżi Żgħar (MEIB), u ċ-Ċentru għall-Intraprenditorija u għall-Inkubazzjoni tan-Negozju (CEBI) u it-TAKEOFF Business Incubator, it-tnejn fi ħdan l-Università ta’ Malta.

It-twaqqif tal-inkubatur TAKEOFF ibbenefika minn Fondi Soċjali Ewropej permezz tal-Proġett ESF 1.125 ‘Il-Ħolqien ta’ Qafas għat-Trasferiment ta’ Tagħrif, u Programm ta’ Taħriġ fl-Intraprenditorija Teknoloġika’.

Għal aktar informazzjoni dwar it-TAKEOFF Business Incubator ikuntattja lil:
Ben McClure, Maniġer ta’ TAKEOFF 
Tel. 2340 3608

Għal aktar informazzjoni dwar it-TAKEOFF Seed Fund Award ibgħat email lil:
knowledgetransfer@um.edu.mt

TakeOff

TakeOff

 


 

Preżentazzjoni ta’ Kitbiet ta’ Albert M. Cassola lil-Librerija tal-Università

Fl-okkażjoni tal-40 anniversarju mill-mewt ta’ Albert M. Cassola, l-uniku tifel tiegħu, il-Professur Arnold Cassola, għamel donazzjoni tal-kitbiet ta’ missieru lil-Librerija tal-Università ta’ Malta. Dawn jikkonsistu prinċipalment f’artikli minn gażżetti mill-1929 ’il quddiem, il-pubblikazzjonijiet mill-pinna ta’ Albert M. Cassola li kienu mxerrdin mal-Ewropa kollha kif ukoll diversi testi miktuba bl-idejn jew ittajpjati.

Albert M. Cassola twieled fl-1915 u miet fl-1974. Sena oħra se jkun il-mitt anniversarju mit-twelid tiegħu. Cassola kien drammaturgu, rumanzier, poeta, traduttur kif ukoll l-awtur tal-versi ta’ ħafna kanzunetti. Il-kanzunetti għadhom jixxandru sa llum il-ġurnata.  Ix-xogħlijiet tiegħu ġew ippubblikati f’diversi lingwi. Huwa ngħata l-'Cavaliere Ufficiale al merito della Repubblica Italiana' mill-President Taljan Giuseppe Saragat. Għal ħafna snin huwa kien għalliem tat-Taljan u l-Malti fil-Liċeo l-Ħamrun, u ħafna mill-istudenti li kien jgħallem jiftakruh bħala 'ġentlom ta’ veru'.

Ingħata wkoll lill-Università bust ta’ Albert M. Cassola, xogħol li ġie skolpit fl-1947 mill-Kavallier Emanuel Borg Gauci.

Waqt l-avveniment, Dr Bernard Micallef tkellem dwar id-Dipartiment tal-Malti. Fid-diskors tiegħu, il-Professur Oliver Friggieri ddeskriva lil Albert M. Cassola l-kittieb, filwaqt li l-Professur Arnold Cassola tkellem dwar missieru Albert M. Cassola, il-bniedem. Is-Sur Kevin Ellul, Direttur tas-Servizzi tal-Librerija, irringrazzja lill-Professur Cassola għad-donazzjoni importanti lil-Librerija tal-Università.

Albert Cassola
left to right: Dr Bernard Micallef, Prof. Arnold-Cassola,Mr Kevin-Ellul,Prof. Oliver-Friggieri

Albert Cassola
Professor Juanito Camilleri, Rector looking at the bust of Albert M. Cassola

 


 

It-Tieni Ħarġa tal-Journal of Baroque Studies

The Journal of Baroque Studies
L-Istitut Internazzjonali għall-Istudji tal-Barokk tal-Università ta’ Malta għadu kif nieda t-tieni ħarġa tal-Journal of Baroque Studies. L-editur ta’ dan il-ġurnal akkademiku huwa l-Professur Frans Ciappara. Il-Ġurnal għandu tmien artikli u tliet riċensjonijiet.

Il-Ġurnal jiftaħ b’artiklu ta’ Milena Sabato mill-Università ta’ Salento li jġib l-isem Percorsi di storia della censura. Giulio Cesare Vanini e la Congregazione dell’Indice. Ulrich L. Lehner, minn Marquette University, jiffoka fuq il-kummentarju futurista ta’ Alphonsus Frey, miktub fl-1762, li bassar li d-dinja se tintemm fl-2014. Il-Professur Gregory Woimbée, mill-Università Kattolika ta’ Tolouse, jiddiskuti l-irwol tal-inkwiżitur u r-rappreżentazzjoni tal-poter fl-artiklu L’inquisiteur et la representation du pouvoir.

Żewġ artikli jiffukaw fuq l-irwol u l-impatt tal-ispettaklu fid-dinja Barokka. Fl-artiklu Spettacoli Festivi e Manifestazioni Effimere nella Valletta Barocca, 1566 – 1798, il-Professur Denis De Lucca, direttur tal-Istitut Internazzjonali għall-Istudji tal-Barokk, jikteb dwar l-ispettaklu u l-manifestazzjonijiet effimeri fil-Belt Valletta Barokka. Id-Dottsa. Simona Gatto, mill-Fakultà tal-Arkitettura tal-Università ta’ Catania f’Siracusa tikteb dwar l-ispettaklu f’Messina bejn is-seklu 16 u 18. L-artiklu tagħha jismu Grandiose Feste nella città di Messina tra il XVI e XVIII sec.

Il-Professur Carmel Cassar mill-Università ta’ Malta jikteb dwar 'Palazzo Adriano' fi Sqallija u l-missjoni tal-Ġiżwiti tal-1638 filwaqt li Dott. Francesco Frasca jesplora l-arti trijonfali fil-bastimenti tal-gwerra tal-età Barokka f’artiklu li jġib l-isem L’estetica e la rappresentazione del potere: il Barocco trionfante nella decorazione navale, emblema dell’autorità assolutista, esibizione delle armi e della gloria del Sovrano. William C. McDonald mill-Università ta’ Virginia jikteb dwar il-poeżija Barokka fl-artiklu Lift up your heart’: the poem Sursum Corda by Margaretha Susanne von Kuntsch.

Il-Ġurnal jirifletti l-oqsma ta’ riċerka interdixxiplinari tal-Istitut Internazzjonali għall-Istudji tal-Barokk. Jinbiegħ għall-prezz ta’ €20 fil-ħwienet tal-kotba ewlenin u online.

The fortified port of Messina in the Baroque Age
Il-port iffortifikat ta' Messina fl-età Barokka


The British warship HMS PRINCE in 1670
Il-bastimenti tal-gwerra HMS PRINCE fl-1670

 


 

Mill-Għasel Malti sa Robots Maltin

Think 8 - Cover

Il-verità hija aktar stramba mill-finzjoni. Riċerkaturi fl-Università ta’ Malta qegħdin jiżviluppaw teknoloġiji li ser jgħinu lil robots jitkellmu u jifhmu l-Malti; oħrajn qegħdin ifittxu jekk hemmx ħajja fl-ispazju, jew jużaw id-dubbiena tal-frott biex jifhmu l-mard fil-bniedem, filwaqt li wħud qegħdin jiskopru għalfejn l-għasel lokali huwa distintivament Malti – dan kollu fl-aħħar ħarġa tar-rivista Think.

L-għasel Malti jiġi fi tliet togħmiet. Dawn kollha jiddependu minn liema fjuri n-naħal jieħdu l-ikel. Billi Malta hija gżira, il-kumbinazzjoni tal-fjuri li jikbru hija unika. Din tirriżulta fi tliet tipi differenti ta' għasel b’togħmiet uniċi u proprjetajiet qawwija għas-saħħa.

Hemm artiklu ieħor dwar l-insetti. Id-dubbiena tal-frott ġiet ġenetikament modifikata biex tgħin lix-xjenzati jsiru jafu iżjed dwar l-aktar kawża komuni ġenetika ta' mewt fit-tfal żgħar, marda deġenerattiva newromuskolari magħrufa bħala atrofija muskolari tas-sinsla.

Dr Alessio Magro qiegħed jistu
dja xi ħaġa saħansitra aktar mhix tas-soltu. Huwa żviluppa algoriżmi għall-kompjuter biex ifittex għall-ħajja fl-ispazju. Aqraw ir-rivista biex taraw jekk teżistix ħajja barra mis-sistema solari tagħna.

Wieħed mill-akbar proġetti ta’ riċerka fl-Università huwa minn inġiniera li qed jippruvaw jagħmlu s-sema tagħna aktar nadif u sikur. Tim differenti ta’ xjenzati tal-kompjuters u lingwisti qed jiżviluppaw għodda
sabiex ir-robot tal-futur ikun jikkomunika bil-Malti.

Etnomużikolo
gi qegħdin jistaqsu jekk il-kultura tagħna tifhimx ir-ritmu: tista’ l-mużika tagħmilha ta’ pont bejn il-Libja u Malta? Riċerkaturi oħra qed jaraw kif is-soċjetà titratta t-telfa tal-memorja personali u dik kulturali.

Ir-rivista tagħti vuċi lill-istudenti. John Gabaretta jikteb dwar il-ħtieġa vitali li r-riċerka tiġi kkomunikata lill-pubbliku, sforz li jgħin biex jitjieb l-għarfien ta’ kulħadd dwar ix-xjenza u pajjiżna. Maria Camilleri tgħidilna dwar iż-żjara tagħha lil Facebook f’Dublin u kif din ispiratha biex tirrealizza l-ħtieġa għal aktar innovazzjoni f’Malta. Dan l-aħħar, studju tal-UE dwar l-innovazzjoni poġġa lil Malta ’l isfel ħafna. Ir-riċerka f’Malta għatxana għal aktar investiment. Din ir-riċerka kollha ħierġa mill-Università ta’ Malta.

Ir-rivista Think tista’ tinġabar b’xejn mingħand il-librara madwar Malta u Għawdex u mill-ħwienet tal-kotba tal-Agenda, tinqara fuq Issuu, titniżżel minn hawn [PDF], tiġi segwita fuq Twitter @ThinkUoM jew ‘liked’ fuq Facebook. 


Think 8 - Article

 


 

Kors ta’ M.A. Ġdid fl-Istudji Mediterranji

“Kuntenta li jiena mara li darba żifnet għarwiena fil-Baħar Mediterran f’nofsillejl”; din hi l-immaġni senswali tal-Mediterran li pittret l-attriċi Amerikana Mercedes McCambridge (1916-2004). L-istess ilmijiet li fihom niżlet tgħum għerja McCambridge ċafċfu mal-kosta – sekli qabel – minn fejn ħareġ il-mit tat-twelid ta’ Ewropa u minn fejn, wara, il-kontinent suppost ħa ismu. Il-Mediterran kien u jibqa’ il-qalba importanti fejn jiltaqgħu diversi toroq, inklużi dawk tal-imaġinazzjoni. Kif jista’ wieħed jibda ifittex li jifhem dawn it-toroq?

Il-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta għandha l-pjaċir tħabbar it-tnedija ta’ programm ta’ studju innovattiv: il-kors mgħallem għall-Master of Arts fl-Istudji Mediterranji. L-enfasi f’din l-M.A. se tkun fuq it-tematika: ser tiġi esplorata l-importanza ta’ fenomeni bħall-migrazzjoni, l-urbanizzazzjoni, l-iżolazzjoni, il-konnettività, l-elementi umani u fiżiċi, l-arti u aktar. Din l-M.A. hija maħsuba għal studenti li jfittxu esperjenzi ta’ tagħlim li joffru sfidi; dan imbagħad, jippresta ruħu għal dawk li qegħdin ifittxu karrieri fl-Unjoni Ewropea u fl-affarijiet barranin, fin-negozju, ma’ NGOs u intrapriżi li jikkonċentraw fuq il-Mediterran, u l-bqija. L-istudenti jkunu jistgħu wkoll ikomplu jistudjaw għad-dottorat. Lest biex tidħol għaliha?

Għall-aħħar dettalji ċċekkjaw il-Course Finder tal-Università ta’ Malta (f’Choose area of study agħżel 'Mediterranean Studies'). Tista’ wkoll issegwi l-M.A. fl-Istudji Mediterranji fuq Facebook jew ibgħat email lil Dr Emanuel Buttigieg.

mediterraneanbeer

Fir-ritratt: Il-baħri u l-birra: Mediterranju tipiku? Ritratt © T. Gambin

 


 

Careerplus - Servizz Elettroniku Ġdid

L-Università ta’ Malta qiegħda toffri servizz elettroniku ġdid li se jgħin biex jimla l-vojt bejn l-Università u d-dinja tax-xogħol. Permezz ta’ Careerplus, min iħaddem issa jista’ jippromwovi l-opportunitajiet kemm għax-xogħol kif ukoll għall-placements għal studenti u alumni tal-Università.

Is-sezzjoni tal-Placement Scheme, li hija faċli biex tintuża, ser tgħin biex min iħaddem u jista’ joffri opportunitajiet ta’ placement, jagħmel kuntatt mal-istudenti. Il-placements, li jistgħu jkunu bi ħlas jew mingħajr ħlas, għandhom jipprovdu lill-istudenti bl-opportunità li jqattgħu xi żmien ma’ kumpanija jew istituzzjoni fejn ikunu jistgħu jagħmlu xi xogħolijiet jew isegwu ħaddiema u managers biex hekk ikollhom esperjenza diretta fuq qasam ta’ xogħol partikulari. Dan is-sit huwa sempliċi biex jintuża u l-Università tistenna bil-ħerqa li tirċievi informazzjoni dwar Placements f’kull qasam.

Is-sezzjoni tal-Jobs Connect tas-sit elettroniku Careerplus hija mmirata lejn min iħaddem minn kull qasam. Din ser ittihom l-opportunità li jsibu studenti ta’ talent, impenjati u motivati u gradwati b’ħiliet li jaqblu max-xogħol li jistgħu joffru.

Ladarba l-impjiegi jew placements jittellgħu fuq is-sit, l-istudenti individwali jistgħu japplikaw direttament lil min iħaddem skont kif indikat fl-avviż.

L-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet u r-Relazzjonijiet mal-Alumni, l-Uffiċċju tan-Knowledge Transfer, u DegreePlus huma l-koordinaturi ta’ dan il-proġett. DegreePlus huwa sponsorjat mill-Bank of Valletta.

 


 

Lekċer dwar ‘il-Budaj’ Tqajjem Diskussjoni Mqanqla

Lekċer għall-pubbliku dwar l-għannej ewlieni Frans Baldacchino 'il-Budaj' qajmet diskussjoni mqanqla fost l-udjenza. Il-lekċer saret minn Ms Marced Zahra Sacco fil-Kunsill Lokali taż-Żejtun fit-23 ta’ Jannar 2014 u kienet ibbażata fuq konklużjonijiet ta’ riċerka li għamlet għat-teżi tal-Masters fl-Istudji Maltin. Is-Sur Baldacchino, li ħalliena fl-2009, kien kantawtur, li kiteb poeżiji għall-kanzunetti folkloristiċi li wara kien jinterpreta hu stess. L-istil tiegħu, xi drabi deskritt bħala 'bel canto', wassal għal aċċettazzjoni akbar tal-għana mill-pubbliku saħansitra anke fil-knejjes. Il-kelliema, Ms Zahra Sacco, kienet kisbet aċċess għal diversi manuskritti oriġinali miktuba u kantati mill-Budaj.

Minbarra membri tal-pubbliku ġenerali, il-membri numerużi fl-udjenza kienu jinkludu diversi studenti tal-folklor, il-kultura u l-identità Maltija, kif ukoll numru ta' għannejja minn irħula differenti.

Filwaqt li rringrazzja u feraħ lil Ms Zahra Sacco, mill-Qrendi, li issa hija lekċerer l-MCAST, il-Professur Henry Frendo, Direttur tal-Istitut tal-Istudji Maltin fl-Università ta' Malta, ippreżentaha b’kopja tal-ktieb ta’ Anita Ragonesi, Maltese Folksong 'Għana': A Bibliography and Resource Material' (Malta University Press, 1999).

Il-kelliem li jmiss fil-lekċer għall-pubbliku fis-sensiela tal-Istudji Maltin se jkun is-Sur Noel D’Anastas, gradwat ieħor tal-IMS, li se jitkellem fi Frar fl-annex tat-Teatru Manoel dwar ‘L-Identità Nazzjonali fil-Mużika Popolari Maltija ta’ Bejn is-Snin ’50 u ’70.’  Lekċers oħra fil-ġimgħat li ġejjin se jittrattaw il-produzzjoni tal-għasel Malti, is-sekularizzazzjoni fis-soċjetà Maltija, u kritika tal-memorja kollettiva Maltija.

Budaj Lecture

 


 

Plejer tal-Mużika Kkontrollat mill-Moħħ

Riċerkaturi mill-Università ta’ Malta Jibnu Plejer tal-Mużika Kkontrollat mill-Moħħ

Immaġina tikkontrolla plejer tal-mużika billi sempliċement tħares lejn il-laptop tiegħek.  Inġiniera mid-Dipartiment tal-Inġinerija tas-Sistemi u l-Kontroll u ċ-Ċentru għaċ-Ċibernetika Bijomedika fl-Università ta’ Malta mmexxija mill-Prof. Kenneth Camilleri qegħdin jagħmlu propju dan. Wara li studjaw l-aħjar mod biex jottjenu r-rispons mixtieq mill-moħħ huma ħolqu plejer tal-mużika kkontrollat mill-moħħ, xogħol li kien ippreżentat mill-membru tat-tim Dr Owen Falzon fis-Sitt Konferenza Internazzjonali dwar l-Inġinerija Newrali IEEE/EMBS (6th International IEEE/EMBS Neural Engineering Conference) f’San Diego, California.

Ir-riċerkaturi żviluppaw is-sistema biex itejbu l-ħajja ta’ individwi b’limitazzjonijiet serji fl-abbilità tal-moviment.  Wieħed jista’ jikkontrolla l-plejer tal-mużika billi sempliċement iħares lejn kaxex iteptpu fuq skrin, m’hemm bżonn ta’ ebda azzjoni.  Din it-teknoloġija ta’ interface bejn il-moħħ u l-kompjuter (brain-computer interface BCI) tista’ tkun il-bażi ta’ user interfaces li ħerġin għal smartphones u tablets, kif indikat dan l-aħħar mill-attenzjoni li ngħatat fil-midja mad-dinja kollha lill-iżvilupp ta’ sistemi simili minn Samsung.

Is-sistema taħdem billi taqra l-attività tal-moħħ ta’ min qed jużaha. Il-moħħ jaħdem billi jibgħat sinjali elettriċi; dawn jinqabdu minn elettrodi li jkunu tpoġġew f’pożizzjonijiet speċifiċi fuq il-ġilda tar-ras permezz ta’ proċess magħruf bħala elettroenċefalografija (electroencephalography (EEG).  Wara, dawn ir-reġistrazzjonijiet tal-EEG jintużaw biex jibdlu l-mudelli tal-attività elettrika tal-moħħ f’istruzzjonijiet lill-kompjuter.  Dawn l-istruzzjonijiet jikkontrollaw il-plejer tal-mużika mingħajr il-ħtieġa ta’ moviment fiżiku; min qiegħed jużaha jeħtieġlu biss iħares lejn il-kaxxa korretta.  Mill-mudelli ċerebrali tal-utenti, il-programm jifhem lejn fejn dawn ikunu qed iħarsu, u b'hekk tigi kkontrollata l-plejer tal-muzika.

Is-sistema żviluppata minn Rosanne Zerafa (taħt is-superviżjoni ta’ Dr Tracey Camilleri) taqra mudell ċerebrali uniku msejjaħ steady state visually evoked potentials (SSVEPs). Dan il-mudell jiġri meta persuna tħares lejn dawl li qiegħed iteptep b’ċerta frekwenza bir-riżultat li moħħhom jissinkronizza bl-istess rata.  L-elettrodi jistgħu jaqbdu dan il-mudell. Permezz ta’ kaxex jitfu u jixegħlu bi frekwenzi differenti, li jikkorrispondu għall-buttuna tal-play, il-buttuna ’l fuq u ’l isfel jew żid/naqqas il-volum, is-sistema kapaċi tinduna jekk l-utent jixtieqx jibda kanzunetta ġdida, jaqbeż għal ta’ warajha jew jgħolli l-volum.  L-utent jeħtieġlu biss jiffoka l-attenzjoni tiegħu fuq kaxxa li qed tixgħel u titfi.

Il-plejer tal-mużika hija bbażata fuq disinji tipiċi ta’ smart phone app.  Id-disinn huwa abbinat ma’ kaxex jitfu u jixegħlu biex jiġu attivati l-SSVEPs tal-moħħ u l-kontroll tal-app.  Il-prestazzjoni tal-plejer tal-mużika kienet ittestjata fuq persuni fil-Laboratorju tal-Inġinerija Bijomedika (fl-Università ta’ Malta).  Il-parteċipanti setgħu jikkontrollaw b’mod sikur il-plejer tal-mużika wara li kienet ikkalibrata mal-mudelli ċerebrali tagħhom.

Is-sistema żviluppata hija bbażata fuq applikazzjoni ta’ plejer tal-mużika. L-istess kunċett jista’ jiġi estiż għal applikazzjonijiet varji oħra bħall-kontroll ambjentali jew għejxien assistit u bħalissa qed issir aktar riċerka bil- ħsieb li jsiru dawn l-applikazzjonijiet l-oħra.

Dawn l-istrumenti BCI qed jiġu żviluppati għal nies li għandhom diffikultajiet kbar ta’ moviment, bħal dawk li jbatu b’paraliżi ċerebrali jew mard motor neuron. Meta jsiru aktar komuni dawn jistgħu jirrivoluzzjonaw kif il-bnedmin jinteraġixxu mad-dinja ta’ madwarhom.

Music Player

 


 

 

< Previous 1 Next >

 
 

Log In