L-Università ta' Malta
 

Aħbarijiet 2015
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

Sejħa għall-edizzjoni li jmiss ta' Taħżiż

tahziz4tnedija

Tixtieq tikteb imma għadek ma sibtx l-opportunità ideali għalik? Tixtieq tħaddem il-kreattività tiegħek imma toqgħod lura għax tibża’ minn xi żbalji bażiċi? Mela m’għandekx għax toqgħod lura milli tieħu sehem f’TAĦŻIŻ4, programm ta’ kitba kreattiva li qed jinfetaħ għar-raba’ edizzjoni tiegħu. Dan il-programm iħarreġ żgħażagħ bejn it-18 u t-30 sena fil-kreattività tal-kitba. Is-sejħa għal din l-edizzjoni se tibqa’ miftuħa sal-Ġimgħa, 8 ta’ Jannar 2016. Żgħażagħ ta’ etajiet oħra li huma interessati huma mħeġġa jikkuntattjawna xorta waħda. 

TAĦŻIŻ4 se jkun imqassam tul tliet live-ins, b’pubblikazzjoni u ċertifikat li jingħataw f’tnedija li tittella’ apposta. Matul il-programm se jkun hemm ukoll xi workshops miftuħa għal udjenza magħżula, fosthom żgħażagħ li huma iżgħar minn 18. Il-parteċipazzjoni hi b’xejn, imma jintalab depożitu żgħir li jingħata lura meta l-programm ikun komplut b’suċċess.

Dawk iż-żgħażagħ interessati għandhom jibagħtu lil info.youthmalta@gov.mt jew lil ghaqdatalmalti@gmail.com. L-applikanti għandhom jibagħtu d-dettalji personali (isem u kunjom; data tat-twelid; indirizz postali u elettroniku; u n-nru tat-telephone jew tal-mobile), kif ukoll dawn li ġejjin:
  • interessi oħra minbarra l-kitba;
  • ittra ta’ introduzzjoni u motivazzjoni;
  • CV f’forma ta’ storja qasira ta’ 150 kelma;
  • fotokopja tal-karta tal-ID (quddiem u wara); u
  • poeżija jew storja qasira miktuba riċentament.
L-għażla finali tal-parteċipanti se tkun fid-diskrezzjoni tal-bord li jevalwa l-applikazzjonijiet. ’Il quddiem ikun hemm ukoll laqgħa introduttorja. Dan il-programm huwa miftuħ ukoll għal min diġà attenda, iżda tingħata priorità lil min għadu ma ħax sehem.

Taħżiż huwa programm ta’ empowerment tal-Aġenzija Żgħażagħ, b’kollaborazzjoni tal-Għaqda tal-Malti – Università u l-Fondazzjoni AWL.

Issibu aktar tagħrif fuq Facebook u Wordpress

tahziz4emblema 

 


 

Ċittadini joħolqu viżjonijiet għall-futur tal-Ewropa

cimulact1 

Parteċipanti waqt il-workshop tal-proġett CIMULACT dwar il-viżjonijiet taċ-ċittadini 

L-użu ta' proċess demokratiku, fejn ċittadini jiżviluppaw viżjonijiet għall-futur tal-Ewropa hija waħda mill-għanijiet ta’ CIMULACT, proġett iffinanzjat permezz ta’ Horizon 2020 imwaqqaf b’29 partijiet imsieħba fi 30 pajjiż Ewropew.  Bħala msieħeb f’dan il-proġett, l-Istitut Edward de Bono fl-Università ta’ Malta organizza workshop għal ċittadini nhar il-5 ta’ Diċembru.  Il-Professur Sandra M. Dingli li mexxiet il-workshop qalet: ‘Kienet ħaġa interessanti tara 38 persuna minn kuntesti u etajiet differenti jiddiskutu t-tamiet, beżgħat, ansjetajiet u l-ħolm tagħhom għall-futur u tarahom jikkollaboraw biex jiġġeneraw sitt viżjonijiet għall-futur tal-Ewropa’. Il-Professur Dingli kienet mgħejjuna minn studenti fil-kors ta’ Master fil-Kreattività u Innovazjoni fl-Università ta’ Malta.

Qed isiru workshops simili fi 30 pajjiż Ewropew bl-involviment ta’ ’l fuq minn 1,000 ċittadin.  Minn dan il-proċess parteċipatorju demokratiku se joħorġu total ta’ 180 viżjoni.  Kull viżjoni se tirrifletti t-tamiet u x-xewqat ta’ ċittadini Ewropej għal futur aħjar għalihom infushom u għall-ġenerazzjonijiet tal-futur. 

CIMULACT jingaġġa ċittadini u partijiet interessati biex flimkien joħolqu aġendi ta’ riċerka li jkunu bbażati fuq viżjonijiet, bżonnijiet u talbiet tas-soċjetà.  Fi stadju sussegwenti se jiġu involuti fil-proġett aktar partijiet interessati li jinkludu dawk li jfasslu l-politika, xjenzjati, komunitajiet ta’ riċerka, NGOs, kif ukoll futuristi u żviluppaturi tekniċi.  Permezz ta’ proċess parteċipatorju, jinħoloq djalogu u ftehim komuni fost varjetà ta’ persuni li għandhom interess fit-tiswir tal-futur tal-aġenda għar-riċerka li għandha l-Ewropa. 

cimulact2 

L-għanijiet ta’ dan il-proġett Horizon 2020 joffru sfida u huma pjuttost ambizzjużi.  Dawn jinkludu l-promozzjoni tal-involviment tal-pubbliku sabiex jiġu identifikati xenarji futuri sostenibbli mixtieqa permezz ta’ riċerka u innovazzjoni responsabbli, it-twaqqif ta’ standard ġdid għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku permezz tal-iżvilupp, ittestjar u assessjar ta’ metodi ta’ involviment taċ-ċittadin, u li l-bini tal-futur isir aktar realistiku permezz ta’ konversazzjoni pubblika demokratika u wiesgħa ma’ ċittadini u partijiet interessati oħra.  Għal aktar informazzjoni kkuntattjaw cimulact@um.edu.mt.

Dettalji ta’ Kuntatt:

Il-Professur Sandra M Dingli, L-Istitut Edward de Bono, l-Università ta’ Malta

 


 

Il-Fondazzjoni Alfred Mizzi Toffri Borża ta’ Studju għall-M.A. fl-Istudji tal-Mediterran

Is-Sur Kevin Apap ingħata borża ta’ studju permezz ta’ ċekk ta’ €1,000 mis-Sur Derek Vella, f’isem il-Fondazzjoni Alfred Mizzi. Id-Dekan tal-Fakultà tal-Arti, il-Prof. Dominic Fenech, radd ħajr lill-Fondazzjoni Alfred Mizzi għal dan is-sapport u awgura li entititajiet oħrajn jimxu fuq il-passi ta’ din il-Fondazzjoni billi jgħinu inizjattivi ta’ din ix-xorta li tieħu l-Università ta’ Malta. Min-naħa tiegħu, is-Sur Vella wera s-sodisfazzjon tiegħu u tal-Fondazzjoni li jkunu assoċjati ma’ inizjattiva importanti bħalma hija l-M.A. fl-Istudji Mediterranji mniedi mill-Fakultà tal-Arti. Il-preżentazzjoni saret fil-Librerija tal-istess Fakultà.

Kevin Apap għandu 38 sena. L-ewwel grad universitarju tiegħu kien fil-Business u l-Computing. Wara esperjenza ta’ xogħol imexxi l-Euro-Med Youth Platform www.euromedp.org, huwa ddeċieda li jkompli javvanza fl-istudju tiegħu billi daħal għall-kors M.A. fl-Istudji Mediterranji fil-Fakultà tal-Arti. Kienet ix-xewqa tiegħu li jissokta jwessa l-esperjenza li kiseb mix-xogħol tiegħu fil-Euro-Med Youth Platform – fejn organizzazzjonijiet non-governattivi minn madwar l-Ewropa u l-Mediterran ingħaqdu flimkien f’ambjent ta’ tolleranza u ftehim reċiproku – billi jissokta l-istudji akkademiċi tiegħu fil-qasam imżewwaq tal-Istudji Mediterranji. “L-interazzjoni bejn popli ġejjin minn ambjenti differenti minn dejjem laqtitni”, qal is-Sur Apap, “u jiena nemmen li billi dan l-M.A. fl-Istudji Mediterranji jiffoka sewwasew fuq l-istudju ta’ dan ir-reġjun minn ħafna aspetti, bħalma huma x-Xjenzi Antropoloġiċi, il-Klassiċi u l-Arkeoloġija, il-Ġografija, l-Istorja, ir-Relazzjonijiet Internazzjonali, l-Istudji Orjentali, il-Filosofija u s-Soċjoloġija, l-għarfien tiegħi tal-Mediterran ma jistax ħlief jikber. Fl-esej tiegħi jiena ddeskrivejt xi jfisser għalija l-Mediterran permezz ta’ vjaġġ immaġinarju f’pajjiżi differenti ta’ dan ir-reġjun, nintervista nies mill-pajjiżi differenti billi nistaqsihom xi jfisser għalihom il-Mediterran. Li nista’ ngħid huwa li ninsab kuntent ħafna bid-deċiżjoni li ħadt li wara ħmistax-il sena rġajt lura nistudja l-Università. Inħossni ċert li aktar ma nimxi ’l quddiem f’dan il-qasam l-imħabba tiegħi għall-istudju ta’ dan ir-reġjun se tissokta tikber.”

Il-Fondazzjoni Alfred Mizzi Toffri Borża ta’ Studju għall-M.A. fl-Istudji tal-Mediterran
Mix-xellug għal-lemin: il-Prof. Dominic Fenech, is-Sur Derek Vella, is-Sur Kevin Apap, Dr Emanuel Buttigieg

 


 

Proġett tat-Trasport Kondiviż li Jista’ Jirrispondi għad-Domanda

Proġett tat-Trasport Kondiviż li Jista’ Jirrispondi għad-Domanda 
Shared Demand Responsive Transport Project

L-Università ta’ Malta u l-Fondazzjoni Vodafone Malta nedew proġett ta’ riċerka biex isir prototip u ttestjar ta’ teknoloġija għal Servizzi ta' Trasport Kondiviż li Jista’ Jirrispondi għad-Domanda (Shared Demand Responsive Transport Services). Il-Fondazzjoni Vodafone Malta qiegħda tiffinanzja parzjalment il-proġett permezz tal-Mobile for Good Programme tagħha, li għandu l-għan li jesplora mezzi innovattivi fejn it-teknoloġija ċellulari tista’ twassal għal bidla soċjali.  

Permezz tal-Proġett tat-Trasport Kondiviż li Jista’ Jirrispondi għad-Domanda (Shared Demand Responsive Transport Project), l-Università se tiżviluppa l-prototipi tas-software u l-hardware għal servizz kondiviż esperimentali li jtella’ u jniżżel il-passiġġieri minn fejn għandhom bżonn (pick and drop). Dan se jagħti lir-riċerkaturi l-opportunità li jistudjaw u jiżviluppaw dawn is-servizzi fil-kuntest reali. Dan il-proġett jidher li huwa opportunità għall-Università ta’ Malta u l-Fondazzjoni Vodafone Malta li jkunu pro-attivi u jwasslu azzjonijiet konkreti biex jolqtu waħda mill-kwistjonijiet l-aktar urġenti li l-Gżejjer Maltin qed iħabbtu wiċċhom magħhom bħalissa. Huwa maħsub li s-servizz jikkontribwixxi għat-taħlita ta’ traġitti alternattivi għal individwi, bl-iskop aħħari li titnaqqas id-dipendenza fuq l-użu tal-karozzi privati. Eventwalment dan is-servizz jikkontribwixxi biex inaqqas il-problemi ta’ konġestjoni, ta’ tniġġis u ta’ parkeġġ, filwaqt li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar.

L-Istitut għall-Bidla fil-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli qed jikkoordina dan il-proġett, li huwa mmexxi mill-Professur Maria Attard (Direttur tal-Istitut u akkademiku tad-Dipartiment tal-Ġeografija) u l-Professur Adrian Muscat (mill-Fakultà tal-ICT). Iż-żewġ akkademiċi għandhom esperjenza estensiva fir-riċerka dwar it-trasport u f’dawn l-aħħar snin ikkollaboraw u ppubblikaw riċerka dwar il-kunċett tas-servizzi ta’ trasport kondiviż.

Il-prototip ta’ dan l-iżvilupp teknoloġiku huwa mistenni li jappoġġja s-servizzi li se jkunu qed jiġu studjati u ttestjati madwar il-Kampus tal-Imsida tal-Università ta’ Malta, fejn l-iskala u l-konċentrazzjoni ġeografika għad-domanda għal servizzi bħal dawn huma għoljin. L-istudju għandu wkoll l-għan li juri lill-Università kemm bħala inizjatur u eventwalment bħala eżempju ta’ prattika tajba biex oħrajn isegwu. Ix-xogħol fuq dan il-proġett se jibni fuq l-isforzi eżistenti tal-Green Travel Plan li hija appoġġjata mill-Università.
 
Proġett tat-Trasport Kondiviż li Jista’ Jirrispondi għad-Domanda
Mix-xellug għal-lemin: Il-Prof. Adrian Muscat, il-Prof. Maria Attard, ir-Rettur, il-Prof. Juanito Camilleri mill-Università ta’ Malta, is-Sur Jason Pavia u s-Sa Veronica Nardelli li jirrappreżentaw lill-Fondazzjoni Vodafone Malta.
 
Proġett tat-Trasport Kondiviż li Jista’ Jirrispondi għad-Domanda
It-Tnedija tal-Proġett tas-Sistema tat-Trasport Kondiviż li Jista’ Jirrispondi għad-Domanda. Mix-xellug għal-lemin: Dr Anton Bartolo, il-Prof. Adrian Muscat, il-Prof. Maria Attard, ir-Rettur, il-Prof. Juanito Camilleri jirrappreżentaw l-Università ta’ Malta, is-Sur Jason Pavia, is-Sa Veronica Nardelli u s-Sa Vanessa Camenzuli li jirrappreżentaw lill-Fondazzjoni Vodafone Malta

 


 

Kollaborazzjoni fl-Esperiment ALICE fis-CERN

Memorandum ta’ Ftehim għal kollaborazzjoni fl-Esperiment ALICE fis-CERN u għal Sħubija Assoċjata tal-Università ta’ Malta
Kollaborazzjoni ta’ ’l fuq minn 1500 xjenzjat minn 37 pajjiż madwar id-dinja

Memorandum ta’ Ftehim għal kollaborazzjoni fl-Esperiment ALICE fis-CERN u għal Sħubija Assoċjata tal-Università ta’ Malta
mix-xellug: Il-Professur Juanito Camilleri, Rettur tal-Università ta’ Malta, Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-On. Evarist Bartolo, Dr Paolo Giubellino, Kelliem għall-Kollaborazzjoni ALICE

Memorandum ta’ Ftehim għal kollaborazzjoni fl-Esperiment ALICE fis-CERN, l-Organizzazzjoni Ewropea għar-Riċerka Nukleari, u għal Sħubija Assoċjata tal-Università ta’ Malta, ġie ffirmat minn Dr Paolo Giubellino, Kelliem għall-Kollaborazzjoni ALICE, u l-Professur Juanito Camilleri, Rettur tal-Università ta’ Malta. L-iffirmar sar fil-Kamra tal-Kunsill, il-Bini tal-Amministrazzjoni, il-Kampus tal-Imsida. Din il-kollaborazzjoni, li hi l-aktar waħda riċenti fost sensiela ta' kuntatti bejn is-CERN u l-Università, tinvolvi d-Dipartimenti tax-Xjenza tal-Kompjuter, l-Inġinerija tal-Komunikazzjoni u l-Kompjuters, kif ukoll id-Dipartiment tal-Mikroelettronika u n-Nanoelettronika fil-Fakultà tal-ICT fl-Università ta’ Malta.

L-iffirmar sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-On. Evarist Bartolo, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, l-On. Chris Agius, Dr Giacinto de Cataldo, il-Mexxej tal-Proġett High Momentum Particle Identification, u Dr Pierre Vande Vyvre, Mexxej tal-Proġett O2. Kienu preżenti wkoll il-Mexxejja tat-Tim tal-Università ta’ Malta, Dr Gianluca Valentino u Dr Kevin Vella, kif ukoll riċerkaturi oħra li bħalissa huma involuti fil-kollaborazzjoni, Dr Johann A. Briffa, Dr Keith Bugeja, u l-Professur Edward Gatt.

Il-Large Hadron Collider (LHC) huwa aċċeleratur tal-particelli mill-aktar modern f’għamla ċirkolari, u twil 27 km, li jinsab gewwa CERN ħdejn Ġinevra, l-Isvizzera. L-LHC  jaċċellera u jħabbat faxex ta’ protoni u ta’ ioni (heavy-ion) b’enerġiji li jiksru rekords mondjali sabiex jiġu investigati bir-reqqa l-komponenti fundamentali tal-materja. Dan ippermetta li l-fiżiċi setgħu jikkonfermaw l-eżistenza tal-Higgs boson, hekk kif kien imbassar. Din il-konferma kienet l-aħħar parti nieqsa li permezz tagħha ngħaqdet l-istampa sħiħa tal-iStandard Model, u għal dan ingħata l-Premju Nobel għall-Fiżika fl-2013.

A Large Ion Collider Experiment (ALICE) huwa wieħed mid-detectors tal-fiżika tal-particelli (particle physics detectors) fl-LHC. Bil-kollaborazzjoni ta’ ’l fuq minn 1500 xjenzjat minn 37 pajjiż madwar id-dinja, dan ġie ddisinjat biex ikejjel il-proprjetajiet ta’ particelli prodotti mill-kolliżjonijiet ta’ enerġija għolja, li joħolqu temperaturi kważi 100,000 darba aktar jaħarqu mit-temperatura tal-qalba tax-xemx. Dan kapaċi jerġa’ joħloq il-quark-gluon plasma li kienet teżisti fil-ftit mikrosekondi wara l-bidu tal-Big Bang, u b’hekk jintefa’ dawl fuq il-mekkaniżmu tal-forza qawwija u kif din tirriżulta fil-ġenerazzjoni tal-maġġorparti tal-massa tal-materja ordinarja. Kull ġurnata qed jiġu ġġenerati kważi 100 terabytes ta’ data (20,000 DVDs), li jeħtieġu l-aħħar teknoloġija tal-informatika ta’ prestazzjoni għolja bħall-Worldwide LHC Computing Grid biex tiġi pproċessata u analizzata d-data.

Kuntatt inizzjali bejn is-CERN u l-Università ta' Malta sar fl-1999 minn membru tal-proġett kurrenti, Dr Kevin Vella, f'għamla ta' kollaborazjoni mal-esperiment ATLAS dwar software għal sistemi t'akkwiżizzjoni ta' data. Dr Vella kompla billi mexxa l-partiċipazzjoni ta' Malta fil-proġett EUMEDGRID li kemm is-CERN u l-Università ta' Malta kienu membri fih. Dan il-proġett itratta l-bini ta' infrastruttura reġjonali għall-analiżi ta' kwantitajiet kbar ta' informazzjoni minn esperimenti xjentifiċi bħal dawk ta' madwar il-Large Hadron Collider. Fl-2008 Malta ffirmat ftehim ta' kollaborazzjoni fuq livell nazzjonali mas-CERN, li witta t-triq għal aktar żvilupp f'din ir-relazzjoni.

F’ittra indirizzata lil Dr Paolo Giubellino, il-Professur Juanito Camilleri, Rettur tal-Università ta’ Malta, kien esprima x-xewqa għal sħubija fil-Kollaborazzjoni ALICE. Wara li ngħatat konsiderazzjoni xierqa liIl-kontribuzzjonijiet offruti lil ALICE, il-potenzjal xjentifiku u r-riżorsi umani disponibbli fl-Università ta’ Malta, il-Kollaborazzjoni ALICE laqgħet il-parteċipazzjoni tal-Università ta’ Malta, bħala istituzzjoni ġdida li se tikkollabora.

Bħala Membru Assoċjat tal-Kollaborazzjoni ALICE, il-membri tat-tim jingħataw aċċess għad-dokumentazzjoni u software interni ta’ ALICE; aċċess għal-laqgħat ta’ ALICE; aċċess għad-data xjentifika ta’ ALICE; ċertifikazzjoni għall-użu tal-grid għall-komputazzjoni; kif ukoll sħubija mingħajr vot għall-Bord ta’ Kollaborazzjoni ALICE għall-mexxej tat-tim. L-Università ta’ Malta se tikkontribwixxi għall-High Momentum Particle Identification (HMPID) detector, l-LHC Interface Project u l-O2 upgrade project.

 


 

Ftuħ tas-Sena Akkademika 2015-2016

ħares lejn id-dinja mill-qamar... u agħraf is-sinjali ta’ żminijietna! 

L-Università ta’ Malta dalgħodu fetħet il-bibien tagħha għal studenti ġodda għas-Sena Akkademika 2015-2016. Ir-Rettur, il-Professur Juanito Camilleri, u l-President tal-KSU, Becky Micallef, taw merħba lill-freshers fis-Sala Sir Temi Zammit, waqt li l-University Wind Ensemble taħt id-direzzjoni ta’ Dr Philip Ciantar daqqet intervalli mużikali. Il-Kappillan Fr Michael Bugeja ċċelebra l-Quddiesa tal-Inawgurazzjoni fil-Kappella tal-Università fin-12.30pm.

Fl-ewwel parti tad-diskors tiegħu li jqanqal il-ħsieb, ir-Rettur irrimarka li f’żgħożitu l-unika ħaġa li kien jaħseb li dejjem jista’ jorbot fuqha kien it-temp sajfi ta’ Malta. Issa rrealizza li wieħed jista’ jkun biss ċert mill-bidla.  Huwa qal li filwaqt li din il-bidla tista’ tkun pożittiva, tista’ tkun ukoll distruttiva – kieku kellha tkun ibbażata fuq preġudizzju, opportuniżmu, intolleranza jew saħansitra mibegħda. Ir-Rettur qal li biex nirreżistu din il-kwalità ta’ bidla negattiva għandna bżonn nedukaw irwieħna, infittxu l-verità u dak li hu tajjeb, ibbażat fuq l-għerf, it-tolleranza u l-ekwità.

Meta rrefera għat-tema ta’ din is-sena: ħares lejn id-dinja mill-qamar... u agħraf is-sinjali ta’ żminijietna!, il-Professur Camilleri qal li din kienet konsistenti mal-messaġġi li wassal matul ir-rettorat tiegħu. Hu ġibed l-attenzjoni lejn ir-responsabbiltà li persuna għandha biex tagħmel l-għażliet it-tajba u tisfida dak li jkun sar in-norma.  Huwa stieden lill-istudenti biex jaħsbu lil hinn mill-kuntest li jinsabu fih u jsaħħu viżjoni globali, li jagħrblu b’moħħ miftuħ u b’perspettiva differenti dak li jintqal. Huwa qal li filwaqt li huwa importanti ħafna li wieħed itemm l-università b’numru ta’ ħiliet, dan mhuwiex biżżejjed. Meta rrefera għat-tema tas-sena li għaddiet, ir-Rettur spjega li sabiex jagħmel impatt, wieħed għandu l-ewwel jiskopri lilu nnifsu u dak li jemmen fih, waqt li jfittex li jifhem x’qiegħed jiġri fid-dinja u jagħraf is-sinjali ta’ żminijietna. Huwa inkoraġġixxa lill-istudenti biex imorru ’l barra mix-xtut ta’ Malta u jinterpretaw kif jidher il-pajjiż mill-bogħod.

Meta indirizza lill-istudenti internazzjonali minn 84 pajjiż, il-Professur Camilleri tenna li aħna lkoll ngħixu f’dinja miżgħuda b’opportunitajiet, għażliet, kif ukoll b’theddid jekk nagħmlu l-għażliet il-ħżiena. Huwa qal li baqgħu jitfaċċaw dixxiplini ġodda, skoperti fil-fiżika tal-kwantum tawna perspettivi ġodda dwar kif jaħdmu d-dinja u l-univers, u madankollu, irrimarka r-Rettur, għad fadlilna biex naraw jekk dawn jistgħux ikunu utli fit-twaqqif ta’ demokraziji effettivi.

Ir-Rettur qal li l-mod kif l-ekonomija globali żviluppat fl-aħħar ftit snin ħolqot il-ħtieġa li l-kotba tal-ekonomija jinkitbu mill-ġdid. Huwa tkellem dwar l-impatt tal-bidla fil-klima, id-diżastri naturali, id-degradazzjoni ambjentali, u l-gwerer, waqt li ta’ sikwit striħajna fil-kumdità tas-salotti tagħna nitħassbu meta xi ħadd ieħor – mhux aħna – se jagħmel xi ħaġa dwar dawn il-problemi. Il-Professur Camilleri qal, “Qatt tibżgħu mill-bidla, qatt tieqfu milli ssaqsu minħabba li tibżgħu mir-risposta. Tħallux il-ħajja tgħaddilkom waqt li intom tibqgħu spettaturi … Fittxu li tipparteċipaw, fittxu li timpenjaw ruħkom fittxu li tagħmlu differenza, approfittaw mit-talenti li jżejnukom… u agħmlu dan għall-benefiċċju ta’ dawk ta’ madwarkom…” Ir-Rettur imbagħad ħa lill-udjenza tiegħu fuq vjaġġ immaġinarju lejn sitwazzjoni possibbli fil-futur. Huwa spjega li bir-rata preżenti ta’ tkabbir il-qawwa ta’ komputazzjoni ta’ ċippa se taqbeż dik tal-moħħ tal-bniedem f’bejn għaxar jew għoxrin sena oħra.  Huwa qal li mhix xi ħaġa esaġerata li tħabbar bil-quddiem li probabilment fi żmien il-ħajja tal-freshers ta’ llum, il-qawwa tal-komputazzjoni ta’ microprocessor biż-żmien tkun tista’ titqabbel mal-intelliġenza tal-umanità kollha f’daqqa – id-disa’ biljun jew xi ħaġa hekk tal-bnedmin kollha li jkunu qed jgħixu fid-dinja dak iż-żmien. Huwa qal li b’mod ċar hemm il-favur u l-kontra għal dan kollu, iżda ser issir dejjem aktar pertinenti li nistaqsu lilna nfusna x’inhu dak li jagħmilna bnedmin.  Il-Professur Camilleri qal li din hi r-raġuni għala huwa jemmen b’qalbu kollha fi stil Boemjan ta’ edukazzjoni li ma tkunx utalitarja jew preskrittiva żżejjed, fil-ħtieġa ta’ investiment fl-istudji umanistiċi, fil-kreattività, fl-innovazzjoni bla rażan, f’affarijiet ta’ ġmiel, f’affarijiet li jferrħulna qalbna u jrejqulna ruħna bit-tjubija.

Ir-Rettur irrefera għall-fatt li dawn huma l-aħħar disa’ xhur wara 10 snin li serva bħala Rettur.  Huwa semma li hu kien it-80 rettur fl-istorja ta’ 420 sena tal-Università ta’ Malta. Hawnhekk huwa rringrazzja lill-kollaboraturi kollha tiegħu talli kienu hemm biex jgħinuh imexxi l-Università matul ir-Rettorat tiegħu.  Huwa kkonkluda billi appella lill-komunità ta’ studenti u alumni biex dejjem ikunu kburin bl-Alma Mater tagħhom – jgħożżu l-passat meraviljuż tagħha u jgħinu biex jinbena futur aktar sabiħ.

 


 

Inħobbu x-Xjenza

Think 14

Il-mod kif Facebook jissuġġerixxi l-ħbieb, l-istudji tal-kristalli, ir-raġuni għaliex ir-radjazzjoni mit-telefon ċellulari mhijiex ta’ ħsara għas-saħħa, u minn fejn ġejjin speċi ġodda aljeni - dan kollu huwa riċerka ħierġa mill-Fakultà tax-Xjenza. Ir-rivista Think qiegħda tiċċelebra l-mitt sena mit-twaqqif tal-Fakultà bil-pubblikazzjoni ta’ ħarġa dwar ix-Xjenza. 

Il-Baħar Mediterran qiegħed jisħon. Iż-żieda fit-temperatura qiegħda teqred barrieri termali u b’hekk  speċi ġodda u aljeni jkunu kapaċi jitkattru madwar Malta. Il-Kanal tas-Suez li twessa’ dan l-aħħar żied it-trasport bil-baħar u b’hekk il-problema kompliet tikber. Biex jimmonitorja dan l-ambjent li qiegħed jinbidel, il-Prof. Patrick J. Schembri jagħmel parti minn netwerk mal-Mediterran kollu li qiegħed jistudja nħawi protetti tal-baħar li qegħdin jiġu mhedda.

Aktar minn nofs il-poplu Malti qiegħed juża l-Facebook. Dawn in-nies huma kollha konnessi f’netwerk enormi li tista’ tinftiehem biss bl-użu tad-dixxiplina matematika msejħa Graph Theory. Din il-forma ta’ matematika għandha l-oriġini tagħha fl-1737 meta Leonhard Euler ħoloq deskrizzjoni matematika bbażata fuq il-gżejjer u l-pontijiet ta’ belt. Il-konnessjonijiet tal-midja soċjali permezz ta’  Facebook jibnu netwerks b’mod simili għal kif isir mill-gżejjer u l-pontijiet.

Riċerkaturi fid-Dipartiment tal-Ġeoxjenzi fl-Università ta’ Malta qegħdin jifhmu kemm hi mniġġsa l-arja ta’ Malta u kif il-bidla fil-klima qiegħda taffettwa lill-Mediterran. Dwar is-saħħa tal-bniedem, il-Prof. Charles Sammut u t-tim tiegħu studjaw l-effett tal-antenni tat-telefon ċellulari fuq in-nies mill-2001. Ma nstabu l-ebda effetti ħżiena fuq tul ta’ żmien, u minflok, issa qegħdin jaraw kif ir-radjazzjoni tal-microwave tista’ tgħin fl-identifikazzjoni u l-fejqan tal-mard.

Studji oħrajn juru riċerkaturi Maltin iqiegħdu għall-prova l-akbar esperiment fid-dinja. Dr Marija Cauchi ttestjat l-LHC biex tgħin tipproteġih minnu nnifsu. Minn esperimenti kbar ħafna sa oħrajn ferm iżgħar li joqogħdu f’id waħda, il-grupp ta’ riċerka PEST juża testijiet kontinwi ta’ mutazzjoni biex jgħinu fil-ħolqien ta’ apps għal smart phones u tablets aktar affidabbli b’mod orħos.

L-apps jistgħu jgħinu biex titgħallem lingwa ġdida, iżda mhux kull app tkopri kull ħila meħtieġa għat-tagħlim ta’ lingwa. Veronica Stivala tintervista diversi akkademiċi biex tiskopri jekk hemmx tassew xi app għal dan. Storja oħra relatata mal-lingwa titkellem dwar l-ewwel ktieb tas-studju tal-matematika bil-Malti, Aritmetica Bil-Malti u Bl-Ingliż (1913) miktub minn Tommaso Vella. Vella kiteb il-ktieb bl-istess mod li kienet mitkellma l-lingwa: kultant sentenza tibda bil-Malti u tispicca bl-Ingliż, b’xi ekwazzjonijiet miżjuda.

Il-Ħarġa tax-Xjenza fiha opinjonijiet qawwija minn studenti tal-S-Cubed (is-soċjetà tal-istudenti tax-xjenza), ħafna reċensjonijiet, sezzjoni tad-disinn u ħafna aktar.

Think, ir-rivista ta’ riċerka tal-Università ta’ Malta tista’ tinġabar b’xejn mingħand il-librara madwar Malta u Għawdex u mill-ħwienet tal-kotba tal-Agenda. Issa tista’  tinsab onlajn fuq www.um.edu.mt/think, tinqara fuq Issuu u tiġi wkoll segwita fuq Twitter@ThinkUoM jew ‘liked’ fuq Facebook.

 


 

Laqgħa kommemorattiva fil-100 Anniversarju tal-Ewwel Seduta tal-Bord tal-Fakultà tax-Xjenza

science100year1

L-ewwel seduta tal-Bord tal-Fakultà tax-Xjenza tal-Università ta’ Malta kienet saret fis-17 ta’ Settembru 1915.  Ir-Rettur, Dr Enrico Magro ppresieda dik l-ewwel laqgħa, u l-membri parteċipanti l-oħra kienu: il-Professur W.F. Nixon B.Sc., Arc.Sc. (Professur tal-Matematika), il-Professur Roberto V. Galea L.S.&A. u l-Professur Themistocles Zammit C.M.G., M.D. (Professur tal-Kimika), li aktar tard kien maħtur Dekan.

Il-punt ċentrali taċ-ċelebrazzjonijiet taċ-ċentinarju tal-Fakultà tax-Xjenza hija laqgħa kommemorattiva straordinarja tal-Bord li saret fl-Uffiċċju tar-Rettur fuq il-Kampus tal-Belt Valletta fis-17 ta’ Settembru 2015 fil-1100hrs ta’ filgħodu. 

arithmeticthomasvella 

Minħabba l-importanza u s-sinifikat tal-okkażjoni, il-membri preżenti libsu t-togi akkademiċi waqt il-laqgħa.  Saret introduzzjoni mir-Rettur, il-Professur Juanito Camilleri, u diskors mid-Dekan, il-Professur Charles V. Sammut, preżentazzjoni tal-Minuti tal-Laqgħa tas-17 ta’ Settembru 1915, u preżentazzjoni mill-Professur Stanley Fiorini.  Id-Dekan, il-Professur Charles V. Sammut ikkonkluda billi qara messaġġ mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-On. Evarist Bartolo li ma setax jattendi.  Il-laqgħa ġiet aġġornata għas-17 ta’ Settembru 2025.

Il-minuti oriġinali miktuba bl-idejn kienu għall-wiri, flimkien ma’ kopja rari ħafna tal-ewwel pubblikazzjoni ta’ ktieb tal-iskola dwar ix-xjenza bil-lingwa Maltija.  Il-ktieb huwa volum ta’ 800 paġna bl-isem Aritmetica bil-Malti w bl-Ingliż, miktub minn Tommaso Vella u ppubblikat fl-1913.

facultyofscience_and_rector 


Il-Fakultà tax-Xjenza tkompli twettaq l-irwoli prinċipali tagħha ta’ tagħlim u riċerka billi tipproduċi diversi gradwati eċċellenti Maltin u internazzjonali fix-xjenza u numru dejjem jikber ta’ pubblikazzjonijiet ta’ kalibru għoli dwar ir-riċerka.  Il-Fakultà issa tikkonsisti f’sitt dipartimenti, l-aħħar fosthom id-Dipartiment tal-Ġeoxjenzi li tħabbar uffiċjalment f’din l-okkażjoni.  Dan id-Dipartiment, l-ewwel wieħed tal-Fakultà tax-Xjenza, immexxi minn xjenzjata mara, Dr Pauline Galea, sismologa ewlenija f’Malta, oriġina mid-Dipartiment tal-Fiżika u dak li kien qabel l-Unità tal-Oċeanografija Fiżika.  Il-Fakultà ngħatat 5.6 miljun Euro f’fondi tal-FEŻR  għal sitt proġetti li jinkludu faċilitajiet ta’ laboratorji għall-avangwardja.  Il-laboratorji kollha tar-riċerka tlestew u qed jaħdmu minbarra tnejn li se jkunu lesti f’Diċembru.  

 


 

L-Università tat-Terz Età

L-Università tat-Terz Età, li tifforma parti mil-Università ta’ Malta, se taċċetta applikazzjonijiet minn dawk interessati li jattendu ‘lectures’ fil-programm tal-2015/2016 minn nhar it-Tnejn 14 ta’ Settembru 2015.

Għal din is-sena akkademika, il-‘lectures’ ser isiru mit-Tnejn sal-Ħamis mid-0900hrs sal-1100hrs ta’ filgħodu fiċ-Ċentru tal-Furjana, nhar ta’ Tlieta u l-Ħamis mill-1700hrs sas-1900hrs ta’ filgħaxija fiċ-Ċentru f’Tas-Sliema, nhar ta’ Ħamis mid-0900hrs sal-1100hrs ta’ filgħodu fiċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Kottonera fil-Birġu, nhar ta’ Gimgħa mid-0900hrs sal-1100hrs ta’ filgħodu fiċ-Ċentru ta‘ matul il-jum Għajnsielem Għawdex. Il-Programm jibda nhar it-Tnejn 5 t’Ottubru 2015.

Is-Sena Akkademika 2015-2016 ser tiftaħ b’quddiesa fis-Sala Dun Ġorġ Preca ta’ Istitut Kattoliku l-Furjana, nhar  il-Gimgħa 9 ta’ Ottubru 2015 fid-0900hrs ta’ filgħodu.  

Kull sezzjoni fil-Programm għandha sensiela ta’ 8 ‘lectures’ ta’ sagħtejn li jinkludu:
  • Nutrition and Dietetics for the Elderly (Dr Mario Caruana);
  • Classical and Operatic Music Appreciation (Mr Peter Paul Ciantar); 
  • Il-Politika u s-Socjetà Maltija (Dr Michael Briguglio); 
  • Democracy and Fundamental Human Rights (Dr Austin Bencini); 
  • The Evolution of the EU in the Greek Experience (Prof. Stephen Calleya); 
  • Il-Lingwa Maltija: X’Futur Għandha (Mr Olvin Vella); 
  • Malta and the Order of St. John (Dr E. Buttigieg); 
  • Medieval Arts and Architecture (Dr Charlene Vella); 
  • Ageing: A Sociological Perspective (Prof. Joseph Troisi);  
  • Notarial Issues in Malta (Dr Joe Cilia);
  • La Divina Commedia: A Selection of Cantos with Maltese Explanation (Prof. Joseph Brincat); 
  • Reading the Present Situation in the Light of the Scriptures (Rev. Dr Rene` Camilleri); 
  • Il-Kursari f’Malta (Mr Liam Gauci); 
  • Aspects of Maltese History and Law (Prof. Ray Mangion); 
  • Contemporary Issues in Malta (Rev. Dr Joseph Imgaunez); 
  • Political Philosophy (Prof. Joe Friggieri);
  • Ħarsa Lejn Malta Llum (Prof. Oliver Friggieri); 
  • The Great Siege of Malta (Mr Vincent Zammit); 
  • Maltese Social Artists (Mr John Sare); 
  • The Maltese Legal System (Prof. Kevin Aquilina); 
  • Id-Drama fil-Ħajja Tagħna ta’ Kuljum (Ms Marica Mizzi); 
  • Pension Reform in Malta (Mr Carl Camilleri  Mr Godwin Mifsud); 
  • Introduction to Greek Society (Dr Timothy Gambin); 
  • Physiotherapy for Older Persons (Mr Tonio Agius); 
  • Understanding Dimentia (Mr Anthony Scerri); 
  • Development of Malta’s Fortifications (Mr Vincent Zammit); 
  • Maltese Artists (Dr Charlene Vella)
Formoli biex tinkiteb jistgħu jinġabru u jitħallew fl-uffiċċju tal-U3A fiċ-Ċentru tal-Furjana li jinsab fis-sular t’isfel fl-Istitut Kattoliku l-Furjana, mit-Tnejn sal-Ħamis mid-0900 sal-1100hrs ta’ filgħodu.  
 
Kopja tal-programm tista’ tinkiseb mar-reġistrazzjoni filwaqt li kopja tkun esposta fuq in-‘noticeboard’.

F’każ ta’ xi mistoqsijiet, tistgħu ċċemplu fl-uffiċċju fuq in-numru: 21243202.

 


 

Il-Fondazzjoni ALS Malta u r-RIDT iżidu l-fondi għar-riċerka

L-attività popolari tas-sajf li għadda – l-ALS ice-bucket challenge – għenet biex il-pubbliku jsir aktar konxju mill-marda Amyotrophic Lateral Sclerosis jew kif inhi magħrufa wkoll bħala l-‘motor neuron disease’. In-nies mid-dinja kollha tefgħu barmil ilma kiesaħ silġ fuqhom, ħeġġew lil sħabhom biex jagħmlu l-istess u taw donazzjoni bl-għan li jkun hemm aktar għarfien u jiżdiedu l-fondi għall-ALS.

Il-Fond tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta (RIDT) issa qed jikkollabora mal-Fondazzjoni ALS Malta, inizjattiva li bdieha Bjorn Formosa, intraprenditur ta’ 28 sena li dan l-aħħar sar jaf li hu stess qed ibati minn din il-marda, biex jiżdiedu l-fondi għar-riċerka u għal aktar għarfien fuq din il-marda li taffettwa n-nervituri tal-moħħ u tas-sinsla tad-dahar. 

Dr Ruben Cauchi mid-Dipartiment tal-Fiżjoloġija u l-Bijokimika fl-Università, diġà qed jirriċerka dan is-suġġett u nħatar membru tal-bord tal-Fondazzjoni ALS Malta.

L-Amyotrophic lateral sclerosis jew il-motor neuron disease (MND), terminu li hu aktar komuni f’Malta, hi marda speċifika li biha ċ-ċelloli tan-nervituri jibdew imutu. Din twebbes il-muskoli, iddawwarhom u gradwalment tnaqqas is-saħħa ta’ dak li jkun minħabba dawn in-nuqqasijiet fil-muskoli. B’hekk, l-individwu jsibha diffiċli biex jitkellem, jibla’ u eventwalment biex jieħu n-nifs.

Dr Cauchi qal li, “L-għan tal-programm ta’ riċerka tal-Università ta’ Malta fuq l-MND hu li jiġu mifhuma l-mekkaniżmi tad-diġenerazzjoni tan-nervituri li mill-moħħ iwasslu sax-xewka tad-dahar. B’hekk biss nistgħu nkunu f’pożizzjoni aħjar li nidentifikaw il-miri terapewtiċi għal waħda mill-aktar mardiet katastrofiċi tal-bniedem.” 

Is-Sur Formosa qal li, “Ladarba m’hemmx kura għall-marda tal-ALS, nistgħu niġġildulha biss billi niffukaw fuq ir-riċerka. Barra li toffri għajnuna lill-pazjenti u titlob biex ikun hemm servizzi aħjar, il-Fondazzjoni ALS Malta qed tħeġġeġ lill-pubbliku jibgħat id-donazzjonijiet tiegħu mis-sit www.alsmalta.org/donate. Nilqgħu u napprezzaw kull donazzjoni. Nittama li jkun hemm aktar żviluppi fir-riċerka ħalli l-pazjenti ta’ warajja jkollhom dijanjożi u kura aħjar.” 

Il-Kap Eżekuttiv tar-RIDT, is-Sur Wilfred Kenely, qal li, “Minħabba li l-ALS hi marda rari, it-tim tar-riċerka jħabbat wiċċu ma’ diversi sfidi partikolari u jiddependi ħafna fuq ir-riżorsi finanzjarji. Il-Fond RIDT qed iħeġġeġ lill-pubbliku biex ikun ġeneruż u jgħin fir-riċerka tal-ALS f’Malta. Inħeġġu lill-pubbliku jagħti l-appoġġ tiegħu għal dan il-programm ta’ riċerka, bit-tama li tkun żviluppata kura aħjar għal din il-marda kiefra.” 

Dawk li jixtiequ jagħtu donazzjoni jistgħu jidħlu fis-sit elettroniku tar-RIDT  jew fis-sit tal-Fondazzjoni ALS Malta. Id-donazzjonijiet jistgħu jintbagħtu wkoll fi flus kontanti jew b’ċekk lill-Fondazzjoni ALS Malta, 569 Triq il-Kbira San Ġużepp, Il-Ħamrun, bi trasferiment bankarju jew bil-PayPal.

 


 

L-Ewwel Premju għaċ-Ċentru għall-Mediċina Molekulari u l-Ħażna ta' Kampjuni Bijoloġiċi fl-Università ta' Malta

lauragrech

L-ewwel premju għall-aħjar poster xjentifika fil-konferenza, “HandsOn: Biobanks 2015” kien mirbuħ minn grupp ta' riċerkaturi fil-qasam tat-talassemija u l-emoglobina mill-Malta BioBank / BBMRI.mt li jifforma parti miċ-Ċentru tal-Mediċina Molekulari u l-Biobanking fl-Università ta' Malta. Il-konferenza ġiet organizzata fl-Università ta’ Milan-Bicocca minn BBMRI.it u BBMRI-ERIC* biċ-ċerimonja tal-ftuħ issir ġewwa l-EXPO ta’ Milan. 

Il-poster bit-titlu ta’ “GLOBINBANK: Biobanking Tool for Haemoglobin and Thalassaemia Research” kien ibbażat fuq xogħol ta' Laura Grech, Joseph Borg, Jeremy Cutajar, Jeanesse Scerri, Ruth Galdies, Wilhelmina Cassar, Mary Rose Caruana u Christian Scerri mmexxija mill-Professur Alex E. Felice. Il-poster iddeskriva l-iżvilupp li l-GlobinBank għadda minnu dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena. Il-GlobinBank żviluppa mill-Proġett tat-Talassemija li nbeda b’kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tas-Saħħa u l-Università ta' Malta fl-1989. Kien hemm żewġ punti ewlenin fil-poster. Fost it-trabi tat-twelid fl-Isptar Mater Dei nstabet żieda fil-kwantità ta' bio-indikaturi tal-emoglobina t'oriġini Afrikana u Asjatika. It-tieni punt kien ir-riżultat tar-riċerka tas-Sinjura Grech li wettqet bħala parti mill-istudji tagħha. Dawn l-osservazzjonijiet huma tkomplija tar-riċerka li wasslet għall-iskoperta tal-ġene, KLF1 bħala r-regolatur prinċipali tal-produzzjoni taċ-ċelloli l-ħomor u l-emoglobina (Borg, J. et al. Nat. Genet. 42, 801-805 [2010]). Is-Sinjura Grech għamlet użu minn kampjuni maħżuna fil-Malta BioBank ta’ pazjenti li sa qabel ir-riċerka kienu għadhom mingħajr djanjosi tal-kundizzjoni li jbatu minnha. Filwaqt li kkonfermat numru ta' difetti magħrufa, is-Sinjura Grech identifikat oħrajn ġodda fil-ġene, KLF1. Il-pazjenti b’hekk ibbenefikaw minn djanjosi u terapija. 

Din ir-riċerka tenfasizza l-irwol importanti li l-ħażna tal-kampjuni bijoloġiċi tilgħab fis-servizzi moderni tas-saħħa kif ukoll fl-iżvilupp ta' terapiji ġodda fil-ġlieda kontra mard rari nkluż il-kanċer. Il-banek tal-kampjuni bijoloġiċi jagħtu dimensjoni ġdida lill-FILANTROPIJA. Wieħed jista' jgħin lil ħaddieħor billi jissieħeb fir-riċerka u jagħmel donazzjoni ta' kampjuni u data marbuta mas-saħħa sabiex jiġu skoperti terapiji ġodda. Riċerkaturi mill-Malta BioBank b’kollaborazzjoni m’Universitajiet oħra fi ħdan BBMRI-ERIC qegħdin jesploraw kif jagħtu lill-pazjent irwol iktar ċentrali fir-riċerka. 

*BBMRI-ERIC: Biobanking and BioMolecular resources Research Infrastructure-European Research Infrastructure Consortium 

 


 

Laqgħa Ġenerali u Kumitat Ġdid għall-Għaqda tal-Malti - Università

gmunewcommittee1

Wara sentejn ta’ ħidma sfiqa mill-Kumitat 2013-2015, nhar it-18 ta’ Lulju 2015 saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali f’Dar l-Ewropa. Minbarra li l-laqgħa serviet biex jiġi apprezzat ix-xogħol eċċezzjonali li l-Għaqda wettqet matul is-snin li għaddew, fiha ġie elett kumitat ġdid biex ikompli jaħdem bl-għan li jippromwovi l-Malti u l-oqsma kollha marbuta miegħu. 

Il-Kumitat il-ġdid jixtieq jirringrazzja lill-membri tal-Kumitat preċedenti tal-impenn tagħhom, filwaqt li qed iħares ’il quddiem għal aktar ħidma fis-snin 2015-2017. Dawn huma l-membri maħtura u l-karigi li se jkunu qegħdin jokkupaw: Dr Bernard Micallef (Kap tad-Dipartiment tal-Malti), Dorianne Bonello (President), Dorianne Bartolo (Viċi President), Kit Azzopardi (Segretarju), Alvin Vassallo (Teżorier), Dorothy Bezzina (Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi), Theresa Abdilla, Beverly Agius u Leanne Ellul (membri tal-Kumitat). Il-ħeġġa u l-kwalitajiet diversi ta’ dan il-kumitat żagħżugħ jawguraw tajjeb għal aktar ħidma fis-snin li ġejjin.

gmunewcommittee2 

L-Għaqda tħeġġeġ lil kull min għandu għal qalbu l-għanijiet u l-ħidmiet tagħha, speċjalment fost l-istudenti, sabiex jissieħbu fiha u jagħtu sehemhom. L-applikazzjonijiet, li jistgħu jitniżżlu minn fuq is-sit tal-Għaqda, għandhom jinbagħtu lit-Teżorier fuq:

421, Ave Maria,
Triq San Tumas,
Ħal Tarxien TXN1609

Inħeġġukom issegwu l-Għaqda kontinwament u żżommu kuntatt permezz ta’:
Tistgħu wkoll tibagħtu ittra elettronika fuq ghaqdatalmalti@gmail.com

Sadanittant, l-Għaqda għadha għaddejja bil-ħidma tagħha fuq Leħen il-Malti (Għadd 34), ir-rivista ewlenija tagħha; il-proġett TAĦŻIŻ3, li fih il-parteċipanti jkollhom iċ-ċans jitħarrġu b’mod sħiħ fil-proċess tal-kitba kreattiva; kif ukoll l-inizjattiva Sinteżi, li twaqqfet bl-għan li r-riċerka ta’ studenti universitarji tkun aċċessibbli għall-pubbliku. 

Il-Kumitat jieħu din l-opportunità biex jirringrazzjaw lill-membri, il-kontributuri u s-sostenituri tal-Għaqda għall-appoġġ tagħhom u l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet li torganizza.

 


 

Malta, Franza u l-Gran Brittanja: Imħabba jew mibegħda?

think13 

Bejn l-1798 u l-1800, Malta biddlet il-ħakma tliet darbiet.  Franza Napoleonika ħadet post il-Kavallieri fewdali.  Għall-ewwel il-Maltin laqgħu lill-Franċiżi u mbagħad qajmu rewwixta kontrihom 82 jum biss wara u b’hekk ingħata l-bidu għall-perjodu Britanniku imperjali.  Għaliex dan l-avveniment li seħħ ’il fuq minn mitejn sena ilu wassal biex il-Franċiżi jkollhom reputazzjoni ħażina f’Malta?  B’liema mod ġiet mibdula l-memorja kollettiva Maltija mill-kolonizzazzjoni Britannika?  F’din l-intervista provokattiva mar-rivista THINK, Dr Charles Xuereb jiżvela naħa oħra tal-istorja tal-ħakma Franċiża f’Malta.

Minn memorji kollettivi għall-organu responsabbli għalihom – Cassi Camilleri tikteb dwar kif riċerkaturi fl-Università ta’ Malta qegħdin jużaw it-teknoloġija kumplessa tal-magnetic resonance imaging (MRI) biex jiġi investigat il-moħħ uman.  Dawn qegħdin jistudjaw mħuħ b’saħħithom u oħrajn morda biex finalment itejbu t-trattamenti.

Il-batterji jistgħu jikkaġunaw il-mard, iżda Dr Gabriella Zammit tistudja dawn il-kreaturi fit-tiftix għal kuri ġodda.  L-istudji tagħha sabu batterji jikbru fuq xogħlijiet tal-arti f’tempji antiki Maltin li jistgħu biż-żmien jintużaw biex jiżviluppaw terapiji innovattivi

Filwaqt li l-mediċini jistgħu jwaqqfu l-proċess ta’ marda wara li din tkun bdiet, is-soċjetà għandha tipproteġi l-ambjent tagħha sabiex tgħix b’saħħitha. Terz ta’ gżiritna jinsab mibni, u qed issir ferm aktar diffiċli u importanti li nħarsu l-ambjent. Il-Proġett LifeMedGreenRoof jipprovidilna opportunità li nbiddlu l-ispazji urbani tagħna f’refuġju mħaddar.

Fi storja oħra, Dr Maria Galea qed taħdem bis-sħiħ biex tagħmel impatt qawwi fuq il-ħajja ta’ madwar 400 individwu nieqes mis-smigħ f’Malta.  Hija ħadmet biex tipprovdi qafas loġiku għall-Kitba tas-Sinjali bil-Malti li biha nies neqsin mis-smigħ jistgħu jiktbu poeżiji, rumanzi jew ittri ta’ mħabba fl-ilsien matern tagħhom. (Il-Lingwa tas-Sinjali bil-Malti).

Ix-xogħol tal-Prof. Joseph N. Grima u t-tim tiegħu qed jagħti proprjetajiet awksetiċi (li jitwessgħu meta jiġġebbdu) lill-graphene, il-materjal meraviljuż tas-seklu, li hu irqaq minn lega ta’ bużżieqa tas-sapun u madankollu kważi b’saħħtu daqs djamant.

Ir-rivista hija mimlija bi stejjer oħra minn studenti, membri tal-fakultajiet u alumni dwar it-tlielaq bil-karozzi, l-użi numerużi tal-kimika, u l-Malta Neuroscience Network.  Is-sezzjoni ta’ divertiment tkopri firxa ta’ reċensjonijiet, komik minn Ġorġ Mallia u idea f’mitt kelma biex nibdlu lil Malta.

Think, ir-rivista tal-Università ta’ Malta tista’ tinġabar b’xejn mingħand il-librara madwar Malta u Għawdex u mill-ħwienet tal-kotba tal-Agenda. Issa tista’ tinsab onlajn, tinqara fuq Issuu u tiġi wkoll segwita fuq Twitter @ThinkUoM jew ‘liked’ fuq Facebook.

 


 

Suċċess fl-ewwel sena tal-Programm fl-Arti u x-Xjenzi Liberali fl-Università ta’ Malta

plasgraduates2015

L-ewwel sena akkademika tal-Programm fl-Arti u x-Xjenzi Liberali (PLAS) fl-Università ta’ Malta ġiet fi tmiemha fit-13 ta’ Lulju bit-tqassim taċ-ċertifikati lill-parteċipanti li segwew u temmew b’suċċess diversi Taqsimiet fi ħdan il-Programm.

Sa minn meta tnieda l-Programm f’Ottubru li għadda, 258 persuna mlew aktar minn 400 post f’34 Taqsima (korsijiet qosra) offruti matul is-sena akkademika 2014/5. Is-Certificates of Achievement ġew ippreżentati mill-Professur Joe Friggieri, Pro-Rettur tal-Università, lil 187 student li għażlu li jiġu assessjati u għaddew f’Taqsima waħda jew aktar. Il-kretti miksuba jgħoddu għall-għoti ta’ Ċertifikat, Diploma, Diploma Ogħla u Baċellerat fl-Istudji Liberali, li l-istudenti jisgħu jsegwu bil-pass tagħhom. Parteċipanti oħra segwew b’mod attiv diversi Taqsimiet mingħajr ma ġew assessjati.  

L-età u l-isfond tal-istudenti tal-PLAS huwa varjat ħafna. L-iżgħar student li rċieva ċertifikat għandu 19-il sena filwaqt li l-ikbar wieħed għandu 78. Fost l-istudenti kien hemm professjonisti minn oqsma differenti, nies tan-negozju u oħrajn li jieħdu ħsieb id-dar. Xi wħud diġa’ kisbu lawrji avvanzati filwaqt li għal oħrajn din kienet l-ewwel darba li segwew programm universitarju. Tliet studenti, is-Sa. Karla Grima, is-Sur Chris Borg u s-Sa. Nadya-Anne Mangion, qasmu l-esperjenzi tagħhom ma’ dawk li attendew għaċ-ċerimonja. 

Id-Direttur taċ-Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali, Dr Jean-Paul De Lucca, fisser kif il-Programm tfassal bil-mira li jipprovdi opportunità u flessibiltà biex dak li jkun isegwi edukazzjoni universitarja varjata u ta’ kwalità. “Huwa mudell li jfittex li jpoġġi lil dawk li qed jitgħallmu, u l-ħtiġijiet u l-interessi tagħhom, fiċ-ċentru tal-esperjenza edukattiva,” qal Dr De Lucca. 

Il-Professur Friggieri, Pro-Rettur, esprima s-sodisfazzjon tal-Università għall-bidu mill-aqwa li kellu l-Programm u għall-interess li ntwera fih. Huwa awgura li dawk preżenti  jieħdu korsijiet oħrajn u ħeġġiġhom iħajru lil oħrajn. “Il-qafas li fuqu huwa msejjes dan il-Programm se jkompli jevolvi maż-żmien biex jintegra l-ħtiġijiet ta’ persuni u organizzazzjonijiet,” temm jgħid il-Prof. Friggieri.    

Matul is-sena akkademika li ġejja, iċ-Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali se jkun qed joffri firxa wiesgħa ta’ korsijiet. L-applikazzjonijiet għall-ewwel semestru (Ottubru 2015-Jannar 2016) jibqgħu jintlaqgħu sal-15 ta’ Settembru. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb minn fuq is-sit hawnhekk

 


 

Il-Proġett LifeMedGreenRoof

swallowtailbutterfly 

 

Għaddew kważi sentejn minn meta beda l-proġett LifeMedGreenRoof li qiegħed isir fuq medda ta’ erba’ snin.  Il-proġett mexa ’l quddiem b’pass tajjeb u r-riżultati sa llum kienu nkoraġġanti. L-interess mill-pubbliku kien pożittiv ukoll. Dan ifisser li hemm potenzjal akbar sabiex l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini f’Malta titjieb u jittaffu xi ftit il-problemi relatati maż-żoni urbani.     

L-għan ta’ dan il-proġett hu li jsir studju bażiku dwar il-prestazzjoni tal-bjut imħaddra fi klima xotta Mediterranja bħal dik li nsibu fil-Gżejjer Maltin, u li jinkoraġġixxu l-firxa tat-teknoloġija tal-bjut imħaddra f’Malta.

Matul dawn l-aħħar sentejn ġew identifikati ’l fuq minn 15-il speċi ta’ pjanti indiġeni li kapaci jgħixu u jikbru fuq il-bjut tad-djar.  Il-bjut huma ġeneralment esposti għall-irjieħ u għall-qilla tax-xemx.  Iżda l-użu ta’ dawn il-pjanti indiġeni huwa importanti minħabba li l-pjanti huma adattati biex jikbru u jiżviluppaw fil-klima lokali u jipprovdu kenn għal diversi ħlejjaq  indiġeni.  Il-bjut imħaddra jistgħu, sa ċertu punt, jissostitwixxu l-ambjent naturali li ntilef minħabba il-bini.  Fl-aħħar, il-pjanti indiġeni huma estetikament attraenti daqs il-pjanti eżotiċi.  Madankollu l-pjanti eżotiċi wkoll għandhom l-irwol tagħhom fiż-żoni urbani għax jistgħu jkunu utli u ta’ benefiċċju.

 

 testtrayslifemed

 

L-imsieħba Taljani, Minoprio Analisi e Certificazioni u Fondazione Minoprio, studjaw numru differenti ta’ materjali organiċi u inorganiċi sabiex jistabbilixxu żewġ materjali għat-tkabbir li huma adattati għall-klima lokali.  Sar ukoll stħarriġ fuq skart industrijali lokali li jista’ jintuża bħala parti mill-materjal għat-tkabbir.  Sfortunatament l-ebda materjal ittestjat ma kien adattat.

Fuq il-bejt tal-Fakultà tal-Ambjent Mibni fl-Università ta’ Malta saru testijiet fuq iż-żewġ tipi ta’ materjal għat-tkabbir u l-pjanti magħżula.  Dawn it-testijiet kienu importanti sabiex ikun studjat l-iżvilupp tal-pjanti kif ukoll tal-materjal għat-tkabbir.  Il-pjanti żviluppaw b’success bi ftit manutenzjoni. It-tisqija kienet biss matul is-sajf u twaqfet bejn Ottubru u April.   Matul is-sena l-iżvilupp tal-pjanti ġie studjat bl-użu ta’ ritratti meħuda mill-għoli.

 

stonecropflower 

  

Numru sostanzjali ta’ insetti ta’ benefiċċju instabu jżuru l-pjanti ta’ fuq il-bejt fosthom naħal, brimb u friefet.  F’Ottubru li għadda, numru ta’ xagħat tal-Farfett tal-Fejġel, li huwa farfett endemiku għal Malta, instabu fuq waħda mill-ispeċi ta’ pjanti li qed jitkabbru. Wieħed min dawn il-friefet kien osservat jagħmel l-ewwel titjira tiegħu (ara Facebook tal-5 ta’ Novembru 2014).     

Sar ukoll disinn għall-kostruzzjoni ta’ bejt imħaddar għall-wiri li ser jinbena fuq il-bini tal-Fakultà tal-Ambjent Mibni.  Dan il-ġnien ser ikun miftuħ għall-pubbliku u ser jintuża wkoll għal aktar studji u ricerka dwar il-bjut imħaddra.

Din ir-ricerka hija importanti minħabba li l-bjut imħaddra itaffu l-problemi relatati maż-żoni urbani. Is-suċċess ta’ dan il-proġett ifisser li dawn il-bjut imħaddra jkunu jistgħu jinbnew bl-użu ta’ teknoloġiji ppruvati u ttestjati lokalment. Il-benefiċċji tal-bjut imħaddra jinkludu tnaqqis fil-konsum tal-elettriku minħabba li jnaqqsu l-użu tal-arja kkondizzjonata. Peress li l-materjal tat-tkabbir jaħdem qisu sponża, dan kapaci

honeybeelavender

 jnaqqas l-għargħar lokali billi jassorbi l-ilma tax-xita.  Dan tal-aħħar jibda jiskula għal ġol-katusi bil-mod u fuq perjodu ta’ ħin itwal.  Il-bejt imħaddar joħloq lok għal spazju rikreattiv u għalhekk jgħolli l-valur tal-proprjetà.  Dawn il-bjut jipprovdu wkoll kenn għal diversi ħlejjaq  indiġeni li huma ta’ ġid għall-

bniedem, bħal ma huma n-naħal u l-friefet.  

Fl-aħħar mill-aħħar il-bjut imħaddra għandhom il-potenzjal li jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li jaħdmu u jgħixu f’żoni urbani u kapaċi joħolqu bliet u rħula aktar sostenibbli.  Il-proġett LifeMedGreenRoof jintemm f’Lulju tal-2017.

Dan il-proġett huwa mmaniġġjat mill-Università ta’ Malta u huwa parzjalment iffinanzjat mill-programm tal-UE Life+.  Ir-riżultati kollha ser ikunu ppubblikati sabiex titħeġġeġ il-firxa tat-teknoloġija tal-bjut imħaddra f’pajjiżna.  Għal aktar informzzjoni idħol fil-paġna tal-facebook (hawn) jew fis-sit elettroniku hawnhekk.


 


 

L-International Ocean Institute joffri l-Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borgese 2015

ioiuomlogos 

L-International Ocean Institute (IOI) qiegħed għal darb’oħra joffri l-Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borgese (EMB Bursary) li tikkonsisti f’somma ta’ 3,500 Euro li jistgħu jintużaw biex jitkomplew studji ta’ riċerka fuq perijodu ta’ sena.

Il-Borża ta’ Studju 2015-2016 se tingħata lil persuna waħda jew tim ta’ riċerka wieħed li qed jagħmlu studji/riċerka postgraduate fl-Università ta’ Malta fi studji li għandhom x’jaqsmu mal-oċean, mal-baħar jew mal-qasam marittimu. L-istaff jew l-istudenti għandhom jkunu reġistrati mal-Università ta’ Malta fejn issir ir-riċerka fl-oqsma rilevanti.

Il-Borża ta’ Studju EMB twaqqfet mill-International Ocean Institute bħala mezz biex jintwera rikonoxximent lil Malta bħala l-pajjiż li jospita lill-IOI, u talli jilqa’ l-Kwartieri Ġenerali tal-IOI u jipprovdi l-faċilitajiet għall-istaff u uffiċċji. Il-Borża ta’ Studju tikkostitwixxi wkoll għarfien u rikonoxximent ieħor għall-irwol tal-Prof. E. Mann Borgese, fundatriċi tal-IOI, u għall-kisbiet konsiderevoli tagħha; il-Borża ta’ Studju hija ffinanzjata permezz tal-IOI. Aktar informazzjoni u l-formoli tal-applikazzjoni jistgħu jinkisbu billi tintbagħat emejl lill-Kwartieri Ġenerali tal-IOI fuq ioihq@ioihq.org.mt jew info@ioihq.org.mtId-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija l-Ġimgħa 17 ta’ Lulju 2014.

Min ikun ingħata din il-Borża ta’ Studju għandu, meta jintemm il-perijodu, jippreżenta lill-IOI sommarju/diskors dwar il-kisbiet mir-riċerka ffinanzjata. Dan jista’ jkun eliġibbli biex ikun ippubblikat fl-Ocean Yearbook tal-IOI u jista’ wkoll jifforma l-bażi għal preżentazzjoni pubblika li ssir bħala parti miċ-Ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji tal-Oċean (World Ocean Day Celebration) tal-IOI, fit-8 ta’ Ġunju ta’ wara, jew f’xi okkażjoni oħra meqjusa adattata mill-IOI.

Rebbieħa preċedenti tal-Borża ta’ Studju EMB mill-2010 ħadmu fuq diversi oqsma ta’ riċerka fil-ġeografija, il-ġenetika tal-konservazzjoni, il-liġi marittima u l-inġinerija f’dak li għandu x’jaqsam mal- istudji tal-baħar u dawk marittimi fl-Università ta’ Malta.  Xogħol li sar qabel iffoka fuq Żoni Protetti tal-Baħar f’Malta li dwarhom saru proposti sabiex dawn jiġu mmaniġġjati mill-partijiet interessati; il-ġbir ta’ dejta ġenetika dwar il-murruna b’sitt garġi (bluntnose sixgill shark), Hexanchus griseus, bil-għan li jsir xogħol fuq il-preservazzjoni tal-ispeċi; l-istudju tal-kunċett tal-Istat tal-Iżbark fil-kuntest tal-liġi ta’ migrazzjoni u r-rabta tagħha ma’ prinċipji miġbura fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, studju dwar enerġija minn sorsi li jiġġeddu, b’mod partikulari l-estrazzjoni tal-enerġija mit-thermocline tal-oċean permezz tal-enerġija mir-riħ, u aktar reċenti dwar l-impatt tad-tat-trobbija tat-tonn fuq l-ambjent ta’ qiegħ il-baħar.


Tagħrif Dwar l-Istitut

L-International Ocean Institute twaqqaf fl-1972 minn Elisabeth Mann Borgese bħala istituzzjoni internazzjonali bbażata fuq l-għerf, iddedikata lejn il-governanza sostenibbli tal-oċeani. L-istitut jopera mad-dinja kollha permezz ta’ netwerk kbir ta’ Ċentri Operattivi u Punti Fokali, bil-Gvern ta’ Malta jilqa’ l-Kwartieri Ġenerali tiegħu fil-bini tal-Università ta’ Malta. Il-missjoni tal-International Ocean Institute hija li jippromwovi l-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka biex jitjieb l-użu paċifiku tal-ispazju tal-oċean u r-riżorsi tiegħu, l-immaniġġjar u r-regolamentazzjoni tagħhom kif ukoll il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar, immexxija mill-prinċipju tal-Wirt Komuni tal-Umanità kif miġbura fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Bahar għall-benefiċċju tal-umanità kollha b’konsiderazzjoni partikulari għall-foqra.

Matul is-snin, L-Università ta’ Malta tat importanza kbira lill-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-baħar.  Xogħol akkademiku jinkludi l-oqsma ta’ governanza, liġi u xjenza kif ukoll is-sostenibbiltà u l-edukazzjoni. Barra minn hekk, l-Università tilqa’ l-IMO International Maritime Law Institute, li twaqqaf taħt l-awspiċi tal-International Maritime Organisation, aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti.

Elisabeth Mann Borgese (24 ta’ April, 1918 – 8 ta’ Frar, 2002), waqqfet l-IOI fl-1972.  Arvid Pardo (12 ta’ Frar, 1914 – 19 ta’ Ġunju, 1999) – kollaboratur mill-qrib ta’ Elisabeth Mann Borgese – kien diplomatiku, studjuż, u professur universitarju Malti u magħruf internazzjonalment għax-xogħol tiegħu biex jirriforma l-liġi tal-baħar.  Huwa ppropona li l-qiegħ tal-baħar ikun parti mill-wirt komuni tal-umanità, frażi li tidher f’Artikolu 136 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar.  

MALTA hija l-pajjiż li jospita l-Kwartieri Ġenerali tal-International Ocean Institute.   Bħala stat gżira fiċ-centru tal-Baħar Mediterran hija ghandha storja twila ta’ dipendenza fuq il-baħar kif ukoll tradizzjoni qawwija ta’ xogħol marittimu, tas-sajd u tat-tbaħħir.  Is-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea tobbligaha li żżomm mal-politiki Ewropej marittimi u tas-sajd kif ukoll ma’ konvenzjonijiet u regolamenti applikabbli mad-dinja kollha.

 


 

Sinteżi - Proġett mill-Għaqda tal-Malti

sintezi 

L-inizjattiva Sinteżi twaqqfet bl-għan li r-riċerka ta’ studenti universitarji tkun aċċessibbli għall-pubbliku. Xogħol il-Bord, magħmul minn Kit Azzopardi, Prof. Rena Balzan, André P. Debattista, Leanne Ellul, Dr Adrian Grima, Carlston Grima, Dr Michael Spagnol, Alvin Vassallo, u Clifford Jo Żahra, jinferaq fi tlieta: 

Pubblikazzjoni ta’ teżijiet fuq l-internet

Permezz tas-sit tal-Għaqda, kulħadd għandu l-possibilità li jaċċessa teżijiet interessanti u ta’ kwalità. It-teżijiet ivarjaw bejn dawk ta’ natura lingwistika u oħrajn letterarja. Bi qbil mat-tuturi u l-istudenti li kitbu t-teżijiet, s’issa telgħu it-teżijiet Elementi ta’ Intertestwalità fil-poeżija ta’ Maria Grech Ganado ta’ Romilda Formosa, u Analiżi tad-Diskors Politiku ta’ Christa Boffa; L-Emigrazzjoni fin-Narrattiva Maltija ta’ Colette Seychell se titla’ fil-jiem li ġejjin. 

Għajnuna waqt seminars

Kull sena d-Dipartiment tal-Malti jorganizza seminar sabiex jagħti spazju lill-istudenti jippreżentaw ir-riċerka li jkunu qegħdin jagħmlu fil-livell ta’ Masters. L-Għaqda għenet fil-promozzjoni u fl-organizzazzjoni ta’ dan is-seminar. 

Pubblikazzjoni dwar ir-riċerka

Bi lsienna għad m’għandniex pubblikazzjoni dwar ir-riċerka u l-metodoloġija. Għaldaqstant, l-Għaqda u d-Dipartiment tal-Malti qegħdin jaħdmu sabiex ikollna pubblikazzjoni bil-Malti dwar ir-riċerka li permezz tagħha l-istudenti jsibu għajnuna għall-ewwel teżi tagħhom. Din il-pubblikazzjoni għandha tkun varata waqt tnedija, li d-data tagħha għandha titħabbar iktar ’il quddiem.  

L-Għaqda tal-Malti - Università tirringrazzja lill-Merlin Publishers għad-disinn tal-emblema tal-proġett; u lill-Aġenzija Żgħażagħ, lill-Malta Arts Fund, u lid-Dipartiment tal-Malti tal-għajnuna siewja tagħhom f’dan il-proġett. 

Inħeġġukom iżżuru s-sit tal-Għaqda <www.ghaqdatalmalti.org> minn żmien għal żmien għal aħbarijiet dwar Sinteżi u oqsma oħra li tkun qed taħdem fihom l-Għaqda.

 


 

Inawgurazzjoni ta’ Klinika Dentali mill-Aqwa fir-Residenza San Vinċenz de Paul

Dental Teaching Clinic at St Vincent de Paul Residence
mix-xellug: Dr J. Cutajar CEO ta' SVPR , l-On. Justyne Caruana, ir-Rettur il-Professur J. Camilleri, id-Dekan tal-Fakultà tal-Kirurġija Dentali l-Professur Nikolai Attard
 
Il-Fakultà tal-Kirurġija Dentali fl-Università ta’ Malta, flimkien mal-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, inawguraw Klinika Dentali għat-Tagħlim fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul.
 
Il-ħolqien tal-Klinika kien idea tal-Professur Nikolai Attard, id-Dekan tal-Fakultà tal-Kirurġija Dentali u l-Kap tad-Dipartiment għar-Riabilitazzjoni Orali u l-Kura fil-Komunità (Oral Rehabilitation and Community Care) fl-Università ta’ Malta.  Wara riċerka epidemjoloġika mmexxija mill-Fakultà tal-Kirurġija Dentali dwar l-anzjani f’istituzzjonijiet tal-istat, li tagħmel parti mis-Sondaġġ tas-Saħħa Orali Nazzjonali, il-Professur Attard ħass il-ħtieġa għal Klinika Dentali għat-Tagħlim ta’ dan it-tip.

Id-data tar-riċerka wriet li l-anzjani f’Malta li jgħixu f’residenzi tal-Istat għandhom saħħa orali batuta.  Il-Professur Attard enfasizza li l-anzjanità attiva tista’ tinkiseb biss permezz ta’ kwalità ta’ ħajja tajba flimkien ma’ saħħa orali tajba, u għalhekk kien ċar li l-Fakultà tal-Kirurġija Dentali, bħala parti interessata fil-qasam tas-saħħa orali, għandha tara li tistabbilixxi unità dentali għat-tagħlim fir-residenza San Vinċenz de Paul, flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva.
 
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana qalet li l-klinika dentali hija mgħammra b’kollox, b’apparat aċċessibbli għal pazjenti anzjani, inklużi wheelchair users.  F’din il-klinika ser jiġu offruti servizzi ta’ dentristrija sħiħa fosthom dentistrija preventiva, dentistrija operattiva u endodontics, prostetika dentali li tinqala’ jew fissa, paradontoloġija, servizzi ta’ radjoloġija u kirurġija orali minuri, u mediċina orali. Ovvjament dawn is-servizzi kollha ser ikunu ffukati fil-kuntest tad-dentistrija ġerjatrika peress li l-klijenti tal-klinika ser ikunu l-anzjani.
 
Spjegat kif l-għanijiet prinċipali ta’ dan il-proġett huma li jtejbu s-servizzi dentali għall-anzjani li jgħixu fir-Residenza San Vinċenz de Paul, permezz tal-użu ta’ apparat teknoloġiku avvanzat, fi klinika speċjalizzata mill-aqwa, u billi jiżdied ir-repertorju ta’ servizzi.  Dawn is-servizzi speċjalizzati lill-anzjani ser jiġu estiżi għall-komunità u djar residenzjali oħra u għalhekk San Vincenz ser ikun qed jaqdi l-bżonnijiet ta’ ħafna anzjani fuq bażi nazzjonali.
 
Il-Professur Juanito Camilleri, Rettur tal-Università ta’ Malta, qal li dan il-proġett ikun jista’ joffri appoġġ fl-edukazzjoni u t-taħriġ lill-istudenti kollha tad-dentistrija, li qegħdin jistudjaw id-dixxiplini varji f’dan il-qasam.  Dan jipprovdi ambjent għal taħriġ speċjalizzat fil-kura dentali ġerjatrika li jista’ possibbilment iwassal għal kwalifiki post-graduate.

Il-Professur Attard irringrazzja lil kull min ħadem biex dan il-proġett iseħħ – persuni mill-Ministeru, mis-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, it-tmexxija tal-SVPR, kif ukoll il-ħaddiema kollha u l-fornituri.

Dental Surgery Clinic at SVPR

Dental Surgery Clinic at SVPR

 


 

Imniedi l-Postgraduate Prospectus 2015/6

postgradprospectus2015
L-Università ta’ Malta għadha kif ippubblikat il-Prospectus għas-sena akkademika li jmiss, li fih id-dettalji kollha tal-korsijiet postgraduate li se tkun qed toffri minn Ottubru li ġej.

Għall-pubblikazzjoni ta’ din is-sena nżammu sezzjonijiet li kienu ntlaqgħu tajjeb is-sena l-oħra, bħalma huma d-dettalji u l-kwalifiki meħtieġa għad-dħul f’kull kors, kif ukoll il-ħarsa li kienet ingħatat lejn is-servizzi disponibbli għall-istudenti kollha – kemm dawk attwali kif ukoll dawk prospettivi. 

Barra minn hekk, għall-ewwel darba, l-edizzjoni ta’ din is-sena tinkludi sezzjoni dwar l-areas ta’ riċerka li kull Fakultà/Istitut/Ċentru/Skola toffri f’livell ta’ Dottorat.  Il-Prospectus jindika wkoll il-korsijiet/areas ta’ studju li huma eligibbli taħt il-Malta Enterprise Get Qualified Scheme.

Il-Prospectus jinsab online: www.um.edu.mt/admissions. Kopji stampati jistgħu jinġabru mill-Uffiċċju tal-Admissions and Records, Kampus tal-Imsida u mill-Kampus t’Għawdex. 

Il-pubblikazzjoni hija kkordinata u editjata mill-Uffiċċju tar-Reġistratur, bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni u r-Relazzjonijiet mal-Alumni.

L-applikazzjoni għad-dħul tista’ timtela minn: www.um.edu.mt/apply

L-applikazzjonijiet jagħlqu fit-23 ta’ Lulju 2015.

 


 

L-Analiżi Klinika tal-Mixi u l-Moviment

Id-Dipartiment tal-Inġinerija tas-Sistemi u l-Kontroll u ċ-Ċentru għaċ-Ċibernetika Bijomedika tal-Università ta’ Malta, flimkien mad-Dipartiment tas-Saħħa, iffirmaw ftehim kollaborattiv dwar l-analiżi klinika tal-mixi u l-moviment.  Ir-Rettur, il-Professur Juanito Camilleri, iffirma f’isem l-Università ta’ Malta waqt li s-Segretarju Permanenti s-Sur Joseph Rapa rrappreżenta d-Dipartiment tas-Saħħa, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa l-Onor. Chris Fearne.
 
Il-Laboratorju għall-Inġinerija Bijomedika fl-Università għandu sistema avvanzata ħafna biex tirrekordja u tippermetti l-kejl preċiż tal-moviment tal-bniedem.  Dan għandu ħafna użijiet, li jvarjaw mill-istudju xjentifiku tal-moviment tal-bniedem sa animazzjoni ta’ films u logħob, waqt li applikazzjoni ewlenija għal din il-kollaborazzjoni hija l-assessjar kliniku ta’ pazjenti li jbatu minn problemi relatati mal-moviment.  Sa issa, pazjenti Maltin li jbatu minn numru ta’ kondizzjonijiet newromuskolari kellhom ikunu jiġu assessjati barra minn Malta biex jiġu ppjanati interventi kirurġiċi bl-għan li jtejbu l-mixi ta’ dawn il-pazjenti.

 

 clinicalgaitagreement1

mix-xellug għal-lemin: Mr Chris  Fearne, Prof. Kenneth Camilleri, Ing. Carl Azzopardi  

Permezz tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, id-Dipartiment tas-Saħħa u l-Università ser ikunu involuti fil-ħolqien ta’ kollaborazzjoni trans-dixxiplinarja fil-qasam tal-inġinerija u f’dak kliniku.  Għal dan il-għan l-Università ta’ Malta qed tqiegħed għad-dispożizzjoni l-faċilitajiet u l-kompetenzi tagħha.
 
Il-kollaborazzjoni għandha l-għan li tistabbilixxi eċċellenza fl-analiżi klinika tal-mixi u l-moviment, tipprovdi l-opportunità lill-professjonisti kliniċi mid-Dipartiment tas-Saħħa li jipprattikaw u jiksbu esperjenza fuq sistema avvanzata ħafna li tanalizza l-moviment, u li tipprovdi opportunità lill-professjonisti kliniċi, l-akkademiċi u l-impjegati tekniċi biex jaħdmu flimkien f’tim interdixxiplinarju. Din il-kollaborazzjoni se toħloq possibilitajiet ta’ xogħol fuq proġetti ta’ riċerka interdixxiplinarja li jinvolvu dixxiplini kliniċi u tekniċi, tistabbilixxi data ta’ bażi normattiva għall-popolazzjoni Maltija dwar il-mixi, u tipprovdi analiżi klinika tal-mixi għall-pazjenti indikati medikament li, sa llum, kien jeħtiġilhom isiefru għal dan it-tip ta’ analiżi.

Din l-inizzjattiva, immexxija mill-Prof. Inġ. Kenneth P. Camilleri, kellha appoġġ qawwi mill-Università u twettqet permezz tal-ħidma kontinwa flimkien mal-kirurgu ortopediku, Mr Charles Grixti, konsulent fil-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa.

clinicalgaitagreement2 

mix-xellug għal-lemin: Mr Grixti, Mr Fearne, Mr Rapa, Prof. J. Camilleri, Prof. Ing. K. Camilleri  

 

 clinicalgaitagreement3

mix-xellug għal-lemin: Mr Grixti, Mr Fearne, Mr Rapa, Prof. J. Camilleri, Prof. Ing. K. Camilleri 

 


 

Ċentru għall-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża

Il-Prof. Xu Jianguang, President tal-Università tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża ta’ Shanghai (Shanghai University of Traditional Chinese Medicine – SHUTCM), u l-Prof. Juanito Camilleri, Rettur tal-Università ta’ Malta, illum it-Tlieta 19 ta’ Mejju wara nofsinhar, iffirmaw ftehim storiku bejn iż-żewġ Universitajiet. L-iffirmar sar fis-sala tal-konferenzi tal-Università tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża ta’ Shanghai.

shanghaiuniagreement1

Bħala riżultat ta’ dan il-ftehim, iż-żewġ universitajiet se jniedu programm kollaborattiv ta’ Master fil-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża (Traditional Chinese Medicine – TCM) u l-Kultura fl-Università ta’ Malta. Ser jinfetaħ Ċentru għall-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża fuq il-Kampus tal-Imsida tal-Università ta’ Malta, li se jagħti l-possibilità lil professjonisti fil-qasam tas-saħħa u tal-kura medika li jirreġistraw bħala studenti, biex jiksbu ħiliet fil-prattika klinika tat-TCM biex jikkumplimentaw l-istudji teoretiċi tagħhom. Professuri minn SHUTCM li jipprattikaw fiċ-Ċentru mhux se jkunu involuti biss fit-tagħlim, iżda se jkunu wkoll qegħdin jipprovdu servizzi kliniċi lill-pubbliku ġenerali.

Din hija l-ewwel darba li SHUTCM ingħaqdet ma’ università oħra u nediet kors barra ċ-Ċina, u ċ-Ċentru, immexxi miż-żewġ universitajiet flimkien, ser ikun l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu għal SHUTCM barra ċ-Ċina. 

shanghaiuniagreement2 

Qabel iċ-ċerimonja tal-iffirmar, il-Prof. Xu Jianguang u l-Prof. Juanito Camilleri, spjegaw ix-xogħol preliminarju li sar matul l-aħħar tliet snin biex dan il-ftehim iseħħ. Huma rrikonoxxew ix-xogħol tal-eks Ministru s-Sur Reno Calleja, President tas-Soċjetà ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina li ssuġġerixxa din il-kooperazzjoni fl-2012 lil Madame Zheng Jin, viċi direttur ġenerali tal-Bureau, u wara ffaċilita żjara tar-Rettur u delegazzjoni mill-Università ta’ Malta fl-Università tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża ta’ Shanghai aktar tard dik is-sena. Kemm il-Professur Jinguang kif ukoll il-Professur Camilleri rringrazzjaw lis-Sur Calleja għall-perseveranza kontinwa tiegħu biex jara li dan il-ftehim jirnexxi.

Il-Prof. Camilleri, faħħar ix-xogħol tal-akkademiċi miż-żewġ naħat li fasslu l-programm ta’ Master: il-Professur Alfred Vella, il-Professur Charles Savona Ventura, il-Professur Joseph Cacciattolo u l-Professur Anthony Frendo mill-Università ta’ Malta flimkien mal-kollegi tagħhom minn SHUTCM li kienu strumentali biex dan iseħħ. Huwa rringrazzja wkoll lill-President Xu Jianguang, u l-Viċi-President Hu Hongyi, għall-impenn u t-tmexxija tagħhom biex din il-kooperazzjoni ssir b’suċċess.

F’Mejju tal-2013, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-On. Evarist Bartolo, żar SHUTCM mar-Rettur u s-Sur Calleja biex iwiegħed l-appoġġ tiegħu u jwitti t-triq għal dan il-ftehim.

shanghaiuniagreement3

 


 


 

Daikin ALIVE2015 Challenge

L-isfida bir-roti ta’ Daikin ALIVE2015 kontra l-Kanċer, li bħalissa qed tiġbor fondi għaż-żigarella tad-deheb, iż-żigarella uffiċjali tat-tfal bil-kanċer, organizzat taħdita edukattiva għaċ-ċiklisti u l-istaff kollu. It-taħdita kienet, primarjament, ibbażata fuq tipi ta’ kanċer komuni li jolqtu liż-żgħażagħ u lit-tfal. Il-membri tal-ALIVE ngħataw tagħrif fuq ir-riċerka li qed issir bħalissa dwar il-kanċer f’Malta, u kif se jintużaw il-fondi li jinġabru.

Il-lettur Dr Pierre Schembri Wismayer ta ħarsa lejn il-progress u l-avvanz li qed isir mid-Dipartiment tal-Anatomija fil-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija tal-Università ta’ Malta, b’kollaborazzjoni mal-Isptar Mater Dei.

Dr Schembri Wismayer qal: “Kellna riżultati pożittivi u interessanti ħafna dwar il-lukimja u l-kanċer fl-għadam (osteosarcoma), żewġ tipi ta’ kanċer fit-tfal. Punt partikolari ta’ interess hu li wħud mis-sustanzi kimiċi u l-estratti li ħadmu fuq il-kanċer fid-demm jaħdmu wkoll fuq il-kanċer tal-għadam. Għandna raġuni wkoll biex nemmnu li wħud minn dawn jistgħu jaħdmu wkoll fuq tipi ta’ kanċer fil-moħħ.”

Xi tipi ta’ kanċer (ġeneralment dawk fil-fond tal-intern tal-ġisem, bħall-moħħ u d-demm) ifeġġu b’ċans ta’ mutazzjoni, u għalhekk jistgħu joħorġu kemm f’persuni kbar fl-età kif ukoll f’oħrajn iżgħar. Tipi oħra ta’ kanċer, bħall-kanċer tal-pulmun, tal-imsaren u tal-ġilda, joħorġu minħabba espożizzjoni fit-tul għal elementi li jikkawżaw ħsara lid-DNA, bħar-raġġi UV, it-tipjip jew l-ikel, u għalhekk normalment dawn it-tipi ta’ kanċer joħorġu f’nies akbar fl-età li jkunu qagħdu esposti għal ħafna ħsara matul iż-żmien.

 

daikinalive2015a

Il-Lettur tad-Dipartiment tal-Anatomija Dr Pierre Schembri Wismayer tkellem fuq l-avvanzi fir-riċerka tal-kanċer li qed issir mill-Università ta’ Malta


Il-fondi li qed jinġabru mill-Isfida Daikin ALIVE2015 kontra l-Kanċer, b’kollaborazzjoni ma’ Puttinu Cares, se jintużaw mill-Fond tar-Riċerka tal-Università (RIDT) biex jgħinu student tad-Dottorat jistudja l-effetti tal-aħjar kura li ngħatat lil pazjenti b’tumuri fil-moħħ u b’newroblastoma (kanċer taż-żaqq li joħroġ fit-tfal). Il-kura għandha l-għan li xxejjaħ iċ-ċelloli tal-kanċer ħalli jmutu mingħajr il-ħafna effetti tal-kimoterapija. 

Fit-tim tar-riċerkaturi hemm ukoll il-Kap tad-Dipartiment Dr Jean Calleja Agius, xjentist postdottorali, studenti li qed jagħmlu Ph.D. jew Masters, u numru ta’ studenti tal-ewwel grad li jgħinu fir-riċerka matul ix-xhur tas-sajf.

Nicky Camilleri, il-President tal-Fondazzjoni Filantropika ALIVE qal: “Il-Fondazzjoni Filantropika ALIVE hi l-ewwel organizzazzjoni Maltija li qed tagħti fondi sostanzjali għar-riċerka tal-kanċer f’Malta. Bis-saħħa tax-xogħol u s-sagrifiċċji tal-membri tagħna u l-ġenerożità kbira tal-pubbliku, ir-riċerkaturi Maltin jistgħu jsegwu studji importanti li forsi ma jkunux qed jiġu segwiti internazzjonalment.”

It-taħdita mbagħad kienet segwita b’dibattitu fuq suġġett differenti imma ta’ importanza għaċ-ċiklisti dwar is-sigurtà fit-toroq waqt is-sewqan tar-roti u d-dinamika taċ-ċikliżmu fi gruppi.

L-Isfida taċ-Ċikliżmu kontra l-Kanċer Daikin ALIVE 2015 se ssir bejn id-9 u t-18 ta’ Lulju 2015 u se jieħdu sehem fiha 45 ċiklist se li se jitilqu minn Liechtenstein, u jaqdfu lejn l-Alpi, l-Iżvizzera, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u l-Belġju. Wara li jaqsmu l-English Channel għal Dover, il-maratona se tintemm fir-residenza ta’ Puttinu Cares f’Sutton, l-Ingilterra. 

Għal aktar informazzjoni żur: www.alivecharity.com 

 

dailinalive2015b 

Il-fondi li qed jinġabru mill-Isfida kontra l-Kanċer Daikin ALIVE2015 se jintużaw mir-RIDT għal riċerka fuq il-kura tal-kanċer tat-tfal. Ir-ritratt juri l-kumitat tal-Fondazzjoni Filantropika ALIVE ma’ Dr Pierre Schembri Wismayer u s-Sur Sherif Suleiman (l-ewwel mil-lemin)

 


 

IL-Pubbliku Mistieden fil-Ġonna Botaniċi tal-Argotti mil-Lum

argottiopenweekend3 

Il-Pjanti: Tal-Meravillja!  Kulħadd huwa mistieden jieħu sehem f’attività li qed issir fil-Ġonna Botaniċi tal-Argotti l-Furjana biex tiġi ċċelebrata d-diversità tal-pjanti u l-irwol tagħhom f’ħajjitna.  Il-Ġonna Botaniċi tal-Argotti tal-Università ta’ Malta, li jagħmlu parti mid-Dipartiment tal-Bijoloġija fil-Fakultà tax-Xjenza, mal-UK Society of Biology, mas-Soċjetà tal-Istudenti tax-Xjenza tal-Università (S-Cubed), u mal-MCAST, qed jorganizzaw tmiem il-ġimgħa edukattiv għal studenti sekondarji tal-Bijoloġija u għall-pubbliku bis-suġġett: “Kif il-pjanti jistgħu jbiddlulna ħajjitna” bejn it-17 u d-19 ta’ April 2015. 

Illum l-Onorevoli Evarist Bartolo, Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, fetaħ din l-attività  ta’ Tagħlim fil-Miftuħ.  Wara saret it-tnedija tal-5 temi ta’ ‘Kif il-pjanti jistgħu jbiddlulna ħajjitna’, u aktar tard, l-istudenti jistgħu jżuru l-istands biex jesploraw it-temi mal-għalliema tagħhom. 

Studenti universitarji jkunu qed jgħinu f’din l-attività li llum ser tkun miftuħa għall-publiku bejn is-1.30pm u t-3.30pm. Is-Sibt bejn id-9.00am u l-4.00pm u l-Ħadd bejn id-9.00am u s-1.00pm din l-attività se tkun miftuħa għat-tfal ta’ kull età akkumpanjati minn adulti. Il-familji huma nkoraġġiti li jattendu.

argottiopenweekend1 

Dr Joseph Buhagiar, direttur tal-Ġonna Botaniċi tal-Argotti, mal-Ministru Bartolo

L-attività’ tipprovdi opportunità rari biex wieħed jiskopri xi pjanti mhux tas-soltu u biex jitgħallem il-Bijoloġija barra l-klassi.  Permezz ta’ serje ta’ wirjiet, dimostrazzjonijiet, esperimenti u attivitajiet prattiċi, din l-attività tippromwovi tagħrif aħjar dwar il-pjanti u l-innovazzjonijiet fix-xjenza relatata mal-pjanti.  Diversità tal-Pjanti għal Użu Diversi, Ħxejjex Aromatiċi u Mediċinali, Pjanti u l-Inġinerija, Pjanti u t-Tisfija tal-Ilma tad-Drenaġġ, Pjanti u l-Bidla fil-Klima huma ftit mis-suġġetti li se jkunu investigati.

L-istaff tal-Ġonna Botaniċi tal-Argotti għandhom interess kbir fid-dinja affaxxinanti tal-pjanti u għalhekk jixtiequ jaqsmu l-entużjażmu tagħhom ma’ oħrajn biex jinspiraw liż-żgħażagħ biex jaħsbu dwar il-pjanti b’lenti ġdida.  Kulħadd huwa mistieden biex jingħaqad f’din l-inizzjattiva.

argottiopenweekend2

Għal aktar informazzjoni żur is-sit www.um.edu.mt/argotti jew ikkuntatjawna fuq 21248984 jew argottigardens@um.edu.mt

 


 

Nifhmu l-Mediterran

understandingmediterranean

‘Il-Baħar Mediterran: il-baħar kważi magħluq li jissepara l-Ewropa t’isfel mill-Afrika, magħqud mal-Oċean Atlantiku permezz tal-Istrett ta’ Ġibiltà, mal-Baħar l-Iswed permezz tal-Bosporus, u (mill-1869) mal-Baħar l-Aħmar permezz tal-Kanal tas-Swejz.’ (Oxford English Dictionary). Il-Mediterran kien u jibqa’ l-qalba importanti  fejn jiltaqgħu diversi toroq, inklużi dawk tal-immaġinazzjoni.  Kif jista’ wieħed jibda jfittex li jifhem dawn it-toroq?

Il-kors mgħallem għall-Master of Arts fl-Istudji Mediterranji tal-Fakultà tal-Arti ser jerġa’ jiftaħ f’Ottubru tal-2015.  L-enfasi f’din l-M.A. hija fuq it-tematika: ser tiġi esplorata l-importanza ta’ fenomeni bħall-migrazzjoni, l-urbanizzazzjoni, l-iżolazzjoni, il-konnettività, l-elementi umani u fiżiċi, l-arti u aktar.  Din l-M.A. hija maħsuba għal studenti li jfittxu esperjenzi ta’ tagħlim li joffru sfidi; dan imbagħad, jippresta ruħu għal dawk li qegħdin ifittxu karrieri fl-Unjoni Ewropea u fl-affarijiet barranin, fin-negozju, ma’ NGOs u intrapriżi li jikkonċentraw fuq il-Mediterran, u l-bqija.  L-istudenti jkunu jistgħu wkoll ikomplu jistudjaw għad-dottorat.  Lest biex tidħol għaliha?

Il-Fondazzjoni Alfred Mizzi se toffri borża ta’ studju lil student wieħed li jkun qed isegwi l-kors ta’ Master fl-Istudji tal-Mediterran. Il-borża ta’ studju se tingħata fuq il-bażi ta’ kompetizzjoni ta’ kitba ta’ esej.

Għall-aħħar dettalji ċċekkjaw www.um.edu.mt/arts/MAmediterraneanstudies. Tista’ wkoll issegwi l-M.A. fl-Istudji Mediterranji fuq Facebook www.facebook.com/uom.mamedstudies jew ibgħat email lil Dr Emanuel Buttigieg.

 


 

’Il fuq minn 200 Studjuż tax-Xjenza Domestika (Home Economists) jattendu konferenza lokali

Azzjoni għat-Tisħiħ tal-Familja u tal-Konsumatur

Mill-kompetenza finanzjarja sal-produzzjoni tas-sapun permezz tal-użu ta’ żejt tal-ikel użat; mit-taboos dwar l-ikel waqt it-tqala sa sħubija mal-industrija, dawn huma biss ftit mis-suġġetti li tqajmu l-ġimgħa l-oħra waqt il-konferenza internazzjonali tax-Xjenza Domestika li saret fuq il-Kampus tal-Università ta’ Malta fil-Belt Valletta.

’Il-fuq minn 200 delegat, minn 29 pajjiż inkluża Malta, attendew il-konferenza bit-tema Azzjoni għat-Tisħiħ tal-Familja u tal-Konsumatur: Il-Kompetenza fix-Xjenza Domestika għal Ħiliet Applikabbli fil-Ħajja (Action for Family and Consumer Wellbeing: Home Economics Literacy Bringing Skills to Life). Il-konferenza nfetħet mill-Eċċ. Tagħha l-President Marie Louise Coleiro Preca u ngħalqet mill-On. Chris Agius, Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport.  Tfal mill-Iskola Primarja tal-Belt Valletta laqgħu lid-delegati bil-lingwi tagħhom stess u ħadu sehem f’parata kkulurita bil-bnadar tal-pajjiżi rappreżentati.

 homeeconomicsconf1

homeeconomicsconf4  

Il-konferenza laqqgħet flimkien edukaturi tax-Xjenza Domestika, professjonisti u riċerkaturi li kellhom l-opportunità li jisimgħu preżentazzjonijiet minn għadd magħżul ta’ kelliema magħrufa li jinkludi l-Prof. Isobel Contento, Professur tan-Nutrizzjoni u l-Edukazzjoni, il-Kulleġġ tal-Għalliema, Columbia University, New York, il-Prof. Victoria Thoresen, iċ-Chair tal-UNESCO għall-Edukazzjoni għall-Istili ta’ Ħajja Sostenibbli, Hamar College, in-Norveġja, il-Prof. Donna Pendergast, Dekan tal-Iskola għall-Edukazzjoni u Studji Professjonali, Griffith University, l-Awstralja, il-Prof. Kaija Turkki, Professur tax-Xjenza Domestika, l-Università ta’ Helsinki, il-Finlandja, u Dr Joao Breda, il-Programe Manager għan-Nutrizzjoni, l-Attività Fiżika u l-Obesità, Id-Diviżjoni tal-NCD & Life-course, l-Uffiċċju Reġjonali tal-WHO fl-Ewropa.

L-Università ta’ Malta wkoll kellha rappreżentanza tajba ħafna ta’ kelliema ewlenin lokali u preżentaturi ta’ workshops u fora li kienu jinkludu lill-Prof. Angela Abela, Kap tad-Dipartiment tal-Istudji dwar il-Familja, Dr Karen Mugliett, l-Istudji tan-Nutrizzjoni, il-Familja u l-Konsumatur (NFCS), Dr Margaret Mangion u Shirley Pulis Xerxen, mill-Istitut Edward de Bono għad-Disinn u l-Iżvilupp tal-Ħsieb u Dr Vince Caruana u Cynthia Caruana miċ-Ċentru għall-Edukazzjoni u Riċerka Ambjentali.

homeeconomicsconf2 

Kif titlob in-natura transdixxiplinarja tax-Xjenza Domestika u l-missjoni tagħha li tippromwovi l-benesseri u kwalità ta’ ħajja sostenibbli, il-kelliema varji tkellmu dwar ix-Xjenza Domestika fil-kuntest ta’ kif tippermetti illi jiġu żviluppati kompetenzi multipli bl-għan tat-titjib tal-bniedem kif ukoll li tittejjeb il-ħajja ta’ kuljum.  Huma tkellmu dwar l-edukazzjoni, politiki, azzjonijiet u proġetti li jistgħu jgħinu fil-kisba ta’ dan l-għan, u pprovokaw lil dawk preżenti biex jirriflettu fuq il-prattiki tagħhom personali bħala individwi u professjonisti, u b’hekk jiżguraw illi jilqgħu l-bidla iżda jibbażaw it-tagħlim u s-servizzi tagħhom fuq teoriji u evidenzi sodi.

Id-delegati attendew ukoll għażla ta’ workshops dwar suġġetti bħal problemi tal-konsumatur, finanzi personali, il-promozzjoni ta’ ikel tajjeb għas-saħħa, il-komunikazzjoni ma’ adoloxxenti, metidoloġiji ta’ istruzzjoni u tagħlim attiv u l-kreattività.

Waħda mir-responsabbiltajiet tal-konferenza kienet li din tkun sostenibbli kemm jista’ jkun.  Ġie offrut ikel lokali, frisk, tajjeb għas-saħħa u bbażat fuq ħxejjex; il-basktijiet tal-konferenza, lapsijiet u karti kienu l-biċċa l-kbira magħmula minn materjali ekoloġiċi, u l-pożati u l-kontenituri użati għal-lunches kienu kollha jistgħu jinbidlu f’kompost.

Ġiet organizzata attività paralella fil-21 ta’ Marzu – il-Jum Dinji tax-Xjenza Domestika (World Home Economics Day – WHED) – fi Triq ir-Repubblika l-Belt, Valletta.  Hawnhekk għalliema-studenti fi grad ogħla tal-NFCS waqqfu stand bl-isem Kul Tajjeb, Kun Intelliġenti (Eat Right, Be Bright) fejn sfidaw lin-nies li kienu għaddejjin biex jipparteċipaw f’attivitajiet dwar l-ikel tajjeb għas-saħħa, u offrewlhom snacks u xorb tajbin għas-saħħa.  L-għan kien biex issir pubbliċità lit-tema tal-WHED li hi ‘Naqsmu l-ikel – għażliet sani u sostenibbli’.  Minbarra li rċevew ktejjeb informattiv dwar ix-Xjenza Domestika, l-għajxien sostenibbli u riċetti, il-viżitaturi daqu wkoll cake tal-lumi u l-klin, muffins tal-karrotti u l-qarabagħli, bziezen bil-mili tal-ġbejniet u smoothies ‘ħodor’.  Fis-1.00pm fuq l-istand inġabret ġemgħa mhux ħażin ta’ delegati internazzjonali tal-konferenza li xorbu smoothie tal-frawli bis-saħħa tal-Jum Dinji tax-Xjenza Domestika 2015.

Din il-konferenza internazzjonali kienet avveniment konġunt tal-Uffiċċju tal-NFCS tal-Fakultà tal-Edukazzjoni, l-Università ta’ Malta, il-Federazzjoni Internazzjonali tax-Xjenza Domestika u l-Assoċjazzjoni Ewropea tax-Xjenza Domestika. Din kellha l-appoġġ tal-Ministeru tal-Finanzi, l-MCCAA, l-MTA, l-Università ta’ Malta u l-WasteServ Malta Ltd.  Il-konferenza kienet organizzata minn Dr Suzanne Piscopo.

homeeconomicsconf3 

 

 

 


 

Sħubija fi Proġett Fond Soċjali Ewropew

L-Università ta’ Malta daħlet fi sħab mas-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva fuq proġett iffinanzjat taħt il-Fond Soċjali Ewropew bl-isem ta’ Capacity Builidng in Care for the Elderly and Persons with Disability

Bħala parti minn dan il-proġett, Il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà ser tkun qed torganizza taħriġ għall-infermiera li jaħdmu fir-residenzi ta’ kura għall-persuni anzjani u fil-komunità.  Programmi ta’ tagħlim jimmiraw li jiżviluppaw ftehim avvanzat tal-perspettivi multidixxiplinari dwar l-istudju tal-anzjanità u d-dimenzja, u jikkontribwixxu mhux ftit għall-iżvilupp tal-għarfien dwar il-kura tad-dimenzja u l-prattika fost l-infermiera f’Malta.  Il-parteċipanti fil-programmi tat-taħriġ ser ikunu qed jinagħtaw is-setgħa li jużaw l-akbar potenzjal tagħhom fil-kura soċjali u tas-saħħa ta’ persuni anzjani bid-dimenzja - b’hekk, jiżguraw li persuni anzjani bid-dimenzja jgħixu ħajja dinjituża u li tagħmel sens u li tirispetta d-drittijiet tagħhom bħala ċittadini.  In-numru ta’ persunal li ser ikun imħarreġ sal-aħħar parti tal-proġett jammonta għall-madwar 340.  
 
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Justyne Caruana qalet li t-taħriġ huwa kruċjali għall-kura ta’ kwalità għall-anzjani u persuni b’diżabilità li tinagħtalhom b’diversi faċilitajiet madwar Malta.  Hija qalet li t-taħriġ jimmira li jilħaq l-aktar standards u miżuri riċenti b’tali mod li s-servizzi tagħna jkunu tal-aqwa kwalità.  
 
Dr Caruana spjegat kif it-taħriġ ser jinkludi fih ukoll lekċerers barranin.
 
Il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà ser tkun qed torganizza wkoll taħriġ għall-persuni li jaħdmu fil-qasam tad-diżabilità li jinkludi fih uffiċċjali tas-Servizzi tal-KNPD.  Dan jinkludi fih tagħlim fil-Ħiliet tal-Komunikazzjoni u taħriġ għall-maniġers u assistent-maniġers tal-KNPD u Aġenzija Sapport f’oqsma li jitrattaw is-sitwazzjonijiet diffikultużi; kif ukoll taħriġ għall-Front Line Staff tal-Aġenzija Sapport u Support Workers f’oqsma li jinkludu l-għażla u l-opportunitajiet; approċċi orjentati mal-persuna, konfini professjonali; prattiki ta’ kura u ħiliet u tekniki ta’ komunikazzjoni.  In-numru ta’ persunal li ser jkun imħarreġ sal-aħħar parti tal-proġett huwa madwar 320.
 
L-Università ta’ Malta u s-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva iffirmaw Memorandum of Understanding.

esfprojectpartnership1

 

esfprojectpartnership2

 

esfprojectpartnership4 

 


 

Il-Maratona ta’ Ċikliżmu ALIVE2015

Sfida għall-Kanċer – Timmira għaż-Żigarella tad-Deheb 

Wara s-suċċess taż-żewġ sfidi bir-roti li matulhom inġabru ’l fuq minn €135,000 għar-riċerka fl-Università ta’ Malta fuq il-kanċer tas-sider, il-Fondazzjoni ALIVE se tkun qed tistinka biex tiġbor aktar fondi għaż-żigarella tad-deheb, li hi ż-żigarella uffiċjali tat-tfal bil-kanċer.

Nicky Camilleri, il-President tal-ALIVE Charity Foundation qal, “Din is-sena, wara diversi taħditiet mal-Fond tar-Riċerka (RIDT) tal-Università ta’ Malta u l-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija tal-Università, inħass il-bżonn urġenti li tinbeda r-riċerka fuq żewġ tipi oħra ta’ kanċer komuni f’Malta, speċjalment fit-tfal – il-lukimja u t-tumur tal-moħħ. Għalhekk, l-ALIVE2015, f’kollaborazzjoni ma’ Puttinu Cares, se tkun qed tiġbor il-fondi għaż-żigarella tad-deheb.” 
  
F’konferenza stampa fl-Isptar Mater Dei, li għaliha attendew ukoll il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius, u l-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabilità Robert Cutajar, il-Pro-Rettur għar-Riċerka u l-Innovazzjoni l-Prof. Richard Muscat, il-Lettur Anzjan fi ħdan id-Dipartiment tal-Anatomija Dr Pierre Schembri Wismayer, kif ukoll il-Konsulent Pedjatra u Onkologu Dr Victor Calvagna, li hu l-President tal-Grupp ta’ Appoġġ għat-Tfal bil-Kanċer Puttinu Cares.
  
Dr Calvagna qal li, “L-aktar tipi ta’ kanċer komuni fit-tfal huma dawk akuti – il-leukaemia u l-lymphoma, it-tumuri fil-moħħ, diversi tipi ta’ sarcoma, u t-tumuri tal-embrijuni. Kull sena, il-kanċer f’Malta jaffettwa daqs 10 itfal ta’ taħt l-14-il sena. Terz minnhom jomordu bil-lukimja u terz ieħor jiżviluppalhom tumur fil-moħħ. Għalhekk hu d-dmir ta’ Puttinu Cares li jgħin inizjattivi li jappoġġjaw ir-riċerka fit-trattament ta’ dawn il-kundizzjonijiet u hu l-għan ta’ ALIVE2015 li jiġbor fondi għal din il-kawża.”

Il-maratona ALIVE 2015 - Cycling Challenge for Cancer se tkun mifruxa fuq sebat ijiem - bejn id-9 u t-18 ta’ Lulju 2015 – f’seba’ pajjiżi. Ħamsa u erbgħin (45) ċiklist qed jitħarrġu u jħejju ruħhom, fiżikament u mentalment, għal din il-qadfa iebsa. Il-grupp se jkun qed jaqdef madwar 150km kuljum, mill-Alpi sa Sutton fl-Ingilterra. Ir-rotta tagħhom se jibdewha minn Liechtenstein, imbagħad jaqsmu l-Alpi u l-Iżvizzera, u jibqgħu sejrin il-Ġermanja. Wara li jaqsmu l-Black Forest, ir-reġjun ta’ Alsace fi Franza, u l-Muntanji Vosges, ikomplu jaqdfu għal-Lussemburgu u l-Belġju. Jaqsmu l-Fliegu Ingliż għal Dover, u jtemmu l-isfida tagħhom fir-residenza ta’ Puttinu Cares f’Sutton. 

Sal-lum imtlew 41 post ta’ ċiklist minn 45, u l-attivitajiet tal-ġbir ta’ fondi diġà bdew.  

Il-flus miġbura se jmorru għar-riċerka xjentifika fuq il-kanċer tat-tfal fl-Università ta’ Malta. Dr Pierre Schembri Wismayer se jmexxi din ir-riċerka medika flimkien ma’ tim ta’ riċerkaturi, f’kollaborazzjoni mal-Isptar Mater Dei.

Dr Schembri Wismayer qal li, “Ħafna mir-riċerka li diġà ġiet iffinanzjata mill-isforzi ġenwini tal-ALIVE kienet immirata biex nifhmu aħjar l-isfond ġenetiku tal-kanċer f’Malta u biex naraw kif nistgħu nikkumbattuh l-aħjar. Dis-sena, se jkunu qed jiġbru aktar fondi ħalli tkun tista’ titkompla r-riċerka fuq kif għandna nittrattaw il-kanċer. Nirringrazzjawhom ħafna talli qed jidħlu għal din l-isfida.”

Dr Schembri Wismayer spjega li, “Meta l-kanċer ikun infirex, ikun hemm tliet affarijiet li jistgħu jduru mal-ġisem u jiġġieldu liċ-ċelloli l-ħżiena tiegħu: is-sustanzi kimiċi fid-demm, il-viruses u s-sistema immunitarja tal-ġisem stess. Id-Dipartiment tal-Anatomija jistudja dawn it-tliet metodoloġiji biex jara kif jista’ jilħaq l-aħjar u jeqred il-kanċer, b’mod speċjali fiż-żgħażagħ u t-tfal żgħar. It-terapija differenzjali tuża kimiċi li mhumiex tossiċi biex bihom iġġiegħel iċ-ċelloli tal-kanċer jixjieħu u jmutu, filwaqt li tuża viruses siguri u s-sistema immunitarja tal-ġisem flimkien tista’ tgħin biex tattakka kanċer li jkun infirex u li ma jitfejjaqx b’operazzjoni.”

Il-Professur Richard Muscat qal li, “Għat-tielet darba, il-membri tal-Fondazzjoni ALIVE se jkunu qed jipprovdu sors ġdid ta’ fondi għar-riċerka fl-Università tagħna. L-Università ta’ Malta teħtieġ li twessa’ r-riċerka xjentifika tagħha fuq il-kanċer tat-tfal. Inizjattivi privati, bħal dawn tal-ALIVE2015, bla dubju ta’ xejn huma tajbin ħafna u ta’ min ifaħħarhom. Nittamaw li jservu ta’ eżempju għal oħrajn ħalli jagħmlu bħalhom u nkunu nistgħu nkomplu nespandu l-ħiliet tar-riċerka tagħna.”

L-inizjattiva ALIVE2015 – Cycling Challenge for Cancer qed tiġi megħjuna mill-Valletta Cruise Port, Made Good, Wurth and Garmin u qed tiġi ssussidjata minn Owner's Best, Ricetti, Pavi Supermarkets, Springbox media. 

 

alive2015research1

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca tiddiskuti punt ma’ Dr Pierre Schembri Wismayer (it-tieni mix-xellug), u l-kumitat organizzattiv ta’ ALIVE fil-preżenza ta’ Dr Victor Calvagna (it-tieni mil-lemin) u l-Kap Eżekuttiv ta’ RIDT Wilfred Kenely (l-ewwel mil-lemin)

 

alive2015research2 

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca flimkien maċ-ciklisti ta’ ALIVE Charity Foundation

 

alive2015research3 

Il-Lettur Anzjan fi ħdan id-Dipartiment tal-Anatomija Dr Pierre Schembri Wismayer jelenka l-istudji li qed isiru fl-Universita’ ta’ Malta matul it-tnedija ta’  ALIVE 2015 – Cycling Challenge for Cancer

 


 

Iffirmat ftehim bejn Hospice Malta u l-Università ta' Malta

Hospice Malta u l-Università ta’ Malta ffirmaw ftehim ta’ kollaborazzjoni fir-rigward taċ-Ċertifikat Ewropew fil-Kura Paljattiva (ECEPC). Hospice Malta, NGO li ilha ħamsa u għoxrin sena taħdem fil-qasam tal-kura paljattiva, ilha torganizza l-kors tal-ECEPC f’Malta għal dawn l-aħħar tlett snin. 

Mifrux fuq xahrejn (Settembru-Novembru), dan il-kors intensiv huwa maħsub għal tobba u infirmiera li jixtiequ jtejbu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom fil-kura paljattiva. L-istudenti jingħataw ir-riżorsi kollha meħtieġa u jiġu eżaminati fi tmiem il-kors, li jsir bi sħab ma’ Princess Alice Hospice ta’ Esher, l-Ingilterra. Sal-lum, aktar minn ħamsin professjonist temmew il-kors b’suċċess. 

Permezz tal-ftehim ta’ kollaborazzjoni, li ġie ffirmat waqt attività organizzata minn Hospice Malta nhar il-Ħamis 12 ta’ Frar, il-kors tal-ECEPC issa se jkun akkreditat mill-Università bħala parti mill-Programm fl-Arti u x-Xjenzi Liberali (PLAS). Il-ftehim ġie ffirmat mill-Professur Juanito Camilleri (Rettur) u Dr Jean-Paul De Lucca (Direttur taċ-Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali), f’isem l-Università ta’ Malta, u mis-Sa Lora Cascun (Chairperson) u Dr Vincent Zammit (Chair, Kumitat Edukazzjoni), f’isem Hospice Malta.  

Iċ-ċerimonja tal-iffirmar tal-ftehim kienet segwita mill-preżentazzjoni taċ-ċertifikati lil sbatax-il professjonist li temmew il-kors fl-2014. F’kummenti dwar l-esperjenza tagħhom huma fissru li “l-faċilitaturi dejjem taw appoġġ u l-kors kien organizzat tajjeb” u sostnew li kienu “ħerqana biex dan jitwettaq bl-aħjar mod fil-prattika mal-klijenti”.

Il-kors li jmiss se jibda f’Settembru 2015 u aktar tagħrif jista’ jinkiseb minn certificate@hospicemalta.org. Il-kors jattira interess qawwi u l-postijiet huma limitati. Tagħrif dwar PLAS jinsab fuq www.um.edu.mt/clas


hospiceuom1

L-iffirmar tal-Ftehim ta’ Kollaborazzjoni mill-Professur Juanito Camilleri (Rettur) u s-Sa Lora Cascun (Chairperson, Hospice Malta)

 

hospiceuom2

Ir-Rettur jippreżenta ċ-ċertifikat tal-PLAS lil wieħed mill-kandidati 

 

hospiceuom3 

Studenti li rċevew iċ-ċertifikat flimkien mas-Sur Edgar Preca (Patrun ta’ Hospice Malta), is-Sa Lora Cascun (Chairperson, Hospice Malta), Dr Vincent Zammit (Chair, Education Committee, Hospice Malta), il-Professur Juanito Camilleri (Rettur), Dr Jean-Paul De Lucca (Direttur taċ-Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali), Dr Jurgen Abela (Koordinatur, ECEPC) u l-Professur Joseph M. Cacciattolo

 


 

L-Università Tirrikonoxxi Alumni Eċċezzjonali

L-Università ta’ Malta nediet l-Outstanding Alumni Achievement Award – OAAA biex tiċċelebra l-gradwati tagħha li kisbu għarfien eċċezzjonali fl-oqsma jew professjonijiet tal-għażla tagħhom jew fis-servizz pubbliku u li għamlu użu mill-edukazzjoni u t-talenti tagħhom biex jilħqu u jtejbu l-ħajja ta’ oħrajn. Min jintgħażel għal dan il-premju jista’ jkun xi ħadd magħruf sew mill-pubbliku Malti iżda daqstant ieħor tista’ tkun persuna li ħafna minna qatt ma smajna biha iżda li, bil-mod tagħha, kisbet xi ħaġa li minħabba fiha l-Università hija kburija li tgħoddha fost l-alumni tagħha.

Il-persuni intitolati li jressqu nominazzjonijiet huma dawk kollha li jikkwalifikaw bħala alumni tal-Università ta’ Malta (ara: www.um.edu.mt/alumni/alumnionline), il-membri preżenti kollha tal-korp akkademiku u l-membri l-oħra kollha tal-istaff tal-Università ta’ Malta kif ukoll l-istudenti kollha reġistrati tal-Università ta’ Malta.

Il-persuna nominata, għall-fini ta’ dan il-premju, trid tkun xi ħadd li għandha tal-inqas grad ta’ Baċellerat jew kwalifika ogħla mill-Università ta’ Malta. Akkademiċi preżenti, membri oħra tal-istaff u studenti reġistrati fil-preżent fl-Università ta’ Malta mhumiex eliġibbli għal dan il-premju.

Il-proċess huwa wieħed kunfidenzjali u l-persuna nominata kif ukoll persuni oħrajn ma jistgħux jiġu mgħarrfa sa wara li l-proċess tan-nominazzjonijiet ikun komplut u l-persuna nominata tkun aċċettat il-Premju.

Il-persuna rebbieħa fost in-nominati se tiġi onorata waqt riċeviment mogħti mill-Università ta’ Malta u jkollha isimha mnaqqax fuq plakka li titwaħħal f’post prominenti fl-Università. Qed tiġi ddisinjata u ppreparata wkoll labra kommemorattiva f’edizzjoni limitata biex tiġi ppreżentata lill-persuna  rebbieħa.

Din l-inizzjattiva hija parti mill-impenn tal-Università li tirrikonoxxi u tagħti importanza lill-Alumni tagħha.  Kull sena, eluf ta’ studenti jiggradwaw mill-Università ta’ Malta. Ħafna minn dawn saru mexxejja fi sferi differenti tal-ħajja u sawru l-pajjiż kif nafuh illum. F’dawn l-aħħar snin l-Università kienet qiegħda b’mod attiv iżżid il-kuntatt tagħha mal-komunità tal-Alumni bl-introduzzjoni ta’ numru ta’ proġetti bħal indirizz elettroniku tal-Università ‘għall-ħajja kollha’. Gradwati tal-passat issa jsiru parti mill-Komunità Onlajn tal-Alumni b’mod awtomatiku u jistgħu jiksbu l-informazzjoni tagħhom ta’ meta kienu studenti fl-Università, jirċievu l-online newsletter, The Luminary, u jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ sħabhom tal-kors u kull persuna oħra mdaħħla fid-database. Qed jiġu mħeġġa b’mod attiv riunjonijiet fuq il-kampus, gruppi bl-istess interessi u ‘kapitli’ għal studenti barra l-pajjiż u issa hemm paġna uffiċjali fuq LinkedIn għall-Alumni tal-Università ta’ Malta kif ukoll paġna uffiċjali tal-UoM fuq Facebook.

Id-dokumentazzjoni kollha li għandha x’taqsam mal-OAAA tista’ tinstab fuq u titniżzel minn: www.um.edu.mt/alumni/oaaa. Dawk li se jitfgħu n-nomina għandhom jibagħtu l-għażla tagħhom lil: Il-Kumitat tal-OAAA, c/o Eleanor Bezzina, L-Uffiċċju tas-Segretarju, Kamra 223, Il-Bini tal-Amministrazzjoni, L-Università ta’ Malta, l-Imsida MSD 2080 sa nofsinhar tal-15 ta’ April 2015, fil-format deskritt fuq: www.um.edu.mt/alumni/oaaa.

Kwalunkwe mistoqsija dwar il-proċess tan-nominazzjonijiet għall-OAAA, jistgħu jiġu indirizzati lil: Patricia Camilleri, Direttur, L-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet u r-Relazzjonijiet mal-Alumni fuq alumni@um.edu.mt kif ukoll fuq +356 2340 3080.

outstandingalumnilaunch1 

Is-Sa Patricia Camilleri, Direttur, L-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet u r-Relazzjonijiet mal-Alumni
 

outstandingalumnilaunch2 

mix-xellug: Is-Sa Patricia Camilleri (id-Direttur, L-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet u r-Relazzjonijiet mal-Alumni), il-Prof. Mary Anne Lauri (il-Pro-Rettur), il-Prof. Juanito Camilleri (ir-Rettur), is-Sa Veronica Grech (ir-Reġistratur tal-Università), is-Sur Wilfred Kenely (il-Kap Eżekuttiv tar-Research & Innovation Development Trust – RIDT) 

 


 

G.F. Abela Junior College tal-Imsida jirbaħ bl-aqwa traduzzjoni

Sephora Francalanza mil-G.F. Abela Junior College kienet waħda mit-28 student tas-sixth form, wieħed minn kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea, li rebħu l-kompetizzjoni annwali tat-traduzzjoni ‘Juvenes Translatores’ minn fost aktar minn 3000 parteċipant minn 740 skola madwar il-kontinent.

Din is-sena, il-parteċipanti f''Juvenes Translatores' kellhom jittraduċu testi fuq is-suġġett tal-identità Ewropea. Ir-rebbieħa kollha għażlu li jittraduċu għal-lingwa li jafu l-aktar. Sephora Francalanza qalbet it-test mill-Ingliż għall-Malti.

It-tradutturi rebbieħa se jmorru Brussell f'April li ġej biex il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Kristalina Georgieva, tippreżentalhom premju.

Matul is-snin il-kompetizzjoni ħajret lil uħud mill-parteċipanti biex ikomplu jistudjaw il-lingwi fil-livell universitarju u biex isiru tradutturi.

Din hija t-tielet darba li r-rebbieh Malti huwa student tal-Junior College. Is-Sinjura Claudine Borg, li hija membru tad-dipartiment tal-Franciz, hejjiet lill-istudenti ghal din il-kompetizzjoni.

juvenestranslation2015

It-tim tal-Junior College flimkien mar-rebbieha, Sephora Francalanza (l-ewwel mil-lemin)

 


 

Leħen il-Malti: Sejħa għall-kitbiet

Leħen il-Malti huwa r-rivista tal-Għaqda li ilha toħroġ sa mill-1931. Fiha jiġu ppubblikati xogħlijiet ta' proża, poeżija u anke studji: kemm lingwistiċi kif ukoll letterarji. 

Inħeġġu lill-pubbliku jibgħat il-materjal sat-23 ta' Jannar 2015. Ir-regolamenti għas-sottomissjonijiet jinsabu fis-sit tal-Għaqda: www.ghaqdatalmalti.org/images/sejha.jpg

lehenilmalti 

 


 

Il-Fondazzjoni Alfred Mizzi toffri borża ta' studju

Is-Sur Derek Vella, f’isem il-Fondazzjoni Alfred Mizzi, ippreżenta ċekk ta’ €1,000 lil Ms Tamsin Marie Kingswell li bl-esej tagħha rebħet il-borża ta’ studju għal M.A. fl-Istudji tal-Mediterran. 

Id-Dekan tal-Fakultà tal-Arti, il-Professur Dominic Fenech, irringrazzja lill-Fondazzjoni Alfred Mizzi tal-għajnuna tagħhom u wera t-tama li entitajiet oħra jsegwu dan l-eżempju u jgħinu inizjattivi tal-Università ta’ Malta. Min-naħa tiegħu, is-Sur Vella esprima s-sodisfazzjon tiegħu u tal-Fondazzjoni li qegħdin sħab mal-Fakultà tal-Arti fl-M.A. fl-Istudji tal-Mediterran. Il-preżentazzjoni saret fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti.

Tamsin Marie għanda 21 sena u gradwat fl-Istorja u l-Arkaeoloġija f’Diċembru 2014. Hekk kif temmet l-istudji tagħha xtaqet li ssaħħaħ l-għarfien u l-ħiliet tagħha permezz ta’ programm fil-livell ta’ Master. L-M.A. fl-Istudji tal-Mediterranean kienet tilħaq proprju dawn l-aspettativi peress li filwaqt li toffri programm iffukat hemm ukoll l-opportunità li tħares lejn il-Mediterran minn angoli differenti. Fi kliemha stess: “Iddeċiedejt li nsegwi l-M.A. fl-Istudji tal-Mediterranan sabiex nakkwista sens iktar wiesgħa ta’ tagħrif dwar żona li ilni nistudja dwarha minn mindu kont l-iskola sekondarja. Ħafna mid-dipartimenti fi ħdan il-Fakultà tal-Arti qed jieħdu sehem f’din l-M.A. u kien għalhekk li ħsibt li ser inkun nista’ nara l-Mediterran minn angoli varjati. Meta ktibt l-esej għall-kompetizzjoni għal borża ta’ studju kelli naħseb sew fuq l-ideat li diġà kelli dwar din iż-żona u baħar. Indunajt li filwaqt li kont studjajt l-istorja u l-arkaeoloġija tal-Mediterran, ma tantx kont ħsibt dwar il-Mediterranan fih innifsu. L-esej tiegħi daret madwar il-fatt li ma hemmx definizzjoni waħda tal-Mediterran u dan allura jagħmlu suġġett aktar affaxxinanti. Hekk kif issa għaddejja b’dan il-kors inħares ’il quddiem lejn iċ-ċans li nqis dejjem aktar dawn il-mistoqsijiet.”

mix-xellug għal-lemin: Dr Emanuel Buttigieg, is-Sur Derek Vella, Ms Tamsin Marie Kingswell, il-Professur Dominic Fenech

 


 

Sejħa għal TAĦŻIŻ3

sejhatahziz3

Is-sejħa għal TAĦŻIŻ3 hija mifuħa sas-16 ta' Jannar għal żgħażagħ bejn it-18 u t-30 sena. L-applikazzjonijiet ikunu aċċettati sa nofsinhar.

Il-format tal-programm se jinbidel xi ftit sabiex ikun iktar iffukat u addattat għall-esiġenzi tal-kittieba iżda l-qofol tiegħu se jibqgħu t-tliet seminars residenzjali, b’pubblikazzjoni u ċertifikat li jingħataw lejn nofs is-sena d-dieħla. 

Għalkemm il-parteċipazzjoni hi b’xejn, dawk magħżula huma mitluba jiddepożitaw €50 li jingħataw lura ġaladarba l-programm ikun komplut b'suċċess.

Id-dati tentattivi għal TAĦŻIŻ3 huma dawn:

6-8 ta' Marzu
1-3 ta' Mejju
3-5 ta' Lulju

Kull min hu interessat, għandu jibgħat lil info.youthmalta@gov.mt jew lil ghaqdatalmalti@gmail.com. Fl-applikazzjoni (hawn) tiegħu wieħed għandu jdaħħal id-dettalji personali (isem u kunjom, data tat-twelid, indirizz postali u elettroniku, in-nru tat-telephone jew tal-mobile), kif ukoll dawn li ġejjin:

− interessi oħra minbarra l-kitba;
− ittra ta’ introduzzjoni u motivazzjoni;
− CV f’forma ta’ storja qasira ta’ 150 kelma;
− fotokopja tal-karta tal-ID (quddiem u wara); u
− poeżija jew storja qasira miktuba riċentament.

L-għażla finali tal-parteċipanti se tkun fid-diskrezzjoni tal-bord li jevalwa l-applikazzjonijiet. Ikun hemm laqgħa introduttorja li titħabbar aktar tard. Dan il-programm huwa miftuħ ukoll għal min diġà attenda dan is-seminar darba.

Taħżiż hu proġett ta' kitba kreattiva tal-Aġenzija Żgħażagħ, b’kollaborazzjoni mal-Għaqda tal-Malti – Università u l-Fondazzjoni AWL.

 


 

 

< Previous 1 Next >

 
 

Log In