L-Università ta' Malta
 

Aħbarijiet
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

Il-Fondazzjoni Alfred Mizzi tagħti donazzjoni ta’ €150,000 lill-RIDT għal Riċerka dwar il-Puplesija

Ir-Rettur jircievi cekk minghand is-Sur Mr Derek Vella
   

Il-Fondazzjoni Alfred Mizzi (The Alfred Mizzi Foundation – TAMF), l-Università ta’ Malta (UM) u l-RIDT (it-Trust għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Iżvilupp) iffirmaw ftehim li permezz tiegħu it-TAMF ser tkun qed tiffinanzja proġett ta’ riċerka dwar il-puplesija.  Id-donazzjoni tilħaq is-somma ta’ €150,000, u hija l-akbar donazzjoni ta’ fondi minn meta twaqqaf l-RIDT.

Il-firmatarji tal-Ftehim kienu r-Rettur tal-Univesità ta’ Malta, il-Prof. Alfred Vella, is-Sur Mario Grech u s-Sur Charles Zammit għan-nom tal-RIDT u s-Sur Derek Vella (President) għan-nom tat-TAMF.  L-iffirmar sar fil-preżenza tas-Sur Chris Briffa, Amministratur tat-TAMF, il-Prof. Mario Valentino u l-Prof. Richard Muscat, li huma t-tnejn involuti fil-proġett ta’ riċerka, u s-Sur Wilfred Kenely, CEO tal-RIDT.

Il-Proġett jittratta ‘l-Istimulazzjoni Sensorja bħala Strateġija Ġdida ta’ Trattament biex jiġi salvat  il-Moħħ waqt Puplesija’.  It-Tim ta’ Riċerka huwa mmexxi mill-Prof. M. Valentino u jinkludi lil Dr C. Zammit, Dr J. Vella, is-Sur R. Zammit u l-Prof. R. Muscat.

Minkejja avvanzi kbar fil-prevenzjoni u r-riabilitazzjoni, id-danni newroloġiċi tal-puplesija jistgħu jkunu kbar. Il-marda hija preżentament it-tielet l-akbar kawża ta’ mewt u l-kawża prinċipali ta’ diżabilità fit-tul mad-dinja kollha.  F’Malta wkoll hija daqstant qerrieda. Skont l-aħħar data tal-WHO ppubblikata f’Mejju tal-2014, 132 raġel u 102 mara għal kull 100,000 persuna f’Malta mietu minn puplesija fl-2011. Dan ifisser li l-puplesija kienet it-tielet l-akbar kawża komuni ta’ mewt fl-irġiel u t-tieni l-aktar komuni fin-nisa, u tilħaq l-10.41% tal-imwiet kollha.  Il-puplesija hija wkoll l-akbar kawża komuni ta’ diżabilità severa f’Malta b’wieħed minn kull erbat irġiel u waħda minn kull ħames nisa mistennija li ttihom puplesija sal-età ta’ 85 sena.

B’xorti ħażina, l-għażliet li hemm bħalissa għat-trattament akut huma limitati ħafna u hemm bżonn urġenti għal strateġiji ġodda ta’ kura.  Riċerka ġdida li qed toħroġ (li tuza il-ġrieden bħala mudell) turi evidenza qawwija li stimulazzjoni sensorja tista’ tipproteġi għal kollox il-moħħ minn puplesija imminenti.  Meta saret fi żmien sagħtejn wara puplesija, din l-istimulazzjoni tat protezzjoni sħiħa, inkluż l-irkupru sħiħ mill-ġdid tal-funzjoni tal-kortiċi, il-ħiliet sensorimotor, u l-fluss tad-demm.

Din l-iskoperta reċenti tindika metodu potenzjali ġdid u eċċitanti għall-iżvilupp ta’ trattament akut għall-puplesija li jista’ jipproduċi mod ta’ protezzjoni minn puplesija iskemika li mhux invasiv, u mingħajr effetti sekondarji.  F’din ir-riċerka innovattiva, ix-xjenzati fl-Università ta’ Malta għandhom il-ħsieb jesploraw il-mekkaniżmi ċellulari u molekulari fejn il-ħin huwa kruċjali u li huma l-bażi ta’ din il-protezzjoni.  Dan l-għarfien jista’ jwassal għall-iżvilupp ta’ terapiji li jimitaw l-effett protettiv ta’ stimulazzjoni sensorja. 

Ir-riċerka li qed issir fil-laboratorji tal-Università ta’ Malta hija innovattiva u unika fl-Ewropa.  Għall-ewwel darba r-riċerkaturi jistgħu josservaw x’qed isir fuq bażi ċellulari u molekulari 3-D fil-fond tal-moħħ, biex jistudjaw kif iċ-ċelluli jikkomunikaw, jiżviluppaw, u kif id-danni u r-rikostruzzjoni sseħħ.  Minn perspettiva aktar wiesgħa, ir-riċerkaturi jaspiraw ukoll li joħolqu aktar kuxjenza pubblika billi jippromwovu l-importanza li jintgħarfu l-ewwel sinjali ta’ puplesija, il-fatturi ta’ riskju tagħha u miżuri preventivi, għaliex aktar ma jkun hemm dewmien fl-evalwazzjoni u l-kura, aktar il-probabilità li l-ħsara tkun irriversibbli u l-possibilità li l-pazjent imut jew ikollu diżabilità severa tkun aktar għolja.

Dan il-proġett għandu l-għan li jgħin madwar 400 persuna fis-sena f’Malta li ttihom puplesija. 

Biex jinkisbu l-għanijiet tagħha, din ir-riċerka ambizzjuża teħtieġ fondi sinifikattivi. Sal-lum, il-grupp ta’ riċerka bbenefika minn fondi strutturali Ewropej għal xi apparat.  Din ir-riċerka mistennija li tavvanza l-għarfien u t-trattament ta’ mard vaskulari fil-bnedmin b’mod eċċellenti.

Il-Professur Alfred Vella qal li din id-donazzjoni tikkonferma l-apprezzament tal-komunità għall-ambizzjonijiet ta’ riċerka tal-Università ta’ Malta. Huwa qal: ‘Jiena kuntent li l-Fondazzjoni Alfred Mizzi u l-komunità tal-kummerċ identifikaw ir-riċerka bħala benefiċjarja tal-programm tagħhom ta’ Responsabilità Soċjali Korporattiva.’


L-RIDT twaqqaf fl-2011 bħala kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Università ta’ Malta, bl-għan li tissaħħaħ l-attività ta’ riċerka fl-Università, permezz tal-impenn tas-setturi varji tal-komunità Maltija.

 


 

Seed funding mogħti lil intraprendituri u riċerkaturi fil-qasam marittimu

Seed fund award - Press Conference
   
Erba’ timijiet ta’ riċerkaturi u intraprendituri ingħataw total ta’ €67,500 permezz tal-MarSA, il-Maritime Seed Award, imwaqqaf b’mod konġunt mill-Malta Marittima u l-Università ta’ Malta.  Iċ-ċerimonja tal-għotja saret fit-TAKEOFF Business Incubator, fl-Università, u għaliha attendew ir-Rettur, il-Prof. Alfred J. Vella, il-Pro Rettur il-Prof. Saviour Zammit, Dr Daniel Aquilina, Chairman tal-Aġenzija Malta Marittima, il-Prof. Russell Smith, Direttur taċ-Ċentru għall-Intraprenditorija u l-Inkubazzjoni tan-Negozju, u Dr Ing. Anton Bartolo, Direttur tal-Uffiċċju għat-Trasferiment ta’ Tagħrif fl-Università.

Il-kategorija Proof of Concept kienet miftuħa għar-riċerkaturi mill-Università li kienu qed ifittxu fondi sabiex jikkommerċjalizzaw teknoloġiji innovattivi.  L-applikanti li kisbu suċċess kienu: A Spar-Type Floating Wind Turbine Platform with Integrated Deep Seawater Storage, teknoloġija ddisinjata biex tnaqqas il-marka tal-karbonju relatata mal-proċess li bih il-gass naturali jsir  likwidu; Glowrust, “molekula intelliġenti” iddisinjata biex tinduna bil-korrużjoni qabel ma din tkun tista’ tiġi osservata bl-għajnejn; u Solaqua2, disinn innovattiv għal pjattaforma fuq il-baħar b’sistema fotovoltajka.  Il-kategorija Seed Fund kienet miftuħa għal intraprendituri li qegħdin jaħdmu fuq l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi innovattivi.  Ir-rebbieħ f’din il-kategorija kien SEA!-Water, apparat li jinżamm fl-idejn li jħaddem forward osmosis sabiex jiġi estratt ilma tax-xorb nadif mill-ilma baħar.

Dr Daniel Aquilina, Chairman ta’ Malta Marittima, ħabbar ukoll għotja oħra ta’ fondi MarSA għall-2017, li tammonta għal €32,500.  Innovaturi u intraprendituri interessati huma mistiedna jattendu għal workshop li se jsir minn TAKEOFF nhar il-11 ta’ Settembru 2017.
Ir-Rettur, il-Prof. Alfred J. Vella, qal li “Malta hija nazzjon marittimu u l-Università tappoġġja b’entużjażmu l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u innovazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-baħar.  Aħna kuntenti naraw il-kwalità għolja ta’ proposti sottomessi fl-ewwel sejħa u ħerqana biex naraw il-MarSA li jmiss x’ser tattira.”

Għal aktar dettalji kif tapplikaw żuru www.takeoff.org.mt.

Dwar il-Maritime Seed Award
Il-Maritime Seed Award (MarSA) hija inizjattiva konġunta bejn l-Aġenzija Malta Marittima (MMA) u l-Università ta’ Malta bl-appoġġ tat-TAKEOFF Business Incubator, l-Uffiċċju għat-Trasferiment ta’ Tagħrif u ċ-Ċentru għall-Intraprenditorija u l-Inkubazzjoni tan-Negozju (CEBI) fl-Università ta’ Malta.

 


 

Ċertifikati għall-istudenti tal-Arti u x-Xjenzi Liberali

Ċerimonja qasira fejn ġew ippreżentati ċ-ċertifikati

Ċerimonja qasira fejn ġew ippreżentati ċ-ċertifikati



Matul ċerimonja qasira li saret nhar is-26 ta’ Lulju, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof. Alfred J. Vella, ippreżenta ċertifikati lil 176 student li temmew b’suċċess korsijiet qosra li jagħmlu parti mill-Programm fl-Arti u x-Xjenzi Liberali (PLAS) matul is-sena akkademika 2016-2017. Sittax-il student ingħataw ukoll iċ-Ċertifikat fl-Istudji Liberali (Cert. L.S.), filwaqt li oħrajn ser ikunu qed jiggradwaw b’Diploma/Ogħla u Baċellerat fl-Istudji Liberali matul iċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni li se jsiru f’Novembru.  

Il-diversità fost dawk li rċevew iċ-ċertifikati tixhed l-appell wiesgħa li qed ikollu dan il-Programm imsejjes fuq l-interessi u l-ħtiġijiet tal-istudenti. Il-Programm joffri flessibiltà u opportunità biex issegwi korsijiet qosra tal-PLAS għall-iżvilupp personali jew professjonali tiegħek, u bil-pass tiegħek. 

Il-korsijiet qosra tal-PLAS huma mifruxin fuq erbatax-il ġimgħa u normalment isiru darba fil-ġimgħa bejn is-6:00pm u t-8:00pm. L-applikanti jistgħu jagħżlu liema u kemm-il kors qasir jixtiequ.

Iċ-Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali (CLAS) bħalissa qed jilqa’ l-applikazzjonijiet għall-korsijiet qosra tal-PLAS matul l-ewwel semestru tas-sena akkademika li jmiss (Ott. 2017 - Jan. 2018). Is-suġġetti offruti jinkludu s-soċjoloġija, il-psikoloġija tal-komunikazzjoni, l-istorja ta’ Malta, it-tagħlim onlajn, l-apprezzament tal-opri, il-Kostituzzjoni ta’ Malta u d-drittijiet tal-bniedem, il-letteratura taljana moderna u kontemporanja, l-estetika u l-filosofija tal-letteratura, id-drittijiet tal-konsumatur, u l-komunikazzjoni u t-tagħlim fil-mużewijiet. 

Iċ-Ċentru qed joffri wkoll erba’ PLAS Tech Units maħsuba għal professjonisti fil-qasam tal-informatika, b’kollaborazzjoni tad-Dipartiment tax-Xjenza tal-Kompjuter. 

Aktar tagħrif dwar korsijiet qosra individwali u ħlasijiet tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku taċ-Ċentru http://www.um.edu.mt/clas L-applikazzjonijiet jagħlqu fil-15 ta’ Settembru 2017. 


Xi wħud minn dawk li rċevew ċertifikati (Ritratt 1) u ċ-Ċertifikat fil-Istudji Liberali (Ritratt 2) flimkien mar-Rettur tal-Università, il-Prof. A.J. Vella, il-Pro-Rettur Prof. J.M. Cacciottolo u d-Direttur, CLAS Dr J.P. De Lucca. 


 


 

Erba’ snin ta’ riċerka fuq il-proġett LifeMedGreenRoof

Greenroofs - il-Prof. Torpiano jagħmel diskors f’isem il-Fakulta’ għall-Ambjent Mibni
Il-Prof. Torpiano jagħmel diskors f’isem il-Fakulta’ għall-Ambjent Mibni
   

Wara kważi erba’ snin ta’ riċerka, il-proġett LifeMedGreenRoof wasal fi tmiemu. Għalhekk, ġie organizzat seminar sabiex  jiġbor flimkien ir-riżultati tal-proġett. L-għan ewlieni tal-proġett kien li jiġi studjat il-mod ta’ kif il-bjut imħaddra jaħdmu f’Malta f’dak li huwa l-iżvilupp tal-pjanti, l-effiċjenza enerġetika tal-bini, u l-kontoll tal-għargħar. Dan kollu sar sabiex ninkoraġixxu l-bini tal-bjut imħaddra fuq skala nazzjonali. Ir-riżultati huma pożittivi. Bil-kunfidenza kollha jista jingħad li l-bjut imħaddra għandhom rwol importanti li jrendu l-irħula u l-ibliet aktar sostenibbli billi jnaqqsu il-problemi li nsibu f’dawn il-postijiet; problemi bħan-nuqqas ta’ arja pura, l-għargħar u mard relatat.

Il-bjut imħaddra huma klassifikati bħala infrastruttura ħadra li toffri benefiċċji, b’vantaġġ għas-sid tal-bejt imħaddar, is-socjetà u l-ambjent. L-infrastruttura ħadra, li tinkludi bjut imħaddra, ġonna, siġar fit-toroq, u pavimenti permeabbli, fost l-oħrajn, jipprovdu benefiċċji varji. Dan għall-kuntrarju tal-infrastruttura griża, li tirreferi għal strutturi u servizzi mibnija, bħat-toroq u gandotti li jipprovdu beneficji limitati. Huwa għalhekk li ħafna pajjiżi u muniċipji mad-dinja kollha jħajru l-bini tal-bjut imħaddra billi joffru inċentivi, politika u regolamenti favurihom. Il-proġett ikkonferma li l-bjut imħaddra f’Malta kapaċi jnaqqsu l-għargħar u l-użu tal-elettriku biex tiġi kkondizzjonata l-arja speċjalment fix-xhur sħan tas-sajf. Huwa kkonfermat li l-bjut imħaddra jnaqqsu x-xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-bini minħabba li jitnaqqas iċ-ċaqliq fil-bini rizultat ta’ temperaturi li jvarjaw.  Bejt imħaddar jipprovdi ikel u kenn għal diversi ħlejjaq slavaġġ bħan-naħal u speċi oħrajn ta’ benefiċċju. Nistgħu nżidu ukoll il-fatt li dawn il-bjut jtejbu l-vista tal-pajsaġġ urban li huwa ta’ benefiċċju għal kulħadd. Jekk ikunu ddiżinjati sewwa, il-bjut imħaddra jistgħu joffru wkoll spazji għal attivitajiet soċjali u edukattivi. Ir-riżultati f’ Malta huma simili għal dawk li rriżultaw fi studji li saru f’pajjiżi lil hin minn xtutna.

Għaldaqstant dawn il-benefiċji jinħassu biss jekk it-teknoloġija tiġi rrepplikata fuq skala nazzjonali. Għalhekk il-mexxejja tal-proġett kitbu żewġ dokumenti, wieħed huwa dwar proposti sabiex tiddaħħal politika li tinkoraġixxi l-bini tal-bjut imħaddra, u dokument ieħor huwa dwar il-benefiċċji soċjo-ekonomiċi tal-bjut imħaddra. Dan sar sabiex juri stampa ta’ kif il-bjut imħaddra jistgħu jiġu integrati fl-urban grazzi għas-sistema tal-ippjanar u regolamenti tal-bini. Aktar kmieni din is-sena, saru diversi laqgħat bejn l-Università, l-Gvern u l-Membri tal-Oppożizzjoni sabiex tinħoloq kuxjenza dwar il-bżonn tal-bjut imħaddra u jiġu studjati mezzi ta’ kif dawn il-bjut jistgħu jiġu integrati fil-qasam tal-kostruzzjoni.

Is-seminar kien organizzat fl-Università ta’ Malta. Diversi preżentazzjonijiet ingħataw minn rappreżentanti tal-imsieħba tal-proġett. Kienu mistiedna wkoll żewġ esperti oħra li tkellmu dwar il-bjut imħaddra u proġett ieħor, LIFE, li qed jitwettaq il-Polonja, u li jittratta dwar l-infrastruttura ħadra. Kull membru tal-proġett tkellem dwar rizultati tal-proġett li jkoppru l-għażla u l-propagazzjoni tal-pjanti għall-bjut imħaddra, il-prestazzjoni termika tal-bjut kemm f’Malta kif ukoll fl-Italja, il-ġestjoni tal-ilma tax-xita fiż-żewg pajjiżi, u il-prestazzjoni tas-substrati li fihom jikbru l-pjanti fuq il-bejt.

Minbarra l-qasam tekniku, ingħataw preżentazzjonijiet dwar id-dokument tal-istandard  għall-kostruzzjoni tal-bjut imħaddra f’Malta u d-dokument dwar il-politika proposta għal bjut imħaddra. Dawn id-dokumenti kienu ppreżentati lill-awtoritajiet konċernati u ser ikunu jistgħu jinstabu fis-sit elettroniku tal-proġett, www.lifemedgreenroof.org. Il-parteċipanti setgħu jaraw ukoll il-bejt imħaddar li hemm għall-wiri fl-Università.

Dan il-bejt huwa mezz importanti ta’ ezempju għall-pubbliku sabiex jagħraf sewwa f’hiex jikkonsisti bejt imħaddar u kif jaħdem. Dan il-bejt huwa miftuħ għall-pubbliku waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju s-sena kollha.  
Il-proġett beda f’Novembru tal-2013. Huwa mmexxi mill-Università ta’ Malta. L-imsieħba tal-proġett jinkludu l-Malta Competition and Consumer Affairs Authority, Minoprio Analsi e Certificazioni s.r.l u Fondazione Minoprio.

Il-proġett huwa parzjalment iffinanzjat mill-Life+ li huwa l-istrument finanzjarju Ewropew li jappoġġja proġetti ambjentali u ta’ konservazzjoni. Għal aktar informazzjoni ċemplu +356 23403621 jew żuru s-sit elettroniku.

 


 

Tnedija tal-Kors ta’ B.Sc. Nursing (Hons.) (Elderly Care) fl-Università ta’ Malta

Tnedija ta' kors
   
Il-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa tal-Università ta’ Malta nediet il-kors tagħha fil-B.Sc. Nursing (Hons.) (Elderly Care) f’San Vinċenz de Paule, fil-preżenza tal-Onor. Dr Michael Falzon, Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, l-Onor. Anthony Agius Decelis, Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Dr Josianne Cutajar, CEO SVP, u l-Professur Joseph Cacciottolo, Pro-Rettur għal Affarijiet Akkademiċi.
Iż-żieda fil-popolazzjoni li qed tixjieħ teħtieġ li infermiera kkwalifikati f’ambjenti tas-saħħa u l-kura soċjali jkunu ppreparati b’mod adegwat sabiex jipprovdu kura ta’ kwalità lill-adulti anzjani.  Dan il-programm ta’ studju jipprovdi kompetenzi speċifiċi u ħiliet fil-kura ta’ adulti anzjani lil infermiera kkwalifikati, u jagħtihom ukoll kompetenzi aktar ġenerali li jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp akkademiku u professjonali tagħhom.  Dan il-kors part-time filgħaxija, li permezz tiegħu infermiera għandhom il-possibbiltà li jgħollu l-livell tal-kwalifika li diġà għandhom, ikopri aspetti preventivi, mediċi, riabilitattivi u palljattivi tal-kura f’firxa ta’ ambjenti, li jinkludu l-kommunità, l-isptar u sitwazzjonijiet fuq tul ta’ żmien.  Suġġetti rilevanti bħad-dimenzja, in-nutrizzjoni u l-farmakoloġija jiġu indirizzati.

Gradwati ta’ dan il-programm jiksbu kwalifika ta’ lawrja u speċjalizzazzjoni fl-infermerija tal-kura tal-anzjani.  Il-programm jipprepara lill-kandidati biex jieħdu rwoli fil-kura ta’ adulti anzjani li qegħdin jgħixu fil-komunità, dawk pazjenti fi sptarijiet għal mard serju jew ta’ riabilitazzjoni, jew dawk li qegħdin jgħixu fid-djar residenzjali/istituzzjonijiet għall-anzjani, billi jieħdu ħsieb il-bżonnijiet bijopsikosoċjali tagħhom għat-titjib ta’ saħħithom, il-benesseri u l-kwalità tal-ħajja tagħhom.  Dwar prospetti ta’ karriera, dan il-programm jagħti l-opportunità lill-gradwati biex ikomplu l-istudji tagħhom u jipproċedu għal-lawrja ta’ Master.

Dan il-kors ta’ sentejn jew tlieta li ser jibda f’Ottubru tal-2017, huwa maħsub għal dawk li għandhom Higher Diploma in Health Science (Nursing Studies), Diploma in Health Science (Nursing Studies) jew kwalifika ekwivalenti.

St Vincent de Paule se jkun qed jissponsorja numru konsiderevoli ta’ impjegati tiegħu fuq dan il-kors, sabiex iħajjar il-parteċipazzjoni tal-infermiera.

L-applikazzjonijiet huma miftuħin sal-31 ta’ Awwissu 2017 

Għal aktar informazzjoni u biex tapplika  bit.ly/2teqWQ1

 


 

Żoni Protetti fil-Baħar – Alternattiva għall-Immaniġġjar Tradizzjonali tal-Industriji tas-Sajd?

Sajjied Malti li juża xbieki tat-tkarkir jagħżel il-qabda tiegħu

Sajjied Malti li juża xbieki tat-tkarkir jagħżel il-qabda tiegħu. Leyla Knittweis-Mifsud © DFA - MSDEC

   
Il-biċċa l-kbira tal-industriji tas-sajd fil-Mediterran jiffukaw fuq riservi ta’ ħut li jsofru minn sajd eċċessiv. Minbarra l-impatti bijoloġiċi ta’ din l-attività, għaliex din il-prattika mhux sostenibbli, is-sajjieda ma jistgħux jimmassimizzaw kemm jistgħu d-dħul tagħhom.  Biex tiżdied il-produttività tal-ispeċi maqbuda, il-ħtieġa prinċipali hija bidla tad-daqs tal-ewwel qabda għal daqsijiet akbar. Mhuwiex dejjem possibbli li jitkabbru l-qisien tal-ħoloq tax-xbieki użati mis-sajjieda biex jiġi evitat il-qbid ta’ eżemplari li għadhom qed jikbru ta’ ċerti speċi, ngħidu aħna l-Merluzz u t-Trilja fil-każ ta’ xbieki tat-tkarkir, dan għaliex jista’ jirriżulta wkoll f’inqas qabdiet ta’ speċi kummerċjali ta’ daqs żgħir li huma ta’ valur, bħall-Gamblu Aħmar prezzjuż, il-Gamblu Abjad tal-ilma fond u l-Langostini.  Strateġija alternattiva ta’ immaniġġjar hija li jitnaqqsu l-qabdiet ta’ ħut li għadu qed jikber billi jiġu protetti l-ambjenti naturali fejn il-ħut jinġabar biex irabbi l-frieħ tiegħhu, permezz tat-twaqqif u l-implimentazzjoni ta’ Żoni Protetti fil-Baħar.  Ir-restrizzjoni tas-sajd f’żoni bħal dawn tassigura li l-ambjenti naturali li huma bżonnjużi għall-ispeċi biex ikomplu ċ-ċiklu tal-ħajja huma protetti, li l-ammont ta’ ħut individwali żgħar li jinqabdu jonqsu, u li aktar ħut u gambli jgħixu biex jirriproduċu. Fl-aħħar nett, dan iwassal għal qabdiet akbar u aktar sajd sostenibbli.

Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura (DFA) u d-Dipartiment tal-Bijoloġija fl-Università ta’ Malta (UM), għadhom kif ingħaqdu fuq proġett ta’ riċerka internazzjonali bl-isem ta’ 'Marine Protected Areas Network Towards Sustainable Fisheries in the Central Mediterranean (MANTIS) (Network għal Żoni Protetti tal-Baħar għal Sajd Sostenibbli fiż-Żona Ċentrali tal-Mediterran (MANTIS). Il-Proġett MANTIS għandu l-għan li jipproteġi l-ambjenti naturali li huma kritiċi għal speċi kummerċjali u jidentifika miżuri biex inaqqas impatti avversi tas-sajd f’żoni fejn ħut, ta’ speċi kummerċjali, li għadu qed jikber jinġabar.

Il-proġett MANTIS huwa ffinanzjat mid-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u tas-Sajd (DG MARE) tal-Kummissjoni Ewropea, u kkoordinat mill-Kunsill Nazzjonali Taljan għar-Riċerka (CNR). Minbarra ż-żewġ parteċipanti Maltin, il-konsorzju tal-proġett MANTIS jinkludi l-Konsorzju Nazzjonali tal-Università Taljana għax-Xjenzi tal-Baħar (CoNISMA), l-Istitut Nazzjonali Taljan tal-Oċeanografija u l-Ġeofiżika Esperimentali (OGS), l-Istitut Kroat tal-Oċeanografija u s-Sajd (IOF), il-kooperativa tar-Riċerka Ekonomika dwar is-Sajd u l-Akkwakultura (Nisea), il-Għaqda Dinjija għall-Ħarsien ta’ Ħlejjaq li Jgħixu fis-Selvaġġ (World-Wildlife-Fund - WWF) u Oceana.

Dan l-aħħar il-parteċipanti ltaqgħu Ruma għall-ewwel Laqgħa Ġenerali tal-proġett MANTIS biex jiddiskutu attivitajiet marbuta mal-proġett. Fix-xhur li ġejjin, il-kollaborazzjoni xjentifika bejn id-DFA (irrappreżentat minn Ms Roberta Mifsud u Ms Marie Louise Pace) u d-Dipartiment tal-Bijoloġija (irrappreżentat minn Dr Leyla Knittweis-Mifsud u l-Prof. Joseph A Borg), ser tiffoka fuq l-evalwazzjoni  u l-integrazzjoni tal-għarfien kollu disponibbli dwar id-dinamika tal-ispazju-żmien tar-riżorsi Maltin tal-industriji tas-sajd. It-timijiet lokali ser jiġbru d-data kollha disponibbli dwar il-postijiet tal-qbid, u, ħafna aktar importanti, dwar id-daqs ta’ individwi tal-ispeċi tal-ħut maqbuda minn postijiet tas-sajd differenti. Din it-tip ta’ informazzjoni hija disponibbli minn osservazzjonijiet li jsiru abbord b’mod regolari mid-DFA, minn proġetti ta’ riċerka xjentifika preċedenti, u sondaġġi xjentifiċi li qed jitwettqu.  Wara li tkun analizzata, din l-informazzjoni ser tagħmel possibbli l-investigazzjoni tal-mod ta’ kif network ta’ Żoni Protetti tal-Baħar jistgħu jikkontribwixxu biex titjieb l-industrija tas-sajd sostenibbli fiż-Żona Ċentrali tal-Mediterran, u fl-aħħar nett tgħin sajjieda lokali biex ikabbru d-dħul finanzjarju tagħhom.

Għal aktar informazzjoni żuru s-sit elettroniku jew ibagħtu email lil marie-louise.pace@gov.mt u leyla.knittweis@um.edu.mt.

 


 

L-Università ta’ Malta u l-MCAST jiffirmaw Memorandum ta’ Ftehim (MOU) dwar l-Edukazzjoni u l-Kura fit-Tfulija Bikrija

UM - MCAST MoU
   
L-Università ta’ Malta (UM) u l-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) iffirmaw Ftehim fil-qasam l-Edukazzjoni u l-Kura fit-Tfulija Bikrija. Dan il-MoU ser iservi biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet f’dan il-qasam ta’ speċjalizzazzjoni kif ukoll jippermetti il-progressjoni tal-istudent mill-Istitut tas-Servizzi fil-Komunità fl-MCAST għad-Dipartiment tal-Edukazzjoni fit-Tfulija Bikrija u dik Primarja fil-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università. 

Il-Ftehim ikompli x-xogħol li sar fil-passat, li minnu, diversi studenti tal-MCAST komplew l-istudji tagħhom fl-Edukazzjoni.  Issa dan jippermetti lil dawk l-istudenti tal-MCAST li jiggradwaw b’Diploma Ogħla fl-Istudji Avvanzati fis-Snin Bikrin, biex jirreġistraw fit-tielet u l-aħħar sena tal-kors il-ġdid għall-B.A.(Hons) mill-Università, fl-Edukazzjoni u l-Kura fit-Tfulija Bikrija.  Min jiggradwa minn dan il-kors ikun eliġibbli għal impjieg fis-settur tal-Kindergarten u hemm ukoll il-possibbiltà li jkun jista’ jipproċedi għall-Master fit-Tagħlim (Edukazzjoni Bikrija u Primarja) biex jikkwalifika bħala għalliem fil-Primarja.

Il-Ftehim intlaħaq wara diskussjonijiet estensivi bejn iż-żewġ istituzzjonijiet, li fihom il-perspettivi differenti u l-opportunitajiet għal edukazzjoni terzjarja offruti mill-Università u l-MCAST tjiebu.  Il-Ftehim jestendi wkoll għal oqsma oħra ta’ kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Kura fit-Tfulija Bikrija u l-Istitut tas-Servizzi fil-Komunità, u jinkludi inizjattivi bħal sessjonijiet konġunti ta’ żvilupp professjonali kontinwu u l-iskambju ta’ proċeduri ta’ assigurazzjoni tal-kwalità li jippromwovu fiduċja reċiproka.  Dan huwa wkoll xhieda tal-kollaborazzjoni produttiva bejn il-Fakultà tal-Edukazzjoni u l-MCAST, li qiegħda wkoll tiġi utilizzata fil-qasam tal-Edukazzjoni Vokazzjonali u t-Taħriġ.

L-MoU kien iffirmat mir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred J. Vella, u Dr Silvio De Bono, President tal-Bord tal-Gvernaturi, il-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija, fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-Onor. Evarist Bartolo.

 


 

L-Istatus Ambjentali tal-baħar madwar il-Gżejjer Maltin immonitorjat minn gliders tal-baħar

seminar ta’ nofstanhar; l-użu ta’ glider tal-baħar
   

Il-Grupp ta’ Riċerka dwar l-Oċeanografija Fiżika tal-Università ta’ Malta (Physical Oceanography Research Group) organizza seminar ta’ nofstanhar biex jippreżenta l-esperjenza tiegħu fl-użu ta’ glider tal-baħar, għall-ewwel darba, fil-medda ta’ baħar fin-nofsinhar ta’ Malta lejn il-blata tal-Afrika ta’ Fuq kif ukoll fl-inħawi ’l barra mix-xatt madwar il-Gżejjer Maltin. Għas-seminar attendew partijiet interessati varji. Fis-seminar intwera kif il-ġenerazzjoni ġdida ta’ gliders tal-baħar li għandhom diversi użi joffru għajnuna innovattiva biex issir osservazzjoni u monitoraġġ tal-oqsma tal-baħar taħt ġurisdizzjoni lokali. Is-seminar kellu l-għan li jispjega l-versatilità tal-gliders tal-baħar bħala mezz ta’ ġbir ta’ profili ta’ data tal-baħar minn apparat awtonomu li jista’ jimmonitorja firxiet kbar ta’ baħar, f’reżoluzzjoni għolja u f’kull kundizzjoni tal-istat tal-baħar, mingħajr l-għajnuna ta’ vapuri kbar ta’ sorveljanza.

Il-kap tal-Grupp u koordinatur ta’ dan il-proġett, il-Prof. Aldo Drago, enfasizza l-impenji ta’ Malta bħala pajjiż fl-UE biex sal-2020 titwaqqaf sistema nazzjonali komprensiva li tirrapporta b’mod regolari dwar l-istat ta’ saħħa tal-ilmijiet kostali. Fis-seminar intwera kif l-użu tal-gliders tal-baħar joffri soluzzjoni effettiva fl-ispiża biex tinkiseb sistema mill-aqwa ta’ monitoraġġ ambjentali tal-baħar, li kapaċi tiġbor data għal linja ta’ bażi, u tevalwa b’mod regolari l-Istatus Ambjentali Tajjeb tal-baħar li jdawwar il-Gżejjer Maltin. B’investiment ta’ 0.5 miljun Euro huwa possibbli li titwaqqaf flotta lokali ta’ tliet gliders li jsiru parti integrali mis-sistema lokali ta’ osservazzjoni tal-baħar, u tipprovdi monitoraġġ regolari kif ukoll id-data ta’ bażi meħtieġa biex jiġu stabbiliti limiti għall-Istatus Ambjentali Tajjeb tal-ilmijiet kostali tagħna. B’żewġ gliders fil-baħar f’kull ħin, li jsegwu rotta madwar il-Gżejjer Maltin b’distanza fin-nofs minn xulxin, huwa possibbli li jinġabar ritratt 3D tad-data fiżika, kimika u bijoloġika dwar l-istat tal-baħar madwar il-gżejjer kull ħamest ijiem. Din hija strateġija ta’ monitoraġġ ideali għal gżira mdawra bil-baħar 360⁰, magħmula minn l-aħjar sistema li għandha sservi ta’ ezempju lil pajjiżi oħrajn biex jimplimentaw obbligi ta’ monitoraġġ tal-EU Marine Strategy Framework Directive.       

Esperti barranin dwar it-teknoloġija tal-gliders tal-baħar, tkellmu dwar il-kapaċitajiet ta’ dawn il-gliders u applikazzjonijiet possibbli. Dr Anthony Galea ddeskriva kif il-glider tal-baħar użat f’dan il-proġett, CAMPE, għamel żewġ sondaġġi. Dawn saru matul linja bejn il-Gżejjer Maltin u l-blata tan-nofsinhar tal-Mediterran. Il-glider tal-baħar intuża ukoll viċin il-Gżejjer Maltin, biex jintwera kif bl-użu ta’ apparat mhux operat minn persuni u kkontrollat mill-bogħod, jipprovdu metodi bi spiża effettiva biex jiġbru data bażika tal-baħar  b’mod regolari. Analiżi preliminarja tad-data miġbura u ppreżentata minn Adam Gauci wriet li din id-data hija utli biex tivvalida mudelli oċeanografiċi tal-inħawi. Aktar minn hekk, data bħal din hija strumentali biex timmonitorja l-baħar u biex tiżgura li dan jinżamm fi stat ambjentali tajjeb.  Miraine Rizzo, mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, elaborat fuq dan, billi ddeskriviet il-livell ta’ monitoraġġ li l-Awtorità twettaq biex tiżgura li Malta żżomm l-obbligi tagħha. Hija tat ħarsa qasira komprensiva tal-miri ta’ monitoraġġ, u pprovdiet l-okkażjoni għal sessjoni ta’ brainstorming waqt is-seminar biex jiġu identifikati ostakoli u t-triq ’il quddiem.

Is-seminar infetaħ mill-Onor. José Herrera, Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, u r-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof. Alfred J. Vella. Qabel il-ftuħ, il-Prof. Vella rringrazzja uffiċjalment lill-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Brig. Jeffrey Curmi, għall-appoġġ kontinwu li l-AFM offrew matul l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett. 

Il-Ministru Herrera esprima l-apprezzament tiegħu lejn il-Grupp ta’ Riċerka dwar l-Oċeanografija Fiżika tal-Università ta’ Malta u lejn il-kollaboraturi kollha tal-proġett għal inizjattiva ta’ riċerka oħra. Huwa qal, 'Dawn l-isforzi tassew għandhom irwol importanti mhux biss biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-monitoraġġ għall-ambjent tal-baħar tagħna, imma wkoll biex juru li l-aħjar riżultati jistgħu jinkisbu permezz tal-kooperazzjoni”  Hu żied jgħid li “jeħtieġ li nimmassimizzaw il-momentum li nħoloq s’issa u niffokaw l-enerġiji tagħna biex nikkoordinaw il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar tagħna'.
 
Dan il-proġett huwa mgħejjun mill-Kummissjoni Ewropea – il-Programm ta’ Qafas H2020, permezz tal-JERICO NEXT (ftehim tal-għotja Nru 654410) Attività Trans-Nazzjonali.

 


 

Il-Fondazzjoni LifeCycle Malta tagħmel Donazzjoni lill-Università ta’ Malta

Group photo

Għal darb’oħra l-Fondazzjoni LifeCycle Malta għamlet donazzjoni ta’ €25,000 lill-Research Trust tal-Università ta’ Malta (RIDT) biex tintuża fil-Programm ta’ Riċerka dwar il-Kliwi, (LifeCycle Kidney Research). Il-flus inġabru waqt il-preparazzjoni għall-Foster Clark’s Lifecycle Challenge 'On the Tribal Trail' li ser tieħu liċ-ċiklisti mill-Kenja sat-Tanzanija.

Il-Head of Secretariat mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Zgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat, is-Sur Ryan Borg, kien preżenti għaċ-ċerimonja tad-donazzjoni li saret fl-Uffiċċju tar-Rettur, fl-Università ta’ Malta, il-Kampus tal-Imsida. Fid-diskors tiegħu, is-Sur Borg, saħaq li dan hu eżempju ċar ta’ solidarjetà li tiġi mill-isport, filwaqt li rringrazzja lil Lifecycle għax-xogħol siewi li jagħmlu u qal li jinsab ħerqan li jaħdmu id f’id flimkien mas-Segretarjat.

Ir-Rettur, il-Professur Alfred J. Vella, laqa’ d-donazzjoni bħala Chairman tal-RIDT. Huwa radd ħajr lill-Fondazzjoni LifeCycle Malta għall-ġenerożità tagħhom u qal li dan huwa eżempju ċar tal-parteċipazzjoni sħiħa tal-komunità, b’appoġġ għar-riċerka medika.

Il-Programm tal-LifeCycle Kidney Research twaqqaf bis-saħħa ta’ donazzjoni ta’ €70,000 mill-Fondazzjoni LifeCycle Malta lill-RIDT fl-2014. Minn dakinhar, sar ħafna progress. Ġie stabbilit bijobank għall-mard tal-kliwi u tnieda l-pjan għal riċerka dwar il-ġenetika tal-mard konġenitali tal-kliwi fit-tfal Maltin bl-għan li titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti.  Qed issir ukoll riċerka dwar nefropatija kkawżata mid-diabete fl-adulti, li tirreferi għal mard tal-kliwi li huwa sekondarju għad-diabete tat-Tip 2, marda komuni u komplikazzjoni komuni.

Il-flus mogħtija mill-Fondazzjoni LifeCycle Malta ser jintużaw biex titkompla din ir-riċerka bl-iskop speċifiku biex tiġi stabbilita DNA ta’ kwalità għolja tal-mard tal-kliwi u kampjuni oħra biex iservu ta’ għodda għal investigazzjoni; tiġi kkaratterizzata l-ġenetika li tikkawża l-mard konġenitali tal-kliwi fit-tfal u l-iżvilupp ta’ għodda għad-dijanjosi fil-familji; u tinstab il-ġenetika u l-iżvilupp tan-nefropatija kkawżata mid-diabete fl-adulti.

L-Organizzazzjoni LifeCycle twaqqfet fl-1999 biex toħloq kuxjenza u tiġġenera appoġġ għal pazjenti li jbatu mill-aħħar stadju tal-mard tal-kliwi. Biex isir dan tiġi organizzata l-LifeCycle Challenge, li hija waħda mill-aktar avvenimenti impenjattivi u diffiċli fl-Ewropa, u li tpoġġi tim dedikat ta’ ċiklisti Maltin fi prova kontra l-elementi, fi triq twila ħafna, fejn jgħaddu minn pajjiżi differenti mad-dinja kollha. Fl-2011 LifeCycle saret uffiċjalment LifeCycle (Malta) Foundation.

Il-fundatur Alan Curry qal li l-Organizzazzjoni kienet grata lejn dawk kollha li jappoġġjaw u jisponsorjaw il-Fondazzjoni, b’mod partikulari l-isponsor prinċipali Foster Clark’s Ltd. li kien ta’ appoġġ kbir, permezz ta’ sponsorship u kollaborazzjoni kif ukoll loġistikament.

 


 

Ix-Xjenzjati Żgħażagħ Maltin imorru Ispra

Group photo


L-għarfien u l-progress huma riżultat dirett tar-riċerka.  Li wieħed jissottovaluta l-importanza tagħha hija daqslikieku qed jinnega l-irwol tax-xemx fis-sistema solari tagħna.  Fiċ-Ċentru għar-Riċerka Konġunta (Joint Research Centre – JRC) f’Ispra, l-Italja, l-aqwa mħuħ tal-Ewropa qegħdin jaħdmu bla heda biex jipprovdu evidenza indipendenti biex jagħtu appoġġ lil politiki li qegħdin jiġu żviluppati mill-Unjoni Ewropea – politiki li għandhom impatt dirett fuq il-ħajja tan-nies.

Ħames xjenzjati Maltin mill-Università ta’ Malta (UM) marru f’dan il-hub ta’ riċerka Ewropea wara li rebħu l-Premju JRC’s Young Scientist Award. Dan sar bl-appoġġ taċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), Dr Jeffrey Pullicino Orlando.

Dr James Carlo, Sephora Sammut, Joanna Vella, Dr Shawn Baldacchino u Dr Vanessa Petroni li ġew ippremjati, ġejjin minn oqsma diversi: l-arja u l-klima, l-ilma u r-riżorsi tal-baħar, u s-saħħa fis-soċjetà, rispettivament. Meta kienu hemm, huma osservaw xjenzjati ewlenin fl-oqsma tagħhom li tawhom ħarsa esklussiva mill-qrib dwar ix-xogħol li jsir f’JRC u l-mod kif jistgħu jsiru jafu aktar dwar kif potenzjalment jistgħu jagħtu kontribut huma stess liċ-Ċentru.

Il-qofol taż-żjara kienet preżentazzjoni bil-posters, li fiha l-ħames xjenzjati pproponew il-proġetti tagħhom ta’ riċerka lil ġemgħa ta’ professjonisti tal-ogħla livell, li kienet tinkludi l-bord ta’ gvernaturi tal-JRC u d-Direttur Ġenerali Vladimir Šucha.  

Il-Prof. Emmanuel Sinagra, il-membru Malti tal-Bord tal-Gvernaturi, kien preżenti waqt l-avveniment.  Huwa qal li ‘Malta issa fetħet it-triq għal dan l-avveniment li jsir fil-pajjiż tal-UE li tkun qed tilqa’ l-Presidenza, u tagħmilha possibbli għall-introduzzjoni ta’ xjenzjati żgħażagħ għax-xogħol tal-JRC.’  Il-Prof. Sinagra wkoll feraħ lin-National Contact Point tal-JRC, Dr Melchior Cini mill-MCST, li kien ukoll preżenti waqt l-avveniment, u li pproduċa proċess ta’ selezzjoni li issa ser iservi bħala mudell għal avvenimenti bħal dawn fil-futur.

Il-Premju għal Xjenzjat Żagħżugħ huwa opportunità kbira għar-riċerkaturi promettenti fl-Università ta’ Malta biex iqajmu kuxjenza dwar ix-xogħol importanti li qed isir fl-Università, jaqsmu ma’ ħaddieħor l-ideat tagħhom, u joħolqu għaqda ma’ sħabhom fil-kumplament tal-Ewropa.

Ir-riżultat finali jkun li riċerkaturi żgħażagħ Maltin jingħaqdu mat-tim ta’ JRC, u jirrappreżentaw lil Malta billi dawn jikkontribwixxu direttament biex tissawwar il-politika f’livell Ewropew.

Iż-żjara tal-JRC Malta Young Scientist Award kienet iffinanzjata mill-JRC għall-pajjiż tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE.

 


 

 

< Ta' qabel 1 2 3 4 5 Li jmiss >

 
 

Log In