L-Università ta' Malta
 

Aħbarijiet
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

Imniedi l-Undergraduate Prospectus 2017/8 tal-Università ta’ Malta

Undergraduate Propsectus

L-Università ta’ Malta għadha kif ippubblikat il-Undergraduate Prospectus għas-sena akkademika li jmiss. Dan jinkludi d-dettalji kollha tal-korsijiet undergraduate li se jkunu offruti minn Ottubru li ġej.

Għall-pubblikazzjoni ta’ din is-sena nżammu sezzjonijiet li kienu ntlaqgħu tajjeb fis-snin li għaddew, bħalma huma d-dettalji u l-kwalifiki meħtieġa għad-dħul f’kull kors, kif ukoll il-ħarsa lejn is-servizzi disponibbli għall-istudenti kollha – kemm dawk attwali kif ukoll dawk prospettivi. Il-Prospectus jindika wkoll il-korsijiet/areas ta’ studju li huma eliġibbli taħt il-Malta Enterprise Get Qualified Scheme.

Barra minn hekk, jinkludi wkoll sezzjoni fuq l-iStudents’ Charter li tiddeskrivi r-relazzjoni bejn l-Università u l-istudenti tagħha bħala stakeholders ugwali f’edukazzjoni ta’ livell għoli. Tindika wkoll ir-responsabbiltajiet kemm tal-Università kif ukoll tal-istudenti u tipprovdi qafas lill-Università biex tiżviluppa u ttejjeb is-servizzi tagħha fejn meħtieġ.

Il-Prospectus jinsab online fuq: www.um.edu.mt/admissions u www.issuu.com. Kopji stampati jistgħu jinġabru mill-Uffiċċju tal-Admissions and Records, Kampus tal-Imsida, u mill-Kampus t’Għawdex.

Il-pubblikazzjoni hija ikkordinata u editjata mill-Uffiċċju tar-Reġistratur bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju għall-Uffiċċju tal-Marketing, il-Komunikazzjonijiet, u l-Alumni.

L-applikazzjonijiet għall-korsijiet li se jibdew f’Ottubru li ġej jinsabu f’din il-ħolqa: www.um.edu.mt/apply u jagħlqu fil-20 ta’ Lulju 2017.

 


 

Nappreżentaw l-esperjenza bi glider tal-baħar f'Malta

Ġbir ta’ data għal żoni fil-Baħar Mediterran li qatt ma ġew  esplorati qabel


Glider

GLIDER SOUTH hija inizjattiva maġġuri oħra ta’ riċerka dwar l-oċeanografija fiżika li tagħmel użu ta’ pjattaformi mill-aktar moderni biex tinġabar data għall-istudju dwar il-baħar.  L-inizjattiva hija mmexxija mill-Grupp ta’ Riċerka dwar l-Oċeanografija Fiżika tal-Università ta’ Malta (Physical Oceanography Research Group – PO-Res. Grp) b’kollaborazzjoni ma’ CNRS-INSU (Centre National de la Recherche Scientifique – Institut National des Sciences de l’Univers). Dan il-proġett huwa kkoordinat, mill-Prof. Aldo Drago (aldo.drago@um.edu.mt).

Il-Gliders ta’ taħt il-baħar huma vetturi awtonomi li jixbhu torpedo, li għandhom il-kapaċità li jgħoddsu repetutament ’l fuq u ’l isfel fl-ilma sa fond ta’ 1000m, u jitmexxew fuq rotot permezz ta’ remote control imħaddma minn stazzjon fuq l-art. Dawn jistgħu jintużaw biex tinġabar data bijoġeokimika fiżika rilevanti għall-istat ta’ saħħa tal-baħar, f’riżoluzzjoni spazjali għolja, għal perijodi twal ta’ ħin, saħansitra taħt kondizzjonijiet meteoroloġiċi diffiċli.  Il-glider jikkomunika ma’ stazzjon fuq l-art permezz ta’ links satellitari kull darba li jitla’ fil-wiċċ, jibgħat id-data miġbura u jirċievi istruzzjonijiet għall-għadsa li jkun imiss. 

Il-glider tal-baħar ġie ppożizzjonat viċin Malta xahrejn ilu. Minn dakinhar qasam bejn il-Gżejjer Maltin u l-pjattaforma tan-nofsinhar tal-Mediterran. Din iż-żona tal-Baħar Mediterran mhux esplorata sew u d-data idrografika f’dan ir-reġjun hija skarsa ħafna. Il-proġett jipprovdi data ġdida, li ser tgħin biex nifhmu l-fenomeni dinamiċi osservati fil-medda ta’ baħar bejn Malta u l-Libja. Aktar minn hekk, id-data miġbura ser tintuża biex tikkonferma mudelli oċeanografiċi ta’ din iż-żona. Il-PO-Res. Grp qed imexxi dan il-proġett, u se jkompli jpoġġi l-kapaċità tagħna fir-riċerka dwar il-baħar  fuq il-mappa bħala l-kontributur ewlieni fl-oċeanografija operattiva u fiżika fiż-żona taċ-Centru tal-Mediterran.

Il-Forzi Armati ta’ Malta għenu matul il-missjoni kollha tal-GLIDER South permezz ta’ dgħajjes u ekwipaġġ. Waqt l-operazzjoni ġie varat RHIB mil-patrol boat biex iżerżqu l-glider ’l isfel għal ġol-baħar. Il-Forzi Armati ta’ Malta għenu wkoll biex ivaraw numru ta’ dgħajjes li kienu fl-istess waqt qed jintużaw biex isegwu l-kurrenti tal-baħar fiż-żona.

Dan il-proġett għandu l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea – H2020 Framework Programme, JERICO NEXT taħt il-ftehim ta’ għotja Nru 654410.

Il-Glider tal-baħar ġie wkoll użat fuq rotta viċin il-Gżejjer Maltin biex juri kif strateġiji ta’ monitoraġġ adattiv, bl-użu ta’ apparat ikkontrollat mill-bogħod u mhux imħaddem mill-bniedem, jipprovdi metodi li jagħtu riżultat xieraq paragun għan-nefqa biex tinġabar data bażika tal-baħar b’mod regolari u jitkejjel l-istat ta’ saħħa tal-ilma kostali tagħna.

Ser jiġi organizzat seminar ta’ nofstanhar fis-7 ta’ Lulju 2017, fid-8:45 ta' filgħodu, fid-Dolmen Resort Hotel, il-Qawra, li se  jippreżenta l-esperjenza bi glider tal-baħar f’Malta lil kull min hu interessat, u ser  juri kif il-ġenerazzjoni ġdida ta’ gliders tal-baħar toffri għajnuna innovattiva biex tosserva u timmonitorja l-inħawi tal-baħar taħt il-ġurisdizzjoni lokali. Permezz tal-parteċipazzjoni ta’ xjenzjati lokali u żewġ esperti barranin, is-seminar jipprovdi mezz għal brainstorming għal kif tista’ tissawwar sistema operattiva ta’ osservazzjoni tal-baħar għall-Gżejjer Maltin.

 


 

Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borgese 2017

L-International Ocean Institute joffri l-Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borgese 2017

L-International Ocean Institute (IOI) qiegħed għal darb’oħra joffri l-Borża ta’ Studju Elisabeth Mann Borgese (EMB Bursary) li tikkonsisti f’somma ta’ 3,500 Eur (Tlett elef u ħames mitt euro) li jistgħu jintużaw biex jitkomplew studji ta’ riċerka fuq perijodu ta’ sena.

Il-Borża ta’ Studju għas-sena 2017-2018 ser tingħata lil persuna waħda/tim ta’ riċerka li qed tagħmel/jagħmel studji/riċerka postgraduate fl-Università ta’ Malta fi studji li għandhom x’jaqsmu mal-oċean/mal-baħar/mal-qasam marittimu.  L-istaff jew studenti għandhom ikunu rreġistrati mal-Università ta’ Malta fejn ser issir ir-riċerka fl-oqsma rilevanti.

Il-Borża ta’ Studju EMB twaqqfet mill-International Ocean Institute bħala mezz biex jintwera rikonoxximent lil Malta bħala l-pajjiż li jospita lill-IOI, u talli jilqa’ l-Kwartieri Ġenerali tal-IOI u jipprovdi l-faċilitajiet għall-istaff u l-uffiċċji.  Il-Borża ta’ Studju tikkostitwixxi wkoll għarfien u rikonoxximent ieħor għall-irwol tal-Prof. E Mann Borgese, fundatriċi tal-IOI, u għall-kisbiet konsiderevoli tagħha.  Il-Borża ta’ Studju hija ffinanzjata mill-IOI.  Aktar informazzjoni u l-formoli tal-applikazzjoni jistgħu jinkisbu billi tintbagħat emejl lill-Kwartieri Ġenerali tal-IOI fuq ioihq@ioihq.org.mt jew info@ioihq.org.mt. Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija l-Ġimgħa 28 ta’ Lulju 2017.

Rebbieħa preċedenti tal-Borża ta’ Studju EMB mill-2010 ħadmu fuq diversi oqsma ta’ riċerka fil-ġeografija, il-ġenetika tal-konservazzjoni, il-liġi marittima, l-inġinerija, u studji dwar fatturi li joħolqu stress fuq l-ambjent f’dak li għandu x’jaqsam mal-istudji tal-baħar u dawk marittimi fl-Università ta’ Malta.  Xogħol li sar qabel iffoka fuq Żoni Protetti tal-Baħar f’Malta li dwarhom saru proposti sabiex dawn jiġu mmaniġġjati minn partijiet interessati; il-ġbir ta’ dejta ġenetika dwar il-murruna b’sitt garġi (bluntnose sixgill shark) għall-preservazzjoni tal-ispeċi; il-kunċett tal-Istat tal-Iżbark (State of Disembarkation) fil-kuntest tal-liġi ta’ migrazzjoni u r-rabta tagħha mal-prinċipji tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar; studju dwar enerġija minn sorsi li jiġġeddu bl-użu tal-estrazzjoni tal-enerġija mit-thermocline tal-oċean; riċerka dwar l-influwenza ta’ attivitajiet marbuta mat-trobbija tat-tonn fil-gaġeġ fuq il-ġbir ta’ makrofawna; u l-mikroplastiċi fil-Baħar Mediterran.  L-aktar għotja reċenti ffinanzjat riċerka dwar strateġiji ta’ ġestjoni dwar il-klima, il-benesseri ekonomiku u s-sostenibbiltà f’komunitajiet kostali vulnerabbli.


---

L-International Ocean Institute twaqqaf fl-1972 minn Elisabeth Mann Borgese bħala istituzzjoni internazzjonali bbażata fuq l-għerf, iddedikata għalll-governanza sostenibbli tal-oċeani.  L-istitut jopera mad-dinja kollha permezz ta’ netwerk kbir ta’ Ċentri Operattivi u Punti Fokali, bil-Gvern ta’ Malta jilqa’ l-Kwartieri Ġenerali tiegħu fil-bini tal-Università ta’ Malta.  Il-missjoni tal-International Ocean Institute hija li jippromwovi l-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka biex jitjieb l-użu paċifiku tal-ispazju tal-oċean u r-riżorsi tiegħu, l-immaniġġjar u r-regolamentazzjoni tagħhom kif ukoll il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar, immexxija mill-prinċipju tal-Wirt Komuni tal-Umanità kif miġbura fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar għall-benefiċċju tal-umanità kollha b’konsiderazzjoni partikulari għall-foqra.

Matul is-snin, L-Università ta’ Malta tat importanza kbira lill-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-baħar.  Xogħol akkademiku jinkludi l-oqsma tal-governanza, il-liġi u x-xjenza kif ukoll is-sostenibbiltà u l-edukazzjoni.  Barra minn hekk, l-Università tilqa’ l-IMO International Maritime Law Institute, li twaqqaf taħt l-awspiċi tal-International Maritime Organisation, aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti.

Elisabeth Mann Borgese (24 ta’ April, 1918 – 8 ta’ Frar, 2002), waqqfet l-IOI fl-1972.  Arvid Pardo (12 ta’ Frar, 1914 – 19 ta’ Ġunju, 1999) – kollaboratur mill-qrib ta’ Elisabeth Mann Borgese – kien diplomatiku, studjuż, u professur universitarju Malti u magħruf internazzjonalment għax-xogħol tiegħu biex jirriforma l-liġi tal-baħar.  Huwa ppropona li l-qiegħ tal-baħar ikun parti mill-wirt komuni tal-umanità, frażi li tidher f’Artikolu 136 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar.  

MALTA hija l-pajjiż li jospita l-Kwartieri Ġenerali tal-International Ocean Institute.   Bħala stat gżira fiċ-centru tal-Baħar Mediterran hija ghandha storja twila ta’ dipendenza fuq il-baħar kif ukoll tradizzjoni qawwija ta’ xogħol marittimu, tas-sajd u tat-tbaħħir.  Is-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea tobbligaha li żżomm mal-politiki Ewropej marittimi u tas-sajd kif ukoll ma’ konvenzjonijiet u regolamenti applikabbli mad-dinja kollha.

 


 

Riċerka Abbundanti

THINK 20

Dari kien maħsub li l-ilma kien il-bażi oriġinali ta’ kull materja. Filwaqt li l-kunċett jista’ jkun li ma kienx korrett, dan kien jirrifletti l-irwol integrali tal-ilma biex isostni l-ħajja. L-20 ħarġa tar-rivista THINK hija dwar kull ħaġa li għandha x’taqsam mal-ilma u għandha tiġbed l-attenzjoni tan-nies dwar dan is-suġġett.

Il-qagħda ta’ Malta bħala stat gżira hija riflessa fir-riċerka li ssir fl-Università ta’ Malta. Il-kultura u l-ekonomija tagħha bilfors tissawwar mill-baħar. It-temi ta’ riċerka huma varji bħall-bijoloġija, il-liġi, l-inġinerija u l-istorja, prova ta’ kemm l-ilma huwa parti intrinsika mill-Università ta’ Malta.

Nibdew billi nesploraw kif inkejlu l-ilmijiet tagħna. Dan l-isforz huwa mmexxi mill-Prof. Aldo Drago u t-tim tiegħu. Tibdil fil-Mediterran, kemm fuq perjodu qasir kif ukoll fuq tul ta’ żmien qed jiġi rrekordjat u kondiviż mal-industrija tat-trasport marittimu, riċerkaturi u l-pubbliku—il-baħar huwa aktar sikur permezz ta’ din ir-riċerka.

Is-saħħa f’Malta qed tiffaċċja theddida oħra. Il-Prof. Raymond Ellul u t-tim tiegħu fil-Fanal tal-Ġordan f’Għawdex stabbilixxew it-tniġġis enormi li jitfgħu l-vapuri li jkunu qed ibaħħru fil-Mediterran.  Ellul jagħtina l-fatti dwar is-sitwazzjoni diffiċli, it-tbassir, il-kejl u s-soluzzjonijiet bit-tama li jitrażżnu problemi potenzjalment gravi għall-Gżejjer Maltin.

Dr Timmy Gambin jinżel taħt l-ilma biex jiddiskuti l-wirt kulturali moħbi tagħna. Il-pjan tiegħu hu li jagħmel pjanta tal-qiegħ rikk tal-baħar ta’ Malta u jimmaniġġja kemm jista’ jkun mis-siti storiċi taħt l-ilma.

Aktar riċerka mill-Università ta’ Malta hija varjata bħal dejjem. Fl-Istitut tal-Logħob Diġitali, riċerkaturi qegħdin jesploraw it-taħbil il-moħħ filosofiku permezz tal-logħob. Tafu x’inhi soppa?  It-tweġiba mhix daqshekk sempliċi.  Dr Sarah Grech tistaqsi jekk il-multilingwiżmu f’Malta jfixkilx il-komunikazzjoni ċara u sħiħa, jew jekk din il-ħila lingwistika tiffaċilitax espressjoni aktar ħielsa.

Apparti dan kollu, il-ħarġa Numru 20 tar-rivista THINK fiha artikli dwar vetturi mħaddma mix-xemx, ir-realtà virtwali, il-kultura, l-arti u t-tagħmir, u tinkludi żewġ intervisti—waħda ma’ gurus Maltin tal-istampar 3D—Thought3D, u l-oħra mal-guru tal-kultura Lisa Gwen Baldacchino.

Ir-rivista ta’ riċerka THINK tal-Università ta’ Malta, tista’ tinġabar b’xejn mil-librara madwar Malta u Għawdex u mill-ħwienet tal-kotba tal-Aġenda. Tinsab onlajn fl-indirizz elettroniku www.um.edu.mt/think, fuq Issuu jew tagħmlu ‘like’ fuq Facebook.

 


 

L-Università ta’ Malta tniedi l-Postgraduate Prospectus 2017/8

L-Università ta’ Malta għadha kif ippubblikat il-Postgraduate Prospectus għas-sena akkademika li jmiss. Dan jinkludi d-dettalji kollha tal-korsijiet postgraduate li se jkunu offruti minn Ottubru li ġej.

Għall-pubblikazzjoni ta’ din is-sena nżammu sezzjonijiet li kienu ntlaqgħu tajjeb fis-snin li għaddew, bħalma huma d-dettalji u l-kwalifiki meħtieġa għad-dħul f’kull kors, sezzjoni dwar l-areas ta’ riċerka li kull Fakultà/Istitut/Ċentru/Skola toffri f’livell ta’ Dottorat, kif ukoll il-ħarsa lejn is-servizzi disponibbli għall-istudenti kollha – kemm dawk attwali kif ukoll dawk prospettivi. Il-Prospectus jindika wkoll il-korsijiet/areas ta’ studju li huma eliġibbli taħt il-Malta Enterprise Get Qualified Scheme.

Barra minn hekk, l-edizzjoni ta’ din is-sena tinkludi wkoll sezzjoni fuq l-iStudents’ Charter li tiddeskrivi r-relazzjoni bejn l-Università u l-istudenti tagħha bħala stakeholders ugwali f’edukazzjoni ta’ livell għoli. Tindika wkoll ir-responsabbiltajiet kemm tal-Università kif ukoll tal-istudenti u tipprovdi qafas lill-Università biex tiżviluppa u ttejjeb is-servizzi tagħha fejn meħtieġ. 

Il-Prospectus jinsab online fuq: www.um.edu.mt/admissions u www.issuu.com. Kopji stampati jistgħu jinġabru mill-Uffiċċju tal-Admissions and Records, Kampus tal-Imsida, u mill-Kampus tal-Belt Valletta u t’Għawdex. 

Il-pubblikazzjoni hija ikkordinata u editjata mill-Uffiċċju tar-Reġistratur bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju għall-Uffiċċju tal-Marketing, il-Komunikazzjonijiet, u l-Alumni.

L-applikazzjonijiet għall-korsijiet li se jibdew f’Ottubru li ġej jinsabu f’din il-ħolqa: www.um.edu.mt/apply u jagħlqu fil-20 ta’ Lulju 2017.

 


 

L-ebda tibdil fl-iskeda tal-eżamijiet fl-Università ta’ Malta

Mhu se jkun hemm l-ebda ċaqlieq fl-iskeda tal-eżamijiet fl-Università ta’ Malta minħabba l-Elezzjoni Ġenerali. Wara laqgħa li saret ma’ rappreżentanti tal-KSU, l-Università kienet infurmata li minn stħarriġ li sar minn numru ta’ għaqdiet tal-istudenti, ħareġ biċ-ċar li l-maġġoranza tal-istudenti ma jaqblux li għandu jkun hemm ċaqlieq ta’ dati tal-eżamijiet.

Għalhekk ġie deċiż li l-eżamijiet kollha fl-Università ta’ Malta, fil-Junior College u dawk tal-MATSEC fil-livelli kollha jsiru kif kien ippjanat skont l-iskeda oriġinali.

L-Università għamlet l-arranġamenti neċessarji mal-Kummissjoni Elettorali sabiex dawk l-iskejjel li se jintużaw bħala ċentri tal-eżamijiet tal-MATSEC ma jintużawx bħala postijiet ta’ votazzjoni.

Intant, nhar it-Tnejn 5 ta’ Ġunju, se jkun hemm kontrolli sabiex studenti u ħaddiema tal-Università biss jidħlu bil-karozzi fl-Università. B’hekk it-traffiku jimxi aħjar u ma jkunx hemm dewmien bla bżonn.

Barra minn hekk l-Università ħasbet sabiex il-Librerija u faċilitajiet oħra ewlenin jinfetħu fis-7.00am sabiex dawk l-istudenti li jaslu kmieni fuq il-Kampus ikunu moqdija sew.

L-Università ħasbet ukoll biex dawk l-istudenti universitarji li se jkunu impenjati b’mod dirett fil-kampanja elettorali u li għalhekk ma jkunux jistgħu jagħmlu xi eżami li jsir fit-3, 5 u 6 ta’ Ġunju, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dawk l-eżamijiet fis-sessjoni ta’ Settembru. 

 


 

Taħdita dwar il-bjut imħaddra

Wara tlett snin ta’ riċerka mill-Università ta’ Malta fuq il-bjut imħaddra, l-evidenza turi li din it-teknoloġija tista’ ttejjeb il-kwalità tal-ħajja fiż-żoni urbani tagħna. Huwa magħruf li fl-ibliet u fl-irħula hemm problemi li jaffettwaw kemm is-saħħa mentali u dik fiżika tar-residenti, l-aktar it-tfal u l-anzjani.  Għalhekk, il-membri tal-proġett LifeMedGreenRoof fasslu dokument li tqassam lil numru tà Membri Parlamentari u kapijiet ta’ dipartimenti. Id-dokument jenfasizza l-benefiċċji tal-bjut imħaddra u jressaq miżuri sabiex dawn il-bjut jiġu integrati fis-qasam tal-ippjanar u l-ambjent mibni.

Għal dan il-għan, il-proġett LifeMedGreenRoof  stieden numru ta’ Ministri u Membri tal-Oppożizzjoni għal taħdita fil-Fakultà tal-Ambjent Mibni.  Id-Dekan tal-Fakultà, il-Prof. Alex Torpiano, mexxa d-diskussjoni, filwaqt li l-arkitetti tal-pajsaġġ is-sur Antoine Gatt u s-sur Vince Morris, li jmexxu il-proġett, ippreżentaw l-għan u l-benefiċji tal-bjut imħaddra u d-dokument dwar il-politika proposta.
Għal-laqgħa attenda l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima, l-Onor. Josè Herrera li fil-jum ta’ qabel żar il-bejt mħaddar li hemm fl-Università, fuq stedina tal-mexxejja tal-proġett.  Kien hemm preżenti wkoll rapreżentanti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u membri mill-uffiċċju nazzjonali għall-proġetti LIFE. L-Onor. Dr Theresa Comodini Cachia rrappreżentat l-Oppożizzjoni.

Kemm il-Ministru kif ukoll Dr Comodini Cachia għarfu li hemm bżonn jiġu indirizzati mill-aktar fis il-problemi li jaħkmu ż-żoni urbani. Huma qablu li l-bjut imħaddra huma importanti sabiex itaffu l-problemi relatati mal-użu tal-enerġija u l-qirda tal-ambjent naturali.  Il-Kummissjoni Ewropea  titlob li sal-2030 il-pajjiżi Ewropej inaqqsu t-tniġġis tal-arja b’40%, u l-bjut imħaddra huma għodda importanti sabiex jintlaħaq dan it-tir.

Ir-riċerka li qed issir fl-Università, marbuta ma’ dan il-proġett, turi li l-bjut mħaddra jżidu l-effiċjenza tal-bini. Il-bjut imħaddra jistgħu jbaxxu t-temperatura interna tal-bini fis-sajf u b’hekk jonqos l-użu ta’ l-arja kkondizzjonata u l-ispejjes tal-konsum tal-elettriku. Il-bini tagħna huwa ideali għall-bjut imħaddra minħabba li l-bjut huma ċatti u ġeneralment b’saħħithom biżżejjed biex jerfgħu l-piż. Għalhekk, bil-bjut imħaddra jonqos sew l-użu tal-elettriku biex jitkessaħ il-bini fis-sajf. Dan huwa ta’ ġid kemm għall-ekonomija nazzjonali kif ukoll għas-saħħa tal-bniedem. Il-bjut imħaddra joffru wkoll aktar benefiċċji lil sid il-bejt, lis-soċjetà ġenerali, kif ukoll lill-ambjent naturali.

Il-proġett LifeMedGreenRoof qed juri biċ-ċar li l-bjut imħaddra huma kruċjali sabiex jinħolqu bliet u rħula sostenibbli. Dan jidher min-numru ta’ pajjiżi u muniċipji madwar id-dinja li jagħtu inċentivi u daħlu liġijiet favur it-tkattir tal-bjut imħaddra fl-urban, l-aktar fl-ibliet u ż-żoni industijali. Il-mexxejja tal-proġett jittamaw li min iwettaq l-politika lokali jagħmel mezz sabiex jiddaħħlu l-bjut imħaddra fiż-żoni urbani għal ġid tagħna lkoll.

Il-proġett LifeMedGreenRoof huwa parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea bil-fondi tal-LIFE+. Għal aktar informazzjoni żur is-sit elettroniku www.lifemedgreenroof.org jew sibna fuq Facebook.

lifemedgreenroof@um.edu.mt

 


 

It-TAKEOFF Seed Fund Award biex Tingħata Għajnuna lil Intraprendituri u Riċerkaturi

 tosfa17launchmalti1

Għar-raba’ sena konsekuttiva qed tiġi allokata s-somma ta’ €100,000 permezz tat-TAKEOFF Seed Fund Award (TOSFA) tal-Università ta’ Malta biex tgħin lil intraprendituri u riċerkaturi jressqu l-ideat u t-teknoloġiji innovattivi tagħhom eqreb lejn is-suq. 

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar (MEIB) u l-Università ta’ Malta nedew l-edizzjoni ta’ TOSFA għas-sena 2017 bl-appoġġ tal-Uffiċċju għar-Riċerka Korporattiva u t-Trasferiment ta’ Tagħrif (KTO), l-Inkubatur tan-Negozju TAKEOFF, u ċ-Ċentru għall-Intraprenditorija u għall-Inkubazzjoni tan-Negozju (CEBI) tal-Università. 

Din tħabbret waqt ċerimonja fit-12 ta’ April li għaliha attendew il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, l-Onor. Christian Cardona, il-Pro Rettur Prof. Saviour Zammit, l-Inġ. Joseph Bartolo, Manager ta’ TAKEOFF, u Dr Ing. Anton Bartolo, Direttur tal-KTO. 

Intraprendituri u start-ups li qegħdin jaħdmu fuq ideat għal prodotti u servizzi innovattivi huma mħeġġa japplikaw għal Seed funds li jlaħħqu sa €20,000, li huma intenzjonati li jwassluhom pass eqreb lejn l-ewwel klijent jew investiment tagħhom.  Riċerkaturi li qegħdin jaħdmu fuq innovazzjonijiet żviluppati permezz ta’ riċerka fl-Università jistgħu japplikaw għall-fondi Proof of Concept li jgħinuhom iqarrbu t-teknoloġija  tagħhom lejn il-kummerċjalizzazzjoni.  Ir-rebbieħa tat-TOSFA jirċievu wkoll mentoring u appoġġ għall-isforzi tagħhom mit-TAKEOFF u mill-KTO. 

 

tosfa17launchmalti2 

 

Il-fondi għal din is-sena għandhom l-għan li jkomplu jibnu fuq is-suċċessi ta’ edizzjonijiet preċedenti, li attiraw ’il fuq minn 100 applikant u ffinanzjaw ’l fuq minn 25 proġett.  Tlett timijiet li rċivew fondi fil-passat ippreżentaw il-progress tagħhom waqt iċ-ċeremonja. Il-Prof. Tonio Sant, riċerkatur li qiegħed jaħdem fuq teknoloġija għall-ħażna ta’ enerġija rinnovabbli fuq il-baħar, spjega li l-għotja li ngħatatilhom ippermettitilhom li jikkollaboraw mal-MedServ Plc u li jiksbu aktar fondi permezz tal-Programm Fusion tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.  Dan is-sajf se jkunu qegħdin iħaddmu verżjoni tal-impjant tagħhom fuq skala żgħira fil-Port il-Kbir, sabiex din tiġi ttestjata u esibita, bl-għan li jattiraw aktar investiment privat. 

Il-kumpanija Incredible Web, li rċivew fondi għall-proġett tagħhom BumALift, irnexxilhom jibnu l-akbar pjattaforma ta’ carpooling f’Malta, b’eluf ta’ utenti attivi u kważi mitt carpool kuljum.  Bis-saħħa t’hekk it-tim ta’ Incredible Web issa kiber għal sitt impjegati full-time impenjati fl-iżvilupp ta’ software ta’ kwalità għolja għal klijenti mad-dinja kollha.  Bil-fondi tat-TOSFA l-kumpanija Freshy irnexxilhom iqabbdu wahda mill-aqwa design studios internazzjonali biex jaħdmulhom fuq il-Mobile & Web User Interface.  Huma pparteċipaw ukoll b’suċċess f’numru ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali għall-istart-ups u kienu kklassifikati bħala waħda mill-aqwa għaxar start-ups minn CNBC, waħda mill-kumpaniji tal-media l-aktar rinomati fid-dinja. 

Id-data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet ta’ applikazzjonijiet bil-miktub għal TOSFA hija nhar it-Tlieta 23 ta’ Mejju f’nofsinhar. TAKEOFF se jkun qed jorganizza workshop għal min hu interessat li japplika, nhar is-Sibt, 29 ta’ April 2017. Għal aktar dettalji żuru is-sit www.takeoff.org.mt.

 


 

Arja ta’ Riċerka

Fl-2017 THINK qed jerġa’ lura għall-elementi fundamentali tiegħu. Bħalma kulturi tal-qedem iddistillaw il-kumplessità tan-natura u kull materja oħra f’erba’ elementi bażiċi—l-arja, in-nar, l-art, u l-ilma—it-tim qed juża dawn l-elementi bħala lenti li minnhom jiġi eżaminat il-katalogu vast ta’ riċerka li qed titwettaq fl-Università ta’ Malta.

Il-ħarġa Nru 19 tiffoka fuq l-ARJA
Il-futur tal-avjazzjoni qed isir aktar sikur u ambjentalist. Sabiex tiżdied il-kuxjenza sitwazzjonali tal-piloti u jitnaqqas l-ammont ta’ xogħol tal-ekwipaġġ, Dr Jason Gauci qed juża t-teknoloġija tat-touch-screen biex itejjeb l-interface fil-kabina tal-pilota. Sadattant, bi spunt mill-ammont kbir ħafna ta’ gass b’effett ta’ serra u emissjonijiet ta’ karburanti fossili minn titjiriet kummerċjali, il-Prof. Ing. David Zammit Mangion qiegħed jiżviluppa software biex jidentifika modi ta’ vjaġġar bl-ajru aktar favur l-ambjent. 

’Il fuq u ’l barra mill-atmosfera tagħna, l-istudenti qegħdin jippruvaw isolvu l-misteri dwar Titan, l-akbar qamar ta’ Saturnu, kif ukoll janalizzaw stilel distanti, mijiet u eluf ta’ snin tad-dawl barra mis-sistema solari tagħna. Fuq tema relatata, Iman Omar tikteb dwarha nnifisha u l-kontribut tar-radju-teleskopju tal-Istitut tax-Xjenza Spazjali u l-Astronomija għall-proġett impressjonanti Square Kilometer Array. Dan il-proġett, li jirrifletti n-natura mingħajr fruntieri tal-univers, qed isir permezz ta’ kollaborazzjoni internazzjonali. 

Is-suġġetti elevati jkomplu bix-xogħol sfiq ta’ Dr Jackson Said, Filippos Nachmias u Mark Pace dwar l-istudji tagħhom dwar il-gravità u l-istilel newtroni, riċerka li għandha l-potenzjal tħarbat it-teoriji ta’ Einstein. Il-Prof. Giuseppe Di Giovanni u Dr Andrew Agius iqanqlu l-ilmijiet (jew jikkalmawhom skont kif taħsibha) billi jixħtu dawl fuq il-potenzjal tal-kannabis bħala trattament għall-uġigħ kroniku. 

Hekk kif ir-relazzjoni bejn il-pubbliku u l-politiċi tagħhom issir aktar turbulenti, jeħtieġ il-ħsieb trasparenti u mgħejjun b’evidenza. Dr George Zammit janalizza l-politika tan-nuqqas ta’ qbil fil-kuntest ta’ avvenimenti bħall-Brexit u Trump. Aktar qrib lejna, Dr Joel Azzopardi u Dr Charlie Abela qegħdin jiżviluppaw app li tippermetti li data parlamentari tkun aktar aċċessibbli.

Apparti dan kollu, ir-Rivista THINK Nru 19 fiha artikli dwar it-turiżmu sostenibbli, ekonomija tal-imġiba, il-kultura, l-arti, u tagħmir, inkluża sezzjoni ġdida, Startup, li tippreżenta l-istudio tal-logħob Malti Mighty Box.

X’qed tistenna? Aħtaf l-opportunità biex taħseb.

Ir-rivista ta’ riċerka THINK tal-Università ta’ Malta, tista’ tinġabar b’xejn mil-librara madwar Malta u Għawdex u mill-ħwienet tal-kotba tal-Aġenda. Tinsab onlajn fl-indirizz elettroniku www.um.edu.mt/think, fuq Issuu jew tagħmlu ‘like’ fuq Facebook.

 


 

Id-Dipartiment tal-Malti ppreżenta kopja tal-pubblikazzjoni d-Damma lir-Rettur

Damma presented to Rector

Il-pubblikazzjoni tad-dizzjunarju ta’ Agius de Soldanis, li jismu d-Damma, hija kisba kbira fil-qasam tal-kultura Maltija. Id-Damma kienet ilha tistenna l-pubblikazzjoni mill-1767 u għal dawn l-aħħar 250 snin kienet ikkustodita fost il-manuskritti tal-Biblijoteka Nazzjonali. It-tagħrif uniku li fiha, u li jinteressa lil-lingwisti, l-istoriċi, u l-etnografi issa huwa aċċessibbli bis-saħħa tat-traskrizzjoni ta’ żewġ studenti tal-Malti, Rosabelle Carabott u Joanne Trevisan. Carabott għandha l-mertu li ħadet ukoll f’idejha r-reviżjoni u l-editjar ta’ dan ix-xogħol li fih madwar elf paġna. 

Id-Damma ġiet ippubblikata bil-kollaborazzjoni tal-RIDT, BPC International, Heritage Malta, il-Ministeru ta’ Għawdex, il-Biblijoteka Nazzjonali, l-Akkademja tal-Malti, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università. 

Ilbieraħ id-Dipartiment tal-Malti ppreżenta kopja tad-Damma lir-Rettur tal- Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella. Il-preżentazzjoni saret minn Rosabelle Carabott, l-aktar waħda li waqa’ xogħol fuqha f’dan il-proġett. Hija semmiet kif hi u seħbitha tħabbew ma’ dan ix-xogħol waqt l-istudju tad-dokumenti l-qodma li jsir fid-Dipartiment tal-Malti fl-Università.

F’kelmtejn f’isem id-Dipartiment tal-Malti, Dr Olvin Vella radd il-ħajr lill-entitajiet kollha li daħlu fi sħab f’dan il-proġett u rringrazzja lill-individwi li ħadmu fuq dan il-proġett tas-sehem ġeneruż tagħhom. Irringrazzjahom talli lkoll ħadmu bil-qalb u talli lkoll emmnu li qed jagħmlu ħaġa kbira.

Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għad-Dipartiment tal-Malti li b’din il-pubblikazzjoni qed irodd ir-rispett lil Agius de Soldanis li matul ħajtu ppubblika kemm felaħ fuq l-ilsien Malti biex jivvalorizzah f’għajnejn il-letterati kontemporanji, Maltin u barranin. 

Ir-Rettur radd ħajr lil kull minn ħadem biex dan il-proġett jitwettaq. Huwa qal li din kienet kisba importanti fi żmienna. 'Irnexxielna nippubblikaw id-dizzjunarju ta’ De Soldanis. Elf paġna miktubin 250 sena ilu, elf paġna xi minn daqqiet diffiċli biex taqrahom u ssegwihom. Elf paġna ta’ valur kbir. Valur qabelxejn għall-Malti. Fihom Malti qadim, espressjonijiet li maż-żmien mietu u Agius de Soldanis irrekordjahom qabilna. Fil-fatt, dan id-dizzjunarju kitbu għax hu kien jibża’ li tant kien qed jintilef kliem fi żmienu li ta’ warajh mhuma se jsibu xejn,' tenn jgħid il-Professur Vella.

L-Università hija impenjata li tkompli ġġib ’il quddiem l-istudju tal-Malti. Bħalissa, barra l-kors tradizzjonali tal-Baċellerat, toffri Ċertifikat fil-kors tal-Qari tal-Provi bil-Malti u wkoll Diploma fil-Letteratura Maltija.

 


 

 

< Ta' qabel 1 2 3 4 5 Li jmiss >

 
 

Log In