L-Università ta' Malta
 

Aħbarijiet
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

Akkademiku mill-Università ta Malta fit-Tim Ewlieni li qed Iwaqqaf Organizzazzjoni Xjentifika Internazzjonali

Ritratt tal-grupp ma' Nicholas Sammut

Dr Ing. Nicholas J. Sammut (Deputat Dekan Fakultà tal-ICT, l-Università ta 'Malta) huwa parti mit-tim ewlieni li qed jistabbilixxi organizzazzjoni xjentifika internazzjonali fil-Balkani. B'investiment kapitali ta 'madwar €300 miljun, din il-faċilità se tkun l-akbar tat-tip tagħha fir-reġjun. L-Istitut Internazzjonali għat-Teknoloġija Sostenibbli ta 'l-Ewropa tax-Xlokk (SEEIIST) se jkun ibbażat fuq l-istess mudell li ntuża biex iwaqqaf l-Organizzazzjoni Ewropea għar-Riċerka Nukleari (CERN) fl-Isvizzera fl-1954 b'għan primarju li tintuza x-Xjenza għall-Paci.

L-inizjattiva għadha kif ġiet iffirmata minn disa' stati membri tal-Balkani u ġiet ippreżentata lill-komunità xjentifika f'forum f'Jannar 2018 fi Trieste, l-Italja. L-avveniment kien appoġġjat mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, Xjenza u Kultura (UNESCO), l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), is-Soċjetà Fiżika Ewropea (EPS), iċ-Ċentru Internazzjonali Abdus Salam għall-Fiżika Teoretika (ICTP) u il-Ministeru tax-Xjenza tal-Montenegro.

Bħala l-fokus ewlieni tal-organizzazzjoni, l-inizjattiva bħalissa qed tikkunsidra l-kostruzzjoni ta’ sors qawwi ta dawl maghruf bhala ‘4th generation Synchrotron Light Source’ kif ukoll faċilità ta' terapija tal-kanċer bil-hadroni. Is-sors tad-dawl se jkollu użu estensiv f'bosta oqsma inkluż il-fiżika, il-bijoloġija, il-kimika, l-inġinerija, in-nanoteknoloġija, l-arkeoloġija u l-ambjent. Il-magna ta' terapija tal-hadroni ser tintuża għat-terapija klinika l-aktar avvanzata ta 'ċerti pazjenti bil-kanċer u r-riċerka tat-terapija tat-tumur bl-użu tal-ioni.

Tiġa gie mniedi studju tad-disinn ta' kull waħda minn dawn il-magni bbażat fuq ix-xjenza u t-teknoloġija avvanzata. Madwar 1000 xjenzat u prattikant mediku eventwalment ikunu involuti fid-disinn tal-faċilità, il-kostruzzjoni u l-isfruttament tagħha.

Bħalissa għaddejjin studji biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-faċilità u programm edukattiv, appoġġjat mill-IAEA, qed jiġi introdott biex jiġi żgurat li tinbena kapaċità adegwata u għarfien biex jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-faċilità. Barra minn hekk, saff ta' trasferiment ta' teknoloġija u innovazzjoni qed jiġi inkluż ukoll għat-teknoloġija li għandha tiġi sfruttata mill-industrija.

 


 

L-Ambaxxatur Taljan jżur l-Università ta’ Malta

itambassadorvisitmalti

L-Ambaxxatur Taljan għal Malta, l-E.T. Mario Sammartino, dan l-aħħar kien mistieden mid-Dekan tal-Fakultà tax-Xjenza tal-Università ta’ Malta, il-Professur Charles V Sammut, għal żjara fil-Fakultà, biex jiddiskuti mal-kapijiet tal-Dipartimenti, iżur il-laboratorji tar-riċerka, u jiltaqa’ ma’ riċerkaturi, inkluż dawk li għandhom konnessjoni Taljana.

Ħadu sehem fid-diskussjoni wkoll il-Professur Alfred J. Vella, ir-Rettur ta’ l- Università ta' Malta, il-Professur Saviour Zammit, il-Pro-rettur għar-Riċerka u t-Trasferiment tal-Għarfien, u Dr Carmen Sammut, il-Pro-Rettur għall-Affarijiet tal-Istudenti, l-Istaff u l-Kommunikazzjoni. It-taħdita ffukat fuq kollaborazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet Taljani bħall-Consiglio Nazionale delle Ricerche (CNR) u l-Istituto Nazionale di Geofisica e Vulcanologia (INGV), kif ukoll universitajiet Taljani ewlenin.  Dr André Xuereb, mid-Dipartiment tal-Fiżika, li għen biex issir iż-żjara saħaq kif ħafna riċerka importanti qed isseħħ grazzi għal dawn ir-relazzjonijiet eċċellenti, speċjalment fit-teknoloġiji kwantistiċi (quantum technologies), fl-ambitu tas-sejsmoloġija, u fix-xjenza tal-ibħra.

L-Ambaxxatur Sammartino żar il-laboratorji tad-Dipartimenti tal-Fiżika, tal-Ġeofiżika, tal-Bijoloġija, u tal-Kimika, fejn iltaqa’ ma’ riċerkaturi u studenti, li fosthom kien hemm uħud Taljani. Il-Professur Sammut irringrazzja lil-Ambaxxatur taż-żjara u s-sapport tiegħu, u enfasizza li l-kooperazzjoni inter-akkademika, li hija waħda mill-pilastri li fuqha jista’ jiġi bbażat it-tisħiħ ulterjuri tar-relazzjonijiet diġà eċċellenti bejn l-Italja u Malta.

Għal aktar ritratti żur is-sit ta' Facebook.

 


 

Tnedija tal-Proġett CURIO

curiolaunch_malti 

It-tnedija uffiċjali tal-Proġett CURIO saret fuq il-Kampus tal-Università ta’ Malta fil-Belt Valletta.  Il-proġett ta’ tliet snin, deskritt bħala ‘Għodda ta’ Tagħlim għat-Trawwim ta’ Kurżità Xjentifika’, huwa azzjoni ta’ sħubija strateġika ffinanzjata mill-programm ERASMUS+.  Dan il-proġett għandu l-għan li jimpenja lill-istudenti u jistimula l-kurżità dwar temi xjentifiċi fil-livell elementari u dak tal-ewwel snin tal iskola sekondarja.

L-għodda CURIO tippermetti lil għalliema u studenti joħolqu xenarji li mbagħad ikunu jistgħu jintlagħbu f’ambjent virtwali f’forma ta’ logħba.  Waqt l-avveniment tat-tnedija, ġie ppreżentat il-pjan ta’ azzjoni għat-tliet snin li ġejjin.  Dan iffoka fuq informazzjoni għall-partijiet interessati u dawk li fil-futur ser jużaw l-għodda, b’enfasi fuq innovazzjoni teknika, opportunitajiet pedagoġiċi ġodda, u l-benefiċċji soċjali diversi li huma mistennija.

It-tim tal-Proġett CURIO huwa magħmul mill-Istitut tal-Logħob Diġitali tal-Università ta’ Malta, PlaceHolder Interactive (Malta), l-Università ta’ Venezja (l-Italja), l-Università ta’ Skövde (l-Isvezja), u l-Istitut Edward de Bono tal-Università ta’ Malta.

Meta rrefera għal dan il-proġett, l-Onor. Evarist Bartolo, Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, qal li qed issir aktar diffiċli tiġbed l-attenzjoni u l-konċentrazzjoni taż-żgħażagħ minħabba konsum diġitali żejjed.  “Dan ser jibqa’ hekk waqt li t-teknoloġija tkompli tiġi rfinuta xjentifikament, b’mod analitiku u mfassla apposta biex tiġbed l-attenzjoni ta’ dak li jkun. Huwa għalhekk kruċjali li l-esperjenza edukattiva tifhem din ir-realtà li għandna quddiemna.  Irridu nassiguraw li l-esperjenza tkun aktar attraenti u parteċipattiva, inkluż permezz tal-applikazzjoni ta’ elementi tal-logħob. Sa ċertu punt diġà qegħdin naraw li din it-teknoloġija qed tintuża tajjeb, permezz ta’ xi applikazzjonijiet popolari fit-tagħlim tal-lingwi u dak numeriku, biex jinkiseb dan il-għan”.

Il-Pro-Rettur tal- Università ta’ Malta, il-Prof. Godfrey Baldacchino, qal li  kien ta’ pjaċir kbir għalih li jattendi għat-tnedija ta’ dan il-proġett eċċitanti. “Inizjatttiva bħal din tfakkarna kif aħna, bħala għalliema, għandna nizirgħu l-kurzità u l-kreattività fil-qlub u l-imħuħ tal-istudenti. Nistenna bil-ħerqa biex nara l-frott ta’ dan il-proġett jitlaħħam b’attivitajiet edukattivi fil-klassijiet tagħna”.

Dr Stefano Gualeni mill-Istitut tal-Logħob Diġitali tal-Università ta’ Malta, u l-Koordinatur tal-proġett, ta spjegazzjoni ġenerali ta’ CURIO, inklużi l-imsieħba, r-riżultati mistennija u l-iskadenzi tal-proġett.  “Tkun ta’ għajnuna jekk naħsbu dwaru bħala video game edukattiva li tista’ tintuża waqt attivitajiet fil-klassi u anke d-dar.  U immaġinaw li – lil hinn mill-video game – hemm għoddod li faċilment jagħtu s-setgħa lill-għalliema biex joħolqu kontenut ġdid u jippersonalizzaw kontenut eżistenti sabiex ix-xogħol tal-klassi jkun interattiv, divertenti, u kooperattiv.”

Is-Sur Marcello Gómez Maureira minn Placeholder Interactive tkellem dwar id-disinn, l-isfidi tekniċi, u r-rilevanza ta’ CURIO għar-riċerka.  “Permezz ta’ CURIO rridu nipprovdu ambjent sikur għall-esperimentazzjoni – li xi biċċiet minnha jistgħu lanqas biss ikunu possibbli mingħajr l-użu ta’ ambjent interattiv.”

Il-Prof. Sandra Dingli mill-Istitut Edward de Bono, l-Università ta’ Malta, tkellmet dwar il-ħtieġa li jingħata żvog għall-potenzjal kreattiv biex titrawwem il-kurżità xjentifika. “L-istudenti tal-lum twieldu fid-dinja diġitali, fiż-żmien tal-internet b’aċċess faċli għal apparat bħat-telephones ċellulari u t-tablets minn fejn jistgħu jkollhom aċċess għal logħob online b’utenti multipli u dinjiet virtwali.  Huma mrobbija f’ambjent fejn il-parteċipazzjoni attiva permezz tat-teknoloġija diġitali online hija parti ċentrali mill-ħajja tagħhom u fejn jiltaqgħu ma’ sfidi online motivanti u eċċitanti fuq bażi ta’ kuljum.”


 


 

 

< Ta' qabel 1 Li jmiss >

 
 

Log In