L-Università ta' Malta
 

Attivitajiet
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

Ġirja kontra l-ħin fil-belt Valletta

Fekruna

Mill-għasafar u l-fkieren sal-frott tropikali u l-migrazzjoni tal-klima, din iż-żona fi Pjazza De Valette tesplora d-diversità tal-NGOs f’Malta

Liema dinja rridu li t-tfal tagħna jirtu? Dinja mingħajr naħal jew fkieren jew klieb il-baħar? Il-festival tax-Xjenza fil-Belt ta’ din is-sena, li se jittella’ madwar il-belt Valletta bejn is-6.00pm u nofsillejl nhar il-Ġimgħa li ġejja, ġabar flimkien għadd ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) Maltin biex jgħinu lill-viżitaturi jwieġbu din il-mistoqsija permezz ta’ logħob interessanti u ħafna aktar esperjenzi interattivi għad-divertiment ta’ kullħadd.

Iż-żona tal-NGOs fil-Pjazza De Valette turi riċerka li tista’ tgħinna fil-ġirja kontra l-ħin biex insalvaw għadd ta' annimali differenti. BirdLife Malta tiġbor tagħrif dwar il-migrazzjoni tal-għasafar, filwaqt li Sharklab telenka kif il-klieb il-baħar għandhom iċ-ċavetta għall-futur tal-Baħar Mediterran. Il-voluntiera tal-Wildlife Rescue Team ta’ Nature Trust Malta se jkunu qed jirrakkontaw l-esperjenzi tagħhom dwar kemm qed jiżdied in-numru ta’ fkieren li fihom isibu skart mormi fil-baħar bħall-mikroplastiċi.

L-iskart mormi fil-baħar mhux biss hu problema għall-annimali imma anki għall-ambjent tal-madwar. L-organizzazzjoni Youth for the Environment turi kemm tassew hu maħmuġ ir-ramel ta’ Golden Bay u tistieden lill-viżitaturi biex jilgħabu kwizz interattiv biex jitnaqqas l-iskart. Il-grupp Kopin se juża’ l-logħob biex jiffoka fuq il-migrazzjoni relatata mal-klima. Il-logħba tpoġġi lilek innifsek bħala refuġjat, bil-għan li tara jekk tkunx tista’ tidentifika l-effetti tal-bidla fil-klima, jew titgħallem dwar l-użu tal-ilma fil-ħajja ta' kuljum. Il-kooperattiva tal-kummerċ ġust KKG se tgħinek tqiegħed il-frotta tropikali favorita tiegħek fuq mappa dinjija.

Post ieħor interessanti li wieħed għandu jżur hi l-bitħa tal-Palazz tal-Granmastru, li se tinbidel f'żona interattiva għall-familja kollha biex ikunu jistgħu jitgħallmu aktar dwar in-naħal. Bl-islogan #Bees4Food, l-organizzazzjoni Greenhouse flimkien ma’ NGOs oħra se jżidu aktar għarfien dwar il-problemi serji li dinja mingħajr naħal jista’ jkollha. L-attivitajiet jinkludu dawra qasira bil-mixi, xow bid-dellijiet tal-pupi, bankarelli tal-artiġjanat u logħob għat-tfal żgħar. Dawn l-attivitajiet divertenti se jgħinu lill-viżitaturi jiksbu l-passaport tan-naħal.

Dawn l-NGOs se juru kif ix-xjenza hi marbuta ma’ ħafna affarijiet żgħar li niltaqgħu magħhom fil-ħajja ta' kuljum.

Ix-Xjenza fil-Belt – il-festival ta’ Lejlet ir-Riċerkaturi Ewropej, hu organizzat mill-Università ta’ Malta, il-Fond tar-Riċerka (RIDT), il-Kamra Maltija tax-Xjentisti, flimkien ma’ għadd kbir ta’ msieħba. Dan hu ffinanzjata mill-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Horizon 2020 (H2020, 2014-2020) tal-Kummissjoni Ewropea mill-Marie Skłodowska-Curie Actions, u hu rikonoxxut bħala festival mill-Europe for Festivals and Festivals for Europe (EFFE). Il-festival għandu l-appoġġ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, l-aġenzija BPC International u għadd ta’ sponsors korporattivi.

Il-programm sħiħ jinsab fuq is-sit: www.scienceinthecity.org.mt jew fuq Facebook.


 


 

Kun af dwar saħħtek

Science in the City - is-saħħa
   
Matul il-festival ix-Xjenza fil-Belt ta’ din is-sena, li se jsir fid-29 ta’ Settembru bejn is-6 ta' filgħaxija u nofsillejl, se jkun hemm żona akbar mis-soltu ddedikata għas-saħħa. Din se tittratta r-riċerka li qed issir fl-Università ta' Malta, diversi check-ups biex ikun hawn aktar għarfien  dwar is-saħħa ta’ dak li jkun, kif ukoll ħarsa lejn il-futur tal-kura tas-saħħa fl-era tal-informatika.

Il-kantuniera bejn Triq San Ġwann u Triq ir-Repubblika se tkun iddominata minn installazzjoni kbira ta’ ologramma (hologram) imtella’ minn grupp ta' studenti mill-MCAST. Minħabba li x-xejra teknoloġika u l-kura tas-saħħa qed isiru aktar u aktar konnessi ma’ xulxin, parti kbira tal-filmat tal-ologramma għall-wiri sar b’kontribut minn riċerkaturi tal-Università ta’ Malta li se jiltaqgħu mal-pubbliku tul it-Triq San Ġwann biex jispjegaw ir-riċerka tagħhom dwar firxa wiesgħa ta’ mard.

Fost għaqdiet oħra li se jieħdu sehem hemm il-Kamra tal-Ispiżjara ta’ Malta li se turi teknoloġija ċċentrata fuq pazjenti, bħal applikazzjonijiet (apps) għal smartphones għal tilqim, flimkien ma' riċerka dwar kif il-ġenoma tista’ taffettwa r-reazzjonijiet tan-nies għad-drogi. L-Alleanza Nazzjonali għall-Appoġġ tal-Mard Rari - Malta se tqajjem kuxjenza dwar kundizzjonijiet ta’ saħħa li jistgħu jkunu injorati.

Il-kontribut ta’ aktar gruppi ta' riċerkaturi mill-Università ta’ Malta se jsostni dawn is-suġġetti b'aktar xjenza. Per eżempju, in-nies jistgħu jiltaqgħu mal-Professur Alex Felice u Dr Joseph Borg mill-Fakultajiet tal-Mediċina u l-Kirurġija, u Xjenza tas-Saħħa, u jsiru jafu aktar dwar disturbi rari tad-demm u jintwerew kif ikunu estratti DNA minn ċelloli. Il-viżitaturi jistgħu anki jaraw il-ġenoma tal-bniedem u jidentifikaw kif il-bidliet fid-DNA jistgħu jkunu analizzati wara, u marbuta mal-marda.  
 
Parteċipanti oħra se juru l-aktar aspett prattiku tal-kura tas-saħħa. Fi Triq San Ġwann u fil-Casino Maltese se jkun hemm oqsma differenti dwar il-mediċina, it-tagħmir minn oġġetti komuni li x'aktarx titgħallem aktar dwarhom (bħalma huma d-defibrillaturi) sa ċertu apparat speċjalizzat, ħafna inqas familjari, li jintuża f'audiology jew anke fil-podjatrija. Kont taf li kameras termali (thermal) u tagħmir għall-pressjoni jistgħu jintużaw biex jistudjaw saqajk? Jekk inti tqatta’ xi ftit ħin f’dan il-festival, se tkun taf aktar dwarek innifsek minn qatt qabel.

Bejn il-bini tal-Casino Maltese u Pjazza San Ġorġ, għaqdiet oħra tal-istudenti se juru aktar esperimenti u logħob, u jagħtu ħarsa lejn aspetti differenti tal-kura tas-saħħa, meqjusa minn diversi angoli differenti.

Il-festival ix-Xjenza fil-Belt – Lejlet ir-Riċerkaturi Ewropej hu organizzat mill-Università ta’ Malta, il-Fond tar-Riċerka (RIDT), il-Kamra Maltija tax-Xjentisti, flimkien ma’ numru kbir ta’ msieħba. Din is-serata hi ffinanzjata mill-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Horizon 2020 (H2020, 2014-2020) tal-Kummissjoni Ewropea mill-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie, u hu rikonoxxut bħala festival mill-Europe for Festivals and Festivals for Europe (EFFE). Il-festival għandu l-appoġġ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni u numru ta’ sponsers korporattivi.

Il-programm sħiħ jinsab fuq: www.scienceinthecity.org.mt Jista’ jkun segwit ukoll fuq Facebook għall-aktar aġġornamenti: www.facebook.com/ScienceInTheCityMalta

Ritratt: Il-parteċipanti matul il-festival ix-Xjenza fil-Belt—Lejlet ir-Riċerkaturi Ewropej, tas-sena li għaddiet  (Photo credit: Daniel Mifsud)

 


 

THINKtalks dwar id-DINJA: Problemi tal-ilma ħelu, bjut imħaddra, u l-awksetiċi!

Illum il-ġurnata, bl-amministrazzjoni tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump iġġib fix-xejn għexur ta’ snin ta’ politika ambjentali, is-suġġetti tal-bidla fil-klima, id-dinja naturali tagħna, u l-ambjent qegħdin fuq ilsien kulħadd. Ser ningħaqdu fil-konversazzjoni fl-edizzjoni li jmiss ta’ THINKtalks fid-29 ta’ Settembru fil-Ġonna ta’ Hastings fil-Belt Valletta għall-Festival Science in The City ta’ din is-sena.

Riċerkaturi fl-Università ta’ Malta qed jistinkaw biex joħolqu soluzzjonijiet li jgħinuna ngħixu b’mod iżjed sostenibbli. Stedinna tlieta minnhom għal THINKtalks. Dr Aaron Micallef fil-preżent qed jaħdem fuq il-proġett MARCAN li jiffoka fuq irqajja’ ta’ ilma ħelu li nstabu taħt il-baħar. Din tista’ tkun soluzzjoni għal uħud mill-kwistjonijiet ta’ Malta meta nirreferu għall-ilma tal-pjan li qiegħed isir aktar skars. Sadattant, Antoine Gatt qed imexxi l-proġett LifeMedGreenRoof bit-tama li jkun hawn ġonna fuq kull bejt fuq il-gżira, li jgħinu lin-nies mhux biss billi jnaqqsu l-problema tal-għargħar iżda wkoll bil-kontijiet tad-dawl tagħhom. Fl-aħħar nett, il-Prof. Joseph N. Grima ser jaqsam ix-xogħol tiegħu fuq il-materjali awksetiċi, qasam ta’ riċerka fil-materjali li jeħxienu meta jiġġebbdu, u jgħidilna aktar kemm hu importanti li t-tagħrif jibqa’ miftuħ u jinqasam ma’ ħaddieħor.

It-taħditiet jibdew fis-7:00 ta' filgħaxija. Ejja u ħu tazza nbid b’xejn u nitkellmu dwar ix-xjenza.

Tagħrif fuq Facebook.

 


 

Ix-Xjenza fil-Belt mhix biss għat-tfal

Adulti

Science in the City mhix biss għat-tfal


Il-festival Malti ta’ xjenza u arti, Science in the City, li se jsir fil-belt Valletta l-Ġimgħa 29 ta’ Settembru bejn is-6 filgħaxija u nofsillejl, hu magħruf bħala festival għall-familja kollha b’attivitajiet interattivi, xows tax-xjenza u logħob. Imma hemm ħafna aktar. Il-festival ta’ din is-sena ser ikun qed jiffoka fuq firxa ta’ attivatjiet maħsuba għall-adulti li jvarjaw minn taħdidiet sa wiri tas-serje Sci-Fi, Black Mirror.   

Wieħed jista’ jibda b’mixja rilassanti f’Triq ir-Repubblika u jħares lejn l-imwejjed mixgħulin. Ma’ dawn l-imwejjed ser ikun hemm uħud mill-aqwa riċerkaturi ta’ Malta libsin flokk ikkulurit. Kun żġur li ma titlifx l-opportunità li titkellem magħhom u tistaqsihom mistoqsijiet li jista’ jkollok fuq suġġetti li jvarjaw mill-univers li dejjem qed jespandi sa kif jintużaw id-drowns fl-Arkeoloġija.   

Wara, fil-kamra taċ-ċinema tal-Kavallier ta' San Ġakbu u isma l-aqwa taħdidiet ta’ Malta Cafe’ Sci fl-edizzjoni tal-2017. Dr Stefano Gualeni se jindirizza d-dilemma tat-Tiġieġa u l-Bajda billi jiggwidak fuq esperiment tal-ħsieb li ġġagħlek tiddefinixxi mill-ġdid xi tfisser il-kelma ‘soppa’. Dr Sebastiano D’Amico se jkun qed jitħadded dwar il-ġeoloġija tad-dinja. Filwaqt li Dr Alessio Magro u Dr Andre’ De Macro se jkunu qed jitkellmu dwar l-ikbar esperiment tad-dinja li għadu se jibda fl-Afrika t'Isfel u l-Awstralja. Dan l-esperiment, li jinvolvi anki lil Malta, se jgħin biex jinkixxfu s-sigrieti tal-galassji tagħna.

Fil-Ġonna ta’ Hasting se jkun hemm THINKtalks, inizjattiva ġdida mill-magazin Think biex min jattendi l-Festival jiltaqa’ mal-kittieba tal-artikli ta’ Think. Hu sehem f’diskussjonijiet dwar il-provvista ta’ ilma ħelu f’Malta, skopri kif Malta għandha rwol ewlieni fl-iżvilupp ta’ teknoloġija użata minn manifattur globali tal-isports, jew kif green roofs jistgħu jħaddru dawn il-ġżejjer. L-organizzazzjonijiet tal-istudenti Insite, GHSL, Hybrid u MHSA qed jorganizzaw taħdidiet xjentifiċi dwar suġġetti bħal cybercrime, donazzjonijiet tal-organi, marijuana, surrogacy u robots. 

Ħdejn Bieb il-Belt, fuq it-taraġ maġenb il-Parlament, CineXjenza se tkun qed turi ftit episodji mis-serje popolari tas-Sci-Fi, Black Mirror. Wara li jintwerew dan l-espisodji se jkun hemm diskussjoni dwar augmented reality, magni li jikkupjaw l-imġieba tal-bniedem, u mod ta’ kif tista’ tibblokka persuna. Dawn id-diskussjonijiet se jitmexxew mill-Prof. Alexiei Dingli u Prof. Georgios Yannakakis li r-riċerka tagħhom ispirat wieħed mill-episodji tas-serje.

Ix-Xjenza fil-Belt – il-festival ta’ Lejlet ir-Riċerkaturi Ewropej, hu organizzat mill-Università ta’ Malta, il-Fond tar-Riċerka (RIDT), il-Kamra Maltija tax-Xjentisti, flimkien ma’ għadd kbir ta’ msieħba. Dan hu ffinanzjata mill-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Horizon 2020 (H2020, 2014-2020) tal-Kummissjoni Ewropea mill-Marie Skłodowska-Curie Actions, u hu rikonoxxut bħala festival mill-Europe for Festivals and Festivals for Europe (EFFE). Il-festival għandu l-appoġġ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, l-aġenzija BPC International u għadd ta’ sponsors korporattivi.

Il-programm sħiħ jinsab fuq: www.scienceinthecity.org.mt Jista’ jkun segwit ukoll fuq Facebook għall-aktar aġġornamenti: www.facebook.com/ScienceInTheCityMalta


 


 

Ix-xjenza u l-arti jiltaqgħu fil-festival Xjenza fil-Belt

Blood Wedding

Iż-żeffiena Emma Louise Walker u Kostas Papamatthaisakis f’att minn Blood Wedding ta’ Lucía Piquero (photo credit: John Ambrogio)

Fit-toroq tal-belt Valletta se jittellgħu numru ta’ attivitajiet artistiċi, fosthom drammi, skulturi, żfin u band tal-jazz biex jiċċelebraw ir-riċerka f’Malta b’diversi modi waqt il-festival Xjenza fil-Belt, il-Ġimgħa 29 ta’ Settembru mis-6 ta' filgħaxija ’l quddiem.

Iż-żifna interattiva Science of Dance, ikkoordinata minn Lucia Picquero, se toħloq mudell ta’ moħħ ta’ bniedem fuq il-palk. Iż-żeffiena se jirrappreżentaw il-konessjonijiet newronali ġewwa l-moħħ u, permezz tal-movimenti, juru kif jaħdem il-moħħ, u d-differenzi bejn moħħ b’saħħtu u wieħed marid. L-udjenza tkun mistiedna  tosserva sew x’ikun qed jiġri fl-imħuħ.  

Is-sessjonijiet ta’ Jazz for the Brain (il-kunċert se jittella’ fit-28 ta’ Settembru fid-9 ta' filgħaxija filwaqt li fid-29 ta’ Settembru se jsiru serje ta’ kunċerti qosra mis-7 filgħaxija ‘l quddiem) se jinvolvi lill-mużiċisti tal-jazz jimprovizzaw il-mużika tagħhom skont l-istampa tal-moħħ li qed jaraw. Il-kunċerti se jsiru fil-Knisja ta’ Santa Barbara fi Triq ir-Repubblika. 

Id-dramm Get Your Act Together, imtellgħa minn More or Less Theatre, se ssir fi Spazju Kreattiv (St James Cavalier) fis-7.30 ta' filgħaxija. Il-proġett qed juża d-dramm biex iqajjem diskussjonijiet dwar kwistjonijiet tas-soċjetà, fosthom il-kanċer u s-suwiċidju. Id-dramm jolqot ukoll ir-riċerka xjentifika f'dawn is-suġġetti. Dan il-proġett li ilu għaddej sentejn qed isir l-ewwel darba, b’qari esklussiv għat-teatru.

Fi Spazju Kreattiv se jkun hemm ukoll għall-wiri skultura, bl-isem “Transmission Interrupted”, minn Martina Camilleri mill-MCAST. Din l-iskultura tirrappreżenta l-ħsara li t-teknoloġija tas-sonar għamlet fuq kif il-ħlejjaq tal-baħar jikkomunikaw. L-istruttura tikkombina flimkien materjali magħmulin mill-bniedem ma’ ħsejjes partikolari ta’ taħt il-baħar. L-iskultura se tkun għall-wiri fl-Atrium ġimgħa qabel Xjenza fil-Belt, u fid-9pm dakinhar tal-festival. 

L-ologramma Light Pushes Stuff, (hologram) magħmula mid-dawl, flimkien ma’ attivitajiet oħra kreattivi se jseħħu f’għadd ta’ postijiet madwar il-Belt. L-għan hu li l-festival ta’ din is-sena jkun l-isbaħ wieħed li qatt sar s’issa.  

Ix-Xjenza fil-Belt – il-festival ta’ Lejlet ir-Riċerkaturi Ewropej, hu organizzat mill-Università ta’ Malta, il-Fond tar-Riċerka (RIDT), il-Kamra Maltija tax-Xjentisti, flimkien ma’ għadd kbir ta’ msieħba. Dan hu ffinanzjata mill-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Horizon 2020 (H2020, 2014-2020) tal-Kummissjoni Ewropea mill-Marie Skłodowska-Curie Actions, u hu rikonoxxut bħala festival mill-Europe for Festivals and Festivals for Europe (EFFE). Il-festival għandu l-appoġġ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, l-aġenzija BPC International u għadd ta’ sponsors korporattivi.

Il-programm sħiħ jinsab fuq: www.scienceinthecity.org.mt Jista’ jkun segwit ukoll fuq Facebook għall-aktar aġġornamenti: www.facebook.com/ScienceInTheCityMalta

 


 

Skopri esperjenzi ġodda fit-teknoloġija avvanzata fil-belt Valletta

Science in the City

Fiż-żona tat-teknoloġija il-parteċipanti jistgħu jesperjenzaw il-VR app
   
It-teknoloġiji tal-ġejjieni, li konlna naħsbu li jsiru biss fil-films, se jkunu għall-wiri matul il-festival Ix-Xjenza fil-Belt, il-Ġimgħa 29 ta’ Settembru mis-6 filgħaxija ‘l quddiem.

Dawk li jżuru il-festival se jsibu doża tajba ta’ teknoloġija avvanzata b’robots, realtajiet virtwali (virtual reality), installazzjonijiet artistiċi b’realtà virtwali u logħob interattiv.  Dan kollu se jkun taħt l-arkati ħdejn Pjazza Regina u se jsir b'kollaborazzjoni ma' riċerkaturi fl-Università ta’ Malta, mid-Dipartimenti tal-Cognitive Science, Media and Knowledge Sciences, Intelliġenza Artifiċjali u mill-Istitut tal-Logħob Diġitali tal-Università ta’ Malta. Se jkun hemm ukoll apps biex jirrappurtaw fuq dramm ta’ reat kriminali, kif ukoll skultura ta’ dawl interattiv, u l-akbar ologramma f’Malta mtella’ mill-MCAST. 

Installazzjoni tad-dawl jiċċaqlaq, bl-isem Light Pushes Stuff se ssir fi Triq L-Ordinanza, ħdejn il-bini tal-Parlament. Din qed tittella’ mill-grupp Late Interactive b'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Fiżika fl-Università ta’ Malta. Is-sena li għaddiet Late Interactive ħoloq Brainrave, sistema li tistà tikkontrolla mużika u stampi billi wieħed juża biss il-ħsieb. Din is-sena, l-installazzjoni hi magħmula minn dwal li jkun kinetic u li jistgħu jkunu kkontrollat bl-użu ta’ xi ħaġa faċli li ssibha fil-but tal-individwu, jiġifieri t-telefon ċellulari.  It-torch tat-telefon se tirrappreżenta l-fenomenu xjentifiku tal-pressjoni tar-radjazzjoni. Meta d-dwal tat-telefon jaħbat mad-dwal tal-iskulturi, dawn jiffurmaw diversi sinjali u juru kif id-dawl jista’ jwassal biex jimbotta oġġetti. Dan il-proġett hu ko-finanzjat mill-Malta Arts Fund u l-Hybrid Optomechanical Technologies (HOT), u li huma ffinanzjati mill-Programm Horizon 2020 (H2020, 2014-2020) tal-Kummissjoni Ewropea.

Fiż-żona tar-Realtà Virtwali (VR) taħt l-arkati ħdejn Pjazza Regina, se jkunu t-testjati tliet VR apps interattivi. It-tliet apps differenti se jissimulaw l-istrument tal-flawt, kif tkun jekk tgħix fil-ħajja ta’ tfal bl-awtiżmu jew jekk tgħix il-ħajja ta’ tfal migranti ġo klassi. Il-proġett se jkun mmexxi mid-Dipartiment tal-Artificial Intelligence u l-Istitut tal-Logħob Diġitali. B'kollaborazzjoni ma’ OpenTinkers, l-istand se jinkludi ukoll bord interrativ bid-dawl LED, u robots.

Ix-Xjenza fil-Belt – il-festival ta’ Lejlet ir-Riċerkaturi Ewropej, hu organizzat mill-Università ta’ Malta, il-Fond tar-Riċerka (RIDT), il-Kamra Maltija tax-Xjentisti, flimkien ma’ numru kbir ta’ msieħba. Dan hu ffinanzjata mill-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Horizon 2020 (H2020, 2014-2020) tal-Kummissjoni Ewropea mill-Marie Skłodowska-Curie Actions, u hu rikonoxxut bħala festival mill-Europe for Festivals and Festivals for Europe (EFFE). Il-festival għandu l-appoġġ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni u numru ta’ sponsers korporattivi.

Il-programm sħiħ jinsab fuq: www.scienceinthecity.org.mt u jista’ jkun segwit ukoll fuq Facebook għall-aktar aġġornamenti.

 


 

Konferenza li tistħarreġ ir-rabtiet bejn dixxiplini differenti

Il-Junior College tal-Università ta’ Malta se jinawgura konferenza multidixxiplinari bejn it-18 u l-20 ta’ Settembru 2017 bit-titlu: The Junior College Multi-Disciplinary Conference: Research, Practice and Collaboration.

L-għan ta’ tema wiesgħa bħal din huwa li studjużi u professjonisti jiddiskutu u jaqsmu ideat fuq dixxiplini u oqsma differenti, kif ukoll li jidentifikaw, fost l-oħrajn, x’jgħaqqad suġġetti ta’ natura differenti, jew inkella xi jbegħedhom minn xulxin. Fost l-oqsma differenti ta’ studju hemm: ix-xjenzi soċjali, naturali u umani, l-arti u l-istudji umanistiċi, l-edukazzjoni, il-business, it-teknoloġija u l-ambjent.

Biex tikkonsulta l-programm tal-konferenza u biex tinkiteb online żur:

Biex tinkiteb wara t-30 ta’ Awwissu tista’ tagħmel dan fl-uffiċċju tal-Prinċipal tal-Junior College. Għal iktar informazzjoni ibgħat email fuq: mdconf.jc@um.edu.mt jew ċempel 2590 7244.

 


 

THINKtalks jirritorna: L-Ilma, ir-RV, u d-dilemma tal-lingwa f’Malta

Tixtieq tipprova sett headphones b’realtà virtwali? Tagħti ħarsa mill-qrib lejn l-istorja ta’ taħt l-ilma ta’ Malta?  Jew, tiddiskuti s-sitwazzjoni stramba tal-lingwa lokali?  THINKtalks ser jerġa’ jsir nhar l-Erbgħa, 19 ta’ Lulju fis-7.30pm, din id-darba fuq il-Quadrangle tal-Università ta’ Malta, b’garanzija ta’ lejl divertenti ta’ riċerka u ikel u xorb ħafif.

Dr Vanessa Camilleri (Fakultà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni - ICT), Dr Timmy Gambin (Fakultà tal-Arti) u Dr Sarah Grech (Ċentru tal-Profiċjenza fil-Lingwa Ingliża) ser jingħaqdu magħna matul is-serata, lesti u ħerqana biex jippreżentaw xogħolhom.  Vanessa ser tkun qed tiffoka fuq l-esperjenza tar-realtà virtwali li hi u t-tim tagħha ħolqu biex jiffaċilitaw it-titjib tal-empatija tal-utent lejn nies minn kulturi differenti permezz tar-rakkontar tal-istejjer.  Timmy ser jaqsam l-isforzi tat-tim tiegħu biex jesponu r-rikkezzi tal-istorja tal-gżira tagħna li jinsabu taħt il-baħar. Hu jinkludi wkoll katalogu vast ta’ artefatti li ilhom mitlufa.  Sarah tagħlaq is-serata b’analiżi dwar is-sensittività tal-lingwa f’Malta u l-importanza tal-kuntest f’dik id-diskussjoni.

 


 

Evenings on Campus 2017 reġa’ magħna fl-aqwa tiegħu

Evenings on Campus

Din is-sena l-Evenings on Campus reġa’ magħna fl-aqwa tiegħu. Il-festival, li wasal fil-25 edizzjoni tiegħu, ser ikun bejn il-Ħadd 23 ta’ Lulju u l-Ġimgħa 11 ta’ Awwissu. Dan jinkludi firxa ta’ mużika, żfin, teatru u xjenza fl-arti li għandha tattira udjenzi kolti u li jħobbu d-divertiment – kemm żgħażagħ kif ukoll dawk b’moħħ żagħżugħ. L-innovattiv jitħallat mat-tradizzjonali u dak popolari.

Tricia Dawn Williams ser tniedi kunċert eċitanti fejn it-tastiera bajda u sewda tal-pjanu tiġi estiża lejn pajsaġġi mlewna tal-mużika elettronika. F’serata ddedikata għal-lingwa Maltija, l-attur Joseph Galea ser jinterpreta stejjer mhux ippubblikati ta’ Trevor Zahra, filwaqt li Corazon tgħaqqadhom mal-kant tagħha.  Udjenzi ta’ età żgħira jistgħu jiddevertu b’‘Shakeshorts’, miktub u ppreżentat fi stil umoristiku li jwassal lit-tfal biex jieħdu gost bil-kitbiet ta’ Shakespeare. Kelliema mistiedna minn Malta Café Sci jitkellmu dwar il-kompetenzi varji tagħhom u l-metodi li jintużaw fil-konservazzjoni ta’ materjali differenti u xogħlijiet tal-arti, filwaqt li l-Kumpanija taż-Żfin Alegria flimkien ma’ Tikka Banda jippreżentaw ‘Tikka Alegria’, produzzjoni esperimentali li tgħaqqad iż-żfin tal-Flamenco ma’ marċi tal-banda tradizzjonali Maltin.

‘Eternal Glades’ jagħlaq l-istaġun bi preżentazzjoni komika dwar dar tal-anzjani għal allat xjuħ, b’Odin jipprova jifhem għaliex Żeus huwa daqshekk imqareb.

Din is-sena, Evenings on Campus qed jintroduċi biljett għall-familja kollha u block ticket individwali bi prezz imnaqqas.  Il-biljetti jistgħu jinxtraw online minn www.ticketline.com.mt jew mill-bieb.

Il-postijiet huma kollha aċċessibbli għal min juża s-siġġu tar-roti. Il-parkeġġ huwa bla ħlas fil-parkeġġi tal-Università ta’ Malta, il-Kampus tal-Imsida.

Għal aktar informazzjoni żuru l-paġna ta’ Evenings on Campus fuq Facebook, ibagħtu email lil eveningsoncampus@um.edu.mt jew ċemplu fuq +356 7984 3480 jew idħlu fuq is-sit elettroniku www.um.edu.mt/eveningsoncampus


Informazzjoni dwar il-biljetti għall-Evenings on Campus ta’ din is-sena

Il-biljetti jistgħu jinxtraw onlajn minn www.ticketline.com.mt jew minn fuq il-post.

Din is-sena, Evenings on Campus qed jintroduċi Pass għall-Festival għall-prezz ta’ €30 li permezz tiegħu individwi jkunu jistgħu jattendu għall-avvenimenti kollha.

Evenings on Campus qed jintroduċi wkoll biljett għall-Familja, għall-prezz ta’ €20, għad-dħul ta’ avveniment wieħed għal żewġ adulti u sa tlett itfal taħt il-15-il sena. 

Għal aktar informazzjoni żuru l-paġna ta’ Facebook ta’ Evenings on Campus, jew ibagħtu email lil eveningsoncampus@um.edu.mt jew ċemplu fuq +356 7984 3480

Il-postijiet huma kollha aċċessibbli għal min juża s-siġġu tar-roti. L-avvenimenti fuq il-Kampus tal-Imsida jinkludu parkeġġ bla ħlas fil-parkeġġi tal-Università ta’ Malta, il-Kampus tal-Imsida.


Programm ta’ Evenings on Campus ta’ din is-sena

TRANSIT[ion](10+)
23 ta’ Lulju fid-21:00
It-Teatru tal-Kampus tal-Belt Valletta (ex MITP), il-Kampus tal-Belt Valletta.
TRANSIT [ion] … l-estensjoni tat-tastiera bajda u sewda tal-pjanu lejn pajsaġġi mlewna tal- mużika elettronika, teknika estiża tal-pjanu u l-vidjo.
Biljetti: Kbar €10; Tfal (taħt il-15-il sena) €5
Pass għall-Festival €30; Biljett għall-Familja €20

STORJAKANTA (U)
29 ta’ Lulju fid-21:00
Atriju Vassalli (Il-Quadrangle Prinċipali), l-Università ta’ Malta, il-Kampus tal-Imsida
Lejla ta’ mużika u letteratura bi stil mexxej u preżentazzjoni divertenti kif jafu joffru l-kantanta Corazon u l-attur Joseph Galea
Biljetti: Kbar €10; Tfal (taħt il-15-il sena) €5
Pass għall-Festival €30; Biljett għall-Familja €20

Shakeshorts (għat-tfal)
30 ta’ Lulju fis-18:00
Il-Common Room tal-KSU, l-Università ta’ Malta, il-Kampus tal-Imsida
Nieħdu gost, nidħqu daħqa u nitgħallmu ma’ Shakespeare
Prezz:  €5; Pass għall-Festival €30
Price: €5; Festival Pass €30;

Ix-Xjenza tal-Konservazzjoni
30 ta’ Lulju fit-20:00
Atriju Vassalli (Il-Quadrangle Prinċipali), l-Università ta’ Malta. il-Kampus tal-Imsida
Kelliema mistiedna tal-Malta Café Sci jitkellmu dwar il-ħiliet varji tagħhom u l-metodi applikati fil-konservazzjoni ta’ materjali varji u xogħlijiet tal-arti.
Dħul b’donazzjoni għall-RIDT

Tikka Alegria (U)
2 ta’ Awwissu fid-21:00
Atriju Vassalli (Quadrangle Prinċipali), l-Università ta’ Malta, il-Kampus tal-Imsida
Il-Kumpanija taż-Żfin Alegria flimkien ma’ Tikka Banda ser ikunu qed jippreżentaw ‘Tikka Alegria’, preżentazzjoni esperimentali li tgħaqqad iż-żfin tal-Flamenco mal-marċi tal-banda tradizzjonali Maltin.
Biljetti: Kbar €10; Tfal taħt il-15-il sena €5
Pass għall-Festival €30; Biljett għall-Familja €20

Eternal Glades (16+)
10 ta’ Awwissu u 11 ta’ Awwissu fid-21:00
Atriju Vassalli (il-Quadrangle Prinċipali, l-Università ta’ Malta, il-Kampus tal-Imsida
Dar tal-anzjani għall-allat xjuħ, u Odin jipprova jifhem għaliex Żeus huwa daqshekk … il-mod li hu.
Biljetti: Kbar €10; Tfal taħt il-15-il sena €5
Pass għall-Festival €30; Biljett għall-Familja €20

 


 

Orientation Meeting għal studenti prospettivi għall-Junior College

Ser isir orientation meeting, għal studenti li jixtiequ jibdew jistudjaw il-Junior College, nhar l-Erbgħa 19 ta’ Lulju 2017, fis-sala Sir Temi Zammit, l-Università ta’ Malta kif ġej:

Kunjomijiet A-C fit-8.30am
Kunjomijiet D-M fl-10.00am
Kunjomijiet N-Z fil-11.30am

Lill-istudenti jindirizzawhom il-Prinċipal, is-Sur Paul Xuereb, u uffiċċjali oħra tal-Kulleġġ.

Il-prospectus tal-Junior College jitqassam lill-istudenti prospettivi waqt din il-laqgħa. Wara ser ikun online mill-Ħamis 20 ta’ Lulju 2017.

Il-prospectus jinkludi l-informazzjoni neċessarja għall-istudenti biex jagħżlu s-suġġetti u japplikaw. Huwa wkoll ta’ gwida għall-istudenti dwar iż-żmien li jgħaddu fil-Junior College.

L-istudenti li jixtiequ jidħlu l-Junior College bħala studenti tal-ewwel sena f’Ottubru 2017, kif ukoll dawk li qed jistennew ir-riżultati, iridu japplikaw online billi jidħlu fuq www.jc.um.edu.mt/apply bejn it-Tlieta 1 u t-Tlieta 8 t’Awwissu 2017.

Studenti li lestew l-ewwel sena f’istituzzjoni oħra u jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom, jew jixtiequ jirrepetu t-tieni sena tagħhom fil-Junior College, ukoll jistgħu japplikaw, b’kundizzjoni li jilħqu l-kundizzjoni neċessarji.

Mill-20 ta’ Lulju 2017, il-Kulleġġ ser jagħti guidance service ta’ għajnuna għall-istudenti fl-għażla tas-suġġetti. Studenti li għandhom bżonn l-għajnuna, għandhom iċemplu l-Counselling and Guidance Service fuq 2590 7423 jew 2590 7291.

 


 

Il-Wirja Annwali tal-Fakultà tal-ICT tal-Università ta’ Malta (FICTeX)

Il-Fakultà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) tal-Università ta’ Malta tiċċelebra avveniment importanti u issa familjari fil-kalendarju tagħha – Il-Wirja Annwali tal-Fakultà tal-ICT (Faculty of ICT Exhibition – FICTeX) flimkien maċ-ċerimonja tad-Dean’s List Awards.

Din is-sena, l-Eċċ. Tagħha Marie Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, ser tkun qed tinawgura uffiċjalment l-avveniment nhar it-13 ta’ Lulju.  Ser jintwera xogħol żviluppat mill-istudenti tal-Fakultà li qegħdin fl-aħħar sena tal-ewwel grad u jingħataw premjijiet li jirrikonoxxu l-kisbiet akkademiċi.  Matul is-sena akkademika, il-Fakultà sikwit tilqa’ u torganizza diversi avvenimenti, seminars, taħditiet u żjarat, kif ukoll konferenzi li jiġu organizzati esklussivament mill-Fakultà, kif ukoll b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra.

L-FICTeX ta’ din is-sena ser tkun qed tesibixxi madwar 80 proġett, li għandhom x’jaqsmu ma’ aspetti varji tal-ICT.  Dawn il-proġetti huma minn diversi oqsma ta’ studju li jinkludu t-temi li ġejjin iżda mhux limitati għalihom biss: l-immudellar tal-ġenom u x-xjenza tad-data, it-teknoloġija tal-logħob, l-analitika tal-informazzjoni, it-teknoloġiji assistivi u adattivi, l-analiżi u l-ipproċessar tal-immaġini u l-vidjo, l-analiżi formali ta’ kuntratti, il-verifika tal-eżekuzzjoni ta’ programmi, il-monitoraġġ tal-ġisem, apparat li jintlibes, flow management u sistemi tat-trasport, soluzzjonijiet għas-sigurtà u s-sorveljanza, l-ittestjar, il-viżwalizzazzjoni, is-saħħa u l-benesseri, l-ipproċessar tat-taħdit, paradigmi tal-ipprogrammar, id-divertiment, sistemi inkorporati u disinn taċ-cippi, l-immudellar tas-sistemi, il-midja soċjali u l-għodda, teknoloġiji tal-mobile, it-trasmissjoni tal-vidjo, għodda finanzjarji, hardware interfacing, l-esperjenza tal-utent, u ħafna oqsma oħra.  Fl-ispirtu u b’aderenza mal-għan tal-Fakultà, il-proġetti fil-wirja huma taħlita li tikkonsisti f’xogħol ta’ natura aktar applikattiva u xogħol ieħor ta’ natura aktar fundamentali u konċettwali. Iżda, hu x’inhu l-focus, il-proġetti kollha juru t-triq lejn utilità prattika.

Il-wirja tal-proġetti tal-ICT ser tkun miftuħa għall-pubbliku nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Lulju bejn il-5.00pm u t-8.00pm fil-Fakultà tal-ICT, fl-Univeristà ta’ Malta il-Kampus tal-Imsida.  Studenti prospettivi huma mfakkra li l-Fakultà ser tkun qed torganizza avveniment informali fejn ikunu jistgħu jitkellmu mal-istaff akkademiku u amministrattiv tal-Fakultà. Dan ser isir nhar it-Tnejn 17 ta’ Lulju u jibda fil-11.00am.  Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mill-paġna tal-Facebook tal-Fakultà fuq www.facebook.com/uom.ict.

Il-Fakultà tal-ICT tixtieq turi l-apprezzament tagħha lejn il Gold Sponsors ta’ din is-sena għall-appoġġ kontinwu tagħhom.  Dawn huma Ascent Software, Bit8, CCBill, Ernst and Young, l-Institute of Computer Education Malta, Blu5Labs, KPMG Crimsonwing, Betsson Group, RakeTech, Parallels u Numen Capital.

 


 

Il-Wirja tal-Fakultà tal-Inġinerija 2017

laboratorju
Ir-ritratt juri proġett (minn student ta’ qabel) – driegħ robotiku kkontrollat biex iħawwad il-likwidi.


It-28 edizzjoni tal-Wirja Annwali tal-Proġetti tal-Inġinerija tal-Università ta’ Malta dalwaqt tittella’ u ser tesibixxi l-proġetti li saru mill-istudenti tal-ewwel grad matul l-aħħar sena tagħhom tal-kors ta’ erba’ snin għal-lawrja ta’ B.Eng. (Hons). Il-proġetti ser ikunu għall-wiri fid-diversi laboratorji fil-Fakultà tal-Inġinerija (il-Kampus tal-Università, l-Imsida) li se jkunu miftuħa għall-pubbliku nhar is-Sibt 1 ta’ Lulju mid-09:00 sas-13:00 u l-Ħadd 2 ta’ Lulju mid-09:00 sas-13:00.

In-numru ta’ esebiti din is-sena se jkun 80. Il-proġetti jvarjaw ħafna u jinkludu d-disinn ta’ airless shut-off nozzles għall-użu fi prodotti ta’ ppakkjar ta’ kosmetiċi, silver steel għall-boltijiet użati fil-jacking tal-ajruplani, pjattaforma għall-attitude control għal pikosatelliti (attitude control huwa parti vitali ta’ kull sistema satellitari, billi jipprovdi l-kontroll neċessarju fuq l-orjentazzjoni tal-vettura spazjali), apparat li jikkontrolla l-veloċità ta’ fan li jkessaħ u li jikkontrolla t-temperatura għall-użu effiċjenti tal-enerġija f’magna ta’ karozza tat-tlielaq, strutturi ta’ qafas ta’ bastiment, il-kontroll awtomatiku ta’ quadcopter, u oħrajn.

Dawn il-proġetti juru l-firxa ta’ oqsma diversi ta’ riċerka mistħarrġa fil-Fakultà tal-Inġinerija, u għalhekk din hija waħda mir-raġunijiet prinċipali għaliex il-grad ta’ B.Eng.(Hons) jibqa’ kors ta’ studju attraenti u topiku fl-Università ta’ Malta. Kull proġett huwa l-prodott ta’ xogħol individwali, iggwidat minn supervisor, imma magħmul mill-istudenti bl-użu tal-ħiliet tagħhom li kisbu matul il-kors għall-grad fl-inġinerija: dawn jinkludu l-kapaċità fir-riċerka teknika, id-disinn u l-implimentazzjoni ta’ esperimenti, l-applikazzjoni ta’ metodi xjentifiċi u l-analiżi u l-interpretazzjoni ta’ data biex jinkisbu konklużjonijiet validi.

Il-Fakultà ser tkun qed tilqa’ formalment lill-imsieba industrijali tagħha, lill-alumni, lill-istudenti preżenti u dawk prospettivi u l-ġenituri tagħhom, kif ukoll lill-pubbliku ġenerali, biex ikollhom ħjiel tal-attivitajiet għaddejjin fil-Fakultà. Dan l-avveniment jgħin lill-Fakultà turi l-kapaċitajiet tal-istudenti tagħha lil min jista’ joffrilhom xogħol, kif ukoll iħajjar studenti prospettivi jersqu fl-istudji tagħhom lejn grad professjonali fl-inġinerija. Matul din il-Wirja, studenti prospettivi ser jingħataw l-opportunità li jisimgħu direttament l-esperjenzi ta’ studenti tal-inġinerija, u jiddiskutu ma’ membri tal-istaff xi tfisser il-professjoni fl-inġinerija, il-potenzjal ta’ opportunitajiet ta’ xogħol, u prospetti għal aktar studju fil-futur.

Il-Fakultà tal-Inġinerija toffri tagħlim u superviżjoni kemm fil-livell tal-ewwel grad kif ukoll dak postgraduate. Il-korsijiet jagħtu lill-gradwati flessibbiltà fix-xogħol u l-possibbiltà li jkomplu bl-istudji tagħhom f’oqsma varji tal-inġinerija f’livell postgraduate. Dawk li ggradwaw fi snin preċedenti qed igawdu opportunitajiet eċċellenti ta’ xogħol u studju postgraduate f’kumpaniji u universitajiet irrispettati ħafna mad-dinja kollha.

Għal aktar informazzjoni żur is-sit www.um.edu.mt/eng jew il-paġna ta' Facebook.

 


 

Niċċelebraw l-Infermiera

Il-Jum Internazzjonali tal-Infermiera – 12 ta’ Mejju 2017

Id-Dipartiment tal-Infermerija tal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa fl-Università ta’ Malta, qed jorganizza seminar dwar il-Jum Internazzjonali tal-Infermiera, biex jiċċelebra x-xogħol essenzjali u varju li jwettqu l-infermiera. Is-seminar qiegħed isir taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, l-Eċċ. Tagħha Marie Louise Coleiro Preca, li se tintlaqa’ mid-Dekan tal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa, il-Professur Angela Xuereb.

It-tema magħżula għal din is-sena mill-Kunsill Internazzjonali tal-Infermiera hija ‘L-Infermiera: Vuċi fit-tmexxija’ (Nurses: A voice to lead).  Għal dan il-għan, is-seminar jaspira li joħloq kuxjenza dwar l-irwol ta’ infermiera bħala professjonisti li jagħtu l-kura, edukaturi, u vuċi għall-pazjent u l-qraba tiegħu jew tagħha. Is-sottotemi li se jiġu diskussi huma: It-tmexxija fuq livell individwali, fuq livell professjonali, u fuq livell multi-dixxiplinarju. L-għan tas-seminar hu li jirrikonoxxi u jiċċelebra x-xogħol tal-infermiera li ta’ sikwit ma jidhirx.

Fil-bidu tas-seminar ser ikun hemm mument ta’ silenzju biex titfakkar il-memorja tal-Professur Donia Baldacchino li ħallietna dan l-aħħar. Il-Professur Baldacchino kellha impatt siewi ħafna fuq il-professjoni tal-infermerija permezz tas-sehem tagħha fit-tagħlim u fir-riċerka.

Dr Catherine Sharples, Education Liaison Nurse fl-Isptar Mater Dei ser tagħti preżentazzjoni dwar l-istorja u l-irwol tat-tmexxija fl-infermerija. Il-preżentazzjoni ta’ vidjo li sar apposta ser jenfasizza x-xogħol tal-infermiera mis-setturi diversi. Is-Sa Amy Camilleri Zahra ser tippresiedi s-seminar. Il-panel se jkun magħmul minn: is-Sa Janet Micallef, is-Sur Kurt Cassar, is-Sa Maria Cutajar, is-Sur Vince Saliba, is-Sa Grace Jaccarini, Dr Victoria Sultana u Dr Josef Trapani.

Dr Roberta Sammut, il-Kap tad-Dipartiment tal-Infermerija fil-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa tagħlaq is-seminar billi tagħmel summarju tal-punti ewlenin.

Reġistrazzjoni sat-8 ta’ Mejju: goo.gl/forms/KEdGDTbjoDlxfrwj2

Data:  Il-Gimgħa, 12 ta’ Mejju
Ħin: 16.30
Post: South Auditorium, Fakulta tax-Xjenzi tas-Saħħa


Programm
16:30  Reġistrazzjoni
17:00  Minuta silenzju biex titfakkar il-memorja tal-Professur Donia Baldacchino
17:02  Diskors mid-Dekan – Il-Prof. Angela Xuereb
17:07  Diskors mir-Rettur – Il-Prof. Alfred Vella
17:12  Diskors mill-Eċċellenza Tagħha, il-President ta’ Malta – Marie Louise Coleiro Preca
17:18  Vidjo ta’ żewġ minuti – ‘I am a Nurse’
17:20  Preżentazzjoni dwar l-istorja u l-irwol tat-tmexxija fl-infermerija – Dr Catherine  Sharples.
17:30  ‘Nurses: A voice to lead' – Djalogu bejn il-membri tal-panel u l-udjenza 
18:45  Rimarki tal-egħluq – Dr Roberta Sammut (Il-Kap tad-Dipartiment tal-Infermerija)
19:00  Nixorbu u nieklu xi ħaġa ħafifa flimkien
20:00  Tluq

 


 

Ir-Rivista THINK fil-Belt Valletta

Stilel strambi, satelliti fiċ-ċokon u l-possibbiltà tal-użu terawpetiku tal-cannabis huma s-suġġetti magħżula għall-ewwel sessjoni ta’ THINKtalks organizzata mir-rivista THINK nhar il-Ħamis 13 ta’ April fis-7.30pm fis-Soċjetà Maltija tal-Arti, il-Belt Valletta.

Ir-rivista tal-Università ta’ Malta dwar ir-riċerka qed torganizza l-ewwel avveniment marbut mal-ħarġa dwar l-Arja. Is-serje ta’ avvenimenti li jseħħu kull tliet xhur hija estensjoni għar-rivista THINK li sservi ta’ mezz għall-qsim tal-ideat u l-ħsibijiet, u sempliċement għal konversazzjoni mal-udjenza.

L-avveniment se jkun imqassam f’diskorsi qosra ta’ ħames minuti kull wieħed minn tliet riċerkaturi: Dr Ing. Marc Azzopardi, is-Sur Mark Pace u Dr Giuseppe Di Giovanni. Iżda mhux ser jitħaddtu dawn Il-kelliema biss. Kull preżentazzjoni se tkun miftuħa għal mistoqsijiet, ħsibijiet u ispirazzjonijiet.

Mistennija lejla ta’ għarfien, networking, ikel ħafif u bibiti. 

 


 

Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2017

Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2017 reġa' magħna għar-raba' sena konsekuttiva. Il-Festival ser isir l-Università fl-4, 5, 6 ta’ April mill-10 ta’ filgħodu sa tard filgħaxija. L-għan tal-Festival huwa li jippromovi l-letteratura fis-sħuħija tagħha waqt li jagħti lok lill-pubblikaturi u distributuri tal-kotba jippromovu l-materjal tagħhom ma’ udjenza matura, bħall-istudenti universitarji.

Il-pubblikaturi u d-distributuri li se jieħdu sehem din is-sena huma HORIZONS, FARAXA BOOKS, SENSIELA KOTBA SOĊJALISTI (SKS), STUDENTS PHILOSOPHICAL SOCIETY, EDE, KOTBA CALLEJA, u BDL. Uħud minn dawn il-pubblikaturi u d-distributuri ħejjew attivitajiet bħala parti mill-programm. Fosthom insibu t-tnedija ta’ kollezzjoni ta’ poeżiji ta’ Prof. Kenneth Wain bl-isem ‘Who looks at the sun anymore’, imħejja minn HORIZONS, kif ukoll lejla ta’ poeżiji minn FARAXA. KOTBA CALLEJA qed joffru żewġ workshops fuq is-sengħa tal-legatorija.

Apparti l-pubblikaturi, parteċipanti oħra ukoll ħejjew attivitajiet għall-programm tal-Festival. Il-poetessa Miriam Calleja ser tmexxi workshop fuq it-tema ta’ kitba kreattiva miftuħ għall-kittieba ta’ kull livell. Din l-attività ser tinvolvi għadd ta’ eżerċizzji u logħob, prompts u gwidi, kif ukoll pariri għal kitba iktar effiċjenti. Wara ser ikun hemm qari ta’ poeżiji bil-Malti u bl-Ingliż mill-poetessa.
Attivitajiet oħra ta’ interess akkademiku jew iktar ġenerali jinkludu ‘Il-Malti u l-Barranin’, imħejja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Lsien Malti, fejn nies minn oqsma diversi tal-ħajja li ddeċidew li jitgħallmu l-Malti għall-fini differenti ser jitkellmu fuq x’ħajjarhom jitgħallmu l-Malti u ‘X’naqbad ngħid?’, taħdita fuq il-varjazzjoni lingwistika fil-Malti ma’ Michael Spagnol. L-SPS (Students’ Philosophy Society) ser jistiednu lil Prof. Hubertus von Amelunxen sabiex jagħti taħdita dwar il-fotografija bħala rappreżentazzjoni.

Il-mistiedna speċjali tal-Festival hija Caroline Smailes, l-awtriċi rinomata ta’ diversi kotba, fosthom ‘In Search of Adam’, ‘Like Bees to Honey’, ’99 Reasons Why’, u ‘The Drowning of Arthur Braxton’ li bħalissa qed jinħadem f’film. Caroline Smailes, li għandha parentela Maltija, twieldet Newcastle u studjat il-kitba kreattiva. Matul il-festival, Smailes  ser tmexxi workshops fuq it-tema ta’ kitba kreattiva, u aspetti tan-narrativa bħall-għażla ta’ djalogu u post, il-bżonn ta’ karattri konvinċenti u konsistenti, u l-kwistjoni ta’ wirt lingwistiku. Se jkun hemm ukoll attività fejn se jinqraw siltiet minn xogħolha u membri tal-pubbliku ser ikunu jistgħu jitkellmu magħha direttament.

Ta’ kull sena il-programm tal-Festival jinkludi ukoll mużika u din is-sena se jkollna l-grupp HipHop Marmalja li ser jidhru fl-ewwel lejla tal-Festival, fl-4 ta’ April.

 


 

STEAM - l-Iskola tas-Sajf għall-Komunikazzjoni tax-Xjenza - tkompli tirranka

steammalti 

L-Iskola tas-Sajf STEAM se terġa’ tiftaħ għal sena oħra wara li tnediet b’suċċess fl-2016. L-iskola, mgħallma minn tim internazzjonali, tipprovdi taħriġ fil-komunikazzjoni tax-xjenza għal studenti universitarji, riċerkaturi u edukaturi. Il-programm jgħaqqad ix-xjenza u l-arti, u jqiegħed il-komunikazzjoni tax-xjenza f’perspettiva ġdida u innovattiva.

Il-programm li hu mifrux fuq għaxart ijiem (3–12 ta’ Lulju, 2017) ser isir fil-Lukanda Golden Coast f’Ateni u jinkludi diversi aspetti dwar il-komunikazzjoni tax-xjenza: dawn jinkludu l-ġurnaliżmu, l-arti, il-midja soċjali, il-management, il-politika, u t-teatru. Din hija esperjenza ta’ immersjoni sħiħa fil-komunikazzjoni tax-xjenza li tgħaqqad it-teorija mal-prattika. Il-metodu huwa adattat għal dawk li m’għandhomx esperjenza estensiva fil-komunikazzjoni tax-xjenza u oħrajn li jridu jiksbu ħiliet ġodda ta’ tagħlim għal tul il-ħajja.

STEAM għandu l-għan li jħarreġ ambaxxaturi tal-komunikazzjoni tax-xjenza li huma ħerqana li jaħdmu ma’ setturi varji tal-pubbliku. Xi riżultati mistennija minn din l-iskola huma t-titjib tal-kuxjenza u l-impenn fix-xjenza, żieda fin-numru ta’ studenti f’karrieri fix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, u l-Matematika (STEM) u titjib fil-ħiliet trasferibbli tar-riċerkaturi.

Hemm sitta u tletin għotja disponibbli għal studenti, riċerkaturi żgħażagħ, u edukaturi. L-għotja tkopri l-miżata għall-parteċipazzjoni fl-iskola tas-sajf, kif ukoll xi għajnuna għall-ivvjaġġar u spejjeż tal-għajxien. Dawk li japplikaw għall-għotja jeħtieġu li jkunu formalment konnessi ma’ istituzzjoni msieħba u għandhom japplikaw sas-7 ta’ April. L-iskola hija wkoll miftuħa għal reġistrazzjonijiet bi ħlas, li bħalissa huma miftuħa bi skont għal min japplika kmieni.

Għal aktar informazzjoni idħlu fuq www.steamsummerschool.eu jew ikkuntattjaw lil steam@um.edu.mt

Iffinanzjat mill-programm Erasmus+, STEAM huwa mmexxi mill-Università ta’ Malta, bl-imsieħba li ġejjin: l-Assoċjazzjonijiet tal-Ġurnalisti tax-Xjenza tal-Unjoni Ewropea (EUSJA, Franza), l-Università Haaga-Helia (Finlandja), Science View (Greċja), l-Università ta’ Edinburgh (Renju Unit) u l-Università Rhine-Waal (Ġermanja).

 


 

Open Day fil-Junior College

Il-Kulleġġ tal-Università qed jistieden lill-pubbliku, studenti prospettivi u l-ġenituri tagħhom sabiex jiġu jżuru l-Kulleġġ, il-Ġimgħa 3 ta’ Marzu 2017 mill-5.30 u sad-9.00 ta’ filgħaxija.

Wieħed jista’ jiltaqa’ mal-Prinċipal, il-kapijiet tas-suġġett u l-letturi filwaqt li jara l-faċilitajiet u s-servizzi li joffri l-Kulleġġ.

Se jkun hemm ukoll attivitajiet kontinwi li huma parti integrali mill-ħajja tal-Kulleġġ.

 

jcopendaymalti 


 


 

Ħafna par(għ)oli u ftit kliem baxx: il-logħob bil-kliem fil-Malti

Nhar it-Tlieta, 7 ta’ Frar 2017, Michael Spagnol se jagħmel taħdita dwar “Ħafna par(għ)oli u ftit kliem baxx: il-logħob bil-kliem fil-Malti,” li se ssir fis-sala B1 taċ-Ċentru tal-Konferenzi Mikiel Anton Vassalli, Gateway B1, fil-kampus tal-Università f'tal-Qroqq. It-taħdita tibda fis-6.00pm u hija miftuħa għal kulħadd. Id-dħul huwa b’xejn. Wara t-taħdita jkun hemm bibita żgħira.

Il-logħob bil-kliem, il-manipulazzjoni tal-forma u l-funzjoni tal-lingwa għall-gost, jieħu bosta suriet, bħall-ħaġa moħġaġa, il-paronomasja, ir-rebus, l-anagramma, u tagħwiġ l-ilsien. F’din it-taħdita Dr Michael Spagnol jesplora l-ħafna modi kif nilagħbu b’elementi lingwistiċi differenti — mill-alfabett sal-pronunzja, mit-tifsir sal-grammatika — bil-għan li juri kif il-logħob bil-kliem jgħaddi bil-fomm minn ġidd għal ġidd sewwasew għax hu karatteristika intrinsika tal-lingwa. 

Dr Michael Spagnol hu lettur fid-Dipartiment tal-Malti u l-Istitut tal-Lingwistika tal-Università ta’ Malta. Ir-riċerka tiegħu tiffoka fuq il-morfoloġija, is-semantika, il-lessikografija u d-djaletti tal-Malti. F’Jannar tal-2013 fetaħ il-paġna ta’ Facebook “Kelma Kelma” li tiġbor kurżitajiet lingwistiċi bħall-kelma tal-ġurnata, il-qwiel, it-taqbiliet tat-tfal, u l-logħob bil-kliem. U mill-2014 lil hawn hu wieħed mill-organizzaturi tal-kunċerti “Kelma Kelma Nota Nota” li huma tiżwiqa ta’ umoriżmu, mużika u letteratura Maltija.

Din it-taħdita hija s-seba’ waħda mis-sensiela dwar It-Tradizzjoni Orali mmexxija mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta. Dan il-proġett beda f’Mejju tal-2016 b’taħdita mill-Prof. Mourad Yelles mill-Inalco ta’ Pariġi. Wara t-taħdita ta’ Dr Michael Spagnol se jkun hemm oħra tal-Prof. Manwel Mifsud it-Tlieta, 21 ta’ Marzu 2017, bl-isem “Mistur u minsi: Fredu Spiteri (il-Lavarist), għannej u makkjettist Għawdxi prim.” Imbagħad, it-Tlieta, 4 ta’ April 2017, Ġorġ Peresso se jitkellem dwar “Il-Vrajs tal-Madalena.”

Id-Dipartiment tal-Malti jixtieq jirringrazzja lill-Klabb Kotba Maltin tal-għajnuna tiegħu biex tittella’ din is-sensiela ta’ taħditiet. Hemm aktar tagħrif dwar dan il-proġett fuq il-paġna ta’ Facebook, “It-Tradizzjoni Orali, L-Università ta’ Malta”.

 


 

It-tnedija ta' Taħżiż4

tahziz4 

Nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Jannar 2017 ġewwa t-Teatru Orpheum, il-Gżira se titnieda l-pubblikazzjoni finali ta’ TAĦŻIŻ4. L-editur għal din l-edizzjoni huwa Kit Azzopardi.

TAĦŻIŻ4 kien imqassam fuq numru ta' seminars residenzjali u laqgħat oħra, anke f'Għawdex, li fihom ġew iġġenerati kitbiet b’esperimentazzjoni. Il-parteċipanti f’din l-edizzjoni kienu Michael Carol Bartolo, Diane Cutajar, Rachelle Deguara, Kimberly Hatherly, Maria Pellicano, u Victoria Pisani. Parteċipanti oħrajn kienu Clive Piscopo, Mireille Borg, Yana Mizzi, Matthew Schembri u Gabriel Pace.

Waqt it-tnedija se jkun hemm il-grupp ta’ tfajliet, Cryptic Street, idoqqu mużika kontemporanja. Is-serata se titmexxa minn Glen Calleja.

Inħeġġu l-pubbliku jattendi. Is-serata hija b’xejn, waqt li dawk preżenti jingħataw ukoll il-pubblikazzjoni. Ftit tnaqqir ma jonqosx!

Dakinhar se titħabbar is-sejħa għal TAĦŻIŻ5. Żommu ruħkom infurmati! 

Id-dettalji ssibuhom fil-ħolqa tal-attività.

TAĦŻIŻ huwa programm ta’ 'empowerment' u formazzjoni ta’ tnax-il xahar li jġib flimkien żgħażagħ bi interess fil-kitba kreattiva fid-diversi forom tagħha, kemm fil-kuntest tal-letteratura kif ukoll f’kuntesti artistiċi interdixxiplinarji.

'Taħżiż' iħares b’mod ħolistiku kemm lejn il-proċess ta’ kitba kif ukoll lejn l-iżvilupp tal-parteċipanti. Għaldaqstant, il-programm iħares ukoll lejn il-proċess ta’ produzzjoni ta’ prodotti kulturali li fil-qofol tagħhom jitolbu element ta’ kitba u l-preżentazzjoni pubblika ta’ dawn il-prodotti.

Il-programm qed isir mill-Aġenzija Żgħażagħ bi sħab mal-Għaqda tal-Malti - Università u jinkludi 'workshops' residenzjali intensivi, eżerċizzji ta’ kollaborazzjoni kreattiva matul is-sena, kif ukoll pubblikazzjoni u preżentazzjoni pubblika tax-xogħol fl-aħħar tal-programm.

 


 

Spunti dwar xi aspetti tas-sintassi fil-malti: il-grandezza u t-tkanġijiet

Fil-15 ta’ Diċembru fis-6.30 ta’ filgħaxija, fit-Taqsima tal-Perjodiċi ġewwa l-Bibljoteka tal-Università, Mark Amaira se jitħaddet dwar xi aspetti tas-sintassi fil-Malti - il-gradezza u t-tkanġijiet. 

Matul dit-taħdita se jippreżenta għadd ta’ sentenzi bil-Malti li għandhom ċerti strutturi partikolari u interessanti. L-eżempji jislithom mit-traduzzjonijiet għall-Malti u mill-kitbiet bil-Malti ppubblikati. Minflok jikkategorizza l-kliem u l-frażijiet f’garżelli separati, iħaddem wieħed mill-mudelli lingwistiċi riċenti biex l-elementi sintattiċi jpoġġihom fi spettru (tkanġija, qawsalla) skont il-karatteristiċi li jqarrbuhom jew ibegħduhom minn xulxin bejn żewġ estremi opposti. Barra minn hekk, joħroġ fid-dieher ukoll xi varjetajiet fl-użu ta’ dawn l-elementi fit-taħdit u fil-kitba.

Dwar Mark Amaira
Mark ilu ħames snin il-Lussemburgu jaħdem fit-traduzzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, u qabel għallem il-Malti l-MCAST għal tliet snin. Fejn tidħol ir-riċerka, fl-aħħar teżi tiegħu ttratta l-partijiet tad-diskors, iżda ’l quddiem beħsiebu jiffoka iżjed fuq l-istrutturi tas-sentenzi u t-tlissiniet. Il-Malti beda jistudjah ta’ għoxrin sena, wara bosta snin jistudja s-somom u l-programming u għalhekk l-analiżi lingwistika tiegħu hija kemxejn strutturali u matematika.

Wara jiġi servut ftit inbid sħun u ħelu tal-Milied.

Din l-attività qed issir bi sħab bejn l-Għaqda tal-Malti – Università u d-Dipartiment tal-Malti, bl-appoġġ tal-Bibljoteka tal-Università. Ħajr ukoll lil Buzzer Stationery.

L-attività tinsab hawnhekk: www.facebook.com/events/674542046039241

 


 

Is-suġġett fin-Narrattiva Kontemporanja Maltija

Jiena (x)’jien? Is-suġġett fin-Narrattiva Kontemporanja Maltija
Nhar is-Sibt, 3 ta’ Diċembru, 2016
L-Università l-Qadima, il-Belt
Ħin: 08:30

L-għan ewlieni tal-konferenza hu marbut mal-għażla li niffokaw fuq in-Narrattiva Kontemporanja. Din il-konferenza għandha toħloq okkażjoni li fiha jista’ jsir sforz kollettiv minn studjużi li ġejjin minn oqsma diversi. L-għan tagħna hu li permezz tal-konferenza li qed norganizzaw jinħoloq l-ispazju li fih in-narrattiva kontemporanja Maltija mhux biss tingħata l-attenzjoni mixtieqa, imma  l-interventi tad-diversi studjużi jkunu jistgħu jservu ta’ pass sinjifikanti lejn ir-rikonoxximent uffiċjali tal-ġeneru.

Il-kelliema:
David Aloisio, Josette Attard, Stephen Bonanno, Kurt Borg, Ivan Callus, Mark Camilleri, Adrian Grima, Bernard Micallef, Joseph Vella, Anna Zammit, Francois Zammit.

 


 

 
 

Log In