L-Università ta' Malta
 

Attivitajiet 2011
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

L-Akoħol u ż-Żgħażagħ

Id-Dipartiment tal-Istudju taż-Żgħażagħ u l-Komunità u d-Dipartiment tal-Psikoloġija qed jorganizzaw lekċer pubbliku bit-titlu 'Alcohol and Young People'. Il-kelliem ewlieni huwa Professor Barry Jackson. Il-lekċer ser isir nhar il-Ħamis 17 ta' Novembru fis-sitta ta' filgħaxija fis-Sala P.P. Saydon tal-Università ta' Malta, il-Kampus tal-Imsida.

Għal aktar informazzjoni kkuntattja lil Tiziana Grech permezz ta' email jew billi ċċempel fuq in-numru +356 2340 3359.

 


 

It-Tibdil fil-Klima

L-Istitut tal-Gżejjer u l-Istati Żgħar, bil-kollaborazzjoni tal-Fakultà tax-Xjenza, se jorganizza seminar pubbliku bit-tema Climate Change: Impacts and Evidence. Wara dan is-seminar se jkun hemm diskussjoni.

Il-Professur Peter Mills, Viċi Prinċipal tal-Harper Adams University College, fl-Ingilterra huwa il-kelliem ewlieni għal dan is-seminar. Kelliema oħrajn huma Dr Eman Calleja, Dr Noel Aquilina u Dr Alan Deidun. Il-Professur Charles Sammut, id-Dekan tal-Fakultà tax-Xjenza se jippresiedi.

Is-seminar ser isir nhar il-Ħamis 3 ta' Novembru fis-sitta ta' filgħaxija, f'Kamra 401 fil-Bini tal-Matematika u x-Xjenza, il-Kampus tal-Imsida.

Għal iktar tagħrif żur is-sit tal-Istitut tal-Gżejjer u l-Istati Żgħar.

 


 

L-Imigrazzjoni Irregolari

Konferenza internazzjonali bit-titlu Irregular Migrations in European Islands se tiġi organizzata f'Malta bejn id-9 u l-10 ta' Diċembru 2011 min-network MIRIADE tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali fi ħdan il-Fakultà tal-Arti.

Għal iktar taġħrif mur fuq is-sit tal-konferenza.

 


 

Konferenza

Rights and Remedies Conference

Għat-tagħrif ta' din il-konferenza żur is-sit elettroniku.

 


 

Serata ma' Chasing Pandora

L-Università ta' Malta - il-Kampus ta' Għawdex ser torganizza l-attività sajfija ta' kull sena nhar is-26 ta' Awwissu bl-isem ta' 'Serata ma' Chasing Pandora’. Din is-serata ser issir fil-bitħa ċentrali tal-Università ta' Malta - il-Kampus ta' Għawdex, Triq l-Imġar, Xewkija u tibda fit-tmienja ta' filgħaxija. Il-programm jinkludi għadd ta' kanzunetti mir-repertorju tal-grupp b'kummentarju qasir għal kull kanzunetta.

Id-dħul huwa b'xejn. Biex tibbukkja kkuntatja lill-Università ta' Malta - il-Kampus ta' Għawdex permezz tat-telefon (21564559), fax (21564550) jew email. Dawk li jixtiequ jattendu għandhom jibbukkjaw sat-22 ta' Awwissu.

Poster_11smll

 


 

Id-19-il Edizzjoni ta' Evenings on Campus

Evenings on Campus 2011
Id-19-il Edizzjoni
It-Tema Ċentrali – Id-Drittijiet tal-Bniedem
Aħna marbutin mal-passat tagħna imma l-futur tagħna jista’ jinbidel


Il-Mirca Arts Group Tour Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (MTHR) se tkun inawgurata mill-Imħallef Giovanni Bonello, li qabel kien Imħallef fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasbourg, fil-Common Room tal-KSU, Dar l-Università, il-Kampus tal-Imsida nhar it-Tlieta, 26 ta’ Lulju.

L-MTHR hija wirja mhux kummerċjali u hija l-idea ta’ wieħed mill-fundaturi ta’ Mirca, l-artist Svediż Stefan Tunedal. Din il-wirja tinkludi sebgħin membru minn tmienja u għoxrin pajjiż, li kull wieħed ta biċċa xogħol tal-arti bħala rigal f’għaqda u appoġġ għad-dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948.

Il-Mirca Art Group huwa grupp tal-arti internazzjonali fuq l-internet li hu magħmul minn iżjed minn ħames mitt artist, b’sitt membri tal-kunsill minn seba’ pajjiżi: Stefan Tunedal mill-Isvezja, Krisztina Asztalos mill-Ungerija, Hego Goevert mill-Ġermanja, Carla Goldberg mill-Istati Uniti, Bruce Rimell mir-Renju Unit u Martin Bonnici li jirrappreżenta żewġ pajjiżi: Malta u l-Awstralja.

Din il-wirja se tkun l-attività li tigbor taħt il-kappa tagħha l-Evenings on Campus 2011 tal-Università ta’ Malta, festival kulturali fil-miftuħ li issa wasal fid-dsatax-il sena tiegħu. Il-programm ta’ kunċerti, drammi u avvenimenti letterarji kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, jinkludi serata ma’ David Lodge, kittieb magħruf Ingliż, li ġiet iffaċilitata mill-British Council.

Id-dettalji kollha jistgħu jinsabu fuq www.um.edu.mt/eveningsoncampus jew fittxuna fuq Facebook.

 


 

Wirja fil-Librerija

ms_notice

Ms.298: Taħt in-nar: djarju ta’ l-ewwel sena tal-gwerra / Ġużè Ellul Mercer. - 1944. – 782 p. ; 20cm.

Il-Librerija tal-Università qed tikkommemora l-ħamsin l-anniversarju mill-mewt tal-kittieb magħruf u politiku, Ġużè Ellul Mercer b'wirja bit-titlu: 'Il-Kontribut Letterarju ta’ Ġużè Ellul Mercer (1898-1961)'.

Il-wirja tinsab fl-ewwel sular tal-Librerija u hija miftuħa għall-pubbliku sal-31 ta' Awwissu fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-Librerija. Għal aktar tagħrif ikkuntattja lill-kuratur tal-wirja s-Sa Mary Samut Tagliaferro.

 


 

L-Ekonomija Maltija

Għal aktar informazzjoni kklikkja hawn.

 


 

Il-Ġara Milli Jkollha Ttik

F’din l-aħħar edizzjoni tas-sensiela niddiskutu l-influwenza Taljana fl-arti f’pajjiżna u kif illum il-ġara tagħna m’għadhiex l-aktar influwenti.

Mill-ġimgħa d-dieħla tibda s-sensiela EN VACANCES!

Fil-programm tal-lum fuq l-arti Taljana f’pajjiżna Charles Xuereb jitkellem
ma’ Dr Vince Briffa, Kap tad-Dipartiment tal-Arti Diġitali l-Università ta’ Malta.

Il-Ħamis, 26 ta’ Mejju 2011 fl-10.06 am

b’ripetizzjoni s-Sibt 28 ta’ Mejju 2011 fil-10.06 am

fuq Campus FM 103.7

Tistgħu wkoll tisimgħu din l-intervista minn fuq is-sit ta' CampusFM il-ġimgħa ta’ wara.

 


 

L-Ispiritwalità u l-Kultura fil-Mediterran

The Religious Quest: A Seminar on Spirituality and Culture in the Mediterranean
organizzat mill-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta' Malta
u l-Kummissjoni Teoloġika, Malta
bejn it-Tnejn 20 ta' Ġunju u s-Sibt 25 ta' Ġunju 2011

Ikklikkja hawn għad-dettalji.

 


 

Seminar dwar ir-Riżorsi tal-Ilma

Nhar il-Ġimgħa 20 ta' Mejju ser isir seminar dwar it-tixrid ta' informazzjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma. MELIA (Mediterranean Dialogue on Integrated Water Resource Management) huwa l-isem tal-proġett li qed jaħdem fuq l-implimentazzjoni tal-Water Framework Directive tal-Unjoni Ewropea fi ħdan kuntest Mediterranju.

Is-seminar ser isir f'Sala D2, fiċ-Ċentru għall-Konferenzi Mikiel Anton Vassalli - Gateway (GW), fl-Università ta' Malta, il-Kampus tal-Imsida bejn is-sagħtejn u l-ħamsa ta' waranofsinhar.

Għal aktar informazzjoni jew biex tirreġistra għas-seminar ikkuntattja lis-Sa Marie Louise Zammit tad-Diviżjoni tax-Xjenzi Rurali u s-Sistemi tal-Ikel fi ħdan l-Istitut tas-Sistemi Ambjentali tal-Università ta' Malta.

 


 

Il-Ġara Milli Jkollha Ttik

Ma nistgħux nagħlqu sensiela fuq l-unità Taljana bla ma niffukaw sew fuq Garibaldi u r-rabta tiegħu ma’ Malta. Illum niftakru wkoll f’Massimo d’Azeglio li xtaq ‘joħloq’ it-Taljani wara l-unità tal-Italja.

Fuq Garibaldi u Malta Charles Xuereb jintervista lill-Imħallef Joseph Filletti li għamel riċerka fuq dan l-episodju.

Il-Ħamis, 12 ta’ Mejju 2011 fl-10.06 am
b’ripetizzjoni s-Sibt 14 ta’ Mejju 2011 fil-10.06 am

fuq Campus FM 103.7

Tistgħu wkoll tisimgħu din l-intervista minn fuq is-sit tagħna www.campusfm.um.edu.mt il-ġimgħa ta’ wara.

 


 

Il-Ġara Milli Jkollha Ttik

Min ordna l-proġett taċ-Centro d’Italianità u l-Casa del Fascio Malta fis-snin tletin? Min kienu taċ-Circolo Giovine Malta? X’jgħid ir-rumanz Family Photos fuq ir-Risorgimento f’Malta?

Fuq l-arkitettura Taljana f’Malta Charles Xuereb jintervista lil Dr Conrad Thake, perit, konsulent tal-ippjanar u riċerkatur.

Il-Ħamis, 28 t’April 2011 fl-10.06 am
b’ripetizzjoni s-Sibt 30 ta’ April 2011 fil-10.06 am

fuq Campus FM 103.7

Tistgħu wkoll tisimgħu din l-intervista minn fuq is-sit ta' CampusFM il-ġimgħa ta’ wara.

 


 

It-Tifla li Waqgħet Ġo Ktieb

Marika hija tifla b’imħabba kbira lejn l-qari u l-kotba. Kull filgħaxija, qabel torqod, l-hena tagħha toqgħod taqra sakemm ... darba waħda l-ktieb li tkun qed taqra’ jieħu l-ħajja u hi tispiċċa parti mill-istorja flimkien mas-super-eroj Ċagħkasamm!

Flimkien  ma’ Ċagħkasamm, Marika tivvjaġa minn ktieb għal ieħor u tiltaqa’ ma diversi karattri minn stejjer fantastiċi fosthom ma’ Barnuża Ħamra, Rumplestilskin, plejers taċ-Ċess u mal-assasina Monique li tagħmel minn kollox biex taqbad lil Marika u lil erojina tagħha.

'It-Tifla li Waqgħet Ġo Ktieb', li hija storja bbażata fuq 'The Boy Who Fell in The Book' ta’ Alan Ayckbourn  u li hija addatata għall-Malti minn Trevor Zahra, hija produzzjoni maħsuba għal tfal bejn is-sitt u t-tnax–il sena kif ukoll għal adulti li għandhom għal qalbhom il-qari u l-fantasija. Din ir-reċta ser tiġi mtella’ mill-kumpanija Teatru Qroqq, bi produzzjoni ta’ Dr Isabelle Gatt, direzzjoni ta’ Marcelle Theuma u arranġamenti mużikali ta’ Sigo.

Teatru Qroqq ġie mwaqqaf fl-2002, b’inizjattiva tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni Primarja fi ħdan il-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta. Dan it-Teatru li għandu għal qalbu drammi għat-tfal huwa magħmul kollu minn studenti universitarji li jaspiraw li jservu t’għalliema tal-Primarja u li tant jinvestu ħin u impenn biex itellgħu din il-produzzjoni.

Din il-prestazzjoni li fiha reċtar, żfin u kant tgħaddi lit-tfal messaġġ importanti dwar il-qari u kif dan jista’ jiftah dinja ġdida ta’ fantasija għal qarrej.

Din il-produzzjoni ser titella’ għall-pubbliku ġenerali fl-MITP fil-Belt Valletta fl-14 u l-15 ta’ Mejju fis-6 ta’ filgħaxija. Il-biljetti jistgħu jinkisbu mill-Kavallier ta’ San Ġakbu (St James Cavalier).

Ibgħat email lill-Kavallier ta’ San Ġakbu jew ċempel fuq +356 21223200.

It-tifla li waqgħet ġo ktieb

 


 

Il-Professur Edward de Bono fuq Campus FM

Intervista Esklussiva mal-Professur Edward Debono fuq Campus FM

Nhar it-Tlieta 26 ta’ April fid-9 u nofs ta' filgħodu, b’repetizzjoni l-Ġimgħa 29 ta' April fis-1 u nofs ta' waranofsinhar, Campus FM se jxandar intervista esklussiva mal-Professur Edward Debono.

Debono huwa magħruf internazzjonalment għall-ħolqien tal-kunċett tal-ħsieb laterali.  Dan il-kunċett illum jitħaddem f’diversi skejjel, universitajiet u kumpaniji kbar barranin.

F’din l-intervista ma’ Sergio Grech, Debono jitkellem fost l-oħrajn dwar kriżi fil-mod kif naħsbu, il-politiċi, il-ħolma tiegħu li f’Malta jitwaqqaf il-Palazz tal-Ħsieb, il-proċess tiegħu tal-kitba u l-ebooks.

 


 

Jum il-Bizzilla f’Għawdex

Il-Lace Making Programme tal-Università ta’ Malta – fil-Kampus ta’ Għawdex – se jorganizza 'Jum il-Bizzilla f’Għawdex' għall-ħmistax-il sena konsekuttiva. Din l-attività se ssir nhar il-Ħadd 10 ta’ April 2011 bejn id-9.00 ta’ filgħodu u l-4.00 ta’ wara nofsinhar fil-Kampus tal-Università f’Għawdex, Triq l-Imġarr, Xewkija, Għawdex u se tikkonsisti f’numru ta’ wirjiet u dimostrazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu max-xogħol tal-bizzilla Maltija.

Dawk kollha li jaħdmu l-bizzilla huma mistiedna jġibu magħhom it-trajbu u jingħaqdu ma’ oħrajn biex jaħdmu l-bizzilla u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom. Se jingħata ċombin bħala tifkira kommemorattiva lil dawk kollha li jieħdu sehem.

L-avveniment se jinkludi wkoll wirjiet ta’ kapulavuri tal-bizzilla u snajja’ tal-ħjata, kompetizzjoni u lotterija. Se jkun hemm taħdita mis-Sa Consiglia Azzopardi dwar il-mudell il-ġdid tal-Umbrella fejn turi t-teknika li għadha kemm ġiet skoperta dwar kif taħdem l-English-Stitch ground.

Se jiġu mtellgħin stands oħra mill-International Organisation of Needle and Bobbin Lace (OIDFA) u mill-Malta Lace Guild. Ser ikun hemm ukoll wirjiet tal-pannu mis-suf tan-nagħaġ, rakkmu, card weaving, xogħol tal-lewlu u xogħol tal-bizzilla. Il-Lace Making Programme  se jipprovdi informazzjoni fuq il-post dwar korsijiet fil-bizzilla. Il-'Koperattiva Għawdxija tal-Bizzilla u Artiġjanat' se tipprovdi għall-bejgħ materjal biex tinħadem il-bizzilla.

Il-kelliem mistieden ta’ din is-sena. Dr Raymond C. Xerri se jagħmel diskors qasir dwar l-influwenza tal-Bizzilla Maltija li xterdet mill-emigranti fil-pajjiżi li jgħixu fihom. L-Onerevoli Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, se tippreżenta ċertifikati lil dawk li temmew b’suċċess il-korsijiet offruti mill-Lace Making Programme.

Id-dħul huwa b’xejn u kulħadd huwa mistieden.

 


 

Għall-Ġieħ l-Imperu

Ma setax jonqos li kull fejn barrani ħakem fuq ġens nattiv, kien hemm min emmen fih u kien hemm min opponih. Diskors bħal dan jgħodd għall-ħakma Ingliża f’Malta li rat, fuq numru ta’ snin, diversi alleanzi favur tagħha u diversi fazzjonijiet kontra.

Żewġ figuri li emmnu fis-setgħat tal-Imperu Ingliż u qatt ma emmnu li Malta setgħet tgħix sura ta’ nies jekk taqta’ l-kurdun minn mal-Ingilterra, kienu Gerald Strickland u bintu Mabel. It-tnejn għexu f’kuntesti differenti u f’realtajiet li ma kinux statiċi imma t-tnejn riedu jaraw lil Malta mgeżwra fil-bandiera Ingliża.

Campus FM bħalissa qed jipproponi lis-semmiegħa tiegħu Għall-Ġieħ l-Imperu - tnax-il programm li matulu qed ikun analizzat ir-rwol politiku li lagħbu dawn iż-żewġ persunaġġi. Fis-sensiela qed jintervjenu diversi storiċi li huma midħla tal-perjodu, politiċi veterani u ġurnalisti li ħaddmu ma’ Mabel Strickland.

Kull nhar ta' Tlieta fid-disgħa u nofs ta' filgħodu b'ripetizzjoni l-Gimgha fis-siegħa u nofs ta' wara nofsinhar

Produzzjoni u preżentazzjoni ta' Sergio Grech

 


 

Taħdita Pubblika

L-UNIVERSITÀ TA' MALTA

Il-Fakultà tax-Xjenza

Id-Dipartiment tal-Matematika


Decompositions of Graphs and Hypergraphs


Il-kelliem ser ikun
Sebastian Ciaoba
mill-Università ta' Delaware, fl-Istati Uniti


nhar it-Tnejn 16 ta' Mejju 2011
fil-11 ta' filgħodu
f'Kamra numru 307, fil-Bini tal-Matematika u l-Fiżika, il-Kampus tal-Imsida.

Għal aktar informazzjoni kkuntatja lill-Prof. Irene Sciriha jew ikklikkja hawn.

 


 

 

< Previous 1 Next >

 
 

Log In