L-Università ta' Malta
 

Attivitajiet 2012
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

Fejn Qiegħda Tħabbat il-Qalb Maltija

Intervista ma' Oliver Friggieri

 


 

Rebbieħ tal-Premju Nobel fil-Fiżika Mistieden Jagħti Diskors f’Malta

Il-fiżiku u rebbieħ tal-Premju Nobel, il-Prof. William D. Phillips, ġie mistieden biex jagħti diskors pubbliku titolat "Il-Ħin, Einstein, u l-Iktar Affarijiet Kesħin fl-Univers" fis-sala Aula Magna fil-Kampus tal-Università ta' Malta tal-Belt Valletta, nhar il-Ġimgħa, 9 ta' Novembru, fis-7 ta' filgħaxija.

Fil-bidu tas-seklu 20, Einstein biddel il-mod ta' kif aħna naħsbu fuq il-Ħin. Fil-bidu tas-seklu 21, l-ideat ta' Einstein qiegħdin jinfluenzaw wieħed mill-meravilji kbar tax-xjenza u t-teknoloġija kontemporanji: l-arloġġi atomiċi, l-aħjar mod li għandna biex inżommu l-ħin. Arloġġi ta' dan it-tip huma neċessarji għall-industrija, il-kummerċ, u x-xjenza; jinstabu fil-qalba tal-Global Positioning System (GPS), li tiggwida karozzi, ajruplani, u nies lejn id-destinazzjoni tagħhom. L-arloġġi atomiċi għadhom jitjibu sal-ġurnata tal-lum, bl-użu ta' atomi mkessħa sa temperaturi inkredibbilment baxxi. Gassijiet atomiċi jlaħħqu temperaturi ta' inqas minn biljuneżmu ta' grad 'il fuq miż-Żero Assolut. Atomi kesħin huma fil-qalba tal-Arloġġi Primarji li jżommu preċiżjoni ta' inqas minn sekonda f'100 miljun sena. Arloġġi bħal dawn jużaw, u jgħinuna neżaminaw, uħud mill-iktar previżjonijiet strambi ta' Einstein.

Dan id-diskors hu mmirat lejn il-pubbliku ġenerali, ser ikun vivaċi u multimedjali, u se jinkludi dimostrazzjonijiet esperimentali u spjegazzjonijiet sempliċi ta' ftit mill-iktar xjenza eċċitanti tal-llum il-ġurnata.

Dan l-avveniment qed jiġi mtella grazzi għall-għajnuna tal-Universita` ta’ Malta, tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Djalogu u l-Familja, l-Ambaxxata tal-iStati Uniti tal-Amerka f'Malta, il-Kamra tax-Xjenzjati Maltin, Malta Café Scientifique, u l-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju.

 


 

Skopri l-Università! fit-Tlett Ibliet

It-Tnejn, 29 ta’ Ottubru
L-Isla – Misraħ l-4 ta’ Settembru

L-Erbgħa, 31 ta’ Ottubru
Bormla – fil-Grawnd tal-Iskola, Kulleġġ Santa Margerita,
Skola Primarja

Il-Ġimgħa, 2 ta’ Novembru
Il-Birgu – f’Misraħ ir-Rebħa

L-istedina tal-Università ta’ Malta biex il-pubbliku jiskopri l-ħajja fuq il-kampus waqt il-Ġimgħa Miftuħa għall-Pubbliku 2012 (Discover University! Skopri l-Università! 5 - 10 Novembru) qed tiġi estiża biex tinkludi attivitajiet fit-Tlett Ibliet nhar id-29 u l-31 ta’ Ottubru kif ukoll fit-2 ta’ Novembru.

Skopri l-Università! fit-Tlett Ibliet, li għandha l-appoġġ sħiħ tas-Sindki tat-Tlett Ibliet se twitti t-triq għaċ-Ċentru tar-Riżorsi fil-Kottonera li għadu kif twaqqaf, u li se jibda jopera aktar tard din is-sena.

Ser isir program ta’ attivitajiet f’tinda u madwarha, li se tkun imwaqqfa f’pożizzjoni prominenti fit-tliet lokalitajiet fil-ġranet  imsemmija hawn fuq.  L-attivitajiet se juru r-rabtiet bejn it-Tlett Ibliet u l-Università kemm fil-passat u fil-preżent, kif ukoll se jippromwovu l-aspetti akkademiċi u soċjali tal-ħajja fuq il-Kampus.  L-udjenza tinkludi mhux biss tfal tal-iskola mill-inħawi, imma wkoll familji, skont il-ħin tal-ġurnata.

 


 

Poeżijaplus - Musketterija Letterarja (2 Aug.)

Poeżijaplus - Musketterija Letterarja

Il-Ħamis, 2 ta' Awwissu – fid-9 ta' filgħaxija
Poeżijaplus - Musketterija Letterarja
Musika Live – Simon Sammut & Renzo Spiteri
Siltiet minn 'Baħħara tal-Kelma' – editjat minn Terrence Portelli

Din il-Lejla Letterarja se tniedi ktieb ta’ xogħolijiet minn lekċerers tal-Università ta’ Malta, kemm tal-passat kif ukoll tal-preżent. Din hija lejla ddedikata lil Fr Peter Serracino Inglott, li kien strumentali biex jitwaqqaf tal-Evenings on Campus.

 


 

Ovidius in Exsilio

Ovidius in Exsilio

‘Ovidius in exsilio’ huwa dramm bil-Malti miktub minn Ġorġ Peresso. F’dan ix-xogħol imsejjes fi żmien Ruma tal-Qedem, Peresso jħallat elementi storiċi mal-fantażija artistika tiegħu biex joħloq dramm li jiddeverti u jipprovoka fl-istess ħin. Fis-sena 8 WK, Ovidju, fl-aqwa tal-karriera tiegħu, kisirha bl-ikrah mal-Imperatur Awgustu. Ħadd ma jaf x’kien ġara eżatt. Imma Awgustu kkastiga lil Ovidju bl-ikrah. Eżiljah għal għomru fl-art ta’ Tomis.

F’dan id-dramm, insibu lil Ovidju fl-eżilju, imdejjaq għall-mewt u b’qalbu maqtugħa, mifrud mill-ħajja ta’ tlellix li kien imdorri jgħix Ruma. It-tama li għad xi darba jikseb il-maħfra qiegħda dejjem tnin. Saħħtu sejra lura, u qed jibża’ li anki l-Muża abbandunatu. Iżda, f’daqqa waħda, jesperjenza mewġa ta’ kreattività ġdida li terġa’ tagħtih speranza għall-ħajja. Ħa jibda jgħallem il-Latin lill-barbari...imma għalfejn u fuq kollox, ħa jirnexxilu jilħaq l-għan miġnun tiegħu?

 


 

L-20 Edizzjoni ta’ Iljieli fuq il-Kampus

Fadal ftit żmien biss għall-20 edizzjoni ta’ Iljieli fuq il-Kampus, jew aħjar Evenings on Campus - festival tas-sajf imtella mill-Kooperattiva Kulturali Universitarja (KKU) b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet u r-Relazzjonijiet mal-Alumni fuq il-kampus tal-Università ta’ Malta. L-Evenings on Campus beda fl-1992 u matul iż-żmien kiber u evolva, ta spinta lil min għandu talent, u serva ta’ pjattaforma għal artisti li kienu għadhom jibdew, speċjalment meta dawn ikunu studenti, alumni jew impjegati tal-Università.

L-għan ewlieni tal-Evenings on Campus kien u għadu li joffri varjetà ta’ serati għall-gosti ta’ firxa wiesgħa ta’ nies u ta’ interessi: teatru, kunċerti, serati letterarji, films, żfin kif ukoll l-arti viżiva -u din is-sena dawn ma jonqsux.  

Il-programm ta’ din is-sena se jiftaħ fit-22 ta’ Lulju b’orkestra minn Franza, il-Jeune Orchestre Atlantique, li tispeċċjalizza fl-interpretazzjoni ta’ mużika klassika bi strumenti tal-imgħoddi. Fl-ewwel parti tal-programm se jindaqqu overtures u arji mill-opri Médecin Turc (1803) u Les Rendez Vous Bourgeois (1807) ta’ Nicolò Isouard taħt id-direzzjoni tal-Mro Catherine Puig.  Fit-tieni parti tal-kunċert se tindaqq is-sinfonija maestuża magħrufa bħala 'il-Kbira' Sinfonia Nru 9 in C Maggiore ta’ Franz Schubert taħt id-direzzjoni tal-Mro Jos van Immerseel.

Minn hawn, l-Evenings on Campus jiċċaqalqu minn fuq il-Kampus għall-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija l-Belt Valletta fejn jkun hemm wirja ta’ prints ta’ Monika Beisner. Beisner hija ispirata mil-letteratura, mil-lingwa, mill-istejjer u l-poeżiji u din id-darba x-xogħol tagħha huwa ispirat mill-Metamorphoses ta’ Ovidju. Se naraw 36 biċċa xogħol f’kuluri brillanti. Din il-wirja se tibqa’ miftuħa sal-15 ta’ Awwissu.  

Ispirat ukoll minn Ovidju, huwa d-dramm Ovidius in Exsilio, dramm miktub minn George Peresso, produzzjoni tal-Malta Classics Association u direzzjoni ta’ Keith Borg.  Din is-sena l-produzzjoni se tittella’ fuq żewġ serati (26 u 27 ta’ Lulju), u d-dramm se jkun il-biċċa l-kbira bil-Malti b’xi siltiet bil-Latin, li tagħhom se jkun hemm traduzzjoni.

Il-Ħadd 29 ta’ Lulju, il-Malta Cafè Scientifique, li beda f’Malta f’Jannar 2011, se jtella’ taħdita dwar ix-xjenza tal-birra mis-Sur Martin Polidano li għandu Masters fil-fermentazzjoni tal-birra.  

Għall-ewwel darba f’Malta qed issir Kompetizzjoni ta’ Rakkontar tal-Istejjer permezz ta’ medja differenti (Transmedia Storytelling Competition). Il-parteċipanti huma mistiedna jiktbu storja li wara tiżviluppa f’diversi trami skont il-pjattaformi tad-diversi medja li jintużaw. L-applikazzjonijiet infetħu diġà u jinsabu fis-sit. Is-sottomissjonijiet iridu jintbagħtu sas-16 ta’ Lulju f’nofsinhar. Matul is-serata fl-Evenings on Campus (31 ta’ Lulju) kull tim se jkollu għaxar minuti biex jippreżenta l-istorja tiegħu, se jintwera dokumentarju dwar kif inħadmu dawn l-istejjer, u jitħabbar it-tim rebbieħ.

Lejla Letterarja nhar il-Ħamis 2 ta’ Awwissu se tniedi ktieb ta’ xogħolijiet minn lekċerers tal-Università ta’ Malta, kemm tal-passat kif ukoll tal-preżent. Din hija lejla ddedikata lil Fr Peter Serracino Inglott, li kien strumentali biex jitwaqqaf tal-Evenings on Campus.

Andrew Alamango b’kollaborazzjoni ma’ Filfla Records se jippreżenta esperjenza mhux tas-soltu fejn nisimgħu mużika Maltija miż-żmien ta’ bejn iż-żewġ gwerer (speċifikament mis-snin 1931-32). Dan jiġi segwit b’diskussjoni. (Il-Ħadd 5 ta’ Awwissu).

'Just Shorts' hija serata ta’ films qosra Maltin, b’kollaborazzjoni mal-Malta Film Foundation. Se jintwerew films Maltin ta’ ġeneri differenti – fosthom gwerra, fiction, animazzjoni.  Din is-serata, it-Tnejn 6 ta’ Awwissu, hija maħsuba biex twassal il-prodott lokali lill-pubbliku u tqajjem apprezzament ta’ dawn il-films, waqt li tagħti opportunità lill- produtturi ċinematografiċi lokali biex isiru aktar magħrufa.
Il-grupp ta’ żeffiena Elements huwa magħmul minn studenti mid-Dance Studies tal-Università ta’ Malta, li issa waslet fit-tielet sena tagħha. Nhar il-Ħamis 9 ta’ Awwissu, se jippreżentaw tliet biċċiet ta’ żfin kontemporanju li jkunu imħallta ma’ vidjows ta’ żfin (Video Dance Inserts) li ħadmu huma stess.  Dan huwa kollu xogħol oriġinali u mhux meħud minn xogħol barrani (eż minn YouTube), u għaldaqstant huwa rilevanti ħafna għall-identità taż-żgħażagħ Maltin.

U għal darb’oħra Evenings on Campus din is-sena jerġa jagħlaq b’Reading Mediterraneo, it-tielet edizzjoni li din is-sena jisimha pietre.  Hija serata ispirata minn Fr Peter u b’mod indirett tippreżentalna l-valuri u l-affarijiet li kien iħobb.  Bħas-snin ta’ qabel, Biancamaria Stanzani Ghedini u Massimo de Majo reġgħu stiednu grupp ta’ artisti internazzjonali magħrufin, u din is-sena l-fotografu Joe Smith se jippreżenta installazzjoni viżiva li saret speċifikament għal dan il-proġett. (Il-Ħadd, 12 ta’ Awwissu)

Għal aktar informazzjoni dwar Evenings on Campus, wieħed jista jaċċessa is-sit jew iċempel fuq +356 2340 2043 jew +356 2340 2142. Evenings on Campus għandu paġna fuq Facebook u t-ticket hotline huwa 7984 3480

 


 

Taħdita dwar il-Moħħ, il-Kimiki u l-Epilessija

Il-laqgħa ta’ Ġunju tal-Kummerċ u x-Xjenza tal-Kamra tax-Xjenzjati Maltin (Malta Chamber of Scientists Business and Scientific meeting) bit-titlu 'Il-moħħ u l-imġiba' ('Brain and Behaviour') se ssir b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta u taħt il-patroċinju tal-Ambaxxata Taljana fis-6.30pm nhar l-Erbgħa 27 ta’ Ġunju fl-Istituto Italiano di Cultura, Misraħ San Ġorġ, il-Belt.

Il-Professur Giuseppe Di Giovanni mill-Università ta’ Malta se jippresiedi l-laqgħa bil-parteċipazzjoni speċjali tal-mistednin il-Professur Vincenzo Crunelli minn Cardiff University fir-Renju Unit u l-Professur Mauro Pessia mill-Università ta’ Perugia, fl-Italja.  Il-kontributuri se jiddiskutu l-oxxillazzjonijiet fil-moħħ f’kundizzjonijiet fiżjoloġiċi u patoloġiċi bħal ma huma l-epilessija u l-irwol tal-modulazzjoni tas-“serotonin”.

Professjonisti, edukaturi u studenti tax-xjenza huma milqugħa.  Wara l-preżentazzjonijiet, se jkun hemm diskussjoni filwaqt li jiġu servuti rinfreski.  Is-sħubija tista’ ssir mal-bieb.

 


 

Tnedija tal-Ktieb L-Imħabba taħt il-lenti

Tnedija tal-ktieb ta' Dr Renald Blundell

nhar is-Sibt 30 ta' Ġunju
fil-University Residence f'Ħal-Lija
tnedija tal-ktieb mis-7.30 sat-8.30 ta' filgħaxija; wara ikun hemm BBQ

L-Imħabba taħt il-lenti
Ġibda ewlenija bħalma hi l-imħabba għandha warajha storja twila li matulha l-bniedem mhux biss għexha u ċaħadha imma ħaseb u kiteb dwarha minn kull angolu. Hi verżjoni reliġjuża, daqskemm psikoloġika, fiżika, politika, soċjali, subliminali daqskemm esperjenzjali, u l-bqija. B’kompetenzi differenti, fi żminijiet varji, f’kulturi differenti, professjonisti daqskemm nies ta’ esperjenza fittxu li jiddefinuha u jirrenduha sfida prattika.

F’dan il-ktieb Dr Renald Blundell jgħaqqad dawn ix-xejriet kollha flimkien biex, bħallikieku taħt lenti, jgħarbel l-imħabba bħala kunċett, istint, għażla u kollox ma’ kollox, esperjenza fundamentali. Huwa jħares lejha minn naħiet differenti, u jikkonfrontaha ma’ punti ta’ riferiment differenti: mill-bniedem sal-annimal, mill-ħlejjaq naturali sal-oġġetti. B’taħlita kontinwa ta’ esperjenza professjonali u perċezzjoni mibnija fuq it-tiġrib ta’ kuljum, bi stil li huwa kemm mirqum daqksemm sikwit dirett u konversazzjonali, huwa jipprovdi manwal li għandu jkun ta’ fejda kemm lill-għalliema, lill-edukaturi ċivili daqskemm reliġjużi, kif ukoll lin-nies u lill-irġiel medji li jixtiequ jiksbu għarfien sod u prattiku ta’ sfida li kull persuna ma tistax ma tiltaqax magħha f’għamla jew f’oħra, fi staġun jew f’ieħor tal-ħajja.

Dr Blundell qiegħed jagħti kontribut tassew siewi billi jħaddem il-lingwa tal-pajjiż biex il-qarrejja Maltin ikollhom ktieb li jipprovdi perspettivi, pariri u metodi dwar kif wieħed jifhem x’inhi l-imħabba u kif jista’ jagħrafha fih innifsu daqskemm fl-oħrajn madwaru. Dr Blundell ma jonqos qatt li jkun prattiku u realistiku, waqt li jevita spekulazzjoni u diskors astratt li f’xogħol bħal dan jistgħu jtellfu l-qari u jnaqqsu l-utilita’. Huwa test eżemplari ta’ akkademiku li jħoss id-dmir u l-ħtieġa li jaqsam l-għarfien professjonali tiegħu ma’ pubbliku wiesa’, ta’ kull eta’, li jista’ jsib ktieb bħal dan utli fil-proċess ta’ għażla, ħbiberija, relazzjoni u l-bqija.

Oliver Friggieri

Dwar l-Awtur
Dr Renald Blundell B.Sc., M.Phil., Ph.D.(Edin.), M.I.Biol., C.Biol., EuroProBiol., MIBMS, FRSPH(Lond.), OLJ twieled fil-31 ta’ Awwissu 1973. Huwa ta’ nazzjonalità Maltija u l-kariga tiegħu hija ta’ Senior Lecturer fl-Università ta’ Malta fil-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija. Huwa wkoll konsulent fil-Bioloġija Molekulari u Ċellulari kif ukoll fil-Biokimika. 

Ħa l-edukazzjoni tiegħu f’diversi Universitajiet fosthom fl-Università ta’ Malta, ta’ Edinburgh, u ta’ Padova. Fil-preżent huwa jagħti lectures fl-Università ta’ Malta lil studenti li qed jistudjaw il-mediċina, id-dentistrija u l-farmaċija. Huwa jipprattika xogħol bħala espert xjentifiku mal-Qorti ta’ Malta, kif ukoll iservi ta’ konsulent fuq materja ta’ ċelloli staminali (stem cells) kif ukoll fuq diversi testijiet ta’ DNA. Hu l-awtur ta’ DNA, Ċelloli staminali, u Kura b’mod naturali.

 


 

Konferenza dwar Concept Mapping

CMC2012 hija l-Ħames Konferenza Internazzjonali dwar Concept Mapping li se ssir Malta bejn is-17 u l-20 ta’ Settembru, 2012 taħt il-patroċinju tal-Università ta’ Malta flimkien mal-kollaborazzjoni tal-Institute for Human Machine & Cognition (IHMC), Florida u l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Din il-konferenza ssir kull sentejn u l-attendenza tal-esponenti ewlenin fid-dinja ta’ Concept Mapping hija aċċertata.  L-għan prinċipali ta’ din il-konferenza se jkun li tesponi u tippromwovi riċerka u innovazzjoni bil-parteċipazzjoni ta’ Concept Mappers mid-dinja kollha.

Il-Concept Maps jikkomunikaw mad-daqqa t’għajn kif dawk li qed jitgħallmu jkunu qegħdin jiżviluppaw il-fehim tagħhom.  Dawn huma għodda metakonoxxittiva qawwija u effettiva li tippermetti parteċipazzjoni attiva tal-istudent waqt il-proċess ta’ tagħlim.  Meta jaħdmu bil-Concept Maps fil-klassi, kemm l-għalliema kif ukoll l-istudenti jsiru konxji ta’ x’jafu dawk li qegħdin jitgħallmu, jekk għandhomx ideat żbaljati u kemm qed jiżviluppaw sew il-fehim tagħhom.  B’dan il-mod, l-għalliema jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jagħtu pariri u jikkowċjaw l-iżvilupp ta’ min qiegħed jitgħallem aktar milli joħolqu ambjent ta’ tagħlim li jpoġġi lill-istudenti f’keffa waħda.  Il-Concept Maps mhumiex użati biss f’sitwazzjonijiet edukattivi bħal ma huma strateġiji ta’ tagħlim, mezz ta’ valutazzjoni jew assessjar, għodda biex tfassal kurrikulu jew riċerka, imma wkoll f’organizzazzjonijiet u kumpaniji ta’ kummerċ bħal kumpaniji li jieħdu d-deċiżjonijiet, xjenza u teknoloġija, edukazzjoni medika, inġinerija, ambjenti militari, dawk governattivi bħad-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti u anke wkoll fl-esplorazzjoni tal-ispazju min-NASA.  Il-Concept Maps huma effettivi ħafna biex ikun organizzat l-għarfien meħtieġ f’organizzazzjonijiet u industriji, biex jiksbu, jimmaniġġjaw, joħolqu u jittrasferixxu informazzjoni u għarfien. 

Għal dawn l-aħħar sentejn l-IHMC kienet qed tiżviluppa l-għodda CmapTools, programm ta’ softwer ibbażat fuq il-mudell klijent/server li hu mfassal biex jiffaċilita u jappoġġja l-kostruzzjoni ta’ Concept Maps minn persuni ta’ kull età u jippermetti kollaborazzjoni u kodiviżjoni waqt dak il-proċess.  Dan is-softwer jagħmilha iktar faċli għall-kostruzzjoni ta’ Concept Maps bħal ma word processor jappoġġja x-xogħol tal-kitba ta’ test.  Dan jippermetti tipi ta’ riżorsi differenti bħal immaġini, vidjos, dokumenti word, paġni tal-web u aktar, biex jiġu miżjuda mal-Concept Map u jinsab f’ħafna lingwi u jintuża b’mod estensiv mad-dinja kollha.

Il-kelliema mistiedna se jkunu l-Professur Alberto J. Cañas, Ko-fundatur u direttur assoċjat tal-Institute for Human and Machine Cognition.  Huwa xjenzat tar-riċerka u wieħed mill-iżviluppaturi tas-softwer CmapTools.  Il-Professur Joseph Novak bħalissa huwa Professur Emeritu, Cornell University, u Senior Research Scientist tal-IHMC.  Il-ktieb tiegħu Learning How to Learn (ma’ Gowin) ippubblikat fl-1984 u l-ktieb reċenti tiegħu, Learning, Creating, and Using Knowledge: Concept Maps as Facilitative Tools in Schools and Corporations (Routledge, 2010) huma awtorevoli.  Dr Ian Kinchin huwa Senior Lecturer in Higher Education f’King’s Learning Institute.  Huwa għallem ix-xjenza f’diversi skejjel sekondarji qabel ma laħaq għalliem tal-Initial Teacher Training f’Surrey University u wara, Brunel University.  Bħalissa r-riċerka tiegħu qed tiffoka fuq l-applikazzjonijiet ta’ concept mapping biex titjieb il-kwalità tat-tagħlim bħala parti minn pedagoġija awtentika għall-Edukazzjoni Ogħla, u bħala għodda biex jinbeda djalogu bejn għalliem u student.

L-isponsers tal-konferenza jinkludu lill-AirMalta, il-Ministeru għall-Finanzi, Malta u Attard & Co bl-inbejjed Gaudex.

 


 

Mappa tal-Ġeni Maltin

Issa qed tinqara l-genoma maltija. L-informazzjoni se tgħin biex nifhmu l-iżvilupp uman u biex nidentifikaw il-mard fi stadju aktar bikri sabiex b’hekk il-kura tista’ sseħħ aktar malajr. Lokalment, ir-riċerka tkompli wkoll fuq il-ġenomi ta’ organiżmi oħra li jistgħu jkunu ta’ interess soċjali u ekonomiku.

Il-laqgħa ta’ Mejju dwar il-kummerċ u x-xjenza, li torganizza l-Kamra tax-Xjenzjati ta’ Malta, bl-isem 'Genomes of Malta', ser issir b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta u mal-Kavallier ta’ San Ġakbu għall-Kreattività. Din ser issir fit-30 ta’ Mejju fis-6.30pm fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt Valletta.

Il-Prof. Alex Felice se jippresjedi l-laqgħa, bil-parteċipazzjoni ta’ Dr Gabrielle Zammit, is-Sur Adrian Bugeja Douglas u Dr Joseph Borg. Il-kontributuri se jiddiskutu l-Malta Genome Project, il-ġenomi kkumplikati ta’ organiżmi sempliċi, il-ġenetika ta’ organiżmi ta’ valur ekonomiku, u skoperti reċenti dwar il-kontroll ta’ ġeni ta’ emoglobina li qed jiġu żviluppati.

Professjonisti tax-xjenza, edukaturi u studenti huma mistiedna. Wara l-preżentazzjonijiet, se ssir diskussjoni waqt li jiġu servuti xi ftit ikel u xorb.

Wieħed jista’ jikseb sħubija mal-Kamra tax-Xjenzjati ta’ Malta waqt id-dħul.

 


 

Karmenu Vassallo: Nirien

Nirien

 


 

Konferenza: It-Tagħlim tat-Taljan

Id-Dipartmenti L-Arti u l-Lingwi fl-Edukazzjoni, il-Fakultà tal-Edukazzjoni, flimkien mas-Società Dante Alighieri, qed jorganizza lekċer bit-titlu:

Insegnare/imparare l’italiano? – È un gioco... di parole! ovvero, La ludolinguistica nella glottodidattica

The konferenza ser issir nhar it-Tnejn 21 ta' Mejju,fiċ-Ċentru tal-Konferenzi M.A. Vassalli - Gateway (GW) Hall E.

Ikklikkja hawn għal aktar tagħrif.

 


 

Kors ta’ Masters

Master of Arts in Comparative Euro-Mediterranean Education Studies: Learning by Comparing
 
Iċ-Ċentru Ewro-Mediterranju għar-Riċerka Edukattiva (EMCER) se jerġa’ joffri l-Master of Arts
fil-Comparative Euro-Mediterranean Education Studies f’Ottubru 2012. Il-kors ta’ Masters, li huwa offrut fuq bażi part-time, jikkonsisti f’oqsma ta’ studju, li huma mgħallma darba fil-ġimgħa, u teżi. Din tal-aħħar normalment tiġi ppreżentata wara sentejn ta’ studju, u tiffoka fuq kwistjoni ta’ politika edukattiva kurrenti li tiġi eżaminata f’perspettiva ta’ prattika internazzjonali. Gradwati minn dan il-kors wettqu b’suċċess studji komparattivi ta’, fost oħrajn: kurrikula, pedagoġija, politika kulturali, l-formazzjoni tal-għalliema, valutazzjoni, it-tagħlim tal-lingwa, il-kwalità ta’ edukazzjoni ogħla, u l-esperjenza ta’ immigranti fl-iskejjel. Matul is-sentejn li ġejjin, l-istudenti se jkunu mħeġġa jiffokaw fuq suġġetti għat-teżi li huma fiċ-ċentru ta’ riformi lokali u bi tweġiba għal ħtiġijiet lokali, eżaminati b’relazzjoni mal-aħjar prattika fl-Ewropa u lil hinn minnha.

Il-kors huwa mgħallem minn lekċerers lokali u oħrajn mistiedna minn barra l-pajjiż, b’enfasi fuq analiżi kritika ta’ tendenzi edukattivi, b’mod partikulari mill-perspettiva ta’ ekwità, ġustizzja soċjali, u eċċellenza għal kulħadd. L-oqsma ta’ studju huma bbażati fuq qari intensiv ta’ testi preskritti, gruppi ta’ studju, seminars interattivi, u laqgħat tutorjali fi gruppi żgħar. Gradwati li segwew il-kors fit-tliet gruppi preċedenti għaddew biex ikomplu d-dottorat lokalment jew barra l-pajjiż, u kisbu pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà fir-riċerka, u f’istituzzjonijiet ewlenin edukattivi u kulturali. Il-kors huwa ideali wkoll għal dawk li jixtiequ jieħdu sehem fi proġetti tal-UE jew internazzjonali, fejn l-għarfien ta’ sistemi edukattivi differenti u ta’ metodi ta’ riċerka komparattiva huwa sikwit meħtieġ.

L-applikanti mistennija jkollhom grad ta’ livell tajjeb ta’ baċellerat fi kwalunkwe qasam, ikunu kompetenti fl-Ingliż u preferibilment f’suġġett barrani ieħor, u jkunu impenjati fl-eċċellenza akkademika.  In-numru ta’ studenti aċċettati għall-kors huwa limitat, biex hekk tkun iżjed possibbli l-interazzjoni effettiva fil-grupp. Madankollu, billi dan ser ikun l-uniku Masters relatat mal-edukazzjoni li qed jiġi offrut din is-sena fl-Università ta’ Malta, jista’ jkun li grupp ikbar mis-soltu jitħalla jsegwi l-kors, sakemm ikun hemm staff disponibbli biex jissorvelja s-suġġett magħzul għat-teżi.

Iktar dettalji dwar il-Master of Arts in Comparative Euro-Mediterranean Education Studies, inklużi tagħrif fil-qosor dwar l-oqsma ta’ studju, qari ssuġġerit, u regolamenti dwar il-kors, jinsabu fuq is-sit elettroniku. Jistgħu jintbagħtu mistoqsijiet lill-mexxej tal-kors fl-indirizz elettroniku  u l-istudenti prospettivi jkunu mistiedna jattendu laqgħa ta’ informazzjoni f’Ġunju.

 


 

'Sess, Droga u Rock ‘n’ Roll'

Sex, Drugs & Rock 'N' Roll


Taħdita dwar l-effetti tad-droga fuq il-moħħ

Il-kokaina, l-eroina, il-kannabis, l-amfetamina, l-LSD, il-pillola kontraċettiva, The Doors u r-Rolling Stones huma wlied is-snin sittin.  Il-kimika tat in-nar lit-tkabbir tal-imħabba ħielsa, l-użu tad-droga, u kultura ġdida.  Imma din il-kultura għandha wkoll il-lat oskur: infezzjonijiet trasmessi sesswalment, ħajjiet u potenzjal mitlufa. 

Interessati?  Il-Professur Richard Muscat (l-Università ta’ Malta – Pro-Rettur għar-Riċerka) se jkun qed jitkellem dwar 'Sess, Droga u Rock ‘n’ Roll' nhar l-10 ta’ Mejju fis-7.15pm, fis-sala tal-Mużika, il-Kavallier ta’ San Ġakbu. Id-taħdita tkun segwita minn diskussjoni miftuħa għal kulhadd. Id-dħul huwa b’xejn, ma hemm bżonn l-ebda sfond xjentifiku u kulħadd huwa mistieden.

Għal aktar minn 20 sena, il-Professur Richard Muscat irriċerka l-effetti tal-abbuż tad-droga fuq il-moħħ.  Ir-riċerka tiegħu iffukat fuq mogħdijiet ta’ pjaċir fil-moħħ u r-relazzjoni tagħhom mal-burdati. L-abbuż imbghat jaffetwa il-mod kif in-nies iġibu ruħhom.  Kimika tal-moħħ li jisimha dopamina, għandha rwol importanti ferm fl-influwenza fuq kif in-nies jirreaġixxu għal sitwazzjonijiet ta’ pjaċir u sfortunatament meta konsegwentament jirkadu wara użu ripetut tad-droga. Tliet konnessjonijiet important oħra huma l-predispożizzjoni għall-użu tad-droga, l-età tal-ewwel darba li tintuża d-droga, u l-ansjetà/dipressjoni. 

Il-kelliem jippresjiedi l-Pjattaforma tar-Riċerka tal-Pompidou Group, fil-Kunsill tal-Ewropa, grupp li jiġġieled l-abbuż tad-droga u t-traffikar illeċitu tad-droga. Malta Café Scientifique hija appoġġjata mill-Kamra tax-Xjenzjati Maltin (Malta Chamber of Scientists) u l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (Malta Council for the Voluntary Sector), u mgħejjuna mill-Università ta’ Malta. Għal aktar informazzjoni tista’ tintbagħat email jew tista’ tinstab fuq Facebook.

 


 

Lekċers għall-Pubbliku

Id-Dipartiment tal-Istudju fit-Traduzzjoni u fl-Interpretazzjoni tal-Fakultà tal-Arti, se jorganizza żewġ lekċers:

Legal Translation & Interpreting
mill-Professur Erik Hertog minn Lessius College, Antwerp
nhar it-Tlieta 24 t'April
bejn l-10 ta' filgħodu u nofsinhar
fiċ-Ċentru tal-Konferenzi Mikiel Anton Vassalli - Gateway (GW) Sala B

Literary Translation with reference to Collodi's Pinocchio translations
mill-Professur Justyna Lukaszewicz minn Breslavia University, Wroclaw, fil-Polonja
nhar l-Erbgħa 25 t'April
bejn is-sagħtejn u l-erbgħa ta' waranofsinhar
fil-Library Basement Kamra 2 (LBR2)

 


 

Il-Laqgħa tal-Linguistics Circle

Michael Spagnol, mid-Dipartiment tal-Malti, l-Università ta' Malta, ser jitkellem fil-laqgħa li jmiss tal-Linguistics Circle dwar 'A Couple of Morphologies - verb structure and argument alternations in Maltese'. It-taħdita ser issir nhar il-Ġimgħa 20 t'April fit-tlieta ta' wara nofsinhar fil-Kamra 216, Lecture Centre, il-Kampus tal-Imsida.

Ikklikkja hawn għal aktar tagħrif.

 


 

Ixgħelli l-Bozza

Light Mu Lightbulb

Irrid nixgħel il-laptop, l-arja kkondizzjonata, l-ismartphone u rrid nużahom kemm irrid, mingħajr sens ta’ ħtija. U m’iniex waħdi; id-domanda għall-enerġija f’Malta żdiedet b’mod kostanti sakemm laħqet il-quċċata ta’ madwar 430MW ftit snin ilu. Tiddisprawx. Malta għandha pjanijiet eċċitanti biex tinbena qatgħa art li fiha għadd ta’ mtieħen jew turbini tar-riħ li jipproduċu l-enerġija (wind farm) li tassorbi parti kbira minn din id-domanda.

Interessati? Ejjew għat-taħdita li jmiss tal-Malta Café Scientifique (b’kollaborazzjonimal-Green Drinks Malta) minn Dr Ing. Tonio Sant (Fakultà tal-Inġinerija fl-Università ta’ Malta) bit-titlu “Ixgħelli l-Bozza” fis-7.15pm, fit-12 ta’ April, fil-Kamra tal-Mużika, fil-Kavallier ta’ San Ġakbu.

Il-Gżejjer Maltin huma post inkrepattiv fejn tinġabar l-enerġija mir-riħ.  L-ispazju huwa limitat u l-ibħra tagħna huma fondi, tant fondi li l-windfarms huma possibbli biss fi profondità ta’ xi 70 metru. Wind farms li huma offshore diġà jeżistu, iżda l-ebda wieħed minnhom f’din il-profondità. Dawn it-turbini tar-riħ għad iridu jiġu żviluppati.

Waħda mill-akbar problemi hija l-maltempati. Ħadd ma jrid l-investiment tiegħu li jiswa miljuni kbar jinbela’ mill-mewġ. Biex dan ma jiġrix, il-kelliem u t-tim tiegħu qed jagħmlu riċerka dwar kif dawn it–turbini ġiganteski jistgħu jiġu ankrati sewwa.

It-turbini tar-riħ iridu wkoll jaħdmu bl-aktar żiffa ħafifa. Il-blejds tagħhom jridu jduru u jipprovdu l-enerġija fi ġranet kalmi, u dan jiddependi mid-disinn tagħhom. Dan hu qasam ieħor ta’ riċerka ta’ Dr Sant, li r-riżultati tiegħu se jkunu importanti biex Malta tiżviluppa wind farms li jaqblu mal-ħtieġiet tal-gżira. Dan jippermettilna nużaw l-arja kkondizzjonata mingħajr ma ninkwetaw wisq fuq l-effett tagħna fuq il-pjaneta.

“Ixgħelli l-Bozza” se ssir fil-Kamra tal-Mużika, fil-Kavallier ta’ San Gakbu, fis-7.15pm, il-Ħamis 12 ta’ April minn Malta Café Scientifique b’kollaborazzjoni mal-Green Drinks Malta u appoġġjat mill-Kamra tax-Xjenzjati Maltin (Malta Chamber of Scientists)u l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (Malta Council for the Voluntary Sector). Dr Ing. Tonio Sant se jagħti t-taħdita, u wara jkun hemm diskussjoni miftuħa għal kullħadd. Għal aktar informazzjoni tista’ tintbagħat email lil maltacafescientifique@gmail.com jew nistgħu ninstabu fuq Facebook. Id-dħul huwa b’xejn. Ma jinħtieġ l-ebda sfond xjentifiku.

 


 

Il-Big Bang, CERN u r-rwol ta’ Malta

Avveniment tal-Kamra tax-Xjenzjati Malta (Malta Chamber of Scientists) bil-kooperazzjoni tal-Universita` ta’ Malta: 'Introduzzjoni għal CERN'

Malta ilha tipparteċipa fl-akbar u l-aktar strument xjentifiku b’saħħtu maħluq mill-umanità, il-Large Hadron Collider. Dan huwa tagħmir li jiswa 8 billjun euro, twil 27km u midfun 100m taħt il-fruntiera ta’ bejn Franza u l-Iżvizzera.  L-għan tiegħu hu li jaċċelera l-partikuli viċin tal-veloċità tad-dawl u li jħabbatthom direttament b’veloċità mgħaġġla biżżejjed li jerġgħu jinħolqu l-kundizzjonijiet tal-big bang fuq skala wisq iżgħar. Dawn il-kolliżjonijiet se jippermettu lix-xjenzjati jifhmu x’jifforma s-sustanza materjali. 

Fil-11 ta’ April fis-6.30pm fil-Kamra tal-Mużika tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, Dr Ing. Nicholas Sammut (riċerkatur fl-Università ta’ Malta u CEO tal-MCST) se jippresjedi l-laqgħa tan-Negozju u x-Xjenza tal-Kamra tax-Xjenzjati Maltin (Malta Chamber of Scientists Buisness and Scientific meeting).  Il-kelliema jinkludu lis-Sna Marija Cauchi u lis-Sur Gianluca Valentino. Dawn se jagħtu deskrizzjoni ta’ x’tagħmel CERN u kif jaħdem il-Large Hadron Collider (LHC). Se jitkellmu wkoll dwar ir-rwol importantissimu tal-Università ta’ Malta f’xi komponenti tal-LHC. Professjonisti, edukaturi u studenti tax-xjenza huma kollha mistiedna. Se jkun hemm riċeviment wara l-laqgħa.

Introduction to CERN

 


 

Eżercizzji tar-Randan

Din is-sena l-Eżercizzji tar-Randan ser isiru bejn is-26 u d-29 ta' Marzu fin-12.30pm fil-Kappella tal-Università. L-Eżercizzji ser isiru mis-Sur Natallino Camilleri (Superjur Ġenerali tal-M.U.S.E.U.M). Kulħadd huwa mistieden. Il-Quddiesa ssir f'nofsinhar.

Nhar it-30 ta' Marzu, fl-okkażjoni tad-Duluri, l-Eċċellenza Tiegħu l-Arċisqof Pawlu Cremona ser jiċċelebra l-Quddiesa fil-Kappella tal-Università fin-12.30pm.


 


 

Seminar: Jum il-Mara 2012

Ser isir seminar organizzat mill-Gender Issues Committee (GIC) fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Mara 2012 nhar it-Tlieta 28 ta' Frar fil-KSU Common Room, Student House, l-Università ta' Malta, Msida. Is-seminar jibda f'nofsinhar.

Ikklikkja hawn għad-dettalji.

 


 

Konferenza

Il-konferenza 'Id-Drittijiet u r-Rimedji għall-Konsumatur fl-Unjoni Ewropea' ser issir fit-13 ta' April 2012. Il-panel ikun magħmul minn kelliema barranin distinti li ser jiddiskutu għadd ta' argumenti marbutin ma' din it-tema.

Għal aktar tagħrif ikklikkja hawn.

 


 

Lezzjonijiet għal Malta

Nhar it-Tnejn 25 t'April, l-Istitut tall-Gżejjer u l-Istati ż-Żgħar ser jorganizza seminar pubbliku bit-titlu ta' 'The Slovenian EU Presidency: Lessons for Malta'.

 

Is-seminar ikun bl-Ingliż

Ikklikkja hawn għal aktar tagħrif.

 


 

Konferenza Internazzjonali

It-Tielet Konferenza Internazzjonali tal-Għaqda Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija
Malta: 8 – 10 ta’ April, 2011


Għalkemm il-Malti huwa mitkellem minn numru żgħir ħafna ta’ persuni, matul is-sekli attira ħafna interess xjentifiku minħabba l-istruttura lessika, fonoloġika u grammatikali tiegħu, li tinvolvi l-għaqda ta’ elementi lingwistiċi tant diversi bħall-Għarbi, l-Isqalli u t-Taljan, u iktar reċenti, l-Ingliż.  Il-Malti mexa ħafna ’l quddiem mill-oriġini tiegħu bħala djalett periferiku ħafna tal-Għarbi biex isir il-lingwa nazzjonali ta’ stat sovran u, dan l-aħħar, lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (u jekk niġu f’dan l-unika lingwa Semitika tal-Ewropa!)

Matul is-snin, studjużi fid-Dipartiment tal-Malti u iktar reċenti, fl-Istitut tal-Lingwistika, fl-Università ta’ Malta, komplew bit-tradizzjoni tal-predeċessuri magħrufa tagħhom billi jippreżentaw aspetti varji tal-istruttura tal-Malti għall-attenzjoni kritika internazzjonali ta’ studjużi tal-istess livell f’universitajiet madwar id-dinja.  Dan l-interess xjentifiku kontinwu laħaq il-quċċata ftit snin ilu permezz tal-ewwel Konferenza Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija (Bremen, il-Ġermanja, 2007), fejn studjużi minn pajjiżi daqshekk diversi bħal Malta, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, Franza, l-Italja, l-Istati Uniti u l-Ġappun, fost oħrajn, iltaqgħu biex jiddiskutu l-Malti bħala suġġett ta’ taħdit akkademiku fih innifsu.  Minn din l-esperjenza memorabbli twieldet l-Għaqda Internazzjonali tal-Ilsien Malti – Għilm.  Fl-2009, saret it-tieni konferenza internazzjonali, fi Bremen ukoll, u issa t-tielet Konferenza se ssir f’Malta, organizzata mill-Istitut tal-Lingwistika bil-kooperazzjoni tad-Dipartiment tal-Malti u d-Dipartiment tal-Arti u l-Lingwi fl-Edukazzjoni, u l-isponsorship tal-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Se jkun hemm 22 taħdita u 8 preżentazzjonijiet poster fuq suġġetti varji fil-Lingwistika Maltija, li jinkludu s-sintassi, il-morfoloġija, il-fonoloġija, is-sistema tal-kitba, il-Malti u l-IT, u l-konnessjonijiet storiċi tal-Malti mal-Għarbi u t-Taljan.

Din se tkun tassew ċelebrazzjoni tal-lingwa Maltija, bir-rota akkademika ddur ċirku sħiħ: mill-isforzi ta’ studjużi Maltin biex jiġbdu l-attenzjoni ta’ akkademiċi internazzjonali għar-rikkezza tal-Malti, sa studjużi minn madwar id-dinja jiġu Malta biex jitkellmu dwar l-iskoperti tagħhom dwar il-Malti ma’ udjenza Maltija u internazzjonali.

Dettalji għal dawk li jixtiequ jattendu għall-konferenza kollha jew parti minnha jinsabu fuq is-sit elettroniku.

 


 

Swieq tal-Enerġija Solari

Qed jiġi organizzat seminar bl-isem ‘Swieq tal-Enerġija Solari: Esperjenzi Maltin u Ġermaniżi lejn l-2020’ (‘Solar Energy Markets: Maltese and German Experiences towards 2020’) bil-kollaborazzjoni ta’ NORDSOLAR e.V. tal-Ġermanja, nhar it-Tlieta 5 ta’ April 2011. 

Is-seminar għandu l-għan li jippreżenta l-esperjenza Ġermaniża fl-installazzjonijiet solari, jenfasizza l-aħjar prattiki u jippermetti n-networking ta’ dawk il-Maltin interessati ma’ wħud mill-ikbar installaturi solari fil-Ġermanja.

Waqt is-seminar, se jiġu mnedija l-Korsijiet tal-Iżvilupp Professjonali Kontinwu tal-Istitut għal sistemi solari termiċi u dawk solari fotovoltajċi.  Dawn il-korsijiet huma approvati mill-Awtorità Maltija Dwar ir-Riżorsi (l-MRA) u kandidati li jtemmu l-kors b’suċċess ikunu eliġibbli li jieħdu ċertifikat fl-installazzjoni solari, skont il-ħtiġijiet tad-Direttiva 2009/28/KE tal-UE dwar l-Enerġija li Tiġġedded (EU Renewable Energy Directive) li tistipula li l-Istati Membri kollha għandhom ikollhom fis-seħħ skema ta’ ċertifikazzjoni ta’ installatur jew skemi ta’ kwalifiki ekwivalenti għas-sistemi kollha tal-enerġija li tiġġedded sa Diċembru 2012. 

Il-korsijiet għandhom ukoll l-għan li jipprovdu informazzjoni essenzjali għal disinjaturi, bennejja u inġiniera fis-servizz tal-bini, biex ikunu jistgħu jippjanaw bil-quddiem għall-inklużjoni ta’ sistemi solari f’bini ġdid u restawrat. Dawn il-korsijiet jissodisfaw xi wħud mill-esiġenzi tad-Direttiva 2010/31/UE tal-UE dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija fil-Bini, biex tipprovdi gwida u taħriġ lil kull min hu involut fis-settur tal-bini, biex itejjeb l-effiċjenza tal-enerġija , u jimplimenta b’suċċess metidoloġiji li jiggarantixxu l-aqwa effiċjenza tal-enerġija flimkien mal-użu ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu fl-ippjanar, disinn, bini u restawr ta’ oqsma industrijali jew residenzjali.Is-seminar se jikkonsisti f’diversi preżentazzjonijiet minn esperti Ġermaniżi u Maltin dwar aspetti varji ta’ installazzjonijiet solari, b’mod speċjali t-tisħin solari u l-fotovoltajċi solari. Ġie allokat ħin biżżejjed għal diskussjonijiet f’kull sezzjoni.

Inti ġentilment mistieden tattendi. Ir-reġistrazzjoni hija miftuħa sat-Tnejn 28 ta’ Marzu 2011 għal prezz ta’ €35. Reġistrazzjonijiet tard jinkisbu aktar tard għal prezz ta’€50, u jiddependi jekk ikunx hemm post.

Ikklikkja hawn għal aktar tagħrif.

 


 

Seminar Nazzjonali fuq il-Governanza Lokali

Id-Dipartiment tal-Politika Pubblika fi ħdan l-Università ta’ Malta se jkun qiegħed jorganizza seminar nazzjonali dwar id-devoluzzjoni tal-poter, sittax-il sena wara l-introduzzjoni tal-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex, u fl-okkażjoni tal-ewwel anniversarju minn meta seħħew riformi maġġuri biex itejbu l-immaniġġjar u l-kontabilità tal-gvern lokali.

Din l-attività li se tkun organizzata b’kollaborazzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali se ssir matul in-nofstanhar tas-Sibt filgħodu nhar id-9 t’April 2011 fis-Sala tal-Komunità tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara. It-tema prinċipali se tistħarreġ jekk id-divoluzzjoni tal-poter fil-kuntest Malti hux ħolma jew realtà. Is-seminar jifforma parti mill-Memorial Lecture f’ġieħ Anton Tabone, fundatur tal-Kunsill Ċiviku t’Għawdex.

Din l-attività hija miftuħa għall-pubbliku inġenerali, imma għandha tolqot mill-qrib lil dawk involuti fil-ħidma tal-kunsilli lokali bħas-sindki, kunsilliera, segretarji eżekuttivi u membri tal-kumitati tal-Kunsilli. Tinteressa wkoll lil dawk l-istudenti u riċerkaturi li għandhom għal qalbhom temi relatati mal-governanza lokali u affarijiet Ewropej.. Il-programm tas-seminar jinkludi kemm preżentazzjonijiet ta’ riċerka u kif ukoll diskussjoni bil-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ esperti lokali.

It-tema tas-seminar se tkun mistħarrġa minn għadd ta’ perspettivi differenti permezz ta’ interventi minn politiċi, sindki, akkademiċi u oħrajn li jaħdmu fit-twettiq tal-politika. Fost dawk li se jindirizzaw is-seminar se jkun hemm l-Onor. Chris Said, il-Professur Godfrey Pirotta, Dr Edward Warrington, Dr Keith Grech, is-sur Michael Cohen u Dr Malcolm Mifsud. L-Assoċjazzjoni tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali wkoll se tieħu parti attiva waqt l-attività. Is-seminar se jkun kollu bil-Malti.

 


 

In-Nisa u t-Tmexxija

Il-Jum Internazzjonali tan-Nisa

Biex jiġi mfakkar il-Jum Internazzjonali tan-Nisa, l-Ambaxxata tal-Istati Uniti u l-Gender Issues Committee tal-Università ta’ Malta javżaw li se ssir konferenza awdjoviżiva diretta li se tkun miftuħa għall-pubbliku ġenerali.

In-Nisa u t-Tmexxija:  Kif iżżid u tintegra lill-gradwati nisa fis-soċjetà

Il-kelliema prinċipali se tkun Gloria Blackwell – Direttur tal-Fellowships, Għotjiet u Programmi Internazzjonali tal-Assoċċjazzjoni Amerikana tan-Nisa Universitarji (American Association of University Women - AAUW) flimkien ma’ kelliema Maltin li jinkludu persuni ewlenin involuti f’dan il-qasam.

Sala Ċ, iċ-Ċentru tal-Konferenzi M.A. Vassalli (Gateway Bldg)
Il-Ġimgħa, 25 ta’ Marzu 2011
bejn il-ħamsa u s-sitta ta’ filgħaxija

F’din il-konferenza awdjoviżiva ta’ siegħa l-udjenza tkun tista’ ssir taf dwar l-aħjar prattiki fl-Istati Uniti u tiddiskuti s-sitwazzjoni preżenti f’Malta.

Gloria Blackwell – Assoċċjazzjoni Amerikana tan-Nisa Universitarji (AAUW) – Direttur ta’ Fellowships, Għotjiet u Programmi Internazzjonali

Sa mill-1881 l-Assoċċjazzjoni Amerikana tan-Nisa Universitarji (AAUW) kienet il-leħen  prinċipali tan-nazzjon li jippromwovi l-edukazzjoni u l-ekwità għan-nisa u bniet permezz tar-riċerka, il-politika pubblika, il-prinċipji legali, il-programmi internazzjonali, u l-fellowships, għajnuniet u għotjiet. Gloria hija responsabbli mis-superviżjoni u l-ġestjoni ta’ 3 miljun dollaru fis-sena għall-programmi ta’ fellowships u għotjiet tal-AAUW, kif ukoll għat-tmexxija tan-National Girls’ Collaborative Program iffinanzjat mill-NSF.  Hija tmexxi r-relazzjonijiet mas-sħab internazzjonali tal-AAUW, bħal ma huma l-istati AAUW u l-CARE, Inc. L-esperjenza professjonali tagħha tinkludi xogħol għal ħafna żmien fl-Institute of International Education, u pożizzjonijiet bħala membru tal-istaff tal-Peace Corps u Voluntiera fl-Afrika, fejn ivvjaġġat b’mod estensiv. Gloria rċeviet il-grad ta’ Masters mill-George Washington University u ggradwat mill-Edmund A. Walsh School of Foreign Service f’Georgetown wara li studjat f’Pariġi. L-ewwel u qabel kollox Gloria hija impenjata li tappoġġja opportunitajiet biex itejbu l-kondizzjonijiet ta’ nisa u bniet globalment – fil-ħajja tagħha professjonali u personali.

Iktar informazzjoni tinsab hawn.

 


 

Il-Ġara Milli Jkollha Ttik

Mazzini u Malta: kemm kien popolari l-moviment politiku Giovane Italia f’Malta? Seta’ beda t-triq tal-partiti politici Maltin fis-seklu dsatax?

Charles Xuereb jintervista lil Dr Simon Mercieca, Direttur tal-Istitut tal-Istudji Mediterranji u ricerkatur tal-perjodu.
 
Il-Ħamis, 24 ta’ Marzu 2011 fl-10.06 am
b’ripetizzjoni s-Sibt 25 ta’ Marzu 2011 fil-10.06 am

fuq Campus FM 103.7

Tistgħu wkoll tisimgħu din l-intervista minn fuq is-sit ta' CampusFM il-ġimgħa ta’ wara.

 


 

Taħdita minn Grace Skrzypiec

Grace SkrzypiecIċ-Ċentru Ewropew għar-Reżiljenza fl-Edukazzjoni u s-Saħħa Emozzjonali u Soċjali
jippreżenta taħdita pubblika

Adolescent Offending Behaviour
The Theory of Planned Behaviour and Anti-social Behaviour

It-taħdita li ser issir minn Grace Skrzypiec (Flinders University), ser tkun nhar l-Ergħba 23 ta' Marzu 2011 bejn nofsinhar u s-siegħa ta' wara nofsinhar fil-Kamra 326, fil-Binja Old Humanities, l-Università ta' Malta, il-Kampus tal-Imsida.

It-taħdita ssir bl-Ingliż.

Ikklikkja hawn għad-dettalji. PDF

 


 

Taħdita mill-Professur Pierre Léna

lenaExoplanets, a Fantastic New Domain in Astronomy

organizzata
mill-Ambassade de France à La Valette
u
id-Dipartiment tal-Fiżiku, tal-Università ta' Malta

taħdita mill-Professur Pierre Léna

nhar it-Tlieta 22 ta' Marzu 2011

fis-sitta ta' filgħaxija

fl-Aula Magna, l-Università ta' Malta, il-Kampus tal-Belt
Triq San Pawl, il-Belt Valletta

It-taħdita ssir bl-Ingliż.

Ikklikkja hawn għal aktar tagħrif.

 


 

L-Għoti tal-Ġens Grammatikali fil-Malti f’Kuntest Usa’ (9 Mar.)

L-Istitut tal-Lingwistika

tal-Università ta’ Malta


Ċirku Lingwistiku

L-Erbgħa, 9 ta’ Marzu 2011

fil-5 ta' filgħaxija

Fis-Sala D2 fiċ-Ċentru għall-Konferenzi, Mikiel Anton Vassalli - Gateway (GW), L-Università

George Farrugia

L-Università ta’ Malta


L-Għoti tal-Ġens Grammatikali fil-Malti f’Kuntest Usa’
Wieħed mis-suġġetti ta’ natura lingwistika li kien u għadu joħloq kontroversja fost l-istudjużi huwa dak li jiffoka fuq ir-relazzjoni li teżisti bejn il-lingwa u d dinja ekstralingwistika. F’dan il-kuntest, id-differenza bejn sess u ieħor titqies bħala fattur li jinfluwenza ħafna l-perċezzjoni li għandna dwar id-dinja. Bosta drabi din ir-relazzjoni tkun assoċjata mal kategoriji semantiċi raġel/mara u mal-kategoriji grammatikali maskil/femminil, distinzjoni li tistrieħ fuq is sistema tal-ġens f’bosta lingwi, inkluż il-Malti. Madankollu, il ġens huwa biss sistema waħda kif bosta lingwi jikkategorizzaw lingwistikament in nomi fihom. Minbarra l-ġens grammatikali nsibu wkoll is-sistema tal-klassifikaturi u tal-klassijiet nominali.

F’ħafna ilsna l-ġens jitqies bħala kategorija grammatikali li ma jidhirx li għandha xi forma ta’ sistemazzjoni. Min-naħa l-oħra, il kelliema nattivi jidher li jippossedu numru ta’ kriterji u sistemi partikolari ta’ kif jagħtu l-ġens lin-nomi fi lsienhom. Iżda kif iħaddmuhom dawn l-istrateġiji u kif jittrasferixxu t-tagħrif marbut mal-ġens tan-nom għal elementi oħra fit-taħdit u fil-kitba tagħhom bħal, ngħidu aħna, il forma tal-verb, tal-aġġettiv jew tal-partiċipju?

Xi mudelli psikolingwistiċi tal-produzzjoni tal-lingwa jassumu li l-ġens ma jinħadimx, iżda aktarx huwa maħżun bħala proprjetà tan-nom stess fit tagħrif li jkollu l-kelliem nattiv dwar il-lingwa tiegħu. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq l-assunzjoni li r-relazzjoni bejn in-nom u l-ġens grammatikali tiegħu hija, fil-prinċipju, arbitrarja.  Din tissejjaħ il-perspettiva Minimalista, li tiffoka fuq input minimu, jiġifieri l-qbil bejn element u ieħor huwa operazzjoni purament sintattika. Iżda hemm ukoll possibilità oħra li tissejjaħ l-ipotesi tal-input massimu jew il-perspettiva Massimalista. Din tassumi li l-fatturi kunċettwali għandhom aktar saħħa fl-ipproċessar tal-qbil milli sempliċiment biex jintużaw ħalli jistabbilixxu l-fatturi sintattiċi. Din l-informazzjoni addizzjonali, biex insejħulha hekk, tassigura l-akkuratezza u tippermetti kkodifikar aktar effettiv tas-sentenza.

U l-għoti tal-ġens grammatikali fil-Malti fejn jidħol f’dan il kwadru kumpless iżda daqstant ieħor interessanti?

 


 

Skopri l-Università

Discover University

Ġimgħa Miftuħa għall-Pubbliku

L-Università ta’ Malta qed tistieden lil kulħadd – żgħażagħ u dawk mhux daqshekk żgħażagħ, alumni u studenti prospettivi, ħbieb u familji ta’ studenti attwali u staff, u membri tal-pubbliku – għal ġimgħa ta’ attivitajiet eċċitanti maħsuba biex juru din l-istituzzjoni ta’ pajjiżna li għandha 400 sena. Bejn it-Tnejn 14 u s-Sibt 19 ta’ Marzu 2011, il-viżitaturi jkunu jistgħu jesploraw x’jiġri fuq il-kampus. Dawn id-dati se jkunu mimlijin attivitajiet apposta biex jiddivertu u jinfurmaw lill-parteċipanti.  Il-Middlesea Insurance p.l.c. qed tisponsorja dan l-avveniment.

Skopri l-Università! (Discover University!) se turi l-ħafna aspetti tal-Università permezz ta’ għadd ta’ temi li jinkludu: Korsijiet; Riċerka; Fakultajiet & Dipartimenti/Istituti/Ċentri; il-Junior College; il-Ħajja tal-Istudent, l-Isports; Attivitajiet Kulturali; il-Librerija, l-Amministrazzjoni; l-Alumni; il-Malta University Holding Company u l-Malta University Press.

L-istudenti qed jagħtu s-sehem tagħhom f’din il-ġimgħa ta’ avvenimenti permezz tal-KSU (Kunsill Studenti Universitarji).

Se jkunu miftuħa għall-wiri ħafna tipi ta’ laboratorji avvanzati, u dawn ivarjaw minn dawk fil-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa f’Mater Dei (it-Terapija tal-Komunikazzjoni, il-Fiżjoterapija, l-Infermerija eċċ.) għal dawk tal-Fakultà tal-Inġinerija, u l-laboratorji għall-interpretazzjoni tal-lingwi fuq il-Kampus tal-Imsida.  Il-bini Barokk sabiħ tal-Kampus oriġinali tal-Università l-Belt Valletta u l-Kampus ta’ Għawdex ukoll se jkunu qed jilqgħu lill-viżitaturi. Żewġ swali ġodda se jiġu inawgurati fuq il-Kampus ta’ Għawdex.

Wirjiet, diskorsi, preżentazzjonijiet u dimostrazzjonijiet relatati mal-isports, il-mużika, ix-xjenza u l-arti huma biss ftit mill-attivitajiet li hemm ippjanati. Wieħed jista’ jkollu 'Laqgħa ma’ Awtur Malti' fil-Librerija. Kull siegħa se jkun hemm ukoll dawriet mal-kampus b’waqfa f’postijiet ewlenin kif ukoll sessjoni ta’ video-conference ma’ Għawdex.

Is-Sismoloġija, il-Mobbiltà Sostenibbli, l-Ambjenti Naturali tal-Ilma Baxx fil-Baħar ta’ Malta (Maltese Shallow Water Marine Habitats), l-Informatika ta’ Prestazzjoni Għolja fl-Università (High Performance Computing), u l-Ekonomija Maltija huma biss ftit mis-suġġetti fuq l-aġenda. Se jkun hemm kaċċa għat-teżor (treasure hunts) matul il-ġimgħa kif ukoll is-Sibt filgħodu, fil-waqt li l-Kunċert tal-Junior College ser isir nhar il-15 ta’ Marzu (fil-Junior College) u rappreżentazzjoni mużikali Irlandiża u Ċeltika se ssir fis-16 ta’ Marzu. Il-kunċerti u r-rappreżentazzjonijiet mill-istudenti tad-DegreePlus, l-Istudji tal-Mużika, l-Istudji taż-Żfin u l-Istudji tat-Teatru se jsiru f’diversi ħinijiet matul il-ġimgħa. Barra dan, il-Malta University Press se torganizza mega sale tal-kotba tagħha fil-paviljun ewlieni.

Il-faċilitajiet tal-kantin se jkunu disponibbli għal kulħadd, u matul il-ġimgħa kollha l-University IT Services se jipprovdu l-Wifi miftuħ għall-viżitaturi.

Nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Marzu ser isir kunċert eċċitanti min-Nafra u l-Big Band Brothers, waqt li se ssir ikla fuq stil tat-18-il seklu fil-kantin nhar is-Sibt 19 ta’ Marzu fis-siegħa ta’ wara nofsinhar li twassal għall-għeluq tal-ġimgħa ta’ attivitajiet.

Il-ħinijiet tal-ftuħ ta’ Skopri l-Università! se jkunu bejn id-9.00 ta’ filgħodu u t-8.00 ta’ filgħaxija kuljum jew skont l-attivitajiet ippjanati. Iż-żjarat filgħodu qed ikunu offruti lill-iskejjel waqt li l-pubbliku huwa mistieden wara nofsinhar u filgħaxija u b’mod partikulari filgħodu tas-Sibt 19 ta’ Marzu.

L-għan ta’ din il-ġimgħa huwa li jgħin lill-viżitaturi jaraw l-Università ta’ Malta bħala istituzzjoni kbira u prestiġġjuża, li hija kburija bil-passat tagħha, fiduċjuża fir-rilevanza kontinwa tagħha fid-dinja ta’ llum, waqt li dejjem tħares ’il quddiem lejn il-futur tagħha stess u ta’ pajjiżna.

Programm sħiħ bid-dettalji kollha u formoli biex tibbukkja kull attività jinsabu hawn.

 


 

Kliem id-Din fi Lsien il-Maltin

L-Għaqda Qarrejja tal-Provi tal-Malti qiegħda torganizza taħdita interessanti minn Dr Martin Zammit  B.A. (Gen); B.A. (Hons); Ph.D. bit-titlu:

KLIEM ID-DIN FI LSIEN IL-MALTIN

Din it-taħdita se tittratta l-lessiku reliġjuż Malti ta’ nisel Semitiku. Dan il-lessiku huwa magħmul minn elementi li jixhdu influwenzi reliġjużi differenti. Minbarra kliem li huwa komuni għad-din Nisrani u dak Mislem, it-taħdita tagħmel referenza għal kliem li ġej direttament mill-Islam, u kliem ieħor ta’ tradizzjoni Nisranija orjentali. Barra minn hekk, id-damma ta’ kliem id-din mhix nieqsa minn lokaliżmi lessikali. L-għan tat-taħdita huwa li tinqeda b’dawn is-saffi lessikali differenti biex turi l-imgħoddi reliġjuż imżewwaq tal-gżejjer Maltin.

Id-Data:          Il-Ġimgħa, 25 ta’ Frar, 2011
Il-Post:            L-Università, Ċentru tal-Konferenzi Mikiel Anton Vassalli (Gateway) Hall A
Il-Ħin:             fis-sitta ta' filgħaxija  (It-taħdita tieħu madwar 50 minuta)

Kulħadd imħeġġeġ biex jattendi.

 


 

 

< Previous 1 Next >

 
 

Log In