L-Università ta' Malta
 

Attivitajiet 2013
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

Naħseb Biex Immur (12 Diċembru)

Marjanu Vella

Għaqda tal-Malti
- Università -

Naħseb Biex Immur
Serata Kommemorattiva: 25 sena mill-mewt ta’ Marjanu Vella, poeta

Wieħed mill-għanijiet tal-Għaqda tal-Malti – Università huwa li tfakkar awturi Maltin li għamlu ġieħ lill-ilsienna permezz tal-kitba. Minħabba li din hi l-25 sena mill-mewt ta’ P. Marjanu Vella, nhar il-Ħamis, 12 ta’ Diċembru, l-Għaqda se torganizza serata kommemorativa dwar Vella u kitbietu, ġewwa l-Biblijoteka Nazzjonali, il-Belt. L-attività tibda’ fis-18:30 u ddum madwar siegħa u nofs.

Il-kelliema se jkunu Dr Adrian Grima, Dr Bernard Micallef u l-Prof. Oliver Friggieri, li se jitkellmu fuq kitbiet Vella b’mod akkademiku, filwaqt liNorbert Ellul Vincenti, li kien jaf lill-poeta personalment, se jkun mistoqsi kif il-kitbiet ta’ Vella għandhom elementi awtobijografiċi.

Is-serata se tkun f’forma ta’ forum; wara dawk preżenti jkollhom ċans jintervjenu. Se jinqraw ukoll xi poeżiji li Vella kien ippubblika f’Leħen il-Malti, ir-rivista tal-Għaqda. Wara jkun hemm riċeviment żgħir.

L-attività hija miftuħa għall-pubbliku.

 


 

Taħżiż

Issa li għaddew it-tliet seminars residenzjali jmiss it-tnedija ta’ TAĦŻIŻ1, li se ssir il-Ħadd, 1 ta’ Diċembru fit-8pm f’Palazzo de Piro, l-Imdina.

Taħżiż huma parti mill-program ta’ empowerment tal-Aġenzija Żgħażagħ, u jiffoka fuq il-kitba kreattiva. Dan il-programm sar bil-kollaborazzjoni tal-Għaqda tal-Malti – Università u l-Fondazzjoni AWL. Taħżiż hu uniku għal Malta għax jissejjes fuq tliet seminars residenzjali; wieħed fi Frar, ieħor f’Lulju u ieħor f’Ottubru, b’taħriġ intensiv fil-kitba u l-interdixxiplinarjetà tal-arti.

Inħeġġukom tattendu sabiex tiltaqgħu mal-parteċipanti ta’ dal-programm; dawn huma Ryan Falzon, Beverly Agius, Michael Carol Bartolo, Naomi Mercieca, Nigel Baldacchino, André Mangion, Karl Schembri u Theresa Abdilla. Dakinhar se jitqassam b’xejn il-ktieb bix-xogħlijiet letterarji u artistiċi tal-parteċipanti li wħud minnhom se jippubblikaw kitbiethom għall-ewwel darba. Waqt it-tnedija se jkun hemm bibita.

Dakinhar titħabbar ukoll is-sejħa għal TAĦŻIŻ2.

Għal aktar tagħrif żuru l-blogg, il-paġna ta’ Taħżiż, u l-attività tat-tnedija.
  

 


 

Dun Karm: Tamietu bejn Nazzjon u Fidi (27 Nov.)

Nhar l-Erbgħa 27 ta' Novembru 2013 fis-6.30pm, se ssir taħdita pubblika dwar 'Dun Karm: Tamietu bejn Nazzjon u Fidi' mill-istudjuż Charlò-Carmel Camilleri O.Carm. Din se ssir fl-Università, tal-Qroqq, fiċ-Ċentru għall-Konferenzi Mikiel Anton Vassalli (Gateway,  Sala A). Kulħadd huwa mistieden u d-dħul huwa b’xejn.

Din it-taħdita qed issir bl-inizjattiva tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università u l-Fondazzjoni Karmen Mikallef Buħaġar. Din il-Konferenza Karmen Mikallef Buħaġar issir kull sentejn bil-għan li ġġedded l-istudji dwar il-kitbiet u l-personalità letterarja tal-poeta nazzjonali.

It-taħdita ta’ Patri Charlò-Carmel Camilleri se ssir f’għeluq il-mitt sena mill-34 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li sar f’Malta fl-1913 u l-kxif tal-mafkar tal-Kungress, xogħol Antonio Sciortino. L-għan tagħha hu li tgħarrex il-bixriet inqas magħrufin tal-ħajja u l-kitba ta’ Dun Karm, li bħala kittieb Malti b’sejħa ta’ qassis u b’qalb ta’ poeta kellu tamiet nazzjonali li jistħoqqilhom ħarsa mill-qrib.

Il-viżjoni ta’ Dun Karm tal- 'Omm ħelwa li tatna isimha' hija wkoll frott is-sinteżi fih ta’ sentiment uman, nazzjonalità Maltija, u vokazzjoni reliġjuża. Meta din is-sinteżi tingħaqad mal-ħila tiegħu bħala oratur u kittieb, ifeġġ il-profil sħiħ ta’ Dun Karm li se jiġi ttrattat f’dan id-diskors b’avviċinament ġdid.

Hemm aktar tagħrif dwar din it-taħdita pubblika, ikkoordinata minn Dr George Farrugia, fuq il-paġna tal-Facebook tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università.

 


 

Nippromwovu l-Kreattività fis-Snin Bikrin permezz tax-Xjenza u l-Matematika

Creative Little Scientists
Nhar is-27 ta’ Novembru 2013, ir-Radisson Blu Resort, San Ġiljan, ser isir seminar li jippreżenta r-riżultati tal-proġett FP7 Xjenzati Kreattivi Żgħar (Creative Little Scientists), li jiffoka fuq il-kreattività fix-xjenza u l-matematika fis-snin bikrin.

Creative Little ScientistsXjenzati Kreattivi Żgħar huwa proġett ta’ riċerka ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea li jiffoka fuq ix-xjenza u l-matematika fis-snin bikrin u riċerka dwar kif dawn jistgħu jiġu użati biex jippromwovu l-kreattività fost tfal żgħar.  Il-proġett huwa kkoordinat minn Ellinogermaniki Agogi, mill-Greċja, flimkien mal-Prof. Suzanne Gatt mill-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta li hija waħda mill-imsieħba fir-riċerka.  Dan is-seminar għandu jaqsam ir-riżultati tar-riċerka mill-proġett kif ukoll iqajjem diskussjoni dwar il-kreattività u l-irwol tax-xjenza u l-matematika fis-snin bikrin.  L-On. Evarist Bartolo, Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, se jagħmel id-diskors tal-ftuħ.

Is-seminar għandu jinteressa lill-professjonisti fl-edukazzjoni fis-snin bikrin li se jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw f’workshops li għandhom x’jaqsmu mal-promozzjoni tal-kreattività u t-tagħlim ibbażat fuq l-investigazzjoni fil-livelli ta’ qabel l-iskola u tal-iskola primarja bikrija, bħala l-mod ta’ tagħlim fl-edukazzjoni tax-xjenza u l-matematika.  Fil-workshops se jiġu ppreżentati u diskussi wkoll riżultati li jikkonċernaw analiżi tal-politika (policy analysis) u xogħol prattiku li sar fi skejjel lokali li ġew miġbura għall-proġett Ix-Xjenzati Kreattivi Żgħar.  Is-seminar se jippreċedi l-konferenza finali dwar il-proġett li ser issir bejn it-22 u t-23 ta’ Marzu 2014 f’Ateni fejn se jiġu ppreżentati r-riżultati tal-proġett ta’ riċerka li dam 30 xahar.

Se jkun hemm preżentazzjonijiet minn diversi kelliema mid-Direttorati fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, mill-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (l-MCAST) u mill-Università ta’ Malta.  Wara s-seminar se tiġi organizzata ikla fuq il-post biex tagħti lill-parteċipanti l-opportunità li jiltaqgħu ma’ kollegi sħabhom fil-qasam tal-edukazzjoni fis-snin bikrin.

Jekk tixtiequ tattendu intom mitluba tikkuntattjaw lil Sarah Mercieca fl-indirizz sarah.mercieca@um.edu.mt biex titolbu l-programm u formola ta’ reġistrazzjoni għal dan is-seminar. Jekk jogħġobkom ibagħtu l-formola ta’ reġistrazzjoni bl-email qabel l-20 ta’ Novembru biex tikkonfermaw l-attendenza tagħkom billi l-postijiet huma limitati. Għal aktar informazzjoni ċemplu fuq 2340 2926 jew ibagħtu email fl-indirizz t’hawn fuq.

 


 

Ejja Skopri l-Università

sponsorjata minn

middlesea

Nhar il-Ħadd 10 ta’ Novembru, ejja żur l-Università, ara partijiet tal-kampus li qatt ma mort fihom u kun infurmat dwar dak li jiġri wara l-kwinti. Mill-10 ta’ filgħodu sal-5 ta’ wara nofsinhar ingħaqad fit-turs, segwi l-preżentazzjonijiet, ipparteċipa fl-attivitajiet sportivi u fi treasure hunt.  Ejja kul fil-canteen u ibqa’ hawn għal Robot Wars. Se jkun hawn post għall -parkeġġ b’xejn ħdejn id-daħla prinċipali, fuq in-naħa tal-Isptar Mater Dei.  L-attivitajiet fil-jum tal-Ħadd se jkunu miftuħa għal kulħadd – adolexxenti, adulti, tfal, kif ukoll għall-istaff, l-istudenti, u l-alumni.

Ejja sal-Marquee (Parkeġġ Numru 4) u żur iż-żoni differenti; isma’ mużika ‘live’ mill-baned tal-istudenti. Għaddi xi ħin fil-Paviljun tal-Inġinerija.  Din is-sena, il-Fakultà tal-Inġinerija qed tiċċelebra l-50 anniversarju mit-twaqqif tal-ewwel kors tagħha. Għalhekk, il-Paviljun fl-Atriju Vassalli se jkun għal kollox iddedikat lill-Fakultà tal-Inġinerija.

Il-ġimgħa ta’ wara dan il-Jum Miftuħ għall-Pubbliku, bejn l-10 u l-15 ta’ Novembru, l-attivitajiet ta’ Skopri l-Università huma riservati għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji u l-istudenti tas-Sixth Form. L-għalliema huma mħeġġa jġibu l-istudenti tagħhom.

L-attivitajiet se jippreżentaw il-ħafna aspetti tal-Università permezz ta’ numru ta’ temi li jinkludu: Korsijiet; Riċerka; Fakultajiet u Dipartimenti/Istituti/Ċentri; il-Junior College, il-Ħajja tal-Istudent; l-Isports; Attivitajiet Kulturali; il-Librerija, l-Amministrazzjoni; l-Alumni; il-Malta University Holding Company; il-Malta University Press. 

Il-programm sħiħ jinstab fuq www.um.edu.mt/discoveruniversity

L-Ikla Rinaxximentali (Renaissance Meal) li fuqha saret ħafna riċerka, ser issir nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Novembru fit-8 ta’ filgħaxija fil-Kampus tal-Belt Valletta.  Biex tirriserva post ibgħat email lil comms@um.edu.mt

Discover University

 


 

L-Imħabba se tfarrakna?

Will Love Tear Us Apart? (WLTUA) hi logħba bil-browser li tintlagħab mingħajr ħlas. Hi dwar relazzjonijiet f’xifer il-falliment. Ispirata minn Love Will Tear Us Apart ta’ Joy Division, il-logħba bħal kanzunetta tagħti perspettiva mudlama u frustrata dwar l-imħabba. Kull vers tal-kanzunetta hu rappreżentat fil-logħba minn livell.

WLTUA se tintwera fl-Upper Galleries, Ċentru tal-Kreattivita, Kavallier San Ġakbu, fil-Belt Valletta, bħala parti mill-festival Science in the City. Se tinfetaħ uffiċjalment nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Settembru u tkun miftuħa wkoll waqt Notte Bianca, li ddum sas-6 ta’ Ottubru, 2013.

WLTUA inħolqot minn Gordon Calleja u ġiet żviluppata minn Mighty Box Games, studio indipendenti bażat f’Malta li jiżviluppa l-logħob. WLTUA tagħti enfasi lill-missjoni ta’ Mighty Box li tiddisinja u tiżviluppa logħob b’enfasi fuq l-innovazzjoni u sperimentazzjoni.

Il-forma tal-wirja ssegwi l-istruttura tal-livelli tal-logħba, li kull wieħed minnhom jirrappreżenta vers mill-kanzunetta. Il-wirja ddawwar il-logħba f’esperjenza fiżika tal-ispazju bażata fuq il-ħsibijiet tematiċi tal-logħba u l-kanzunetta, u tistaqsi l-mistoqsija li t-tnejn jagħmlu: f’relazzjonijiet sfurzati, dak li jkun għandu jipprova jsalva l-imħabba, jew jitlaqa’ għaliha? Il-wirja ‘Will love tear you apart’ tistieden lill-pubbliku japprezza kif, waqt li l-logħob għandhom l-abbilta’ li jagħmlu kwalunkwe forma ta’ arti esperjenzi interattivi, hi rari li ssib logħba li hi spirata mill-poeżija (it-titlu tal-iscreen).

Will Love Tear Us Apart intagħżlet għall-Ars Electronica Festival 2013 f’Linz, l-Awstrija, u ġiet nominata għal Innovation Award fil-Festival du Cinema Nouveau ta’ Montreal. B’finanzjament tal-Fond Malti għall-Arti, l-proġett ħareġ f’Mejju 2013, u deher f’Rolling Stone, Spin Magazine, Repubblika.it, Kotaku, u Polygon, fost ħafna midja oħra.

Il-logħba tinsab għand: www.willloveturnusapart.com u wkoll fil-paġna tal-logħba fil-Facebook.

Il-festival “Lejl tar-Riċerkaturi – Science in the City” hu organizzat minn konsorzju ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali mmexxija mill-Fond tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta, u l-Malta Chamber of Scientists. L-imsieħba huma l-MCST, Where’s Everybody Ltd, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, MEUSAC, il-Public Broadcasting Ltd, l-MCAST, iCreatemotion, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, il-Kunsill Malti għal Kultura u l-iSports, Notte Bianca, il-Fondazzjoni Valletta 2018, il-Kamra Maltija tal-iSpiżjara, is-Soċjetà Filarmonika King’s Own, u l-Kavallier ta’ San Ġakbu Ċentru ta’ Kreattività. Il-proġett għandu l-appoġġ tas-Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sports, Vodafone u Microsoft Innovation Centre.
   
Il-festival hu ko-finanzjat minn għotja kompetittiva mill-Programm FP7 tal-UE u l-Fond Malti għall-Arti.

Il-programm jista’ jitniżżel minn www.scienceinthecity.org.mt jew wieħed jista’ jsegwi l-aħħar żviluppi tal-festival fuq il-paġna tal-Facebook.

Will love tear us apart?

Will love tear us apart?
Will love tear us apart?
Immaġini mill-browser-game li tintlagħab b’xejn Will Love Tear Us Apart

 


 

Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija jwassal ix-xjenza fil-qrib u personali

Qatt ħsibt dwar x’hiex int magħmul? Jew jekk hemmx ħajja f’xi pjaneta oħra? Jekk iva, m’intix waħdek, għaliex dawn il-mistoqsijiet ilhom għal sekli sħaħ iħabbtu lix-xjentisti madwar id-dinja. Biex dawn il-mistoqsijiet isibu risposta, id-dinja għandha bżonn lix-xjentisti daqskemm liċ-ċittadini kurjużi tagħha.

Jekk trid tkun taf aktar dwar kif id-dinja taħdem (jekk trid tifhem il-kawża ta’ dawk il-kontijiet tad-dawl jew sempliċement biex tiċċara dawk il-konfużjonijiet xjentifiċi), hemm merħba għalik biex tingħaqad mat-tim tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija (MCST) f’lejl spettakolari fix-Xjenza fil-Belt nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Settembru fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, mis-6pm ’il hemm.
 
L-MCST se jippreżenta Science: Up close and personal, attività kemm għall-kbar kif ukoll għat-tfal. Waqt li l-kbar jistgħu jisimgħu d-diskussjonijiet dwar is-saħħa jew konsum tad-dawl, it-tfal ser isibu divertiment f’taħdidiet stimulanti dwar l-insetti u l-univers.

It-tfal jistgħu wkoll jieħdu sehem fi kwizz tax-xjenza li għandhom premjijiet jew jimpressjonaw lil sħabhom bi tpinġijiet fuq il-wiċċ li jimitaw xjentisti magħufa u affarijiet teknoloġiċi. Il-familji jistgħu jieħdu gost b’wirjiet tax-xjenza li jagħmlu ċajt minn teoremi tqal għall-moħħ kif ukoll wirja taż-żfin li ser issir madwar il-funtani tal-ilma, f’ċelebrazzjoni tal-ilma nnifsu, magħmula minn uħud mill-aqwa żeffiena li hawn fil-pajjiż. Ikun hemm ukoll ikel u xorb.

Il-festival “Lejl tar-Riċerkaturi – Science in the City” hu organizzat minn konsorzju ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali mmexxija mill-Fond tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta, u l-Malta Chamber of Scientists. L-imsieħba huma l-MCST, Where’s Everybody Ltd, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, MEUSAC, il-Public Broadcasting Ltd, l-MCAST, iCreatemotion, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, il-Kunsill Malti għal Kultura u l-iSports, Notte Bianca, il-Fondazzjoni Valletta 2018, il-Kamra Maltija tal-iSpiżjara, is-Soċjetà Filarmonika King’s Own, u l-Kavallier ta’ San Ġakbu Ċentru ta’ Kreattività.   Il-proġett għandu l-appoġġ tas-Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sports, Vodafone u Microsoft Innovation Centre.
   
Il-festival hu ko-finanzjat mill-Programm FP7 tal-UE u l-Fond Malti għall-Arti.

Il-programm jista’ jitniżżel minn www.scienceinthecity.org.mt jew wieħed jista’ jsegwi l-aħħar żviluppi tal-festival fuq il-paġna tal-Facebook.

MCST at Science in the City
Attivitajiet tat-tfal fis-Science FunFair tal-MCST matul Xjenza fil-Belt is-sena l-oħra.

 


 

Tista’ tixgħel darek waqt li tagħmel l-eżerċizzju

Qatt ikkunsidrajt tiġġenera l-elettriku inti stess? Forsi tixtieq tibda tħallas kontijiet anqas tad-dawl? Jekk trid issir taf iżjed kif tista’ tiġġenera l-elettriku waqt li tagħmel l-eżerċizzju, aqbeż qabża sal-festival Xjenza fil-Belt nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Settembru, mis-6.00pm ’il quddiem.

Fil-Ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq, il-viżitaturi ser ikollhom l-opportunita li jieħdu sehem u jaqdfu fuq rota u jiġġeneraw elettriku dak il-ħin. Stallazzjoni interattiva ‘Ixgħel dari’ (Light up my house) mill-istudent tal-arkitettura Lyanne Mifsud għandha l-għan tara l-valur tal-elettriku billi tqabblu mas-setgħa tal-qdif.

Tagħmir tad-dawl u affarijiet tad-dar ser jitqabbdu mar-roti li jkunu stazzjonati matul l-istallazzjoni, b’ambjent li jkun jixbaħ sfida ta’ eżerċizzju fiżiku.  L-andament isir diffiċli meta l-apparat tal-elettriku jiġġenera is-sħana, bħal meta tagħmel kikkra kafe. Nhar is-27 il-viżitaturi jistgħu jiġġeneraw id-dawl biex iħaddmu magna tal-popcorn u jixhelu l-kitla.

“Hi ħaġa ta’ pjaċir taqdef pedala u din tista’ tiġġenera ammont ta’ elettriku. Iżda mhix xi ħaġa faċli li toħloq ammonti kbar ta’ enerġija minn pedala. Biex toħloq id-dawl għal familja għal 24 siegħa hemm bżonn 600 rota,” Lyanne Mifsud tgħidlek.

Id-dawl tal-pedala hu sors ta’ enerġija li ntuża fit-Tieni Gwerra Dinjija. Matul dan iż-żmien , in-nies tan-Navy kienu jħaddmu transmitter tar-radju mid-dawl tal-pedala.

Ħdejn din id-dar, inġiniera tal-biomediċina mill-Universita ta’ Malta ser ikunu fuq il-post biex juru l-aħħar xogħol ta’ riċerka tagħhom. Il-wirjiet tagħhom għandhom  jinteressaw lil kulħadd: bħal tmexxi cursor fuq l-iscreen b’għajnejk biss, jew iċċaqlaq oġġetti fuq il-kompjuter bil-ħsieb.

Il-proġett ‘Ixgħel dari’ fil-Ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq idum san-Notte Bianca nhar il-5 ta’ Ottubru. L-istallazzjoni hi sponsorjata minn Alberta Fire and Security, Logografix u The Cyclist, Malta. Wieħed jista’ jsegwi dan il-proġett fuq il-paġna ta’ Facebook.

Il-Festival Xjenza fil-Belt hu parti miċ-ċelebrazzjoni madwar l-UE imsejħa Lejlet tar-Riċerkaturi nhar is-27 ta’ Settembru, 2013. Il-pubbliku mistieden jieħu sehem f’attivitajiet innovattivi u ta’ divertiment tax-xjenza u ta’ arti spirata mix-xjenza.

Il-programme jista’ jitniżżel minn www.scienceinthecity.org.mt jew l-aħħar dwar il-festival jistgħu jkunu segwiti fuq Facebook.

“Il-Lejlet tar-Riċerkaturi – Science in the City” hu organizzat minn konsorzju ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali mmexxija mir-Research Trust tal-Universita ta’ Malta, u l-Kamra Maltija tax-Xjentisti. L-imsieħba huma Where’s Everybody Ltd, Valletta Local Council, MEUSAC, il-Public Broadcasting Services ltd, MCAST, iCreatemotion, ir-Rappreżentanza tal-KE f’Malta, l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, Notte Bianca, l-Fondazzjoni Valletta 2018, il-Kamra Maltija tal-Farmaċisti, s-Soċjeta Filarmonika King’s Own u l-Kavallier ta’ San Ġakbu. Il-proġett għandu l-appoġġ tas-Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sports, Vodafone u Microsoft Innovation Centre.

Il-festival hu ko-finanzjat minn award kompetittiv tal-Programm FP7 tal-UE u l-Fond Malti għall-Arti.

Light up my house
Ix-xogħol għaddej waqt il-bini tal-istallazzjoni “Ixgħel Dari”, juri l-wasla ta’ 180 pallet, jinżebgħu, u r-roti jitqabbdu ma’ alternators għall-enerġija.

Poster
Il-poster għal Ixgħel Dari

 


 

Is-Siġar

‘The Trees’ (is-Siġar) hi kollezzjoni ta’ pitturi li jesploraw il-forma umana trasformata b’mod grottesk f’siġar mill-artista Charlene Calleja (k.a. Xaxa Calleja) mwielda Toronto. L-esebizzjoni ser tkun imnieda nhar il-Gimgħa s-27 ta’ Settembru bħala parti mill-festival Xjenza fil-Belt u tibqa’ miftuħa sal-11 ta’ Ottubru f’The Splendid, 74 Triq id-Dejqa, Valletta.

L-esebizzjoni, li tgħaqqad in-natura mal-arti, tagħti ħarsa b’mod qawwi kif ġieli nagħtu forma umana, bħal wiċċ fuq xi oġġett jew ħaġa. L-artista għanda l-ħsieb li tistimula l-udjenzi tagħha biex iħarsu lil hinn mid-dinja madwarna ta’ kuljum u jkunu ispirati mill-affarijiet ta’ madwarhom biex jaraw jekk jirnexxilhomx jimmaġinaw forom oħra lil hinn mill-wiċċ tal-oġġett.  

“Għandna tendenza li nkunu rriedu naraw ix-xbieha tagħna fid-dinja ta’ madwarna,” qalet Charlene Calleja. “Inħobbu nagħtu wiċċ uman lill-affarijiet u nirrelataw magħhom bħalikieku kienu umani. Fl-esebizzjoni ‘The Trees’, jien ħdimt fuq l-antropomorfiżmu fl-arti, jiġifieri tajt karattru uman lis-siġar. Dan l-antropomorfiżmu hu parti minna. Miljuni ta’ snin ta’ evoluzzjoni waslu biex il-biċċa l-kbira tal-imħuħ tagħna jagħrfu l-uċuħ. Id-dedikazzjoni tagħna għall-uċuħ tippermettielna li narfu l-għeżież tagħna minn fost folla nies.”
 
Charlene ħolqot din l-esebizzjoni wara li sabet l-ispirazzjoni tagħha mis-siġar waqt waħda mill-mixxjiet tagħha. Hi lemħet siġra u rat fiġuri fiż-żokk tagħha. Aktar siġar tawha iktar forom u uċuħ umani li bihom ħolqot din ta’ pitturi. L-esebizzjoni ‘The Trees’ hi sponsorjata mil-Malta Arts Fund u ser tkun miftuħa wkoll matul in-Notte Bianca. Aktar tagħrif jinsab fis-sit www.xaxacalleja.com

Il-festival Xjenza fil-Belt jifforma parti minn ċelebrazzjoni li ssir mal-Unjoni Ewropea kollha msejħa Lejliet ir-Riċerkaturi (Researchers’ Night) li ssir fl-27 ta’ Settembru 2013. Kulħadd hu mistieden biex jiltaqa’ mar-riċerkaturi mill-Università ta’ Malta u l-artisti, u jipparteċipa fil-wirjiet interattivi, taħdidiet, workshops, u attivitajiet tat-tfal.

Il-festival Xjenza fil-Belt għandu l-appoġġ tal-Programm EU FP7 u l-Malta Arts Fund.  L-avveniment hu kkoordinat mill-Fond tar-Riċerka (RIDT) u l-Malta Chamber of Scientists, u bi sħab mal-Kunsill Lokali tal-belt Valletta, MEUSAC, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, MCST, il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, Where’s Everybody, PBS, Notte Bianca, iCreatemotion, Vodafone, il-Fondazzjoni Valletta 2018, Microsoft Innovation Centre, il-Kamra tal-Ispiżjara ta’ Malta, King’s Own Philharmonic Society, u l-Kavallier ta’ San Ġakbu Ċentru ta’ Kreattività. 

Il-programm ta’ Xjenza fil-Belt jista’ jitniżżel mis-sit www.scienceinthecity.org.mt, filwaqt fuq il-paġna tal-Facebook wieħed jista’ jsegwi l-aġġornamenti kollha tal-festival b’mod regolari.

Trees     Trees
L-esebizzjoni 'The Trees' minn Charlene Calleja ser tkun miftuħa f’The Splendid fit-Triq id-Dejqa, Valletta, waqt il-festival Xjenza fil-Belt

 


 

Qatt Ħassejt Xi Terremot? (27 Sept.)

Skopri dwar t-terremoti u l-monitoraġġ sismiċi matul il-festival ix-Xjenza fil-Belt

X’inhu terremot? Qatt ħassejt xi terremot? Taf għalfejn it-terremoti jseħħu biss f’reġjuni speċifiċi fuq din il-pjaneta u kif is-seżmoloġisti skoprew l-istruttura tal-blat taħt l-art?

Seżmoloġisti huma xjenzati li jistudjaw it-terremoti. Nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Settembru, matul il-festival Xjenza fil-Belt, is-Seismic Monitoring & Research Unit (SMRU) tal-Università ta’ Malta ser itella’ stand speċjali ddedikata għat-terremoti. Mis-6.00pm ’il quddiem it-tim tas-seżmoloġisti ser ikunu qed jilqgħu l-viżitaturi f’Bieb il-Belt u juru għaliex l-art tiċċaqlaq waqt terremot. Huma se jwieġbu wkoll għal mistoqsijiet tal-pubbliku.

“Il-presentazzjonijiet animati li jixbħu t-tixrid tal-vibrazzjonijiet tat-terremot fuq l-art, u l-ħsejjes simili  għal wieħed veru  żgur li ser jolqtu lin-nies ta’ kull età,” qal Matthew Agius, riċerkatur fid-Dipartiment tal-Fiżika, fl-Università ta’ Malta u membru tas-SMRU.

“Malta ntlaqtet minn terremoti diversi drabi. Dawn iseħħu barra minn xtutna taħt il-baħar. Filwaqt li ħafna minn dawn it-terremoti ma jinħassux min-nies, seżmoloġisti jużaw strumenti sensittivi ħafna bħal seismometers, biex jiddentifikaw u jillokalizzawhom permezz ta’ software sofistikat qrib il-ħin reali,” żied Dr Agius.

Il-viżitaturi se  jaraw mappa animata tal-attivitajiet sismiċi fil-Mediterran fejn kienu elenkati numru ta’ terremoti u li jagħmlu dan ir-reġjun wieħed mill-iktar postijiet sismikament attivi fid-dinja. Dawk li diġa’ esperjenzaw xi terremot huma mistiedna biex jieħdu sehem fid-diskussjoni.

Din l-attività tifforma parti minn festival ċelebrat mal-Ewropa kollha magħruf bħala Lejlet ir-Riċerkaturi (Researchers’ Night) li ssir kull sena fir-raba’ Ġimgħa ta’ Settembru. Dan il-festival hu maħsub biex jinkuraġġixxi r-rikonoxximent u l-apprezzament tal-pubbliku għar-riċerkaturi u x-xogħol tagħhom permezz ta’ attivitajiet divertenti għaż-żgħażagħ u l-familja kollha.

Il-festival ‘Lejlet ir-Riċerkaturi - ix-Xjenza fil-Belt’ għandu l-appoġġ tal-Programm EU FP7 u l-Malta Arts Fund.  L-avveniment hu kkoordinat mir-Research, Innovation and Development Trust (RIDT) tal-Università ta’ Malta flimkien maċ-Chamber of Scientists, u bi sħab mal-Kunsill Lokali tal-belt Valletta, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, MEUSAC, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, PBS, Where’s Everybody, il-Fondazzjoni Valletta 2018, Notte Bianca, iCreatemotion, Microsoft Innovation Centre, Vodafone u l-Kavallier ta’ San Ġakbu Ċentru ta’ Kreattività. 

Il-websajt tax-Xjenza fil-Belt: www.scienceinthecity.org.mt se tkun aġġornata bil-programm sħiħ dalwaqt. Wieħed jista’ jsegwi l-programm tal-Festival fuq Facebook għall-aġġornamenti b’mod regolari:  www.facebook.com/ScienceInTheCityMalta

Malta Seismicity
L-attività sismika li seħħet madwar il-gżejjer Maltin f’dawn l-aħħar ħames snin u li kienet illokalizzata mis-SMRU.

Mediterranea Siesmicity
L-epiċentri tat-terremoti madwar il-Mediterran li seħħew is-sena l-oħra.

 


 

Ix-Xjenza fil-Belt 2013

Ix-Xjenza fil-Belt 2013 – il-festival Malti tax-xjenza u l-arti fil-belt Valletta

Science in the City (Ix-Xjenza fil-Belt), il-festival Malti tax-xjenza u arti reġa’ wasal u ser isir fis-27 ta’ Settembru mis-6.00pm ‘l quddiem. Il-belt Valletta se tkun mimlija b’attivitajiet artistiċi u divertenti, ilkoll inspirati mix-xjenza, fosthom stallazzjonijiet  artistiċi fit-toroq, graffiti tal-arti, kunċerti mużikali, wirjiet, xows għat-tfal, esperimenti, taħditiet, teknoloġija, u ħafna aktar. Din se tkun lejla memorabbli,  pjaċevoli, interattiva u fuq kollox mingħajr ħlas.

Bħala parti minn ċelebrazzjoni Ewropea msejjħa Researchers’ Night (Lejlet ir-Riċerkaturi), ix-Xjenza fil-Belt se tippreżenta ‘l fuq minn 25 avveniment għal kulħadd - familji, zgħazagħ u adulti. Il-pubbliku se jkollu l-opportunita’ li jsir jaf aktar dwar l-insetti li ser ikunu mdawrin b’farfett għoli ta’ 10 piedi, jew ġo dar se jkunu jistgħu jagħmlu kikkra café bil-qawwa ta’ pedala, jew inkella jaraw l-aħħar teknoloġija kif wieħed jista’ jħaddem affarijiet id-dar mingħajr ma juża idejħ.

Fis-sezzjoni tat-teknoloġija se jkun hemm robots, stallazzjonijiet tal-arti u proġetti oħra li jieħdu l-ħajja. Esperimenti live se jsiru f’postijiet differenti madwar il-belt and sezzjoni apposta għaż-żgħar se zzomm it-tfal okkupati dwar ix-xjenza għal siegħat sħaħ. Il-pubbliku se jkun jista’ jesperjenza uħud minn dawn l-attivitajiet, li jelenkaw kif ix-xjenza tista’ tkun divertenti u parti minn ħajjitna ta’ kuljum.

L-attivitajiet se jsiru l-belt Valletta, u jibdew mill-Barrakka ta’ Fuq, il-Kavallier ta’ San Ġakbu Ċentru ta’ Kreattivita’ u jibqgħu sejrin fi Triq Merkanti u Triq ir-Repubblika, għal Pjazza San Ġorġ u s-Suq l-Antik. 

Il-festival jiftaħ il-bibien għal kulħadd biex il-pubbliku jiltaqa’ mar-riċerkaturi mill-Universita’ ta’ Malta u l-artisti, u jieħu sehem f’wirjiet interattivi, diskussjonijiet, workshops u attivitajiet għat-tfal.

Ir-riċerkaturi se jkunu prezenti matul l-attivitajiet biex jitkellmu mal-pubbliku dwar l-użu xjentifiku wara kull attivita’. Fil-Klabb tal-Banda King’s Own ser isir avveniment speċjali fejn kulħadd jista’ jidħol jinfriska ruħu b’xi xarba u jitkellem mar-riċerkaturi dwar ix-xjenza fl-ikel, l-univers tagħna, jew dwar xi fatturi uniċi oħra bħad-demm Malti. Dawn l-attivitajiet se jgħinu biex wieħed jitħajjar jibda karriera fir-riċerka.

Il-Fond tar-Riċerka, Innovazzjoni u Żvilupp (RIDT) tal-Universita’ ta’ Malta  qed jappoggja t-tieni edizzjoni tal-festival ix-Xjenza fil-Belt fejn se jintwera l-valur u l-ħtiġijiet tax-xjenza u r-riċerka f’Malta. L-investiment fir-riċerka u zvilupp hu garanżija għas-suċċess ta’ pajjiżna għal ġejjieni. L-RIDT tfittex fondi u għajnuna minn entitajiet privati u korporattivi, individwi u gradwati tal-Universita’ biex isostni u tespandi l-istudji fir-riċerka tal-Universita’.

Il-festival ix-Xjenza fil-Belt għandu l-appoġġ tal-Programm EU FP7 u l-Malta Arts Fund.  L-avveniment qed jkun ikkoordinat mill-Università ta’ Malta bi sħab maċ-Chamber of Scientists, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, il-Kunsill Lokali tal-belt Valletta, MEUSAC, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, PBS, Where’s Everybody, il-Fondazzjoni Valletta 2018, Notte Bianca, iCreatemotion, Microsoft Innovation Centre, il-Kavallier ta’ San Ġakbu Ċentru ta’ Kreattivita’ u l-RIDT.

Il-websajt tax-Xjenza fil-Belt: www.scienceinthecity.org.mt se tkun aġġornata bil-programm sħiħ dalwaqt. Wieħed jista’ isegwi l-programme tal-Festival fuq Facebook għall-aġġornamenti b’mod regolari:  www.facebook.com/ScienceInTheCityMalta

Uħud mill-attivitajiet matul il-festival ix-Xjenza fil-Belt is-sena li għaddiet.

Science in th City

Science in the City

 


 

Wieħed mill-Ġentlomi

Wieħed mill-Ġentlomi (bil-Malti)
Is-Sibt 10 t’Awwissu, fit-8:00p.m.
(Donazzjoni b’risq l-RIDT)
Atriju Vassalli, Kampus tal-Imsida
organizzat minn VersAgħtini IKM
 
VersAgħtini IKM tippreżenta lejla ta’ letteratura, djaletti u għana biex jitfakkar l-għannej poeta Frans Baldacchino il-Budaj, li flimkien ma’ Dr Giuseppe Schembri Bonaci kien strumentali biex sa mill-bidu tat-twaqqif tal-Evenings on Campus tiddaħħal l-għana fl-Università. Se jkun hemm għana tradizzjonali, rakkonti bid-djalett u siltiet letterarji mill-kotba ta’ Frans il-Budaj Imrieżaq ta’ Moħħi u Lejn l-Art u s-Sema flimkien ma’ silta mill-poeta favorit tal-Budaj, il-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila. L-għannejja u l-kitarristi flimkien ma’ ħafna mill-parteċipanti f’din is-serata kienu jafu personalment lil Frans il-Budaj.

Għal aktar informazzjoni żur is-sit elettroniku
Ibgħat emejl jew ċempel: +356 7984 3480
Il-biljetti jistgħu jinkisbu mill-bieb

 


 

Kuntrasti

Kuntrasti (bil-Malti)
Il-Ħadd 4 ta’ Awwissu fid-9.00pm
(Donazzjoni b’risq l-RIDT)
Iż-Żejtun, ħdejn il-Knisja ta’ San Girgor
L-aħħar serata bit-trailer ser tkun Kuntrasti, serata mużiko-letterarja li tikkonsisti f’taħlita intriganti ta’ xogħlijiet kemm tal-kompożitur Ruben Zahra kif ukoll tal-awtur, Trevor Zahra.
Meta Paulo Freire ltaqa’ maż-Żwieten (bil-Malti)
It-Tnejn 5 t’Awwissu fit-8:00p.m.
(Donazzjoni b’risq Dar Nazzaret)
Atriju Vassalli, Kampus tal-Imsida

Din il-Lejla tlaqqa’ l-ħsibijiet ta’ Paulo Freire (1921-97), intellettwali u attivist Brażiljan, ma’ dawk ta’ grupp ta’ Żwieten li attendew iċ-‘Ċirkolu Kulturali Freirjan’ (ĊKF) bejn Settembru 2011 u Mejju 2012.  Iċ-ĊKF għandu l-għan li jgħin lill-imxierka jirriflettu b’mod kritiku dwar dak li qiegħed jiġri fl-inħawi immedjati u mbiegħda tagħhom.  Iċ-ĊKF iqis ir-riflessjoni kritika bħala titriq indispensabbli fi proċess ta’ trasformazzjoni personali u kollettiva.

F’din il-Lejla jinqraw siltiet mill-aħħar ktieb tal-Professur Carmel Borg dwar kitbet Freire filwaqt li jitgħannew u jinqraw il-ħsibijiet kritiċi tal-membri taċ-Ċirkolu.

Maria Brown, koordinatur, flimkien mal-Professur Borg, taċ-ĊKF, tispjega l-prinċipji tal-litteriżmu kritiku taċ-ĊKF.

Iċ-ĊKF huwa proġett ta’ sħubija bejn l-Università ta’ Malta u l-Kunsill Lokali taż-Żejtun.

Għal aktar informazzjoni żur is-sit elettroniku
Ibgħat emejl jew ċempel: +356 7984 3480
Il-biljetti jistgħu jinkisbu mill-bieb

 


 

Akustika Leħen Malta

Akustika Leħen Malta (bil-Malti)
Il-Ġimgħa 2 t’Awwissu fid-9:00p.m.
(Donazzjoni b’risq l-RIDT)
Ċentru ta’ Riżorsi fil-Kottonera, Birgu
u
Il-Ġimgħa 9 t’Awwissu fid-9:00p.m.
(Biljetti 8 Euro)
Atriju Vassalli, Kampus tal-Imsida
organizzat miż-ŻĦN Symphonik

Akustika huwa serje ta’ kunċerti ta’ mużika li tindaqq fuq stil akustiku minn grupp mużikali żagħżugħ. Fil-kunċert Leħen Malta, il-grupp ser idoqq mużika Maltija li saret parti mill-kultura pop lokali. Siltiet minn interpreti bħal New Cuorey, Freddie Portelli, The Tramps jitħaddtu dwar il-ħajja ta’ kuljum tal-Maltin u ntużaw biex jikber il-ħarsien soċjali. Apparti minn hekk, is-siltiet juru kif ilsienna huwa tassew adatt biex jintuża f’kuntest mużikali. Il-grupp hu magħmul minn sitt mużiċisti u tliet kantanti.

Għal aktar informazzjoni żur is-sit elettroniku
Ibgħat emejl jew ċempel: +356 7984 3480
Il-biljetti jistgħu jinkisbu mill-bieb

 


 

Vivamus atque Amemus

Vivamus atque Amemus (bil-Malti)
It-Tlieta 30 ta’ Lulju fid-9:00p.m.
(Donazzjoni b’risq l-RIDT)
Grawnd tal-Iskola Primarja, Kulleġġ Santa Margerita, Bormla
 u
L-Erbgħa 31 ta’ Lulju fid-9.00p.m.
(Biljetti 8 Euro)
Atriju Vassalli, Kampus tal-Imsida
organizzat mill-Malta Classics Association

Vivamus atque Amemus huwa diskors istruwit li ħa jagħtina l-Professur Salutati dwar il-poeta Ruman favorit tiegħu, Katullu, u l-ossessjoni li ġarrab dan il-poeta għall-infamja Lesbja, l-ewwel femme fatale fl-istorja tal-letteratura. Permezz tal-ispjega minn dan l-iskular famuż tal-kultura klassika, u anki tar-reċitazzjoni tal-poeżija fdata f’idejn studentessa brava, ħa nżuru l-qigħan ta’ ruħ Katullu tturmentata bl-imħabba għal Lesbja. Għalkemm id-diskors ħa jsir bil-Malti, il-Professur mhux se jiddejjaq jidħol ukoll fil-Latin ta’ Katullu.

Għal aktar informazzjoni żur is-sit elettroniku
Ibgħat emejl jew ċempel: +356 7984 3480
Il-biljetti jistgħu jinkisbu mill-bieb

Vivamus

 


 

Meta Paulo Freire ltaqa' maż-Żwieten

Il-Professur Carmel Borg u Maria Brown, Critical Literacy Project
It-Tnejn 5 t'Awissu 2013
fir-tmienja ta' filgħaxija
fl-Atriju Vassalli, il-Kampus tal-Imsida
Donazzjoni lil Dar Nazzaret, Żejtun

Din il-Lejla tlaqqa’ l-ħsibijiet ta’ Paulo Freire (1921-97), intellettwali u attivist Brażiljan, ma’ dawk ta’ grupp ta’ Żwieten li attendew iċ-‘Ċirkolu Kulturali Freirjan’ (ĊKF) bejn Settembru 2011 u Mejju 2012. Iċ-ĊKF għandu l-għan li jgħin lill-imxierka jirriflettu b’mod kritiku dwar dak li qiegħed jiġri fl-inħawi immedjati u mbiegħda tagħhom. Iċ-ĊKF iqis ir-riflessjoni kritika bħala titriq indispensabbli fi proċess ta’ trasformazzjoni personali u kollettiva.

F’din il-Lejla jinqraw siltiet mill-aħħar ktieb tal-Professur Carmel Borg dwar kitbet Freire filwaqt li jitgħannew u jinqraw il-ħsibijiet kritiċi tal-membri taċ-Ċirkolu.

Maria Brown, koordinatur, flimkien mal-Professur Borg, taċ-ĊKF, tispjega l-prinċipji tal-litteriżmu kritiku taċ-ĊKF.

Iċ-ĊKF huwa proġett ta’ sħubija bejn l-Università ta’ Malta u l-Kunsill Lokali taż-Żejtun.

 


 

Evenings on Campus 2013

Evenings on Campus 2013 jiggarantixxi Rappreżentazzjonijiet Memorabbli

Din is-sena, l-Evenings on Campus tal-Università ta’ Malta ħiereġ ’il barra biex jagħti tliet rappreżentazzjonijiet fuq trailer ta’ 40 pied f’lokalitajiet differenti madwar il-gżira, minbarra l-attivitajiet tiegħu tas-soltu fuq il-kampus. Il-postijiet barra l-kampus huma San Ġiljan,  Bormla, u ż-Żejtun.  Ser isir ukoll kunċert il-Fortini fil-bitħa taċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Università fil-Kottonera.

Il-festival ser jagħti bidu b’rappreżentazzjoni teatrali bl-Ingliż, We Live to Tread on Kings, minn WhatsTheirNames, kumpanija stabbilita, żagħżugħa, lokali, bid-direzzjoni ta’ Philip Leone Ganado.  Permezz ta’ xeni, monologi, u mużika mid-drammi storiċi ta’ Shakespeare, il-kumpanija teatrali  WhatsTheirNames ser tinseġ storja konċiza u komplikata ta’ ambizzjoni, imħabba, trijonf, disperazzjoni, u l-mewt ta’ rejiet. Din ser tiġi ppreżentata fuq it-trailer fil-Bajja ta’ Spinola San Ġiljan (faċċata ta’ Scott’s supermarket) nhar is-Sibt, 27 ta’ Lulju fid-9.00 ta’ filgħaxija. Nhar it-Tlieta, 30 ta’ Lulju fid-9.00 ta’ filgħaxija t-trailer ser ikun Bormla fil-parkeġġ faċċata tal-Iskola Primarja tal-Kulleġġ Sta Margerita.  Din id-darba, ix-xena hija Ruma antika f’Vivamus atque Amemus. Bil-Malti, b’xi ftit Latin ’l hawn u ’l hemm, l-udjenza ser tisma’ ‘lekċer’ imqarba b’differenza. Il-Professur Salutati jitkellem b’entużjażmu dwar il-poeżija ta’ mħabba ta’ Catullus u l-imħabba ossessiva tiegħu għal Lesbia. Organizzata mill-Malta Classics Association, it-test huwa ta’ Carmel Serracino li ser ikun qed jieħu parti flimkien ma’ Denise Chatlani u Sean Briffa taħt id-direzzjoni ta’ Tyrone Grima u b’viżwali minn Romina Borg. L-aħħar serata bit-trailer ser tkun Kuntrasti, serata mużiko-letterarja li tikkonsisti f’taħlita intriganti ta’ xogħlijiet kemm tal-kompożitur Ruben Zahra kif ukoll tal-awtur, Trevor Zahra. Din ser issir iż-Żejtun, ħdejn il-Knisja ta’ San Girgor nhar il-Ħadd 4 ta’ Awwissu fid-9.00 ta’ filgħaxija. Fil-bitħa taċ-Ċentru ta’ Riżorsi fil-Kottonera, Akustika, grupp mużikali żagħżugħ u ta’ talent ser ikun qed idoqq Akustika Leħen Malta, serata ta’ mużika popolari Maltija li saret parti mill-kultura pop lokali, fuq stil akustiku.

Fl-istess żmien ta’ dawn l-avvenimenti barra ’l kampus, ser ikun hemm attivitajiet oħra fuq il-quadrangle prinċipali tal-Kampus tal-Imsida. Dawn ser jinkludu ripetizzjoni tar- rappreżentazzjonijiet Vivamus atque Amemus (l-Erbgħa 31 ta’ Lulju fid-9.00 ta’ filgħaxija) u Akustika Leħen Malta (il-Ġimgħa 9 ta’ Awwissu fid-9.00 ta’ filgħaxija) flimkien ma’ erba’ avvenimenti oħra.

Il-film Fight Club (18), ser jintwera bil-korteżija tal-KRS Distributors Ltd fis-Sala Sir Temi Zammit nhar it-Tnejn, 29 ta’ Lulju fit-8.00 ta’ filgħaxija bis-sottotitoli bil-Malti. Ser issir introduzzjoni qasira mill-Professur Anthony Aquilina u Simon Cassar dwar l-isfidi biex  tipproduċi sottotitoli.

It-Tnejn ta’ wara, il-5 ta’ Awwissu fit-8.00 ta’ filgħaxija, Paulo Friere (1921-97), Brażiljan intellettwali u attivist, ser ikun iċ-ċentru ta’ xi ħsibijiet minn grupp ta’ Żwieten li s-sena l-oħra attendew iċ-‘Ċirkolu Kulturali Freirjan’ (ĊKF). Wara preżentazzjoni qasira minn Maria Brown, koordinatriċi taċ-ĊKF, il-membri ser jaqsmu r-riflessjonijiet ta’ kritika tagħhom mal-udjenza, waqt li jużaw kant folkloristiku tradizzjonali, poeżija u proża bħala l-medja tagħhom ta’ espressjoni. Qari mill-ktieb reċenti tal-Professur Carmel Borg dwar Freire – ‘L-Edukazzjoni hi Politika: Kitbiet Freire’ – ser jipprovdi l-isfond Freirjan għar-riflessjonijiet. Iċ-ĊKF huwa inizzjattiva konġunta tal-Università ta’ Malta u l-Kunsill Lokali taż-Żejtun.

Waqt avveniment ta’ Café Sci, bl-isem Science of Music and Earthquakes – Ix-Xjenza tal-Mużika u t-Terremoti, Dr Matthew Agius – membru tad-dance act U-Bahn u sismologu fl-Università ta’ Malta – ser juża t-talenti tiegħu ta’ DJ biex jiddeverti lill-udjenza bil-mużika tiegħu waqt li jispjega x-xjenza tal-mużika (Il-Ħamis, 8 ta’ Awwissu fit-8.00 ta’ filgħaxija).

Is-serata finali, bl-isem Wieħed mill-Ġentlomi, ser tiġi ppreżentata minn VersAgħtini biex tfakkar lil Frans Baldacchino, il-Budaj (1943-2006) permezz ta’ għana spirtu pront, xi mużika oriġinali minn Mario Debono u poeżiji miktuba bid-djalett. Din ser issir is-Sibt 10 ta’ Awwissu fit-8.00 ta’ filgħaxija.

Aktar tagħrif jinsab fuq is-sit elettroniku.
Kull diffikultà għandha tiġi indirizzata lill-eveningsoncampus@um.edu.mt, jew
Telefon ċellulari: 7984 3480

 


 

L-Istamperija tal-Università ta' Malta Tniedi Erba' Kotba

Stedina lill-Pubbliku u Sejħa lill-Media

L-Istamperija tal-Università ta' Malta (Malta University Press – MUP) għandha l-pjaċir tħabbar tnedija konġunta ta’ erbgħa mill-aħħar pubblikazzjonijiet tagħha.

L-avveniment ta’ tnedija ta’ kotba se jkollu introduzzjoni mill-Professur Henry Frendo, president tal-Bord Editorjali tal-Università ta’ Malta, u se jkun presedut mis-Sinjura Bernie Mizzi, nhar it-Tnejn 1 ta’ Lulju, fl-Aula Magna, il-Kampus tal-Belt Valletta fis-7 ta’ filgħaxija.

Ser issir preżentazzjoni ta’ għaxar minuti fuq kull wieħed minn dawn il-kotba li ġejjin:

Book by Stanley Fiorini




Documentary Sources of Maltese History Part II no. 4
mill-Professur Stanley Fiorini

Kelliem:
L-Eċċ Tiegħu Dr Ugo Mifsud Bonnici

Is-serje preżenti kienet maħsuba biex tipprovdi produzzjoni sistematika ta’ dokumentazzjoni sħiħa ta’ sorsi ewlenin.  Dan il-volum huwa t-tnax-il wieħed, u r-raba’ fis-sub-serje ddedikata għad-dokumenti ‘Maltin’ fil-Kanċellerija ta’ Palermo;  dan ikopri l-aħħar ħmistax-il sena tas-Seklu XV biex iġib fi tmiemhom 250 sena ta’ dokumentazzjoni fl-arkivji.






Gan Anton Vassallo, Il-Poeziji




Ġan Anton Vassallo: il Poeżiji
mill-Professur Oliver Friggieri

Kelliema: Dr Josette Attard

Dan il-ktieb dwar il-poeżiji ta’ Ġan Anton Vassallo, prekursur romantiku-patrijottiku ta’ Dun Karm Psaila magħruf l-aktar għall-poeżija tiegħu ‘Tifħira lil Malta’, hija l-ewwel antoloġija komprensiva tal-poeżiji tiegħu bil-Malti li qatt ġiet ippubblikata.







Book by Charles Savona Ventura

Caring for Calypso's Daughters:
A History of Maternity Care in a Central Mediterranean Island
mill-Professur Charles Savona Ventura

Kelliem: Il-Professur Maurice Cauchi

Ix-xogħol preżenti jħares lejn l-istorja tal-kura pprovduta lin-nisa u t-trabi tagħhom fiċ-Ċentru tal-Mediterran kif irrappreżentata fl-istorja dwar il-maternità u l-kura tal-ulied fil-Gżejjer Maltin.








Book by Peter XuerebMigration And Asylum in Malta and the European Union: 
Rights and Realities 2002 to  2011
editjat mill-Professur Peter Xuereb

Kelliema: Il-Professur Salvino Busuttil
               L-Imħallef Giovanni Bonello

Dan il-ktieb huwa r-riżultat aħħari ta’ proġett ta’ riċerka u żewġ seminars li saru bejn Jannar 2010 u Jannar 2011 bl-għajnuna tal-Programm Jean Monnet tal-Kummissjoni Ewropea.  L-għan ewlieni ta’ din il-pubblikazzjoni ta’ ġabra ta’ kitbiet huwa biex jagħmel disponibbli bħala dokumentazzjoni u analiżi d-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom l-immigrant, iżda wkoll fil-kuntest ta’ dawk li tiltaqa’ magħhom Malta bħala   Stat gżira żgħir periferali biex tindirizza l-fenomenu tal-migrazzjoni irregolari (sikwit immigrazzjoni ‘illegali’ minn perspettiva ta’ liġi nazzjonali). 



Żewġ kotba oħra kienu ġew imnedija fi Frar.  Dawn huma: 

The Maltese Legal System

The Maltese Legal System
mill-Professur David Attard
by Prof. David Attard

Sa fl-aħħar, referenza ppubblikata li tispjega dak kollu li hemm x’wieħed għandu jkun jaf dwar is-sistema legali Maltija.  Din il-pubblikazzjoni ma tappellax biss għall-professjoni legali iżda, aktar importanti, toffri opportunità lil kull ċittadin li jifhem aħjar il-Liġijiet ta’ Malta, il-proċeduri tal-qorti u kliem tekniku legali.
Dan il-ktieb tnieda nhar l-Erbgħa 20 ta’ Frar, 2013 f’Gateway Building, Kamra E, l-Università ta’ Malta.







Speakers' Rulings in the Parliament of Malta
Speakers’ Rulings in the Parliament of Malta. The Legislative Assembly 1921-1924, First Volume Part One
mill-Professur Raymond Mangion

Dan il-volum huwa xogħol ta’ referenza indispensabbli għall-membri tal-leġiżlatura, studenti tal-istorja parlamentari, politiċi u presidenti futuri tal-Kamra.

Dan il-ktieb tnieda nhar it-Tnejn 18 ta’ Frar, 2013 fil-Kamra tal-Arazzi, Il-Palazz, il-Belt Valletta.



 
 
  

 


 

Skola Sajf Internazzjonali dwar it-Terapija Adlerjana

Skola Sajf fuq il-counselling u t-terapija Adlerjana qed tiġi organizzata mid-Dipartiment tal-Counselling fi ħdan il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta. Il-lekċers se jiġu mmexxija mill-Professur William Nicoll mill-Università ta’ Florida Atlantic, fl-Istati Uniti. Il-Professur Nicoll huwa rinomat internazzjonalment bħala espert fil-counselling individwali u tal-familja, terapiji qosra, kif ukoll fil-kunċett tar-reżiljenza. Din l-Iskola Sajf se tkun imqassma fuq ġimgħatejn, fejn l-ewwel ġimgħa se titratta l-istrateġiji fil-counselling ma’ individwi u koppji, waqt li t-tieni ġimgħa se titratta l-counselling mat-tfal, iż-żgħażagħ u l-familji.

Din l-Iskola Sajf tinteressa lill-professjonisti, lill-prattikanti u lill-istudenti fl-oqsma tal-counselling, il-psikoloġija, l-edukazzjoni, ix-xjenzi tas-saħħa u professjonijiet oħrajn li jagħtu l-għajnuna. Ser issir bejn it-8 u d-19 ta’ Lulju 2013, u l-parteċipanti jistgħu jattendu għal ġimgħa waħda jew tnejn. Il-prezz huwa ta’ €200 għal kull ġimgħa. L-Iskola Sajf se ssir ġewwa l-Kampus tal-Belt tal-Università ta’ Malta, li jinsab fi Triq San Pawl.

Jingħata ċertifikat t’attendenza lill-parteċipanti li jkun validu għall-iskemi tal-Iżvilupp Kontinwu Professjonali. Il-parteċipanti li għandhom kwalifika f’livell ta’ baċellerat (undergraduate degree) jistgħu wkoll jagħżlu li jiġu akkreditati fuq dan it-taħriġ mill-Università ta’ Malta (b’valur ta’ 12 ECTS), u għaldaqstant jistgħu japplikaw għal transkript uffiċjali. Min japplika għall-transkrizzjoni jrid iħallas il-miżata applikabbli lill-Università ta’ Malta.

Il-postijiet huma limitati. Għal aktar informazzjoni, jew biex tirreġistra l-interess tiegħek, inti mitlub/a ċċempel lid-Dipartiment tal-Counselling fuq 23403515/8 jew tibgħat imejl.

 


 

Il-Kottonera fis-Seklu Tmintax u l-Merkanzija Madwar id-Dinja

Il-Kottonera fis-Seklu Tmintax u l-Merkanzija Madwar id-Dinja

Kelliem: Il-Professur Carmel Vassallo,
Kap tad-Dipartiment tal-Ispanjol u l-Istudji Latin Amerikani fil-Fakultà tal-Arti u
Koordinatur tal-Mediterranean Maritime History Network

nhar l-10 ta’ Mejju 2013
fis-7.00 p.m.
 fiċ-Ċentru tar-Riżorsi fil-Kottonera, Triq San Dwardu, Il-Kottonera
(li kienet l-Iskola Sekondarja tas-Subien, Lorenzo Gafà)


Prof. Carmelo Vassallo

Din il-laqgħa ser tiffoka fuq il-Kottonera bħala ċentru ta’ kummerċ fi żmien is-seklu tmintax. F’nofs dan is-seklu, 42% mill-irġiel Sengleani kienu jaħdmu barra minn Malta jew iservu fil-flotot navali. Fis-snin 1745 - 1746, 66% tal-imprendituri li rritornaw minn Spanja kienu mill-Isla jew minn Bormla. Fl-1791, 77% tal-Maltin li kienu jaħdmu f’Gabes (Cadiz), li kienet magħrufa għad-dehbijiet u l-fided ġejjin mill-kontinent Amerikan, kienu minn dawn iż-żewġt ibliet.

 


 

Taħdita fuq l-Innu Ewkaristiku 'T'Adoriam Ostia Divina'

Dr Joe Zammit-Ciantar ilu 'il fuq minn 20 sena jirriċerka dwar l-Innu Ewkaristiku T'Adoriam Ostia Divina ta' Dun Karm Psaila, mużika tal-Mro Giuseppe Caruana. L-ewwel li indaqq kien propju 100 sena ilu, waqt il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li sar Malta.

Il-Fondazzjoni ghall-Istudji Teoloġici u d-Dipartiment tat-Teoloġija Dommatika qed jorganizza taħdita minn Dr J. Zammit-Ciantar li se jidħol fl-istorja tal-innu u t-teoloġija li fih.

It-Taħdita se ssir fil-Librerija tas-Seminarju/Fondazzjoni ghall-Istudji Teoloġici, Tal-Virtu`, il-Gimgħa 10 ta' Mejju, bejn is-6.00 u s-7.00 ta' filgħaxija.

Kulhadd huwa mistieden.

 


 

Perli u Triangolu

Attività oħra mis-serje filMalti, organizzati mill-Għaqda tal-Malti - Università. L-Għaqda qed tfittex li turi films bil-Malti. Fl-ewwel sessjoni ntwera Kont Diġà, filwaqt li f'din it-tieni laqgħa se jintwerew Perli u Triangolu.

L-attività se ssir il-Ħamis, 25 t'April, fis-6:00pm, l-Università.

Dawk minnkom li jixtiequ aktar dettalji, issibuhom fuq Facebook.

 


 

Taħdita: Francesco Vella (1793-1868)

Francesco Vella (1793-1868)
Persuna li ħadmet biex tiżviluppa l-lingwa Maltija

Kelliem: Il-Prof. Arnold Cassola
Data: 12 ta’ April 2013
Ħin: 7.00 p.m.
Post: Iċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Università ta' Malta fil-Kottonera,
Triq San Dwardu, Il-Fortini, Il-Birgu

Fit-12 t’ April 2013 ser issir taħdita fuq Francesco Vella (1793-1868), persuna li kienet kruċjali fl-iżvilupp tal-lingwa Maltija. Din it-taħdita ser issir mill-Professur Arnold Cassola, fiċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Kottonera, Il-Birgu, fit-12 t’April 2013, fis-7 ta’ filgħaxija.

Ftit nies jafu bl-intellettwali Francesco Vella li kien wieħed mill-pijunieri li ppromwovew il-lingwa Maltija. Ix-xogħol tal-Prof. Cassola ser jurina kemm Vella ħadem f’dan il-qasam kemm bħala grammatiku, lessikografu, filosfu tal-edukazzjoni, alfabetarju u kittieb ta’ kotba għat-tfal.

Il-Prof. Cassola ser jieħu l-okażjoni tal-220 sena mit-twelid ta’ Francesco Vella f’Bormla biex jitkellem fuq il-ħajja u x-xogħol ta’ Vella. B’hekk ħa juri kemm dan kien utli fit-trawwim ta’ lingwa u kultura nazzjonali.

Francesco Vella twieled Bormla fil-11 t’April tal-1793, it-tieni tifel ta’ Giuseppe u Francesca nèe Cilia, minn ħdax-il wild. Kien mgħammed fil-knisja S. Maria del Soccorso, illum il-knisja kolleġġjata u parrokkjali ta’ Bormla. Ismu fuq iċ-ċertifikat tat-twelid kien Giovanni Francesco Vincenzo Emidio Luca Vella.
Vella kien il-pont bejn M.A. Vasalli, li twieled fl-1764, u Ġ.A. Vassallo, li twieled wara Vella fl-1817. Ix-xogħol ta’ Vella fil-qasam tal-lingwa, grammatika u alfabett kien il-pont bejn il-lingwist Vassalli u l-awtur kreattiv Vassallo.

Wasal iż-żmien, iżda, li l-Maltin jagħrfu l-importanza ta’ Vella bħala promotur tal-lingwa nazzjonali tagħna. Il-fatt li Malta hija l-unika gżira fil-baħar Mediterran li għandha l-lingwa nazzjonali tagħha huwa dovut għal Vella, flimkien ma’ Vassalli u Vassallo. Filwaqt li r-rwol li kellhom dawn tal-aħħar fl-istabbiliment tal-lingwa Maltija huwa magħruf biżżejjed, ftit jafu kemm ħadem Vella f’dan il-qasam.

 


 

Diskussjoni: Delimara

Delimara

 


 

Seminar fuq Addiction Counselling

Id-Dipartiment tal-Counselling fi ħdan l-Università ta’ Malta ser jorganizza seminar fuq Addiction Counselling. Il-kelliem ser ikun l-espert Michael Roth li huwa l-fundatur u l-president taċ-Ċentru ZenSIS Psychosocial Addiction Counselling ġewwa Frankfurt. Is-seminar ser jindirizza l-qafas teoretiku tal-addiction counselling u jinkludi wkoll workshop prattiku. Din is-seminar se jitratta il-vizzji fi ħdan l-individwu, il-familja u s-sistemi soċjali u ekonomiċi, kif ukoll se jħares lejn l-użu prattiku tal-counselling ma’ persuni b’vizzji.

Dan is-seminar jindirizza lill-professjonisti, lill-istudenti u dawk li jaħdmu fl-oqsma tal-counselling, il-psikoloġija, is-servizzi soċjali, ix-xjenzi tas-saħħa, oqsma relatati ma’ vizzji u professjonijiet oħrajn li jagħtu l-għajnuna. Is-seminar ser isir bejn it-Tnejn, 22 t’April u l-Ħamis, 25 t’April 2013 mill-17:00 sat-20:00 kuljum, u jispiċċa b’ġurnata workshop nhar il-Ġimgħa 26 t’April 2013. Ċertifikat t’attendenza għal dan is-seminar se jingħata lill-parteċipanti.

Għal aktar informazzjoni, jew biex tirreġistra, inti mitlub/a ċċempel lid-Dipartiment tal-Counselling fuq +356 2340 3518 jew tibgħat email.

 


 

Kont Diġà

Qalb id-dell tal-kannizzati kont diġà
forsi mrekken mal-koralli
fi spiralli stalaktiti mal-artikli kuluriti
sekli ilu kont
diġà...


Nhar it-Tlieta, 26 ta' Marzu, l-Għaqda tal-Malti-Univeristà se tkun qed torganizza lejla li fiha se tkun qed turi l-film "Kont Diġà", ispirat mill-poeżija "Delimara", ta' Daniel Massa.

Id-direzzjoni hija ta' Mark Dingli, b'kitba ta' Mark Dingli u Sascha Sammut. Jieħdu sehem l-atturi Karl Consiglio, Annabelle Galea, u Marieclaire Camilleri fost oħrajn.

L-attività tibda fis-6:00pm, ġewwa s-Sala D1, fiċ-Ċentru għall-Konferenzi Mikiel Anton Vassalli, fl-Università ta' Malta. Id-dħul huwa b'donazzjoni.

Għal aktar tagħrif żuru l-paġna fuq Facebook u s-sit tal-Għaqda.

Biex tieħu togħma tal-film, segwi biċċa minnu hawn.

 


 

L-Għaqda tal-Malti Università

Bħalissa l-Għaqda tal-Malti Università għaddejja b'ħidma sfiqa favur oqmsa diversi marbuta mal-Malti. Nhar il-Ħamis huwa xhieda ta' dan. Filgħodu, l-Għaqda tal-Malti se tkun preżenti fuq il-kampus għall-ewwel darba waqt il-jiem iddedikati għall-organizzazzjonijiet. Ejjew iltaqgħu magħna, siru midħla tal-Għaqda, il-ħidma li wettqet u qed twettaq, idħlu membri u ġeddu s-sħubija fost l-oħrajn. Din l-attività hi organizzata mill-Kunsill Studenti Universitarji bis-sehem tal-Għaqda tal-Malti, fost għaqdiet studenteski oħrajn. Aktar dettalji jinsabu fuq Facebook.

Dakinhar stess, filgħaxija, l-Għaqda għandha l-pjaċir li qed torganizza serata f'ġieħ Karmenu Vassallo bl-isem ta' 'Marzu ta' Qalbi'. Il-mistiedna tas-serata huma Marcel Zammit-Marmarà, Dominic Galea, Doreen Galea u Oliver Paul Vassallo, iben Karmenu Vassallo. Il-kelliem speċjali tas-serata huwa l-Professur Oliver Friggieri. Is-serata mtellgħa ġewwa Dar l-Ewropa, il-Belt Valletta se tibda fis-6.30PM. Dakinhar se jittieħdu ritratti professjonali minn Charlene Valentina Giordimaina. Niżżu ħajr lill-Kummissjoni Ewropea għall-għajnuna tagħhom biex issir din is-serata. Il-poster mehmuż. Aktar dettalji jinsabu fuq Facebook.

Is-sit elettroniku, li ta' spiss jiġi aġġornat, joffri ħafna tagħrif ukoll.

Marzu ta' Qalbi

 


 

Ir-Riċerka Tiegħi fl-M.A. (20 Mar.)

Seminar - Teżi

Ir-Riċerka Tiegħi fl-M.A. huwa seminar organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università li fih se jitwieġbu dawn il-mistoqsijiet u aktar. F’dan l-ewwel seminar ta’ din ix-xorta se jipparteċipaw erba’ studenti, tnejn mill-qasam tal-Letteratura u tnejn oħra mill-qasam tal-Lingwistika:

  • Leanne Ellul: In-Nomi Verbali fil-Malti
  • Carlston Grima: Studju Soċjolingwistiku fuq ir-Reġistru tal-Piroteknika Maltija
  • Lara-Marie Cilia: In-novella ta’ Ġużè Ellul Mercer u ta’ Juan Mamo – studju komparattiv tax-xejriet narrattivi tagħhom
  • Josette Portelli: Il-Ħajku ta’ Victor Fenech – minn storja ta’ tradizzjoni Ġappuniża sa esperimentazzjoni moderna fil-poeżija Maltija.

nhar l-Erbgħa 20 ta' Marzu 2013
il-Common Room, l-Università ta’ Malta
fl-4.00pm

 


 

WICT 2013 (9-10 Apr.)

WICT

Id-9 u l-10 ta’ April fi SmartCity, Malta

WICT 2013 huwa l-Ħames Workshop fit-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni organizzat mill-Fakultà tal-ICT tal-Università ta’ Malta.

Il-WICT jipprovdi vetrina għar-riċerka fl-ICT fil-Fakultà u bħala pjattaforma għal kollaborazzjonijiet industrijali u interdipartimentali.

Din is-sena l-workshop qed jiffoka fuq it-tema tal-gaming b’sessjoni speċjali ddedikata għar-riċerka f’dan il-qasam eċċitanti ġdid.

Il-workshop huwa mmirat lejn udjenza multi-dixxiplinarja u b’mod partikulari għandu l-għan li jinkoraġġixxi kollaborazzjonijiet ma’ sħab industrijali u jenfasizza l-firxa u l-kwalità tar-riċerka fl-ICT fl-Università ta’ Malta.
 
Ir-reġistrazzjoni bil-quddiem tiswa €25 u €35 fil-ġurnata. Ir-reġistrazzjoni tinkludi aċċess għas-sessjonijiet kollha, bibita u rapport diġitali.

Aktar informazzjoni u reġistrazzjoni jinsabu fuq is-sit elettroniku.

WICT 2013 huwa sponsorjat minn Bit8, Computime, Microsoft, CCBill-EU, Information Systems Ltd, MITA & the eSkills Alliance. L-isponser ewlieni għall-WICT 2013 huwa Smartcity Malta.

 


 

Serata f'Ġieħ il-Prof. Oliver Friggieri

Serata Oliver Friggieri

 


 

Seminar fuq id-Djaletti Maltin u Għawdxin

Il-membri tal-proġett CARD (Collecting and Archiving Research on the Dialects of Malta and Gozo), proġett fi ħdan l-Istitut tal-Lingwistika ffinanzjat mill-Università ta' Malta, jistidnuk għas-Seminar fuq id-Djaletti Maltin u Għawdxin li se jsir nhar is-Sibt 9 ta’ Frar mit-08:00 sas-13:00 fil-Common Room tal-KSU (ħdejn il-Canteen) tal-Università ta’ Malta, f'għeluq l-ewwel sena ħidma tal-proġett.

F'dan is-Seminar se nniedu sit li fih qed niġbru materjal ta' riċerka marbut mad-djaletti għal riċerkaturi u studenti li jaħdmu f'dan il-qasam, kif ukoll għall-pubbliku inġenerali. Is-Seminar se jlaqqa’ diversi lingwisti li ilhom snin twal jagħmlu riċerka fuq id-djaletti, studenti li kitbu teżi fuq xi djalett, kittieba li, minkejja d-diffikultajiet ovvji, joħorġu kotba miktuba bid-djalett tagħhom, u nies li kull tant żmien jorganizzaw festivals b’risq id-djaletti Maltin u Għawdxin, biex flimkien nagħtu ħarsa lejn x’sar s’issa fil-qasam tad-djaletti. Fl-aħħar parti tas-Seminar se jkollna diskussjoni li tħares 'il quddiem, lejn x'għad jonqos isir u kif dan jista' jitwettaq.

Inħeġġu lil kull min għandu għal qalbu d-djalett biex jattendi dan is-seminar. Id-dħul b’xejn. Għal iktar informazzjoni tista' tikteb lil: Dr Alexandra Vella or Dr Michael Spagnol.

programme

 


 

Tgħix bid-Disleksja

Bi tweġiba għat-talba li kellu, id-Dipartiment tal-Counselling tal-Università ta’ Malta qed jorganizza r-rappreżentazzjoni 'I Could be Anyone' bil-parteċipazzjoni ta’ Matthew Scurfield u Clare Agius taħt id-direzzjoni ta’ Lena Scurfield. Matthew huwa attur professjonali, performance ethnographer, u bi profil ta’ disleksja, waqt li Clare Agius hija attriċi u ċelebrità lokali. Matthew u Clare se jesploraw l-esperjenza li tgħix bid-disleksja.

Dan is-seminar huwa mmirat lejn il-pubbliku ġenerali u professjonisti, nies li jeżerċitaw professjoni kif ukoll studenti fl-oqsma tal-counselling, il-psikoloġija, l-edukazzjoni, ix-xjenzi tas-saħħa u professjonijiet oħra ta’ għajnuna kif ukoll tal-istudji tad-Drama u t-Teatru billi tippreżenta performance ethnography.  Wara r-rappreżentazzjoni ta’ siegħa se jkun hemm diskussjoni li tinkludi żgħażagħ bid-disleksja. 

L-avveniment se jsir nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Frar fis-7.30 ta’ filgħaxija fil-Kappellanija tal-Università (iċ-Chaplaincy tal-Università). Il-postijiet huma limitati. 

Għal aktar informazzjoni jew biex tirriservaw post intom mitlubin ġentilment tikkuntattjaw lid-Dipartiment tal-Counselling fuq in-numru 23403518 jew tibagħtu email lil Sheen Vella.

 


 

Espert Internazzjonali Għal Seminar fuq Adlerian Counselling and Therapy

Il-Professur William Nicoll mill-Università ta’ Florida Atlantic se jindirizza seminar fuq Adlerian Counselling and Therapy organizzat mid-Dipartiment tal-Psikoloġija fi ħdan l-Università ta’ Malta.

Il-Professur Nicoll huwa espert magħruf internazzjonalment fil-counselling individwali u tal-familja, counselling u terapiji qosra, kif ukoll fil-kunċett tar-reżiljenza. Dan is-seminar se jesplora l-kontribuzzjonijiet tal-psikologija Adlerjana għall-counselling u t-terapija, u jindirizza wħud mill-limitazzjonijiet tagħha. It-terapija Adlerjana se tiġi studjata biswit teoriji u mudelli oħrajn li jiffukaw partikolarment fuq it-terapija qasira u l-counselling tal-familja bbażat fuq il-kunċett ta’ reżiljenza.

Dan is-seminar jindirizza lill-professjonisti, lill-prattikanti u lill-istudenti fl-oqsma tal-counselling, il-psikoloġija, l-edukazzjoni, ix-xjenzi tas-saħħa u professjonijiet oħrajn li jagħtu l-għajnuna. Is-seminar se jsir bejn it-Tlieta, 29 ta’ Jannar u l-Ħamis, 31 ta’ Jannar 2013 mill-ħamsa ta’ waranofsinhar sat-tmienja u nofs ta’ filgħaxija kuljum, ġewwa l-Istitut għaż-Żwieġ u l-Familja. L-indirizz huwa 1, Triq l-Oratorju, in-Naxxar. Ċertifikat t’attendenza għal dan il-kors ta’ disa’ sigħat jingħata lill kull parteċipant waqt li l-attendenza tgħodd ukoll għall-iskemi tal-Iżvilupp Kontinwu Professjonali.

Il-postijiet huma limitati. Għal aktar informazzjoni, jew biex tirreġistra l-interess tiegħek, inti mitlub/a ċċempel lid-Dipartiment tal-Counselling fuq 23403518 jew tibgħat emejl.

 


 

Wirja: Anastasju Cuschieri – 50 sena minn mewtu

Wirja fil-Librerija tal-Università
Anastasju Cuschieri – 50 sena minn mewtu
Poeta-Filosfu-Politiku

Din is-sena qed jiġi mfakkar l-anniversarju tal-50 sena mill-mewt ta’ Patri Anastajsu Cuschieri O.Carm. Cuschieri huwa magħruf bħala l-poeta tal-Madonna u tal-Kelma Maltija imma sfortunatament ma tantx għadna nafu fuqu. Il-Provinċja Karmelitana Maltija għamlet diversi studji fuqu u attivitajiet marbutin ma’ dan l-anniversajru.

Bħala studenti tal-Malti, flimkien mal-Għaqda tal-Malti, ħassejna li aħna wkoll għandna nfakkru lil dan il-personaġġ u niskopru xi affarijiet ġodda fuqu. Nhar l-24 t’Ottubru saret taħdita minn Rev. Dr Charlò Camilleri O.Carm li tkellem fuq Cuschieri bħala poeta, fl-isfond tal-ħajja pubblika tiegħu,  Dr Josette Attard li tkellmet mil-lat filosofiku u fuq il-kitbiet estetiċi tiegħu u s-Sur Charles Colerio Dip.Eur.Cult Hist. (Krakov) li tkellem fuq kien jaf lill-poeta fuq livell personali.

Ma’ din it-taħdita ġiet imtellgħa wirja b’xi ritratti, manuskritti u kotba li ppubblika fihom il-Prof. Cuschieri. Din il-wirja qiegħda armata fil-librerija tal-Università u ħa tkun esebita matul din il-ġimgħa. Inħeġġu lil kull min ikun fil-librerija biex jagħti titwila lil din il-wirja.

L-istudenti tal-Malti jixtiequ jirringrazzjaw lill-kelliema, lil-Librerija tal-Università, lill-Aġenzija Żgħażagħ, lid-Dipartiment tal-Malti u lill-Għaqda tal-Malti. L-organizzaturi jixtiequ jirringrazzjaw ukoll lis-Sur Degabriele, Rev. Dr Charlò Camilleri O.Carm u lill-Provinċja Karmelitana tal-għajnuna tagħhom fit-tlugħ tal-wirja. Grazzi wkoll lil Kit Azzopardi, Leanne Ellul, Emmanuel Psaila, Daniela Attard Bezzina, Alvin Vassallo, John Farrugia, Daniel Bezzina u Doriana Vella.

Kull min jixtieq iktar tagħrif dwar l-Għaqda tal-Malti jew jidħol membru jista’ jibgħat email jew iżur is-sit elettroniku.

 


 

Mobilità Sostenibbli f’Malta

Mobilità Sostenibbli f’Malta: Riċerka dwar it-Trasport fil-Prattika
Ir-Reġistrazzjoni għall-Konferenza Issa Miftuħa


L-Istitut għall-Iżvilupp Sostenibbli qed jorganizza l-ewwel konferenza nazzjonali bl-isem Mobilità Sostenibbli f’Malta: Riċerka dwar it-Trasport fil-Prattika (Sustainable Mobility in Malta: Transport Research in Practice) fi SmartCity Malta nhar it-30 ta’ Novembru 2012.

Żewġ kelliema internazzjonali, il-Professur Stephen Ison (Ir-Renju Unit) u l-Professur Cathy Macharis (il-Belġju) se jitkellmu dwar sistemi ta’ road pricing u l-futur għall-vetturi li jaħdmu bl-elettriku waqt li tmien riċerkaturi lokali se jippreżentaw l-aktar riċerka reċenti fil-qasam tat-trasport. Numru ta’ studenti ta’ wara l-ewwel grad se jkunu wkoll qed jippreżentaw ir-riċerka tagħhom.

Ir-reġistrazzjoni għall-konferenza tista’ issir online. Għal aktar informazzjoni żur is-sitcis-sit tal-konferenza jew ibgħat imejl.

L-isponsers ta’ dan l-avveniment jinkludu lil SmartCity Malta, il-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, Transport Malta, ARRIVA, GeoSYS Ltd, TRAFFIKO Intelligent Transportation, Touring Club Malta, Chartered Institute for Transport and Logistics Malta, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Pedal Power u l-Kamra tal-Periti.

sponsors

 


 

Skopri l-Università!

Ġimgħa Miftuħa għall-Pubbliku mill-5 sat-10 ta’ Novembru 2012

L-Università ta’ Malta bħalissa hija impenjata bil-preparamenti biex tilqa’ għal darb’oħra studenti u l-pubbliku għal ġimgħa mimlija b’attivitajiet divertenti u edukattivi.

It-tieni edizzjoni ta’ Skopri l-Università! sponserjata minn Middlesea plc., ser issir bejn it-Tnejn 5 u s-Sibt 10 ta’ Novembru 2012. L-iskejjel sekondarji se jkunu mistiedna jibbukkjaw iż-żjarat tagħhom filgħodu, waqt li se jkun hemm ukoll attivitajiet għal studenti tas-Sixth Form u l-pubbliku ġenerali wara nofsinhar, filgħaxija u s-Sibt. Id-dati tal-ġimgħa miftuħa għall-pubbliku tressqu minn Marzu għal Novembru wara feedback minn diversi partijiet interessati.

Skopri l-Università! ma tfissirx parteċipazzjoni passiva iżda għandha l-ħsieb li tinvolvi lil min iżurha f’lista ta’ 200 attività eċċitanti li għandhom l-iskop li juru kif inhi l-ħajja fuq il-Kampus.  Il-ġimgħa għall-pubbliku għandha l-għan li turi xi tfisser l-Università f’termini tar-rilevanza tagħha llum, kburija bil-passat u fiduċjuża għall-futur tagħha.

Matul il-ġimgħa għall-pubbliku se jkun hemm xi ħaġa ta’ interess għal kulħadd.  Laboratorji avvanzati ħafna kif ukoll il-Librerija se jkunu miftuħin għall-wiri. Taħditiet, wirjiet, preżentazzjonijiet u dimostrazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-IT, l-isports, il-kura tas-saħħa, l-arti tal-ispettaklu (performing arts), ix-xjenza u l-istudji umanistiċi huma biss ftit mill-attivitajiet offruti.

Żur is-sit elettroniku għal aktar tagħrif.

 


 

 

< Previous 1 Next >

 
 

Log In