L-Università ta' Malta
 

Attivitajiet 2014
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

Milied fuq il-Kampus: l-Għaqda għall-Istrina (15 Dic.)

l-Għaqda għall-Istrina
min jilgħab man-nar

Fi żmien il-Milied, għat-tieni sena konsekuttiva, l-Għaqda tal-Malti se ttella’ l-attività tagħha fuq il-kampus tal-Università b’kollaborazzjoni mal-KSU bħala parti mill-inizjattiva il-Milied fuq il-Kampus. 

L-attrazzjoni prinċipali se tkun fire engine mħarsa mill-pumpiera. Dawk li jattendu se jkunu jistgħu jirkbu fiha, u għal min hu iktar avventuruż se jkollu ċ-ċans li jilbes l-uniformi tal-pumpiera u jħaddem xi apparat. Għal kull attività li wieħed jagħżel li jagħmel hemm ħlas ta’ €2.

Narawkom nhar il-15 ta’ Diċembru bejn l-1000-1300hrs fil-parkeġġ ta’ ħdejn il-quad.

Ħajr lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili b’mod speċjali lil Emanuel Psaila tal-kordinazzjoni u lil Pace Fire Prevention.

 


 

Konferenza fuq il-Klassiċi (11-12 Dic.)

Ħamsa u għoxrin sena ilu, fl-1 ta’ Ottubru, 1989, id-Dipartiment tal-Klassiċi ta’ dak iż-żmien fl-Università ta’ Malta, set’ jerġa’ idaħħal l-istudju tal-Klassiċi wara waqfa ta’ għaxar snin. Dan sar possibbli permezz tar-reklutaġġ tal-Prof. Horatio Caesar Roger Vella li, bl-inizzjattiva tal-Prof. Anthony Bonanno, dak iż-żmien Kap tad-Dipartiment, seta’ iħalli postu f’Żimbabwe u jintroduċi hawnhekk il-Programm tal-Klassiċi li għadu jopera sal-lum u li għen li joħroġ numru sostanzjali ta’ gradwati u post-gradwati fis-suġġett.

Biex jiġi ċċelebrat dan il-ġublew tal-fidda, kemm l-Università ta’ Malta u l-Malta Classics Association qegħdin jorganizzaw konferenza internazzjonali ta’ jumejn fil-Valletta Campus il-Ħamis u l-Ġimgħa, il-11 u 12 ta’ Diċembru, 2014. Professuri fil-konferenza, ġejjin mill-Belġju, l-Ingilterra, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja u l-Isvezja, ser jingħaqdu ma’ Professuri Maltin mid-Dipartiment tal-Klassiċi u l-Arkeoloġija, l-Ingliż, it-Taljan, il-Matematika, il-Medja u l-Istudji tal-Kommunikazzjoni, l-Istudji Orjentali u l-Filosofija, kollha jitkellmu fuq aspetti diversi fil-Klassiċi, l-istudju tal-lingwa, storja, filosofija, kultura u ċivilizzazzjoni Griega u Latina.

Il-membri tal-pubbliku huma mistiedna jattendu.


 


 

Baħar Jaqsam: Taħdita Lingwistika (11 Dic.)

Huwa magħruf li l-Għawdxin jitħaddtu differenti mill-Maltin. Fid-djaletti ta’ Għawdex insibu ħafna kliem li l-Maltin ma jafuhx jew qatt ma semgħu bih. Pinuri, ħaxxem, xenxul, boqqiegħa, mejdina, smontor ... il-lista twila ġmielha. F’din it-taħdita Dr Michael Spagnol u s-Sur Keith Attard jippreżentaw ġabra mdaqqsa ta’ differenzi lessikali fit-taħdit tal-Maltin u tal-Għawdxin, jispjegaw kif ġabruhom, u jiddiskutu l-esperiment li għamlu ma’ grupp ta’ kelliema żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Fl-aħħar jippruvaw iwieġbu l-mistoqsija: Għaliex bejn il-kliem tal-Maltin u tal-Għawdxin hemm baħar jaqsam? 

Din it-taħdita hija msejsa fuq l-istudju “Differenzi lessikali bejn il-Malti u l-Għawdxi” li jinsab f’Leħen il-Malti (għadd 33). L-attività qed tiġi organizzata mill-Għaqda tal-Malti – Università bl-għajnuna tal-GUG. Kulħadd huwa mistieden. 

Id-dħul huwa b’xejn u wara nixorbu xi ħaġa żgħira flimkien.

Id-data: 11 ta’ Diċembru
Il-ħin: 1700hrs
Il-post: il-Common Room, l-Università

Aktar dettalji ssibuhom hawnhekk: baħar jaqsam 



baharjaqsamposter 

 


 

Tnedija ta' TAĦŻIŻ2 (29 Nov.)

L-Aġenzija Żgħażagħ flimkien mal-Għaqda tal-Malti u l-Fondazzjoni AWL jistidnukom għall-għeluq tal-programm TAĦŻIŻ 2014 u t-tnedija tal-pubblikazzjoni TAĦŻIŻ2. 

TAĦŻIŻ huwa programm ta’ empowerment mill-Aġenzija Żgħażagħ li jiffoka fuq il-kitba kreattiva bi tliet seminars residenzjali u żewġ attivitajiet pubbliċi. Dan il-programm miftuħ għal żgħażagħ bejn it-18 u l-25.

Matul is-seminars, il-parteċipanti jaħdmu flimkien u b’mod individwali fuq eżerċizzji intensivi u ffukati immexxijin minn persuni professjonali u ta’ esperjenza fil-qasam tal-kitba. Ikollhom ukoll ħin mal-kordinaturi biex jorqmu l-kitba. L-enfażi tkun fuq il-proċess biex l-parteċipanti ma jikbrux biss fil-kitba imma b’mod sħiħ.

Dakinhar tat-tnedija jkollkom ċans tiltaqgħu mas-sitt parteċipanti, taqraw il-kitbiet tagħhom f'gazzetta u taraw għadd ta' filmati tal-poeżija. Ma jonqosx ukoll xi tnaqqir u xorb. L-attività hija bla ħlas.

Id-Data: Is-Sibt 29 ta’ Novembru
Il-Post: Villa Psaigon, Ħad-Dingli
Il-Ħin: 2000hrs

Aktar tagħrif issibuh fuq: TAĦŻIŻ 2014

tailaqga 

 


 


 

Premju Għall-Innovazzjoni Malta 2014

maltainnnovationawardmalti

 


 

Lekċer Pubbliku dwar l-Etika Professjonali fi Stat Żgħir

Id-Dipartiment tal-Counselling fil-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta għandu l-pjaċir iħabbar Lekċer Pubbliku dwar l-Etika Professjonali fi Stat Żgħir (Professional Ethics in a Small State) mill-Professur Emeritus Tim Bond. Il-lekċer ser isir nhar it-Tnejn, 17 ta’ Novembru 2014 bejn il-5.30pm u t-8.00pm fis-Sala Erin Serracino Inglott – Lecture Theatre 1 (LTI).

Il-Professur Tim Bond huwa Professur Emeritus tal-Università ta’ Bristol u Professur Mistieden (Visiting Professor) tal-Università ta’ Malta. Ir-riċerka u l-pubblikazzjonijiet estensivi tiegħu dwar l-etika professjonali jinkludu Standards and Ethics for Counsellors in Action (Sage Publications). Huwa għandu interess qawwi dwar kif l-etika professjonali u l-prattika tal-counselling jagħtu konsiderazzjoni lid-differenzi kulturali. Bħalissa huwa konsulent għall-Assoċjazzjoni Brittanika għall-Counselling u l-Psikoterapjia (British Association for Counselling and Psychotherapy) dwar l-etika u l-istandards professjonali u membru tal-Kumitat dwar l-Etika għas-Soċjetà Psikoloġika Brittanika (Ethics Committee for the British Psychological Society). Huwa kien elett bħala membru tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Counselling (International Association for Counselling) fl-2014.

Biex tirreserva post għal-lekċer, jekk jogħġbok ibgħat email lil Ms Anabel Mifsud sal-Ġimgħa 14 ta’ Novembru 2014 fuq anabel.mifsud@um.edu.mt.

 


 

Seminar mill-Istitut Nazzjonali għat-Tfulija

Fl-okkażżjoni tal-25 Anniversarju tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Maqgħuda dwar id-Drittijiet tat-Tfal, l-Istitut Nazzjonali għat-Tfulija, taħt l-awspiċju tal-Fondazzjoni tal-President għal-Ġid tas-Soċjeta’, ser ifakkar it-twaqqif tal-Konvenzjoni permezz ta’ seminar ta’ nofs ta’ nhar. L-għan ta’ dan l-avveniment ser ikun biex nirriflettu fuq dak li Malta kisbet fis-snien ta’ wara r-ratifikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni; kif ukoll nitfgħu dawl fuq il-miżuri leġislattiv u prattiċi li ttieħdu u li kkontribwew għall-ġid tat-tfal permezz ta’ strateġija ffukata fuq id-drittijiet tat-tfal li tonora l-prinċipji mħaddna fil-Konvenzjoni.

Nixtiequ nistednuk biex tipparteċipa f’dan is-seminar, li ser iseħħ kif ġej:

Titlu: L-Istitut Nazzjonali għat-Tfulija: Kommemorazzjoni tal-25 Anniversarju taċ-Ċarter għad-Drittijiet tat-Tfal mill-Ġnus Magħquda
Data: Il-Ġimgħa 28 ta’ Novembru 2014
Ħin: 9:00am – 13:00pm
Post: Il-Palazz Verdala, Rabat

Il-Konvenzjoni tal-Ġnus Maqgħuda dwar id-Drittijiet tat-Tfal tibqa’ l-aktar trattat fid-dinja li ġie rratifikat b’mod rapidu u wiesgħa. Permezz tar-ratifikazzjoni ta’ Malta tal-Konvenzjoni fl-1990, Malta wegħdet lit-tfal l-impenn kontinwu tagħha biex timplimenta din il-Konvenzjoni. Dan is-seminar ser jiffoka fuq żviluppi u kisbiet li saru f’Malta skond il-prinċipji tal-Konvenzjoni, kif ukoll nindikaw direzzjonijiet li possibilment Malta tista’ tieħu fil-futur fl-implementazzjoni tal-Konvenzjoni.

Napprezzaw risposta mingħandek mill-aktar fis li hu konvenjenti għalik, u għalhekk nitolbuk tibgħat r-risposta tiegħek lil Dr Sharon Attard fuq sharon.c.attard@gov.mt jew billi ċċempel fuq 21 484662, sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa 21 ta’ Novembru 2014.

 


 

Il-Papa Franġisku u l-Ferħ tal-Vanġelu

Żgur li waħda mill-akbar sorpriżi ta’ dawn l-aħħar snin hija l-persuna tal-Papa Franġisku li, kważi sentejn wara li sar Papa għadu jolqot il-qlub ta' ħafna nies b’mod qawwi ħafna. Il-kelma u t-tbissima tiegħu imlew il-qlub ta’ ħafna b'tama ġdida, għax jitkellem minn qalb mimlija mħabba u paċi.

Fl-24 ta’ Novembru tas-sena loħra, ħareġ dokument li jismu l-Ferħ tal-Vanġelu, li jibda b'dan il-kliem
Il-ferħ tal-Vanġelu jimla l-qalb u l-ħajja kollha ta’ dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesù. Dawk li jħallu lilU jsalvahom, jinħelsu mid-dnub, min-niket, mill-vojt ġewwieni, mill-iżolament. Ma’ Ġesù Kristu dejjem jitwieled u jerġa’ jitwieled mill-ġdid il-ferħ. 
 
Il-Kappellanija ser torganizza erba’ laqgħat fuq dan id-dokument importanti, li nistgħu nifhmuh biss jekk nifhmu aħjar lill-awtur tiegħu, il-Papa Franġisku.
 
It-temi ta’ dawn il-laqgħat ser ikunu:
  • Min hu Papa Franġisku? Kif jixtieqha tkun il-Knisja?
  • Il-ferħ tal-Vanġelu: x'inhu? Fejn jinsab?
  • Min ixandru l-Vanġelu? Kif? Jien ukoll?
  • 'Tinsiex il-fqar': it-tixrid tal-Vanġelu u l-ġustizzja fid-dinja.

Dawn il-laqgħat ser isiru kull nhar ta’ Tlieta min-nofsiegħa sas-siegħa u kwart ta’ waranofsinhar u jibdew it-18 ta’ Novembru f’Dar Manwel Magri (id-dar tal-Ġiżwiti li hemm kif, toħroġ mill-kanċell l-antik, quddiem Mireva, il-ħanut tal-kotba ).

 


 

Chaplaincy: 4 laqgħat dwar 'l-Ferħ tal-Vanġelu'

Il-Papa Franġisku u l-Ferħ tal-Vanġelu

Żgur li waħda mill-akbar sorpriżi ta' dawn l-aħħar snin hija l-persuna tal-Papa Franġisku li, kważi sentejn wara li sar Papa, għadu jolqot il-qlub ta' ħafna nies b'mod qawwi ħafna. Il-kelma u t-tbissima tiegħu imlew il-qlub ta' ħafna b'tama ġdida, għax jitkellem minn qalb mimlija mħabba u paċi.

Fl-24 ta' Novembru li għadda ħareġ dokument li jismu l-Ferħ tal-Vanġelu, li jibda b'dawn il-kliem

"Il-ferħ tal-Vanġelu jimla l-qalb u l-ħajja kollha ta’ dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesù.  Dawk li jħallu lilU jsalvahom, jinħelsu mid-dnub, min-niket, mill-vojt ġewwieni, mill-iżolament.  Ma’ Ġesù Kristu dejjem jitwieled u jerġa’ jitwieled mill-ġdid il-ferħ." 

Ic-Chaplaincy ser torganizza erba' laqgħat fuq dan id-dokument importanti, li nistgħu nifhmuh biss jekk nifhmu aħjar lill-awtur tiegħu, il-Papa Franġisku.

 It-temi ta' dawn il-laqgħat ser ikunu: 

  • Min hu Papa Franġisku? Kif jixtieqha tkun il-Knisja?
  • Il-ferħ tal-Vanġelu: x'inhu? Fejn jinsab?
  • Min ixandru l-Vanġelu? Kif? Jien ukoll?
  • 'Tinsiex il-fqar': it-tixrid tal-Vanġelu u l-ġustizzja fid-dinja

Dawn il-laqgħat ser isiru Dar Manwel Magri, id-dar tal-Ġiżwiti li hemm kif toħroġ mill-gate l-antika (quddiem il-Mireva).

Laqgħat ta' kull nhar ta' Tlieta, jibdew fit-18 ta’ Novembru minn-1230hrs sas-1315hrs. 

 


 

Mulej, nixtieq insir nafek

Mulej, nixtieq insir nafek...
l-irtir: fil-Ħajja ta’ Kuljum

Il-Kappellanija qed toffri għal darb’oħra 
Irtir fil-ħajja ta’ kuljum

Laqgħa ta’ informazzjoni fil-Kappellanija
nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Novembru fis-1.00pm jew fis-7.00pm

Biex issir taf lil Ġesù mill-qrib
Biex iktar tissaħħaħ il-preżenza tiegħu f’ħajtek

L-irtir jingħata minn grupp ta’ Ġiżwiti
Fr Michael Bugeja, Fr Godwin Preca, Fr Paul Pace, Fr Chris Vella, Marco Piaia, u xi lajċi oħra. 

Dan hu ċ-ċans biex tagħmel irtir waqt li tibqa’ għaddej/ja bir-ritmu tal-ħajja ta’ kuljum
bid-direzzjoni spiritwali individwali ma’ oħrajn li qed ifittxu lil Alla fis-skiet.

Għal iktar tagħrif jew għall-applikazzjoni ibgħat email lil: chaplaincy@um.edu.mt jew ċempel fuq in-numru 23402341 u staqsi għal Fr Michael Bugeja.

Kull min jagħmel l-irtir jimxi bil-pass tiegħu/tagħha.
Ikun hemm ukoll mumenti komuni ta’ talb flimkien.

 


 

Attività waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb

Il-Klabb Kotba Maltin flimkien ma’ KUL, qed jorganizzaw serje ta’ intervisti waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Klabb Kotba Maltin hi waħda mid-djar ta’ pubblikazzjoni ewlenin f’pajjiżna, filwaqt li KUL hija inizjattiva kulturali ta’ Kit Azzopardi u Leanne Ellul. Dawn l-intervisti minn Kit Azzopardi se jkunu ma’ kittieba u riċerkaturi Maltin. Għad-dettalji dwar l-intervisti araw il-programm t’hawn taħt.

staqsini20poster 


Il-Ħamis, 13 ta’ Novembru (1000hrs)
Staqsini 20 :: intervista lil Adrian Grima

Ħafna studenti jafu lill-poeta Adrian Grima permezz tal-poeżija “B’Idejna,” li tinsab fis-sillabu. Madanakollu, ftit jafu li Adrian jikteb stejjer u poeżiji oħra għat-tfal, u fosthom insibu wħud dwar il-futbol u l-immigranti ... 
 
Il-Ġimgħa, 14 ta’ Novembru (1000hrs)
Staqsini 20 :: intervista lil Lino Psaila

Lino Psaila kien ħaddied u sajjied, u ġieli ħa sehem f’xi reċti ta’ Shakespeare meqluba għall-Malti. Imma l-iktar żewġ affarijiet interessanti dwaru, probabbli, huma li d-djalett mhux talli jitkellmu imma jiktbu, u li jagħmel it-tajr tal-karti, li bid-djalett Xlukkajr isejħulhom ‘manuċċi.’ 
 
Is-Sibt, 15 ta’ Novembru (1000hrs)
Staqsini 20 :: intervista dwar Concetta Brincat

Ħafna nisa, għad li kienu jiktbu, spiċċaw qatt ma ġew ippubblikati. Concetta Brincat hi waħda minn dawn in-nisa u għalhekk, kitbietha baqgħu fil-kexxun għal ħafna snin. Issa fl-aħħar raw id-dawl u se jkunu ppubblikati mill-Klabb Kotba Maltin. Biex issiru tafu aktar dwar Concetta u kitbietha ejjew isimgħu l-intervista ma’ Maria Simiana li ttraskriviethom. 

Il-Ħadd, 16 ta’ Novembru (1000hrs)
Staqsini 20 :: intervista lil Walid Nabhan 

Walid Nabhan huwa wieħed mill-vuċijiet ta’ kittieba kontemporanji l-iktar interessanti, fost l-oħrajn għax iġorr bagalja ta’ qari li ħafna mill-Maltin m’għandhomx aċċess għaliha. F’din l-intervista se naraw x’inhuma l-influwenzi u l-isfidi tiegħu, x’ġeneri jippreferi, u x’qed jaħmi għall-futur. 

 

 


 

Serje ta’ kunċerti tal-RIDT

Ħin il-mużika l-Ħadd waranofsinhar f’serje ta’ kunċerti tal-Fond għar-Riċerka tal-Università ta’ Malta (RIDT) 

Il-mużika ser tiltaqa’ mal-arti f’serje ġdida ta’ kunċerti nhar ta’ Ħadd waranofsinhar, bl-isem 'L-Oratorju – Mużika u Arti', hekk kif il-Fond għar-Riċerka tal-Università ta’ Malta (RIDT) iżid fl-impenn biex jitqawwa s-sehem tal-kommunità f’għotjiet għar-riċerka. 

Il-kunċerti ta’ mużika klassika, barokka u musica da camera ser isiru fl-atmosfera barokka tal-Oratorju tal-Knisja tal-Ġiżwiti, Ħadd iva u Ħadd le. Jibdew fl-1630hrs u l-ewwel kunċert ser isir  il-Ħadd 16 ta’ Novembru 2014.

Il-qligħ mill-kunċerti ser imur għal diversi attivitajiet ta’ riċerka fl-Università, permezz ta’ RIDT. Dħul għall-kunċerti jkun b’għotja rakkomandata ta’ €10. 

L-ewwel kunċert ser jingħata mill-kwartett tal-kordi tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta (OFM) u jinkludi Clepsydra ta’ Christopher Muscat u String Quartet no. 4 op18 ta’ Ludwig van Beethoven.  

Il-kwartett tal-kordi tal-OFM hu magħmul minn Marcelline Agius u Klara Nazaj li jdoqqu l-vjolin, Nadia Debono ddoqq l-vjola u Akos Kertesz idoqq il-vjolinċell.  

theoratorybanner 

Is-serje ta’ kunċerti ta’ waranofsinhar 'L-Oratorju – Mużika u Arti' mill-RIDT hi inizjattiva dinamika maħsuba biex tqawwi s-sehem tal-kommunità b’kontribuzzjonijiet għar-riċerka.

jesuitschurch 

L-Oratorju tal-Knisja tal-Ġiżwiti ser joffri sfond impressjonanti għall-kunċerti tal-Ħadd waranofsinhar għall-Maltin u għal dawk li jżuru Malta

 

mpostringquartet 

Il-kwartett tal-kordi tal-OFM ser jagħti l-ewwel kunċert f’din is-serje

 


 

Xjenza u Mediċina fl-Università

Il-Fakultà tax-Xjenza fl-Università ta’ Malta qiegħda tiċċelebra l-mitt sena tagħha b’żona speċjali tax-Xjenza fil-Marquee waqt il-Ġurnata Miftuħa għall-Pubbliku, Skopri l-Università, nhar il-Ħadd 26 ta’ Ottubru bejn l-1000-1700.

Preżentazzjonijiet mid-Dipartiment tal-Fiżika ser jirrispondu mistoqsijiet bħal X’inhi x-Xjenza?  X’tista’ tgħallimna dwar id-Dinja?


Esperti ser jispjegaw li x-xjenza mhux biss tagħtina informazzjoni dwar kif id-dinja taħdem, iżda wkoll mod kif jinstabu affarijiet ġodda dwarha.  Mid-dinja ċkejkna b’mod infiniteżimali tal-fiżika tal-kwantum sal-immensità tal-astrofiżika, permezz tal-metodu xjentifiku nistgħu nitgħallmu kif kollox, minn nanopartikuli sa galassi ġganteski, jiċċaqlaq u jevolvi maż-żmien.  Il-passi bażiċi tal-metodu huma sempliċi ħafna: l-ewwel identifika mekkaniżmu jew sistema li ma nifhmux, wara aħseb kemm tista’ fi spjegazzjonijiet possibbli u fl-aħħar ittestja kull waħda ma’ esperiment reali biex tipprova ssib liema waħda hi korretta, jekk hemm xi waħda!  L-istand tax-Xjenza ser turi numru ta’ kunċetti li jidhru sempliċi iżda interessanti li huma preżenti fil-ħajja tagħna ta’ kuljum u x’jiġri f’każ estrem.  Ngħidu aħna x’jiġri meta tubu b’loudspeaker u mimli gass jingħata n-nar?

From Breaking Bad to Breaking Everything huwa t-titolu ta’ wirjiet mid-Dipartiment tal-Kimika li għandhom l-għan li jiċċaraw il-misteru tas-suġġett u juru l-għeġubijiet tal-Kimika, minn kuluri brillanti sa splużjonijiet qawwija, sabiex jispjegaw uħud mill-kunċetti bażiċi tas-suġġett, b’mod divertenti u faċli.

Id-Dipartiment tal-Bijoloġija qed jorganizza Tur Botaniku madwar l-Università.  Dan se jkun immexxi mill-bijologu magħruf Dr Sandro Lanfranco.  Il-post tal-laqgħa huwa ħdejn l-Istand tal-Bijoloġija fis-siegħa neqsin kwart ta’ wara nofsinhar.

Is-Soċjetà tal-Istudenti tax-Xjenza S-Cubed, ser tkun qed tmexxi d-DIY Science – serje ta’ esperimenti prattiċi u sempliċi li jistgħu jieħdu sehem fihom il-viżitaturi.

Il-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija ppreparat attivitajiet għall-Ġurnata Miftuħa għall-Pubbliku fil-Padiljun f’Atriju Vassalli.  BodyParts hija wirja żgħira ta’ kampjuni għat-tagħlim magħmula mid-Dipartiment tal-Anatomija fl-Università biex jgħallmu l-Anatomija lill-istudenti tal-mediċina.  Dawn il-kampjuni jsiru billi jipplastinaw (i.e. ibiddlu fi plastic) kampjuni veri tal-ġisem tal-bniedem wara l-preservazzjoni tagħhom.  Għalhekk il-kampjuni jkunu jistgħu jiġu eżaminati tista’ tgħid mingħajr ħsara mill-pubbliku u jistgħu jintużaw għall-edukazzjoni dwar is-saħħa pubblika.  Il-proċess tal-konverżjoni għall-plastik kienet ivvintata minn Dr Gunther Huygens f’Heidelberg u l-Università ilha tuża dan il-metodu biex jippreservaw kampjuni ta’ ħtieġa eċċezzjonali ta’ dissezzjoni umana biex jiġi evitat deterjorament ulterjuri u jiġu merfugħa mingħajr il-ħtieġa ta’ kimiċi li jagħmlu l-ħsara.  Xi ftit kampjuni oħra se jkunu wkoll għall-wiri, fosthom forma tas-silikon tal-pulmun u qalb ta’ ħanżir li tneħħewlha ċ-ċelluli, minbarra kampjuni oħra.

Mill-11 ta’ filgħodu sal-5 ta’ wara nofsinhar l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Istudenti tal-Mediċina (l-MMSA) se tkun qed tipparteċipa billi jsiru testijiet (tal-pressjoni, iz-zokkor, BMI), esperimenti varji bi spjegazzjonijiet dwar x’qed jiġri u għaliex tibdiliet bħal dawn qed isiru, u post għat-tfal bi sptar tat-teddy bears, informazzjoni dwar ikel għas-saħħa, u aktar.  L-istudenti se jkunu wkoll qed jippromwovu l-App MMSA.

Fis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar ser issir tug-of-war bejn l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Istudenti tal-Mediċina (l-MMSA) u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Istudenti tas-Saħħa (l-MHSA) quddiem il-Librerija tal-Università li għandha tqajjem ħafna eċċitament.

astrophysics

 


 

Il-memorja kollettiva Maltija dwar Franza

Il-Malta University Press se tniedi ktieb ġdid bit-titlu France in the Maltese Collective Memory, Perspectives, Perceptions, Identities after Bonaparte in British Malta tal-awtur Charles Xuereb, nhar il-Ħamis, 23 ta’ Ottubru fis-1900 fil-Berġa ta’ Provenza, il-Belt Valletta. Il-ktieb huwa t-teżi li l-awtur ippreżenta għad-dottorat tiegħu fl-Istitut tal-Istudji Maltin fl-Università ta’ Malta.

L-awtur jitkellem dwar dan il-perjodu kruċjali Franċiż tal-1798-1800 billi jikkonsulta teoriji akkademiċi kurrenti fuq il-memorja kollettiva u dokumenti riċerkati – xi wħud għall-ewwel darba – f’Malta u barra minn Malta biex jargumenta l-każ tal-identità Maltija kif waslet għand ġenerazzjonijiet sħaħ matul żewġ sekli.

Dr Xuereb jisfida l-verità ta’ dak li waslitilna l-istorja ta’ Malta sal-lum dwar dan l-avveniment qasir imma importanti u dwar il-perjodu ferm itwal taħt l-Ingliżi li ġie eżatt wara, billi jipprovoka dibattitu wara investigazzjoni u analiżi minn perspettivi differenti minn dawk li ntuzaw s’issa.

L-Onor. Ministru tal-Kultura u l-E.T. l-Ambaxxatur ta’ Franza flimkien mal-Professur Anthony Aquilina u l-awtur innifsu se jitkellmu dwar il-ktieb waqt din it-tnedija li tibda fis-1900, immexxijja mill-istoriku il-Professur Henry Frendo, President tal-Bord Editorjali tal-Università ta’ Malta.

Il-ktieb, li fih 418-il faccata u għadd ta’ viżwali, xi wħud bil-kulur, fosthom dawk li qed jidhru għall-ewwel darba, se jkun għall-bejgħ bi prezz irħas.

frenchmaltesebookcover 

 


 

Il-Jum Internazzjonali tad-Diżleksja

Biex jitfakkar il-Jum Internazzjonali tad-Diżleksja, L-Assoċjazzjoni Maltija tad-Diżleksja b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Counselling fil-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta u mad-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni, qed torganizza konferenza nhar il-Ħamis 6 u s-Sibt 8 ta’ Novembru 2014.

Il-konferenza se tiftaħ nhar il-Ħamis fil-ħamsa ta’ filgħaxija bid-diskors prinċipali minn Dr Tilly Mortimore – Id-Diżleksja u l-Inklużjoni: mill-Iskola Sekondarja sal-Università (Dyslexia and Inclusion: from Secondary School to University) u tkompli s-Sibt filgħodu b’vidjo forum minn grupp ta’ żgħażagħ bid-diżleksja dwar il-kisba awtonoma ta’ kapaċitajiet (self-empowerment) u l-awtoprotezzjoni tad-drittijiet individwali (self-advocacy), preżentazzjonijiet ta’ prattiki lokali, preżentazzjonijiet ta’ riċerka minn Dr Rachael Agius, il-Professur Helen Grech u Dr Victor Martinelli u serje ta’ seba’ workshops li minnhom il-parteċipanti jistgħu jagħżlu tnejn.

It-temi tal-workshops huma kif ġejjin:
  • L-għarfien – mod alternattiv għall-promozzjoni ta’ motivazzjoni għall-qari minn età żgħira minn Magaret Evans
  • Kif tifhem ir-Rapporti ta’ Valutazzjoni u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni minn Juan Camilleri u Ruth Falzon
  • Appoġġ lill-istudenti bid-diżleksja fl-iskola sekondarja minn Christine Firman u s-Servizzi SpLD
  • Appoġġ lill-istudenti bid-diżleksja fl-iskola primarja minn Christine Firman u s-Servizzi SpLD
  • Kif nimmaniġġja l-ansjetà ta’ ibni/binti?  Tekniki Komportamentali Konjittivi (Cognitive Behavioural Techniques – CBT) għall-ġenituri minn Claire Francica
  • L-Għoti tas-Setgħa lill-Ġenituri (Parental Empowerment) u l-Awtoprotezzjoni tad-Drittijiet Individwali (Self-Advocacy) minn Maryrose Formosa et al.
  • L-użu tal-Kurzweil minn Henri Miceli, Miguel Herrera, Elena Tanti Burlò

 


 

Għall-Moħħ u għall-Qalb: Kors fuq il-ħajja

Il-Fakultà tat-Teoloġija b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru ta’ Riżorsi fil-Kottonera ser jorganizza kors qasir u interessanti dwar il-ġmiel u s-sinjifikat tal-ħajja, l-iskop għalfejn ngħix, ir-relazzjoni tiegħi m’Alla u l-bnedmin madwari, u l-ħiliet quddiem l-isfidi u l-għażliet tal-ħajja.

Kull min hu interessat isib sens fil-misteri tal-ħajja, f’imħabbet Alla u l-esperjenza fil-komunità li nappartjeni għaliha hu mħeġġeġ jattendi u jipparteċipa f’dan il-kors.

Il-lectures huma mfassla b’rabta mal-ħajja ta’ kuljum:

  1. F’Alla nistrieħ (17 ta’ Novembru)
  2. Il-Kelma ta` Alla li tqawwini (24 ta’ Novembru)
  3. Ġesù jagħraf min verament jien (31 ta’ Novembru)
  4. Fil-Knisja hemm spazju għalija ukoll (07 ta’ Novembru)
  5. Fejn ninsab f’ħajti? (14 ta’ Novembru) 
  6. Jaqbilli nagħżel it-tajjeb? (21 ta’ Novembru)
  7. Qaddis m’inix imma qalbi nagħtihielek! (28 ta’ Novembru)
  8. Vitamini għal ħajja aħjar (05 ta’ Diċembru)

Dawk interessati ser ikollhom l-opportunità li jduqu b’mod sempliċi temi li jolqtu lil kulħadd fil-laħam il-ħaj. Temi bħal dawn huma studjati aktar fil-profond fil-Fakultà tat-Teoloġija, fl-Università ta` Malta.

Dettalji dwar il-Kors:

  • Jibda l-Ġimgħa 17 ta’ Ottubru fis-6.30 pm 
  • Ġewwa ċ-Ċentru ta’ Rizorsi fil-Kottonera, Triq San Dwardu, Fortini, Vittoriosa
  • Taħdita ta’ 40 minuta u diskussjoni ta’ 20 minuta
  • Il-lectures ikunu kull nhar ta’ Ġimgħa 
  • Kull min jattendi jingħata ċertifikat ta’ parteċipazzjoni

Kull min hu interessat jista' jibgħat emajl fuq crc@um.edu.mt jew iċempel fuq +356 2340 7801.  

Il-prezz hu ta’ 5 ewro għal kull applikant u dan jinkludi l-laqgħat kollha. 

mohhuqalbkorsposter

 

 


 

Taħdidiet u dibattiti waqt Xjenza fil-Belt

Varjeta ta’ taħdidiet u dibattiti jarrikkixxu d-diskussjoni ta’ Xjenza fil-Belt 

Għadd ta’ nies eminenti u xjentisti ġodda, teknoloġisti u riċerkaturi ser jgħollu l-livell tal-andament fi Xjenza fil-Belt ta’ din is-sena b’firxa ta’ taħdidiet u dibattiti li ser jipprovdu lil dawk li jattendu intuwizzjonijiet eċċitanti dwar il-misteri tax-xjenza.

It-togħma, l-asperina, s-smiegħ u kreaturi li m’għandomx isem ser ikunu s-suġġetti ewlieni ta’ serje ta’ taħdidiet fil-qosor tal-Malta Café Scientifique. Il-lekċerer tal-universita Dr Sandro Lanfranco, ix-chef Keith Abela, l-awdjologu Andrew Sciberras u riċerkatur Dr Gianluca Farrugia ser jagħtu taħdidiet motivanti li jkunu segwiti minn diskussjonijiet informali bejn is-1900-2300hrs fis-sular ta’ fuq ta’ 282 Café Garden fi Triq ir-Repubblika, Valletta, bl-appoġġ tal-Kamra Maltija tax-Xjentisti.

Il-konfluwenza qawwija tax-xjenza u teknoloġija fil-ksib ta’ tagħrif dwar soċjetajiet tal-antik ser tkun it-taħdita ewlenija tas-sessjonijiet ta’ Science and Heritage, li ser tinżamm fil-Muzew Nazzjonali tal-Arkejoloġija bejn is-1800-2300hrs. Punti minn “Malta – the great story of a small island nation in 100 objects” ser jintużaw biex tkun spjegata l-evoluzzjoni tat-teknoloġija fil-kuntest tal-arkejoloġija.

Attivita’ interessanti oħra, ‘Star Trek Technology in our Present Time’ fit-2030hrs fil-Casino Maltese, titfa’ dawl dwar il-mod kif is-serje televiżiva innovattiva ġabet rivoluzzjoni fil-perċezzjoni dwar ix-xjenza. It-taħdita ser tiffoka wkoll fuq kittieba tal-fantaxjenza u inventuri, li ilhom joħolmu dwar teknoloġiji li jibdlu l-mod kif in-nies jinteraġixxu ma’ xulxin u mad-dinja ta’ madwarhom.

Fil-Casino Maltese ukoll, it-taħdita ‘The Exploration of Mars’ fid-2130hrs ser tagħti n-nar lill-immaġinazzjoni tal-udjenza dwar il-pjaneta l-ħamra. It-taħdita u diskussjoni jużaw ritratti spettakulari, infographics u films qosra dwar Mars.

Il-pubbliku jkollu opportunitajiet separatament biex jesplora suġġetti ta’ interess xjentifiku u tħassib f’dibattiti tax-xjenza dwar jekk hemmx ħajja barra mis-sistema solari tagħna jew jekk il-bniedem għadx isir skadut fil-ġejjieni. Dawn ser jinżammu fil-Palazzo Ferreira fejn il-moderatur Philip Leone Ganado jintroduċi sessjonijiet kull siegħa kif taqleb is-siegħa mis-1900hrs sal-2300hrs.

Dibattitu ieħor li żgur se jinteressa lill-udjenzi jiffoka fuq il-kwalita tal-ikel u l-effett tiegħu fuq saħħitna kif ukoll fuq l-impatt tal-użu ta’ skart tal-annimali fl-egħlieqi f’Malta. Dan id-dibattitu topiku ser jinżamm mis-Science in the City b’kollaborazzjoni ma’ The Times of Malta fl-Awla Magna tal-Kampus tal-Universita nhar it-Tlieta 23 Settembru fit-2000hrs.

Fl-Istitut Kulturali Taljan, Alessandro Furlan (Altair4MultiMedia) ser jitkellem fis-1930hrs dwar kif Ruma reġgħet ingħatat il-ħajja permezz tar-realta’ virtwali: "La Restituzione dell' Antico attraverso la Realta' Virtuale”. 

Il-festival Science in the City – European Researchers’ Night għandu l-appoġġ tal-programm Marie Skłodowska-Curie Action of the Horizon 2020 (H2020) tal-UE. L-attivita hi organizzata mill-Universita ta’ Malta, l-Kamra Maltija ta’ Xjentisti u RIDT, ir-Research Trust tal-Universita ta’ Malta, bis-sħubija ta’ Karl Borg Events, Studio 7, il-Fondazzjoni Valletta 2018, MEUSAC, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija, l-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, l-Kunsill Malti tal-Arti, l-PBS, Notte Bianca, il-Kavallier San Ġakbu, Lufthansa Technik Malta, General Soft Drinks bil-Coca Cola, Ta' Mena wines, l-Istitut Kulturali Taljan, u l-British Council.

Il-programm kollu u dettalji dwar il-postijiet jistgħu jitniżżlu minn: www.scienceinthecity.org.mt


gianlucafarrugiaaspirintalk

 Ir-Riċerkatur Dr Gianluca Farrugia se jitkellem dwar l-aspirina u l-effetti tagħha

keithabelacafescientifique

Ix-Chef Keith Abela se jelenda l-ħames togħmiet tal-ikel  

 


 

Studenti quddiem nett biex jippromwovu x-xjenza

Xjentisti żgħażagħ minn madwar Malta qed jinviguraw il-festival Science in the City li ġej bl-enerġiji tagħhom f’għadd ta’ attivitajiet biex iressqu x-xjenza lejn kulħadd. Għadd ta’ organizzazzjonijiet ta’ studenti universitarji ser iwaqqfu stands matul Triq ir-Repubblika b’esperimenti, ċċekkjar tas-saħħa u dentisti dħulin.

Studenti tal-mediċina, MMSA, se jagħmlu testijiet tas-saħħa fuq adulti u anzjani, anke jieħdu l-pressjoni tad-demm, livelli ta’ zokkor fid-demm u BMI, waqt li ser ikun hemm ukoll sptar tad-Teddy Bear għat-tfal. L-organizzazzjoni ser tagħmel ukoll esperiment dwar il-pressjoni tad-demm billi tagħti l-qari qabel u wara li student tal-MMSA jagħmel eżerċizzju, kif ukoll esperiment li juri l-effetti ħżiena tar-raġġi UV fuq il-ġilda.

Studenti tad-dentistrija, MADS, ser jagħmlu attivitajiet, esperimenti u logħob, u jagħtu pariri dwar saħħa orali. Ser ikollhom ukoll tooth fairies u s-sabiħa Molly the Molar. Studenti tas-saħħa, MHSA, ser jittestjaw livelli taz-zokkor fid-demm, il-pressjoni, BMI, ħarsien tal-ikel, u pariri dwar il-kanċer.

Studenti tax-xjenza tal-computers, ICTSA, se jtellgħu wirja dwar l-Istorja tal-Computing mal-Vintage Computer Club Malta fil-każin tal-banda La Vallette, u jinkludu Spheros – il-blalen elettroniċi. Ser ikun hemm ukoll tfittxija għat-teżor QR b’tagħrif edukattiv  divertenti matul Triq ir-Repubblika.

Techsercise, ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni dwar l-ipprogrammar Imagine Cup ta’ din is-sena, mtella’ minn Microsoft Malta, ser juru l-app tagħhom li tikkonsisti fi ġbir ta’ punti billi tagħmel eżerċizzji u tibdel dawk il-punti ma’ diversi rigali.

S-Cubed ser jagħmlu diversi esperimenti xjentifiċi, li l-pubbliku jistgħu jagħmlu huma nfushom, matul il-lejl. Madwar 50 voluntiera ta’ S-Cubed ser ikunu preżenti biex juru kif isiru dawn l-esperimenti.

Xjentisti żgħażagħ fl-istand tal-IEEE ser juru robots, robots li jtiru and komponenti tal-elettriku u l-pubbliku jkun mistieden jiskopri l-physics wara dawn l-affarijiet mekkaniċi. UESA ser iġibu boards Arduino sempliċi biex joħolqu LED Cubes.

Lejn Bieb il-Belt se jkun hemm wirja mill-istudenti tal-MCAST-IAS. Huma ser jesplora dak li hemm jixxiebaħ  u intersezzjonijiet fost l-arti, id-divertiment u x-xjenza. L-attivita’ ser tkun mimlija enerġija, esperimenti ta’ malajr, daħq, divertiment u involviment tal-udjenza, u hi garantita li ser tagħti pjaċir u teduka lill-familja kollha.

Sadanittant, l-NSTF ser turi wħud mill-proġetti tal-istudenti li ħadu sehem fil-kompetizzjoni tal-NSTF School Contest of Young Scientists u li ntwerew fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-NSTF Science Expo 2014, li saret fl-MCAST f’April. L-istudenti li ħadu sehem ser juru l-proġetti tagħhom u juru lil min ikun interessat ir-riċerka jew esperimenti li għamlu u r-riżultati li nkisbu.

Assoċjati mal-NSTF, membri tal-Malta Student Science Forum (MSSF) ser jippreżentaw dibattiti fil-bini tal-qrati u wara iwieġbu mistoqsijiet minn dawk preżenti. L-NSTF qed tistieden ukoll lir-rebbieħa tal-kompetizzjoni nazzjonali ta’ FameLab u li ħadu sehem fil-finali ta’ FameLab International. FameLab hi kompetizzjoni internazzjonali ta’ taħdidiet xjentifiċi li tippromwovi l-komunikazzjoni fix-xjenza.

Il-festival Science in the City – European Researchers’ Night għandu l-appoġġ tal-programm Marie Skłodowska-Curie Action of the Horizon 2020 (H2020) tal-UE. L-attivita hi organizzata mill-Universita ta’ Malta, l-Kamra Maltija ta’ Xjentisti u r-Research Trust tal-Universita ta’ Malta (RIDT), bis-sħubija ta’ Karl Borg Events, Studio 7, il-Fondazzjoni Valletta 2018, MEUSAC, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija, l-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, l-Kunsill Malti tal-Arti, l-PBS, Notte Bianca, il-Kavallier San Ġakbu, Lufthansa Technik Malta, General Soft Drinks bil-Coca Cola, Ta' Mena wines, Istitut Kulturali Taljan u l-British Council.

Il-programm kollu bid-dettalji tal-postijiet jistgħu jitniżżlu minn: www.scienceinthecity.org.mt

 

mmsahealthchecks

 Studenti tal-mediċina jagħmlu testijiet tas-saħħa fuq viżitaturi li żaru l-festival Science in the City is-sena l-oħra

 


 
 

 


 

Wiċċ imb wiċċ max-xjentisti waqt Xjenza fil-Belt

Bħala parti mill-festival Xjenza fil-Belt Valletta, nhar il-Ġimgħa, 26 Settembru, mis-1830hrs sal-11pm se ssir laqgħa wiċċ imb wiċċ, ta’ malajr u divertenti, max-xjentisti f’wieħed mill-ħwienet ewlenin tal-inbid.

Numru ta’ xjentisti żgħar u kbar se jkunu f’bar b’kartelluni li jindikaw il-qasam xjentifiku tagħhom. Il-parteċipanti se jkunu jistgħu jużaw l-immaġinazzjoni biex jagħmlulhom il-mistoqsijiet u jieħdu t-tweġiba f’seba’ minuti biss. Malli tindaqq il-qanpiena, il-parteċipant jgħaddi għax-xjentist li jmiss u jsaqsi mistoqsija oħra. Il-parteċipanti se jkunu jistgħu jitilqu u jerġgħu jidħlu kull darba li jkun hemm post.

L-oqsma xjentifiċi se jkunu jinkludu l-molekuli li jixegħlu fid-dlam, it-tniġġis tal-baħar, l-algi ħodor, l-ajrunawtika, l-esplorazzjoni tal-ispazju, il-kanċer, u aktar. Din l-attività se ssir f’Charles Grech Wine Bar fi Triq ir-Repubblika, il-Belt, mis-1830hrs ’il quddiem.

Vjaġġ fl-Istorja tal-Mediċina

L-atturi tat-triq Creative Island se jtellgħu l-Vjaġġ fl-Istorja tal-Mediċina, ‘Travelling Medicine Show’, li se jkun jinkludi divertiment fuq stil vintage fi tliet postijiet differenti fi Triq ir-Repubblika. Fit-2030hrs fid-daħla tal-Belt, fid-2130hrs fil-kantuniera ta’ bejn Triq ir-Repubblika u Triq San Ġwann, u fl-2230hrs fi Pjazza San Ġorġ. Huma se jkunu qed jiffukaw fuq l-istorja tal-mediċina f’Malta, inklużi prattiċi mediċi strambi u mhux tas-soltu.

travellingmedicinebanner 

L-atturi, Vee Stivala, Joseph Zammit, Maria Pia Meli, u Marie Claire Camilleri se jiġbru l-udjenzi warajhom sal-waqfa li jkun imiss biex fl-aħħar jqassmu likwidu mediku (elixir) lin-nies. Din l-attività, li għandha l-produzzjoni ta’ Nicole Cuschieri u d-direzzjoni ta’ Vee Stivala u megħjuna mill-konsulenta tar-riċerka Miriam Calleja, qed tiġi ffinanzjata mill-Fond Malti tal-Arti.

Investigazzjoni Kriminali Xjentifika (CSI): Il-Belt Valletta 

Fil-bitħa tal-Ministeru tas-Saħħa, fi Triq Merkanti, Dr Marco Galea mid-Dipartiment tal-Istudji Teatrali fl-Università, investigaturi mill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta u xjentisti forensiċi mill-Università ta’ Malta se jippreżentaw Grimani, min Qatlu? Din se tkun lejla ta’ ballati Maltin, b’wirjiet relatati max-xjenza forensika u l-istorja kriminali mhux solvuta li tinvolvi l-qtil ta’ qassis f’Malta.

csivallettabanner 

Waqt li kienet qed tirriċerka l-ballati Maltin “għana tal-fatt”, Marlene Mifsud Chircop sabet il-kaz ta’ qtil ta’ Dun Vincenzo Grimani. Il-predikatur/lettur, ta’ 35 sena, inqatel brutalment fiċ-ċella tiegħu f’kunvent il-Belt fl-1738, u tħalla bil-bieb imsakkar minn barra u biċ-ċavetta mormija fil-ġnien. Sa ftit xhur ilu, dil-ballata ta’ disa’ strofi fuq il-qassis li nqatel u t-telfa li ġarrbet ommu kienet l-unika ħaġa li teżisti dwar dan il-qtil. B’mod inġust, ġie akkużat għall-qtil tiegħu patri Dumnikan. Ma saritx investigazzjoni propja mill-pulizija jew eżamijiet forensiċi. Dan il-patri ntbagħat il-ħabs b’kundizzjonijiet terribbli imma ħarab u baqa’ fl-eżilju fi Sqallija għal diversi snin fejn baqa’ jistqarr sal-aħħar li kien jaf min qatel u li hu kien innoċenti. 

L-istorja u l-ballati se jerġgħu jqajmu x-xena tad-delitt fi żmienna, u se jirrakkuntaw xi proċedura setgħu ttittieħdu mill-pulizija u x’testijiet forensiċi setgħu saru biex jinstab min qatel tassew. Il-produzzjoni ta’ 30 minuta se tittella’ fis-1900hrs, fit-2000hrs, fid-2100hrs u fl-2200hrs.

Il-festival Xjenza fil-Belt – il-Lejl tar-Riċerkaturi Ewropej’ hu appoġġjat mill-Azzjoni Marie Skłodowska-Curie tal-Programm Horizon 2020 (H2020) tal-UE. Dan l-avveniment qed ikun organizzat mill-Università ta’ Malta, mill-Kamra Maltija tax-Xjentisti u mill-Fond tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta, bi sħab ma’ Karl Borg Events, Studio 7, il-Fondazzjoni Valletta 2018, il-MEUSAC, il-Kunsill Lokali tal-Belt, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, il-Kunsill Malti tal-Arti, il-PBS, Notte Bianca, il-Kavallier ta’ San Ġakbu, Lufthansa Technik Malta, General Soft Drinks ma’ Coca Cola, l-inbejjed Ta’ Mena, u l-British Council.

Il-programm sħiħ u bid-dettalji tal-postijiet jinsab fuq is-sit: www.scienceinthecity.org.mt

 


 

Ix-Xjenza u ż-Żfin waqt Science in the City

Fl-edizzjoni tal-festival Xjenza fil-Belt li se ssir il-Ġimgħa 26 ta’ Settembru, se jinxteħet dawl fuq il-moħħ u ż-żfin kontemporanju. Il-Moveo Dance Company se ttella’ Mind Set fil-Kavallier ta’ San Ġakbu filwaqt li ż-żeffiena Doug Comley u Sandra Mifsud se jkunu qed jinterpretaw Laws of Motion fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt. 

Dan il-proġett interdixxiplinarju u kollaborattiv bejn iċ-Ċentru taċ-Ċibernetika Bijomedika, id-Dipartiment tal-Inġinerija tas-Sistemi u l-Kontroll u l-Moveo Dance Company se jiffoka fuq il-bini ta’ interpretazzjoni ġdida li ddur mal-udjenza. Mind Set hi mfassla fuq it-trasformazzjoni tal-attività tal-moħħ f’azzjonijiet mingħajr l-azzjoni fiżika, permezz tat-teknoloġija ta’ Brain Computer Interface (BCI). Bl-għajnuna ta’ Dr Owen Falzon u t-tim tiegħu mid-Dipartiment tal-Inġinerija tal-Università ta’ Malta, dan l-att jgħaqqad din it-teknoloġija l-ġdida biex joħloq produzzjoni innovattiva unika li fiha l-attività tal-moħħ tal-udjenza u ċ-ċaqliq taż-żeffiena jikkomunikaw bejniethom.

Koreografija ta’ Diane Portelli u direttur artistiku Dorian Mallia, il-proġett hu appoġġjat mill-Fond Malti tal-Arti. Il-preżentazzjonijiet tal-Ġimgħa huma bla ħlas u isiru fis-1800hrs, is-1930hrs, fid-2100hrs u fl-2230hrs. Idum siegħa. 

Se jerġa’ jittella’ wkoll is-Sibt, 27 ta’ Settembru, fit-2000hrs u l-Ħadd 28 ta’ Settembru fil-1700hrs fil-Kavallier ta’ San Ġakbu. Il-biljetti jiswew €15 (konċessjonijiet €12) jistgħu jinkisbu mill-Kavallier ta’ San Ġakbu jew mis-sit https://ticketengine.sjcav.org

Laws of Motion

Iż-żeffiena ta’ Laws of Motion, Doug Comley u Sandra Mifsud se jippreżentaw ‘duet’. Żewġ iġsma jidhru mixħutin bil-qiegħda u minn hemm jibdew jaħbtu, iduru, u jaqgħu mal-liġijiet taċ-ċaqliq u l-gravità. Akkumpanjati b’dokumentarju, se joffru lill-udjenza silta teatrali u divertenti. 

Laws of Motion qed tittella’ f’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta u Lufthansa Technik Malta fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt, fis-1830hrs, is-1915hrs, it-1945hrs, u t-2030hrs.

Il-festival ‘Science in the City – il-Lejl tar-Riċerkaturi Ewropej’ hu appoġġjat mill-Azzjoni Marie Skłodowska-Curie tal-Programm Horizon 2020 (H2020) tal-UE. Dan l-avveniment qed ikun organizzat mill-Università ta’ Malta, mill-Kamra Maltija tax-Xjentisti u mill-Fond tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta (RIDT), bi sħab ma’ Karl Borg Events, Studio 7, il-Fondazzjoni Valletta 2018, il-MEUSAC, il-Kunsill Lokali tal-Belt, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, il-Kunsill Malti tal-Arti, il-PBS, Notte Bianca, il-Kavallier ta’ San Ġakbu, Lufthansa Technik Malta, General Soft Drinks ma’ Coca Cola, l-inbejjed Ta’ Mena, u l-British Council.

Il-programm sħiħ, bid-dettalji tal-postijiet, tista’ tniżżlu minn www.scienceinthecity.org.mt

moveodanceimage1 

Il-Moveo Dance Company waqt Mind Set

 

 


 

The Complete History of Europe (More or Less)

ghmulogo 

Il-Jum Ewropew tal-Lingwi, imtella’ mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta b’kordinazzjoni tal-Għaqda tal-Malti – Università, se jiġi ċċelebrat f’Malta nhar is-Sibt, 27 ta’ Settembru f’Bay Street, San Ġiljan. Matul il-ġurnata se jiġu ċċelebrati l-kulturi u l-lingwi mitkellma fl-Ewropa u lil hinn minnha minn bosta entitajiet permezz ta’ stands imqassma fuq bosta sulari u attivtajiet, f’ħinijiet differenti, għal kulħadd. L-attivitajiet jibdew mill-10am u jtulu sas-6pm.

L-attività aħħarija taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Ewropew tal-Lingwi f’Malta, u l-qofol tal-ġurnata, se jkun l-ispettaklu The Complete History of Europe (More or Less) minn Malcolm Galea u Joseph Zammit (More or Less Theatre) li s-sena l-oħra ta pjaċir lil għexieren ta’ nies waqt il-Festival ŻiguŻajg.

Matul din is-siegħa, il-par komiku se juża bosta kostumi u props biex, b’enerġija u kariżma unika, jirrakkonta l-istorja tal-Ewropa fil-qosor b’mod umoristiku għall-aħħar. Bla dubju dan kollu jappella għaż-żgħar, li dejjem jistudjaw l-Istorja fil-konfini tal-klassi, u għall-kbar biex isiru jafu ftit aktar fuq il-kulturi ta’ madwarna b’differenza.

L-ispettaklu se jkun b’xejn għal kulħadd u se jkun qed isir fis-sular t’isfel (Rotudna). Grazzi għal din l-attivita, dan il-jum se jingħalaq b’nota ħafifa imma fl-istess ħin edukattiva. Din l-attività li, ngħidu kif inhi, mhux ta’ min titilfuha, tibda fil-5pm. Narawkom!

Għal aktar tagħrif żuru l-paġna ta’ Facebook: The Complete History of Europe (More or Less)

 


 

"Linji Sfużi" Esebizzjoni Fotografika

linjisfuziposter 

Tnedija ta’ ktieb u esebizzjoni fotografika ġewwa t-Teatru Salesjan,

Tas-Sliema nhar l-10 t’Ottubru 2014

X’inhi Tas-Sliema? Hija dik il-belt, jew dak ir-raħal, imdawwar bil-Gżira u San Ġiljan, le? Min jitħajjar jistaqsi mistoqsija assurda bħal din? Iżda għall-grupp ta’ żgħażagħ li qed jaħdem fuq il-proġett linji sfużi, Tas-sliema hija ferm usa’ minn dawn il-konfini fiżiċi, ġeografiċi u tanġibbli. Tas-Sliema tilqa’ fiha komunità ta’ xerrejja, ħaddiema, dawk li jħaddmu, residenti, immigranti u turisti. Inkoraġġiti mid-Direttur Artistiku tat-Teatru Salesjan, James Spiteri, Clifford Jo Żahra u David Grima nagħqdu flimkien sabiex jikkordinaw proġett interdixxiplinarju li jżewweġ il-fotografija u l-kitba bl-għan li jaqbad aħjar il-kuntatt paradossali u kuntrastanti fl-inkontri Slimiżi. Il-linji sfużi huma dawk il-linji virtwali, immaġinarji, imma mhux daqstant innoċenti, li jgħaqqdu flimkien lill-individwi, anki lil dawk li mhux neċessarjament huma konxji ta’ dan kollu. 

Linji sfużi huwa wieħed mill-proġetti li ngħataw il-fondi mill-programm Youth in Action. Huwa proġett li jittanta jesplora kif iż-żgħażagħ, ġejjin minn familji u influwenzi differenti jinteraġġixxu flimkien minkejja l-preġudizzju u l-isterjotip Slimiż. Serje ta’ workshops, organizzati ġewwa t-Teatru Salesjan, qed iservu ta’ opportunità għal iżjed komunikazzjoni bejn iż-żgħażagħ, b’suġġetti bħalma huma l-finanzi, il-ħbieb, il-kuntatti soċjali, il-familja, l-edukazzjoni, l-ambjent, il-moda, il-politika, l-ivvjaġġar u l-aspirazzjonijiet għall-futur. Dan id-djalogu, li qed jagħti ħjiel tad-diversi stili ta’ ħajja li jeżistu, qed iservi sabiex jisfida l-isterjotip Slimiż, li fil-biċċa l-kbira tiegħu jdur madwar il-perċezzjoni li f’Tas-Sliema ssib biss negozjanti, nies ta’ kalibru u ħafna djar sbieħ, u daqshekk. Dan il-proġett mela huwa tentattiv sabiex jinġiebu flimkien dawn iż-żgħażagħ u jintebħu bid-distinzjonijiet wiesgħa’ ta’ bejniethom u b’hekk jaħdmu għal iżjed djalogu. 

L-isforz kollu se jintlaħaq f’Ottubru, meta se tittella’ esebizzjoni fotografika ġewwa t-Teatru Salesjan, l-uniku teatru ħaj f’Tas-Sliema. Fl-10 t’Ottubru se jitnieda l-ktieb Linji sfużi, ġabra ta’ novelli u ritratti. L-awturi huma Clifford Jo Żahra u Ancel Cefai waqt li l-fotografu huwa David Grima. Minn hemm imbagħad tinfetaħ l-esebizzjoni ta’ tlitt ijiem, bejn l-10 ta’ Ottubru u t-12 t’Ottubru. 

Għal aktar informazzjoni żur: Linji Sfużi

 

 

:  

 

 


 

‘Iz-Zija ta’ Charlie’ Kummiedja fit-Teatru Salesjan

zijatacharliebanner 

L-Atturi Salesjani jippreżentaw ‘Iz-Zija ta’ Charlie’ ta’ Brandon Thomas

Charlie Wyckham u Jack Chesney, żewġ studenti fl-Università ġewwa l-Ingilterra, għandhom grazzja ma żewġ tfajliet żgħażagħ u jixtiequ jistaqsuhom għaż-żwieġ. Problema kbira huwa Stephen Spettigue, iz-ziju ta’ waħda u l-protettur tal-oħra, li ma jħallihomx jiltaqgħu waħedhom ma ebda żagħżugħ. B’kumbinazzjoni, Mr. Spettigue jkollu qadi u jħalli lit-tfajliet waħedhom għalkemm huma ma jkunux iridu jiltaqgħu maż-żewġ ġuvintur mingħajr ‘chaperon’.

Iz-Zija ta’ Charlie hija mistennija mill-Brażil u għalhekk it-tfajliet jieħdu l-opportunità biex jiltaqgħu mal-ġuvintur fil-presenza taz-zija. Iżda z-zija ma tiġix meta suppost u għalhekk il-pjanijiet tal-ġuvintur jisfaxxaw sakemm Charlie tiġiħ l-idea li jġiegħlu lil Babbs jilbes taz-zija. Minn hawn jibdew il-kummiedji u l-konfużjoni, l-iżjed meta missier Charlie jieħu grazzja maz-zija (Babbs). Il-konfużjoni tiżdied hekk kif tasal il-vera zija.

Din il-kummiedja se tittella’ mill-Atturi Salesjani Sliema nhar is-Sibt 18 (19:30) u l-Ħadd 19 (19:00) t’Ottubru ġewwa t-Teatru Salesjan f’Tas-Sliema.

Xiri tal-biljetti jista jsir minn fuq www.ticketline.com.mtwww.teatrusalesjan.com, il-box office tal-Embassy Cinemas ġewwa l-Belt jew mit-Teatru Salesjan stess mit-Tlieta 14 t’Ottubru bejn is-18:30 u it-20:00.

Ikun hemm parking bla ħlas fiż-żewġ rappresentazzjonijiet.

 


 

L-Jum Ewropew tal-Lingwi f'Malta

Nhar is-Sibt, 27 ta' Settembru, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta se tkun qed tiċċelebra l-Jum Ewropew tal-Lingwi f’Bay Street, San Ġiljan. Għat-tieni sena konsekuttiva, l-Għaqda tal-Malti – Università qed tieħu ħsieb l-organizzazzjoni ta’ dan il-jum.

L-attivitajiet jibdew mill-10:00 u jibqgħu għaddejjin sas-18:00. Matul il-jum se ssibu stands minn ċentri differenti tal-lingwi, li se jqassmu tagħrif dwar l-ilsna differenti fid-dinja. Il-posti se jkunu mqassma fuq livelli differenti filwaqt li l-attivitajiet se jsiru fis-sular ta’ fuq. Matul il-jum se jkun hemm ukoll diversi attivitajiet, bħal workshops u mużika, li aktar tagħrif dwarhom jista' jinkiseb minn fuq Facebook: Jum Ewropew tal-Lingwi f'Malta 2014. Il-jum jagħlaq b’attività speċjali li tibda fil-17:00 fir-rotunda ta’ Bay Street. 

Ħajr lill-Fondazzjoni Valletta 2018, Bay Street, u l-Aġenzija Żgħażagħ.

 


 

Laqgħa għall-ġenituri/guardians tal-istudenti tal-Ewwel Sena tal-Junior College

Il-Prinċipal u l-Viċi Prinċipal tal-Junior College tal-Università se jiltaqgħu mal-ġenituri/guardians tal-istudenti tal-Ewwel Sena. Ser tingħata informazzjoni importanti dwar ir-regolamenti, is-servizzi u l-faċilitajiet tal-Kulleġġ, bil-għan li din tgħin lill-istudenti fl-istadji kollha tal-ħajja fil-Kulleġġ.

Il-laqgħa ser issir f’Sir Temi Zammit Hall, l-Università ta` Malta, l-Imsida, fil-ġranet kif imsemmija hawn taħt:
It-Tnejn, 29 ta’ Settembru 2014 fis-7.00 ta’ filgħaxija – Kunjomijiet li jibdew A – F
L-Erbgha, 1 t’Ottubru 2014 fis-7.00 ta’ filgħaxija – Kunjomijiet li jibdew G – Z

 


 

Programm: Evenings on Campus 2014

logo                                                         KKU logo



Programm: Evenings on Campus 2014
Bl-appoġġ tal-Malta Arts Fund
             
Din is-sena, Evenings on Campus fetaħ b’kunċert mill-Choir of Clare College, Cambridge, fil-Knisja tal-Karmnu, l-Imdina, aktar kmieni f’Lulju. Il-programm sħiħ għall-2014 jinkludi skeda eklettika ta’ film, mużika, drama, avveniment għat-tfal, Café Scientifique, u stand-up comedy.
  • Il-Ħadd 3 ta’ Awwissu  
    21:00 fuq il-Quadrangle, il-Kampus tal-Imsida, l-Università ta’ Malta                              
    Il-Properzju tal-Professur
    dramm dwar Professur tal-Latin u l-passjoni tiegħu għal-lingwa – Malta Classics Association                                                                                                                             
  • It-Tnejn 4 ta’ Awwissu  
    21:00 fuq il-Quadrangle, il-Kampus tal-Imsida, l-Università ta’ Malta
    Le Havre
    film bil-Franċiż, b’sottotitoli bil-Malti minn Emanuela Vella, studenta mid-Dipartiment tal-Istudji tat-Traduzzjoni, tat-Terminoloġija u l-Interpretar, taħt is-superviżjoni tal-Prof. Anthony Aquilina
  • L-Erbgħa 6 u l-Ħamis 7 ta’ Awwissu
    21:00 fuq il-Quadrangle, il-Kampus tal-Imsida, l-Università ta’ Malta
    Akustika Dance Anthems
    Disa’ mużiċisti se jkunu qed jaqilbu l-aktar mużika taż-żfin popolari fid-disgħinijiet u s-snin elfejn għal suċċessi akustiċi - Akustika
  • Il-Ġimgħa 8 ta’ Awwissu
    21:00 fuq il-Quadrangle, il-Kampus tal-Imsida, l-Università ta’ Malta
    A Short Punk Story
    lejla ta’ divertiment bi preżentazzjoni fuq l-iskrin, vidjos mużikali u rappreżentazzjoni live minn żewġ baned lokali - ‘nosnow/noalps’ u ‘Clandestines’ - organizzata minn Chris Mallia u l-AV Warehouse

  • Is-Sibt 9 ta’ Awwissu  
    21:00 fil-Common Room tal-KSU, il-Kampus tal-Imsida, l-Università ta’ Malta
    Piano Film Music
    Kunċert ta’ pjanu u vuċi b’xogħlijiet oriġinali għall-pjanu komposti għall-films, bi Tricia Dawn Williams fuq il-pjanu, akkumpanjata mill-kantanta Eleanor Spiteri
  • Il-Ħadd 10 ta’ Awwissu
    18:00 fil-Common Room tal-KSU, il-Kampus tal-Imsida, l-Università ta’ Malta
    Legends from the Middle Ages
    Avveniment għat-tfal ma’ Malcolm Galea u Joseph Zammit minn More or Less Theatre bil-qari u r-reċtar ta’ stejjer mill-passat li mhumiex daqstant magħrufa.

kif ukoll

  • Il-Ħadd 10 ta’ Awwissu  
    20:00 fuq il-Quadrangle, il-Kampus tal-Imsida, l-Università ta’ Malta
    The Science of Wine
    Café Scientifique se jkun fuq il-Kampus – ma’ Roger Aquilina
  • Il-Ħamis 14 ta’ Awwissu    
    21:00 fuq il-Quadrangle, il-Kampus tal-Imsida, l-Università ta’ Malta
    Trap on Campus
    taħlita ta’ jazz, funk u blues fejn tindaqq mużika magħrufa bl-arranġament ta’ Trap u xi kanzunetti oriġinali wkoll.  Trap huwa compost minn Alan Portelli, Jes Psaila, Warren Galea u Manuel Pulis.
  • Is-Sibt 6 ta’ Settembru    
    21:00 il-Belt Valletta (il-post għad irid jiġi kkonfermat)
    Stand Up Comedy
    Steve Hili u oħrajn
Il-biljetti jinbiegħu mill-post fejn isir l-avveniment jew tista’ tirriserva l-biljett tiegħek billi ċċempel +356 7984 3480

Aktar informazzjoni tinsab fuq www.um.edu.mt/events/eveningsoncampus
Mistoqsijiet għandhom jiġu indirizzati lill-eveningsoncampus@um.edu.mt
Jekk jogħġobkom segwu l-paġna ta’ Facebook ta’ EoC

 


 

Wirja tal-Proġetti tal-Istudenti tal-Aħħar Sena fil-Fakultà tal-ICT 2014

Il-Wirja tal-Proġetti tal-Istudenti tal-Aħħar Sena hija avveniment importanti fil-kalendarju tal-Fakultà tal-ICT fl-Università ta’ Malta. Din is-sena iċ-ċerimonja tal-ftuħ se ssir fl-10 ta’ Lulju u fiha se jintwera x-xogħol li sar mill-istudenti tal-aħħar sena tal-ewwel grad tal-Fakultà, jingħataw premjijiet li jirrikonoxxu l-kisbiet ta’ rilevanza kemm akkademika kif ukoll kummerċjali, u jkum hemm ukoll attivitajiet u inizjattivi kollaborattivi oħra. Din is-sena, l-On. Chris Cardona, Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar se jiftaħ il-wirja. Matul is-sena akkademika, il-Fakultà tilqa’ u torganizza avvenimenti varji, seminars, taħditiet u żjarat, kif ukoll konferenzi li kultant ikunu b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra.

Il-Wirja tal-Proġetti tal-Aħħar Sena se tkun qed tippreżenta madwar 65 proġett din is-sena. Dawn għandhom x’jaqsmu ma’ aspetti varji tal-ICT u joriġinaw minn diversi oqsma ta’ studju li għandhom x’jaqsmu, imma mhux limitati għal temi bħall-iżvilupp ta’ software, analiżi tal-informazzjoni, teknoloġiji li jgħinu lil min għandu diżabilità (assistive and adaptive technologies), l-ipproċessar ta’ grafika u immaġini, flow management, sigurtà, ittestjar, l-użu tar-robots (robotics), l-ipproċessar tal-kliem, l-iżvilupp tal-logħob, embedded systems, system modelling, sistemi ERP, għodda għall-monitoraġġ ta’ sistemi u assikurazzjoni ta’ korrettezza, teknoloġiji għall-mobile, it-trasmissjoni tal-vidjo, id-disinn ta’ ċippi, netwerking soċjali, u ħafna oqsma oħra. Fl-ispirtu u l-għan tal-Fakultà, il-proġetti għall-wiri huma taħlita li tikkonsisti f’xogħol fejn aktar tidher in-natura applikabbli tiegħu u xogħol ieħor ta’ natura aktar fundamentali u konċettwali. Hu x’inhu l-fokus, il-proġetti kollha għandhom utilità prattika.

Il-wirja tal-proġetti tal-ICT se tkun miftuħa għall-pubbliku ġenerali nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Lulju bejn il-5 u t-8 ta’ filgħaxija u din is-sena se tkun l-ewwel darba li l-wirja tal-proġetti tal-ICT se ssir fil-bini l-ġdid tal-Fakultà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (Faculty of Information & Communication Technology – ICT), struttura ġdida, moderna tal-ħġieġ ftit ’l isfel mill-bini tal-IT Services fir-ring road tal-Università.  Il-parkeġġ Nru 9, li jinsab taħt il-bini tal-Fakultà, jista’ jintuża mill-mistednin tal-wirja li se tiftaħ fl-10 ta’ Lulju, kif ukoll il-parkeġġ Nru 3, maġenb il-bini tal-Fakultà, u kull post ta’ parkeġġ ieħor fuq il-kampus. Barra dan, il-Fakultà se tagħmel seminar għal studenti prospettivi fil-11 ta’ Lulju li jibda fl-4.30pm, fl-awditorju prinċipali tal-Fakultà. Wara, il-parteċipanti se jżuru l-proġetti esebiti u mbagħad jintwera l-film 'Blade Runner' u ssir diskussjoni dwar il-viżjoni soċjo-teknoloġika profetika li dan il-film jinkorpora. Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mill-paġna tal-Facebook tal-Fakultà fuq www.facebook.com/uom.ict.

Il-Fakultà tal-ICT tixtieq tesprimi l-gratitudni tagħha lejn l-Isponsors tad-Deheb ta’ din is-sena għall-appoġġ kontinwu tagħhom. Dawn huma Ascent Software u CCBill EU. Ħajr speċjali jmur ukoll lil Gamesys Network għad-donazzjoni ġeneruża tagħhom ta’ hardware mill-iprem, b’valur totali ta’ aktar minn €190,000, u lil DataCore Software għad-donazzjoni ta’ liċenzji annwali ta’ software, valur ta’ madwar €40,000, għall-użu tas-soluzzjonijiet ta’ virtwalizzazzjoni tagħhom. Ħajr ukoll lill-Aġenzija tat-Teknoloġija tal-Informatika ta’ Malta (Malta IT Agency - MITA) għall-appoġġ tagħha f’inizjattivi diversi li l-Fakultà tidħol għalihom.

 


 

Żjara f’Malta tal-Clare College Choir Cambridge

L-Università tappoġġja ż-Żjara f’Malta tal-Clare College Choir Cambridge

L-Evenings on Campus tal-Università ta’ Malta flimkien mal-Monasteru tal-Karmelitani, l-Imdina, offrew l-appoġġ tagħhom lill-Clare College Choir Cambridge biex ikanta fil-Knisja tal-Karmnu, Triq Villegaignon, l-Imdina.  Il-pubbliku huwa mistieden għall-kunċert nhar il-Ħamis 10 ta’ Lulju 2014 fis-7.30pm.

Il-programm jinkludi xogħlijiet ta’ Bach, Duruflé, Parsons, Palestrina u Allegri. Id-Direttur tal-Kor huwa Graham Ross.

Din iż-żjara ġiet ikkoordinata minn Dr Mark Agius, li hu Riċerkatur Assoċjat fi Clare College Cambridge.  Matul iż-żjara tiegħu f’Malta, il-Clare College Choir se jorganizza workshop għall-istudenti tad-Dipartiment tal-Mużika fl-Università, li se jkun immexxi minn Mro John Galea.

Sa mit-twaqqif ta’ kor ta’ vuċijiet imħallta fl-1971, il-Kor ta’ Clare College kiseb reputazzjoni internazzjonali bħala wieħed mill-gruppi korali universitarji ewlenin fid-dinja.  Għal aktar informazzjoni żuru: www.clare.cam.ac.uk/About-the-Choir

Waqt li jkun Malta, il-Clare College Choir se jagħti wkoll żewġ kunċerti oħra nhar it-Tlieta 8 ta’ Lulju 2014, fit-8pm, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, Għawdex u ieħor nhar is-Sibt 12 ta’ Lulju 2014, fit-7.45pm, fil-Katidral Anglikan ta’ San Pawl, il-Belt Valletta.

Tistgħu tikkuntattjaw lil Dr Agius permezz ta’ emejl u hu se jkun disponibbli għal intervisti f’Malta bejn l-1 u s-7 ta’ Lulju. 

Claire College Choir

24) Requiem

 


 

Wirja tal-Proġetti tal-Istudenti tal-Inġinerija tal-Università

Il-Wirja tal-Proġetti tal-Inġinerija, li din is-sena tiċċelebra l-25 anniversarju tagħha, hija avveniment ta’ kull sena li jesponi x-xogħol prattiku u akkademiku li wettqu l-istudenti tal-Università ta’ Malta matul l-aħħar sena fil-kors tagħhom għall-grad ta’ B.Eng. (Hons).

In-numru ta’ xogħolijiet mill-istudenti tal-ewwel grad din is-sena jammonta għal 74. Dawn jinkludu għażla wiesgħa ta’ suġġetti topiċi li għandhom x’jaqsmu mal-qasam tal-bijomedika, l-enerġija rinnovabbli, l-ambjent, prodotti elettroniċi, ir-robotika, proċessi tal-manifattura, materjali u superfiċji ġodda.

Il-pubbliku huwa mistieden iżur il-Wirja, fil-Binja tal-Inġinerija, Università ta’ Malta, l-Imsida, nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Lulju bejn il-17:00 u t-20:00 u s-Sibt 5 ta’ Lulju bejn id-9:00 u 12:00.

Matul is-snin, il-proġetti għall-wiri rrappreżentaw il-kisbiet teknoloġiċi moderni tal-istudenti.  L-għan tal-wirja hu li jagħti l-opportunità lil studenti prospettivi u lill-membri tal-pubbliku, b’mod partikulari persuni li jaħdmu fis-setturi varji tal-inġinerija, biex jaraw il-proġetti b’mod dirett, u biex jiltaqgħu mal-istudenti li se jiggradwaw mill-Fakultà tal-Inġinerija.  Rappreżentanti ta’ numru ta’ ditti privati ewlenin u kumpaniji parastatali jieħdu sehem fil-wirja u joffru l-appoġġ tagħhom kull sena.

Il-Fakultà tal-Inġinerija toffri tagħlim u superviżjoni lil madwar 477 student kemm fil-livell tal-ewwel grad kif ukoll dak postgraduate.  In-numru ta’ studenti postgraduate huwa sinifikattiv, b’total ta’ 51 fil-livell ta’ Master u 18 fil-livell ta’ Ph.D.

Il-Fakultà hija wkoll attiva ħafna fir-riċerka fl-oqsma kollha koperti mid-dipartimenti tagħha.  Fil-fatt, in-numru ta’ pubblikazzjonijiet internazzjonali li jinvolvu l-istaff tal-Fakultà tal-Inġinerija (artikli fir-rivisti u rapporti) matul perijodu ta’ 21 xahar minn Jannar 2011 ilaħħaq aktar minn 120.

Għal aktar informazzjoni idħlu fuq: www.um.edu.mt/eng


Engineering Exhibition 2014

 


 

L-Għaqda tal-Malti – Università - Laqgħa Ġenerali Annwali

Għaqda tal-Malti - Università

L-Għaqda tal-Malti – Università tixtieq tiġbed l-attenzjoni tal-membri tagħha li fis-7 ta' Lulju se ttella’ l-Laqgħa Ġenerali Annwali. Fiha se jiġu ppreżentati r-rapporti dwar il-ħidma tal-Għaqda f'din l-aħħar sena fosthom attivitajiet kbar bħall-Jum Ewropew tal-Lingwi u l-parteċiazzjoni fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Il-laqgħa se ssir f’254, Dar l-Ewropa, Triq San Pawl, il-Belt Valletta u tibda fis-6pm. 

Minbarra li l-membri jkunu jistgħu jiffamiljarizzaw ruħhom aktar mal-ħidma tal-Għaqda, ikollhom iċ-ċans iġeddu s-sħubija tagħhom, li għaliha ta’ kull sena jingħataw kopja tar-rivista tal-Għaqda, Leħen il-Malti.

L-attività fuq Facebook tinsab hawnhekk: http://goo.gl/1Dc3IZ filwaqt li min ikollu xi mistoqsijiet jista’ jibgħathom lil ghaqdatalmalti@gmail.com. 


Facebook: www.facebook.com/ghaqdamalti
Blogg: ghaqdatalmalt.wordpress.com

 


 

In-Nisġa tal-Ħsieb - It-Tielet Volum

It-Tielet Volum - Is-Sekli Dsatax u Għoxrin

Il-filosofija mhijiex biss l-għerq ewlieni taċ-ċiviltà tagħna, imma wkoll l-ispazju li fih iċ-ċiviltà tagħna kibret u għadha tikber, l-għajn li minnha xorob kulħadd, il-ħamrija li fiha ssaqqiet iż-żerriegħa tal-prodott artistiku u letterarju, l-art li fuqha tela’ l-bini kollu tal-organizzazzjoni politika u soċjali u tal-istituzzjonijiet ekonomiċi, edukattivi, ġuridiċi, morali u reliġjużi li trabbejna fihom.

Kienu l-filosfi li sawru l-qafas taż-żmien li qed ngħixu fih, bit-tajjeb u l-ħażin li jġib miegħu, b’dak kollu li jogħġobna u b’dak li ma jogħġobniex, b’dak li jferraħna u jhennina u b’dak li jnikkitna u jwassalna f’xifer il-preċipizju. Biex nifhmu kif ġara dan irridu nersqu lejn il-filosofiji l-kbar li ddominaw l-istorja tal-bniedem.

X’inhuma l-isfidi quddiem il-filosfu meta jiġi biex jgħaddi l-filosofiji l-kbar ta’ matul l-iżmna u jwassalhom bil-Malti?
Il-Malti kif jegħlibhom id-diffikultajiet lingwistiċi u terminoloġiċi quddiem suġġett li, fi kliem l-awtur, “ma jinkisibx malajr u mingħajr tbatija, imma bis-sabar u ż-żmien”?
Wara l-ħruġ tat-tielet (u l-aħħar) volum ta’ In-Nisġa tal-Ħsieb, l-Akkademja tal-Malti stiednet lill-Prof. Joe Friggieri biex ifissrilna l-esperjenza tiegħu f’dan il-proġett li wettaq f’14-il sena. Hija okkażjoni biex nifirħu b’awtur stabbilit li b’din l-opra fetaħ triq ġdida fil-qasam ta’ lsienna.

Il-Prof. Manwel Mifsud u s-Sur Olvin Vella se jintervistaw lill-Prof. Joe Friggieri nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Ġunju 2014, fis-6.30pm f’Dar L-Ewropa, Triq San Pawl, il-Belt.

It-tliet volumi se jkunu għall-bejgħ wara s-serata.

 


 

Lil hinn mill-Konfini

Lil hinn mill-Konfini: Il-Counselling u l-Isfidi tal-Imigrazzjoni

Id-Dipartiment tal-Counselling fi ħdan il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta ser jorganizza l-ewwel seminar internazzjonali fis-sajf bl-isem: 'Lil hinn mill-Konfini – Il-Counselling u l-Isfidi tal-Imigrazzjoni'. Dan is-seminar se jsir bejn is-sittax u t-tmintax ta’ Ġunju 2014, fil-Kampus tal-Belt tal-Università ta’ Malta. 

Is-seminar se jittratta l-valur u l-kontribut tal-Counselling bħala forza sabiex tippromwovi it-tisħiħ ta’ immigranti minn kuntesti kulturali differenti. F’dan is-seminar se jieħdu sehem kelliema ewlenin bħal Dr Mona Amer – Professur ġewwa l-Università Amerikana tal-Kajr, Dr Adolfo Bermeo – Professur u akkademiku ġewwa l-PELL Institute, fl-Amerka, kif ukoll is-Sur Jon Hoisaeter, Kap tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati f’Malta. Ser jinkludi wkoll sessjonijiet edukattivi mtella' min-nies li jaħdmu mill-qrib fil-qasam tal-Immigrazzjoni. Il-preżentazzjonijiet ser jiffukaw fuq suġġetti varji dwar l-immigrazzjoni u l-isfidi li din iġġib magħha.

Is-seminar għandu jappella għal professjonisti, akkademiċi u studenti fil-qasam tal-counselling, psikoloġija, ħidma soċjali, edukazzjoni, xjenzi u servizzi tas-saħħa, kif ukoll professjonijiet oħrajn li joffru l-għajnuna, li jaħdmu ma’ immigranti, jew li huma interessati f’dan il-qasam. Matul dan is-seminar se jkun hemm opportunità għal djalogu u netwerking fuq livell internazzjonali. Se jingħata ċertifikat t’attendenza lill-parteċipanti kollha, li jkun validu għall-Iżvilupp Professjonali Kontinwu. 

Il-prezz huwa ta’ €100 għat-tlett ijiem sħaħ, li jinkludi waqfiet għall-kafè, inkella €45 għal kull ġurnata. L-istudenti jista’ jkollhom prezz imnaqqas ta’ €95 għat-tlett ijiem sħaħ, inkella €35 għal kull ġurnata.

Il-postijiet huma limitati. Għal aktar informazzjoni, jew biex tirreġistra, inti mitlub/a ċċempel lid-Dipartiment tal-Counselling fuq +356 2340 2515/8 jew tibgħat imejl lil Anabel Mifsud jew Sheena Vella.

 


 

L-Identità Maltija fil-mużika popolari ta' bejn is-snin ħamsin u sebgħin (26 May)

L-Istitut tal-Istudji Maltin fl-Università ta’ Malta se jwassal it-tieni konferenza tiegħu dwar temi marbuta mal-kultura u l-identità Maltija bis-suġġett “L-Identità Maltija fil-mużika popolari ta’ bejn is-snin ħamsin u sebgħin". Il-kelliem, Noel D’Anastas, se jibbaża d-diskors fuq riċerka oriġinali li hu wettaq għat-teżi tiegħu fl-Istudji Maltin. Il-konferenza se tkun organizzata minn Poeżija Plus fil-bitħa tat-Teatru Manoel, Il-Belt, nhar it-Tnejn, 26 ta’ Mejju 2014 u tibda fis-7:30 p.m. Il-Professur Henry Frendo, id-Direttur tal-Istitut, se jagħmel daħla qasira. 

Il-pubbliku huwa mistieden li jattendi. Id-dħul huwa b'xejn.

L-Istudji Maltin

 


 

il-Ħajja ta' Brandano Caxaro

It-tieni taħdita fis-sensiela It-Tnax-il Ruħ tal-Malti se ssir nhar l-Erbgħa, 14 ta' Mejju 2014 fil-Librerija Nazzjonali l-Belt fis-6.30pm.

It-taħdita se toffri punti ta' riflessjoni fuq il-ħajja tal-kopista tal-Kantilena Brandano Caxaro. Stħarriġ li għamlet ir-riċerkatriċi fuq id-dokumenti tas-seklu sittax, inkluż fuq il-kitbiet li kkonsultaw Wettinger u Fsadni, jagħti ħjilijiet ġodda fuq ħajtu.

Dan il-qari attent tad-dokumenti jistedinna nikkunsidraw possibbiltà oħra għala Brandano kkopja l-Kantilena. Interessanti li se nisimgħu wkoll interpretazzjoni ftit differenti tad-daħla għall-Kantilena miktuba minn Brandanu fuq Pietru Caxaru.

Din it-taħdita, li d-dħul għaliha huwa b'xejn u miftuħa għal kulħadd, hija parti mill-wirja It-Tnax-il Ruħ tal-Malti li qed tittella' fil-Biblijoteka Nazzjonali mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali bi sħab ma' Malta Libraries u d-Dipartiment tal-Malti tal-Università.

 


 

Ir-Raba’ Konferenza Ewropea: Ir-Reliġjon, l-Ispiritwalità u s-Saħħa

Ir-Raba’ Konferenza Ewropea: Ir-Reliġjon, l-Ispiritwalità u s-Saħħa - Malta
‘Nintegraw ir-Reliġjon/l-Ispiritwalità fil-prattika klinika: Nikkonċentraw fuq il-Professjonisti fil-Kura tas-Saħħa’

Ir-Raba’ Konferenza Ewropea dwar ir-Reliġjon/l-Ispiritwalità u s-Saħħa ser issir f’Malta bejn it-22 u l-24 ta’ Mejju 2014 fis-South Auditorium tal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa, fl-Università ta’ Malta. L-għan tal-konferenza huwa li professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa jaqsmu bejniethom il-kompetenzi tagħhom u r-riżultati ta’ riċerka dwar ir-relazzjoni bejn ir-reliġjon/l-ispiritwalità u s-saħħa/l-mard sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-pazjenti b’mod olistiku.

Qabel il-ftuħ uffiċjali tal-konferenza, il-parteċipanti ser ikollhom laqgħa kordjali mal-President ta’ Malta, l-Eċċ. Tagħha M.L. Coleiro Preca, fil-Palazz il-Belt Valletta.

Il-Konferenza ser tkun inawgurata mis-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, l-Onor. Christopher Fearne, il-Professur Angela Xuereb, Dekan tal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa, il-Professur Emanuel Agius, Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija, u l-Eċċ. Tiegħu Mons. Paul Cremona O.P. Arċisqof ta’ Malta, filwaqt li r-Rev. Kanonku Simon Godfrey, Kanċillier tal-Knisja Anglikana, jagħlaq il-konferenza.

Diversi kelliema magħrufa lokali u internazzjonali li għandhom kompetenzi varji f’dan il-qasam se jippreżentaw diskorsi dwar it-tema prinċipali u kitbiet ta’ simpożji dwar aspetti varji ta’ spiritwalità u kura spiritwali minn tim multidixxiplinarju. Għal din il-konferenza se jattendi numru sabiħ ta’ parteċipanti minn diversi pajjiżi fosthom numru ta’ studenti inter-professjonali mir-Renju Unit u l-Istati Uniti. Il-programm sħih li qed jiġi organizzat se jinkludi ġurnata addizzjonali ta’ studju għall-istudenti, żjarat professjonali fl-Isptar Mater Dei, serata soċjali u żjarat turistiċi madwar Malta u Għawdex.

Din il-konferenza mistennija tqajjem għarfien dwar is-sinifikat u l-impatt tal-ispiritwalità fil-mard u l-kura tas-saħħa, kif ukoll biex tgħin lill-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa jirriflettu fuq il-kura tagħhom, filwaqt li tagħmilha possibbli għalihom li jagħtu kura olistika bħala tim multidixxiplinarju.

L-ispiritwalità fil-ħidma bħala tim se tintwera permezz tal-kontribut volontarju tal-professjonisti Maltin fil-kura tas-saħħa li se jkunu qed jaqsmu t-talenti mużikali tagħhom f’repertorju li se jsir qabel ‘The Malta Public Talk’ mill-Professur Harold Koenig mill-Istati Uniti dwar ‘Nintegraw ir-reliġjon/l-ispiritwalità fil-prattika klinika’ fis-Sala Sir Temi Zammit, fl-Università ta’ Malta nhar il-Ħamis 22 ta’ Mejju fis-6.30 pm. Dawk kollha li jagħtu l-kura fil-qasam tas-saħħa f’setturi kliniċi varji kif ukoll il-pubbliku huma mħeġġa li jattendu.

Il-pubbliku huwa wkoll mistieden jingħaqad mal-parteċipanti internazzjonali tal-konferenza biex jiffurmaw komunità waħda fit-Talb għall-Paċi inter-reliġjuż nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Mejju fis-7.00pm fil-Katidral tal-Imdina. Il-President ta’ Malta, l-Eċċ Tagħha M.L. Coleiro Preca ser tattendi.

 


 

Mużika. Riċerka. Azzjoni

Mużika. Riċerka. Azzjoni
– inħarsu u ntejjbu l-possibiltajiet biex ngħelbu l-marda tal-kanċer fis-sider

Kif taf turina r-realtà, il-kanċer fis-sider jista’ joqtol; ir-riċerka biss tista’ tipprevedih u toqtlu qabel ma joqtol lil min jintlaqat bih. B’dan il-ħsieb, żewġ organizzazzjonijiet importanti li qed jaħdmu biex jegħlbu l-kanċer fis-sider – l-Action for Breast Cancer Foundation (ABCF) u r-Research, Innovation and  Development Trust (RIDT) tal-Università ta’ Malta – ingħaqdu biex itellgħu kunċert biex jiġbru fondi għal iktar kuxjenza u riċerka fuq il-marda biex din tinqered iktar malajr.

Il-kunċert, 'Lejla għall-Ħajja – Kunċert fil-Memorja ta’ Helen Muscat' se jsir mis-sopran Lydia Caruana, taħt il-patronċinju tal-Eċċellenza Tagħha l-President Marie-Louise Coleiro Preca. Il-kunċert se jfakkar lill-fundatriċi u eks-chairperson tal-ABCF li tilfet ħajjitha f’Ottubru li għadda bil-marda li tant iġġieldet kontriha. Helen Muscat kienet xempju u lobbyist attiva fil-ġlieda kontra l-kanċer tas-sider u biex tingħata kwalità ta’ ħajja aħjar lil dawk li jintlaqtu mill-marda.

Il-kunċert, li ġentilment huwa appoġġjat mit-Teatru Manoel, se jsir fit-teatru stess nhar is-Sibt 7 ta’ Ġunju, 2014 fit-8pm.

Waqt kolazzjon biex tingħata l-informazzjoni lill-istampa fil-Hilton Malta, is-sopran Lydia Caruana qalet: 'Għal dan il-kunċert kommemorattiv speċjali, li huwa ħafna għal qalbi, se nibdel ir-repertorju tal-opra u l-Lieder li jiena magħrufa għalih biex nippreżenta programm iktar leġġer li jinteressa l-pubbliku inġenerali.'

Caruana se tkanta biċċiet klassiċi ta’ Tosti, Leoncavallo, Bixio, Di Capua, Arditi, Gastaldon u De Curtis, fosthom mużika maħbuba bħal Musica Proibita, Mattinata, Io te vurria vasa', Il Bacio u Mamma. F’din l-okkażjoni unika, Caruana se tinterpreta wkoll diski ta’ Gershwin, Rodgers, Chaplin, Arlen u Fain, u b’hekk se ġġib fit-Teatru Manoel melodiji immortali li biċċiet minnhom akkumpanjaw l-isbaħ mumenti fl-istorja tal-films. Caruana se tkanta Summertime, The Man I Love, Eternally, Over the Rainbow, With a Song in My Heart, u I’ll Be Seeing You, fost oħrajn.

Caruana se tkun akkumpanjata mill-pjanista Yvette-Maria Galea għall-parti tal-kanzunetti Taljani u mill-pjanist Dominic Galea u l-pjanist mistieden Alex Manchè għal dak li huwa magħruf bħala the American Songbook. It-tliet pjanisti kollha se jdoqqu solos ta’ Becucci u Gershwin.

“Dan huwa avveniment li jqanqalna bħala Fundazzjoni għax se ningħaqdu mal-pubbliku biex infakkru l-ko-fundatriċi u dik li dejjem mexxietna Helen Muscat. Permezz tal-vuċi unika ta’ Lydia Caruana se nkomplu naħdmu fuq dak li tant kienet temmen fih Helen – li nqajmu kuxjenza biex nipprevedu l-marda, nagħtu lil dawk li ntlaqtu bil-marda ħajja iktar komda u ninvestu fir-riċerka biex infejqu din il-marda li, fl-aħħar, spiċċat ħaditilha ħajjitha,” qalet Esther Sant, Chairperson tal-ABCF. 

Wilfred Kenely, il-Kap Eżekuttiv tal-RIDT, qal: “Tul is-snin, ir-riċerka madwar id-dinja rnexxielha teqred għadd ta’ mard li kien iqabbdek il-bard anke ssemmih. Dan inkiseb għax istituzzjonijiet tar-riċerka ngħataw ir-riżorsi meħtieġa biex jistudjaw il-mard u jsibu t-trattament għalih. Xi darba, se nkunu qed nitkellmu dwar il-kanċer bħala marda li darba kienet terribli. Dik il-ġurnata tista’ tasal ħafna qabel naħsbu, kemm-il darba jkun hemm programm ta’ riċerka aggressiv għaddej.”


Il-biljetti jiswew €30, €20 u €10, u jistgħu jiġu bbukkjati minn fuq il-websajt tat-Teatru Manoel, billi tibgħat email lill-bookings@teatrumanoel.com.mt jew iċċempel +356 21246389.  

Night for a Life Concert
from left: Mr Wilfred Kenely, il-Kap Eżekuttiv tal-RIDT, Is-Sa Lydia Caruana, Is-Sa Esther Sant, ic-Chairperson tal-ABCF.

 


 

Id-Damma ta' De Soldanis

Tnax-il Ruħ

 


 

Workshop Internazzjonali fuq il-Kollezzjonijiet Awdjo-Viżivi

Workshop Internazzjonali fuq il-Kollezzjonijiet Awdjo-Viżivi:
Diġitizzazzjoni, Preservazzjoni u Aċċess
10-12 ta' April 2014
Palazzo Capua, Tas-Sliema, Malta

Il-Workshop Internazzjonali fuq il-kollezzjonijiet awdjo-viżivi: diġitizzazzjoni, preservazzjoni u aċċess se jittella’ bejn l-10-12 ta’ April f’Palazzo Capua, tas-Sliema. Dan l-avveniment huwa organizzat mid-Dipartiment tal-Libreriji u x-Xjenza tal-Arkivji fl-Università flimkien mad-Direttorat għall-Kultura fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

Fid-dawl tal-problemi u l-isfidi moderni għall-materjal awdjo-viżiv analoġiku, dan il-workshop tfassal apposta għall-professjonisti u l-voluntiera li qed ifittxu l-aħħar tagħrif fuq iċ-ċiklu ta’ ħajja diġitali tal-kollezzjonijiet awdjo-viżivi tagħhom.

Dan l-avveniment  huwa maħsub biex jindirizza l-bżonnijiet u l-problemi attwali li dan il-qasam qed jaffaċċja f'Malta, u se jitmexxa minn grupp ta' esperti internazzjonali li jinkludu lil Daniel Teruggi (Direttur tar-Riċerka, INA, Pariġi), Andy O’Dwyer (BBC Research and Development, Londra), Richard Wright (Preservation Guide, Londra), Beth Delaney (Franza), Toni Sant (University of Hull), Andrew Alamango (Università ta’ Malta), Andrew Pace (University of Manchester), Steve Borg (University of Hull).

Għal aktar dettalji, l-applikazzjoni u l-iskeda tal-ħinijiet, żuru s-sit elettroniku jew ibagħtu email.

 


 

Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus

book festival poster 

L-Għaqda tal-Malti – Università qed torganizza l-ewwel edizzjoni tal-Festival tal-Ktieb ġewwa l-Università, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Il-Festival se jittella’ bejn it-28 u t-30 ta’ April, mid-9:00 sal-16:00 b’xi attivitajiet li jittellgħu wara s-6 ta’ filgħaxija.

Għal dan il-Festival se jkun hemm diversi stands ta’ għadd ta’ pubblikaturi u distributuri ewlenin fosthom Sierra Book Distributors, Horizons, Faraxa Books, Sensiela Kotba Soċjalisti, Bronk Productions, u Agius and Agius. Se jkun hemm ukoll kotba ta’ pubblikaturi oħra, filwaqt li fi stand minnhom se jkun hemm il-preżenza tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Barra minn hekk, se jkun hemm attivitajiet f’ħinijiet u f’partijiet differenti tal-Quad. bil-parteċipazzjoni ta’ diversi kittieba stabbiliti, kritiċi distinti u studenti:

  • Is-Sesswalità fil-letteratura Maltija: taħdita dwar is-sesswalità fil-letteratura Maltija, bil-parteċipazzjoni ta’ Trevor Żahra, Immanuel Mifsud, Sean Buhagiar, u Aleks Farrugia, fost l-oħrajn
  • Fight Club: film b’sottotitli bil-Malti, tradotti minn Simon Cassar bil-għajnuna tal-Prof. Toni Aquilina
  • Transessjoni: qari u diskussjoni mill-parteċipanti ta’ Taħżiż2, programm ta’ kitba kreattiva
  • …ħsieb il-ktieb: taħdita dwar kif tieħu ħsieb u torganizza l-librerija personali tiegħek
  • Aqrali, Qaltli: sessjoni oħra ta’ qari minn Immanuel Mifsud. Din id-darba se jkun qed jaqra l-ktieb Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben)
  • Addattament għall-mużika minn Danjeli ta’ diversi siltiet minn Leħen il-Malti (għadd 32).

Dan kollu fost sorpriżi u inizjattivi oħrajn.

Aktar dettalji se joħorġu fil-ġimgħat li ġejjin. L-attività fuq Facebook tinsab hawnhekk. Kulħadd imħeġġeġ jattendi. 

 


 

Mid-Djalett sal-Letteratura

Siltiet letterarji u rakkonti bid-djalett mal-grupp VersAgħtini
flimkien mal-intervent ta' Dr Adrian Grima

Taħdita mis-Sa Miriam Cassar
nhar il-Ġimgħa 28 ta' Marzu fis-sebgħa ta' filgħaxija
fiċ-Ċentru ta' Riżorsi għall-Kottonera, Triq San Dwardu, il-Fortini, il-Birgu

Serata interattiva fejn bis-saħħa ta' siltiet letterarji u rakkonti bid-djalett inwasslu l-wirt lingwistiku Malti. Id-djaletti jiftħulna tieqa fuq il-wirt orali waqt li l-letteratura toffrilna firxa wiesgħa ta' suġġetti taħt l-umbrella tal-poeżija u l-proża.

Bis-saħħa tal-perseveranza li nitkellmu bid-djaletti Maltin u Għawdxin, l-istudjużi tal-lingwa kellhom joħolqu l-lingwa Maltija, lingwa li skont Vassalli u Dun Karm m’għandha xejn inqas minn lingwi oħra.

Matul is-serata kemm l-udjenza kif ukoll l-awtur u poeta Dr Adrian Grima jkunu mistiedna jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar il-wirt orali u l-wirt letterarju Malti.

Attività b’risq il-Malti organizzata minn VersAgħtini flimkien maċ-fiċ-Ċentru ta' Riżorsi għall-Kottonera tal-Università ta' Malta.

 


 

Il-Poeżija u l-Mużika (13 Mar.)

Il-Poezija u l-Muzika

L-Università ta' Malta
Il-Fakultà tal-Arti
Id-Dipartiment tal-Malti

Il-Poeżija u l-Mużika
taħdita mużikali

Alex Vella Gregory

Il-Ħamis 13 ta’ Marzu 2014
10:30
Is-Sala tal-Mużika,
Il-Kavallier ta’ San Ġakbu

 


 

Stedina lill-Pubbliku

Il-Junior College qiegħed jistieden lill-pubbliku, b’mod partikolari l-istudenti tal-ħames sena sekondarja u lill-ġenituri tagħhom, sabiex imorru l-Kulleġġ nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Marzu bejn il-5.30 u t-9.00 ta’ filgħaxija. Hemmhekk ikunu jistgħu jiltaqgħu mas-Subject Co-ordinators, kif ukoll jaraw il-faċilitajiet u s-servizzi li joffri l-Kulleġġ. Ser ikun  hemm interpretazzjonijiet qosra teatrali u orkestrali minn gruppi ta’ studenti mill-Kulleġġ.

 


 

Innocent Flesh

Innocent Flesh - reċta b’messaġġ qawwi dwar ir-realtajiet ta’ madwarna

Innocent Flesh huwa att teatrali mid-Dipartiment tal-Counselling fi ħdan il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, f’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Istudji Teatrali, fl-Iskola tal-Arti Performattiva, ġewwa l-Università ta’ Malta.

Id-direttur ta’ din il-produzzjoni ta’ TAC Theatre huwa Marc Cabourdin. Ir-reċta titratta l-esperjenza ta’ erba’ tfajliet imħajra għall-prostituzzjoni permezz ta’ wegħdiet ta’ mħabba, flus u fama. Ir-reċta tikxef id-diffikultajiet u r-realitajiet assoċjati mal-prostituzzjoni, u tgħaddi messaġġ qawwi dwar ir-realtajiet ta’ madwarna, anki f’Malta. Din ir-reċta se tittella’ nhar is-Sibt 15 ta’ Marzu, fit-8.00pm ġewwa l-MITP Theatre fi Triq San Kristofru, l-Belt Valletta.

Din il-produzzjoni tindirizza l-impenn tal-organizzaturi lejn il-ġustizzja soċjali, kif ukoll lejn l-użu tal-etnografija performattiva sabiex jiżdied l-għarfien dwar kwistjonijiet ta’ ġustizzja soċjali. Ir-reċta għandha tinteressa lil atturi, professjonisti, akkademiċi u studenti fl-oqsma tal-arti performattiva, xjenzi soċjali u xjenzi umani, dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, social workers kif ukoll lill-pubbliku in ġenerali.

Il-biljetti jinsabu għal bejgħ għall-prezz ta’ €15, u bi prezz imraħħas ta’ €10 għal min huwa student. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn ticketline.com.mt jew mill-Embassy Cinemas, inkella  mid-Dipartiment tal-Counselling ġo l-Università ta’ Malta. Għal aktar informazzjoni jew biex tixtri l-biljett jekk jogħġbok ikkuntattja lil Sheena Vella fuq in numru: +356 2340 3518 jew inkella permezz ta' email. Nissuġġerixxu li ma tħallux għall-aħħar.

 


 

Il-Metodu KOLLAR

Iċ-Ċentru għar-Reżiljenza u s-Saħħa Emozzjonali u Soċjali
l-Università ta' Malta
qed jorganizza workshop għall-lekċerers

Alternative Ways for Teaching – KOLLAR Method
Dr Janos Kollar
mill-Institute of Behavioural Sciences, Semmelweis University, l-Ungerija

mill-20 sal-24 ta' Jannar2014
mid-9.00am sat-3.00pm
fl-Università ta' Malta, il-Kampus tal-Imsida

Ikklikkja hawn għal aktar tagħrif.

Dawk interessati jistagħu jikkuntattjaw lis-Sa Natalie Haber.

 


 

Frans Baldacchino il-Budaj (23 Jannar)

L-Istitut tal-Istudji Maltin tal-Università ta' Malta għandu l-pjaċir iniedi sensiela ta' konferenzi pubbliċi dwar aspetti varji tal-kultura u l-identità ta' pajjiżna.

L-ewwel waħda minn dawn se tkun dwar Frans Baldacchino il-Budaj: is-sehem tiegħu fil-wirt tal-għana Maltija. Il-kelliema, Marced Zahra Sacco, se tibbaża d-diskors tagħha fuq riċerki oriġinali li hija wettqet għat-teżi tagħha fl-Istudji Maltin.

Il-konferenza se ssir fis-sala tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun, nhar il-Ħamis 23 ta' Jannar 2014 u tibda fis-6.30 p.m. Jintroduċi lill-kelliema d-direttur tal-Istitut, il-Professur Henry Frendo. Il-pubbliku huwa mistieden. Dħul b'xejn.

 


 

 

< Previous 1 Next >

 
 

Log In