L-Università ta' Malta
 

2016
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

L-Għaqda tal-Malti waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb

fnk2016 

L-Għaqda tal-Malti għal sena oħra, bejn id-9 u t-13 ta’ Novembru se tkun qed tieħu sehem fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Matul dawn il-ġranet tistgħu żżuru l-istand tal-Għaqda, issiru membri jew iġġeddu l-isħubija. Fl-aħħar jum tal-Festival, fit-13 ta’ Novembru, l-Għaqda se tkun qed itella’ dawn iż-żewġ attivitajiet.


Ġewż, lewż, qastan, tin ...

F’Novembru niċċelebraw San Martin. Tiftakruha din? “Ġewż, lewż, qastan, tin, kemm inħobbu ’l San Martin.” Daqstant ieħor inħobbu nqabblu. F’din l-attività għal tfal bejn is-6 u t-12-il sena, se ssir sessjoni li tiffoka fuq il-kitba kreattiva li titlaq mir-rima. Din l-attività se ssir nhar il-Ħadd 13 ta’ Novembru fuq l-istand tal-Għaqda tal-Malti – Università. L-attività titmexxa bil-Malti u t-tfal jingħataw borża b’xi ħajki marbuta mas-suġġett u xi ħaġa xi jnaqqru. 

L-attività fuq Facebook tistgħu ssibuha f’din il-ħolqa.

 

It-tnedija ta’ Leħen il-Malti

F’din is-serata, l-Għaqda se tniedi għadd 35 tar-rivista Leħen il-Malti. L-editriċi ta’ din ir-rivista hija Dorianne Bonello u l-membri tal-bord kienu Dorianne Bartolo, Antoine Cassar, Maria Debono, Leanne Ellul, Claudia Gauci, Neal Sammut, Alvin Vassallo, u Olvin Vella. Leħen il-Malti jinkludi xogħljiet poetiċi, prożajċi u studji ta’ Theresa Abdilla, Beverly Agius, Celine Agius, Daniel Aquilina, Joe Axiaq, Clare Azzopardi, Kit Azzopardi, Charles Bezzina, John Bonello, Ġorġ Borg, Olivia Borg, Charles Briffa, Matthew Calleja, Joe Camilleri, Elena Cardona, Priscilla Cassar, Carmel G. Cauchi, Mary Chetcuti, Dwayne Ellul, Reno Fenech, Joanne Gauci, Maria Grech Ganado, Sergio Grech, Carlston Grima, Kenneth Grima, Sandra Hili Vassallo, Naomi Mercieca, Nadia Mifsud, Antonio Olivari, John P. Portelli, Matteo Pullicino, Rita Saliba, Matthew Schembri, Michael Spagnol, Anna T. Szabó, Noel Tanti u Joseph Vella.

Waqt it-tnedija ppreżentata minn Claudia Gauci se jinqraw siltiet mill-aħjar xogħlijiet f’din l-edizzjoni u Effie Azzopardi, Samwel Grima u Rafel Grima se jdoqqu mużika jazz. Wara titħabbar is-sejħa għall-edizzjoni ta’ Leħen il-Malti li jmiss, jiġifieri ħarġa 36 u jkun hemm bibita. L-attività se ssir f’Sala Sir Temi Zammit, ġewwa Dar il-Mediterran, il-Belt u tibda fit-20:00hrs.

Din il-ħarġa setgħet tkun possibbli bl-għajnuna tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u Midsea Books Ltd.
L-attività fuq Facebook tistgħu ssibuha f’din il-ħolqa.

 


 

Lejn Università verament aċċessibbli

Sabiex jingħelbu l-ostakli għal persuni fl-ispettru tal-awtiżmu u b’diffikultajiet fit-tagħlim

Ir-Rettorat tal-Università ta’ Malta, b’kollaborazzjoni mal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, huwa konxju mit-tħassib tal-ġenituri, l-istudenti u l-pubbliku, dwar aċċess aħjar għal edukazzjoni terzjarja għal persuni fl-ispettru tal-awtiżmu u dawk b’diffikultajiet fit-tagħlim. Għal dan il-għan, l-Università qiegħda torganizza konferenza li ser tgħinha tifhem aħjar l-isfidi involuti, u kif tista’ twieġeb għalihom b’mod effettiv.

Studenti fl-ispettru tal-awtiżmu u d-dislessja għandhom ħafna appoġġ fil-livell primarju u dak sekondarju, iżda jidher li fil-livell terzjarju jiffaċċjaw diffikultajiet. L-Università tħoss li wasal iż-żmien biex tevalwa l-pożizzjoni preżenti tagħha dwar arranġamenti ta’ aċċess għal dawn l-istudenti. L-għan ta’ din il-Konferenza, li se tlaqqa’ partijiet interessati—studenti, akkademiċi u esperti, organizzazzjonijiet tal-ġenituri u dawk li jfasslu l-politika—huwa li jiġu identifikati modi kif l-Università tista’ tegħleb ostakli eżistenti. L-Università se teżamina l-operat tagħha sabiex hekk tkun f’pożizzjoni aħjar biex takkomoda lil dawn l-istudenti li jistgħu jibbenefikaw minn edukazzjoni terzjarja.

Il-Konferenza ser tkun qed tilqa’ parteċipanti tal-ogħla livell. Dawn jinkludu lill-Eċċ.Tagħha Marie Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, li ser titkellem dwar kif l-inklużjoni tiġi mit-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-Onor. Evarist Bartolo MP, ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-Onor. Therese Comodini Cachia MEP, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella, il-Pro-Rettur għall-iStaff and Student Affairs and Outreach, Dr Carmen Sammut, id-Dekan, Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, Dr Andrew Azzopardi, il-President tal-KNPD u l-Attivist għal Persuni b’Diżabilità, is-Sur Oliver Scicluna, membri tal-KSU, kif ukoll numru ta’ akkademiċi, esperti nazzjonali u internazzjonali, attivisti u persuni b’interess partikulari f’dan il-qasam. Il-Konferenza se tiddiskuti suġġetti li jinkludu kif l-aċċessibiltà tista’ titwettaq, u l-istrutturi meħtieġa biex dan iseħħ.

Il-Konferenza ser issir fl-Awditorju tal-Kampus tal-Università ta’ Malta fil-Belt Valletta, fil-25 ta’ Novembru 2016. Hija ta’ interess partikulari għal professjonisti, ġenituri u studenti b’diffikultajiet fit-tagħlim, għaqdiet mhux governattivi (NGOs) u l-pubbliku ġenerali. Id-dħul huwa b’xejn iżda dawk il-persuni interessati huma mitluba jirreġistraw billi jibagħtu email lil lara.ellul@um.edu.mt.

 


 

Taħdita dwar M3P u l-ġbir tal-istejjer Orali

Nhar l-Erbgħa, 26 ta’ Ottubru 2016, fis-19:00hrs, se ssir taħdita pubblika minn Dr Toni Sant dwar “Il-Ħidma tal-Fondazzjoni M3P fuq ġbir u preservazzjoni ta’ stejjer orali” fi Spazju Kreattiv, Pjazza Kastilja, il-Belt Valletta. 

Din hija t-tielet taħdita bħala parti mill-proġett tat-Tradizzjoni Orali tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta. Din l-attività qed tittella’ bi sħab ma’ Spazju Kreattiv u l-Fondazzjoni M3P. Kulħadd huwa mistieden u dħul huwa b’xejn.

Sa minn meta twaqqfet fl-2010, il-Fondazzjoni M3P esplorat modi ta’ kif il-ġbir ta’ xhieda tal-fomm permezz tal-hekk imsejħa “stejjer orali” tista’ tkun parti essenzjali mill-ħidma tagħha. L-għan ewlieni ta’ din il-Fondazzjoni huwa l-preservazzjoni ta’ memorji dwar l-oqsma kollha tal-kreattività u dak kollu li jmiss magħhom.

 

sammymurgohomage

Omaġġ lil Sammy Murgo 

 

F’din it-taħdita, Toni Sant jitkellem dwar id-diversi modi li bihom il-Fondazzjoni esplorat il-ġbir u l-preservazzjoni ta’ stejjer orali matul is-snin, inkluż xogħol fuq il-familja ta’ Doreen u Sammy Galea, Paul Asciak, Freddie Mizzi, Damian u Francis Ebejer, u Sammy Murgo. Jingħata wkoll tagħrif dwar il-ħidma attwali li għaddejja f’dan il-qasam minn membri ta’ din l-organizzazzjoni, partikolarment f’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv, u tintwera xhieda ta’ dan il-patrimonju.


Dr Toni Sant huwa d-Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv li jopera mill-Kavallier ta’ San Ġakbu u l-President Fundatur tal-Fondazzjoni M3P li ilha taħdem fil-qasam tal-preservazzjoni tal-memorja fuq wirt intanġibbli sa mill-2010.

Wara bosta snin bħala xandar professjonali, il-karriera akkademika tiegħu fl-aħħar għorxin sena torbot ma’ ħdima fi New York u fir-Renju Unit. Il-kitbiet tiegħu jinkludi l-kotba Franklin Furnace and the Spirit of the Avantgarde: A HIstory of Future (ippubblikat minn University of Chicago Press fl-2011) u Remembering Rediffusion in Malta: A History Without Future (Midsea Books, 2016).

Il-ktieb li qed jaħdem fuqu bħalissa jismu Documenting Performance: The Context and Processes of Digital Curation u se jinħareġ md-dar tal-pubblikazzjoni Bloomsbury f’Londra għall-bidu tal-2017.

It-Tradizzjoni Orali

It-tliet koordinaturi ta' dan il-proġett fi ħdan id-Dipartiment tal-Malti tal-Università huma Dr Adrian Grima, il-Prof. Manwel Mifsud, u Dr Michael Spagnol. Dan il-proġett għandu l-appoġġ tal-Klabb Kotba Maltin.

 


 

Dimensjonijiet Ġodda fit-Traduzzjoni f'Malta

Dimensjonijiet Ġodda fit-Traduzzjoni f'Malta
Konferenza organizzata minn Inizjamed u d-Dipartiment tal-Malti fid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea

Tmexxi l-konferenza Claudine Borg

Il-Ġimgħa 21 ta' Ottubru, bejn is-6.00pm u d-9.00pm
Il-Mużew Marittimu, ix-Xatt tal-Birgu

Il-programm tal-konferenza

·       Dott Helga Zahra, Id-Dipartiment tal-Malti tad-DGT - fejn ninsabu u fejn sejrin
·       Dr Lonneke van der Plas,  Machine translation, the future is now
·       Prof. Joseph Eynaud, Il-futur tal-istudji tat-traduzzjoni f’Malta
·       Kenneth Grima, It-traduzzjoni letterarja f’qafas ta’ kontemporanjetà dejjiema

Diskussjoni

Pawża
 
·       Kristina Quintano, Publishing Maltese Literature Abroad
·       Antoine Cassar, Minn mappa għal mappa: It-traduzzjoni tkabbar il-gżejjer
·       Dr Fatima Sai, Languages in Open Conflict

Diskussjoni
 
Preżentazzjoni ta' Priscilla Cassar

 


 

Taħdita dwar is-Seħta u l-Iskunġrar

Nhar l-Erbgħa 12 ta' Ottubru, bejn is-sitta u s-sebgħa u nofs ta' filgħaxija, fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, Yanika Schembri Fava se tagħmel taħdita pubblika dwar 'Is-Seħta u l-Iskunġrar'. Din l-attività hija miftuħa għal kulħadd u d-dħul huwa b’xejn. 

 

skungrar2

'Il-Ħatem tal-Qarnita' li, flimkien ma' versi apposta, kien jaqdi funzjoni medika fil-komunità. 

Ritratt meħud mill-ktieb Jewellery in Malta: Treasures from the Island of the Knights (1530-1798) ta’ Francesca Balzan (63). 


It-Tradizzjoni Orali 

Din hija t-tieni taħdita organizzata mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti bħala parti minn proġett dwar It-Tradizzjoni Orali u bl-għajnuna tal-Klabb Kotba Maltin. F’dawn it-taħditiet ikun hemm preżentazzjoni tal-kelliema, tingħata xhieda ta’ tradizzjoni orali, u jkun hemm diskussjoni bis-sehem tal-udjenza. 

Yanika Schembri Fava se tippreżenta għadd ta' eżempji ta’ versi ta’ seħta u skunġrar permezz ta' filmati li ġibdet għar-riċerka tagħha għall-baċellerat fil-Malti. Se jkun hemm ukoll wirja żgħira ta' oġġetti li jintużaw f'dan il-qasam.


Is-Seħta u l-Iskunġrar

Fl-imgħoddi, aktar mil-lum, is-seħta u l-protezzjoni kontriha kienu ħtiġiet ta' kuljum tal-popolin. Il-versi ta’ seħta u dawk li jiskunġraw kienu jservu lill-komunità f’kull aspett tal-ħajja: min jisħet u min jiskonġra, skont il-bżonn tal-mument. Madankollu, il-vuċijiet tal-antenati u s-sengħa ta’ forzi primordjali, għalkemm naqsu, jidher li għadhom ħajjin. 

F’mumenti vulnerabbli, il-popolin iħoss il-bżonn li jgħaqqad il-forzi sopranaturali tiegħu f’ritwal wieħed biex kemm jista’ jkun joħloq formola maġika vversifikata b’saħħitha u konvinċenti biżżejjed biex il-komunità kollha sserraħ rasha li l-ħtieġa tal-mument titwettaq u l-gwaj jingħeleb. 

 

skungrar1 

Il-kappell maġiku bi kliem Għarbi minn ġewwa, ritratt meħud fil-Palazz tal-Inkwiżitur.

Dan kien jagħmel użu minnu Didacus Mifsud bħala rimedju għall-uġigħ ta’ ras. 


Yanika Schembri Fava

Yanika Schembri Fava studjat il-Malti fl-Università ta’ Malta u kitbet it-teżi tal-baċellerat bit-titlu 'Funzjonijiet Soċjali tal-Vers Popolari Malti: Is-Seħta u l-Iskunġrar' (2016). Fil-futur beħsiebha tippubblika l-ewwel ktieb tagħha b’versi popolari ta’ seħta u ta’ skunġrar, kemm mir-riċerka li għamlet għat-teżi, kif ukoll wara. Il-qasam tat-tradizzjoni orali, beda jinteressaha minn mindu kienet żgħira, meta kienet tara persuni qrib tagħha jużaw xi versi superstizzjużi u taħnin biex iraqqdu t-trabi. Madankollu, l-interess kompla kiber meta studjat 'L-Eqdem Testi Poetiċi Maltin', fosthom il-versi popolari Maltin. Schembri Fava beħsiebha tkompli l-istudji tagħha fil-livell ta’ Masters.


Aktar Tagħrif

Hemm aktar tagħrif dwar din it-taħdita u dwar il-proġett tad-Dipartiment tal-Malti dwar it-Tradizzjoni Orali fuq Facebook

 


 

Il-Jum Ewropew tal-Lingwi f'Malta

jumlingwi 

Festa ta' lingwi fi Pjazza Sant'Anna

Nhar is-Sibt, 24 ta’ Settembru, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta se tkun qed tiċċelebra l-Jum Ewropew tal-Lingwi fi Pjazza Sant’Anna, Tas-Sliema, bejn is-19:00 u d-21:00. Għar-raba’ sena konsekuttiva, l-Għaqda tal-Malti – Università qed tgħin fl-organizzazzjoni ta’ din iċ-ċelebrazzjoni.

Fost l-iskejjel, għaqdiet u ambaxxati li se jkunu preżenti bl-attivitajiet tagħhom għall-pubbliku nsibu l-Ambaxxata Spanjola, l-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ, ir-Russian Centre for Science and Culture in Malta, Malta University Language School, id-DESA, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, l-HOASA u l-Alliance Française. 

Kull min jiġi se jkollu ċ-ċans isegwi programm varjat b’qari b’lingwi differenti li se jiffoka primarjament dwar William Shakespeare f’għeluq l-400 sena mill-mewt tiegħu. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jattendi u anke jħalli l-messaġġ tiegħu bl-aktar lingwa għal qalbu waqt din il-festa ta’ lingwi! Fl-aħħar se nagħlqu bil-monologu minn Macbeth maqlub għall-Malti minn Alfred Palma, u maħdum minn Antonella Axisa taħt id-direzzjoni ta’ Immanuel Mifsud. Se jkunu qed jitqassmu riżorsi lingwistiċi bla ħlas.

Ħajr lill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, it-Teatru Salesjan u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.


Programm

19:00-21:00: a great feast of languages

Ingħaqdu magħna u pinġu l-kliem favorit, il-kliem li jġegħelkom tidħqu, il-kliem li mhux faċli tittraduċih, jew anke xi kliem li ħareġ bih William Shakespeare! Din l-attività qed tittella’ bl-appoġġ tal-HOASA.


19:00-21:00: tkunx bużżieqa

Ejjew sa ħdejna sabiex takkwistaw bżieżaq u kartolini bilingwi bi kwotazzjonijiet ta’ Shakespeare f’għamliet tipografiċi oriġinali.


19:30: the matter that you read

Ix-xogħlijiet ta’ Shakespeare jibqgħu ħajjin mhux biss ħabba l-valur u t-temi universali tagħhom, imma wkoll għax ġew tradotti f’diversi lingwi. Ejjew u isimgħu x-xogħlijiet ta’ Shakespeare moqrija bil-Malti u bil-Ġermaniż.


20:00: ejjew spirti

Monologu minn Lady M f’Macbeth; kitba ta' William Shakespeare u traduzzjoni għall-Malti minn Alfred Palma. Taħt id-direzzjoni ta’ Immanuel Mifsud, Antonella Axisa se tkun qed tinterpreta l-parti ta’ Lady M. Il-monologu qed ikun issapportjat mit-Teatru Salesjan, it-Teatru Manoel, Tony’s Bar u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.


20:15: the matter that you read

Ix-xogħlijiet ta’ Shakespeare jibqgħu ħajjin mhux biss ħabba l-valur u t-temi universali tagħhom, imma wkoll għax ġew tradotti f’diversi lingwi. Ejjew u isimgħu x-xogħlijiet ta’ Shakespeare moqrija f’diversi lingwi! Din l-attività qed tittella’ bl-appoġġ tad-DESA, Alliance Française u l-Istitut Kulturali Taljan.  

 

20:50: ejjew spirti

Monologu minn Lady M f’Macbeth; kitba ta' William Shakespeare u traduzzjoni għall-Malti minn Alfred Palma. Taħt id-direzzjoni ta’ Immanuel Mifsud, Antonella Axisa se tkun qed tinterpreta l-parti ta’ Lady M. Il-monologu qed ikun issapportjat mit-Teatru Salesjan, it-Teatru Manoel, Tony’s Bar u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

 


 

Ix-Xjenza tal-Imħabba

Il-Ħadd 7 ta’ Awwissu, fit-8 ta' filgħaxija
Atriju Vassalli, L-Università ta' Malta, L-Imsida

Hemm diversi forom ta’ mħabba, ta’ kundizzjonijiet differenti tal-eżistenza u ta’ relazzjonijiet. Kull persuna għandha perspettivi u opinjonijiet differenti. Ix-xjenzjati wkoll ippruvaw jiskopru kif in-nies huma attratti lejn xulxin u x’effett għandha l-imħabba fuqna.

Ix-xjenza li se tiġi ttrattata se tinkludi n-newroxjenza, il-ġenetika u l-kimika tal-imħabba. Kif jaffettwa l-moħħ l-oxytocin? Apparti l-kimika, hemm xi ħaġa oħra li twassalna li nintrabtu aktar ma’ bnedmin oħra? L-aspett soċjo-emozzjonali kif jaffettwa l-livelli tal-oxytocin fil-moħħ? Hemm xi aspett misterjuż tal-imħabba li m’aħniex konxji tiegħu?

Ix-Xjenza tal-Imħabba (‘Science of Love’) hija r-raba’ sena għal Café Scientifique f’Evenings on Campus. Café Scientifique hija attività tal-Kamra tax-Xjenzjati Malta (Malta Chamber of Scientists). L-isponsors jinkludu lil Sammy’s (by Culinary Forward Malta), Evenings on Campus, l-Università ta’ Malta u l-Koperattiva Kulturali Universitarja.

Tkun apprezzata donazzjoni minn min jattendi. Għal kull €5, tingħata xarba b’xejn u ċ-ċans li tirbaħ ikla għal tnejn għand Sammy’s (by Culinary Forward Malta). Id-donazzjonijiet imorru għat-Trust ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta (Research Trust of the University of Malta – RIDT).

Għal aktar informazzjoni, ibgħat email lil eveningsoncampus@um.edu.mt jew ċempel fuq +356 7984 3480. 

Il-post huwa aċċessibbli għal min juża siġġu tar-roti u jinkludi parking b’xejn fil-Parkeġġ Numru 6 tal-Università ta’ Malta, il-Kampus tal-Imsida.

 


 

Iswed

Iswed, waħda mill-attivitajiet ta' Evenings on Campus, ser issir nhar is-Sibt 6 t'Awwissu, fid-9 ta' filgħaxija fi Pjazzetta Dun Karm, l-Università ta' Malta, il-Kampus tal-Imsida.

‘Iswed’ hija preżentazzjoni multi-medjali minn Glen Calleja dwar l-ispettaklu tal-migrazzjoni u l-ispettatur. Mistoqsija: min huma dawk li l-ispettatur qed jara jaħarbu għaxra jew għoxrin sena 'l bogħod fuq ix-xefaq? ‘Iswed’ hija dwar l-Afrika li ma bqajniex inżuru, hija dwar dik l-art li fl-aħħar ġiet għandna u li forsi toħodna magħha xi mkien ġdid. ‘Iswed’ hija dwar il-kożmonawti, id-diesel u d-dgħajjes, is-satellite phones u dwar il-ġkieket tas-salvataġġ mitlufa fid-dlam. 

Din il-preżentazzjoni hija parti mill-proġett Bodyless immexxi minn KOPIN u tinkludi kemm qari live kif ukoll xogħol awdjoviżiv.

Għall-aktar informazzjoni ikteb lil eveningsoncampus@um.edu.mt jew ċempel 7984 3480.

Il-programm kollu ta' Evenings on Campus 2016 jinsab fuq is-sit elettroniku www.um.edu.mt/eveningsoncampus.

Donazzjonijiet ghal din is-serata jingħataw lil RIDT – www.ridt.org.mt

 


 

Speranza

Speranza hija kollezzjoni ta’ tliet xogħlijiet distinti li jesploraw kwistjonijiet soċjali tas-Seklu 21: attakki terroristiċi, il-migrazzjoni u l-gender.

‘Spera’ (minn The Box) hija silta interdixxiplinarja dwar il-gender li tgħaqqad flimkien żfin, mużika u teatru.
‘Limbo’ (minn Studio 18) huwa xogħol maħluq b’mod kollaborattiv, b’bażi teatrali, li jesplora l-kunċett tal-migrazzjoni.
‘An Empty Space’ (minn Danza C) huwa xogħol koreografiku li jesplora l-kunċetti tal-gwerra u attakki terroristiċi minn perspettivi differenti.

Biljetti
Kbar: €10; tfal taħt it-12-il sena: €5

Għal aktar informazzjoni ibgħat email lil eveningsoncampus@um.edu.mt jew ċempel fuq +356 7984 3480. Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn www.ticketline.com.mt

Il-post huwa aċċessibbli għal min juża siġġu tar-roti u jinkludi parking b’xejn fil-Parkeġġ Numru 6 tal-Università ta’ Malta, il-Kampus tal-Imsida.

 


 

Il-Wirja tal-Fakultà tal-Inġinerija 2016

Is-27 edizzjoni tal-Wirja annwali tal-Proġetti tal-Inġinerija tal-Università ta’ Malta se turi l-proġetti li saru mill-istudenti tal-ewwel grad matul l-aħħar sena tal-kors ta’ erba’ snin għal-lawrja ta’ B.Eng. (Hons) kif ukoll tal-istudenti postgraduate tal-Inġinerija. Il-proġetti ser ikunu għall-wiri fid-diversi laboratorji fil-Fakultà tal-Inġinerija fuq il-Kampus tal-Imsida, li se jkunu miftuħa għall-pubbliku nhar il-Ġimgħa 1 ta’ Lulju bejn il-5.00pm u t-8.00pm u s-Sibt 2 ta’ Lulju mid-9.00am sa nofsinhar.

Din is-sena se jkun hemm total ta’ 94 proġett. Dawn il-proġetti ser jinkludu għażla wiesgħa ta’ oqsma topiċi relatati mal-qasam bijomediku, l-enerġija li tiġġedded, l-ambjent, prodotti elettroniċi, ir-robotika, it-trasport, proċessi ta’ manifattura, materjali ġodda u trattamenti ta’ superfiċji.

Matul is-snin, il-proġetti esibiti taw stampa ta’ kisbiet teknoloġiċi u ta’ riċerka avvanzati ħafna. L-għan tal-wirja hu li jagħti lill-istudenti kollha mill-primarja sal-livell post-sekondarju, lil min iħaddem u lill-impjegati fil-qasam industrijali, fis-setturi tas-saħħa u s-servizzi, kif ukoll lill-pubbliku ġenerali, l-opportunità li jaraw il-proġetti b’mod dirett u jiltaqgħu ma’ studenti li qed jiggradwaw mill-Fakultà tal-Inġinerija. Il-wirja toffri lill-viżitaturi l-opportunità li jżuru l-faċilitajiet tal-laboratorji tal-Fakultà u jiksbu għarfien aħjar dwar il-professjoni tal-Inġinerija. Din il-wirja tista’ tħajjar lil studenti żgħażagħ biex jaspiraw għal karriera fl-Inġinerija u tagħtihom lemħa tal-ħafna opportunitajiet li jeżistu għal Inġiniera professjonali meta dawn isegwu l-istudji tagħhom fil-Fakultà tal-Inġinerija fl-Università ta’ Malta. Il-wirja sservi wkoll bħala post fejn min iħaddem jiltaqa’ ma’ gradwati prospettivi fl-Inġinerija. Rappreżentanti minn numru ta’ ditti lokali ewlenin fl-industrija u kumpaniji parastatali jipparteċipaw fil-wirja u joffru l-appoġġ tagħhom kull sena.

Il-Fakultà tal-Inġinerija toffri tagħlim u superviżjoni kemm fil-livell tal-ewwel grad kif ukoll f’dawk ta’ wara l-ewwel grad. Il-programmi ta’ studju tal-ewwel grad fl-inġinerija mekkanika u fl-inġinerija elettrika huma mfassla biex jagħtu l-possibbiltà lill-istudenti li jifhmu l-bażi tal-inġinerija filwaqt li jkollhom flessibbiltà biżżejjed biex jiffukaw l-istudji tagħhom fuq diversi aspetti tal-inġinerija.  Il-programmi għal-lawrja jagħtu lill-gradwati l-flessibbiltà li jsibu impjieg u l-abilità biex ikomplu l-istudji tagħhom f’diversi oqsma tal-inġinerija fil-livell ta’ wara l-ewwel grad.

Il-gradwati dejjem kellhom opportunitajiet eċċellenti ta’ impjieg u ta’ studju f’livell ta’ wara l-ewwel grad, f’kumpaniji u f’universitajiet ta’ fama tajba mad-dinja kollha. Il-Fakultà hija attiva ħafna f’riċerka f’dixxiplini varji tal-inġinerija, li huma rilevanti kemm għal ħtiġijiet nazzjonali kif ukoll għall-komunitajiet internazzjonali tax-xjenza u l-inġinerija. F’dawn l-aħħar snin membri tal-Fakultà rnexxielhom jiksbu fondi biex itejbu l-faċilitajiet tal-laboratorji tagħhom u kellhom suċċess kbir fil-kisba ta’ fondi kompetittivi għal riċerka, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll dak internazzjonali.  Membri tal-Fakultà jippubblikaw artikli b’mod regolari f’ġurnali internazzjonali prestiġġjuzi u f’rapporti ta’ konferenzi u huma d-detenturi ta’ numru ta’ brevetti Ewropej u Internazzjonali.

Għal aktar informazzjoni żuru s-sit elettroniku www.um.edu.mt/eng jew il-paġna ta' Facebook.

 


 

Eroj tal-poplu? Kif jilħaq eroj, studju fuq Mikiel Anton Vassalli u Manwel Dimech

L-Istitut tal-Istudji Maltin qed jorganizza t-tieni taħdita tiegħu fis-sensiela ta’ taħdidiet pubbliċi dwar id-diversi aspetti dwar il-Kultura u l-Identità Maltija. 

F’din it-taħdita bit-titlu 'Eroj tal-poplu? Kif jilħaq eroj, studju fuq Mikiel Anton Vassalli u Manwel Dimech', il-kelliem, is-Sur Henry Franz Gauci ser jislet mir-riċerka oriġinali li għamel għat-teżi tiegħu fl-Istudji Maltin. Din it-taħdita ser issir fil-Bibljoteka Nazzjonali ta' Malta li tinsab 36, Triq it-Teżorerija Valletta nhar il-Ħamis 16 ta’ Ġunju u tibda fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija. Id-Direttur tal-Istitut, il-Professur Henry Frendo, ser jintroduċi lill-kelliem. Il-pubbliku huwa kordjalment mistieden biex jattendi.

Gauci  jiddiskuti kif il-kelma eroj fl-immaġinarju kollettiv tnissel immaġni ta’ persunaġġi eżemplari li jgawdu minn popolarità u devozzjoni popolari. Imma kemm hu minnu dan għal Mikiel Anton Vassalli u Manwel Dimech? Meta wieħed iqis li t-tnejn li huma mietu mwarrba u għal snin twal ġew minsija, kemm jista’ jitqies ir-rikonoxximent tagħhom bħala eroj bħala xi ħaġa naturali u mhux imposta? Dan l-istudju jinvestiga l-proċess ta’ kif Vassalli u Dimech ingħataw ħajja ġdida wara żmien fil-limbu u jistaqsi min kien wara dan il-proċess u kemm wieħed jista’ jqis li kien ta’ suċċess.

 


 

Seminar dwar il-Power Station tal-Marsa

Il-Programm tal-Patrimonju Industrijali tal-Università ta’ Malta jorganizza Seminar dwar il-Power Station tal-Marsa.

Il-Programm tal-Patrimonju Industrijali (Industrial Heritage Programme – IHP) tal-Università ta’ Malta, li twaqqaf is-sena li għaddiet bl-għan li jiġu mwettqa u promossi r-riċerka u t-tagħlim fil-qasam tal-patrimonju industrijali, ser ikun qed jorganizza l-ewwel attività tiegħu b’seminar ta’ nofstanhar fis-sit tal-Power Station tal-Marsa, b’kollaborazzjoni ma’ Enemalta plc, li qegħdin jospitaw is-seminar fis-sit tat-Turbina 8 fil-Power Station stess. Is-seminar se jkun bil-Malti.
Is-seminar “Marsa 2050, Il-Power Station u l-madwar, mill-imgħoddi għall-ġejjieni” se jsir nhar is-Sibt 23 ta’ April, mit-08:30 san-12:30.

Dr Daniel Vella, President tal-IHP, u l-Inġ Frederick Azzopardi, Chairman Eżekuttiv ta’ Enemalta plc, se jiftħu s-seminar.

Il-kelliema jinkludu lil Dr Timmy Gambin, Dr Reuben Grima u l-Prof. Robert Ghirlando mill-Università ta’ Malta.  Dr Gambin ser jitkellem dwar il-Marsa bħala Port Antik ta’ Ruma, Dr Grima se jittratta x-xogħol ta’ Abela, Casino San Giacomo, u l-ewwel mużew ta’ Malta, li kien fejn hemm it-tank tal-Impjant, filwaqt li l-Prof. Ghirlando se jagħti ġieh lill-Impjant u l-ħaddiema tiegħu.  

Kelliema oħra jinkludu lis-Sur Max Farrugia, ex librar ma’ Enemalta, li se jittratta l-Iżvilupp tal-Elettriku f’Malta fis-Seklu 20. L-Inġ. Robert Schembri minn Enemalta plc ser jagħmel diskors dwar il-proġett taż-żarmar tal-Power Station, filwaqt li s-Sur Josef Azzopardi mill-Għaqda Storika Kulturali Marsa se jitkellem dwar l-Għolja tal-Ġiżwiti minn żmien il-Franċiżi.

Fil-post fejn se jsir is-seminar ser tittella’ wirja ta’ proġetti dwar l-Iżvilupp taż-Żona ta’ madwar il-Port il-Kbir (Inner Harbour) mill-istudenti fil-kors ta’ Master mill-Fakultà tal-Ambjent Mibni. Id-Dekan tal-Fakultà, il-Prof. Alex Torpiano, se jintroduċi l-wirja lill-udjenza.

L-attendenza hija bla ħlas, iżda l-parteċipanti għandhom jibbukkjaw post billi jibagħtu email lill-ihp.eng@um.edu.mt jew iċemplu lis-Sa Stephania Mifsud fuq 2340 2360. 

Għal aktar informazzjoni żur is-sit elettroniku.

 


 

Taħdita Pubblika: "Terħa kaħla s-sema"

terhakahla

 

Nhar il-Ħamis, 17 ta' Marzu 2016, fis-18:30, se ssir taħdita pubblika dwar Dun Karm Psaila fl-Università ta' Malta, Tal-Qroqq, bl-isem ta' "Terħa kaħla s-sema. Bliet Dun Karm u bnadi oħra." Il-kelliem se jkun Kit Azzopardi. Din l-attività organizzata mid-Dipartiment tal-Malti se ssir fil-binja tal-Fakultà tal-ICT, f'Sala 9 (Binja A, Livell -1). Kulħadd huwa mistieden u d-dħul huwa b’xejn. Fl-aħħar tat-taħdita jkun hemm ħin għall-mistoqsijiet u wara jkun hemm bibita biex tkompli d-diskussjoni b'mod informali. 

Kit Azzopardi kiseb BA (Unuri) fil-Malti u mbagħad studja t-tagħlim tal-Malti fl-Università ta' Malta. Fl-ewwel teżi tiegħu kiteb dwar il-poeżija Passaport ta' Antoine Cassar. Fl-2015 kiseb MA fil-Letteratura Maltija b'teżi dwar "Rappreżentazzjonijiet Kulturali u Letterarji tal-Belt: Bliet ta' Norbert Bugeja."
 
Mill-istudji li saru dwar il-poeżija tiegħu nafu li Dun Karm jixħet ħarstu fuq l-ambjent naturali u rurali. Kit Azzopardi se jistaqsi x'nafu dwar l-ispazji urbani li jippreżenta. "Liema huma l-bliet ewlenin li jippreżenta bħala bliet-mudell? U liema huma l-bliet Maltin li jsibu ruħhom fi vrusu? Teżisti dikotomija jew kontinwità bejn l-ambjent tal-belt u l-ambjent tar-raħal?" Il-kelliem se jħares lejn id-diskors liriku ta' Dun Karm dwar il-kunċett tal-belt, u juri x'jgħid dan id-diskors dwar il-poeta nazzjonali tagħna. 
 
Id-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti stieden lil Kit Azzopardi biex jagħmel din it-taħdita pubblika bħala parti minn sensiela ta' taħditiet imnedija mill-Fondazzjoni Karmen Mikallef Buħaġar li jsiru kull sentejn bil-għan li jiġġeddu l-istudji dwar il-kitbiet u l-personalità letterarja tal-poeta nazzjonali. "Terħa kaħla s-sema. Bliet Dun Karm u bnadi oħra" se tkun it-18-il taħdita f'din is-sensiela.
 
Il-Konferenza Karmen Mikallef Buħaġar għandha wkoll l-għan li tikkultiva tradizzjoni ta' kitbiet kritiċi li jservu ta' spunt għal aktar riċerka f'dan il-qasam u f'oqsma relatati. Uħud minn dawn it-taħditiet li saru matul is-snin inġabru fil-pubblikazzjoni Studji Dunkarmjani (ed. Carmel Azzopardi, 2011). Hemm tagħrif dwar Karmen Mikallef Buħaġar, il-benefattriċi li waqqfet din is-sensiela ta' Konferenzi, fis-sit tal-Akkademja tal-Malti. Dwar din it-taħdita ta' Kit Azzopardi hemm tagħrif fuq il-paġna tal-Facebook tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università. Il-poster għal din it-taħdita ġie ddisinjat minn Leanne Ellul.
 
Aktar tagħrif jista' jinkiseb b'ittra elettronika jew b'telefonata lin-numru 2340 3387.
 

 


 

L-etika u l-impatt tal-ispiritwalità fiż-żmien ta’ mard

Il-konferenza internazzjonali dwar l-etika u l-impatt tal-ispiritwalità fiż-żmien ta’ mard, Ethics at the workplace calls for spiritual standing, qed tiġi organizzata mill-Kummissjoni Pastorali għall-kura pastorali għall-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, bil-kollaborazzjoni tal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa tal-Università ta’ Malta. Din ser issir bejn id-29 u 30 ta’ Marzu 2016 fis-South Auditorium, l-Isptar Mater Dei.

L-iskop ta’ din il-konferenza huwa biex jiżdied l-għarfien fuq it-tifsir tal-użu tal-kodiċi tal-etika u l-impatt tal-ispiritwalità fiż-żmien ta’ mard u fuq il-kura sħiħa tal-persuna. Il-konferenza għandha tgħin ukoll biex il-professjonisti u l-ħaddiema tas-saħħa jirriflettu fuq il-kura tagħhom biex jaħdmu bħala grupp magħqud. Qabel il-konferenza, se ssir quddiesa ċċelebrata mill-Eċċ. Mons Arċisqof Charles J. Scicluna b’suffraġju għall-erwieħ tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa. 

Il-Professur Angela Xuereb, Dekan tal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa se tagħti merħba lill-partecipanti, filwaqt li l-Eċċ Tagħha Marie Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, ser tiftaħ il-konferenza. L-esperjenza ta’ familja fl-isptar tlaqqa’ lill-parteċipanti mar-realtà tal-kura. Fil-konferenza ser jieħdu sehem diversi kelliema esperti fl-etika u fl-ispiritwalità fil-kura tal-vulnerabbli. Ser jintwera video-clip, b’każijiet ta’ seba’ eżempji ta’ kura, maħdum u mmuntatt taħt id-direzzjoni ta’ Mr Eric Grech.

Dan ser jgħin lill-parteċipanti jirriflettu fuq l-importanza tal-kura professjonali. Il-konferenza ser tiġi animata mit-talenti mużikali tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, filwaqt li jispikka t-talent ta’ Destiny, ir-rebbieħa tal-Junior Eurovision 2015, li ser tkanta ‘Not my Soul’.  Professjonisti barranin min-Norveġja, Netherlands, il-Polonja, ir-Renju Unit, Wales u pajjizi oħra ser jingħaqdu mal-Maltin fil-konferenza. 

Applikazzjoni 
Tista’ tintbagħat email lil Prof. Donia Baldacchino jew Dr Josephine Attard fejn jingħata l-isem u in-numru tal-ID ta’ min jixtieq jattendi. Il-ħlas jista’ jsir dak in-nhar tal-konferenza. 

 


 

Qalbek tħabbat SITTA SITTA?

Qalbek tħabbat SITTA SITTA? Tista’ tħabbat sitta sitta għall-mara, għar-raġel ... jew għall-proża u l-poeżija. Ingħaqad magħna għal sessjoni ta’ open mic fejn kull min jiġi hu mħeġġeġ iġib siltiet ta’ poeżija jew proża marbuta mal-IMĦABBA u jaqrahom. Dawk li ma jixtiqux jaqraw, jistgħu jiġu u jsegwu. Sadanittant, l-imħabba t-tajba!

Data: 15 ta’ Frar
Ħin: 7pm ’il quddiem
Post: Sistina Wine & Co., il-Gżira

Din l-attività qed tkun organizzata mill-Għaqda tal-Malti – Università u Inizjamed.



 


 

Il-Ġimgħa Mqaddsa: Spiritualità, Kultura, Politika u Storja

crcholyweek

 


 

Maskarat, Tini Perlina - Festin tal-Karnival

karnival2016 

Wasal iż-żmien mistenni minn kulħadd! U din is-sena l-Għaqda tal-Malti – Università flimkien mal-KSU qed torganizza l-festin tal-Karnival, Maskarat, tini perlina. Inħeġġukom biex tingħaqdu magħna ħalli niċċelebraw din it-tradizzjoni u fl-istess waqt nistrieħu ftit mill-eżamijiet. Se jkun hemm mużika, logħob, ikel u xorb.


Data: 9 ta’ Frar
Post: Common Room, l-Università

Ħin: 19:00–20:00hrs 
Festin għat-tfal, fosthom tfal mill-istituti, b’logħob u rigali

2000hrs ’il quddiem
Festin għall-kbar b’qari mill-Qarċilla ta’ Trevor Żahra minn Stefan Caruana u Antonella Mifsud, mużika u ħafna iktar

Din l-attività setgħet tkun possibbli bis-sapport tal-għaqdiet studenteski MUST u Insite u l-isponsors Buzzer Stationery, ESL Gross Market, Merlin Publishers, u Food Faculty. 

Tinsewx tiġu bil-kostum! Imma jekk tinsew, xi ħaġa xi nlibbsukom se ssibulna żgur. Narawkom!

 


 

Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus (5-7 Apr)

ktiebkampus

Għat-tielet sena konsekuttiva, l-Għaqda tal-Malti – Università u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jorganizzaw il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, li se jsir fl-5-6-7 ta’ April 2016. 

Waqt dan il-Festival inħeġġu lill-għaqdiet studenteski jagħtu s-sehem tagħhom. Għalhekk, dawk l-għaqdiet tal-istudenti li jixtiequ jorganizzaw xi attività marbuta mal-kotba (qari, taħdita, seminar, workshop, intervista ...) huma mħeġġa jibagħtu l-proposta tagħhom fuq dan l-indirizz. Il-parteċipazzjoni hija bla ħlas u d-data u l-ħin tal-attività jiġu diskussi aktar tard. 

Id-data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet tal-applikazzjonijiet hija d-29 ta’ Frar. 

 


 

Sejħa: Leħen il-Malti (għadd 35)

sejhalehenilmalti 

Il-Bord Editorjali ta’ Leħen il-Malti qed jaċċetta kitbiet bil-Malti għall-ħarġa li jmiss (għadd 35). Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jikkontribwixxi, speċjalment l-istudenti. Għal din il-ħarġa, il-Bord qed jaċċetta:

  1. Poeżiji (massimu ta’ 30 linja) 
  2. Novelli (2,500 kelma jew inqas)
  3. Kitbiet akkademiċi ta’ natura lingwistika, kritika jew kulturali, b’referenzi u biblijografija xierqa skont l-MLA (2,500 kelma jew inqas − biblijografija u kwotazzjonijiet esklużi)
Il-kontributuri jistgħu jibagħtu massimu ta’ 3 kitbiet oriġinali, li jridu jaslu lil ghaqdatalmalti@gmail.com sat-29.01.16. Il-fajls sottomessi għandhom ikunu fil-format *.doc, filwaqt li sottomissjonijiet bil-posta jintbagħtu lil:

Bord Editorjali − Leħen il-Malti
Ave Maria,
Triq il-Kbira,
Ħaż-Żebbuġ, ŻBĠ1300

Il-kontributuri mitluba jinkludu d-dettalji u l-kuntatti tagħhom, u dikjarazzjoni li l-kitbiet mibgħuta qatt ma dehru qabel, lanqas fuq siti soċjali. Kitbiet bi psewdonimu mhux se jkunu aċċettati, imma kitbiet b’koawturi huma aċċettati.

Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord ikunu finali, u l-Bord jirriserva d-dritt li jissuġġerixxi xi bidliet. Il-Bord jgħarraf lill-awturi bid-deċiżjoni tiegħu qabel il-pubblikazzjoni tar-rivista, imma mhux obbligat jibgħat kummenti lill-awturi dwar kitbiethom. Filwaqt li d-drittijiet tal-kitbiet magħżula jibqgħu tal-awturi, l-Għaqda żżomm id-dritt li terġa’ tippubblika l-materjal mibgħut lilha. Sottomissjonijiet li ma jimxux ma’ dawn il-kriterji jistgħu jiġu skwalifikati.

Il-membri tal-Bord Editorjali ma jistgħux jissottomettu. L-Editur Ġenerali ta’ din il-ħarġa hija Dorianne Bonello, il-President tal-Għaqda. Il-membri tal-Bord Editorjali huma Dorianne Bartolo, Antoine Cassar, Maria Debono, Leanne Ellul, Claudia Gauci, Neal Sammut, Alvin Vassallo, u Olvin Vella. Il-Bord, f’isem l-Għaqda, jixtieq jirringrazzja lill-Bord preċedenti u lil dawk kollha li se jikkontribwixxu. Kull min jixtieq aktar dettalji jista’ jikteb lill-Bord fuq l-istess indirizz elettroniku.

 


 

 

< Previous 1 Next >

 
 

Log In