L-Università ta' Malta
 

Kun af dwar saħħtek
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

Science in the City - is-saħħa
   
Matul il-festival ix-Xjenza fil-Belt ta’ din is-sena, li se jsir fid-29 ta’ Settembru bejn is-6 ta' filgħaxija u nofsillejl, se jkun hemm żona akbar mis-soltu ddedikata għas-saħħa. Din se tittratta r-riċerka li qed issir fl-Università ta' Malta, diversi check-ups biex ikun hawn aktar għarfien  dwar is-saħħa ta’ dak li jkun, kif ukoll ħarsa lejn il-futur tal-kura tas-saħħa fl-era tal-informatika.

Il-kantuniera bejn Triq San Ġwann u Triq ir-Repubblika se tkun iddominata minn installazzjoni kbira ta’ ologramma (hologram) imtella’ minn grupp ta' studenti mill-MCAST. Minħabba li x-xejra teknoloġika u l-kura tas-saħħa qed isiru aktar u aktar konnessi ma’ xulxin, parti kbira tal-filmat tal-ologramma għall-wiri sar b’kontribut minn riċerkaturi tal-Università ta’ Malta li se jiltaqgħu mal-pubbliku tul it-Triq San Ġwann biex jispjegaw ir-riċerka tagħhom dwar firxa wiesgħa ta’ mard.

Fost għaqdiet oħra li se jieħdu sehem hemm il-Kamra tal-Ispiżjara ta’ Malta li se turi teknoloġija ċċentrata fuq pazjenti, bħal applikazzjonijiet (apps) għal smartphones għal tilqim, flimkien ma' riċerka dwar kif il-ġenoma tista’ taffettwa r-reazzjonijiet tan-nies għad-drogi. L-Alleanza Nazzjonali għall-Appoġġ tal-Mard Rari - Malta se tqajjem kuxjenza dwar kundizzjonijiet ta’ saħħa li jistgħu jkunu injorati.

Il-kontribut ta’ aktar gruppi ta' riċerkaturi mill-Università ta’ Malta se jsostni dawn is-suġġetti b'aktar xjenza. Per eżempju, in-nies jistgħu jiltaqgħu mal-Professur Alex Felice u Dr Joseph Borg mill-Fakultajiet tal-Mediċina u l-Kirurġija, u Xjenza tas-Saħħa, u jsiru jafu aktar dwar disturbi rari tad-demm u jintwerew kif ikunu estratti DNA minn ċelloli. Il-viżitaturi jistgħu anki jaraw il-ġenoma tal-bniedem u jidentifikaw kif il-bidliet fid-DNA jistgħu jkunu analizzati wara, u marbuta mal-marda.  
 
Parteċipanti oħra se juru l-aktar aspett prattiku tal-kura tas-saħħa. Fi Triq San Ġwann u fil-Casino Maltese se jkun hemm oqsma differenti dwar il-mediċina, it-tagħmir minn oġġetti komuni li x'aktarx titgħallem aktar dwarhom (bħalma huma d-defibrillaturi) sa ċertu apparat speċjalizzat, ħafna inqas familjari, li jintuża f'audiology jew anke fil-podjatrija. Kont taf li kameras termali (thermal) u tagħmir għall-pressjoni jistgħu jintużaw biex jistudjaw saqajk? Jekk inti tqatta’ xi ftit ħin f’dan il-festival, se tkun taf aktar dwarek innifsek minn qatt qabel.

Bejn il-bini tal-Casino Maltese u Pjazza San Ġorġ, għaqdiet oħra tal-istudenti se juru aktar esperimenti u logħob, u jagħtu ħarsa lejn aspetti differenti tal-kura tas-saħħa, meqjusa minn diversi angoli differenti.

Il-festival ix-Xjenza fil-Belt – Lejlet ir-Riċerkaturi Ewropej hu organizzat mill-Università ta’ Malta, il-Fond tar-Riċerka (RIDT), il-Kamra Maltija tax-Xjentisti, flimkien ma’ numru kbir ta’ msieħba. Din is-serata hi ffinanzjata mill-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Horizon 2020 (H2020, 2014-2020) tal-Kummissjoni Ewropea mill-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie, u hu rikonoxxut bħala festival mill-Europe for Festivals and Festivals for Europe (EFFE). Il-festival għandu l-appoġġ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni u numru ta’ sponsers korporattivi.

Il-programm sħiħ jinsab fuq: www.scienceinthecity.org.mt Jista’ jkun segwit ukoll fuq Facebook għall-aktar aġġornamenti: www.facebook.com/ScienceInTheCityMalta

Ritratt: Il-parteċipanti matul il-festival ix-Xjenza fil-Belt—Lejlet ir-Riċerkaturi Ewropej, tas-sena li għaddiet  (Photo credit: Daniel Mifsud)

 
 
Aġġornata l-aħħar: 25/9/2017

Log In