L-Università ta' Malta
 

L-Università
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 


Daqqa t’Għajn

L-Università hija l-ogħla istituzzjoni edukattiva tal-Istat iffinanzjata minnu, u hija miftuħa għal kull min ikollu l-kwalifiki meħtieġa. L-Università għamlet il-bidliet meħtieġa fl-istrutturi tagħha biex tiġi taqbel mal-proċess ta’ Bologna u ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja. Billi hija konxja mir-rwol pubbliku tagħha, l-Università tagħmel ħilitha biex toħloq korsijiet li jkunu relevanti u li dlonk iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-pajjiż. L-ogħla korpi ta’ tmexxija fl-Università huma l-Kunsill u s-Senat.

Bħalissa studenti hemm madwar 11,500, u aktar minn 1000 minnhom huma studenti barranin/fuq skambju minn kważi 92 pajjiż differenti. Dawn kollha qed isegwu korsijiet full-time jew part-time għal Grad jew diploma, li ħafna minnhom jimxu bis-sistema tal-moduli jew kredti. Hemm ukoll Kors ta’ Studji Bażiċi (Foundation Studies Course) li permezz tiegħu studenti internazzjonali  mill-high school li jkunu temmew l-istudji sekondarji jew post-sekondarji barra minn Malta iżda ma jkollhomx il-kwalifiki meħtieġa biex jidħlu l-Università, ikunu jistgħu jikkwalifikaw biex jibdew kors ta’ qabel il-lawrja fl-Università ta’ Malta.

L-Università qed tindirizza l-ħtiġijiet infrastrutturali u industrijali tal-pajjiż biex tipprovdi l-ħila f’oqsma kruċjali. Kull sena jiggradwaw aktar minn 3,000 student f’diversi dixxiplini. Il-korsijiet li jwasslu għal Grad huma mfassla b’mod li jipproduċu professjonisti kkwalifikati ħafna, b’esperjenza fir-riċerka, li jistgħu jokkupaw karigi ewlenin fl-industrija, fil-kummerċ u fis-settur pubbliku in ġenerali. Hemm ukoll 2,500 student ieħor fil-qasam pre-universitarju fil-Junior College li huwa mmexxi mill-Università wkoll.

Il-Kampusijiet

Il-kampus prinċipali jinsab l-Imsida. Hemm żewġ kampusijiet oħra. Wieħed minn dawn huwa l-Kampus tal-Belt Valletta li qiegħed fil-Bini tal-Università l-Qadima li jmur lura għat-twaqqif tal-Collegium Melitense u jinkorpora l-Aula Magna. Il-Kampus tal-Belt Valletta jservi wkoll bħala ambjent prestiġjuż biex jilqa’ konferenzi internazzjonali, seminars, korsijiet qosra u skejjel tas-sajf. Huwa wkoll il-post fejn isiru l-korsijiet tal-International Collaborative Programmes, il-Fond għar-Riċerka tal-Università (RIDT) u t-Taqsima għall-Konferenzi u Avvenimenti

L-ieħor huwa l-Kampus t’Għawdex, fil-gżira oħt Malta, Għawdex, fejn jiġu offruti korsijiet part-time filgħaxija għal lawrja u diploma f’oqsma ta’ studju varji. Dan il-kampus jipprovdi wkoll post għal korsijiet qosra u seminars u fih hemm il-Guesten Atmospheric Research Centre, fi ħdan id-Dipartiment tal-Ġeoxjenza.

Il-Fakultajiet, l-Istituti u ċ-Ċentri

Illum l-Università għandha erbatax-il Fakultà: l-Ambjent Mibni; l-Arti; l-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy; l-Edukazzjoni; l-Inġinerija; il-Kirurġija Dentali; il-Liġi; il-Mediċina u l-Kirurġija; il-Midja u x-Xjenzi tal-Għarfien; it-Teknoloġija tal-Informatika u l-Komunikazzjoni; it-Teoloġija; it-Tisħiħ tas-Soċjetà, ix-Xjenza u x-Xjenzi tas-Saħħa.

Twaqqfu għadd ta’ Ċentri u Istituti interdixxiplinarji f’diversi oqsma. Fost dawn insibu l-Bidla fil-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli; l-Edukazzjoni Fiżika u l-Isport; l-Enerġija Sostenibbli; l-Istitut Edward de Bono għat-Tifsil u l-Iżvilupp tal-Ħsieb; il-Gżejjer u l-Istati ż-Żgħar; l-Istudji Anglo-Taljani; l-Istudji fil-Barokk; l-Istudji Ewropej; l-Istudji Maltin; l-Istitut Konfuċju; il-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa; il-Logħob Diġitali; l-Istitut Mediterranju; is-Sistemi Ambjentali; it-Teknoloġiji Aerospazjali; it-Turiżmu, l-Ivvjaġġar u l-Kultura; ix-Xjenzi Spazjali u l-Astronomija; u l-Akkademja Mediterranja għall-Istudji Diplomatiċi.

Iċ-Ċentri jinkludu: iċ-Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali; iċ-Ċentru għaċ-Ċibernetika Bijomedika; iċ-Ċentru għall-Edukazzjoni u r-Riċerka Ambjentali; iċ-Ċentru Ewro-Mediterranju għar-Riċerka Edukattiva; iċ-Ċentru għall-Intraprenditorija u għall-Inkubazzjoni tan-Negozju; iċ-Ċentru għall-Istudji tax-Xogħol; iċ-Ċentru tal-Litteriżmu; iċ-Ċentru tal-Mediċina Ċiniża Tradizzjonali; iċ-Ċentru tal-Mediċina Molekulari u tal-Biobanking; iċ-Ċentru tal-Profiċjenza fil-Lingwa Ingliża u ċ-Ċentru għar-Reżiljenza u s-Saħħa Emozzjonali u Soċjali.

Fl-Università ta' Malta nsibu l-Iskola tal-Arti Performattiva. L-Università waqqfet ukoll l-Iskola Internazzjonali għall-Foundation Studies.

Iċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Università ta’ Malta fil-Kottonera ġie mwaqqaf biex iservi ta’ pont bejn uħud mill-komunitajiet fl-inħawi ta’ ġewwa tal-port u l-Università ta’ Malta. Dan għandu l-għan li jservi bħala punt ċentrali li jikkoordina l-għaqda bejn dawn il-komunitajiet u l-Università, u jiffaċilita t-trasferiment kemm ta’ riżorsi kif ukoll ta’ kapaċitajiet. Iċ-Ċentru tar-Riżorsi u Ġonna Botaniċi tal-Argotti tal-Università ta' Malta jinsab il-Furjana.

Il-konkorrenza tal-pubbliku għall-Università tat-Tielet Età kienet inkoraġġanti ħafna, u s-sħubija fiha dejjem tiżdied u l-attendenza hija tajba għall-attivitajiet kollha.

Fil-kampus hemm ukoll l-Istitut Internazzjonali għal-Liġi Marittima (IMLI) tal-IMO. 

L-Oqsma tar-Riċerka

Ir-riċerkaturi fl-Università ta’ Malta jagħmlu riċerka f’varjetà ta’ oqsma li jestendu minn sistemi adattivi għal monitorjar seismiku. Bħala l-unika Università ta’ Malta, għandna responsabilità speċjali biex nistudjaw oqsma ta’ dimensjoni nazzjonali jew indiġeni, bħall-marina lokali u l-flora u fawna terrestri, il-karatteristiċi u l-problemi tal-konservazzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-ġebla tal-franka Maltija, l-istorja għanja ta’ Malta, diżordnijiet indiġeni bħat-talassemija, il-lingwistika Maltija, u r-reżiljenza u l-vulnerabilità tal-gżejjer u l-istati ż-żgħar. L-Università hija wkoll il-post fejn isiru għadd ta’ programmi importanti ta’ riċerka, li jinkludu riċerka fil-logħob diġitali, bidla fil-klima, metamaterials, oċeanografija fiżika, u liġi marittima. Aktar fuq ir-riċerka li għaddejja fl-Università tinsab fis-Sit elettroniku tar-Riċerka.

L-Università bħala Membru

L-Università ta’ Malta hija membru tal-Assoċjazzjoni tal-Universitajiet Ewropej, il-European Access Network, l-Assoċjazzjoni tal-Universitajiet tal-Commonwealth, il-Utrecht Network, is-Santander Network, il-Grupp ta’ Compostela, il-European Association for University Lifelong Learning (EUCEN) u l-Programm Internazzjonali ta’ Skambju tal-Istudenti (ISEP). Matul is-snin, l-Università ħadet sehem f’għadd ta’ programmi tal-UE u rebħet diversi proġetti b’kollaborazzjoni ma’ diversi universitajiet imseħbin oħra. Il-membri tal-istaff u l-istudenti tal-Università ta’ Malta jieħdu sehem regolarment ukoll fi programmi bħalma huma  l-Erasmus u l-Leonardo.

Ir-Rabtiet mal-Industrija

Inħolqu rabtiet mal-Kamra tal-Kummerċ, il-Federazzjoni tal-Industrija u l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ biex jiġi stabbilit mod li bih l-Università, l-industrija, is-settur kummerċjali u s-settur pubbliku jkunu jistgħu jiżviluppaw djalogu bejniethom li jkun ta’ ġid għal kulħadd. Filwaqt li żżomm l-impjegaturi potenzjali mgħarrfin dwar l-għerf u l-ħiliet li qed jiksbu l-istudenti fl-università, l-Università tfittex li tassessja l-ħtiġijiet tad-diversi aspetti tas-suq tax-xogħol sabiex tkun tista’ toffri tagħlim relevanti u f’waqtu.

Il-Malta University Holding Company Ltd (MUHC)

Il-Malta University Holding Company Ltd (MUHC) tħaddan l-interessi kummerċjali tal-Università ta’ Malta. Il-kumpaniji fi ħdan il-Holding Company jservu bħala interface kummerċjali bejn l-Università ta’ Malta u l-komunità tan-negozju, jagħmluha ta’ sensara għar-riżorsi u l-assi tal-Università biex jipprovdu valur addizzjonali permezz ta’ attività kummerċjali.

Il-Malta University Holding Company Ltd tipprovdi direzzjoni strateġika u assistenza lill-kumpaniji tal-Grupp.
  • Malta University Branded Merchandise
  • Malta University Brodcasting
  • Malta University Consulting Services
  • Malta University Hospitality, Leisure & Sports
  • Malta University Laboratory Services
  • Malta University Language School (fil-Kampus tal-Imsida)
  • Malta University Publishing
  • Malta University Residence
  • Professional Development
  • The Kappara Hotel

 
 
Aġġornata l-aħħar: 3/10/2017

Log In