L-Università ta' Malta
 

L-Istorja tal-Università
Dħul Dħul
 
 
 
Aħbarijiet tal-Kampus
Mappa tal-Kampus
 

UoM Building

Il-Bidu

L-Università ta’ Malta taf il-bidu tagħha lit-twaqqif tal-Collegium Melitense li sar bl-intervent dirett tal-Papa fit-12 ta’ Novembru 1592. Dan il-kulleġġ kien jitmexxa mill-Ġiżwiti fuq l-istess linji tal-kulleġġi li kellhom bnadi oħra u li kienu magħrufa bħala 'Collegia Externorum', biex jilqgħu studenti li ma kinux Ġiżwiti. B’Bolla papali tal-Papa Piju IV tad-29 ta’ Awissu 1561, li reġa’ ġie kkonfermat aktar tard mill-Papa Gregorju XIII b’Bolla oħra tad-9 ta’ Mejju 1578, lill-Ġiżwiti ngħatatilhom is-setgħa li jagħtu l-Gradi ta’ Magister Philosophiae u Doctor Divinitatis. Madankollu, l-att tal-fondazzjoni kien jispeċifika li, minbarra l-Filosofija u t-Teoloġija, kellhom jiġu mgħallma wkoll il-Grammatika u l-Istudji Umanistiċi.

Meta l-pesta tal-1675 kienet battiet, il-Gran Mastru Nicolò Cotoner ħatar lil Fra Dr Giuseppe Zammit bħala 'lettore' fl-Anatomija u l-Kirurġija fis-Sacra Infermeria fid-19 ta’ Ottubru 1676. Dan it-tentattiv biex it-tagħlim mediku fl-isptar tal-Ordni jiġi fformalizzat jitqies minn ħafna bħala l-bidu tal-iskola medika tagħna. Zammit imbagħad waqqaf l-ewwel librerija medika fil-gżira kif ukoll ġnien tal-ħxejjex mediċinali f’wieħed mill-fosos tal-Forti Sant’Iermu.

It-Twaqqif tal-Università

Wara li l-Ordni tal-Ġiżwiti tkeċċiet minn Malta fl-1768, il-Gran Mastru Pinto ħa taħt idejh id-dħul kollu li kien jinġabar mill-proprjetà tagħhom fil-gżira bl-għan li jwaqqaf 'Pubblica Università di Studi Generali'. Id-digriet li jwaqqaf l-Università ġie ffirmat minn Pinto fit-22 ta’ Novembru 1769, wara li ġie awtorizzat jagħmel dan bl-Ittra Papali 'Sedula Romani Pontifici', li rċieva fl-20 ta’ Ottubru 1769. Fil-25 ta’ Mejju 1771, twaqqaf Collegio Medico bħala waħda mill-fakultajiet li kienu jiffurmaw l-Università. Fi żmien it-twaqqif tal-Università, il-'Principe dell’Accademia dei Medici' kien il-kirurgu Michelangelo Grima, li kellu wkoll il-Katedra konġunta tal-Anatomija u l-Kirurġija fl-Iskola Medika, filwaqt li l-Professur tal-Mediċina kien Giorgio Locano.

Ir-Retturi tal-Università fl-Imgħoddi

L-ewwel Rettur tal-Università kien Dun Roberto Costaguti tal-Ordni tas-Serviti, li fis-snin ta’ qabel kien sar magħruf bħala predikatur. Inġiebu wkoll f’Malta numru ta’ professuri barranin oħra biex jgħinu fit-twaqqif tal-Università u dawn ingħataw il-ħatra f’Ġunju 1771. Dawn kienu jgħixu flimkien f’dak li qabel kien il-Kulleġġ tal-Ġiżwiti. Jidher li l-Fakultà tal-Mediċina kienet l-unika waħda li kien fiha għalliema Maltin biss – tradizzjoni li baqgħet tinżamm matul is-sekli.

Malli miet Pinto, is-suċċessur tiegħu, Ximenes, naqqas in-numru ta’ katedri u, bħala miżura ekonomika, keċċa l-għalliema barranin kollha. Matul il-ħakma qasira tal-Franċiżi, l-edukazzjoni universitarja formali waqfet ħesrem hekk kif Napuljun abolixxa l-Università ħamest ijiem wara li niżel Malta fit-18 ta’ Ġunju 1798. B’xorti tajba, ftit ġimgħat wara li l-Franċiżi kellhom iħallu Malta, Sir Alexander Ball reġa’ waqqaf  l-Università u ħatar lill-Kanonku F.X. Caruana bħala Rettur fit-28 ta’ Ottubru 1800, bħala rikonoxximent tas-servizz li kien ta fil-qawmien kontra l-Franċiżi.

L-ewwel Rettur maħtur mill-Gvernatur Sir Thomas Maitland fil-bidu tal-ħakma Brittanika kien id-Dumnikan Patri Gerolamo Inglott, Professur tal-Filosofija. Matul il-perjodu Ingliż, l-Università għaddiet minn sensiela ta’ bidliet fl-istatuti u r-regolamenti tagħha sabiex tiġi timxi bħall-universitajiet fir-Renju Unit. L-istemma attwali u l-motto 'Ut Fructificemus Deo' kienu proposti fl-1 ta’ Marzu 1923 mir-Rettur, il-Professur Sir Temistokle Zammit. Bejn l-1937 u l-1974 (meta Malta saret Repubblika) l-Università talbet, u kisbet b’mod regolari, id-dritt li tuża l-kelma 'Royal' fit-titlu tagħha.

Ikklikkja hawn għal-lista tar-Retturi.

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, issaħħu l-Librerija u l-istrutturi ta’ appoġġ. Fl-1959 infetħu l-Evans Laboratories biex jospitaw il-Fakultà tax-Xjenza ħdejn l-isptar il-qadim tal-Kavallieri fil-Belt Valletta, u fl-1968 infetaħ il-bini ta’ Skola Medika ġdida ħdejn l-Isptar San Luqa fi Gwardamanġa. Fl-istess żmien ġie inawgurat il-Kampus il-ġdid fl-Imsida.

Il-Fakultà tal-Inġinerija Mekkanika u Elettrika (illum il-Fakultà tal-Inġinerija) u l-Fakultà tal-Edukazzjoni ngħaqdu mal-Università meta dak li kien il-Polytechnic (magħruf ukoll bħala l-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija) ġie inkorporat magħha.

L-Università Llum

L-istruttura attwali tal-Università twaqqfet permezz tal-Att dwar l-Edukazzjoni ta’ l-1988.

Bħalissa studenti hemm madwar 11,500, fosthom madwar 1000 barranin/fuq skambju, u qed jattendu korsijiet full-time jew part-time għal Grad jew għal diploma, li ħafna minnhom jimxu bis-sistema tal-moduli jew kredti. Il-korsijiet li jwasslu għal Grad huma mfassla b’mod li jipproduċu professjonisti kkwalifikati ħafna, b’esperjenza fir-riċerka, li ’l quddiem jokkupaw karigi ewlenin fl-industrija, fil-kummerċ u fis-settur pubbliku in ġenerali. L-Università llum għandha erbatax-il fakultà u numru ta’ ċentri u istituti interdixxiplinarji.

Ikklikkja hawn għal aktar tagħrif.

 
 
Aġġornata l-aħħar: 22/1/2016

Log In