'Castillo' huwa dramm imnebbaħ mir-rumanz bl-istess isem miktub mis-Sa Clare Azzopardi li hija lettriċi fil-Junior College. Dan id-dramm li ġie adattat għall-palk mill-kumpanija TakeTwo jħares lejn it-taqlib politiku reċenti ta’ Malta billi jgħaqqad il-passat mal-preżent, u jikxef riflessjoni reali fuq is-soċjetà Maltija permezz tal-vjaġġ personali ta’ Amanda.
Dan huwa dak li kellha xi tgħid Clare Azzopardi fuq din il-produzzjoni: "Li kumpanija bħat-TakeTwo tinteressa ruħha tant fi ktieb tiegħi, huwa unur. Meta Abigail Mallia ċemplitli biex tgħidli kemm għoġobha r-rumanz Castillo u li trid tagħmlu film, eċitajt ruħi immens. Imbagħad għadda ftit żmien ieħor u saħansitra ddeċidiet li ttellgħu ukoll dramm. Sinċerament ma kelli x'naqsam xejn ma' dan id-dramm imma ħerqana nara x'se joffri."
'Castillo' ser ikun qed jintwera fit-Teatru ta’ Spazju Kreattiv mill-Ġimgħa 11 sal-Ħadd 20 ta' Frar 2022. Għal aktar dettalji żur is-sit ta' Spazju Kreattiv.