Kull kelma għandha l-ġrajja tagħha, ġrajja li taf tikxef xejriet ta’ moħħ bikri jew ta’ żmienna. Fid-dinja tal-kelma hemm ġid kbir. Fil-ġrajja wara l-kelma nsibu l-imgħoddi Malti ta’ missirijietna (aktar milli l-imgħoddi barrani f’art missirijietna). U nsibu l-preżent ukoll. Għalhekk il-kunċett tal-ġrajja wara l-kelma jħaddan xi aspetti tal-istorja kulturali ta’ niesna.
Il-Laqmijiet Karkariżi fil-Kultura Maltija – Dizzjunarju (Horizons Publications 2018)
L-għan ta’ Il-Laqmijiet Karkariżi fil-Kultura Maltija – Dizzjunarju huwa li jipprovdi briġġ bejn ir-riċerka lingwistika u s-soċjetà Karkariża. Meta nifhmu l-laqmijiet li hawn madwarna, nifhmu ftit aktar lil niesna li ġew qabilna jew li qegħdin fostna. Il-laqmijiet joffrulna l-impressjonijiet ta’ x’kienu jħossu u jaħsbu ta’ qabilna f’bosta sitwazzjonijiet u żminijiet differenti. Il-kultura tal-laqmijiet tixhed xejriet ta’ kooperazzjoni fil-perċezzjoni ta’ soċjetà. Dan il-ktieb huwa studju tal-laqmijiet Karkariżi b’approwċ interdixxiplinarju. Imma l-aktar li joffri hija analiżi lingwistika; u jifhem li ħaddieħor (minn oqsma oħra) jista’ jibni fuqha din l-analiżi.
Dan il-ktieb, Fl-Arena ta’ Moħħu (Victor Fenech: Esperimenti Stilistiċi u Protesta Soċjali f’Maqdes Ruħu), juri li Victor Fenech huwa awtur intellettwali. Mimli kultura. Mimli referenzi. Mimli djalogiżmu. Imma fl-istess ħin huwa mimli soġġettività. Biss, fih il-personali malajr jingħaraf bħala ġenerali; u l-individwu jsir mikrokożmu. U jrid jinqara b’mod produttiv. Għax xogħlijietu jagħmlu sehem minn maqdes ruħu mdawwar b’arena mentali. Fenech jikkaratterizza l-kontemporanjetà. Il-valuri estetiċi tal-moderniżmu jiksbu xejriet siewja fil-kontemporanjetà f’għamla ta’ rewriting.