Minn Sephora Francalanza, f'isem l-Għaqda tal-Malti Università
Din il-ġimgħa, ix-xena letterarja Maltija nħasdet bl-aħbar tal-mewt ta’ Prof. Oliver Friggieri. Mhux biss dawk interessati fil-letteratura, imma l-pajjiż kollu, saħansitra sarlu funeral organizzat mill-Istat, kif kien jixraqlu.
Fl-aħħar jiem rajna l-mezzi soċjali tagħna, il-gazzetti u t-televixin invażati b’ritratti, memorji u kitbiet ta’ dan il-ġgant letterarju. Hekk sejħulu. Oħrajn kienu aktar preċiżi meta sejħulu ġgant ġentili.
Għax għalina l-istudenti kien tassew ġgant li għall-bidu kważi kellna sudizzjoni minnu qabel dħalna fis-sala ta’ Gateway u sirna nafuh lil hinn minn ismu miktub taħt il-poeżiji fil-Qawsalla li studjajna fis-sekondarja, lil hinn minn ismu mniżżel fuq il-qoxra ta’ L-Istramb, Il-Gidba, Fil-Parlament Ma Jikbrux Fjuri, jew tad-Dizzjunarju tat-Termini Letterarji. U saħansitra lil hinn minn ismu mniżżel fi tmiem is-sigla tat-teledramm It-Tfal Jiġu bil-Vapuri. Għax lil Prof. Friggieri konna diġà ltqajna miegħu f’dawn il-postijiet varji qabel ma dħalna l-Università.
Allura, bir-raġun, meta sirna studenti universitarji tal-Malti, stennejna lil xi ħadd kburi, imma dan l-aġġettiv ma joqgħodx ħdejn isem Prof. Friggieri, għax hu kien xempju tal-umiltà. Kien jemmen fl-istudenti tant li meta kien Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università, ra li l-Għaqda tal-Malti – Università tibda titmexxa mill-istudenti u ma tibqax titmexxa mill-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, sabiex verament tkun tal-istudenti.
Fost l-aktar kitbiet tiegħu li ġew ikkwotati f’dawn l-aħħar jiem min-nies li kienu jafuh u mill-qarrejja tiegħu, kien hemm il-poeżiji “Eh, Forsi,” “Mur Orqod, Binti” u “Jekk,” din tal-aħħar il-poeżija sinonima mal-istejġis tal-karozza tal-linja. Prof. Friggieri kellu l-ħila li jesprimi ħsibijiet profondi bi kliem sempliċi u b’mekkaniżmi letterarji wenniesa, forsi bil-għan, konxju jew inkonxju, li l-poeżija tiegħu tolqot anke lil min isibha diffiċli biex jifhimha, bħalma jgħid li tagħmel ommu f’“Poeżija lil Ommi,” meta jistaqsi x’inhu l-punt li jikteb il-poeżija jekk il-mara li tatu l-ħajja ma tifhimhiex.
Imma f’dawn l-aħħar jiem aktar minn qatt qabel, il-pajjiż waqaf, dar għall-kotba ta’ Friggieri u pprova jsib wens f’kitbietu meta tħabbret l-aħbar kerha ta’ mewtu. Kliemu ħa diversi xeħtiet – xeħta riflessiva, ta’ protesta, ta’ ribelljoni, ta’ konformità, ta’ ribelljoni konformista, ta’ umiltà, ta’ niket u l-bqija. Il-poetika tiegħu nbidlet tul is-snin, u ta tant kontribut, f’kull qasam tal-letteratura Maltija, li minkejja li hu ħalliena, għadu preżenti magħna, u hekk jibqa’, ġaladarba nibqgħu naqraw kitbietu u napprezzaw il-legat li ħallielna.
Saħħiet, Prof. Friggieri, u grazzi.