B’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministeru għall-Edukazzjoni (19/07/2021) fejn tħabbar l-estensjoni tal-ħinijiet ta’ Child Care Services f’sitt lokalitajiet, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni Bikrija u Primarja jinnota l-isforz tal-gvern sabiex il-mara jkollha għajnuna sabiex tikseb awtonomija. Għalhekk huwa ta’ dispjaċir li d-diskors dwar Child Care Centres dejjem jiffoka b’mod limitat fuq l-aspett ekonomiku għall-pajjiż u l-ħolqien ta’ xogħol aktar milli fuq id-dritt tat-tfal li jkollhom edukazzjoni ta’ kwalità għolja minn ċkunithom u l-iżvilupp ħolistiku tagħhom jew fuq il-benesseri tal-membri kollha tal-familja.
Bħala Dipartiment nifhmu u napprezzaw l-isforzi tal-gvern sabiex jgħin lin-nisa jkomplu jistudjaw, ikunu finanzjarjament awtonomi, u jagħtu kontribut lis-soċjetà. Dan għaliex kull mara, ġejja minn liema kuntest soċjali u edukattiv hi ġejja, tagħti kontribut attiv lis-soċjetà. Madanakollu, sabiex dan tassew iseħħ, u ċ-Child Care Centres ma jkunux biss eżerċizzju li jżidu n-numru ta’ nisa fis-suq tax-xogħol, jeħtieġ li jkun hemm kampanja ta’ koresponsabiltà tal-ġenituri fit-trobbija tat-tfal.
Nemmnu li emfasi fuq id-diskors ekonomiku u fuq il-ħtieġa li n-nisa jikkontribwixxu għall-ġid ekonomiku tal-pajjiż iwassal biex jillimita l-istess potenzjal tal-mara, tal-ġenituri, imma wisq aktar tat-tfal. Kwalunkwe diskors dwar Child Care jrid isir fi sfond tal-ġid li l-partijiet kollha jistgħu jieħdu. Għaldaqstant, filwaqt li nemmnu li għandu jkun hemm servizzi ta’ Child Care sabiex iż-żewġ ġenituri jkollhom il-possibiltà li jikkordinaw l-impenji tagħhom u r-responsabiltajiet tagħhom lejn it-tfal, nemmnu wkoll li d-diskors irid ikun ibbilanċjat mill-attenzjoni lejn il-ħtiġijiet tat-tfal. Fost l-oħrajn, għandu jkun stabilit il-ħin massimu li t-tfal jistgħu jqattgħu f’kuntest ta’ Child Care. Fl-istess waqt, f’ebda mument ma għandu d-diskors predominanti dwar iċ-Child Care Centres iwassal lil dawk il-ġenituri li għamlu l-għażla li ma jagħmlux użu minn dan is-servizz iħossu li qed jonqsu lil uliedhom.
Jeħtieġ li jkun hemm sforz aktar qawwi sabiex tkun assigurata kwalità għolja fis-servizz ta’ Child Care Centres. Biex nassiguraw li t-tfal tassew jibbenefikaw miċ-Child Cares, jeħtieġ li l-niffukaw fuq servizzi ta’ kwalità iktar milli ta’ kwantità. Hemm bżonn assigurazzjonijiet fuq il-kwalità fl-istruttura ta’ kull ċentru; Child Carers b’livell għoli ta’ taħriġ; gruppi żgħar ta’ tfal, u numru ta’ adulti adegwat; programmi li jirrispettaw lit-tfal u li huma adattati għall-età tagħhom. Dan ma jistax iseħħ jekk ir-raġunijiet wara l-għoti ta’ dawn is-servizzi jkun prinċipalment ta’ child mindingjew biex il-ġenitur joħroġ jaħdem.
Hemm ħtieġa urġenti li l-istandards taċ-Ċentri u tal-ħaddiema f’dan il-qasam ikunu mibnija fuq prinċipji bbażati fuq riċerka u li dawn ikunu ppublikati. Daqstant ieħor hemm ħtieġa li ċ-Child Carers ikunu mogħtija l-għodda, l-għarfien u l-ħiliet neċessarji biex jgħinu lit-tfal jiksbu l-potenzjal kollu tagħhom. Għandu jsir sforz biex il-livell minimu ta’ kwalifiki mitlub minn Child Carers, jogħla. Għalkemm ma naqblux mal-livell minimu li l-Liġi dwar il-Professjonijiet tat-Tagħlim u l-Professjonijiet Imnisslin Minnhom (Teaching and Allied Professions Act) tistabbilixxi għall-Early Childhood Educators, għax jidhrilna li huwa wisq baxx u jkompli jifframmenta l-professjoni, inħeġġu lill-Ministru sabiex ma ddumx ma toħroġ l-avviż legali li jġib fis-seħħ il-Liġi li ġa ilha kważi sentejn minn mindu ġiet approvata mill-Parlament.
Ir-riċerka turi li l-ewwel ħames snin huma kruċjali fl-iżvilupp tat-tfal. Huwa perjodu fejn il-moħħ ikun għadu qed jifforma, għalhekk, skont l-esperjenzi li jingħataw li t-tfal, jinfetħulhom jew jingħalqulhom bibien għal għomorhom kollu. Hemm bżonn immedjat ta’ pjan strateġiku fuq il-professjonaliżżazzjoni tal-edukaturi tat-tfulija bikrija. Ir-riċerka dwar it-trobbija u l-edukazzjoni tat-tfal f’età bikrija hi kumplessa u mhux dejjem ċar l-effetti li s-servizzi ta’ Child Care jista’ jkollhom fuq l-iżvilupp konjittiv, lingwistiku u affettiv tat-tfal. F’dan ir-rigward teħtieġ riċerka fil-kuntest Malti li tixħet dawl fuq l-impatt tas-servizzi ta’ Child Care u Kinder fuq l-iżvilupp ħolistiku tat-tfal, fuq ir-relazzjonijiet tat-tfal mal-ġenituri u fuq is-saħħa mentali u affettiva tal-missier u l-omm. Hija r-riċerka li għandha tnebbaħ u tmexxi l-politika f’dan il-qasam għall-akbar ġid tal-persuni kollha involuti. Il-bżonnijiet tat-tfal ma jistgħux jistennew.