Avveniment: Minn ta’ min int? Analiżi Lingwistika tal-Laqam Personali
Data: 17 Diċembru 2019
Ħin: 18:00
Post: Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta
Abigail Deguara se titkellem dwar il-laqmijiet ta’ individwi u familji Maltin. Dawn it-"tikketti" għal xi wħud huma ħelwin u għal oħrajn imbarazzanti, imma lkoll ifakkru fi ħsibijiet antiki li baqgħu jintirtu minn ġenerazzjoni għal oħra bil-fomm. Ħafna studjużi Maltin isemmuhom fix-xogħlijiet tagħhom, però ftit li xejn jiffukaw fuq aspetti formali bħal kif jinbnew u x’tip ta’ struttura jista’ jkollhom.
Għal din ir-raġuni, l-istudju li għamlet Abigail Deguara għat-teżi tagħha tal-Baċellerat iħares lejn numru ta’ laqmijiet minn perspettiva lingwistika, janalizza l-binja tagħhom u jikklassifikahom skont għadd ta’ kriterji. Għalhekk it-taħdita mhux biss se tagħti informazzjoni ġenerali dwar il-laqmijiet personali imma se tiffoka wkoll fuq l-elementi varji li jsawruhom.
Iktar informazzjoni fuq il-kelliem
Abigail Deguara, għandha 21 sena u toqgħod il-Mosta. Tħobb iżżomm ruħha impenjata matul il-ġurnata u għandha għal qalbha l-ivvjaġġar u t-tagħlim. Ftit tal-jiem ilu ggradwat bil-Baċellerat fl-Arti bl-Unuri fil-Malti u issa tinsab eċitata sabiex tara fejn se jwassalha l-vjaġġ tal-Masters fit-Tagħlim.
Din it-taħdita hija parti mill-programm tal-proġett fuq It-Tradizzjoni Orali. Dan huwa proġett immexxi mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti, bl-għajnuna tal-Fondi ta' Riċerka tal-Università ta' Malta u l-Klabb Kotba Maltin.