Venue: Librerija tal-Fakulta' tal-Arti, L-Università ta' Malta, Tal-Qroqq
Nhar it-Tlieta 28 ta’ Jannar 2020, fis-6.00pm, Dr Anna Borg Cardona se tagħmel taħdita pubblika dwar “Strumenti Marbutin ma’ Ritwali u t-Tkeċċija tal-Ħażen” fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq.
Din it-taħdita hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fond ta’ Riċerka tal-Università u l-Klabb Kotba Maltin.
L-istrumenti mużikali bikrin ma nħolqux għat-ton sabiħ tagħhom, jew għall-pjaċir, iżda kienu hemm għax kellhom funzjoni x’jaqdu.
Fit-taħdita tagħha, Dr Anna Borg Cardona se titkellem fuq strumenti bażiċi li jmorru lura sew fiż-żmien, u li għandhom l-ikbar rabta ma’ ritwali u mat-tkeċċija tal-ħażen. Dawn ir-ritwali spiss insibuhom marbutin mal-biżgħat li kellu l-bniedem fl-għajxien ta’ kuljum u fl-eżistenza tiegħu. Għaldaqstant, huma assoċjati mal-ħajja agrikola, mal-istaġuni, u maċ-ċiklu tal-ħajja tal-bniedem u tal-bhejjem tiegħu.
It-taħdita se turi kif il-familja, l-art u l-bhejjem kienu jitqiesu l-aktar għeżież għall-bniedem u għalhekk kienu l-iżjed li jeħtieġu dik il-protezzjoni li tbegħidhom mill-għawġ, mill-għajn, u minn kull tip ta’ periklu u ħażen.
Iktar fuq il-kelliema
Dr Anna Borg Cardona kisbet Baċellerat fl-Arti fl-Ingliż u l-Franciż mill-Università ta’ Malta, u diplomi fid-daqq u t-tagħlim tal-mużika minn Trinity College ta’ Londra, Fellowship mil-London College of Music, u Ph.D fil-mużika mill-Università ta’ Southampton.
Dr Borg Cardona, tgħallem part-time fl-Institute of Maltese Studies tal-Università ta’ Malta. Minbarra li ppubblikat diversi artikli f’ġurnali u rivisti Maltin u barranin, kitbet tliet kotba fuq il-mużika u l-istrumenti ta’ Malta. Artikli tagħha dehru f’The Grove Dictionary of Musical Instruments.
Anna Borg Cardona waqqfet il-grupp Ġukulari Ensemble b’repertorju ta’ mużika ta’ Malta irriċerkata minnha u d-daqq ta’ strumenti Maltin. Kienet il-kuratriċi tal-wirja mtellgħa fl-2019 mill-Fondazzjoni Patrimonju Malti, Music in Malta from Prehistory to Vinyl.
Dan l-artiklu jista' jinqara ukoll bl-Ingliż.