Il-letteratura u s-snin tmenin

Il-letteratura u s-snin tmenin

Il-letteratura u s-snin tmenin

Share Button

Hemm min jgħid li konna viċin gwerra ċivili, hemm min ma jaqbilx. Li hu żgur hu li fil-letteratura, is-snin tmenin ħallew impatt b’diversi modi; mhux biss fin-narrattiva li nkitbet dakinhar, imma wkoll l-epoka bħala sfond ta’ plott jew ispirazzjoni għall-awturi kollha li sabu refuġju fiha biex jesprimu l-arti tagħhom. Kliem ta’ Emanuel Psaila.

Emanuel Psaila

L-aspett soċjali għandu importanza kbira u l-medda taż-żmien hija vitali biex nifhmu dak li ġara fit-tmeninijiet, nifhmu għaliex seħħ, x’ġiegħel lill-poplu Malti jirreaġixxi b’dak il-mod, u x’sehem kellha l-letteratura f’dan kollu. Fuq kollox: kien ir-riżultat pervers tal-elezzjoni ġenerali tal-1982 li qanqal dan kollu? Jew l-għeruq kienu ilhom ġejjin mis-sittinijiet u saħansitra mit-tletinijiet?

Kienet ħaġa naturali li fit-teżi tiegħi Is-snin tmenin u l-prożaturi Maltin (iggwidat minn Dr Adrian Grima) inwaħħad flimkien żewġ affarijiet li nħobb: il-politika u l-letteratura. Apparti minn dan, fis-snin tmenin kont żagħżugħ militanti fi ħdan grupp politiku. Biss it-teżi għenitni nifhem perspettivi oħra, nara affarijiet li sa ftit snin qabel ma kontx nifhimhom, kif ukoll li nfittex it-tekniki u l-għodod tal-letteratura li titkellem fuq dan iż-żmien.

Il-letteratura li dejjem ippruvat tqanqal ħsibijiet ta’ kuxjenza ċivili u soċjali kienet tappartjeni lill-esponenti xellugin u fit-tletinijiet bdejna naraw kitbiet minn dawk li ftit snin qabel kienu xxierku fil-Partit Laburista Malti (hemm bosta biex issemmihom kollha). Dawn kienu jafu x’ġara u x’qed jiġri f’pajjiżi oħra, bħal Franza, l-Ingilterra, il-Ġermanja, u l-Istati Uniti, u għalhekk użaw il-letteratura biex imexxu ’l quddiem l-ideoloġija tagħhom. Użaw stili u ġeneri differenti, imma l-għan ewlieni kien li jnisslu kuxjenza soċjali, biex jgħinu lill-batut, jedukaw, u jgħallmu.

Lejn l-aħħar tas-sebgħinijiet u l-bidu tat-tmeninijiet din l-istrateġija fil-letteratura ntużat minn kamp ieħor differenti u rajna esponenti tal-lemin jiktbu letteratura diretta b’għan li tikxef il-qagħda politika reali tal-epoka. Trevor Żahra kien minn ta’ quddiem nett. Il-kotba tiegħu Trid Kukkarda Ħamra f’Ġieħ il-Biża’ u It-Tmien Kontinent huma novelli li jattakkaw b’ironija diretta u b’sarkażmu qawwi lill-gvern tal-ġurnata. Żahra wkoll daħħal element qawwi ta’ politika fi ktieb għat-tfal Qrempuċu f’Belt il-Ġobon fejn mhux faċli ssib il-parodija midfuna taħt parodija oħra. Biss meta l-qarrejja jindunaw biha, l-ironija tant tkun qawwija li ssir drammatika.

Ktieb li kien fuq fomm kulħadd fit-tmeninijiet huwa r-rumanz Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri (1986) ta’ Oliver Friggieri. Huwa rumanz filosofiku ħafna u ftit kien hemm min fehmu, biss nofs Malta xtrat ir-rumanz u n-nofs l-ieħor warrbitu. Dan ir-rumanz intuża bħala propaganda mill-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-1987. It-tnedija tiegħu f’lukanda prominenti kienet qisha manifestazzjoni u saħansitra nqaleb bħala dramm u ntwera għal ġimgħa wara ġimgħa. Madanakollu l-istrateġija rnexxiet u l-letteratura kienet strumentali biex issir bidla.

Apparti l-letteratura tas-snin tmenin, dan iż-żmien sar sfida biex tinkiteb narrattiva dwaru. Wieħed minn tal-bidu li uża dan l-isfond kien Immanuel Mifsud. L-Istejjer Strambi ta’ Sara Sue Sammut huwa kollu mpoġġi f’dan il-kuntest. L-ironija, is-sarkażmu, u ċ-ċiniżmu jinħassu sew u għalkemm inisslu tbissima fuq fomm il-qarrejja, iħallu stampa reali.

Clare Azzopardi ilha tesperimenta fuq is-snin tmenin u ktieb wara ktieb qed iżżid id-doża tagħha. Id-dramm tagħha L-Interdett Taħt is-Sodda jitkellem dwar il-kwistjoni politika reliġjuża tas-snin sittin u minn hemm naraw kemm Azzopardi qed tnawwar fil-fond fuq żminijiet li kienu nieqsa mil-letteratura tal-epoka. Fin-novella Linja Ħadra, li hija parti minn ġabra li ġġib l-istess isem, hemm l-ewwel mistoqsijiet u l-isfond huwa l-istrajk tal-għalliema f’nofs is-snin tmenin. Id-doża politika, għalkemm sottili, żdiedet f’ġabra oħra ta’ novelli – Kulħadd Ħalla Isem Warajh – fejn isem Dom Mintoff, personaġġ li jiddomina t-tmeninijiet, jinsab minqux f’kull novella taħt l-akronomu PDM. Jidher li Azzopardi qed tipprova tgħix il-memorja tas-snin tmenin permezz tal-letteratura. L-aħħar rumanz tagħha, Castillo, jitkellem b’mod ċar fuq it-tmeninijiet, dwar il-bombi li kienu jsiru, dwar ir-rwol tal-pulizija u dwar r-relazzjonijiet li kellu l-Gvern Malti ta’ dak iż-żmien, speċjalment ma’ Gaddafi.

Pierre J. Mejlak isemmi t-tmeninijiet mil-lenti ta’ tifel żgħir li trabba fil-Każin Nazzjonalista tal-Qala, Għawdex. F’Qed Nistenniek Nieżla Max-Xita hemm xi novelli b’laqta awtobijografika li fihom nistgħu nħossu t-tensjoni tal-elezzjoni ġenerali tal-1987 kif ukoll iċ-ċelebrazzjonijiet mar-rebħa tal-Partit Nazzjonalista.

Ġużè Stagno fix-xogħlijiet tiegħu jdaħħal battuti ta’ persuna li għexet Marsaxlokk u jitfa’ botti bħall- kwistjoni tat-televixin tal-kulur li kien novità għal dak iż-żmien.

Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi ta’ Alex Vella Gera għandu l-plott ibbażat proprjament fuq kumplott ta’ qtil tal-Prim Ministru Dom Mintoff u miktub b’mod miftuħ, tant li n-narratur u l-protagonist huwa Nazzjonalist kbir.

Hemm ukoll kittieba oħra li jużaw dawn is-snin bħala sfond biex jibnu l-plott u rumanz li l-ftuħ tiegħu huwa bbażat fuq din l-epoka huwa Xandru Miżżewweġ u Gay ta’ Javier Vella Sammut.

Kull deċenju fih tiegħu, u kollha xi ftit jew wisq għenu fl-iżvilupp tal-letteratura. Inħoss li fit-tletinijiiet ippruvajna nersqu lejn dak li kien qed jiġri barra minn Malta, imma l-gwerra tellfet l-iżvilupp ta’ kollox u kellna nistennew sal-ħamsinijiet biex bdejna naraw xi ħaġa żgħira. Fis-sittinijiet il-Moviment Qawmien Letterarju, għalkemm kien progressiv u kien hemm bżonnu, żamm lura milli jitkellem dwar l-attwalità speċjalment dwar il-kwistjoni politika reliġjuża. Biss is-snin sebgħin u tmenin reġgħu xprunaw lill-kittieba biex jiktbu fuq il-fattwalità u ma jibqgħux iktar passivi.

Is-snin tmenin, bit-tajjeb u l-ħażin tagħhom, u bit-turbulenza tagħhom, għenu ħafna fl-iżvilupp tal-letteratura Maltija u għalkemm għaddew tliet deċenji, kienu u ser jibqgħu jiġu mfittxija minn kittieba biex fuqhom isawru x-xogħlijiet tagħhom.  

Share Button
, , , , , , , , ,