Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/1128
Title: Studju lessikali dwar iż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa
Authors: Debono, Karl
Keywords: Language and languages -- Religious aspects
Maltese language -- Religious aspects
Feasts, Religious -- Malta
Linguistics -- Malta
Holy Week -- Malta
Issue Date: 2014
Abstract: Fl-għażla tat-tema tal-istudju tiegħi, dejjem żammejt f’moħħi li waqt li nagħti kontribut lill-ilsien Malti, inkun qed naħdem fuq xi ħaġa li hi għal qalbi ħafna. Għalhekk għażilt li nagħmel glossarju fuq il-festi marbutin maż-Żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa. Minħabba li jien dilettant tal-Ġimgħa l-Kbira, u nerfa’ kemm f’raħal twelidi, il-Mosta, u kemm fi rħula oħra, ġejt f’kuntatt ma’ diversi varjazzjonjiet għall-istess oġġetti marbutin ma’ dan iż-żmien. Kienet propju din ir-raġuni li wasslitni li nagħmel studju lessikali dwar dan il-qasam. Dan l-istudju huwa maqsum fi tnejn: il-ġbir tat-termini marbuta ma’ dan il-qasam, kif ukoll esperiment b’ħamsin terminu ma’ numru ta’ reffiegħa mill-Mosta, mir-Rabat u mill-Birgu. Il-glossarju tal-festi marbutin maż-Żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa jilqa’ fih madwar mitejn terminu, li huma mqassmin fi tmien taqsimiet differenti, kif inhu spjegat aktar fid-dettall f’kapitlu erbgħa. Kull terminu jinkludi d-definizzjoni tal-kelma li jagħti Erin Serracino Inglott fil-Miklem Malti u Joseph Aquilina fid-dizzjunarju Maltese-English Dictionary, id-definizzjoni tiegħi fil-każ li ma jagħtiha l-ebda dizzjunarju jew meta d-definizzjoni li nsib ma jkollhiex x’taqsam mas-suġġett, u s-sors minn fejn sibt il-kelma. L-informanti li ħadu sehem f’dan l-esperiment huma mill-Mosta, mir-Rabat u mill-Birgu. Għażilt il-lokalità tal-Mosta għax waqt li għandi għarfien tajjeb ta’ xi jsir fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ dan il-post, kien faċli għalija biex insib il-parteċipanti. Ir-Rabat hija l-lokalità minn fejn ħarġet l-ewwel purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, u għalhekk inkludejtha fl-istħarriġ. Minħabba li r-Rabat u l-Mosta, it-tnejn li huma, ġeografikament jinsabu fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, għażilt il-Birgu biex ikolli ċans aktar insib varjazzjonjiet relatati mal-varjabbli tal-ġeografija, kif fil-fatt ġara. L-etajiet tal-informanti kienu bejn tmintax u ħamsa u għoxrin sena u minn ħamsa u tletin sena ’il fuq, biex toħroġ aktar id-differenza bejn il-ġenerazzjonijiet. Din it-teżina hija maqsuma f’erba’ kapitli. L-ewwel kapitlu jittratta l-isfond ta’ kif bdiet il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’Malta sal-lum, il-preparamenti li jsiru għall-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tal-Mosta, il-purċissjonjiet ta’ Kristu Rxoxt, il-mużika li tindaqq f’dawn iż-żminijiet, kif ukoll jiddiskuti l-funzjonjiet, l-ikel u t-tradizzjonijiet ta’ żmien ir-Randan. B’mod speċjali f’dan il-kapitlu, użajt diversi termini speċifiċi marbutin ma’ dan il-qasam, li mbagħad ġbarthom fir-reġistru f’kapitlu erbgħa. It-tieni kapitlu jagħti ħarsa lejn temi soċjolingwistiċi u huwa maqsum f’sitt taqsimiet. Fost l-oħrajn din is-sezzjoni tinvolvi tagħrif dwar x’inhi s-soċjolingwistika u l-varjabbli soċjolingwistiċi li jinfluwenzaw il-lingwa tal-kelliem, bħall-età u l-ġeografija. Dan il-kapitlu jgħin lill-qarrej biex jinterpreta aħjar ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ. It-tielet kapitlu jitkellem fost oħrajn dwar il-metodu ta’ kif inkisbet l-informazzjoni tal-istħarriġ, l-għażla tal-istampi u l-mistoqsijiet, l-għażla tal-informanti u l-istudju pilota li ħejjejt qabel l-istħarriġ propju. Imbagħad it-tieni parti tal-kapitlu tinkludi l-analiżi u d-diskussjoni tar-riżultati li ħarġu mill-esperiment. Ir-raba’ kapitlu jitkellem dwar x’inhu reġistru lingwistiku u għalfejn huwa bżonjuż. Insibu wkoll il-glossarju, flimkien ma’ xi stampi magħżula biex jgħinu aktar lill-qarrejja jidentifikaw l-oġġetti msemmija fir-reġistru. Fl-aħħar tal-kapitlu, insibu wkoll il-glossarju mqiegħed f’ordni alfabetika. Fl-aħħar ta’ dan l-istudju wieħed isib l-appendiċi li huwa mqassam fi tliet sezzjonijiet. ‘Appendiċi 1’ fih l-istampi u l-mistoqsijiet li wrejt lill-informanti. ‘Appendiċi 2’ jinkludi kopja tal-formola ta’ aċċettazzjoni li l-informanti mlew biex jipparteċipaw f’dan l-esperiment. Fl-aħħar nett, f’‘Appendiċi 3’, hemm tabella bl-analiżi għal kull stampa u mistoqsija użata fl-esperiment.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/1128
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2014

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
14BAMAL016.pdf
  Restricted Access
14BAMAL0165.58 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.