Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/13396
Title: Funzjonijiet soċjali tal-vers popolari Malti : is-seħta u l-iskunġrar
Authors: Schembri Fava, Yanika
Keywords: Folk songs, Maltese
Oral tradition -- Malta
Superstition -- Malta
Issue Date: 2016
Abstract: L-ewwel parti tat-tieni kapitlu tistħarreġ il-kuntest kulturali tal-versi maġiċi minn żmien l-Inkwiżizzjoni Rumana sal-ġurnata tal-lum. Għall-kuntrarju ta’ dak li argumenta Cassar Pullicino, f’din it-taqsima se jidher li f’mumenti ta’ biża’, rabja u kull xorta ta’ emozzjoni oħra qawwija li ħass il-popolin, l-iskunġrar u s-seħta, ir-reliġjon u l-figuri pagana jiksbu intensità ugwali. Wieħed jista’ jasserixxi li proprju għalhekk il-popolin ħass il-bżonn li joħloq versi ta’ protezzjoni għall-istess seħta li kienet titnissel minnu, bħala ġemgħa li taf li ġewwa qalbha m’għandhiex biss intenzjonijiet tajba, jew bħala individwu li mill-intenzjonijiet ġieli ħżiena tiegħu ħass li f’moħħ ħaddieħor hemm ukoll l-istess xewqat. F’dan il-kuntest ġenerali wieħed jista’ jifhem għaliex uħud mill-versi maġiċi ġew ittrattati b’mod delikat mill-istudjużi f’dan il-qasam, kif jaċċenna Patri Manuel Magri meta jispjega kemm huwa diffiċli li wieħed jikseb dawn il-formoli minħabba s-sensittività superstizzjuża li tiċċirkondahom (10). It-tieni parti ta’ dan il-kapitlu tistħarreġ il-fiduċja popolari fit-tleħħin maġiku tal-versi tal-iskunġrar, sentiment li jintiseġ sfiq max-xejriet primittivi tagħhom u mal-intuwizzjoni kollettiva li fihom hemm maħżuna l-qawwa sopranaturali tal-ilħna tal-antenati li qed jitkellmu mill-ġdid. L-aħħar parti ta’ dan il-kapitlu tiffoka fuq is-superstizzjoni li titqawwa minħabba xi rabta mal-lejl. Il-lejl kien, u f’xi każijiet għadu, iġib miegħu ħsibijiet dwar l-inċertezza tal-ħajja, u tħassib dwar kif u meta se tasal il-mewt. Biex il-bniedem itaffi din il-biża’, u speċifikament biex isalva mill-mewt il-ħażina, jinqeda b’varjazzjonijiet ta’ formoli spiritwali vversifikati. It-tielet kapitlu javviċina s-suġġett miż-żewġ naħat imsemmijin fuq: kemm mit-teorija tal-maġija li għandha element letterarju fiha, kif ukoll minn sorsi li huma u jitkellmu fuq il-letteratura jagħrfu fiha funzjoni maġika. L-ewwel taqsima se tiffoka fuq il-maġija intrinsika tal-kelma poetika permezz ta’ eżempji ta’ formoli minn ġabbara Maltin diversi, kif ukoll minn versi li nstabu matul din ir-riċerka. L-aħħar taqsima se tiffoka fuq l-aspett inkantatorju intrinsiku ta’ xejriet letterarji qodma. Dan għaliex, kif jargumenta Patrick Dunn, hemm korrelazzjoni antika bejn is-seħer u l-funzjonijiet letterarji ta’ għodod figurattivi u akustiċi bħall-metafora u l-alliterazzjoni (59). Finalment, ir-raba’ kapitlu jistħarreġ ir-relazzjoni bejn l-element sagru u dak vulgari fil-formoli maġiċi. Ħafna drabi l-popolin, minħabba ċirkustanzi ta’ biża’ jew tensjoni li jiltaqa’ magħhom, iħoss li għandu jgħaqqad dawn l-elementi flimkien, biex il-qawwa maġika li jkun qiegħed jevoka tinkiseb mid-dimensjoni reliġjuża u minn dik okkulta fl-istess waqt, bir-riżultat ta’ effett minnufih. L-ewwel taqsima ta’ dan il-kapitlu se tiffoka fuq l-evokazzjoni tal-qaddisin: l-ewwel sors sagru tentattiv li l-popolin idur għalih f’mumenti diffiċli f’ħajtu. Dan se jiġi segwit minn taqsima oħra li tittratta l-element intimu u vulgari, fid-dawl ta’ dak li josserva Mikhail Mikhailovic Bakhtin meta josserva l-qrubija tal-kliem u l-espressjonijiet vulgari fil-letteratura lejn in-natura umana (383). B’hekk il-popolin, f’mumenti intimi jew intensi fost oħrajn, ħassu aktar sodisfatt b’formoli li jesprimu b’mod vulgari, anki kultant oxxen, dak li kien qiegħed iġarrab f’għamla ta’ xewqat jew biżgħa qawwija.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/13396
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2016
Dissertations - FacArtMal - 2016

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
16BAMAL024.pdf
  Restricted Access
3.29 MBAdobe PDFView/Open Request a copy
VTS_01_1 (1).VOB
  Restricted Access
1.05 GBUnknownView/Open Request a copy
VTS_01_2 (1).VOB
  Restricted Access
1.05 GBUnknownView/Open Request a copy
VTS_01_3 (1).VOB
  Restricted Access
683.11 MBUnknownView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.