Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/13419
Title: Il-bizzilla Maltija : is-sengħa u t-terminoloġija tagħha
Authors: Falzon, Nicole
Keywords: Lace and lace making -- Malta
Maltese language -- Lexicology
Lace and lace making -- Malta -- History
Lace and lace making -- Malta -- Terminology
Issue Date: 2016
Abstract: Fl-ewwel kapitlu ttrattajt xi xogħlijiet, kemm teżijiet u anke kotba, dwar is-sengħa tal-bizzilla li kienu ta’ għajnuna jew riferiment biex nibni t-teżi tiegħi. Għalkemm mhux il-kotba kollha kien fihom materjal daqshekk utli, iffukajt l-aktar fuq dawk li għamilt użu minnhom u li deherli li kienu importanti għas-suġġett. Kull ktieb jittratta l-bizzilla minn aspetti varji u għalhekk tajt ħarsa lejn il-qofol tiegħu u l-elementi li jsawru s-suġġett li jitkellem dwaru l-awtur. F’xi każijiet urejt ukoll x’għandu komuni ktieb ma’ ieħor u kif xi aspetti jiddistingwuh minn oħrajn, fosthom il-mod kif ġie mfassal u miktub. L-interess ta’ kull pubblikazzjoni msemmija jvarja u xi xogħlijiet huma iktar tekniċi u jolqtu l-aktar lil min jaħdem il-bizzilla, fosthom dawk li jagħfsu fuq l-għodod, il-proċessi u d-disinni. Oħrajn iservu biss ta’ informazzjoni ġenerali lill-qarrejja komuni li jinteressahom li jitgħallmu aktar fuq kif żviluppat din is-sengħa tul is-snin. Dan jidher b’aktar reqqa fit-tieni kapitlu, li jittratta l-istorja tal-bizzilla miż-żmien li ġiet skoperta għall-ewwel darba f’Ġenova sa meta laħqet il-qofol tagħha mis-seklu 19 ʼil quddiem, u x’wassal għall-qagħda preżenti tas-sengħa tal-bizzilla. Tul dan ir-rakkont inkludejt kemm il-mumenti sbieħ kif ukoll dawk kajmana tagħha, għax kull perjodu u ħakma tal-pajjiż kellhom riperkussjonijiet differenti. Enfasizzajt ukoll il-mod li bih il-bizzilla ġiet introdotta Għawdex bl-elementi kollha tagħha, li jiddistingwuha minn dik ta’ Malta, u min kienu l-pijunieri li taw dak kollu li setgħu biex din l-industrija tkun ta’ suċċess, ewlieni fosthom Dun Ġuzepp Diacono. Tul ir-riċerka kollha li għamilt fuq l-istudji li saru fuq l-istorja tal-bizzilla għaraft kemm hija sengħa b’mgħoddi għani li, għalkemm għadha tinħadem minn xi wħud, sfortunatament il-ġejjieni tagħha hu inċert, speċjalment meta tħares lejha bil-lenti żagħżugħa. Fit-tielet kapitlu tajt ħarsa mill-qrib lejn dak kollu li jsawwar il-produzzjoni tal-bizzilla. Bdejt b’deskrizzjoni fuq l-għodod prinċipali li jintużaw, bil-funzjonijiet kollha tagħhom u x’użu baqgħalhom illum il-ġurnata. Tajt ukoll ħarsa lejn il-varjetà ta’ proċessi li jintużaw biex tinħadem il-bizzilla, ibda minn kif għandek tagħmel użu tajjeb tal-idejn sa kif tqassar u ttawwal il-ħajt, fost oħrajn. Ħafna minn dawn il-linji gwida jintwerew b’mod iżjed ċar fil-klips li inkludejt fl-aħħar fuq is-CD. Fl-aħħar sezzjoni ta’ dan il-kapitlu inkludejt ukoll xi informazzjoni fuq il-ponti li jistgħu jinħadmu fil-bizzilla biex joħolqu disinn sħiħ u daħħalt skeċċ għal kull wieħed bħala referenza. Biex jissawwar xogħol ta’ dan it-tip, kien importanti li jkolli viżjoni ċara u li nifhem dak li qed nikteb, u għalhekk il-metodoloġija deskritta fir-raba’ kapitlu kienet parti essenzjali. Tajt spjegazzjoni sħiħa mill-iċken idea li kelli fuq il-bizzilla u l-għażliet li għamilt biex fassalt dan ix-xogħol. Attendejt bosta avvenimenti u laqgħat biex tgħallimt dak kollu li kien relevanti u mistħoqq biex nidħol aktar fid-dinja ta’ sengħa bħal din. Nista’ ngħid li dawn l-aħħar sentejn ta’ studju tiegħi kienu esperjenza ġdida u affaxxinanti, kemm mil-lat lingwistiku kif ukoll mil-lat ta’ kontenut kulturali, u dan inħoss li għandha tixhdu t-tifsila ta’ din it-teżi. L-oġġettiv tal-ħames kapitlu hu ġabra sħiħa tal-kliem użat fix-xogħol tal-bizzilla, fosthom nomi, aġġettivi, verbi u anke xi frażijiet komposti. Fl-ewwel parti tal-kapitlu tkellimt fuq kif inhu mqassam, bi spjegazzjoni individwali ta’ kull kolonna li hemm fit-tabella eżatt wara, bit-termini kollha miġbura. Biex ninterpreta aħjar għal xiex qed jirreferi l-kliem, fejn kien meħtieġ inkludejt ukoll sensiela ta’ ritratti li ħadt tul iż-żmien tar-riċerka tiegħi.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/13419
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2016
Dissertations - FacArtMal - 2016

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
16BAMAL011.pdf
  Restricted Access
8.44 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.