Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/1485
Title: Bejn it-tiġrib personali u l-idjoma lirika : Marjanu Vella
Authors: Micallef, Maria
Keywords: Vella, Marianus, 1927-1988 -- Criticism and interpretation
Maltese poetry -- 20th century -- History and criticism
Maltese literature -- 20th century -- History and criticism
Issue Date: 2014
Abstract: Din it-teżi tikkonsisti fi studju dwar id-distanza estetika li tinsab bejn il-ħajja ta’ Marjanu Vella u l-poeżija tiegħu, jiġifieri bejn ir-realtà mġarrba u t-trasformazzjoni tagħha f’lingwaġġ liriku. Numru sostanzjali tax-xogħlijiet liriċi ta’ Vella jimmanifestaw xi ħjiel awtobijografiku, daqqa qawwi u daqqiet oħra iktar sottili. Fit-tieni każ, l-allużjoni awtobijorafika sseħħ b’mod aktar indirett, iżda daqstant insinwattiv, permezz tal-użu ta’ xi simboli ermetiċi li l-poeta ħaddem biex irendi l-ħajja ta’ kuljum f’figura jew oħra poetika. L-ewwel parti ta’ din it-teżi turi kif il-poeżija mhix maqtugħa mill-esperjenza spiritwali tal-poeta saċerdot, tant li hemm tkomplija evidenti bejn il-vokazzjoni reliġjuża tiegħu u l-versi daqstant iddominati minn xbihat u motifi sagri. Fi kliem ieħor, l-istess poeżija taqdi kemm funzjonijet bijografiċi kif ukoll dawk estetiċi. Kif se jintwera matul din it-taqsima tal-istudju, l-intertestwalità mar-rakkonti sagri tal-Bibbja u tal-ħajjiet tal-qaddisin (l-aġjografija) hija waħda mill-aktar għodod effettivi li bihom il-poeta jsawwar il-poeżija vokazzjonali tiegħu, li testendi s-sens reliġjuż sax-xbihat naturali li wkoll jiġu assoċjati mal-ispiritwalità affermata kontinwament bħala parti sostanzjali minn ħajjet il-poeta. Mill-banda l-oħra, it-tieni parti ta’ din it-teżi tittratta s-sofferenza li ġarrab il-poeta matul ħajtu, element ieħor bijografiku li ttrasformah f’lirika estetikament pjaċevoli. F’dan il-kapitlu, il-poeżija ta’ Vella se tidher qiegħda tkompli tenfasizza r-rabta bejn il-ħajja personali tal-poeta u l-lirika miktub minnu f’mument aktar sublimi. It-turment spiritwali li ġarrab il-poeta kemm bħala xkiel kif ukoll bħala t-triq inevitabbli lejn Alla ma ssarrafx f’dell ikrah biss fl-arti poetika tiegħu, imma wkoll f’poeżija lirikament elevata u rfinuta, li tiġbed l-għajn, il-widna, u l-istħajjil tal-qarrejja tiegħu. Madanakollu, wieħed għandu jqis ukoll li ħafna mill-mekkaniżmi letterarji jostru d-dettalji bijografiċi u fl-istess waqt li jesprimu tiġrib veru, jimmodifikawh ukoll f’simboli li mhux dejjem ikunu aċċessibbli b’mod immedjat. Minn hawn nibtet il-ħtieġa ta’ din ir-riċerka li tiffoka fuq id-distanza bejn l-avveniment veru f’ħajjet il-poeta u l-forma artistika ġdida li, bis-suġġerimenti u l-kuntrasti tagħha, tpoġġi dawn l-avvenimenti f’kompożizzjoni lirika. Għalhekk, il-poeta qed iħaddem għodod letterarji li fl-istess waqt ipinġi stampa bijografika u jżid magħha perspettiva, ton, burdata, jew attitudni li jinħolqu mad-diskors poetiku. Id-distanza estetika li biha din it-teżi setgħet timraħ iktar bejn ħajjet il-poeta u t-trasformazzjoni lirika tagħha tinvolvi ħafna tipi ta’ simboli, intertestwalità, kuntrasti ironiċi, reġistru ermetiku, u strateġiji letterarji oħra li flimkien ma joffrux dokument espliċitu dwar ħajjet il-poeta, iżda rispons artistiku għal dak li għadda minnu. Dan huwa l-prinċipju – kemm fis-sens ta’ bidu kif ukoll fis-sens ta’ argument fundamentali – li t-teżi telqet minnu. Huwa prinċipju li jispjega għaliex jeżistu separatament ir-rakkont ta’ ħajjet il-poeta u l-lirika li tippoetiċizzah.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/1485
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2014

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
14BAMAL023.pdf
  Restricted Access
14BAMAL0231.47 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.