Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/1487
Title: Tekniki umoristiċi fil-proverbju Malti
Authors: Hess, Luke
Keywords: Maltese language -- Idioms
Malta -- Social life and customs
Proverbs, Maltese
Issue Date: 2014
Abstract: “Il-komiku mhuwiex maqtugħ mill-umanità iżda huwa parti integrali minn dak kollu li hu uman” (Bergson 10). It-tekniki umoristiċi – bħall-grottesk, il-karikatura, l-ironija, is-sarkażmu, il-vulgarità u s-satira – kollha joħolqu daħka waqt li simultanjament jaljenaw lill-bniedem mill-emozzjonijiet l-oħra li jiġġeneraw; iżda “biex l-umoriżmu jinftiehem għandu jiġi osservat fl-ambjent naturali tiegħu li huwa s-soċjetà,” il-komunità li tkun qiegħda tiġi esposta għalih (Bergson 10). Il-proverbji, parti integrali mill-folkor, jesponu l-mentalità u l-għerf komuni ta’ poplu f’ħażna ta’ stqarrijiet magħrufa. Għalhekk, meta jinqdew bit-teknika umoristika, il-proverbji jkunu qegħdin japplikaw attitudni korrettiva u didattika, jekk mhux ukoll satirika u sarkastika, fuq drawwiet u karattri soċjali kumplessi li jeħtiġilhom jiġu ssemplifikati fi frażi konċiza li tnissel daħka biex ittaffi xi ftit il-verità li fl-istess waqt tkun qiegħda tinkixef. Mat-tifsira ta’ x’inhu l-komiku hija wkoll importanti d-definizzjoni ta’ x’inhu l-proverbju. L-ewwel tentattivi letterarji li saru biex jagħtu definizzjoni lill-proverbji seħħew fl-1823, fl-esej “Curiosities of Literature” ta’ Isaac D’Israeli. Fiha jistqarr li l-proverbji huma “veritajiet espliċiti moħbija [...] ħarsa profonda fil-ħajja kwotidjana,” u “jilluminaw il-manjieri tal-bniedem u l-ġenju kontemporanju” (Kif ikkwotat f’Obelkevich 63). “Huma wkoll sors indispensabbli ta’ x’jaħsbu u xi jħossu n-nies u jekk m’għadhomx jitqiesu bħala l-ornamenti ta’ konversazzjoni qatt mhu ser jieqfu jkunu t-teżori tal-ħsieb” (Obelkevich 63). Fl-esej “Proverbs and Social History,” J. Obelkevich jiddefinixxi l-proverbju b’iktar profondità. Skontu l-proverbju mhuwiex biss “stqarrija popolari u tradizzjonali li toffri xi tip ta’ għerf jew suġġeriment b’mod konċiż” (44), imma fihom hemm ukoll “internalizzati” n-normi soċjali li awtomatikament jiġu imponuti fuq is-soċjetà (47). Il-mekkaniżmi li bihom jitwassal il-kontenut proverbjali – bħall-umoriżmu u l-figurazzjoni – jikklassifikaw il-qwiel bħala strument pubbliku u popolari għax il-kontenut jew il-messaġġ ilissen emozzjonijiet varji – bħall-mistħija, il-ħtija, l-inġustizzja, id-daħk u s-simpatija – li l-bnedmin jaqsmu bejniethom (Obelkevich 47). Ngħidu aħna jekk inħarsu lejn vittma ta’ karikatura f’qawl partikolari, ninnutaw fil-proverbju mekkaniżmu ta’ stkerrih jew żuffjett li qiegħed jintuża biex irażżan il-vizzji ta’ dak il-karattru tipiku. Iżda d-daħka inizjali kontra l-vittma tal-karikatura eventwalment kapaċi tissarraf f’simpatija lejh jew, f’każijiet oħra, f’imbarazzament minħabba xi xebh bejnu u s-semmiegħ. Id-definizzjoni ta’ proverbju tinħass kemxejn iktar problematika fid-daħla tal-ktieb A Comparative Dictionary of Maltese Proverbs ta’ J. Aquilina. Għalih huwa diffiċli biex toħloq tifsira mingħajr ma tidħol fl-istrutturi sintattiċi tiegħu (xii). Skontu, il-ħila li nifhmu l-proverbji ġejja mill-perċezzjoni umana u mhux mill-ħila istruttiva li tipprova toħloq definizzjoni għal kull ħaġa (Aquilina xii). Bħall-istqarrijiet ta’ Obelkevich u D’Israeli, Aquilina wkoll jara l-proverbji bħala “l-muftieħ għall-mentalità u l-maskra psikoloġika li spiss jixħtu dawl fuq ħsibijiet abbandunati jew anki rikorrenti, kif ukoll superstizzjonijiet li bihom tiġi ffurmata stampa soċjali ta’ rġiel, nisa u tfal li flimkien jiffurmaw poplu jew nazzjon”
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/1487
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2014

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
14BAMAL022.pdf
  Restricted Access
14BAMAL022836.58 kBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.